RAPPORT dwar il-Bank Ċentrali Ewropew - rapport annwali 2021

15.12.2021 - (2021/2063(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Dimitrios Papadimoulis


Proċedura : 2021/2063(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Bank Ċentrali Ewropew - rapport annwali 2021

(2021/2063(INI))

 

 

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għas-sena 2020,

 wara li kkunsidra l-"Feedback on the input provided by the European Parliament as part of its resolution on the ECB Annual Report 2019" (Feedback dwar il-kontribut tal-Parlament Ewropew mogħti bħala parti mir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE għas-sena 2019) tal-BĊE,

 wara li kkunsidra r-Rieżami tal-Istrateġija tal-BĊE li ġie varat fit-23 ta' Jannar 2020 u li ġie konkluż fit-8 ta' Lulju 2021,

 wara li kkunsidra l-istrateġija ta' politika monetarja l-ġdida tal-BĊE ppubblikata fit-8 ta' Lulju 2021,

 wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni tal-BĊE u l-pjan direzzjonali tiegħu biex il-konsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima jkomplu jiġu inkorporati aktar fil-qafas ta' politika tiegħu, ippubblikati fit-8 ta' Lulju 2021,

 wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-BĊE, b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 15 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 123, 125, 127(1) u (2), 130 u 284(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra d-djalogi monetarji mal-President tal-BĊE, Christine Lagarde, tat-18 ta' Marzu, tal-21 ta' Ġunju, tas-27 ta' Settembru u tal-15 ta' Novembru 2021,

 wara li kkunsidra l-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-BĊE għaż-żona tal-euro ppubblikati fid-9 ta' Settembru 2021,

 wara li kkunsidra d-Dokumenti Okkażjonali tal-BĊE Nri 263 sa 280 ta' Settembru 2021 dwar ir-rieżami tal-istrateġija tal-politika monetarja,

 wara li kkunsidra s-"Survey on the Access to Finance of Enterprises (SAFE) in the euro area – October 2020 to March 2021" (Stħarriġ dwar l-Aċċess tal-Intrapriżi għall-Finanzjament (SAFE) fiż-żona tal-euro – Ottubru 2020 sa Marzu 2021) tal-BĊE, ippubblikat fl-1 ta' Ġunju 2021,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-BĊE dwar euro diġitali ppubblikat f'Ottubru 2020, ir-rapport tal-BĊE dwar il-konsultazzjoni pubblika dwar euro diġitali ppubblikat f'April 2021, u l-proġett ta' euro diġitali tal-BĊE li ġie varat fl-14 ta' Lulju 2021,

 wara li kkunsidra d-Dokument Okkażjonali Nru 201 tal-BĊE ta' Novembru 2017 bit-titolu "The use of cash by households in the euro area" (L-użu tal-flus kontanti mill-unitajiet domestiċi fiż-żona tal-euro),

 wara li kkunsidra t-test tal-istress klimatiku imwettaq mill-BĊE għall-ekonomija kollha ta' Settembru 2021,

 wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2021 ippubblikat fil-11 ta' Novembru 2021,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2021 bit-titolu "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna"[2],

 wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima,

 wara li kkunsidra r-rapporti speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar tisħin globali ta' 1.5 °C, dwar it-tibdil fil-klima u l-art, u dwar l-oċeani u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel,

 wara li kkunsidra r-rapport tan-Network għall-Ekoloġizzazzjoni tas-Sistema Finanzjarja (NGFS) bit-titolu "Adapting central bank operations to a hotter world: Reviewing some options" (Adattament tal-operazzjonijiet tal-banek ċentrali għal dinja aktar sħuna: Riezami ta' xi għażliet), ippubblikat fl-24 ta' Marzu 2021,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 142(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0351/2021),

A. billi, skont it-Tbassir Ekonomiku tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2021, fl-2020 il-PDG naqas b'5.9 % fl-UE u b'6.4 % fiż-żona tal-euro; billi l-PDG huwa mbassar li jikber b'5 % fl-2021 u b'4.3 % fl-2022 kemm fl-UE kif ukoll fiż-żona tal-euro, b'differenzjal sinifikanti fit-tkabbir li jippersistu bejn l-Istati Membri; billi l-inċertezza u r-riskji marbuta mal-perspettiva tat-tkabbir huma għoljin u jiddependu mill-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19 u l-pass li bih il-provvista taġġusta għall-bidla rapida fid-domanda wara l-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija; billi l-ekonomija tal-UE b'mod ġenerali reġgħet kisbet il-livell ta' output tagħha ta' qabel il-pandemija fit-tielet kwart tal-2021, għalkemm il-pass tal-irkupru mhuwiex uniformi minn pajjiż għall-ieħor;

B. billi, skont il-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-BĊE ta' Settembru 2021, il-PDG reali globali (eskluża ż-żona tal-euro) huwa previst li jiżdied b'6.3 % fl-2021, qabel ma jonqos għal 4.5 % fl-2022 u 3.7 % fl-2023; billi l-attività globali kienet diġà qabżet il-livell tagħha ta' qabel il-pandemija fl-aħħar tal-2020;

C. billi, skont il-Eurostat, ir-rata tal-qgħad f'Settembru 2021 kienet ta' 6.7 % fl-UE u 7.4 % fiż-żona tal-euro, mifruxa b'mod irregolari madwar l-UE u fl-Istati Membri u r-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u n-nisa baqgħu ferm ogħla (15.9 % fl-UE u 16 % fiż-żona tal-euro u 7 % fl-UE u 7.7 % fiż-żona tal-euro, rispettivament); billi r-rata għolja tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadha kwistjoni serja li trid tiġi indirizzata fl-UE;

D. billi, skont il-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-BĊE ta' Settembru 2021, l-inflazzjoni annwali għaż-żona tal-euro fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) mistennija tkun ta' 2.2 % fl-2021 u mistennija tonqos għal 1.7 % fl-2022 u 1.5 % fl-2023 bħala medja; billi l-projezzjonijiet tal-inflazzjoni juru varjazzjoni sostanzjali fiż-żona tal-euro; billi l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro telgħet għal 4.1 % f'Ottubru 2021, li tirrappreżenta l-ogħla livell f'għaxar snin; billi hemm tħassib dwar in-natura temporanja u tranżitorja tar-rati ogħla tal-inflazzjoni;

E. billi, fi tmiem l-2020, id-daqs tal-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema kien laħaq l-ogħla livell tiegħu ta' EUR 6 979 324 miljun, żieda ta' kważi 50 % (EUR 2 306 233 miljun) meta mqabbel ma' tmiem l-2019, bħala riżultat tat-tielet serje ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament immirati fuq terminu itwal (TLTRO III), u t-titoli mixtrija fl-ambitu tal-Programm ta' Xiri ta' Emerġenza fil-każ ta' Pandemija (PEPP) u l-Programm ta' Xiri ta' Assi (APP);

