RAPPORT dwar l-isfidi għaż-żoni urbani fl-era ta' wara l-COVID-19
16.12.2021 - (2021/2075(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Katalin Cseh
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-isfidi għaż-żoni urbani fl-era ta' wara l-COVID-19
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari t-Titolu XVIII tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' riżorsi addizzjonali u arranġamenti ta' implimentazzjoni biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta' miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta' rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU)[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi[2] (ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni[3],
– wara li kkunsidra r-Regolament 2021/1059 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta' finanzjament estern[4],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta[5],
– wara li kkunsidra l-Patt ta' Amsterdam li jistabbilixxi l-Aġenda Urbana tal-UE, miftiehma bejn il-Ministri tal-UE responsabbli għal kwistjonijiet urbani fit-30 ta' Mejju 2016,
– wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP21) li saret f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, b'mod partikolari l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 11 dwar bliet u komunitajiet sostenibbli,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar ir-rwol tar-reġjuni u tal-bliet tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi tas-COP 21 dwar it-tibdil fil-klima[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2018 dwar ir-rwol tal-bliet fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-Sena Ewropea tal-Bliet Aktar Ekoloġiċi 2022[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar l-aċċess għal akkomodazzjoni diċenti u affordabbli għal kulħadd[10],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar l-Aġenda Urbana tal-UE, miftiehma bejn il-ministri responsabbli għall-koeżjoni territorjali u kwistjonijiet urbani fl-10 ta' Ġunju 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2016 dwar Aġenda Urbana tal-UE,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE – aspetti prinċipali tal-aġenda urbana tal-UE" (COM(2014)0490),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2021 bit-titolu "Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE – Lejn żoni u komunitajiet rurali aktar b'saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperużi sal-2040" (COM(2021)0345),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2021 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità 2021-2030" (COM(2021)0101),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Unjoni tal-Ugwaljanza: Qafas strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni" (COM(2020)0620),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025" (COM(2020)0698),
– wara li kkunsidra n-New Leipzig Charter on the transformative power of cities for the common good (New Leipzig Charter dwar il-qawwa trasformattiva tal-bliet għall-ġid komuni), adottata fil-Laqgħat Ministerjali Informali organizzati fit-30 ta' Novembru 2020,
– wara li kkunsidra l-Aġenda Urbana Ġdida adottata fil-Konferenza tan-NU dwar l-Akkomodazzjoni u l-Iżvilupp Urban Sostenibbli (Habitat III) fl-20 ta' Ottubru 2016 fi Quito, l-Ekwador, fl-20 ta' Ottubru 2016,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar l-Istat tal-Bliet Ewropej,
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva Ewlenija Globali tan-Nisa tan-NU "Safe Cities and Safe Public Spaces for Women and Girls" (Bliet Sikuri u Spazji Pubbliċi Sikuri għan-Nisa u l-Bniet),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, li nfetħet għall-iffirmar f'Istanbul fil-11 ta' Mejju 2011 ("il-Konvenzjoni ta' Istanbul"),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tagħha,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A9-0352/2021),
A. billi l-bliet jibqgħu fuq quddiem nett tal-kriżi tal-COVID-19, bi tnaqqis fl-attività ekonomika, rati għoljin ta' infezzjoni, rati baxxi ta' tilqim u spiss riżorsi inadegwati; billi l-pandemija aggravat ukoll in-nuqqasijiet prevalenti fiż-żoni urbani, u kixfet il-vulnerabbiltajiet tagħhom;
B. billi l-inugwaljanzi li ilhom jeżistu kibru fil-bliet kbar u żgħar minħabba l-pandemija; billi n-nies f'sitwazzjonijiet vulnerabbli saru saħansitra aktar vulnerabbli; billi l-bliet jiffaċċjaw sfidi bħall-aċċess għall-akkomodazzjoni bi prezz raġonevoli, il-kondizzjoni ta' persuni mingħajr dar, l-esklużjoni soċjali, il-faqar u nuqqas ta' aċċess għas-servizzi pubbliċi, tas-saħħa u servizzi essenzjali oħra;
C. billi 72 % tan-nies fl-UE jgħixu fi bliet u fi bliet żgħar; billi l-bliet u l-bliet żgħar jeħtiġilhom ikunu involuti direttament fl-irkupru mill-COVID-19; billi l-isforzi ta' rkupru jridu jagħmlu ħilithom biex jindirizzaw vulnerabbiltajiet li ilhom jeżistu u jmorru lil hinn mill-indirizzar tal-impatti fuq is-saħħa tal-COVID-19 ħalli jindirizzaw l-inugwaljanzi persistenti;
D. billi l-pandemija kellha impatti fuq il-ġeneru li l-bliet, il-bliet żgħar u ż-żoni urbani funzjonali se jkollhom iqisu; billi l-kwarantini u r-rekwiżiti tat-tbegħid soċjali poġġew lin-nisa f'riskju akbar ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u, fl-istess ħin, l-aċċess tan-nisa għal networks ta' appoġġ, servizzi soċjali u faċilitajiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva naqas;
E. billi ż-żoni metropolitani huma l-aktar inugwali fir-rigward tal-aċċess għal riżorsi essenzjali bħall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, speċjalment għal persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli; billi huma meħtieġa sforzi aktar sostnuti biex jiġu miġġielda forom multipli ta' diskriminazzjoni u inugwaljanza;
F. billi d-distakk diġitali huwa intersezzjonali u jkopri l-kategoriji kollha, inklużi d-differenzi bejn il-ġeneri, il-ġenerazzjonijiet u l-istatus soċjali, u ġie aggravat matul il-pandemija tal-COVID-19; billi ħafna akkomodazzjonijiet u istituzzjonijiet edukattivi ma għandhomx aċċess għal tagħmir diġitali adegwat u aġġornat;
G. billi t-telf ta' impjiegi huwa stmat li huwa ogħla fi bliet kbar milli bnadi oħra, u jolqot ħafna b'mod partikolari lill-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet, lill-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u lill-ħaddiema migranti, kif ukoll lil dawk b'kuntratti prekarji; billi r-riskju tal-qgħad huwa l-ogħla fost iż-żgħażagħ, li l-perkorsi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom u l-iżvilupp personali tagħhom ġew imfixkla, u ħafna minnhom ma sabux l-internships jew l-apprendistati meħtieġa sabiex itemmu l-istudji tagħhom;
H. billi l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt sinifikanti fuq is-setturi tal-kultura u tal-isport, u dan wassal għal reċessjoni ekonomika u telf ta' impjiegi; billi ż-żoni urbani, speċjalment iż-żoni metropolitani, jeħtieġu riżorsi adegwati għas-setturi kulturali u kreattivi biex jippermettu l-iżvilupp personali tal-abitanti tagħhom;
I. billi l-bliet, il-bliet żgħar u ż-żoni urbani funzjonali, bħaż-żoni metropolitani, huma pilastri ekonomiċi ewlenin biex tingħata spinta lit-tkabbir, jinħolqu l-impjiegi u tissaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni f'ekonomija globalizzata; billi ż-żoni urbani funzjonali u l-bliet ta' daqs medju, minkejja disparitajiet qawwija fil-kwalità tas-servizzi pprovduti bejn iż-żoni urbani u rurali, jistgħu jaġixxu bħala forzi li jmexxu 'l quddiem l-attraenza u l-iżvilupp rurali u jipprovdu liż-żoni rurali u depopolati ta' madwarhom b'aċċess għal għadd ta' servizzi;
J. billi fiż-żoni urbani, minbarra l-lista tal-isfidi eżistenti, l-emerġenza klimatika u l-isfidi demografiċi huma preżenti wkoll; billi l-multipliċità ta' sfidi fl-aħħar mill-aħħar tirrikjedi rispons li huwa bbażat fuq approċċ integrat li jiġbor flimkien setturi u sfidi differenti u jfittex soluzzjonijiet li jakkomodaw il-ħtiġijiet settorjali;
K. billi r-rekwiżiti ta' tbegħid fiżiku enfasizzaw in-nuqqas ta' parks adegwati, żoni ħodor u faċilitajiet ta' rikreazzjoni fuq barra kif ukoll in-nuqqas ta' trasport adegwat u sikur u infrastruttura tat-trasport alternattiv fiż-żoni urbani u ta' madwarhom;
L. billi l-kriżi tal-COVID-19 aggravat l-isfidi bħat-trasport tal-ikel u tal-mediċini u l-forniment ta' servizzi tas-saħħa, u enfasizzat nuqqasijiet serji fl-infrastruttura medika u fit-taħriġ professjonali għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa dwar kif jindirizzaw il-pandemiji jew sitwazzjonijiet oħra ta' emerġenza tas-saħħa;
M. billi l-akkomodazzjoni hija dritt universali u għalhekk l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu strateġiji speċifiċi u miżuri xierqa biex jingħelbu l-ostakli għad-dritt għall-akkomodazzjoni; billi huwa meħtieġ investiment f'akkomodazzjoni bi prezz raġonevoli;
N. billi ż-żoni urbani huma responsabbli għall-akbar proporzjon ta' konsum tal-enerġija u ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-UE u għandhom rwol ewlieni fil-ġlieda tal-Unjoni kontra t-tibdil fil-klima; billi l-bliet, il-bliet żgħar u ż-żoni urbani funzjonali se jirrikjedu kostruzzjoni urbana estensiva u l-ħolqien ta' ekonomija ċirkolari biex tgħin fil-mitigazzjoni tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, fil-limitazzjoni tat-tisħin globali, fit-tnaqqis tal-konġestjoni, fir-riċiklaġġ tal-iskart u fl-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-ekonomija;
O. billi l-popolazzjoni urbana globali hija mistennija li tiżdied b'sa 3 biljun persuna sal-2050 u żewġ terzi tal-popolazzjoni globali se tkun qed tgħix fil-bliet, u se tikkonsma 75 % tar-riżorsi naturali tad-dinja u tipproduċi 50 % tal-iskart globali u 'l fuq minn 60 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra;
P. billi t-trasport pubbliku għandu rwol importanti fil-ġlieda kontra l-faqar fit-trasport; billi hemm ħtieġa urġenti ta' żieda rapida fl-investimenti fi trasport pubbliku sostenibbli u fit-titjib fl-aċċess għalih, u fl-infrastruttura tal-mixi u ċ-ċikliżmu aħjar għas-sikurezza tal-utenti tat-triq u speċjalment għall-utenti b'mobbiltà mnaqqsa u b'diżabilitajiet oħra;
Q. billi l-bliet Ewropej kollha qed jiffaċċjaw żieda rekord fil-prezzijiet tal-enerġija li thedded li taffettwa l-irkupru ekonomiku ta' wara l-pandemija;
R. billi l-governanza f'diversi livelli, inkluż l-involviment attiv tal-awtoritajiet urbani, ibbażata fuq azzjoni koordinata mill-UE, mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet reġjonali u lokali, u f'konformità mal-prinċipju ta' sħubija kif stabbilit fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, huma elementi essenzjali għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi kollha tal-UE; billi l-awtoritajiet urbani għandhom ġuriżdizzjoni fuq l-għażla tal-proġetti fl-ambitu tal-finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-iżvilupp urban sostenibbli u fl-ambitu tal-Inizjattiva Urbana Ewropea l-ġdida, li tissostitwixxi l-Azzjonijiet Innovattivi Urbani għall-perjodu ta' programmazzjoni ġdid u toffri aktar opportunitajiet biex jiġu ttestjati soluzzjonijiet u approċċi ġodda inklużi dawk li jappoġġjaw iż-żoni urbani għall-era ta' wara l-COVID-19;
Bliet inklużivi
1. Jirrikonoxxi d-diversità soċjali, ekonomika, territorjali, kulturali u storika taż-żoni urbani madwar l-Unjoni; u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati sfidi bħas-segregazzjoni u l-faqar;
2. Jissottolinja li filwaqt li d-densità tal-bliet għandha ħafna vantaġġi f'termini ta' għajxien sostenibbli, il-konċentrazzjoni għolja tal-popolazzjoni f'ċerti żoni urbani jista' anke jkollha riperkussjonijiet fuq l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet tal-akkomodazzjoni, il-livell tat-tniġġis, il-kwalità tal-ħajja u r-riskju ta' diskriminazzjoni, faqar, inugwaljanza u esklużjoni soċjali;
3. Jissottolinja li l-pandemija tal-COVID-19 aċċentwat it-tendenza ta' depopolazzjoni f'żoni urbani sottożviluppati, li sikwit ma jkollhomx dħul proprju suffiċjenti biex jipprovdu lir-residenti servizzi pubbliċi ta' kwalità; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tipprovdi rakkomandazzjonijiet u trawwem il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri rigward l-organizzazzjoni u r-riformi amministrattivi-territorjali;
4. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri ta' azzjoni pożittiva li jippromwovu l-inklużjoni ta' komunitajiet emarġinati bħal persuni b'diżabilità, persuni anzjani aktar iżolati, persuni mingħajr dar, migranti u refuġjati u minoranzi etniċi bħar-Rom; jappella biex il-ħtiġijiet ta' finanzjament jiġu indirizzati fil-livell lokali, inklużi dawk taż-żoni urbani, speċjalment iż-żoni metropolitani, kif ukoll fil-livell reġjonali, nazzjonali u tal-UE, sabiex dawn il-komunitajiet emarġinati jiġu appoġġjati b'mod sostenibbli; ifakkar li, minbarra riżorsi nazzjonali suffiċjenti, il-fondi strutturali huma essenzjali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-miżuri ta' politika mressqa mill-qafas strateġiku tal-UE dwar ir-Rom għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni; jisħaq fuq ir-rwol tal-awtoritajiet urbani biex jiżguraw li dawn il-miżuri jirriflettu l-ħtiġijiet reali tal-komunitajiet Rom;
5. Jissottolinja r-rwol vitali tal-aċċessibbiltà urbana biex il-persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ id-dritt tagħhom għall-mobilità, l-istudju u x-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi inklużività sħiħa u tipprovdi aċċess għall-finanzjament għall-iżvilupp urban biex tiżgura aċċessibbiltà sħiħa għal persuni b'diżabilità;
