RAPPORT dwar il-ħatra proposta ta’ Jan Gregor għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri
12.1.2022 - (C9‑0405/2021 – 2021/0802(NLE))
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Ryszard Czarnecki
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-ħatra proposta ta’ Jan Gregor għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri
(C9‑0405/2021 – 2021/0802(NLE))
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9‑0405/2021),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 129 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0002/2022),
A. billi, bl-ittra tal-5 ta' Novembru 2021, il-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar il-ħatra ta' Jan Gregor għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;
B. billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
C. billi dan il-Kumitat imbagħad, fl-10 ta' Jannar 2022, ipproċeda b'seduta ta' smigħ tal-kandidat, li matulha dan għamel stqarrija preliminari, u wara wieġeb għall-mistoqsijiet li saru mill-membri tal-Kumitat;
1. Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-Kunsill dwar il-ħatra ta' Jan Gregor għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.
ANNESS 1: CURRICULUM VITÆ TA' JAN GREGOR
Dettalji tal-impjieg: |
|
|
2/2020-s'issa Viċi President tal-Kumitat għall-Istandards Professjonali tal-INTOSAI 05/2016-s'issa Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Membru, President tal-Kumitat għall-Kwalità u l-Kontroll tal-Awditjar |
|
6/2014-6/2016 Czech-Moravian Guarantee and Development Bank 2/2014 – 04/2016 General Medical Insurance Company tar-Repubblika Ċeka |
|
5/2013 – 04/2016 Bank Ewropew tal-Investiment |
|
4/2012 – 04/2016 Czech Export Bank Viċi President tal-Bord ta' Sorveljanza |
|
9/2010 – 04/2016 Il-Ministeru għall-Finanzi Viċi Ministru tas-Sezzjoni Baġits Pubbliċi Il-Baġits Statali, Lokali u Muniċipali, il-Ġestjoni tad-Dejn, it-Teżor tal-Istat u l-Kontabbiltà, il-Fondi tal-UE, il-Baġit tal-UE, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali |
|
2/2001 – 8/2010 Il-Ministeru għall-Finanzi Id-Dipartiment tal-Fond Nazzjonali Direttur u Viċi Uffiċjal Awtorizzanti Nazzjonali Il-Ġestjoni Finanzjarja u ċ-Ċertifikazzjoni ta' fondi tal-UE, l-Awtorità Kompetenti tal-PAK, Perspettiva Finanzjarja u Baġit tal-UE, Riżorsi Proprji |
|
10/1998 – 1/2001 Il-Ministeru għall-Finanzi Id-Dipartiment għall-Integrazzjoni Ewropea, Unità għar-Relazzjonijiet Orizzontali Kap tal-Unità Koordinazzjoni ta' kwistjonijiet finanzjarji u ekonomiċi fi ħdan in-negozjati tal-adeżjoni, prinċipalment il-Politika Reġjonali, il-Politika Agrikola Komuni u l-Baġit tal-UE |
|
6/1998 – 9/1998 Il-Ministeru għall-Finanzi Id-Dipartiment għall-Integrazzjoni Ewropea, Unità għar-Relazzjonijiet Orizzontali Amministratur |
|
4/1998 – 5/1998 Il-Ministeru għall-Finanzi Id-Dipartiment tal-Politika Finanzjarja, Unità għall-Kooperazzjoni Ewropea Amministratur |
|
3/2007 – 11/2007 Il-Ministeru għall-Iżvilupp Reġjonali Membru tat-Tim ta' Negozjar Governattiv (Qafas ta' Referenza Strateġiku Nazzjonali – kwistjonijiet finanzjarji) |
Lingwi barranin |
|
|
Fehim tal-Lingwa Lingwa mitkellma Kitba Ingliż (CAE) profiċjenti profiċjenti profiċjenti Slovakk profiċjenti indipendenti indipendenti Franċiż indipendenti indipendenti indipendenti Ġermaniż indipendenti bażiku bażiku Taljan bażiku bażiku bażiku |
Dettalji dwar l-edukazzjoni |
|
|
10-12/1998 L-Istitut Konġunt ta' Vjenna CERGE-EI, Praga, 1996 - 1998 L-Università tal-Ekonomija ta' Praga 1993 - 1996 L-Università tal-Ekonomija ta' Praga 1989 - 1993 L-iskola sekondarja, Ždár nad Sázavou, 1982 - 1989 L-iskola primarja, Ždár nad Sázavou, |
Attivitajiet professjonali |
|
|