F. billi l-profitt nett tal-BĊE għall-2020 ammonta għal EUR 1 643 miljun, meta mqabbel ma' EUR 2 366 miljun fl-2019; billi dan it-tnaqqis kien prinċipalment dovut għall-introjtu mill-imgħax nett aktar baxx fuq l-assi ta' riżerva barranija u fuq it-titoli miżmuma għal skopijiet ta' politika monetarja, b'mod partikolari t-tnaqqis sinifikanti ta' 50 % fl-introjtu mill-imgħax iġġenerat fil-portafoll tad-dollaru Amerikan, kif ukoll id-deċiżjoni mill-Kunsill Governattiv li jittrasferixxi EUR 48 miljun għall-provvediment tal-BĊE għar-riskji finanzjarji;

G. billi, mingħajr preġudizzju għall-għan ewlieni ta' stabbiltà fil-prezzijiet, il-BĊE għandu wkoll jappoġġja l-linji ta' politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni bil-għan li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-TUE;

H. billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jikkostitwixxu s-sinsla tal-ekonomija tal-UE u jsaħħu l-koeżjoni ekonomika u soċjali, peress li jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha fl-UE, jimpjegaw madwar 100 miljun ruħ, jammontaw għal aktar minn nofs il-PDG tal-UE u għandhom rwol ewlieni fiż-żieda tal-valur f'kull settur tal-ekonomija; billi l-SMEs intlaqtu ħażin ħafna mill-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19; billi żviluppi fil-perspettiva ekonomika ġenerali affettwaw b'mod ħażin l-aċċess tagħhom għall-finanzi; billi l-SMEs għalhekk jeħtieġu aktar appoġġ;

I. billi l-BĊE, fil-mandat tiegħu, impenja ruħu li jikkontribwixxi għall-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi; billi t-tibdil fil-klima, it-telfien tal-bijodiversità u l-konsegwenzi tagħhom jistgħu jxekklu l-effettività tal-politika monetarja, jaffettwaw it-tkabbir, u jżidu l-instabbiltà fil-prezzijiet u dik makroekonomika; billi, mingħajr miżuri b'saħħithom, l-impatt negattiv fuq il-PDG tal-UE jista' jkun sever;

J. billi l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni jirrappreżentaw kważi kwart tan-nefqa tal-unitajiet domestiċi tal-EU-27; billi aktar minn żewġ terzi tal-popolazzjoni tal-UE huma s-sidien ta' darhom; billi l-prezzijiet tad-djar kienu soġġetti għal żieda qawwija ta' aktar minn 30 % f'dawn l-aħħar għaxar snin u l-kirjiet żdiedu bi kważi 15 % fl-UE;

K. billi l-istħarriġ tal-Ewrobarometru Standard tax-Xitwa tal-2020-2021, ippublikat fit-23 ta' April 2021, sab li l-appoġġ pubbliku għall-unjoni ekonomika u monetarja Ewropea b'munita unika waħda, jiġifieri l-euro, kien ta' 79 % fiż-żona tal-euro;

L. billi tnejn biss mill-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE huma nisa; billi n-nisa għadhom sottorappreżentati fil-ġerarkija tal-BĊE;

Ħarsa ġenerali

1. Jilqa' r-rwol tal-BĊE fis-salvagwardja tal-istabbiltà tal-euro; jenfasizza li l-indipendenza statutorja tal-BĊE, kif stabbilita fit-Trattati, hija prerekwiżit għalih biex iwettaq il-mandat tiegħu; jenfasizza wkoll li din l-indipendenza ma għandhiex tinkiser, u li din għandha dejjem tkun ikkomplementata minn livell korrispondenti ta' obbligu ta' rendikont;

2. Jilqa' r-Rieżami tal-Istrateġija tal-Politika Monetarja tal-BĊE adottat unanimament u mħabbar fit-8 ta' Lulju 2021, li jistabbilixxi kif jista' jinkiseb l-objettiv primarju li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet u jingħata kontribut għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni, li jinkludu tkabbir ekonomiku bbilanċjat u sostenibbli, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna mmirata lejn livell massimu ta' impjiegi u il-progress soċjali u l-konverġenza, u livell għoli ta' protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent, mingħajr preġudizzju għall-objettiv primarju tal-istabbiltà tal-prezzijiet; jinnota li dan huwa l-ewwel rieżami tal-istrateġija fi 18-il sena; jilqa' d-deċiżjoni tal-BĊE, kif espressa wkoll mill-President Lagarde matul id-Djalogu Monetarju li sar fis-27 ta' Settembru 2021, li jivvaluta perjodikament l-adegwatezza tal-istrateġija tal-politika monetarja, filwaqt li l-valutazzjoni li jmiss mistennija ssir fl-2025, u b'hekk isaħħaħ ukoll is-sensibilizzazzjoni u l-involviment tal-pubbliku fil-politika monetarja;

3. Jinsab imħasseb dwar il-kriżi tal-kura tas-saħħa, soċjali u ekonomika bla preċedent ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri ta' konteniment sussegwenti, li rriżultaw fi tnaqqis qawwi tal-ekonomija taż-żona tal-euro, speċjalment f'pajjiżi li kienu diġà vulnerabbli, żieda qawwija fl-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali, u kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol li qed jiddeterjoraw b'mod rapidu; jinsab partikolarment imħasseb dwar l-effett tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-SMEs; jilqa' l-miżuri estensivi ta' appoġġ pubbliku meħuda b'reazzjoni mill-UE; jinnota li l-attività ekonomika taż-żona tal-euro qed tirkupra aktar malajr milli kien mistenni, iżda l-veloċità, l-iskala u l-uniformità tal-irkupru għadhom inċerti;

4. Jisħaq li t-tkabbir sostenibbli, ir-reżiljenza u l-istabbiltà tal-prezzijiet se jinkisbu permezz ta' reazzjoni komprensiva, inkluża taħlita kkalibrata ta' politika monetarja, politika fiskali ta' appoġġ u diskrezzjonarja u riformi u investimenti soċjalment ibbilanċjati u li jtejbu l-produttività; jappoġġja l-appell tal-President Lagarde għall-allinjament sħiħ tal-politika fiskali u dik monetarja fl-indirizzar determinat tal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li jenfasizza l-indipendenza tal-BĊE;

5. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-President tal-BĊE tal-10 ta' Ġunju 2021 li "pożizzjoni fiskali ambizzjuża u kkoordinata tibqa' kruċjali, peress li l-irtirar prematur tal-appoġġ fiskali jirriskja li jdgħajjef l-irkupru u jamplifika l-effetti ta' riperkussjonijiet fit-tul"; jirrikonoxxi l-importanza tal-politiki fiskali nazzjonali u dik Ewropea fl-għajnuna lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji li l-aktar li ntlaqtu ħażin mill-pandemija; jinnota r-rati differenti ta' rkupru fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro, li jistgħu jwasslu għal Ewropa b'veloċitajiet differenti wara li tkun intemmet il-pandemija; ifakkar li l-appoġġ fiskali u l-politika monetarja ma għandhomx jiddiżinċentivaw ir-riformi u l-investimenti mmirati lejn ir-riġenerazzjoni tal-ekonomija tal-UE, l-għoti ta' spinta lit-tkabbir sostenibbli u inklużiv, it-tħeġġiġ tat-tranżizzjoni ekoloġika u t-tisħiħ tal-awtonomija u l-kompetittività tal-Ewropa;

6. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-President Lagarde li "kapaċità fiskali ċentrali tista' tgħin biex tiġi orjentata l-pożizzjoni tal-politika fiskali aggregata taż-żona tal-euro u tiġi żgurata taħlita ta' politika makroekonomika aktar xierqa" u li "riformi strutturali fil-pajjiżi taż-żona tal-euro huma importanti biex tingħata spinta lill-produttività u lill-potenzjal tat-tkabbir taż-żona tal-euro, jitnaqqas il-qgħad strutturali u tiżdied ir-reżiljenza"; jissottolinja l-importanza li tiġi pprovduta funzjoni ta' stabbilizzazzjoni kontroċiklika u li jiġi ffaċilitat appoġġ f'waqtu u adegwat f'każ ta' xokkijiet ekonomiċi kif ukoll il-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika; jissottolinja l-importanza tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-indirizzar tax-xokk ekonomiku u soċjali kkawżat mill-kriżi tal-COVID-19;

7. Jilqa' l-fatt li d-dibattitu dwar il-futur tal-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE diġà beda;

Politika monetarja

8. Jilqa' r-reazzjoni rapida u sostanzjali tal-politika monetarja tal-BĊE għall-kriżi tal-COVID-19 fil-kuntest ta' emerġenza; jirrikonoxxi l-impatt pożittiv ta' din ir-reazzjoni fuq is-sitwazzjoni ekonomika taż-żona tal-euro, li tinkludi l-introduzzjoni tal-PEPP, l-illaxkar tal-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-kollateral u l-offerta ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament immirati fuq terminu itwal ikkalibrati mill-ġdid (TLTRO III), kif ukoll operazzjonijiet ta' rifinanzjament ta' emerġenza pandemika fuq terminu itwal (PELTROs); ifakkar fl-intenzjoni tal-BĊE li jsostni l-appoġġ tiegħu sakemm iqis li jkun meħtieġ biex jissodisfa l-mandat tiegħu; jilqa', barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-BĊE li jibqa' jżomm strumenti, bħal indikazzjonijiet għall-ġejjieni, xiri ta' assi u operazzjonijiet ta' rifinanzjament aktar fit-tul, bħala parti integrali mis-sett ta' għodod tiegħu; jistieden lill-BĊE jkompli jiżgura u jimmonitorja l-ħtieġa, l-adegwatezza u l-proporzjonalità tal-miżuri tal-politika monetarja tiegħu;

9. Jinnota d-deċiżjoni tal-BĊE li jżid id-daqs tal-PEPP mis-EUR 750 biljun inizjali għal EUR 1 850 biljun; jinnota li l-BĊE se jkompli jwettaq xiri nett ta' assi fl-ambitu tal-PEPP sakemm il-fażi tal-kriżi tal-COVID-19 tkun intemmet u fi kwalunkwe każ sa mill-inqas l-aħħar ta' Marzu 2022; jinnota li l-BĊE dan l-aħħar naqqas ir-ritmu tax-xiri nett ta' assi fl-ambitu tal-PEPP, abbażi tal-pożizzjoni tal-Kunsill Governattiv tiegħu li jistgħu jinżammu kundizzjonijiet ta' finanzjament favorevoli b'pass moderatament aktar baxx; jenfasizza d-dikjarazzjoni tal-President Lagarde tal-10 ta' Ġunju 2021 li "kwalunkwe diskussjoni dwar il-ħruġ mill-PEPP [...] tkun prematura, għadu kmieni wisq u tista' ssir fi żmien debitu"; jistieden lill-BĊE jkompli jixtri fl-ambitu tal-PEPP sakemm iqis li jkun meħtieġ biex jissodisfa l-mandat tiegħu; jinnota l-intenzjoni tal-BĊE li jeżamina aktar kalibrazzjoni tax-xiri ta' assi; jinnota wkoll id-dikjarazzjoni tal-President Lagarde li, anki wara t-tmiem mistenni tal-emerġenza pandemika, xorta se jkun importanti li l-politika monetarja, inkluża l-kalibrazzjoni xierqa tax-xiri ta' assi, tappoġġja l-irkupru fiż-żona tal-euro kollha u r-ritorn sostenibbli tal-inflazzjoni għall-mira ta' 2 %;

10. Jinnota d-deċiżjoni tal-BĊE li jixtri b'mod flessibbli fl-ambitu tal-PEPP bil-ħsieb li jipprevjeni l-issikkar tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament li huwa inkonsistenti mal-isforzi tal-ġlieda kontra l-impatt negattiv tal-pandemija, filwaqt li jappoġġja t-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja;

11. Jinnota li x-xiri nett ta' assi fl-ambitu tal-APP qed ikompli birrata ta' EUR 20 biljun fix-xahar; jinnota wkoll li x-xiri fl-ambitu tal-APP se jkompli għaddej sakemm ikun meħtieġ biex jissaħħaħ l-impatt akkomodanti tar-rati ta' politika tiegħu, u jintemm qabel ma jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin; ifakkar li l-APP, il-programm ta' qabel il-pandemija, se jibqa' operattiv b'pass kostanti;

12. Jilqa' l-inklużjoni tal-bonds Griegi fil-PEPP; jinnota, madankollu, li dawn għadhom mhumiex eliġibbli fl-ambitu tal-programm ta' xiri ta' assi tas-settur pubbliku (PSPP) minkejja l-progress sinifikanti li sar; jistieden lill-BĊE jivvaluta mill-ġdid l-eliġibbiltà tal-bonds Griegi fl-ambitu tal-PSPP u jipprovdi rakkomandazzjonijiet speċifiċi ferm qabel il-konklużjoni tal-PEPP għall-inklużjoni tagħhom fil-PSPP;

13. Jinnota d-deċiżjoni tal-BĊE li jkompli jinvesti mill-ġdid il-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija fl-ambitu tal-PEPP tal-inqas sal-aħħar tal-2023 u li jkompli jinvesti mill-ġdid, b'mod sħiħ, il-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija fl-ambitu tal-APP għal perjodu estiż ta' żmien wara d-data meta jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta' likwidità favorevoli u grad għoli ta' akkomodazzjoni monetarja;

14. Jinnota li l-ammont ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema żdied għal EUR 1 850 biljun fi tmiem l-2020, primarjament minħabba t-TLTRO III; jinnota, barra minn hekk, li l-maturità medja ponderata tal-operazzjonijiet pendenti ta' rifinanzjament tal-Eurosistema żdiedet għal madwar 2.4 snin fi tmiem l-2020;