6. Jisħaq li biex l-ekonomiji urbani jirkupraw u ma jħallu lil ħadd jibqa' lura, l-investimenti u r-riformi għandhom iwasslu għal impjiegi stabbli u ta' kwalità għolja, infrastruttura u servizzi pubbliċi msaħħa, djalogu soċjali msaħħaħ u appoġġ għall-inklużjoni u l-integrazzjoni ta' gruppi żvantaġġati, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-protezzjoni soċjali u s-sistemi tal-benessri;
7. Jenfasizza l-ħtieġa ta' qafas tal-UE biex jappoġġja strateġiji lokali u nazzjonali biex jiġġieldu kontra l-kondizzjoni ta' persuni mingħajr dar u jiżguraw aċċess ugwali għal akkomodazzjoni deċenti għal kulħadd billi jippromwovu approċċ integrat li jgħaqqad l-appoġġ tal-akkomodazzjoni ma' servizzi ta' kura soċjali u tas-saħħa, u inklużjoni attiva;
8. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jistabbilixxu strateġiji speċifiċi u miżuri xierqa biex jegħlbu l-ostakli għad-dritt għal-akkomodazzjoni bħad-diskriminazzjoni, il-finanzjalizzazzjoni, l-ispekulazzjoni, it-turistifikazzjoni, il-prattiki ta' self abbużiv u l-iżgumbramenti sfurzati;
9. Jisħaq li s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (SGEIs) fl-akkomodazzjoni għandhom ikunu prinċipalment iggwidati minn rekwiżiti speċifiċi ddeterminati mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, peress li dawn l-awtoritajiet għandhom il-kapaċità li jidentifikaw u jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-akkomodazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-għajxien ta' gruppi differenti, li jistgħu jvarjaw ħafna bejn iż-żoni rurali u urbani, u peress li dawn l-awtoritajiet għandhom rwoli kruċjali fit-teħid ta' deċiżjonijiet immirat sew; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadatta d-definizzjoni tal-grupp fil-mira ta' akkomodazzjoni soċjali u ffinanzjata minn fondi pubbliċi fir-regoli dwar l-SGEIs, sabiex l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jkunu jistgħu jappoġġjaw l-akkomodazzjoni għall-gruppi kollha li l-ħtiġijiet tagħhom għal akkomodazzjoni deċenti u bi prezz raġonevoli ma jistgħux jiġu ssodisfati faċilment f'kundizzjonijiet tas-suq, filwaqt li jiżguraw ukoll li jiġi allokat biżżejjed finanzjament lil dawk l-aktar żvantaġġati, sabiex jiġi żblukkat l-investiment u jiġu żgurati akkomodazzjoni bi prezz raġonevoli, newtralità fil-pussess ta' akkomodazzjoni u żvilupp urban sostenibbli, u jinħolqu viċinati b'diversità soċjali u tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali;
10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jżidu l-investiment f'akkomodazzjoni soċjali, pubblika, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, adegwata u bi prezz raġonevoli, u fil-ġlieda kontra l-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar u l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni fl-UE; jappella f'dan ir-rigward li jsir investiment permezz tal-FEŻR, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, l-InvestUE, il-FSE+, l-Orizzont Ewropa, in-Next Generation EU, u speċjalment permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus u l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus; jappella biex ikun hemm kooperazzjoni akbar bejn dawn l-istrumenti; jilqa' l-finanzjament tas-self għax-xiri ta' akkomodazzjoni soċjali u bi prezz raġonevoli permezz ta' InvestEU u l-portafoll usa' tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw il-progress soċjali bħala prijorità ta' investiment, flimkien ma' tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza sabiex il-persuni vulnerabbli jiġu mħarsa mill-impatt negattiv tal-kriżi attwali u jiġu inklużi l-pjanijiet ta' progress soċjali fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jiġi deskritt kif il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se jiġu implimentati u fejn se jiġu indirizzati l-investimenti soċjali, inkluż investiment fl-akkomodazzjoni soċjali; jistieden b'mod urġenti lill-Kummissjoni tiżgura li l-finanzjament tal-UE u tal-BEI jsir aktar aċċessibbli għall-fornituri lokali u reġjonali ta' akkomodazzjoni bi prezz raġonevoli, soċjali u pubblika; jistieden lill-BEI jipprova jżid il-finanzjament korrispondenti permezz ta' assistenza teknika mmirata u kooperazzjoni aktar mill-qrib ma' intermedjarji finanzjarji u l-Istati Membri;
11. Jenfasizza l-isfidi soċjoekonomiċi taċ-ċentri urbani, speċjalment iż-żoni metropolitani b'popolazzjonijiet sinifikanti ta' migranti u refuġjati u persuni oħra f'komunitajiet vulnerabbli oħra; ifakkar li l-bliet għandhom rwol ewlieni fil-bini ta' komunitajiet inklużivi, aċċessibbli u akkoljenti fejn ħadd ma jitħalla jibqa' lura;
12. Jinnota li l-migrazzjoni ekonomika għandha impatt dirett fuq l-inklużività tal-bliet, u tirrikjedi tweġibiet ta' politika mfassla apposta; jindika l-potenzjal tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027 għall-bini ta' soċjetajiet inklużivi u koeżivi u l-immirar ta' programmi lejn il-viċinati l-aktar fil-bżonn; jinnota anke li l-istrateġiji ta' żvilupp lokali mmexxija mill-komunità huma għodda essenzjali biex jinħolqu l-impjiegi, jitnaqqas il-faqar u jiżdied l-aċċess għas-servizzi fiż-żoni urbani;
13. Jenfasizza li f'żoni fil-bżonn, it-tfal ħafna drabi jesperjenzaw fatturi ta' riskju multipli, bħal akkomodazzjoni fqira, diskriminazzjoni, vjolenza u aċċess mhux ugwali għal servizzi bħall-kura tat-tfal, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw skemi lokali ta' garanzija għat-tfal biex jindirizzaw l-isfidi urbani speċifiċi tal-faqar fost it-tfal;
14. Jisħaq fuq ir-rwol tal-bliet favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jfakkar li f'konformità mar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, l-azzjonijiet kollha implimentati fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni għandhom iqisu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala prinċipju ta' gwida matul il-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni tagħhom; jissottolinja li l-azzjoni li għandha l-għan li tnaqqas id-differenza bejn il-ġeneri fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni għandha tuża approċċ intersezzjonali li jieħu passi xierqa biex jipprevjeni kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni tal-ġeneru u li jibbaża ruħu fuq oqfsa strateġiċi nazzjonali għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jisħaq, madankollu, li l-benefiċjarji tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni ma għandhomx jadottaw politiki diskriminatorji, speċjalment kontra l-minoranzi, bħall-komunità LGBTI; iħeġġeġ biex jiġu rrifjutati applikazzjonijiet minn benefiċjarji potenzjali, inkluż mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, li adottaw politiki diskriminatorji kontra membri tal-komunità LGBTI bħad-dikjarazzjoni ta' "żoni ħielsa mil-LGBT";
15. Jenfasizza li minbarra r-riskji għas-saħħa, in-nisa huma aktar vulnerabbli għar-riskji ekonomiċi assoċjati mal-pandemija tal-COVID-19; jirrikonoxxi li f'kuntest ta' wara l-pandemija, l-appoġġ lin-nisa fis-setturi formali u informali u l-integrazzjoni aħjar tan-nisa fl-ippjanar tal-politika għall-iżvilupp reġjonali u urban li jiffoka fuq it-tfassil ta' bliet u komunitajiet inklużivi għall-ġeneru huma essenzjali għall-irkupru ekonomiku urban;
16. Jenfasizza d-differenza wiesgħa fid-data dwar il-ġeneri fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni u l-ippjanar urban u jistieden lill-Istati Membri jintroduċu metodi għall-ġbir tad-data bl-użu ta' data diżaggregata skont il-ġeneru;
17. Jenfasizza l-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal żidiet qawwija fil-vjolenza domestika; jistieden lill-Istati Membri jallokaw finanzjament ta' politika ta' koeżjoni u jimmobilizzaw l-awtoritajiet urbani biex jindirizzaw iż-żieda globali fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru; iħeġġeġ lill-bliet tal-UE jiżviluppaw, jimplimentaw, u jevalwaw approċċi komprensivi biex jipprevjenu u jirrispondu għall-fastidju sesswali u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fi spazji pubbliċi billi jimpenjaw ruħhom favur il-prinċipji tal-Inizjattiva Ewlenija Globali tan-Nisa tan-NU "Safe Cities and Safe Public Spaces for Women and Girls" (Bliet Sikuri u Spazji Pubbliċi Sikuri għan-Nisa u l-Bniet);
18. Jistieden lill-Istati Membri kollha jikkonkludu b'mod urġenti r-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni biex tindirizza kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u tieħu l-passi meħtieġa ħalli tidentifika l-vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ġdid ta' kriminalità li għandu jiġi elenkat fl-ambitu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE;
19. Jirrikonoxxi l-piż imqiegħed fuq in-nisa bħala indokraturi ewlenin f'ambjenti formali u informali, kif ukoll il-valur soċjali ta' dik il-kura, speċjalment matul il-kriżi tal-COVID-19; jirrimarka li 80 % tal-kura kollha pprovduta madwar l-UE tingħata minn persuni li jindukraw b'mod informali (mhux bi ħlas), u li 75 % minnhom huma nisa; jindika r-rwol rilevanti tal-fondi strutturali Ewropej biex jiġi żgurat l-investiment fis-servizzi tal-indukrar; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi strateġija Ewropea dwar l-indokrar;
20. Jiġbed l-attenzjoni għall-qgħad u b'mod partikolari għall-qgħad fost iż-żgħażagħ, li ġie aggravat mill-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-Istati Membri jinvolvu b'mod attiv lill-awtoritajiet urbani fit-tfassil ta' programmi li jissodisfaw il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ fil-bliet u fil-ħolqien ta' politiki li jiffokaw fuq is-saħħa mentali u l-benessri taż-żgħażagħ, li huma kruċjali, speċjalment fil-kuntest ta' wara l-COVID-19;
Bliet sostenibbli
21. Jisħaq fuq l-importanza ta' żvilupp urban sostenibbli, inkluż trasport pubbliku sostenibbli u bi prezz raġonevoli, għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni u l-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjoni tagħha u biex sa mhux aktar tard mill-2050 jintlaħqu l-għanijiet tagħha tan-newtralità klimatika; ifakkar fl-opportunitajiet għaż-żoni urbani ppreżentati mill-inizjattiva Bauhaus Ewropea l-Ġdida u l-prinċipji gwida li jinkludu s-sostenibbiltà, il-governanza fuq diversi livelli, l-estetika u l-inklużjoni;
22. Jirrikonoxxi li għandha tiġi implimentata strateġija sinkronizzata li twieġeb għall-COVID-19 u li t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali għandhom jiġu implimentati biex jinbeda rkupru ekonomiku li jaċċellera t-tranżizzjoni sostenibbli;
23. Jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri, f'konformità mal-impenji tagħhom fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi u l-SDGs tan-NU biex jagħtu prijorità u jappoġġjaw oqfsa ta' ekonomija ċirkolari, investimenti fl-enerġija rinnovabbli, mobilità urbana u suburbana sostenibbli u bi prezz raġonevoli (b'mod partikolari networks ta' mogħdijiet għaċ-ċiklisti), infrastruttura alternattiva tat-trasport fiż-żoni urbani u madwarhom, manutenzjoni xierqa tal-infrastruttura eżistenti u investiment rapidu fl-infrastruttura ekoloġika, parks, faċilitajiet ekoloġiċi u rikreattivi fil-beraħ u rispett għall-prinċipji "la tagħmilx ħsara sinifikanti" u "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel"; jinnota li inizjattivi bħall-Bauhaus Ewropea l-Ġdida huma opportunità għal żoni urbani biex juru l-Mewġa ta' Rinnovazzjoni[11], u proġetti li jagħtu prijorità lill-ekonomija ċirkolari, lis-sostenibbiltà u lill-bijodiversità; huwa mħeġġeġ mill-fatt li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida hija ddedikata biex issegwi approċċ parteċipattiv u transdixxiplinari għall-bini ta' ambjent sostenibbli għall-persuni biex jgħixu fih;
24. Jemmen li l-kriżi tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa ta' soluzzjonijiet ġodda ta' ppjanar u mobilità urbana sabiex iż-żoni urbani jsiru aktar reżiljenti u adattabbli għad-domanda tal-mobilità u li l-kriżi għandha tittieħed bħala opportunità biex jitnaqqsu l-konġestjoni tat-trasport u l-emissjonijiet ta' gassijiet serra; jappella għal investimenti li jippromwovu mobilità urbana sostenibbli permezz ta' sistemi ta' trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi u żviluppati sistemi tat-trasport pubbliku sostenibbli fiż-żoni urbani, u li tiġi adattata l-kapaċità tat-trasport pubbliku għad-domanda dejjem tikber ta' vjaġġar għax-xogħol ta' kuljum fiċ-ċentri tal-bliet jew barra minnhom; jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw mill-ġdid l-investiment tagħhom fil-mobilità urbana u jagħtu prijorità lill-infrastruttura diġitali li tibbenefika lill-passiġġieri kollha, inklużi persuni b'mobilità mnaqqsa;
25. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timpenja ruħha mal-bliet u mal-Istati Membri biex tiżgura li sal-2030 il-bliet il-kbar u n-nodi urbani kollha fin-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) ifasslu pjanijiet ta' mobilità urbana sostenibbli (SUMPs) sal-2030; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jaħdmu mill-qrib mar-reġjuni u mal-bliet, b'mod partikolari bejn il-fruntieri, biex itejbu u jlestu l-infrastruttura tal-aħħar mil u l-konnessjonijiet multimodali u transfruntiera li għadhom nieqsa tul it-TEN-T; jirrimarka li ħafna portijiet Ewropej jinsabu qrib ċentri urbani u huma nodi importanti tat-trasport fit-TEN-T;
26. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-aċċess għall-programmi ta' finanzjament tal-UE għall-mobilità urbana, bħall-FEŻR, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, ikun jiddependi minn SUMPs eżistenti jew prospettivi; jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni tista' tgħin biex jiġi sfruttat il-potenzjal kemm tal-intelliġenza artifiċjali kif ukoll tal-mudell tal-belt intelliġenti, perezempju billi ttejjeb il-kapaċità amministrattiva u l-ħiliet diġitali, u għandha tinkoraġġixxi bidla mill-esperimentazzjoni b'inizjattivi tal-bliet intelliġenti għal żieda fl-iskala tagħhom b'finanzjament u appoġġ relatat; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra modi kif tappoġġja l-bliet fit-tħejjija tal-SUMPs tagħhom skont l-ogħla standards; jisħaq li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jassistu lill-awtoritajiet lokali kull fejn possibbli biex jilħqu dan l-għan; jilqa', barra minn hekk, l-intenzjoni tal-BEI li jaħdem flimkien mal-awtoritajiet pubbliċi biex jappoġġja programmi ta' investiment ambizzjużi li jippromwovu l-mobilità sostenibbli fil-livelli lokali u reġjonali, inkluż permezz ta' SUMPs u proġetti tat-trasport pubbliku;
27. Jenfasizza li l-lockdown u l-miżuri sanitarji kellhom impatt konsiderevoli fuq id-domanda għall-mobilità u l-għażla tal-mod tat-trasport, u dan wassal sabiex in-nies biex jużaw anqas it-trasport pubbliku; jappella għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' sistema ta' ħruġ ta' biljetti unika u multimodali li tippermetti liċ-ċittadini jiċċaqalqu b'mod aktar faċli għall-utent u sikur bejn u ġewwa ż-żoni urbani fl-UE;
28. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni trawwem il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn iż-żoni urbani dwar l-urbaniżmu u l-infrastruttura sostenibbli, l-ippjanar urban ekoloġiku, l-enerġija nadifa, l-effiċjenza fl-enerġija, it-trasport pubbliku b'emissjonijiet żero, il-mobilità tal-persuni miexja u ċ-ċiklisti, il-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma u l-ġestjoni sostenibbli u ċirkolari tal-iskart;
29. Jappella għar-reviżjoni tal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' SUMPs; jappella biex dawk il-pjanijiet irawmu l-multimodalità u jindirizzaw xi riperkussjonijiet ta' konċentrazzjoni żejda tal-popolazzjoni f'ċerti żoni urbani, bħall-konġestjoni u kostijiet dejjem jiżdiedu tat-trasport, permezz ta', pereżempju, arranġamenti soċjoekonomiċi bbilanċjati biex jiġi żgurat li l-pjanijiet ma jkunux diskriminatorji;
30. Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tar-reviżjoni li jmiss tal-pakkett dwar il-mobilità urbana, biex tippromwovi sinerġiji bejn il-miżuri ta' sikurezza u ta' sostenibbiltà fiż-żoni urbani; jinkoraġġixxi l-possibbiltajiet ta' parkeġġ fid-dħul ta' żoni urbani (bħas-sistemi ta' park-and-ride), biex jiġi pprovdut aċċess faċli għal modi differenti tat-trasport pubbliku, sabiex jitnaqqsu sostanzjalment il-konġestjoni urbana, l-emissjonijiet tas-CO2 u l-parkeġġ fuq l-art u taħt l-art ġewwa l-bliet, u anke biex tinbena mill-ġdid u tissaħħaħ l-attraenza taċ-ċentri tal-bliet u jiġu attirati klijenti potenzjali biex jappoġġjaw is-settur tal-bejgħ bl-imnut imdgħajjef wara l-pandemija u jagħtu spinta lill-valur lokali;
31. Jenfasizza li l-irkupru ekonomiku tal-bliet se jkun ostakolat minn prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew; jappella biex jittieħdu passi xierqa biex isir progress fl-Unjoni tal-Enerġija u tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-suq tal-enerġija Ewropew; jissottolinja li enerġija orħos għal kulħadd fiż-żoni urbani hija indispensabbli; jinkoraġġixxi, għalhekk, l-istabbiliment ta' programmi massivi għall-iżolament tal-bini u t-tqegħid tal-pannelli solari fuq is-soqfa; jenfasizza li l-komunitajiet lokali tal-enerġija rinnovabbli għandhom jingħataw is-setgħa, sabiex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija, titkompla d-dekarbonizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija, u jkunu jistgħu jitgawdew l-benefiċċji soċjali ta' suq tal-enerġija lokali;
32. Jappella għal azzjoni biex titjieb il-kwalità tal-arja urbana biex jiġu mminimizzati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u jiġu miġġielda l-livelli ta' ħsejjes ambjentali, li qed jiżdiedu fiż-żoni urbani;
33. Jinnota li apparati ġodda għall-mobilità personali (inklużi scooters elettroniċi u r-roti elettriċi) iqajmu għadd ta' punti ta' tħassib dwar is-sikurezza fiż-żoni urbani; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida għall-Istati Membri dwar il-ġestjoni ta' dawn il-kwistjonijiet ta' sikurezza;
34. Jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 wasslet għall-espansjoni tas-settur tal-konsenja fid-djar, li tat spinta lill-ħolqien ta' tipi ġodda ta' xogħol fuq pjattaformi u mudelli ta' negozju fiż-żoni urbani; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza tal-persunal tal-konsenja u dwar it-taħriġ fl-għodod diġitali li juża, bħal applikazzjonijiet u pjattaformi interattivi;
35. Ifakkar li kważi 40 % tal-imwiet fit-toroq kollha fl-Ewropa jseħħu fiż-żoni urbani; itenni li l-veloċità eċċessiva hija fattur ewlieni f'madwar 30 % tal-ħabtiet fatali fit-toroq u fattur aggravanti fil-biċċa l-kbira tal-ħabtiet; jistieden lill-Kummissjoni tuża r-rakkomandazzjoni antiċipata tagħha dwar il-veloċità biex tagħmel il-veloċità ta' 30 km/h dik massima awtomatika f'żoni residenzjali u f'żoni b'għadd kbir ta' persuni miexja u ċiklisti, bil-possibbiltà ta' limiti ogħla fuq it-toroq arterjali ewlenin u protezzjoni xierqa għall-utenti vulnerabbli tat-triq; jilqa' l-fatt li l-UE affermat mill-ġdid l-għan strateġiku fuq terminu twil tagħha ta' kważi l-ebda mewt u korriment serju fit-toroq Ewropej sal-2050 (Vision Zero), u l-għan tagħha fuq terminu medju li tnaqqas l-imwiet u l-korrimenti serji b'50 % sal-2030; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tintegra aħjar is-sikurezza fit-toroq fil-linji gwida tal-SUMP u jistieden lill-awtoritajiet lokali jippromwovu s-sikurezza fit-toroq permezz ta' inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni, azzjonijiet xierqa u opportunitajiet ta' finanzjament;
36. Iwissi li l-bliet u l-bliet żgħar huma vulnerabbli ħafna għall-impatti tat-tibdil fil-klima; huwa mħasseb ħafna li l-mewġiet tas-sħana, li diġà huma aktar estremi fil-bliet minħabba l-effetti ta' gżejjer ta' sħana urbana, qed jiżdiedu kemm fl-intensità kif ukoll fil-frekwenza, filwaqt li avvenimenti ta' preċipitazzjoni estrema u mareġġati x'aktarx li jirriżultaw f'aktar għargħar bħal dak li rajna fl-Ewropa fis-sajf 2021, jew maltempati bis-silġ estremi bħal fix-xitwa 2020-2021, li juru l-bżonn li r-reżiljenza għad-diżastri fil-bliet tiżdied b'mod sinifikanti; jistieden lill-Kummissjoni biex fejn xieraq issaħħaħ il-kollaborazzjoni tagħha mal-gvernijiet lokali permezz ta' strutturi eżistenti, bħall-Patt tas-Sindki tal-UE, il-Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi u l-Alleanza tas-Sindki għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet u l-isfidi relatati mat-tibdil fil-klima li jiffaċċjaw iż-żoni urbani, jitfasslu b'mod konġunt soluzzjonijiet biex il-bliet isiru aktar ekoloġiċi u l-investimenti jitmexxew lejn azzjonijiet lokali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jistabbilixxu, minbarra l-pjanijiet nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija u l-klima, strateġiji urbani għall-adattament għat-tibdil fil-klima li jinkoraġġixxu l-investiment biex jittrasformaw il-bliet u jadattawhom għat-theddid tat-tibdil fil-klima;
37. Itenni li 30 % tal-qafas finanzjarju pluriennali u 37 % tan-Next Generation EU huma ddedikati għall-azzjoni klimatika, filwaqt li 20 % tan-Next Generation EU huwa allokat għat-tranżizzjoni diġitali; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tipprovdi gwida u rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri biex tiżgura li l-ħiliet meħtieġa jiġu żviluppati ħalli jinkisbu t-tranżizzjonijiet doppji ekoloġiċi u diġitali; jiddeplora l-esklużjoni taż-żoni urbani fil-kuntest tan-Next Generation EU u għalhekk jappella għal involviment u parteċipazzjoni aħjar tal-bliet, tal-bliet żgħar u taż-żoni urbani funzjonali fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza;
38. Jenfasizza l-ħtieġa li jitħawlu aktar siġar u li jiġu installati soqfa ekoloġiċi, minħabba li l-ekoloġizzazzjoni tal-bliet tipprovdi valur rikreattiv importanti għall-bnedmin u tnaqqas it-temperatura, tassorbi l-ilma tax-xita żejjed u għalhekk tikkontrobatti l-effetti tat-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità; jenfasizza li r-rinnovazzjoni tal-bini biex jitnaqqas l-użu tal-enerġija, u t-tfassil mill-ġdid tal-bliet biex jiżdiedu l-ispazji ekoloġiċi u jiġu promossi l-mixi u ċ-ċikliżmu, se jiġġeneraw iffrankar, joħolqu impjiegi, jgħinu fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku, u jagħtu benefiċċji klimatiċi;
39. Jisħaq li l-impenn taż-żoni urbani huwa kruċjali għat-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali għall-klima u għal ekonomija prospera, ġusta, sostenibbli u kompetittiva; jinnota li, f'xi każijiet, il-gvernijiet lokali ma għandhomx in-know-how, ir-riżorsi umani u l-aċċess għal data ta' kwalità għolja meħtieġa biex iniedu azzjonijiet u jsir progress; jemmen, għalhekk, li l-bini tal-kapaċitajiet, l-appoġġ tekniku u l-finanzjament iridu jintużaw bis-sħiħ, kif miftiehem fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-awtoritajiet urbani u suburbani biex jintlaħqu l-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jemmen li l-awtoritajiet urbani jeħtiġilhom ikollhom aċċess dirett għall-finanzjament tal-UE fil-futur;
Bliet innovattivi
40. Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni għenet biex jiġu indirizzati xi wħud mill-isfidi immedjati li jirriżultaw mill-pandemija, b'mod partikolari matul il-perjodi ta' lockdown, u li fost il-ħafna inugwaljanzi esposti mill-pandemija tal-COVID-19, id-distakk diġitali huwa wieħed serju; jinnota li l-pandemija aċċellerat id-diġitalizzazzjoni, u li t-teknoloġija saret imperattiva għat-telexogħol, għall-edukazzjoni mid-dar, għall-kummerċ elettroniku, għas-saħħa elettronika, għall-gvern elettroniku, għad-demokrazija diġitali, u għad-divertiment diġitali; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib dawn l-iżviluppi u tiżgura konformità sħiħa mal-acquis tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet soċjali u tal-ħaddiema; ifakkar li d-diġitalizzazzjoni u l-konnettività diġitali jridu jkunu prijorità għall-komunitajiet lokali fl-irkupru tagħhom; itenni l-importanza li jkun hemm dritt tal-kompetizzjoni adegwat u qafas ta' għajnuna mill-Istat li jagħti lill-Istati Membri flessibbiltà sħiħa fl-ambitu tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex jappoġġjaw l-ekonomija matul it-tifqigħa tal-coronavirus, speċjalment billi jużaw infrastruttura tal-broadband u tal-5G b'veloċità għolja fil-bliet kollha irrispettivament mid-daqs tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw il-konnettività, jipprovdu tagħmir u jiżguraw il-preżenza ta' persunal imħarreġ fl-istituzzjonijiet pubbliċi, soċjali u edukattivi;
41. Jappella għal azzjonijiet u politiki għal tranżizzjoni diġitali ġusta, li għandhom jiġu applikati f'diversi livelli, mill-bliet għall-UE nnifisha; jappella biex l-inklużjoni diġitali tiġi rikonoxxuta bħala dritt għall-ġenerazzjonijiet kollha u għal impenn ċar biex tinkiseb konnettività universali tal-internet għall-bliet;
42. Jisħaq li l-litteriżmu diġitali għandu jissaħħaħ biex jespandi l-aċċess għal opportunitajiet ġodda; iqis li l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ irid jingħata spinta bi programmi komprensivi kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat għat-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, għat-taħriġ mill-ġdid u għat-tagħlim tul il-ħajja li jwieġbu għall-bidliet fid-domanda għall-ħiliet; jappella għall-avvanzi tan-nisa u tal-bniet fl-edukazzjoni u fil-karrieri fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika (STEM);
43. Ifakkar li t-turiżmu urban kellu rwol essenzjali fil-ħolqien tal-politiki urbani; jirrimarka li ħafna mill-bliet tal-UE sofrew min-nuqqas fil-fluss tat-turiżmu wara t-tifqigħa tal-pandemija u li kellhom ifittxu modi operandi ġodda u aktar sostenibbli biex it-turiżmu jirkupra, u li dan wassal għal użu akbar ta' teknoloġiji diġitali ġodda, li ppermettew ġestjoni aħjar tal-ispazji urbani u l-moviment tat-turisti urbani sabiex tiġi evitata l-formazzjoni ta' gruppi kbar u sitwazzjonijiet ta' riskju fil-kuntest tal-pandemija;
44. Jenfasizza li l-libreriji u ċ-ċentri kulturali huma vetturi għall-faċilitazzjoni tal-inklużjoni diġitali u soċjali, it-tagħlim tul il-ħajja u l-mogħdijiet għall-impjieg għall-komunitajiet urbani u għall-gruppi żvantaġġati; jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, għall-ħtieġa ta' postijiet addizzjonali għall-iskambju personali u politiku;
45. Jissottolinja li l-intelliġenza artifiċjali tippermetti soluzzjonijiet urbani intelliġenti, inklużi ġestjoni aktar effiċjenti tal-enerġija, tal-ilma u tal-iskart, u tnaqqis fit-tniġġis, l-ħsejjes u l-konġestjoni tat-traffiku; jinsab imħasseb li l-awtoritajiet lokali se jiffaċċjaw diversi sfidi diġitali, bħad-disponibbiltà u l-affidabbiltà tat-teknoloġija tad-data, id-dipendenza minn partijiet terzi privati u n-nuqqas ta' ħiliet; jisħaq li t-teknoloġiji emerġenti bħall-intelliġenza artifiċjali jridu jaderixxu ma' kriterji etiċi biex tiġi evitata r-riproduzzjoni tal-inugwaljanzi soċjali eżistenti;