2020-s'issa Kwalità tal-awditjar, rieżamijiet indipendenti tal-kwalità 2016-2021 Il-koordinazzjoni ta' kwistjonijiet relatati mal-Brexit 2016-2021 Awditi annwali dwar il-qafas tal-prestazzjoni tal-UE, rapporti dwar il-prestazzjoni (l-Akkomodazzjoni tal-Uffiċċju, il-Ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, id-Dwana), rieżamijiet (Futur tal-finanzi tal-UE, QFP 2021-2027) 2004-2015 Tħejjija tal-Baġit tal-UE, Baġit ECOFIN, l-aktar bħala kap tad-delegazzjoni 2011, 2014, 2016 Eżami tal-iżvilupp ekonomiku Ċek, kap tad-delegazzjoni, EDRC, OECD 2011-2013 Negozjati tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 2009 Ġemellaġġ għal żmien qasir (monitoraġġ tal-Akkreditazzjoni ta' Aġenzija tal-Pagamenti tal-PAK), Ministeru tal-Agrikoltura, il-Bulgarija 2008 Rieżami bejn il-Pari tas-Sistemi ta' Ġestjoni u ta' Kontroll tal-Kroazja (fondi tal-UE), Sigma, OECD, il-Kroazja 2007 Ġestjoni tal-fondi tal-UE, Riżorsi proprji, OECD, il-Maċedonja 2007 Membru tat-Tim ta' Negozjaturi tal-Gvern għall-NSRF bir-responsabbiltà għal kwistjonijiet finanzjarji 2006 Preparazzjonijiet għall-adozzjoni tal-Euro, Kap tat-Taskforce tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Pubblika 2004-2005 Negozjati tal-Perspettiva Finanzjarja tal-UE 2007-2013 2001-2004 Tħejjija tas-Sistema ta' Ġestjoni Finanzjarja u ta' Kontroll tal-Fondi tal-UE (Phare, ISPA, SAPARD; Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni) 2000-2002 Negozjatur għall-Adeżjoni mal-UE (kapitoli ta' negozjati tal-baġit tal-UE – Politika Reġjonali, Agrikoltura, Baġit u Kwistjonijiet Finanzjarji) 2000-2001 Negozjar ta' ftehimiet internazzjonali ta' finanzjament ta' qabel l-adeżjoni 1999 Skrinjar leġiżlattiv ta' qabel l-adeżjoni (Politika Reġjonali, Riżorsi Proprji, Kontroll Finanzjarju, parzjalment PAK), 1998-1999 Eżamijiet tal-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi taċ-Ċentru u tal-Lvant tal-Ewropa, EDRC, OECD, 1998 Żjara qasira, Kummissjoni Ewropea, TAIEX, |
|
|
ANNESS 2: TWEĠIBIET TA' JAN GREGOR GĦALL-MISTOQSIJIET
Kwestjonarju għat-tiġdid tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri
Qadi tad-dmirijiet: tagħlimiet meħuda u impenji futuri
1. X'inhuma l-kisbiet ewlenin tiegħek fil-kariga ta' membru tal-QEA? X'kienu l-ikbar diffikultajiet?
Il-kisbiet ewlenin tiegħi fil-kariga ta' membru tal-QEA jinkludu l-introduzzjoni u l-iżvilupp tar-rapport dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE. Dan ir-rapport annwali apprezzat ħafna huwa parti mill-proċedura ta' kwittanza u ġie ppubblikat għall-ewwel darba għas-sena finanzjarja 2019. Huwa innovattiv minħabba li hija l-ewwel darba li l-QEA ħarset lejn il-prestazzjoni fuq bażi rikorrenti. Jien nedejt it-tħejjija metodoloġika ta' dan ir-rapport fl-2017 meta kkopresedejt is-Seminar tal-Membri, li b'mod partikolari ffoka fuq il-mod ta' kif għandu jsir l-awditjar tal-prestazzjoni. Ir-rapport jeżamina aspetti tal-qafas tal-kejl tal-prestazzjoni, isegwi r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport speċjali preċedenti u jivvaluta l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni disponibbli għan-nefqa fl-ambitu tal-intestaturi ewlenin tal-MMF. Ir-rapport dwar il-prestazzjoni jtella' l-iskrutinju tal-QEA tal-prestazzjoni tal-baġit tal-UE f'livell ogħla.
Bħala President tal-Kumitat għall-Kwalità u l-Kontroll tal-Awditjar (AQCC) minn Frar 2020, bdejt u mexxejt żviluppi metodoloġiċi importanti, bħall-metodoloġija tal-QEA bbażata fuq l-internet (AWARE), l-approvazzjoni aktar effiċjenti tas-sejbiet mal-entitajiet awditjati tagħna, il-kjarifika tar-regoli biex tiġi żgurata l-kwalità tar-rakkomandazzjonijiet u approċċ imsaħħaħ għar-rieżami tal-kwalità indipendenti (IQR). Kelli wkoll involviment kbir fir-rieżami tal-kwalità ta' aktar minn 100 pjan ta' ħidma u rapporti speċjali. Dan ippermettieli nikkontribwixxi personalment għall-kwalità ta' ħafna rapporti tal-awditjar.
Fir-rigward tad-diffikultajiet, jiddispjaċini li sa issa ma stajniex nestendu l-mandat tal-awditjar tal-QEA. Se nkompli bl-isforzi tiegħi biex il-QEA tingħata l-mandat li tawditja l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE stabbiliti mit-Trattati, iżda wkoll l-istrutturi intergovernattivi kollha li huma ta' rilevanza ewlenija għall-funzjonament tal-UE.
2. X'inhuma t-tagħlimiet ewlenin meħuda fil-qasam ta' kompetenzi tiegħek / ir-riżultati miksuba fid-dmirijiet u l-kompiti tal-awditjar tiegħek?