15. Jilqa' d-deċiżjoni tal-BĊE li jkompli jipprovdi l-likwidità permezz tal-operazzjonijiet ta' rifinanzjament tiegħu; jirrikonoxxi li l-finanzjament miksub permezz tat-TLTRO III għandu rwol kruċjali fl-appoġġ għaas-self bankarju lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi; jisħaq, madankollu, li f'xi każijiet huwa porzjon żgħir ħafna minn dawn l-injezzjonijiet ta' likwidità li żied is-self mill-banek lill-ekonomija reali, speċjalment lill-SMEs; jistieden lill-BĊE jiżgura li tali miżuri verament jiffaċilitaw il-finanzjament tal-ekonomija reali;

16. Jinnota d-deċiżjoni tal-BĊE dwar mira ta' inflazzjoni simetrika ġdida ta' 2 % fuq terminu medju u l-impenn tiegħu li jżomm pożizzjoni ta' politika monetarja akkomodanti b'mod persistenti sabiex jilħaq il-mira ta' inflazzjoni tiegħu; jemmen li n-nuqqas ta' referenza aritmetika tikkomplika l-interpretazzjoni tad-devjazzjonijiet mill-mira; jinnota li l-orjentazzjoni fuq terminu medju tal-istrateġija tal-politika monetarja tippermetti devjazzjonijiet inevitabbli fuq terminu qasir tal-inflazzjoni mill-mira; jistieden lill-BĊE jirrifletti, jekk meħtieġ, dwar kif iż-żieda fl-inflazzjoni tista' taffettwa l-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu;

17. Jinsab imħasseb dwar ir-rata ta' inflazzjoni fiż-żona tal-euro li laħqet l-ogħla livell f'għaxar snin ta' 4.1 % f'Ottubru 2021, li tvarja minn 1.4 % għal 8.2 % fl-Istati Membri differenti, xprunata minn fatturi temporanji probabbli bħall-effett bażi tal-prezzijiet tal-enerġija, il-konġestjonijiet fil-katina tal-provvista u l-irkupru wara reċessjoni drammatika; jisħaq li żidiet fl-inflazzjoni lil hinn mill-valur definit jistgħu jkunu partikolarment ta' ħsara għall-ifqar partijiet tal-popolazzjoni u jirriżultaw f'żieda fl-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali; ifakkar li l-inflazzjoni baqgħet ferm taħt il-mira ta' 2 % fl-aħħar għaxar snin; jistieden lill-BĊE jimmonitorja mill-qrib dawn ix-xejriet u l-konsegwenzi tagħhom u, jekk ikun meħtieġ, jieħu azzjoni biex jissalvagwardja l-istabbiltà tal-prezzijiet; itenni l-appell tal-President Lagarde biex il-politika monetarja tibqa' ffukata fuq li l-ekonomija tinħareġ mill-emerġenza pandemika b'mod sikur; jinnota li, skont l-Istħarriġ tal-Bassara Professjonisti tal-BĊE, l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni fuq terminu medju għadhom ankrati sew mal-mira;

18. Iqis li l-BĊE jista' jeżamina strumenti alternattivi ta' politika monetarja li jistgħu jħeġġu l-investimenti pubbliċi u privati;

19. Jinnota li l-aspettattiva tal-BĊE li r-rati tal-imgħax ewlenin se jibqgħu fil-livelli attwali jew f'livelli aktar baxxi sakemm jara li l-inflazzjoni tilħaq 2 % sew qabel tmiem l-orizzont ta' projezzjoni tiegħu u b'mod durabbli għall-bqija tal-orizzont ta' projezzjoni; jissottolinja li rati tal-imgħax baxxi jistgħu joffru opportunitajiet lill-konsumaturi, lill-kumpaniji, inklużi l-SMEs, lill-ħaddiema u lil min jissellef, li jistgħu jibbenefikaw minn momentum ekonomiku aktar b'saħħtu, livelli aktar baxxi ta' qgħad u kostijiet tas-self aktar baxxi; jinsab imħasseb, madankollu, dwar l-impatt potenzjali ta' rati tal-imgħax baxxi fuq l-għadd ta' negozji mhux vijabbli u b'dejn kbir, fuq l-inċentiv għat-tkabbir u r-riformi u l-investimenti li jsaħħu s-sostenibbiltà, u fuq is-sistemi tal-pensjonijiet u tal-assigurazzjoni;

20. Jilqa' d-deċiżjoni tal-BĊE li jirrakkomanda l-iżvilupp ta' pjan direzzjonali biex jiġu inklużi l-kostijiet relatati mad-djar okkupati mis-sidien fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) ħalli jirrappreżenta aħjar ir-rata ta' inflazzjoni li hija komparabbli u rilevanti għall-unitajiet domestiċi, peress l-kostijiet tal-akkomodazzjoni qed jiżdiedu kontinwament, u biex jitfasslu operazzjonijiet ta' politika monetarja informati aħjar; iqis, madankollu, li l-HICP fid-definizzjoni attwali tiegħu jirrifletti l-evoluzzjoni tan-nefqa reali li ssir mill-unitajiet domestiċi fuq beni jew servizzi; huwa tal-fehma li l-metodoloġiji li għandhom l-għan li jiżolaw il-komponent tal-investiment mill-komponent tal-konsum għandhom jiżguraw li l-impatt reali taż-żieda sinifikanti fil-prezz tad-djar fuq l-ispejjeż tal-konsumatur jinqabad b'mod adegwat; jirrikonoxxi li l-inklużjoni ta' dawn il-kostijiet hija proġett pluriennali; jisħaq li tali pass jista' jirriżulta f'żieda fl-indiċijiet tal-prezzijiet u, tal-inqas b'mod temporanju, iġib l-inflazzjoni 'l fuq mill-mira fuq terminu medju u b'hekk jitnaqqas l-ispazju ta' manuvrar tal-BĊE; jistieden lill-BĊE jħejji ruħu għal dawn ir-riskji u jindirizzahom b'mod effettiv;

21. Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' aktar armonizzazzjoni tal-metodi għall-aġġustament tal-kwalità fl-HICP u ta' aktar trasparenza fir-rigward tal-aġġustament tal-kwalità fl-Istati Membri;

Azzjoni kontra t-tibdil fil-klima

22. Ifakkar li l-BĊE, bħala istituzzjoni tal-UE, huwa marbut bl-impenji tal-UE fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza li l-indirizzar determinat tal-emerġenza klimatika u tal-bijodiversità jirrikjedi li l-BĊE jieħu approċċ integrat li għandu jiġi rifless fil-politiki, fid-deċiżjonijiet u fl-operazzjonijiet kollha tiegħu, kif ukoll li jirrispetta l-mandat tiegħu li jappoġġja l-politiki ekonomiċi ġenerali tal-Unjoni, speċifikament, f'dan il-każ, il-kisba ta' ekonomija newtrali għall-klima sa mhux aktar tard mill-2050, kif deskritt fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima; iqis li l-BĊE jeħtieġ li juża l-għodod kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu biex jiġġieled u jimmitiga r-riskji relatati mal-klima;