46. Jikkunsidra li l-istrutturi tas-saħħa primarja urbana eżistenti jeħtieġ li jissaħħu fiżikament u finanzjarjament; jinnota li l-bidla fl-għoti tal-kura tas-saħħa għandha wkoll iżżid l-innovazzjoni diġitali u ttejjeb l-integrazzjoni tal-kura permezz ta' kanali ta' informazzjoni aġġornati biex tagħti kura tas-saħħa aktar immirata, personalizzata, effettiva u effiċjenti; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu mal-awtoritajiet lokali, reġjonali u speċjalment urbani biex jiżviluppaw networks ħalli jedukaw lin-nies fl-użu tal-kura tas-saħħa diġitali u l-amministrazzjoni pubblika diġitali, li jippermettu aċċess universali u ekwu, filwaqt li jipproteġu sew id-data sensittiva u jipprevjenu ċ-ċiberkriminalità; jenfasizza, għalhekk, ir-rwol kruċjali tal-Istati Membri fl-appoġġ tal-awtoritajiet tal-bliet fl-isforzi tagħhom biex isawru u jiżguraw l-inklużjoni diġitali, billi jipproteġu d-data personali u jagħtu s-setgħa lin-nies u lin-negozji lokali permezz tal-aċċess għad-data;
Bliet għat-tagħlim
47. Jisħaq fuq l-effetti negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-edukazzjoni u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-inklużjoni u l-aċċess għall-edukazzjoni;
48. Jissottolinja l-ħtieġa ta' appoġġ għas-settur kulturali billi l-kultura u l-patrimonju kulturali huma ta' valur vitali għall-kompetittività reġjonali u l-koeżjoni soċjali u jgħinu biex tissawwar l-identità tal-bliet u r-reġjuni; jisħaq fuq l-importanza tal-ħolqien ta' aktar siti kulturali u li jiġi żgurat l-irkupru tagħhom wara l-COVID-19 u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu attirati aktar żgħażagħ lejhom;
49. Jissottolinja l-kontributi ekonomiċi u soċjali u l-impatt tas-setturi kulturali u sportivi lejn is-soċjetà; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw u jallokaw biżżejjed fondi nazzjonali u tal-UE biex tinħoloq infrastruttura kulturali u sportiva robusta u jippromwovu l-edukazzjoni għas-setturi ekonomiċi u rikreattivi, speċjalment għall-kultura tad-dilettanti u għall-isport mhux professjonali fiż-żoni urbani u suburbani; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri joħorġu bi pjan ta' azzjoni ħalli jirriġeneraw liż-żewġ setturi bħala partijiet importanti tal-ekonomija fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE u jagħtu spinta lir-reżiljenza tagħhom;
50. Jisħaq fuq l-importanza li jitħarsu d-drittijiet tat-tfal u taż-żgħażagħ, kif ukoll il-ħtieġa li jinħolqu sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ li huma robusti, inklużivi u funzjonali, li jissodisfaw il-ħtiġijiet reali tan-nies fiż-żoni urbani rispettivi tagħhom, u li jkunu mgħammra għal kwalunkwe kriżi tas-saħħa jew diżastru naturali li jista' jseħħ fil-futur;
51. Jinnota bi tħassib li l-kriżi tal-COVID-19 kellha effetti drammatiċi fuq numru sinifikanti taż-żgħażagħ Ewropej, li dehret b'mod partikolari f'iżolament inkwetanti, telf qawwi ta' impjiegi u tfixkil tal-perkors tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ; jissottolinja li din is-sitwazzjoni rriżultat f'bidliet kemm fil-kompożizzjoni kif ukoll fid-daqs tal-popolazzjoni taż-żgħażagħ mhux fl-edukazzjoni, l-impjiegi jew it-taħriġ, li hija sitwazzjoni li teħtieġ li tiġi vvalutata u identifikata sabiex jiġu ttrattati l-isfidi speċifiċi li jirriżultaw mill-kriżi u l-Istati Membri jiġu megħjuna fl-iżvilupp ta' strateġiji effettivi ta' sensibilizzazzjoni għaż-żgħażagħ; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni twettaq studju dwar il-possibbiltà li jiġu żviluppati għodod Ewropej komuni biex jiġu mmappjati u mmonitorjati żgħażagħ li mhumiex fl-edukazzjoni, f'impjieg jew f'taħriġ, sabiex tkun tista' tingħata reazzjoni politika xierqa b'appoġġ għal dan il-grupp partikolarment vulnerabbli fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19;
52. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu riveduti s-soluzzjonijiet għat-tiġdid taċ-ċentri tal-bliet li sofrew minn għeluq ta' negozji u siti kulturali, postijiet vakanti, telf ta' attraenza u żieda fil-kummerċ online matul u wara l-pandemija;
53. Jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni jirrevedu u jfasslu mill-ġdid l-infrastruttura edukattiva f'konformità mal-iżviluppi l-ġodda fil-professjonijiet tal-edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw fondi suffiċjenti għall-iżvilupp ta' faċilitajiet edukattivi u għat-taħriġ kemm tal-għalliema kif ukoll tal-istudenti ta' kull età fl-iżvilupp ta' ħiliet ekoloġiċi u diġitali biex ikunu ppreparati għall-futur; ifakkar li d-diġitalizzazzjoni għandha timxi id f'id mhux biss mal-għoti ta' aċċess għall-internet, iżda anke tat-tagħmir neċessarju għall-użu tal-internet;
54. Iqis li sensiela ta' kunċetti innovattivi, speċjalment l-użu ibridu u l-multifunzjonalità tal-ispazji urbani, il-ġustizzja fl-użu tal-art u l-"belt ta' 15-il minuta", se jkollhom rwol kruċjali fil-mudell il-ġdid għaż-żoni urbani tal-UE;
Inizjattivi ta' politika mfassla apposta
55. Jissottolinja l-ħtieġa li jkun hemm adattament għar-realtà l-ġdida fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 u li ssir riflessjoni dwar mudell ġdid għaż-żoni urbani tal-UE, filwaqt li jingħata lok akbar għall-kreattività, għall-involviment ċiviku u għall-esperimentazzjoni; jemmen li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija opportunità biex il-bliet jinġiebu b'mod aktar prominenti fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, u biex jingħataw rwol essenzjali fil-bini ta' demokrazija parteċipattiva u djalogu mar-residenti aktar b'saħħithom filwaqt li jiġi adottat approċċ minn isfel għal fuq u tiġi riveduta l-governanza urbana; jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati strateġiji komprensivi bbażati fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija Diġitali Ewropea[12] u l-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE; ifakkar fil-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi f'konformità mal-Artikolu 349 tat-TFUE;
56. Jirrikonoxxi l-fatt li minkejja n-nuqqas ta' kompetenzi espliċiti tal-UE fir-rigward tal-iżvilupp urban, firxa wiesgħa ta' inizjattivi tal-UE għandhom impatt fuq il-bliet, il-bliet żgħar u ż-żoni urbani funzjonali; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' kooperazzjoni aktar b'saħħitha dwar il-programmi u l-politiki tal-UE fost u fiż-żoni urbani; huwa mħasseb li filwaqt li diversi inizjattivi kibru f'dawn l-aħħar snin, il-koordinazzjoni tibqa' baxxa u b'riskji ta' duplikazzjoni u impatti vagi;
57. Jilqa' l-Aġenda Urbana tal-UE bħala mudell ġdid ta' governanza f'diversi livelli; jesprimi dispjaċir għall-fatt li dan għadu proċess volontarju u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet; jissottolinja l-ħtieġa ta' involviment aktar b'saħħtu tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll ta' promozzjoni ta' approċċi minn isfel għal fuq sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet lokali u reġjonali; jisħaq fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u n-negozji ġodda fil-kuntest ta' strateġiji u pjanijiet ta' żvilupp urban u distrettwali;
58. Jirrikonoxxi r-rwol importanti li ż-żoni urbani għandhom fl-implimentazzjoni konkreta ta' programmi u proġetti derivati mil-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ b'saħħtu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lit-timijiet tal-ġestjoni tal-proġetti tagħhom dwar il-programmi tal-UE u l-opportunitajiet ta' finanzjament, filwaqt li jiżguraw l-eżistenza ta' faċilitajiet amministrattivi adegwati fil-bliet, fil-bliet żgħar u fiż-żoni urbani funzjonali, inkluż persunal imħarreġ kif xieraq;
59. Jinsisti li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fl-istadji kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE: ippjanar, preparazzjoni u implimentazzjoni; jappella biex aktar finanzjament tal-UE jkun disponibbli b'mod dirett għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex tittejjeb l-effiċjenza, tiġi żgurata l-konsistenza u jitnaqqas il-piż amministrattiv; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tipprovdi lill-Istati Membri bil-gwida kollha meħtieġa u tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament, filwaqt li tiddistingwi bejn il-bliet u r-reġjuni skont il-livell ta' diġitalizzazzjoni tagħhom;
60. Itenni l-ħtieġa ta' aktar opportunitajiet ta' finanzjament aċċessibbli b'mod adegwat u dirett fil-futur għall-bliet biex jimplimentaw programmi fuq livell lokali; ifakkar li EUR 400 miljun mir-riżorsi għall-investimenti fl-impjiegi u t-tkabbir għandhom jiġu allokati għall-Inizjattiva Urbana Ewropea b'ġestjoni diretta jew indiretta mill-Kummissjoni kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1058; jistieden lill-Kummissjoni, fir-rieżami ta' nofs it-terminu tagħha tal-perjodu ta' programmazzjoni attwali, teżamina l-effettività tal-Inizjattiva Urbana Ewropea, b'mod partikolari l-baġit u l-kamp ta' applikazzjoni tagħha, u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipprovdu riżorsi akbar biex jappoġġjaw it-twettiq tal-Aġenda Urbana;
61. Jappella biex l-Inizjattiva Urbana Ewropea tingħata baġit u kamp ta' applikazzjoni akbar filwaqt li jiġi żgurat aċċess effettiv u ffaċilitat għall-bliet fir-reġjuni ultraperiferiċi; jinnota li għandu jappoġġja t-twettiq tal-Aġenda Urbana fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali; iqis lill-komunitajiet urbani bħala atturi u partijiet ikkonċernati ewlenin fl-implimentazzjoni b'suċċess tal-politiki ffinanzjati mill-UE inkorporati fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza nazzjonali; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jallokaw sa 15 % għaż-żoni urbani biex jindirizzaw l-isfidi ta' wara l-COVID;
62. Jenfasizza l-importanza tal-finanzjament tal-UE għall-implimentazzjoni tal-inklużjoni soċjali fuq livell lokali; jappella biex l-impatt tiegħu jissaħħaħ permezz ta' qafas komuni ta' ġestjoni u rapportar;
63. Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali u uniku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jindirizzaw il-kwistjonijiet relatati mal-pandemija tal-COVID-19; jesprimi dispjaċir għall-fatt li ma hemm l-ebda possibbiltà attwali li jiġi stabbilit djalogu strutturat bejn il-Kummissjoni u l-bliet dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza sabiex jiġi mmonitorjat l-involviment tal-awtoritajiet urbani fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza; jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-rieżami tagħha, tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-faċilità biex teżamina r-rwol possibbli taż-żoni urbani funzjonali u, jekk meħtieġ, issaħħaħ ir-rwol tagħhom sabiex tiggarantixxi implimentazzjoni effettiva tal-faċilità; jissottolinja li l-awtoritajiet urbani għandhom jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex jimplimentaw sewwa l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza permezz tal-bini tal-kapaċitajiet, l-iskambji u l-assistenza teknika;
64. Huwa tal-fehma li, fi ħdan il-politika ta' koeżjoni, l-appoġġ mill-fondi għandu jsaħħaħ il-proċessi ta' parteċipazzjoni biex jiġu ttestjati kunċetti ġodda u tiġi kondiviża l-esperjenza billi jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli u integrat tat-tipi kollha ta' territorji u inizjattivi lokali; jemmen li l-bini tal-kapaċitajiet tal-atturi urbani huwa fattur importanti fil-ħolqien ta' bliet aktar reżiljenti u sostenibbli; jinkoraġġixxi lill-bliet, lill-bliet żgħar u liż-żoni urbani funzjonali biex jappoġġjaw l-inizjattivi taċ-ċittadini; jissottolinja li l-bliet huma laboratorji urbani, peress li huma postijiet fejn jistgħu jiġu ttestjati kunċetti u politiki futuri u fejn jistgħu jiġu żviluppati soluzzjonijiet għal komunitajiet intelliġenti u inklużivi;
65. Ifakkar lil kull Stat Membru li għandu jħejji Ftehim ta' Sħubija, f'konformità mal-kodiċi ta' kondotta dwar is-sħubijiet, li jistabbilixxi standards minimi għall-involviment ta' awtoritajiet pubbliċi reġjonali, lokali, urbani u oħrajn, sħab ekonomiċi u soċjali u sħab oħra, kif iddikjarat fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni; jappella għal involviment akbar tas-sħab, inklużi dawk fl-akkademja, fl-innovazzjoni u r-riċerka, fil-preparazzjoni, fl-implimentazzjoni, fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni tal-programmi tal-UE, inkluż fil-kumitati ta' monitoraġġ;
66. Jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni jiżguraw sħubija komprensiva, inkluż mal-awtoritajiet urbani, biex ifasslu u jimplimentaw il-politika ta' koeżjoni u jinnotifikaw lill-awtoritajiet urbani r-raġunijiet li għalihom l-applikazzjonijiet għall-finanzjament jiġu rrifjutati; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-ilment mill-partijiet ikkonċernati bħall-awtoritajiet urbani, inkluż fejn ma tingħata l-ebda ġustifikazzjoni valida għar-rifjut ta' applikazzjoni għal finanzjament;
67. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija għaż-żoni urbani funzjonali u għall-bliet ta' daqs medju, inklużi opportunitajiet ta' finanzjament għal azzjonijiet bħal sħubijiet ta' innovazzjoni u skemi ta' akkwist konġunt bejn il-bliet tal-UE u kooperazzjoni bejn il-bliet u r-reġjuni tal-UE;
°
° °
68. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-parlamenti tagħhom.