Jien kont membru relatur għal diversi tipi ta' rapporti:
Rapporti annwali għas-snin finanzjarji 2016-2018, il-Kapitolu 3 - Il-kisba ta' riżultati mill-baġit tal-UE. F'din ir-responsabbiltà, għamilt enfasi akbar fuq aspetti aktar orizzontali tal-qafas tal-kejl tal-prestazzjoni. Żviluppajt ukoll is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-QEA lejn kopertura sħiħa.
Rapport dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE għas-sena finanzjarja 2019 (ara l-mistoqsija preċedenti).
Rapport Speċjali 34/2018 dwar "Ġestjoni tal-ispazji għal uffiċċji tal-istituzzjonijiet tal-UE – ċerti prattiki huma tajbin iżda jeżistu wkoll diversi dgħufijiet". Dan ir-rapport għen fir-razzjonalizzazzjoni tal-politika u l-ġestjoni ta' proġetti kbar ta' kostruzzjoni.
Rapport Speċjali 13/2018 – "Il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu: il-Kummissjoni indirizzat il-ħtiġijiet tal-Istati Membri, iżda hemm xi nuqqasijiet fil-koordinazzjoni u l-evalwazzjoni". Ħadt dan il-kompitu fuq talba tal-Qorti. Dan intlaqa' tajjeb mill-partijiet ikkonċernati tal-QEA u ngħata l-Premju għal-Lingwa Ċara tal-QEA tal-2019.
Rapport Speċjali 04/2021 – "Kontrolli doganali: armonizzazzjoni insuffiċjenti tfixkel l-interessi finanzjarji tal-UE". Ir-rapport intlaqa' tajjeb mill-Kummissjoni u jiżvela x'jeħtieġ isir biex l-Unjoni Doganali ssir aktar armonizzata u effiċjenti, fl-interess finanzjarju tal-UE. Wara l-pubblikazzjoni ta' dan ir-rapport u bil-ħsieb li jiġi propost xi titjib, il-Kummissjoni stabbiliet Grupp ta' Persuni Għorrief biex jiddiskuti l-isfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni Doganali, bħaż-żieda fil-kummerċ elettroniku, ir-rwoli dejjem akbar tad-dwana fil-kontroll ta' riskji mhux fiskali, il-futur tal-aspetti tal-ġestjoni tar-riskju u tal-governanza.
Id-dokument informattiv u analitiku "Future of EU finances: Reforming how the EU budget operates" (Il-futur tal-finanzi tal-UE: Ir-riforma ta' kif jaħdem il-baġit tal-UE), Frar 2018 u d-dokument informattiv u analitiku "The Commission's proposal for the 2021-2027 Multiannual Financial Framework" (Il-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027), Lulju 2018. Dawn ir-rieżamijiet ipprovdew ċifri u paraguni oġġettivi u kienu apprezzati mill-Parlament u spiss issir referenza għalihom.
Mexxejt ukoll it-task force tal-Qorti dwar il-BREXIT, li mmonitorjat l-iżviluppi, ħejjiet gwida, ħejjiet sommarji tas-suġġett u skennjar tal-politika u identifikat ideat tal-awditjar dwar kwistjonijiet relatati mal-BREXIT. Il-ħidma kienet tinkludi wkoll l-involviment fl-istabbiliment tal-ftehim dwar l-irtirar biex jiġi ssalvagwardjat rwol xieraq għall-QEA.
Fir-rigward tat-tagħlimiet meħuda, nista' nsemmi l-ħtieġa ta' rapportar rikorrenti dwar il-prestazzjoni, il-benefiċċji ta' djalogu miftuħ mal-partijiet ikkonċernati u ta' approċċ mingħajr sorpriżi mal-entitajiet awditjati.
3. X'valur miżjud tista' toffri lill-QEA fit-tieni mandat tiegħek u/jew b'mod partikolari fil-qasam li tkun responsabbli għalih? Tixtieq tibdel il-qasam ta' responsabbiltà tiegħek? X'jimmotivak?
Għandi mandat ta' tliet snin bħala president tal-AQCC (sat-23 ta' Jannar 2023). F'dik il-kapaċità, l-intenzjoni li għandi hija li nkompli bl-isforzi tiegħi fil-qasam tal-istabbiliment tal-istandards (INTOSAI), tal-kontroll tal-kwalità u li mmexxi 'l quddiem għadd ta' kwistjonijiet metodoloġiċi u proċedurali importanti:
Il-provvista ta' aċċess pubbliku multilingwi għall-metodoloġija mġedda tal-QEA,
L-ilħuq ta' ftehim mal-Kummissjoni dwar l-arranġamenti prattiċi għall-proċedura kontenzjuża,
It-titjib tal-komunikazzjoni mal-entitajiet awditjati,
It-titjib tal-kwalità tad-dokumentazzjoni tal-awditjar,
Ir-rieżami tal-implimentazzjoni tar-rieżami tal-kwalità indipendenti mġedded.
Fi tmiem il-mandat tiegħi bħala president tal-AQCC, se nkun f'pożizzjoni li naċċetta mandat ieħor bħala President tal-AQCC jew li nassumi kwalunkwe responsabbiltà oħra fi ħdan il-QEA.