23. Iqis li ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet tista' tgħin biex jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi;

24. Jinnota l-ewwel test tal-istress klimatiku tal-BĊE għall-ekonomija kollha; jinnota li r-riżultati jindikaw li, mingħajr miżuri b'saħħithom, l-impatt negattiv fuq il-PDG tal-UE jista' jkun sever; jilqa', għalhekk, l-impenn tal-BĊE li jwettaq testijiet regolari tal-istress klimatiku, kemm għall-ekonomija kollha kif ukoll fil-livell tal-banek individwali;

25. Jinnota l-fatt li l-BĊE se jiżviluppa indikaturi għall-esponiment tal-istituzzjonijiet finanzjarji għal riskji fiżiċi relatati mal-klima permezz tal-portafolli tagħhom, inklużi indikaturi tal-marka tal-karbonju, kif ukoll immudellar makroekonomiku u analiżijiet tax-xenarji biex ir-riskji klimatiċi jiġu integrati fil-mudelli tal-BĊE u jiġi vvalutat l-impatt tagħhom fuq it-tkabbir potenzjali; jilqa' l-fatt li l-BĊE se jwettaq analiżijiet tax-xenarji tal-politiki ta' tranżizzjoni;

26. Jilqa' l-pjan ta' azzjoni l-ġdid tal-BĊE u l-pjan direzzjonali dettaljat tiegħu ta' azzjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima biex il-konsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima jkomplu jiġu inkorporati aktar fil-qafas u l-mudelli ta' politika tiegħu; jinnota, madankollu, l-enfasi tiegħu fuq ir-riskji relatati mal-klima u jenfasizza l-prinċipju tal-materjalità doppja li huwa fil-qalba tal-qafas tal-finanzi sostenibbli tal-UE;

27. Jinnota li, filwaqt li l-kunċett tan-newtralità tas-suq huwa relatat mal-prinċipju ta' "ekonomija tas-suq miftuħa b'kompetizzjoni libera", it-TFUE jistipula b'mod ċar li l-BĊE għandu jsegwi l-mandat tiegħu billi jiffavorixxi l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi; jistieden lill-BĊE, filwaqt li jirrispetta l-indipendenza tiegħu, jindirizza l-fallimenti tas-suq u jiżgura l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi fuq perjodu ta' żmien twil, filwaqt li jibqa' kemm jista' jkun apolitiku; jinnota li l-BĊE diġà ddevja min-newtralità tas-suq f'diversi każijiet;

28. Jilqa' l-fatt li x-xiri ta' bonds ekoloġiċi u s-sehem tagħhom fil-portafoll tal-BĊE qed ikomplu jiżdiedu; iqis li s-sehem tagħhom, madankollu, huwa partikolarment baxx meta jitqiesu l-ħtiġijiet tat-tranżizzjoni ekoloġika; jistieden lill-BĊE jħaffef il-ħidma tiegħu biex iżid is-sehem tal-bonds ekoloġiċi fil-portafoll tiegħu; jilqa' l-ħolqien ta' standard ta' bonds ekoloġiċi tal-UE u l-appoġġ tal-BĊE f'din il-kwistjoni; jinnota, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-BĊE li juża parti mill-portafoll tal-fondi tiegħu proprja biex jinvesti fil-fond ta' investiment f'bonds ekoloġiċi ddenominat f'euro għall-banek ċentrali (EUR BISIP G2); jistieden lill-BĊE biex, sadanittant, jeżamina l-effetti possibbli tal-bonds ekoloġiċi fuq l-istabbiltà tal-prezzijiet;

29. Jinnota li l-bonds bi strutturi ta' kupuni marbuta ma' ċerti miri ta' prestazzjoni tas-sostenibbiltà li jirreferu għal objettiv ambjentali wieħed jew aktar stabbiliti fir-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE[3] u/jew għal wieħed jew aktar mill-SDGs tan-NU relatati mat-tibdil fil-klima jew mad-degradazzjoni ambjentali saru eliġibbli mill-1 ta' Jannar 2021 bħala kollateral għall-operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema u għal xiri dirett tal-Eurosistema għal skopijiet ta' politika monetarja, dment li jikkonformaw mal-kriterji ta' eliġibbiltà l-oħrajn kollha;

30. Jinnota li l-BĊE qed jieħu passi biex jinkorpora r-riskji relatati mal-klima fil-qafas tal-kollateral tiegħu iżda jwissi kontra d-dewmien fl-implimentazzjoni tiegħu; jilqa' l-impenn tal-BĊE li janalizza l-metodoloġiji u d-divulgazzjonijiet tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u jivvaluta kif dawn jinkorporaw ir-riskju tat-tibdil fil-klima fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu; jinsab imħasseb, madankollu, dwar il-fatt li l-BĊE jkompli jiddependi b'mod eċċessiv u esklużivament mill-aġenziji esterni privati ta' klassifikazzjoni tal-kreditu (CRAs) għall-valutazzjoni tar-riskju; jistieden lill-BĊE jespandi l-kapaċità interna tiegħu dwar il-valutazzjonijiet tar-riskji relatati mal-klima u mal-bijodiversità;

31. Jinnota bi tħassib li xi programmi ta' rifinanzjament u ta' xiri ta' assi tal-BĊE kienu qed jappoġġjaw indirettament attivitajiet b'intensità tal-karbonju;

32. Jilqa' l-fatt li l-BĊE qed iħejji biex jallinja l-programmi ta' xiri ta' assi korporattivi tiegħu mal-Ftehim ta' Pariġi, bil-ħsieb li titnaqqas l-intensità tal-karbonju tal-portafoll tiegħu, iżda jwissi kontra d-dewmien;

33. Jistieden lill-BĊE biex, bħala membru tal-NGFS, jibni fuq id-disa' għażliet ivvalutati mill-NGFS għall-banek ċentrali ħalli jqisu r-riskji relatati mal-klima fil-qafas operazzjonali tagħhom dwar l-operazzjonijiet ta' kreditu, il-kollateral u x-xiri ta' assi; jistieden lill-BĊE jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu fil-qasam tat-tibdil fil-klima ma' networks internazzjonali lil hinn mill-NGFS ukoll, u jtejjeb id-djalogu mas-soċjetà ċivili, bil-għan li jissaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala mexxej globali fil-qasam tal-finanzi sostenibbli u l-azzjoni klimatika;

34. Jilqa' l-isforzi tal-BĊE biex jimmonitorja u jnaqqas l-impronta ambjentali tiegħu; jilqa' l-ħolqien ta' ċentru għat-tibdil fil-klima biex jiġbor flimkien il-ħidma fuq kwistjonijiet klimatiċi f'partijiet differenti tal-BĊE; jistenna li l-BĊE jintensifika l-ħidma tiegħu biex jinkorpora b'mod effettiv il-konsiderazzjonijiet tal-klima fil-ħidma ta' rutina tiegħu;