NOTA SPJEGATTIVA
Filwaqt li tirrapreżenta kriżi simultanja tas-saħħa, ekonomika u soċjali, il-COVID-19 tippreżenta sfida serja għall-bliet, li ntlaqtu ħażin mill-pandemija. Minkejja t-tnaqqis fl-attività ekonomika, ir-rati għoljin ta' infezzjoni u riżorsi ta' spiss inadegwati, l-awtoritajiet urbani wrew rwol ta' tmexxija fil-ġestjoni tal-kriżi tal-COVID-19 fuq quddiem nett, billi ppruvaw jillimitaw it-tixrid tal-coronavirus u jimmaniġġjaw l-impatt tiegħu fuq il-post.
Il-bliet jeħtiġilhom ikunu involuti bħala sħab ewlenin tal-irkupru mill-COVID-19 lejn Ewropa inklużiva, sostenibbli u reżiljenti. L-isforzi ta' rkupru jridu jagħmlu ħilithom biex jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet li jiffaċċjaw il-bliet, li ilhom jeżistu, u jmorru lil hinn mill-indirizzar tal-impatti fuq is-saħħa tal-COVID-19 sabiex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi persistenti.
Ir-rapport joffri sett ta' rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw uħud mill-aktar sfidi serji taż-żoni urbani fl-era ta' wara l-COVID, organizzati f'erba' kapitoli: bliet inklużivi, bliet ekoloġiċi, bliet innovattivi u inizjattivi ta' politika mfassla apposta.
Ir-reġjuni metropolitani, li bħalissa jinkludu 60 % tal-popolazzjoni tal-UE – proporzjon li huwa mistenni li jiżdied fil-futur, qed jiffaċċjaw inugwaljanzi li ilhom jeżistu u li saru agħar minħabba l-pandemija. Il-konċentrazzjoni żejda tal-popolazzjoni f'ċerti żoni urbani qed twassal għal effetti sekondarji, bħall-isfida dejjem akbar ta' akkomodazzjoni bi prezz raġonevoli, tniġġis, u d-deterjorament tal-kwalità tal-ħajja. Barra minn hekk, ċerti partijiet tal-popolazzjoni jiffaċċjaw riskju sinifikanti ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali f'ħafna żoni urbani.
Hekk kif bdiet il-kriżi, ħareġ ċar li l-pandemija kellha impatti abbażi tal-ġeneru li l-bliet se jkollhom iqisu. L-ewwel nett, in-nisa jistgħu jiffaċċjaw riskju akbar ta' esponiment għall-virus peress li dawn jiffurmaw partijiet kbar mill-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa u l-maġġoranza tal-persuni li jindokraw fid-djar u fil-komunitajiet. Minbarra r-riskji għas-saħħa, id-data tissuġġerixxi wkoll li n-nisa huma aktar vulnerabbli għar-riskji ekonomiċi assoċjati mal-pandemija tal-COVID-19. Il-kwarantini u r-rekwiżiti tat-tbegħid soċjali poġġew ukoll lin-nisa f'riskju akbar ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u, fl-istess ħin, l-aċċess tan-nisa għal networks ta' appoġġ, servizzi soċjali u faċilitajiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva naqas.
Il-bliet kellhom rwol ewlieni fl-iżgurar tal-ugwaljanza madwar l-Unjoni, iżda jeħtieġ li jsir aktar. Azzjonijiet konkreti li għandhom l-għan li jeliminaw id-differenza bejn il-ġeneri fl-ambitu tal-Politika ta' Koeżjoni huma vitali. L-Istati Membri jeħtieġ li jintroduċu metodi ta' ġbir ta' data li jikkorrispondu għal data diżaggregata skont is-sessi. Il-fatt li ma jitqisux il-kwistjonijiet tas-sessi fil-ġbir u l-monitoraġġ tad-data jista' jkun ta' detriment għar-rispons politiku bbażat fuq l-evidenza u b'mod aktar wiesa', għall-bliet li jwettqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli. Jeħtiġilna nadottaw ukoll approċċ intersezzjonali li jqis ukoll l-età, ir-razza u d-diżabilitajiet. Sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza madwar l-Unjoni tagħna, il-benefiċjarji tal-Politika ta' Koeżjoni qatt ma għandhom jadottaw politika diskriminatorja, b'mod partikolari kontra l-minoranzi, bħall-komunità LGBTI.
L-Istati Membri jeħtieġ ukoll li jindirizzaw ir-rekwiżiti ta' finanzjament tal-awtoritajiet lokali, inklużi dawk taż-żoni urbani biex jappoġġjaw b'mod sostenibbli lill-komunitajiet tar-Rom. Iċ-ċentri urbani, b'popolazzjoni sinifikanti ta' migranti u refuġjati jiffaċċjaw ħafna sfidi soċjoekonomiċi. Il-bliet Ewropej għandhom rwol ewlieni fil-bini ta' komunitajiet inklużivi u akkoljenti, fejn ħadd ma jitħalla jibqa' lura.
Il-qgħad, u b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ, ġie aggravat mill-pandemija tal-COVID-19. L-Ewropa jeħtiġilha ssaħħaħ il-litteriżmu diġitali sabiex tespandi l-aċċess għal opportunitajiet ġodda. L-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ irid jingħata spinta bi programmi aktar b'saħħithom għat-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, għat-taħriġ mill-ġdid, u għat-tagħlim tul il-ħajja. L-Istati Membri għandhom jinvolvu b'mod attiv lill-awtoritajiet urbani fit-tfassil ta' programmi li jirrispondu għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ fil-livell tal-bliet.
Peress li sal-2050 il-popolazzjoni urbana globali hija mistennija li tiżdied sa tliet biljun persuna, il-bliet se jirrikjedu kostruzzjoni urbana estensiva li trid ukoll timmitiga l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u tillimita t-tisħin globali. Strateġija sinkronizzata li twieġeb kemm għall-COVID-19 kif ukoll għall-kriżi klimatika trid tiġi implimentata sabiex ma naraw l-ebda effett negattiv tat-tnejn matul pandemiji potenzjali.
Iż-żoni u l-bliet urbani Ewropej huma responsabbli għall-akbar proporzjon ta' konsum tal-enerġija u ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-UE. Madankollu, dawn għandhom ukoll rwol ewlieni fil-ġlieda tal-Unjoni kontra t-tibdil fil-klima u se jkunu kruċjali fit-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali għall-klima. Sabiex jiġu ssodisfati l-impenji tal-Unjoni fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi, il-bliet tagħna jeħtieġu aktar appoġġ. Jeħtiġilna niffokaw fuq oqfsa ta' ekonomija ċirkolari, il-mobilità urbana sostenibbli, u l-aċċellerazzjoni tal-investiment fl-infrastruttura ekoloġika u fl-enerġija rinnovabbli fil-livell tal-belt, u r-rispett tal-prinċipju "la tagħmilx ħsara" bħala prijoritajiet.
Wara xhur ta' lockdowns u kwarantina, l-ispazji miftuħa għar-rikreazzjoni u l-attività fiżika saru kruċjali. Il-bliet li ma għandhomx żoni bħal dawn jeħtiġilhom jevalwaw mill-ġdid il-ġestjoni tal-ispazju biex itaffu l-impatti fuq is-saħħa mentali u fiżika tal-pandemiji fil-futur.
Fost il-ħafna inugwaljanzi esposti mill-pandemija tal-COVID-19, id-distakk diġitali huwa wieħed serju li jeħtieġ li jiġi indirizzat sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni diġitali ġusta. Partijiet kbar tal-edukazzjoni, tax-xogħol u tas-servizzi soċjali bdew isiru online fi ftit ġimgħat. Għalkemm ħafna nies ma għandhomx il-konnessjonijiet, it-tagħmir, u l-ħiliet biex ikollhom aċċess għal dawk li spiss huma drittijiet fundamentali, ħafna minn din il-bidla se tkun permanenti.
Id-diġitalizzazzjoni u l-konnettività diġitali jridu jkunu prijorità għall-komunitajiet lokali fl-irkupru tagħhom. L-Ewropa jeħtiġilha tirrikonoxxi d-dritt għall-inklużjoni diġitali bħala dritt soċjali ta' ġenerazzjoni ġdida, u jeħtiġilha timpenja ruħha li tikseb konnettività universali tal-internet għal kulħadd. Iżda l-bliet ma jistgħux jegħlbu l-inugwaljanzi diġitali waħedhom; l-azzjonijiet u l-politiki għal tranżizzjoni diġitali ġusta se jkollhom jiġu implimentati f'diversi livelli – minn dak tal-bliet sa dak tal-Unjoni Ewropea.
B'mod kritiku, l-Ewropa jeħtiġilha tadatta ruħha għar-realtà l-ġdida wara l-pandemija tal-COVID-19, u tirrifletti fuq mudell ġdid għaż-Żoni Urbani tal-UE. Minkejja n-nuqqas ta' kompetenza espliċita tal-UE fir-rigward tal-iżvilupp urban, firxa wiesgħa ta' inizjattivi tal-UE diġà għandhom impatt fuq il-bliet, il-bliet żgħar u ż-żoni urbani funzjonali. Hemm bżonn ta' aktar opportunitajiet ta' finanzjament għall-bliet biex jimplimentaw il-programmi fuq livell lokali. Filwaqt li l-finanzjament tal-UE huwa estremament importanti għall-implimentazzjoni tal-inklużjoni soċjali fuq livell lokali, l-impatt tiegħu jista' jissaħħaħ ukoll permezz ta' qafas komuni ta' ġestjoni u rapportar.