Fil-kariga ta' membru tal-Kumitat Amministrattiv, se nżomm enfasi kbira fuq it-titjib tal-ġestjoni tal-baġit u tar-riżorsi tal-istituzzjoni. Se nibqa' wkoll involut bis-sħiħ fi kwistjonijiet ġenerali tal-Qorti, bħall-istrateġija tal-QEA, il-politiki, ir-riformi, il-motivazzjoni tal-persunal, eċċ.
Li jimmotivani huwa s-sens ta' dover tiegħi, filwaqt li naf il-valur miżjud tal-ħidma tal-QEA u r-rikonoxximent li nirċievi mill-kollegi, mill-entitajiet awditjati u mill-partijiet ikkonċernati.
4. Kif tiżgura li tilħaq l-objettivi tal-awditjar ippjanati tiegħek f'kompitu tal-awditjar? Ġieli kont fis-sitwazzjoni fejn ma stajtx twettaq il-kompitu tal-awditjar, u għal liema raġunijiet? Kif topera f'sitwazzjonijiet kontroversjali bħal dawn?
Għall-awditi taħt ir-responsabbiltà tiegħi, l-ilħuq tal-objettivi ppjanati tal-awditjar kien possibbli bis-saħħa ta' ppjanar tajjeb u billi ġie segwit approċċ mingħajr sorpriżi mal-entità awditjata, li inkluda feedback dwar l-awditu ppjanat qabel it-tnedija. Li kkontribwixxa wkoll biex jintlaħqu l-objettivi ppjanati tal-awditjar kienet il-possibbiltà li wieħed jiddependi mill-persunal tal-awditjar tagħna, li huwa kompetenti u ddedikat ħafna. Dan l-assi nbena maż-żmien bl-għajnuna ta' proċeduri tal-għażla dettaljati, taħriġ professjonali estensiv, il-ħolqien ta' mogħdijiet attraenti għall-karriera tal-persunal u inizjattivi ta' motivazzjoni tal-persunal.
Matul il-pandemija, it-tkomplija tal-ħidma bil-pass tas-soltu u l-ilħuq tal-iskadenzi kienu madankollu sfidi minħabba li ma setgħux isiru missjonijiet u d-disponibbiltà tal-entitajiet awditjati kienet limitata. Bis-saħħa ta' soluzzjonijiet kreattivi, bħal proċeduri adattati għall-approvazzjoni tas-sejbiet tal-awditjar u għaż-żamma ta' kuntatti mill-qrib mal-entitajiet awditjati fl-istadji kollha tal-proċess tal-awditjar, kien possibbli li jiġi llimitat id-dewmien.
5. Jekk tiġi kkonfermat mill-ġdid għat-tieni mandat u ipotetikament, jekk tiġi elett Dekan ta' Awla tal-QEA, kif se tixpruna l-ħidma biex tiddefinixxi l-prijoritajiet tagħha? Tista' tagħtina żewġ jew tliet eżempji ta' oqsma li għandu jsir enfasi fuqhom fil-ġejjieni?
Bħala president tal-AQCC, jien immexxi l-ħidma u niddefinixxi l-prijoritajiet b'mod kolleġġjali mal-membri l-oħra tal-AQCC u, għal kwistjonijiet ta' importanza kbira, b'kolleġġjalità mal-membri kollha tal-Qorti. Napprezza wkoll il-kontribut tal-persunal tad-Direttorat għall-Kontroll tal-Kwalità (DQC) u tal-persunal tal-awditjar fil-kmamar. Huwa permezz tal-iskambju tal-fehmiet li nilħqu soluzzjonijiet effiċjenti u effettivi għall-isfidi li qed niffaċċjaw.
Fi ħdan l-AQCC, għandi l-ħsieb li niffoka fuq l-iżvilupp u l-irfinar ulterjuri tal-metodoloġija tal-QEA u li nipprovdi wkoll aċċess pubbliku għall-bażi tad-data metodoloġika. Insaħħaħ ukoll aktar il-valur miżjud tar-rieżami tal-kwalità indipendenti tal-pjanijiet ta' ħidma u r-rapporti. B'mod partikolari f'dak il-kuntest hija importanti l-kwalità tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar (li jiġi żgurat li dejjem tkun ibbażata fuq evidenza tal-awditjar konvinċenti, li tinħoloq tipoloġija ta' rakkomandazzjonijiet u li din tintrabat mas-segwitu tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet). Nixtieq ukoll insaħħaħ aktar il-kooperazzjoni mad-DĠ BUDG. F'dak il-kuntest, diġà qbilna dwar il-ħolqien ta' Grupp ta' Ħidma biex jiġu ddefiniti arranġamenti ta' ħidma effiċjenti għall-proċedura kontenzjuża.
6. Kieku kellek timmaniġġja l-għażla ta' kompiti tal-awditjar fid-dawl tat-tħejjija tal-programm ta' ħidma annwali tal-QEA, fuq liema bażi tagħmel l-għażla tiegħek minn fost il-lista ta' prijoritajiet riċevuti mill-Parlament u/jew mill-Kumitat CONT?
X'tagħmel jekk prijorità politika ma tikkorrispondix għall-valutazzjoni tar-riskju tal-QEA dwar l-attivitajiet tal-Unjoni?