Aspetti oħrajn

35. Jissottolinja r-rwol ċentrali tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs) bħala s-sinsla tal-ekonomija tal-UE, tal-konverġenza ekonomika u soċjali u tal-impjiegi; jisħaq li l-MSMEs intlaqtu ħażin ħafna mill-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, li wasslet għal deterjorament serju fil-fatturat ekonomiku u l-kompetittività tagħhom, fl-isforzi tagħhom biex jirnexxu fit-tranżizzjoni ekoloġika u fl-aċċess tagħhom għall-finanzjament; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu inkoraġġiti l-investimenti pubbliċi u privati fl-UE, u għalhekk jistieden lill-BĊE ikompli bl-isforzi tiegħu biex jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għall-MSMEs;36.  Jilqa' l-appoġġ dejjiemi tal-BĊE għat-tlestija rapida tal-unjoni bankarja, u jisħaq fuq ir-riskji kkawżati minn dewmien serju; jinnota l-appoġġ tal-BĊE għall-istabbiliment ta' Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS) sħiħa; jirrikonoxxi li l-kondiviżjoni tar-riskju u t-tnaqqis tar-riskju huma interkonnessi u li l-iskemi ta' protezzjoni istituzzjonali għandhom rwol ewlieni fil-protezzjoni u l-istabbilizzar tal-istituzzjonijiet membri;

37. Jinnota l-progress li sar s'issa fit-tnaqqis tas-self li ma jrendix (NPLs); jappella għall-introduzzjoni ta' protezzjoni legali adegwata mir-ripossessjoni għad-detenturi tal-ipoteki fil-livell tal-UE;

38. Jistieden lill-BĊE jesplora modi kif isaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro; jinnota li l-fatt li l-euro jsir aktar attraenti bħala munita ta' riżerva se jkompli jsaħħaħ l-użu internazzjonali tiegħu u jżid il-kapaċità tal-UE li tfassal il-pożizzjoni politika tagħha b'mod indipendenti, element ewlieni fis-salvagwardja tas-sovranità ekonomika Ewropea; jisħaq li l-ħolqien ta' assi Ewropew sikur imfassal tajjeb jista' jiffaċilita l-integrazzjoni finanzjarja u jgħin biex jittaffew iċ-ċrieki vizzjużi bejn is-sovrani u s-setturi bankarji domestiċi; jissottolinja li t-tisħiħ tar-rwol tal-euro jirrikjedi l-approfondiment u t-tlestija għalkollox tal-unjoni ekonomika u monetarja Ewropea;

39. Jilqa' l-fatt li, fl-2020, l-għadd ta' karti tal-flus tal-euro foloz naqas għal-livell l-aktar baxx tiegħu mill-2003 (17-il parti għal kull miljun); jistieden lill-BĊE jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-kooperazzjoni tiegħu mal-Europol, l-Interpol u l-Kummissjoni Ewropea biex jintlaħaq dan l-għan; jistieden lill-BĊE, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Istati Membri, joħloq sistema biex jimmonitorja aħjar it-tranżazzjonijiet kbar bil-għan li jiġġieled lill-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

40. Jilqa' d-deċiżjoni tal-BĊE li jvara fażi ta' investigazzjoni ta' 24 xahar dwar proġett ta' euro diġitali; jistieden lill-BĊE jindirizza b'mod effettiv l-aspettattivi u t-tħassib imqajma matul il-konsultazzjoni pubblika dwar euro diġitali, li jinkludu tħassib dwar il-privatezza, is-sigurtà, l-aċċessibbiltà, il-kapaċità ta' ħlas fiż-żona tal-euro kollha, il-prevenzjoni ta' kostijiet addizzjonali u l-użabbiltà offline; jinnota li din il-fażi ta' investigazzjoni mhi se tippreġudika l-ebda deċiżjoni dwar il-ħruġ possibbli ta' euro diġitali; itenni li euro diġitali ma jikkostitwix kriptoassi; jirrimarka li euro diġitali għandu jippromwovi l-inklużjoni finanzjarja, u jrid jagħti lill-konsumaturi u lill-kumpaniji privatezza tad-data u sigurtà legali addizzjonali ; jaqbel mal-BĊE li euro diġitali se jkollu għalhekk jissodisfa firxa ta' rekwiżiti minimi, fosthom ir-robustezza, is-sikurezza, l-effiċjenza u l-protezzjoni tal-privatezza; jistieden lill-BĊE jallinja mill-qrib u jaqsam informazzjoni regolarment mal-Parlament dwar il-progress li jsir matul il-fażi ta' investigazzjoni;

41. Itenni t-tħassib qawwi tiegħu dwar ir-riskji maħluqa minn stablecoins privati għall-istabbiltà finanzjarja, il-politika monetarja u l-protezzjoni tal-konsumatur;

42. Ifakkar li l-pagamenti fi flus kontanti huma mezz importanti ħafna ta' pagament għaċ-ċittadini tal-UE u ma għandhomx jitpoġġew fil-periklu minn euro diġitali; jinnota li l-għadd u l-valur tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni żdiedu b'madwar 10 % fl-2020; jieħu nota tal-Istrateġija tal-Flus Kontanti 2030 tal-Eurosistema li għandha l-għan li tiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji kollha taż-żona tal-euro jibqa' jkollhom aċċess tajjeb għas-servizzi tal-flus kontanti u li l-flus kontanti jibqgħu mezz ta' pagament ġeneralment aċċettat, filwaqt li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tat-tnaqqis tal-impronta ekoloġika tal-karti tal-flus tal-euro u l-iżvilupp ta' karti tal-flus innovattivi u siguri; jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis fid-daqs tan-network tas-settur bankarju f'xi Stati Membri; iqis li tali prattiki jistgħu jwasslu għal restrizzjonijiet sinifikanti fuq l-aċċess ugwali għas-servizzi u l-prodotti finanzjarji essenzjali;

43. Jisħaq li s-settur finanzjarju għaddej minn trasformazzjoni konsiderevoli mmexxija mill-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni; jissottolinja li din it-trasformazzjoni toħloq riskji akbar ta' sfrattar estern bħal-attakki ċibernetiċi fuq is-settur finanzjarju u bankarju; jilqa' l-isforzi kontinwi tal-BĊE biex isaħħaħ il-kapaċitajiet ta' rispons u ta' rkupru tiegħu fil-każ ta' attakki ċibernetiċi f'konformità mal-politika Ewropea l-ġdida dwar id-difiża ċibernetika; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-interruzzjoni tas-servizz li affettwat serjament is-sistema TARGET2 u t-TARGET2 Securities fl-2020; jilqa' r-rieżami indipendenti ta' dawn l-inċidenti u jinnota li s-severità ta' għadd ta' sejbiet ġiet ikklassifikata bħala "għolja"; jilqa' l-aċċettazzjoni min-naħa tal-Eurosistema tal-konklużjonijiet ġenerali u l-impenn tagħha li timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-rieżami; jistieden lill-BĊE jiżgura l-istabbiltà dejjiema ta' infrastruttura sensittiva bħas-sistema TARGET2, ikompli jsaħħaħ l-isforzi tiegħu fil-qasam taċ-ċibersigurtà u jkompli jippromwovi r-reżiljenza ċibernetika tal-infrastruttura tas-swieq finanzjarji;