Fl-aħħar nett, l-Ewropa jeħtiġilha tiżgura li l-prinċipju tas-sħubija, kif stabbilit fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jiġi implimentat bis-sħiħ. Il-Kummissjoni jeħtiġilha tressaq Kodiċi ta' Kondotta dwar is-sħubijiet. Dan il-kodiċi ta' kondotta għandu jistabbilixxi standards minimi għall-involviment ta' awtoritajiet pubbliċi reġjonali, lokali, urbani u oħrajn, sħab ekonomiċi u soċjali u korpi rilevanti li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili, flimkien ma' organizzazzjonijiet mhux governattivi. Dan se jiżgura l-parteċipazzjoni tagħhom matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi tal-Unjoni, inkluża l-parteċipazzjoni f'kumitati ta' monitoraġġ.
ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI (23.11.2021)
Is-Sur Younous Omarjee
President
Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
BRUSSELL
Suġġett: Opinjoni dwar l-isfidi għaż-żoni urbani fl-era wara l-COVID-19 (2021/2075(INI))
Sur President,
Skont il-proċedura inkwistjoni, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali ngħata l-istruzzjoni li jippreżenta opinjoni lill-Kumitat tiegħek. Fil-laqgħa tiegħu tat-23 ta' Novembru 2021, iddeċieda li jibgħat din l-opinjoni fil-forma ta' ittra.
Matul din il-laqgħa, il-Kumitat iddeċieda li jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu ta' hawn taħt.
Dejjem tiegħek,
Lucia Ďuriš Nicholsonová
SUĠĠERIMENTI
Kontribut tal-Kumitat EMPL għar-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat REGI intitolat "L-isfidi għaż-żoni urbani fl-era wara l-COVID-19"
A. billi aktar minn żewġ terzi tal-popolazzjoni globali se jkunu qed jgħixu fil-bliet sal-2030;
B. billi tista' tiġi osservata żieda qawwija u kontinwa fil-prezzijiet tad-djar u l-kirjiet tas-suq, b'mod partikolari fil-bliet u ż-żoni urbani u suburbani;
C. billi l-kriżi tal-akkomodazzjoni taffettwa b'mod aktar serju ż-żoni urbani f'ħafna Stati Membri, fejn sar diffiċli li tinstab akkomodazzjoni affordabbli bi prezzijiet tas-suq, inkluż għal familji b'introjtu medju;
D. billi l-akkwisti spekulattivi tal-akkomodazzjonijiet u l-artijiet għandhom rwol prominenti fiż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-akkomodazzjoni;
E. billi l-fallimenti tas-suq tal-akkomodazzjoni jipperikolaw il-koeżjoni soċjali fl-Ewropa, iżidu l-għadd ta' persuni mingħajr dar u l-faqar, u jaffettwaw il-fiduċja fid-demokrazija; billi, sabiex jindirizzaw dawn l-isfidi kollha, l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jeħtiġilhom ikunu kapaċi jadottaw politiki ta' akkomodazzjoni adegwati, inklużi miżuri ta' għajnuna mill-Istat, sabiex joħolqu kundizzjonijiet u appoġġ għal investimenti f'akkomodazzjoni soċjali u affordabbli;
F. billi, skont l-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta l-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali kif previst fil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, skont it-Trattati, sabiex tippromwovi l-koeżjoni soċjali u territorjali tal-Unjoni; billi dawn is-servizzi jinkludu l-akkomodazzjoni soċjali bħala servizz soċjali ta' interess ġenerali; billi s-servizzi soċjali ta' interess ġenerali jirrispondu għall-ħtiġijiet ta' ċittadini vulnerabbli, f'konformità mal-prinċipji tas-solidarjetà u l-aċċess ugwali; billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas ta' Kwalità għas-Servizzi ta' Interess Ġenerali fl-Ewropa tiggarantixxi aċċess għal servizzi essenzjali għaċ-ċittadini kollha u tippromwovi l-kwalità fil-qasam tas-servizzi soċjali;
1. Jitlob li l-UE tistabbilixxi għan biex il-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar tintemm sal-2030; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni aktar effettiva biex tappoġġja lill-Istati Membri fit-tnaqqis u l-qerda tal-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar bħala prijorità fil-kuntest tal-pjan ta' azzjoni dwar l-EPSR;
2. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tkompli tesplora l-implimentazzjoni ta' mudelli eżistenti ta' suċċess, bħall-Akkomodazzjoni l-Ewwel, permezz ta' strumenti xierqa ta' finanzjament bħall-Fond Soċjali Ewropew Plus u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali;
3. Jinnota bi tħassib iż-żieda fil-finanzjalizzazzjoni tas-suq tal-akkomodazzjoni, b'mod partikolari fil-bliet, fejn l-investituri jittrattaw l-akkomodazzjoni bħala assi negozjabbli aktar milli dritt tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-kontribut tal-politiki u r-regolamenti tal-UE għall-finanzjalizzazzjoni tas-suq tal-akkomodazzjoni u l-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali u lokali li jiżguraw id-dritt għall-akkomodazzjoni; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jistabbilixxu miżuri xierqa għall-ġlieda kontra l-investiment spekulattiv, jadottaw politiki li jiffavorixxu investimenti fit-tul fis-suq tal-akkomodazzjoni u jiżviluppaw politiki ta' ppjanar urban u rurali li jiffavorixxu akkomodazzjoni affordabbli, taħlita soċjali u koeżjoni soċjali;
4. Jisħaq li s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (SGEIs) fl-akkomodazzjoni għandhom ikunu prinċipalment iggwidati minn rekwiżiti speċifiċi ddeterminati mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, peress li dawn l-awtoritajiet għandhom il-kompetenza li jidentifikaw u jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-akkomodazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-għajxien ta' gruppi differenti, li jistgħu jvarjaw ħafna bejn iż-żoni rurali u dawk urbani, u peress li dawn l-awtoritajiet jiżvolġu rwoli kruċjali fit-teħid ta' deċiżjonijiet immirat sew; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadatta d-definizzjoni tal-grupp fil-mira ta' akkomodazzjoni soċjali u ffinanzjata minn fondi pubbliċi fir-regoli dwar l-SGEIs, sabiex l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jkunu jistgħu jappoġġjaw l-akkomodazzjoni għall-gruppi kollha li l-ħtiġijiet tagħhom għal akkomodazzjoni diċenti u affordabbli ma jistgħux jiġu ssodisfati faċilment f'kundizzjonijiet tas-suq, filwaqt li jiġi żgurat ukoll li jiġi allokat biżżejjed finanzjament lil dawk l-aktar żvantaġġati, sabiex jiġi żblukkat l-investiment u jiġu żgurati akkomodazzjoni affordabbli, newtralità fil-pussess ta' akkomodazzjoni u żvilupp urban sostenibbli, u jinħolqu viċinati b'diversità soċjali u tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali;
5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jżidu l-investiment fl-UE f'akkomodazzjoni soċjali, pubblika, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, adegwata u affordabbli, u fil-ġlieda kontra l-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar u l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni; jitlob f'dan ir-rigward li jsir investiment permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, l-InvestUE, il-FSE+, l-Orizzont Ewropa u n-Next Generation EU, u speċjalment permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII) u l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus (CRII+); jitlob li jkun hemm sinerġiji akbar bejn dawn l-istrumenti; jilqa' l-finanzjament tas-self għax-xiri ta' akkomodazzjoni soċjali u affordabbli permezz tal-InvestEU u fil-portafoll usa' tal-BEI; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw il-progress soċjali bħala prijorità ta' investiment, flimkien mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza sabiex il-persuni vulnerabbli jiġu mħarsa mill-impatt negattiv tal-kriżi attwali u biex jiġu inklużi pjanijiet ta' progress soċjali fil-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza, filwaqt li jiġi deskritt kif il-prinċipji tal-EPSR se jiġu implimentati u fejn se jiġu indirizzati l-investimenti soċjali, inkluż investiment fl-akkomodazzjoni soċjali; jistieden b'mod urġenti lill-Kummissjoni tiżgura li l-finanzjament tal-UE u tal-BEI jsir aktar aċċessibbli għall-fornituri lokali u reġjonali ta' akkomodazzjoni soċjali u pubblika affordabbli; jistieden lill-BEI jipprova jżid is-self rilevanti permezz ta' assistenza teknika mmirata u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-intermedjarji finanzjarji u l-Istati Membri;
6. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jirrikonoxxu, jappoġġjaw u jiffinanzjaw soluzzjonijiet ta' akkomodazzjoni mmexxija mill-komunità, demokratiċi u kollaborattivi, inklużi t-trusts tal-art tal-komunità, bħala mezzi leġittimi u vijabbli biex jipprovdu akkomodazzjoni tas-suq u soċjali; jitlob li jittieħed approċċ sostenibbli għall-użu tal-art urbana, pereżempju billi tingħata prijorità lir-riabilitazzjoni ta' djar abbandunati fuq il-bini ta' oħrajn ġodda.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAT-TRASPORT U T-TURIŻMU (16.11.2021)
għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
dwar l-isfidi għaż-żoni urbani fl-era wara l-COVID-19
Rapporteur għal opinjoni: Vlad Gheorghe
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jissottolinja li ż-żoni urbani jospitaw kważi tliet kwarti tal-popolazzjoni tal-UE, li wasslet għal domanda akbar għall-mobilità urbana; billi filwaqt li dan serva biex jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku u lill-ħolqien tal-impjiegi, dan wassal ukoll għal kwistjonijiet ta' sikurezza, konġestjoni serja, deterjorament fil-kwalità tal-arja, u żieda fl-emissjonijiet tal-istorbju u tas-CO2;
2. Jisħaq li l-lockdowns minħabba l-pandemija tal-COVID-19 kellhom impatt konsiderevoli fuq id-domanda għall-mobilità u fuq l-għażla tal-mod tat-trasport, speċjalment f'żoni urbani; jinnota li t-tbegħid soċjali introdott bħala parti mill-miżuri sanitarji fl-UE wassal liċ-ċittadini biex jagħmlu għażliet ta' mobilità oħra, minbarra t-trasport pubbliku, sabiex jevitaw il-ġemgħat tan-nies, u dan wassal għal żieda fl-użu tal-karozzi privati;
3. Jindika li s-settur tat-trasport kien fost l-aktar milqut b'mod sever mill-pandemija tal-COVID‑19; jisħaq, madankollu, li kellu rwol vitali fiż-żamma tal-konnettività essenzjali u fit-twassil ta' prodotti u servizzi kritiċi; jenfasizza li r-rwol ewlieni li kellhom il-ħaddiema fis-settur tat-trasport matul l-aktar mumenti diffiċli tal-pandemija u jissottolinja kif minkejja li huma kienu aktar esposti għar-riskju ta' infezzjoni, dawn għenu biex tiġi ggarantita l-katina kollha tal-provvista urbana, b'mod partikolari provvisti essenzjali ta' provvisti u prodotti mediċi;
4. Jemmen li l-kriżi tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa ta' soluzzjonijiet ġodda ta' ppjanar u mobilità urbana sabiex iż-żoni urbani jsiru aktar reżiljenti għall-kriżijiet fil-ġejjieni, bħal pandemiji jew diżastri naturali, u adattabbli għad-domanda għall-mobilità; iqis li din il-kriżi tippreżenta opportunità sabiex jitnaqqsu l-konġestjoni tat-trasport u l-emissjonijiet ta' gassijiet serra; jisħaq fuq il-ħtieġa, f'dan ir-rigward, li l-awtoritajiet lokali jadattaw u jfasslu mill-ġdid it-trasport u l-infrastruttura pubbliċi, filwaqt li jqisu kif xieraq il-karatteristiċi speċifiċi ta' kull territorju, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex jiżguraw possibbitajiet ta' vjaġġar lejn ix-xogħol u lura intelliġenti, aċċessibbli, interoperabbli, kompetittivi, bi prezz raġonevoli, sikuri, tajbin għas-saħħa u ambjentalment sostenibbli u biex it-trasport pubbliku jiġi kkomplementat b'servizzi fuq talba u ta' trasport kondiviż, parkeġġ intelliġenti u pjattaformi kollaborattivi ta' innovazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi adattata l-infrastruttura u li jiġi kkonfigurat mill-ġdid kif l-ispazju huwa ġestit biex jinkludi l-mobilità attiva u l-merkanzija sostenibbli;