L-ipprogrammar tal-kompiti tal-awditjar huwa proċess importanti u kumpless li għalih il-QEA għandha proċedura żviluppata sew. Din tinvolvi diversi stadji u tqis diversi kriterji, bħall-kompletezza tal-kopertura, ir-riskji identifikati mill-valutazzjoni tar-riskju tal-QEA, il-materjalità u r-rilevanza kif indikata mill-partijiet ikkonċernati tagħna. Aħna nfittxu li nawditjaw l-oqsma materjali u / jew riskjużi kollha f'xi ħin u nagħtu l-prijorità abbażi tal-kontribut ipprovdut mill-partijiet ikkonċernati tagħna.
Sabiex dan l-objettiv jintlaħaq bl-aħjar mod, il-QEA bdiet tiżviluppa pprogrammar pluriennali. Dan il-prinċipju huwa stabbilit fl-Istrateġija tal-QEA għas-snin 2021-2025. F'kull stadju tal-proċess preparatorju annwali, titqies il-lista ta' prijoritajiet kif ipprovduta mill-Parlament u mill-Kunsill. Il-QEA żiedet b'mod sinifikanti l-kunsiderazzjoni mogħtija lis-suġġerimenti li jsiru. Nemmen li meta f'sena partikolari ma jiġux onorati l-prijoritajiet tal-partijiet ikkonċernati, dawn għandhom jerġgħu jiġu kkunsidrati fi stadju aktar tard.
Il-ġestjoni tal-portafoll, metodi ta' ħidma u riżultati
7. Il-produzzjoni ta' rapporti ta' kwalità għolja, robusti u f'waqthom hija kruċjali:
– Kif tiżgura li d-data użata f'awditu hija affidabbli u li s-sejbiet mhumiex obsoleti?
Aħna nivvalutaw l-affidabbiltà tal-evidenza tal-awditjar użata. L-affidabbiltà tiddependi mis-sors (eż. dokumenti oriġinali jew le, minn sors indipendenti jew le), it-tip (data elettronika, evidenza dokumentarja, intervisti, eċċ.), il-mod kif tinġabar (eż. miksuba direttament mill-awditur jew le), il-puntwalità u l-punt sa fejn tkun diġà għaddiet minn kontroll (eż. soġġett għal kontrolli interni b'saħħithom fi ħdan l-organizzazzjoni tal-entità awditjata). Aħna nwettqu wkoll awditi speċifiċi tal-affidabbiltà tad-data. Pereżempju, jien personalment issorveljajt il-ħidma fuq il-verifika tal-affidabbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE.
Il-kontrolli tal-kwalità indipendenti tagħna ta' abbozzi ta' rapporti jinkludu verifiki ta' kampjuni tal-evidenza għal osservazzjonijiet ewlenin. Dan jinvolvi l-valutazzjoni tal-kwalità u l-puntwalità ta' kwalunkwe data użata.
– Kif tista' ttejjeb il-kwalità u l-pertinenza tar-rakkomandazzjonijiet?
Fir-rapporti li għalihom kont membru relatur (ara hawn fuq), illimitajt in-numru ta' rakkomandazzjonijiet biex jiġu żgurati l-kwalità, l-enfasi u l-impatt. Aċċertajt ruħi li r-rakkomandazzjonijiet kienu ċari, kostruttivi, li żiedu l-valur, kosteffettivi u marbuta mill-qrib mal-osservazzjonijiet tal-awditjar li għalihom kellna evidenza konvinċenti.
Bħala president tal-AQCC, għamilt sforz kbir biex nippromwovi l-kwalità u l-pertinenza tar-rakkomandazzjonijiet. B'mod partikolari, rajt li ġie promoss l-iżvilupp u l-kjarifika ulterjuri tal-metodoloġija tal-QEA dwar it-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet. Dan il-proċess huwa infurmat mill-kompiti annwali tagħna ta' assigurazzjoni tal-kwalità dwar is-suġġett.
Minn meta sirt membru tal-AQCC erba' snin ilu, kont qed nagħti attenzjoni lir-rieżamijiet tal-kwalità indipendenti tagħna (IQR) u b'mod partikolari l-impatt tagħhom fuq il-kwalità tar-rakkomandazzjonijiet. Jien stess sfidajt il-ħtieġa u/jew il-formulazzjoni ta' ħafna mir-rakkomandazzjonijiet magħmula fl-abbozzi ta' rapporti. Jien mexxejt ukoll l-iżvilupp tal-approċċ tagħna lejn l-IQR għall-benefiċċju tal-kwalità. Dan kien jinkludi l-introduzzjoni ta' kontrolli fuq l-eżistenza u l-kwalità tal-evidenza tal-awditjar disponibbli għal osservazzjonijiet ewlenin.
8. L-għan tar-riforma tal-QEA huwa li tiġi stabbilita relazzjoni ta' obbligu ta' rendikont aktar b'saħħitha bejn it-tim tal-awditjar u l-membru rapporteur:
– Fid-dawl tal-esperjenza tiegħek, taħseb li r-rwol ta' membru huwa li jkun aktar involut fix-xogħol tal-awditjar?