44. Jinnota d-diverġenza tal-bilanċi tat-TARGET2 fi ħdan is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali; jinnota li l-interpretazzjoni ta' dawn id-diverġenzi hija kkontestata;

45. Jistieden lill-BĊE jiżgura bilanċ adegwat bejn li jingħata lok għal innovazzjoni finanzjarja regolatorja fil-qasam tal-FinTech u l-iżgurar tal-istabbiltà finanzjarja; jistieden ukoll lill-BĊE jintensifika l-monitoraġġ tiegħu tal-iżvilupp tal-kriptoassi sabiex jiġu pprevenuti effetti negattivi u riskji relatati f'dawk li huma stabbiltà finanzjarja, politika monetarja u l-funzjonament u s-sikurezza tal-infrastrutturi tas-suq u l-pagamenti; jisħaq li l-iżvilupp ta' kriptoassi jimponi tħassib addizzjonali f'termini taċ-ċibersigurtà, il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u attivitajiet kriminali oħrajn relatati mal-anonimità pprovduta mill-kriptoassi; jieħu nota tal-intenzjoni tal-BĊE li jiżviluppa u jimplimenta rispons ta' politika biex itaffi l-impatt negattiv potenzjali tal-istablecoins fuq il-pagamenti u x-xenarju finanzjarju tal-UE;

46. Ifakkar fl-appoġġ tal-BĊE għall-implimentazzjoni ta' Basel III, peress li dan inaqqas ir-riskju ta' kriżi bankarja u b'hekk isaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja fl-UE;

47. Jinsab imħasseb dwar il-klawżoli u l-prattiki inġusti użati mis-settur bankarju fil-kuntratti tal-konsumatur f'ċerti Stati Membri u jisħaq fuq il-ħtieġa ta' implimentazzjoni effettiva u rapida mill-Istati Membri kollha tad-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f'kuntratti tal-konsumaturi[4]; jistieden lill-BĊE jikkontribwixxi b'mod attiv għal dan billi juża l-mezzi kollha li għandu għad-disponibbli tiegħu, bil-ħsieb li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta;

48. Jinnota li l-Bulgarija u l-Kroazja ngħaqdu mal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) fl-2020 u b'hekk saru l-ewwel pajjiżi barra ż-żona tal-euro li pparteċipaw fis-superviżjoni bankarja Ewropea; jinnota r-rappreżentanza ugwali tal-banek nazzjonali tagħhom fuq il-Bord Superviżorju tal-BĊE; jinnota wkoll l-inklużjoni tal-lev Bulgaru u tal-kuna Kroata fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju (ERM II) bħala waħda mill-prekundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro;

49. Jilqa' l-isforzi tal-BĊE biex jiżgura l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji għall-kontinġenzi u l-konsegwenzi negattivi possibbli kollha relatati mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, b'mod partikolari għar-reġjuni u l-pajjiżi affettwati b'mod aktar dirett;

Trasparenza, obbligu ta' rendikont u ugwaljanza bejn il-ġeneri

50. Jilqa' l-feedback sostanzjali u dettaljat mogħti mill-BĊE rigward ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE għas-sena 2019; jistieden lill-BĊE jkompli b'dan l-impenn favur l-obbligu ta' rendikont u jibqa' jippubblika l-feedback bil-miktub tiegħu għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE kull sena;

51. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-arranġamenti ta' obbligu ta' rendikont u trasparenza tal-BĊE; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' rispons tal-BĊE għall-proposta adottata mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew għal ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-BĊE; jinsisti fuq l-appell tiegħu biex il-BĊE jieħu azzjoni rapida billi jvara negozjati dwar ftehim interistituzzjonali formali mill-aktar fis possibbli, u b'hekk jiżgura li l-indipendenza tiegħu timxi id f'id mal-obbligu ta' rendikont tiegħu; jistieden lill-BĊE jżid il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni u jsaħħaħ it-trasparenza fil-konfront tal-Parlament u s-soċjetà ċivili billi jippubblika rapporti bil-lingwi kollha tal-UE u permezz tal-inizjattiva "ECB Listens";

52. Jinnota r-regoli eżistenti tal-persunal tal-BĊE dwar il-kunflitti ta' interess potenzjali tal-persunal u jinkoraġġixxi l-applikazzjoni wiesgħa tar-regoli tal-persunal; jirrikonoxxi l-passi meħuda mill-BĊE, bħall-adozzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta uniku għall-uffiċjali tal-BĊE ta' livell għoli u d-deċiżjoni li jiġu ppubblikati l-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Etika indirizzati lill-membri attwali tal-Bord Eżekuttiv, il-Kunsill Governattiv u l-Bord Superviżorju li nħarġu mid-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi ta' Kondotta uniku;

53. Jilqa' l-pubblikazzjoni mill-BĊE tal-parteċipazzjonijiet aggregati b'kost amortizzat fl-ambitu tal-programmi ta' xiri għal titoli garantiti b'assi (ABSPP) u bonds koperti (CBPP3) u d-diżaggregazzjonijiet tal-parteċipazzjonijiet mixtrija fi swieq primarji u sekondarji, kif ukoll l-istatistika aggregata tal-parteċipazzjonijiet għal dawn il-programmi;

54. Jilqa' d-divulgazzjoni mill-BĊE tal-profitti sħaħ magħmula mill-Eurosistema permezz tal-programm tas-swieq tat-titoli (SMP) u tal-parteċipazzjonijiet totali tal-SMP tal-Eurosistema mill-pajjiż emittent (l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, l-Italja u l-Portugall); jistieden lill-Istati Membri jsegwu dan l-eżempju fir-rigward tal-ftehimiet dwar l-assi finanzjarji netti (ANFAs);

55. Itenni l-appell tiegħu lill-BĊE biex jiżgura l-indipendenza tal-membri tal-Kumitat tal-Awditjar tiegħu, kif ukoll tal-Kumitat tal-Etika tiegħu; iħeġġeġ lill-BĊE jirrieżamina l-funzjonament tal-Kumitat tal-Etika sabiex jiġu pprevenuti l-kunflitti ta' interess; jistieden lill-BĊE jirrieżamina l-perjodu ta' rtirar tiegħu għall-membri li jkunu ħerġin;

56. Jinnota l-fatt li aktar minn 90 % tal-membri tal-gruppi konsultattivi tal-BĊE huma mis-settur privat, li jista' jirriżulta fi preġudizzju, kunflitt ta' interess u kkapparrar tar-regolatur fil-proċess tat-tfassil tal-politika;

57. Jilqa' t-tisħiħ tal-qafas intern tal-BĊE dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jistieden lill-BĊE jiżgura l-integrità u l-effiċjenza tal-għodda interna l-ġdida sabiex jiffaċilita rappurtar verament sempliċi u sigur ta' ksur potenzjali tad-dmirijiet professjonali, imġiba mhux xierqa jew irregolaritajiet oħrajn, u li l-informaturi u x-xhieda jingħataw protezzjoni effettiva, kif stabbilit fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi tal-UE[5];