5. Jinnota li d-domanda għat-trasport pubbliku naqset drastikament fl-Ewropa minħabba r-rekwiżiti tat-tbegħid soċjali tal-pandemija u li s-sistemi tat-trasport pubbliku batew biex jerġgħu jiksbu l-kwoti tas-suq f'termini tal-utenti minn meta tnaqqsu jew tneħħew il-miżuri restrittivi; jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-mobilità urbana u tat-trasport pubbliku b'mod partikolari bħala wieħed mill-elementi ewlenin għal irkupru u trasport sostenibbli, intelliġenti u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent wara l-COVID-19; iħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi biex jistabbilixxu strateġiji u kampanji sabiex jinkoraġġixxu liċ-ċittadini jerġgħu jibdew jafdaw it-trasport pubbliku, billi jindirizzaw kwalunkwe tħassib dwar is-sikurezza li jista' jkun li għad għandhom il-passiġġieri; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq ir-rwol partikolari tat-trasport iggwidat - mod soċjali ta' trasport tal-massa li huwa kompatibbli ma' standards aktar stretti tal-kontroll tas-saħħa; jenfasizza li servizzi frekwenti biżżejjed jippermettu t-tbegħid soċjali;
6. Jinnota l-impatt kbir fuq id-domanda għall-mobilità ta' aktar telexogħol matul il-perjodu ta' lockdown u jemmen li t-telexogħol se jibqa' għażla attraenti għal ħafna ħaddiema, tal-anqas għal dawk li jaħdmu part-time, u dan se jkollu impatt fuq l-ippjanar futur tal-mobilità urbana; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-pandemija ffaċilitat l-iskoperta mill-ġdid ta' ħwienet u attivitajiet fil-qrib, peress li dawn joffru flessibbiltà akbar u jistgħu jiġu aċċessati l-aktar bil-mixi;
7. Jissottolinja li l-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat u tat lok għal disparitajiet konsiderevoli bejn iż-żoni urbani, minn naħa waħda, u ż-żoni urbani u rurali periferali, min-naħa l-oħra, pereżempju f'termini tal-kwalità u l-aċċess għal servizzi bażiċi bħall-kura tas-saħħa u t-trasport; ifakkar li ż-żoni rurali, li jospitaw 30.6 % tal-popolazzjoni tal-UE, u b'mod partikolari dawk iż-żoni sottopopolati, ibatu minn nuqqas ta' infrastrutturi tat-trasport ta' kwalità kif ukoll minn frekwenza baxxa ta' servizzi tat-trasport pubbliku kollettiv, li jaffettwaw b'mod dirett il-konnettività, l-aċċessibbiltà u fl-aħħar mill-aħħar l-iżvilupp soċjoekonomiku tagħhom; itenni li t-titjib u t-tisħiħ tal-konnettività rurali-urbana jista' jkollhom rwol deċiżiv fit-treġġigħ lura tax-xejriet ta' depopolazzjoni u fl-indirizzar tal-bidliet u l-imġibiet demografiċi ta' wara l-COVID, bħall-użu akbar tat-telexogħol jew tat-turiżmu rurali;
8. Ifaħħar il-fatt li l-bliet qed joħolqu ċentri ta' mobilità fil-qafas ta' inizjattiva ta' mobilità bħala servizz, li jippermettu lin-nies jaċċessaw varjetà ta' servizzi kondiviżi għall-karozzi, roti u scooters elettriċi u jużaw parkeġġ diġitalizzat intelliġenti; jilqa', f'dan ir-rigward, il-ħolqien ta' faċilitajiet intermodali bħal skemi ta' park-and-ride biex jippermettu lill-vjaġġaturi minn żoni urbani esterni jilħqu l-bliet bil-ferrovija jew b'modi oħra ta' trasport pubbliku;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-għodod it-tajbin jitqiegħdu fuq quddiem nett tal-Qafas il-ġdid għall-Mobilità Urbana biex jappoġġjaw l-espansjoni ta' trasport bi prezz raġonevoli, attraenti, kompetittiv, sikur, aċċessibbli u sostenibbli; jenfasizza, barra minn hekk, li l-qafas għandu jirrifletti n-natura li qed tinbidel tal-mobilità urbana, bħall-adattament mill-ġdid tal-ispazji pubbliċi, u jippromwovi sinerġiji bejn il-miżuri ta' sikurezza u sostenibbiltà fiż-żoni urbani; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu kkoordinati sew l-inizjattivi differenti tal-UE u l-viżjonijiet u l-istrateġiji differenti tal-bliet intelliġenti fl-Aġenda Urbana; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni li tirrikjedi li l-Istati Membri jiġbru u jissottomettu b'mod regolari data rilevanti dwar il-mobilità urbana; ifakkar fir-rwol tal-Kumitat tar-Reġjuni fiż-żieda tal-koerenza u l-viżibbiltà tal-objettivi ta' dawn l-istrateġiji;
10. Jemmen li l-miżuri futuri kollha jridu jkunu bbażati fuq ix-xjenza, ikunu teknoloġikament newtrali u għandhom isegwu valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi li jqisu l-konsegwenzi ekonomiċi, ambjentali u soċjali sabiex jiżguraw tranżizzjoni sostenibbli fiż-żoni urbani;
11. Jinnota li l-linji gwida l-ġodda tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-kwalità tal-arja globali ppubblikati fit-22 ta' Settembru 2021 jipprovdu evidenza tal-ħsara kkawżata mit-tniġġis tal-arja għas-saħħa tal-bniedem; jenfasizza li l-emissjonijiet mis-settur tat-trasport huma parzjalment responsabbli għal-livelli għoljin ta' tniġġis tal-arja fiż-żoni urbani; jisħaq fuq l-importanza li ż-żoni urbani jsiru aktar faċli u aħjar biex wieħed jgħix fihom u li tiġi inkluża d-dimensjoni tas-saħħa fil-politiki kollha tat-trasport, tal-mobilità u tal-infrastruttura; jilqa' l-pjanijiet biex jiġi appoġġjat il-ħolqien ta' bliet newtrali għall-klima permezz tal-bidla modali, bħala eżempju ta' mobilità urbana, f'konformità mal-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-UE;
12. Ifakkar li l-UE ppromwoviet b'mod attiv il-kunċett tal-ippjanar ta' mobilità urbana sostenibbli għal bosta snin u hija impenjata li tappoġġja l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' mobilità urbana sostenibbli (SUMPs), inkluż permezz ta' strumenti ta' finanzjament u ta' kompetenza teknika;
13. Jappella għal reviżjoni tal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-SUMPs biex jinkludu, fost l-oħrajn, l-objettivi l-ġodda li ġejjin: li s-sistemi tal-mobilità jsiru aktar reżiljenti għal varjazzjonijiet rapidi fid-domanda għall-mobilità, tiġi ffaċilitata l-mobilità attiva, tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-utenti attivi tat-triq, titrawwem il-multimodalità, jiġu żviluppati pjanijiet għall-użu tal-art u l-loġistika urbana, u tingħata spinta lill-kooperazzjoni u lill-kompetittività;
14. Ifakkar li kważi 40 % tal-imwiet fit-toroq kollha fl-Ewropa jseħħu f'żoni urbani; itenni li l-veloċità eċċessiva hija fattur ewlieni f'madwar 30 % tal-ħabtiet fatali fit-toroq u fattur aggravanti fil-biċċa l-kbira tal-ħabtiet; jistieden lill-Kummissjoni tuża r-rakkomandazzjoni antiċipata tagħha dwar il-veloċità biex tagħmel il-veloċità ta' 30 km/h dik massima awtomatika f'żoni residenzjali u f'żoni b'għadd kbir ta' persuni bil-mixi u ċiklisti, bil-possibbiltà ta' limiti ogħla fuq it-toroq arterjali ewlenin u protezzjoni xierqa għall-utenti vulnerabbli tat-triq; jilqa' l-fatt li l-UE affermat mill-ġdid l-għan strateġiku fuq terminu twil tagħha ta' kważi l-ebda mewt u korriment serju fit-toroq Ewropej sal-2050 (Vision Zero), u l-għan tagħha fuq terminu medju li tnaqqas l-imwiet u l-korrimenti serji b'50 % sal-2030; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tintegra aħjar is-sikurezza fit-toroq fil-linji gwida tal-SUMP u jistieden lill-awtoritajiet lokali jippromwovu s-sikurezza fit-toroq permezz ta' inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni, azzjonijiet xierqa u opportunitajiet ta' finanzjament;
15. Jinnota li ċ-ċikliżmu żdied b'rispons għall-pandemija tal-COVID-19; jemmen li l-awtoritajiet lokali għandhom jikkunsidraw li jżommu, permezz tal-proċessi regolari tal-ippjanar urban tagħhom, l-infrastruttura taċ-ċikliżmu u tal-mixi mibnija fl-Istati Membri bħala rispons għall-pandemija, kif ukoll estensjonijiet ulterjuri; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jagħmlu l-mobilità attiva parti integrali mill-mobilità urbana u mid-disinn tal-infrastruttura u jallokaw investiment adegwat għal dan il-għan; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika strateġija dwar il-mobilità attiva u timmobilizza l-finanzjament kif xieraq;
16. Jirrikonoxxi li l-loġistika urbana bħall-vetturi għas-servizzi postali, ta' konsenja u ta' ġbir tal-iskart hija servizz pubbliku essenzjali u dejjem aktar mitlub, li jirrikjedi mhux biss spazju ġdid u sikur għall-waqfiet dejjem aktar frekwenti mill-operaturi ta' dawk il-vetturi, iżda wkoll soluzzjonijiet fit-tul biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet soċjoekonomiċi, ambjentali u klimatiċi; jistieden lill-awtoritajiet lokali jiżviluppaw pjanijiet dedikati ta' loġistika urbana sostenibbli, inklużi politiki ċari dwar iż-żoni speċifiċi tat-tagħbija u l-ħatt, li jintegraw it-trasport tal-merkanzija fl-ippjanar ta' użi aktar dinamiċi u flessibbli tal-ispazju tal-bankini; jappella għal riflessjoni dwar l-użu tal-vetturi tat-trasport urban għal użi oħra relatati mal-loġistika urbana, b'mod partikolari billejl; jindika r-rwol ewlieni tal-iskambji intermodali biex jiffaċilitaw it-trasport tal-merkanzija u jitlob li tiġi mħeġġa l-multimodalità sabiex it-trasport tal-merkanzija jsir sostenibbli; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-użu potenzjali tar-roti tal-merkanzija f'żoni urbani, inkluż fil-loġistika tal-aħħar mil, peress li huma effiċjenti fl-enerġija u jistgħu jgħinu biex tittaffa l-konġestjoni fit-toroq;
17. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timpenja ruħha mal-bliet u mal-Istati Membri biex tiżgura li sal-2030 il-bliet il-kbar u n-nodi urbani kollha fin-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-t) ifasslu SUMPs; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jaħdmu mill-qrib mar-reġjuni u mal-bliet, b'mod partikolari bejn il-fruntieri, biex itejbu u jlestu l-infrastruttura tal-aħħar mil li għadha nieqsa u l-konnessjonijiet multimodali u transfruntiera tul it-TEN-T kollu; jindika li ħafna portijiet Ewropej jinsabu qrib ċentri urbani u huma nodi importanti tat-trasport fit-TEN-T;
18. Jitlob li l-linji gwida tal-SUMP jinkludu dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni msaħħa, skambju ta' informazzjoni u kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost il-muniċipalitajiet biex titjieb il-ġestjoni tat-trasport pubbliku u privat u jiżdied il-livell ta' sodisfazzjon tal-utenti tat-trasport f'żoni urbani; jappella għal aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew fir-rigward tal-mobilità u t-trasport;
19. Jissottolinja li s-settur tat-trasport bit-triq għandu rwol importanti fit-tnaqqis tal-emissjonijiet, kif enfasizzat mill-manwal tal-Kummissjoni dwar l-ispejjeż esterni tat-trasport; jenfasizza li t-tranżizzjoni għal vetturi b'emissjonijiet żero se tkun kruċjali u se tkun tirrikjedi infrastrutturi speċifiċi, bħal punti tal-iċċarġjar, li għandhom jiġu inklużi fl-SUMPs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lir-reġjuni, u lill-awtoritajiet lokali jibdew jagħmlu pjanijiet biex ivaraw punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi fl-infrastruttura tagħhom sabiex tingħata spinta lit-tnedija tal-punti tal-iċċarġjar u parkeġġ sikur u teknoloġiku; jisħaq li l-UE għandha tappoġġja bil-qawwa l-iżvilupp ta' skemi ta' finanzjament għax-xiri u l-akkwist ta' vetturi b'emissjonijiet żero li huma aktar għoljin, b'mod partikolari għall-flotot tat-trasport pubbliku;
20. Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ bi proposti, fil-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana rivedut tagħha li jmiss, biex taċċellera d-diġitalizzazzjoni tal-mobilità urbana, sabiex tuża l-mobilità bħala servizz u tiżgura l-introduzzjoni ta' sistema unika u multimodali li tippermetti pagamenti ta' biljetti diġitali, biljetti integrati u d-diġitalizzazzjoni tal-operazzjonijiet, bħal buttuni mingħajr kuntatt, il-kondiviżjoni ta' flussi ta' mobilità u parkeġġ diġitali intelliġenti; jitlob, f'dan ir-rigward, li jitlesta malajr l-ispazju Komuni Ewropew tad-Data għall-Mobilità u jħeġġeġ lill-Istati Membri jimmobilizzaw hubs ta' innovazzjoni diġitali, li għandhom rwol ewlieni fl-appoġġ lill-awtoritajiet urbani fl-implimentazzjoni ta' strateġiji effettivi għal bliet intelliġenti; iqis li l-IA, b'mod partikolari, għandha tindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-awtoritajiet pubbliċi fid-disinn ta' mudelli ġodda ta' mobilità u trasport;
21. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jivvalutaw mill-ġdid l-investimenti tagħhom fil-mobilità urbana u jagħtu prijorità lis-soluzzjonijiet u l-infrastruttura tal-mobilità diġitali li se ttejjeb l-esperjenza ġenerali tal-passiġġieri kollha, inklużi persuni b'mobilità mnaqqsa, u se tiġi adattata għall-ħtiġijiet ta' wara l-COVID-19 tal-ħaddiema tat-trasport;
22. Jinnota li l-varar ta' trasportaturi motorizzati, ta' vetturi elettriċi li jistgħu jiġu misjuqa, ta' vetturi elettriċi ħfief personali u ta' apparat ta' mobilità personali qed joħloq sfidi ġodda f'żoni urbani partikolarment densi, speċjalment f'termini ta' sikurezza fit-toroq u aċċessibbiltà għalihom; jemmen li l-awtoritajiet għandhom jippromwovu politiki innovattivi biex jintegraw dawn mal-persuni bil-mixi fit-triq u ma' tipi oħra ta' vetturi, kif ukoll kampanji edukattivi dwar l-użu sikur tal-apparat tal-mikromobilità;
23. Jisħaq fuq il-ħtieġa li t-trasport pubbliku jsir aċċessibbli għal kulħadd, inklużi l-persuni b'diżabilità u b'mobilità mnaqqsa, li huma utenti vulnerabbli u f'riskju ta' esklużjoni soċjali; jindika li l-ostakli arkitettoniċi jibqgħu joħolqu ostakli għall-aċċessibbiltà tas-servizzi tat-trasport pubbliku, li spiss ma jkunux adattati biżżejjed għall-ħtiġijiet tan-nies u għal meta jiġu mitluba; iħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi jinvolvu b'mod attiv persuni b'diżabilità u mobilità mnaqqsa fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u fit-tfassil tas-soluzzjonijiet u jiżguraw li jistgħu jipparteċipaw fil-proċess SUMP;
24. Jirrikonoxxi l-importanza għall-mobilità urbana tad-dimensjoni tal-ġeneru u l-kundizzjonijiet għall-persuni li jakkumpanjaw lit-tfal; jissottolinja li bidla modali ulterjuri lejn trasport pubbliku sostenibbli u mobilità attiva tkun tirrikjedi li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għal kulħadd, inkluż li jitqiesu l-ħtiġijiet partikolari tan-nisa u tal-persuni li jakkumpanjaw lit-tfal f'termini ta' skedar, destinazzjoni u xejriet ta' mobilità, aċċessibbiltà, prossimità għas-servizzi, sigurtà u sikurezza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jressqu rakkomandazzjonijiet biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nies li jakkumpanjaw lit-tfal u tan-nisa fl-ippjanar ta' soluzzjonijiet ta' mobilità urbana u fil-proċessi ta' teħid tad-deċiżjonijiet;
25. Jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 wasslet għall-espansjoni tas-settur tal-konsenja fid-djar bl-użu tal-vannijiet u tal-vetturi motorizzati b'żewġ roti, bħall-mopeds r-roti, filwaqt li tat spinta lit-tipi ġodda ta' xogħol fuq pjattaforma diġitali u mudelli ġodda ta' negozju; jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, sabiex joħorġu b' rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza tal-persunal tal-konsenja, inklużi rekwiżiti għal min iħaddem u għall-kumpaniji biex jiġu żgurati l-forniment u l-użu ta' tagħmir ta' sikurezza u vetturi sikuri, kif ukoll taħriġ fl-għodod diġitali li jaf ikollhom jużaw, bħal applikazzjonijiet u pjattaformi interattivi;
26. Ifakkar li bejn l-2014 u l-2020 l-UE żburżat madwar EUR 16.5-il biljun għall-mobilità urbana, l-aktar għat-trasport nadif (infrastruttura tal-metro u tat-tramm), iżda wkoll mogħdijiet għaċ-ċiklisti u sistemi ta' trasport intelliġenti; iqis li dawn il-fondi għandhom jiżdiedu sabiex aktar żoni urbani jibbenefikaw minnhom; jisħaq li tali proġetti ffinanzjati mill-UE għandhom dejjem ikunu bbażati fuq strateġiji komprensivi pluriennali ta' mobilità urbana u jiddistingwu bejn bliet u reġjuni; jindika li skont ir-rapport speċjali Nru 6/2020 tal-Qorti tal-Awdituri (QEA) dwar il-mobbiltà urbana sostenibbli fl-UE, il-finanzjament tal-UE għall-mobilità sostenibbli ma ntużax b'mod effettiv biex jintlaħqu l-objettivi tagħha; jisħaq li l-konġestjoni għandha spejjeż soċjoekonomiċi sinifikanti, b'mod partikolari f'termini ta' produttività mitlufa, u jfakkar li r-rapport tal-QEA jistma li l-konġestjoni qed tiswa lill-UE madwar EUR 270 biljun fis-sena; jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-flus allokati biex tiżgura li fil-fatt jintefqu;
27. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-aċċess għall-programmi ta' finanzjament tal-UE għall-mobilità urbana, bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, ikun jiddependi minn SUMPs eżistenti jew prospettivi; jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni tista' tgħin biex jiġi sfruttat il-potenzjal kemm tal-IA kif ukoll tal-mudell tal-belt intelliġenti, bħal billi ttejjeb il-kapaċità amministrattiva u l-ħiliet diġitali, u għandha tħeġġeġ bidla mill-esperimentazzjoni għal żieda fl-iskala tal-inizjattivi tal-bliet intelliġenti b'finanzjament u appoġġ relatat; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra modi kif tappoġġja l-bliet fit-tħejjija tal-SUMPs tagħhom skont l-ogħla standards; jisħaq li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jassistu l-awtoritajiet lokali kull fejn possibbli biex jilħqu dan l-għan; jilqa', barra minn hekk, l-intenzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment li jaħdem flimkien mal-awtoritajiet pubbliċi biex jappoġġja programmi ta' investiment ambizzjużi li jippromwovu l-mobilità sostenibbli fil-livelli lokali u reġjonali, inkluż permezz ta' SUMPs u proġetti tat-trasport pubbliku;
28. Jinsisti li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fl-istadji kollha: ippjanar, preparazzjoni u implimentazzjoni; jinkoraġġixxi li l-finanzjament tal-UE ikun disponibbli b'mod dirett għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex tittejjeb l-effiċjenza, tiġi żgurata l-konsistenza u jitnaqqas il-piż amministrattiv; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tipprovdi lill-Istati Membri bil-gwida kollha meħtieġa u tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament, filwaqt li tiddistingwi bejn il-bliet u r-reġjuni skont il-livell ta' diġitalizzazzjoni tagħhom;
29. Jinnota li s-settur turistiku ukoll ġie affettwat b'mod sever mill-pandemija tal-COVID-19; ifakkar li, f'termini ta' volum, il-bliet huma l-postijiet ewlenin għat-turiżmu Ewropew; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li tiġi ppjanata l-offerta tal-mobilità b'servizzi speċifiċi għall-ivvjaġġar relatat mat-turiżmu u servizzi oħra għall-mobilità ta' kuljum; itenni li l-iżvilupp sostenibbli u reżiljenti u l-ġestjoni tat-turiżmu urban jeħtieġ jiġu integrati bis-sħiħ fl-aġenda urbana usa' u jistieden lill-Kummissjoni tqis it-turiżmu meta tfassal il-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana l-ġdid; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jinvestu fil-finanzjament biex jappoġġjaw il-bidla għal prodotti u servizzi turistiċi sostenibbli, innovattivi, reżiljenti u ta' kwalità għolja, u jikkontribwixxu wkoll għas-sostenibbiltà;
30. Ifakkar li t-turiżmu urban kellu rwol essenzjali fil-ħolqien tal-politiki urbani; jindika li ħafna mill-ibliet tal-UE sofrew min-nuqqas fil-fluss tat-turiżmu wara t-tifqigħa tal-pandemija u kellhom ifittxu modi operandi ġodda u aktar sostenibbli biex jgħinu lit-turiżmu, li jwassal għal użu intens ta' teknoloġiji diġitali ġodda, li ppermettew ġestjoni aħjar tal-ispazji urbani u l-moviment tat-turisti urbani sabiex tiġi evitata l-formazzjoni ta' gruppi kbar u sitwazzjonijiet ta' riskju fil-kuntest tal-pandemija;
31. Ifakkar fl-importanza ta' TEN-T modern u kontinwu u fit-tisħiħ ta' nodi urbani u trasport transfruntiera madwar l-Ewropa biex jiġi sfruttat il-potenzjal tat-trasport sostenibbli kollettiv internazzjonali u b'hekk it-turiżmu jsir aktar sostenibbli f'kull staġun tas-sena.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
15.11.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
42 0 1 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Andris Ameriks, Izaskun Bilbao Barandica, Karolin Braunsberger-Reinhold, Jakop G. Dalunde, Johan Danielsson, Karima Delli, Gheorghe Falcă, Isabel García Muñoz, Jens Gieseke, Elena Kountoura, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Benoît Lutgen, Tilly Metz, Cláudia Monteiro de Aguiar, Caroline Nagtegaal, Jan-Christoph Oetjen, João Pimenta Lopes, Rovana Plumb, Dominique Riquet, Dorien Rookmaker, Massimiliano Salini, Vera Tax, Barbara Thaler, Lucia Vuolo, Kosma Złotowski |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Pablo Arias Echeverría, Leila Chaibi, Markus Ferber, Vlad Gheorghe, Ondřej Kovařík, Colm Markey, Nora Mebarek, Jutta Paulus, Robert Roos, Kathleen Van Brempt, Marianne Vind |
|||
Sostituti skont l-Artikolu 209(7) preżenti għall-votazzjoni finali |
Matteo Adinolfi, Markus Buchheit, Zbigniew Kuźmiuk, Jutta Paulus, Tsvetelina Penkova, Jessica Polfjärd, Ramona Strugariu |
|||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
42 |
+ |
ECR |
Zbigniew Kuźmiuk, Peter Lundgren, Kosma Złotowski |
ID |
Matteo Adinolfi, Markus Buchheit |
NI |
Dorien Rookmaker |
PPE |
Pablo Arias Echeverría, Karolin Braunsberger‑Reinhold, Gheorghe Falcă, Markus Ferber, Jens Gieseke, Benoît Lutgen, Colm Markey, Cláudia Monteiro de Aguiar, Jessica Polfjärd, Massimiliano Salini, Barbara Thaler, Lucia Vuolo |
RENEW |
Izaskun Bilbao Barandica, Vlad Gheorghe, Ondřej Kovařík, Caroline Nagtegaal, Jan‑Christoph Oetjen, Dominique Riquet, Ramona Strugariu |
S&D |
Andris Ameriks, Johan Danielsson, Isabel García Muñoz, Bogusław Liberadzki, Nora Mebarek, Tsvetelina Penkova, Rovana Plumb, Vera Tax, Kathleen Van Brempt, Marianne Vind |
Ix-Xellug |
Leila Chaibi, Elena Kountoura, João Pimenta Lopes |
VERTS/ALE |
Jakop G. Dalunde, Karima Delli, Tilly Metz, Jutta Paulus |
0 |
- |
|
|
1 |
0 |
ECR |
Robert Roos |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
6.12.2021 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
33 0 8 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Matteo Adinolfi, François Alfonsi, Mathilde Androuët, Pascal Arimont, Isabel Benjumea Benjumea, Tom Berendsen, Erik Bergkvist, Stéphane Bijoux, Franc Bogovič, Vlad-Marius Botoş, Rosanna Conte, Corina Crețu, Rosa D’Amato, Christian Doleschal, Raffaele Fitto, Chiara Gemma, Mircea-Gheorghe Hava, Krzysztof Hetman, Peter Jahr, Constanze Krehl, Elżbieta Kruk, Cristina Maestre Martín De Almagro, Pedro Marques, Nora Mebarek, Martina Michels, Andżelika Anna Możdżanowska, Niklas Nienaß, Andrey Novakov, Younous Omarjee, Alessandro Panza, Tsvetelina Penkova, Caroline Roose, Susana Solís Pérez, Irène Tolleret, Yana Toom, Monika Vana |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Katalin Cseh, Stelios Kympouropoulos, Rovana Plumb, Veronika Vrecionová |
|||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
33 |
+ |
NI |
Chiara Gemma |
PPE |
Pascal Arimont, Isabel Benjumea Benjumea, Tom Berendsen, Franc Bogovič, Christian Doleschal, Mircea-Gheorghe Hava, Krzysztof Hetman, Peter Jahr, Stelios Kympouropoulos, Dan-Ştefan Motreanu, Andrey Novakov |
Renew |
Stéphane Bijoux, Vlad-Marius Botoş, Katalin Cseh, Susana Solís Pérez, Irène Tolleret, Yana Toom |
S&D |
Erik Bergkvist, Corina Crețu, Constanze Krehl, Cristina Maestre Martín De Almagro, Pedro Marques, Nora Mebarek, Tsvetelina Penkova, Rovana Plumb |
The Left |
Martina Michels, Younous Omarjee |
Verts/ALE |
François Alfonsi, Rosa D'Amato, Niklas Nienaß, Caroline Roose, Monika Vana |
0 |
- |
|
|
8 |
0 |
ECR |
Raffaele Fitto, Elżbieta Kruk, Andżelika Anna Możdżanowska, Veronika Vrecionová |
ID |
Matteo Adinolfi, Mathilde Androuët, Rosanna Conte, Alessandro Panza |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU L 437, 28.12.2020, p. 30.
- [2] ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159.
- [3] ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60.
- [4] ĠU L 231, 30.6.2021, p. 94.
- [5] ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1.
- [6] ĠU C 316, 22.9.2017, p. 124.
- [7] ĠU C 162, 10.5.2019, p. 31.
- [8] ĠU C 118, 8.4.2020, p. 2.
- [9] ĠU C 385, 22.9.2021, p. 167.
- [10] ĠU C 456, 10.11.2021, p. 145.
- [11] COM(2020)0662.
- [12] COM(2020)0067.