Bħala membru relatur, inqis li huwa dmiri li nkun involut mill-qrib fid-diversi stadji tal-proċess tal-awditjar: l-ipprogrammar, l-ippjanar, l-implimentazzjoni u r-rapportar. Dan jinkludi l-parteċipazzjoni f'laqgħat ta' ħidma, l-immaniġġjar tar-riskji, l-intervent meta jkun hemm diffikultajiet, iż-żamma ta' kuntatti mill-qrib mal-entitajiet awditjati u l-preżentazzjoni tar-riżultati lill-partijiet ikkonċernati tagħna u f'fora pubbliċi.
– Taħseb li għandek tibdel il-mod li bih taħdem ma' tim tal-awditjar? Jekk iva, kif?
Se nżomm l-approċċ tiegħi għall-interazzjoni mat-timijiet tal-awditjar, biex b'hekk nagħmel sforzi biex ikollna kultura ta' skambju miftuħ u nipprovdi gwida fejn meħtieġ. Se nkompli wkoll nagħmel sforzi biex nimmotiva lill-persunal, pereżempju billi ninvolvih fid-deċiżjonijiet importanti kollha fir-rigward tal-awditi u billi ninvolvih fid-diversi skambji ta' livell għoli matul il-proċess tal-awditjar. Napprezza ħafna l-kwalità tal-persunal tal-QEA, li huwa verament espert f'ħafna oqsma.
9. Xi jkunu s-suġġerimenti tiegħek għat-titjib u l-modernizzazzjoni ulterjuri tal-funzjonament, l-ipprogrammar u l-ħidma (iċ-ċiklu ta' awditjar) tal-QEA? Wara l-ewwel mandat tiegħek, tista' ttina aspett pożittiv tal-ħidma tal-QEA, u wieħed negattiv?
Nixtieq nippromwovi żvilupp ulterjuri tal-ipprogrammar pluriennali tal-QEA. Nemmen li jkun hemm mertu jekk jiġi żgurat aħjar li eventwalment jiġu koperti l-oqsma materjali u riskjużi kollha. Barra minn hekk, nemmen li l-QEA għandha tipprova tistabbilixxi l-ipprogrammar pluriennali biex tippermetti li jsiru konklużjonijiet ġenerali dwar aspetti orizzontali ewlenin tal-immaniġġjar baġitarju (eż. il-prevenzjoni tal-frodi, l-affidabbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni, eċċ.) f'ċerti mumenti bbażati fuq l-eżitu ta' diversi kompiti tal-awditjar. Dawn il-konklużjonijiet ġenerali jistgħu jiġu ppreżentati fir-rapporti dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE.
Aspett pożittiv ħafna tal-funzjonament tal-QEA huwa l-kolleġġjalità tagħha. Dan huwa aspett tajjeb ħafna biex isiru ġudizzji ta' kwistjonijiet f'ambjent kumpless. Bħala aspett negattiv, insemmi r-riskju ta' detezzjoni tal-awditjar. Aspett partikolari li għandu jiġi kkunsidrat f'dan ir-rigward huma l-missjonijiet tal-awditjar tagħna. Matul l-aħħar għaxar snin, il-QEA naqqset gradwalment l-għadd globali ta' jiem ta' missjoni tal-awditjar tagħha. Dan ġie amplifikat dan l-aħħar bir-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Nemmen li l-kontrolli fuq il-post huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-akbar effettività tal-istituzzjoni tagħna, kemm f'termini ta' detezzjoni kif ukoll ta' prevenzjoni minħabba l-impatt ta' deterrent tal-preżenza tagħna.
10. Taħt it-Trattat, il-Qorti hija meħtieġa li tassisti lill-Parlament fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' kontroll tiegħu fuq l-implimentazzjoni tal-baġit sabiex jittejbu kemm is-sorveljanza pubblika tal-infiq ġenerali, kif ukoll il-valur tiegħu għall-flus:
– Fid-dawl tal-esperjenza tiegħek fl-ewwel mandat, kif tista' tittejjeb aktar il-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri u l-Parlament Ewropew (il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) dwar l-awditjar tal-baġit tal-UE?
Iż-żamma ta' kuntatti mill-qrib hija kruċjali għal kooperazzjoni tajba. Il-laqgħat annwali tal-CONT / ECA huma utli ħafna f'dak ir-rigward. Barra minn hekk, il-laqgħat iddedikati għal suġġetti speċifiċi jistgħu jkunu siewja ħafna. Eżempju tajjeb huwa l-konsultazzjoni fuq ir-rapport dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE. Konsultazzjonijiet oħra bħal dawn jistgħu jiġu ppjanati fil-futur, anki dwar kwistjonijiet ta' kwalità.
– Bl-istess mod, kif jistgħu jissaħħu r-relazzjonijiet bejn il-QEA u l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-awditjar?
Il-qafas tal-Kumitat ta' Kuntatt jipprovdi bażi solida għall-kooperazzjoni tal-QEA mal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar nazzjonali. Dan jinvolvi laqgħat annwali u diversi gruppi ta' ħidma, networks u task forces stabbiliti biex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi ta' interess komuni. Jien naħseb li din is-sistema hija flessibbli biżżejjed biex tindirizza kwalunkwe kwistjoni topika.
Saff ieħor ta' kooperazzjoni huwa l-organizzazzjoni u l-parteċipazzjoni fir-rieżamijiet bejn il-pari. Nemmen li dan huwa saff importanti ħafna ta' assigurazzjoni addizzjonali dwar il-funzjonament tal-Istituzzjonijiet tal-Awditjar. Dan l-aħħar għamilna Rieżami bejn il-Pari dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-qafas etiku tagħna. Naħseb li nistgħu norganizzaw Rieżami bejn il-Pari ieħor dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-IT tagħna.
Jien appoġġjajt ukoll il-possibbiltà li jintlaqgħu Esperti Nazzjonali Ssekondati minn awditu suprem u istituzzjonijiet oħra biex jaħdmu fil-QEA. Bħalissa, hemm 15-il espert li jaħdmu f'diversi direttorati.
11. Kif se tappoġġja lill-Parlament biex jirnexxilu jqassar il-proċedura ta' kwittanza? X'azzjonijiet jistgħu jittieħdu min-naħa tiegħek?
It-tqassir tal-proċedura ta' kwittanza huwa ta' sfida. Il-QEA dejjem irrispettat l-iskadenzi legali. Aħna dipendenti miż-żmien tal-pubblikazzjoni tal-pakkett ta' Obbligu ta' Rendikont tal-Kummissjoni. B'mod partikolari, iż-żmien tar-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni (AMPR) huwa ta' sfida kbira għalina. Nifhmu li l-Kummissjoni nnifisha tiddependi mill-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri. Dan jista' jkun is-suġġett ta' laqgħat ta' konsultazzjoni ddedikati (ara l-mistoqsija 10).
Indipendenza u integrità
12. X'garanziji ta' indipendenza tista' tagħti lill-Parlament Ewropew, u kif tista' tiżgura li kwalunkwe attività li wettaqt, qiegħed twettaq jew sejjer twettaq ma tkunx tista' tqajjem dubji dwar it-twettiq ta' dmirijietek fil-QEA?
Jien insegwi l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Qorti. Ma għandi l-ebda attività esterna. Qatt ma kelli affiljazzjonijiet politiċi u qatt ma okkupajt kariga eletta jew pożizzjoni politika. Barra minn hekk, għandi approvazzjoni tas-sigurtà għal-livell Sigriet (livell nazzjonali u tal-UE). Fil-fehma tiegħi, din tipprovdi assigurazzjoni b'saħħitha ta' integrità personali.
13. Kif tista' tittratta irregolarità ewlenija jew saħansitra każ ta' frodi fil-fondi tal-UE u/jew korruzzjoni li jinvolvi persuni fl-Istat Membru ta' oriġini tiegħek? Kont f'din is-sitwazzjoni fil-mandat attwali?
Fir-rigward ta' frodi, il-QEA u jien napplikaw politika ta' tolleranza żero, irrispettivament minn fejn isseħħ. Fil-kompiti tal-awditjar tiegħi, għadni ma ġejtx ikkonfrontat b'suspett ta' frodi, korruzzjoni jew attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE. Jekk iseħħ każ bħal dan, niżgura li dawn il-każijiet jintbagħtu lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew u/jew lill-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi f'konformità mal-prattika attwali tal-QEA.
Ix-xogħol tal-awditjar għad-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni jista' jidentifika r-riskji ta' frodi. Fil-kariga ta' membru tal-Qorti, jien involut f'deċiżjonijiet kolleġġjali dwar id-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni. Madankollu, deċiżjonijiet bħat-tressiq ta' każ lill-UPPE/OLAF jiġu ttrattati f'livell operazzjonali. L-awdituri tagħna jirċievu taħriġ dwar kif jidentifikaw u jirrapportaw sitwazzjonijiet ta' frodi potenzjali.
L-istrateġija tal-QEA għall-perjodu 2021-2025 tippromwovi l-intensifikazzjoni tal-azzjoni tagħha f'dan il-qasam. Dan l-aħħar adottajna pjan ta' azzjoni li jkopri l-aspetti kollha tax-xogħlijiet tal-awditjar u l-oqsma kollha ta' responsabbiltà inkluż l-NGEU. Fi ħdan l-AQCC, nedejna u ssorveljajna rieżamijiet tal-assigurazzjoni tal-kwalità dwar ir-riskju ta' frodi u pproduċejna diversi gwidi u rakkomandazzjonijiet dwar din il-kwistjoni. Barra minn hekk, ippresedejt diversi laqgħat u taħriġ professjonali, xi drabi b'kollaborazzjoni mal-EUROJUST, l-OLAF jew l-UPPE, sabiex inżid l-azzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej fil-ġlieda kontra l-frodi.
14. L-eżistenza ta' kunflitt ta' interess tista' tiskatta riskju għar-reputazzjoni tal-QEA. Kif tista' timmaniġġja kwalunkwe kunflitt ta' interess?
F'konformità mal-Kodiċi ta' kondotta għall-membri tal-Qorti, ninforma lill-President tal-QEA u nfittex li nsolvi l-kunflitt ta' interess. Ma naċċettax li nkun membru relatur għal kompitu li bih jista' jkolli kunflitt ta' interess.
15. Int involut f'xi proċedimenti ġudizzjarji? Jekk iva, ta' liema tip?
Le, m'iniex.
16. X'impenji speċifiċi int lest li tieħu f'termini ta' trasparenza mtejba, aktar kooperazzjoni u segwitu effettiv għall-pożizzjonijiet tal-Parlament u t-talbiet għall-awditjar?
Fil-kariga ta' membru tal-QEA, jien impenjat bis-sħiħ favur it-trasparenza u l-kooperazzjoni mal-Parlament sabiex nappoġġja u nsaħħaħ ir-rwol demokratiku tiegħu u ninforza l-obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet tal-UE. Għandi l-ħsieb li nżomm dan l-impenn. Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza fil-qasam li għalih jien attwalment responsabbli, inkun kuntent li nirrapporta l-attivitajiet tal-AQCC lill-CONT. Fir-rigward tat-talbiet tal-Parlament għall-awditi, jien nappoġġja feedback aktar dettaljat fir-rigward tal-adozzjoni. Jien lest ukoll li nappoġġja segwitu msaħħaħ tar-rakkomandazzjonijiet tal-QEA li l-Parlament iqis importanti.
Mistoqsijiet oħra
17. Se tirtira l-kandidatura tiegħek għal tiġdid tal-mandat jekk l-opinjoni tal-Parlament dwar il-ħatra tiegħek għall-kariga ta' Membru tal-QEA ma tkunx favorevoli?
Huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li jieħu mandat għall-kariga ta' membru tal-QEA mingħajr l-appoġġ tal-Parlament Ewropew. Jekk l-opinjoni tal-Parlament ma tkunx favorevoli, jien lest li nipproponi l-irtirar tal-kandidatura lill-Gvern.
18. Il-ħatra għall-kariga ta' Membru tal-QEA tirrikjedi attenzjoni u dedikazzjoni sħiħa lill-istituzzjoni nnifisha u li tiġi żgurata fiduċja fl-Unjoni fost iċ-ċittadini tagħha:
– X'inhuma l-fehmiet tiegħek dwar l-aħjar mod li bih wieħed jassumi dawn id-dmirijiet professjonali?
Jien iddedikat bis-sħiħ għal dmirijieti fil-kariga ta' membru tal-QEA. Fl-ambjent professjonali ta' kuljum tiegħi, nagħti ħafna importanza lill-iżvilupp tal-għarfien, lit-trawwim tal-ispirtu tat-tim, b'kolleġġjalità ma' membri oħra u fi ħdan it-timijiet tal-awditjar tagħna, lill-promozzjoni ta' atmosfera ta' ħidma miftuħa u inklużiva. Meta nirrappreżenta l-Istituzzjoni fuq livell estern, nagħmel l-aħjar li nista' biex nippromwovi l-kwalità tar-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tagħna, u niżgura impatt ottimali għall-benefiċċju tal-baġit tal-UE u taċ-ċittadini tal-UE. Dan jinvolvi wkoll il-preżentazzjoni tar-rapporti tal-QEA lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-Parlamenti.
– X'inhuma l-arranġamenti personali attwali tiegħek f'termini tal-għadd ta' ġranet ta' preżenza fil-Lussemburgu? Tippjana li tibdel dawn l-arranġamenti?
Meta ħadt il-mandat tiegħi fil-bidu ta' Mejju 2016, irnexxieli nsib dar f'nofs Ġunju 2016 u l-familja tiegħi gradwalment marret toqgħod il-Lussemburgu. Uliedna bdew jattendu l-Iskola Ewropea fil-Lussemburgu. Minn dak iż-żmien, nista' nikkonferma l-preżenza kontinwa u sħiħa tiegħi fil-Lussemburgu u d-dedikazzjoni sħiħa għall-attivitajiet tiegħi fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu |
Tiġdid parzjali ta’ membri tal-Qorti tal-Awdituri - kandidat CZ |
|||
Referenzi |
12535/2021 – C9-0405/2021 – 2021/0802(NLE) |
|||
Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni |
5.11.2021 |
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
CONT 10.11.2021 |
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Ryszard Czarnecki 17.11.2021 |
|
|
|
Eżami fil-kumitat |
10.1.2022 |
|
|
|
Data tal-adozzjoni |
10.1.2022 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
29 1 0 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Matteo Adinolfi, Olivier Chastel, Caterina Chinnici, Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Luke Ming Flanagan, Isabel García Muñoz, Monika Hohlmeier, Jean-François Jalkh, Pierre Karleskind, Joachim Kuhs, Claudiu Manda, Alin Mituța, Younous Omarjee, Tsvetelina Penkova, Markus Pieper, Sabrina Pignedoli, Michèle Rivasi, Petri Sarvamaa, Simone Schmiedtbauer, Vincenzo Sofo, Angelika Winzig, Tomáš Zdechovský |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Pascal Durand, Maria Grapini, Mikuláš Peksa, Elżbieta Rafalska, Sándor Rónai, Viola Von Cramon-Taubadel |
|||
Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Robert Roos |
|||
Data tat-tressiq |
12.1.2022 |