58. Jirrikonoxxi l-isforzi kontinwi mill-BĊE biex itejjeb il-komunikazzjoni mal-Parlament; jaqbel, barra minn hekk, mal-President Lagarde li l-BĊE għandu jimmodernizza l-komunikazzjoni tiegħu maċ-ċittadini dwar il-politiki tiegħu u l-impatt tagħhom; jinnota li stħarriġ rilevanti tal-Ewrobarometru jindika li 40 % biss tar-rispondenti miż-żona tal-euro għandhom it-tendenza li jafdaw lill-BĊE; jistieden lill-BĊE jkompli jinvolvi ruħu fi djalogu kostruttiv maċ-ċittadini biex jispjega d-deċiżjonijiet tiegħu u jisma' t-tħassib taċ-ċittadini; jilqa', f'dan ir-rigward, it-tħabbira tal-President Lagarde waqt id-Djalogu Monetarju li sar fis-27 ta' Settembru 2021 tad-deċiżjoni li l-avvenimenti ta' sensibilizzazzjoni jsiru karatteristika strutturali tal-interazzjoni tal-BĊE mal-pubbliku;

59. Jinnota d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew dwar l-involviment tal-President tal-BĊE u tal-membri tal-korpi deċiżjonali tiegħu fil-"Grupp tat-Tletin" (Każ 1697/2016/ANA) sabiex jiżgura trasparenza sħiħa u fiduċja pubblika fl-indipendenza tal-BĊE;

60. Jiddispjaċih u jesprimi tħassib qawwi li tnejn biss mill-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u tnejn biss mill-25 membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE huma nisa; itenni li n-nomini tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jitħejjew bir-reqqa u jieħdu approċċ ta' bilanċ bejn il-ġeneri, bi trasparenza sħiħa u flimkien mal-Parlament, f'konformità mat-Trattati; ifakkar li f'konformità mal-paragrafu 4 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE, il-Parlament huwa impenjat li ma jqisx il-listi mqassra li ma jirrispettawx il-prinċipju tal-bilanċ bejn il-ġeneri; iħeġġeġ lill-BĊE jkompli jagħmel progress f'dan ir-rigward; jistieden lill-pajjiżi membri taż-żona tal-euro jinkorporaw bis-sħiħ il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proċessi tal-ħatra tagħhom u jiżguraw opportunitajiet indaqs għall-ġeneri kollha għall-pożizzjoni ta' gvernatur tal-banek ċentrali nazzjonali tagħhom;

61. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-iżbilanċ bejn il-ġeneri jippersisti wkoll fl-istruttura organizzattiva tal-BĊE, b'mod partikolari fis-sehem tan-nisa fil-karigi maniġerjali għoljin; jinnota li, fi tmiem l-2019, is-sehem tan-nisa fil-pożizzjonijiet maniġerjali kollha tal-BĊE żdied għal 30.3 % u fil-pożizzjonijiet maniġerjali għoljin tiegħu għal 30.8 %; jistieden lill-BĊE jieħu azzjoni ulterjuri; jilqa', f'dan ir-rigward, l-istrateġija l-ġdida tal-BĊE biex itejjeb aktar il-bilanċ bejn il-ġeneri tal-persunal tiegħu fil-livelli kollha, inkluż l-objettiv li jiġu reklutati nisa biex jimlew mill-inqas nofs il-pożizzjonijiet ġodda u miftuħa tiegħu fil-livelli kollha u l-mira li s-sehem tan-nisa fil-livelli differenti jiżdied għal bejn 40 % u 51 % sal-2026; jistieden lill-BĊE jkompli jinċentiva aktar il-parteċipazzjoni tan-nisa u jippromwovi b'mod attiv rappreżentanza tal-ġeneri aktar ibbilanċjata fil-pożizzjonijiet kollha tiegħu fil-ġerarkija organizzattiva kollha kemm hi;

°

° °

62. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI  FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

6.12.2021

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

8

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Gunnar Beck, Marek Belka, Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Gilles Boyer, Carlo Calenda, Engin Eroglu, Markus Ferber, Jonás Fernández, Raffaele Fitto, Frances Fitzgerald, Luis Garicano, Sven Giegold, Valentino Grant, Claude Gruffat, Enikő Győri, Eero Heinäluoma, Michiel Hoogeveen, Danuta Maria Hübner, Stasys Jakeliūnas, France Jamet, Othmar Karas, Billy Kelleher, Ondřej Kovařík, Georgios Kyrtsos, Aurore Lalucq, Aušra Maldeikienė, Pedro Marques, Costas Mavrides, Jörg Meuthen, Csaba Molnár, Siegfried Mureşan, Luděk Niedermayer, Dimitrios Papadimoulis, Piernicola Pedicini, Lídia Pereira, Kira Marie Peter-Hansen, Sirpa Pietikäinen, Evelyn Regner, Antonio Maria Rinaldi, Alfred Sant, Martin Schirdewan, Joachim Schuster, Ralf Seekatz, Paul Tang, Irene Tinagli, Ernest Urtasun, Inese Vaidere, Johan Van Overtveldt, Stéphanie Yon-Courtin, Marco Zanni, Roberts Zīle

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Agnès Evren, Henrike Hahn, Eugen Jurzyca, Monica Semedo, Mick Wallace

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

49

+

ID

Valentino Grant, Antonio Maria Rinaldi, Marco Zanni

NI

Enikő Győri

PPE

Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Agnès Evren, Markus Ferber, Frances Fitzgerald, Danuta Maria Hübner, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Aušra Maldeikienė, Siegfried Mureşan, Luděk Niedermayer, Lídia Pereira, Sirpa Pietikäinen, Ralf Seekatz, Inese Vaidere

Renew

Gilles Boyer, Carlo Calenda, Engin Eroglu, Luis Garicano, Billy Kelleher, Ondřej Kovařík, Monica Semedo, Stéphanie Yon-Courtin

S&D

Marek Belka, Jonás Fernández, Eero Heinäluoma, Aurore Lalucq, Pedro Marques, Costas Mavrides, Csaba Molnár, Evelyn Regner, Alfred Sant, Joachim Schuster, Paul Tang, Irene Tinagli

The Left

Dimitrios Papadimoulis, Martin Schirdewan, Mick Wallace

Verts/ALE

Sven Giegold, Claude Gruffat, Henrike Hahn, Stasys Jakeliūnas, Piernicola Pedicini, Kira Marie Peter-Hansen, Ernest Urtasun

 

8

-

ECR

Michiel Hoogeveen, Eugen Jurzyca, Johan Van Overtveldt, Roberts Zīle

ID

Gerolf Annemans, Gunnar Beck, France Jamet, Jörg Meuthen

 

1

0

ECR

Raffaele Fitto

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Frar 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza