RAPPORT fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem

2.2.2022 - (2021/2066(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Katalin Cseh


Proċedura : 2021/2066(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0012/2022

ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rigward il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem

(2021/2066(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) li daħlet fis-seħħ fl-14 ta' Diċembru 2005,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar il-Ġlieda kontra t-Tixħim tal-Uffiċjali Pubbliċi Barranin fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali Internazzjonali u r-Rakkomandazzjoni tal-2009 tal-Kunsill għall-Ġlieda Ulterjuri kontra t-Tixħim, ir-Rakkomandazzjoni tal-1996 dwar il-Possibbiltà ta' Tnaqqis tat-Taxxa tat-Tixħim għall-Uffiċjali Pubbliċi Barranin u strumenti oħra relatati,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD tal-2010 bit-titolu "Post-Public Employment: Good practices for preventing Conflict of Interest" (Wara l-impjieg pubbliku: Prattiki tajbin għall-prevenzjoni ta' Kunflitt ta' Interess),

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1997 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea[1],

 wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024, adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fit-18 ta' Novembru 2020,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem kif adottati fl-2914-il laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tat-8 ta' Diċembru 2008,

  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) stabbiliti fir-riżoluzzjoni tan-NU tal-25 ta' Settembru 2015 bit-titolu "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli", inkluż l-SDG 16 li jkopri l-isforzi biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tat-8 ta' Novembru 2013 bit-titolu "Policy on preventing and deterring prohibited conduct in European Investment Bank activities" (EIB Anti-Fraud Policy) (Politika dwar il-prevenzjoni u t-trażżin ta' aġir ipprojbit fl-attivitajiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment (Politika Kontra l-Frodi tal-BEI)),

 wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem: l-Implimentazzjoni tal-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti "Protezzjoni, Rispett u Rimedju",

 wara li kkunsidra l-edizzjoni tal-2011 tal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali u l-istandards li żviluppat fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem,

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 tas-7 ta' Diċembru 2020 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2021 dwar ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE)[3],

 wara li kkunsidra r-Regolamenti tar-Renju Unit tal-2021 dwar Sanzjonijiet Globali Kontra l-Korruzzjoni u l-prinċipji ġenerali tiegħu biex jiġu kkumpensati vittmi barranin (inklużi Stati affettwati) f'każijiet ta' tixħim, korruzzjoni u kriminalità ekonomika,

 wara li kkunsidra l-adozzjoni mill-Parlament Franċiż ta' dispożizzjonijiet vinkolanti ġodda għar-restituzzjoni tal-assi misruqa kkonfiskati lill-popli fil-pajjiżi ta' oriġini,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2021 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar diliġenza dovuta korporattiva u obbligu ta' rendikont korporattiv[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-governanza korporattiva sostenibbli[5],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq id-drittijiet tal-bniedem u r-rwol tad-difensuri ambjentali f'din il-kwistjoni[6],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2020 dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-politika barranija[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi,[8]

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi[9],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa bħala sfidi għall-governanza, il-protezzjoni soċjali u l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw[10],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar il-korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat: l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi[11],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u l-pakkett ta' proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni Ewropea biex jissaħħu r-regoli tal-UE kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CTF), ippubblikati fl-20 ta' Lulju 2021[12],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar reati b'dimensjoni transkonfinali, inkluża l-korruzzjoni, li jipprevedi li l-UE tista' tistabbilixxi regoli komuni permezz ta' direttivi,

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta' April 2014, dwar l-iffriżar u l-konfiska ta' mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea[13],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta' informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI[14],

 wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet tal-Liġi Kriminali u Ċivili tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Korruzzjoni, u strumenti legali u rakkomandazzjonijiet politiċi oħra dwar din il-kwistjoni adottati mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa, inkluż dwar ir-regoli komuni kontra l-korruzzjoni fil-finanzjament tal-partiti politiċi u l-kampanji elettorali, u r-Riżoluzzjonijiet (98) 7 u (99) 5, adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fil-5 ta' Mejju 1998 u fl-1 ta' Mejju 1999 rispettivament, li jistabbilixxu l-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO),

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa (97) 24 tas-6 ta' Novembru 1997 dwar l-Għoxrin Prinċipju ta' Gwida għall-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-GRECO tal-15 ta' April 2020 dwar ir-Riskji ta' Korruzzjoni u r-Referenzi Legali Utli fil-kuntest tal-COVID-19,

 wara li kkunsidra r-Regolament 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej[15],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni politika bit-titolu "Our common commitment to effectively addressing challenges and implementing measures to prevent and combat corruption and strengthen international cooperation" (L-impenn komuni tagħna biex nindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi u nimplimentaw miżuri biex nipprevjenu u niġġieldu l-korruzzjoni u nsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali), adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-2 ta' Ġunju 2021 matul is-sessjoni speċjali tagħha kontra l-korruzzjoni, u l-kontribut tal-UE għad-dokument ta' eżitu tas-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-korruzzjoni tas-17 ta' Diċembru 2019,

 wara li kkunsidra r-rapport tas-17 ta' Ġunju 2020 tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi oħra tan-negozju bit-titolu "Connecting the business and human rights and the anti-corruption agendas" (Ngħaqqdu n-negozju u d-drittijiet tal-bniedem u l-aġendi kontra l-korruzzjoni),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem adottata fis-17 ta' Diċembru 2015 u r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem adottata fid-29 ta' Settembru 2016,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-21 ta' April 2020 tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) dwar l-isfidi ffaċċjati u l-aħjar prattiki applikati mill-Istati fl-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-istrateġiji u l-politiki nazzjonali tagħhom għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inklużi dawk li jindirizzaw lill-atturi mhux Statali, bħas-settur privat,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-15 ta' April 2016 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-aħjar prattiki biex jiġi miġġieled l-impatt negattiv tal-korruzzjoni fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha, u r-rapport finali tal-5 ta' Jannar 2015 tal-Kumitat Konsultattiv tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kwistjoni tal-impatt negattiv tal-korruzzjoni fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem,

 wara li kkunsidra l-Abbozz tal-Linji Gwida tal-OHCHR dwar Qafas tad-Drittijiet tal-Bniedem għall-Irkupru tal-Assi,

 wara li kkunsidra l-inizjattiva "Global Compact" tan-NU biex l-istrateġiji u l-miżuri jkunu bbażati fuq il-prinċipji universali tad-drittijiet tal-bniedem, tal-impjiegi, tal-ambjent u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni,

 wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja,

 wara li kkunsidra l-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni ta' Transparency International,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0012/2022),

A. billi l-korruzzjoni tiffaċilita, tipperpetwa u tistituzzjonalizza l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u xxekkel l-osservanza u l-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-korruzzjoni hija reat elenkat fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE li tirrikjedi definizzjoni u approċċ komuni minħabba n-natura partikolarment serja u d-dimensjoni transkonfinali tagħha;

B. billi l-korruzzjoni taffettwa b'mod sproporzjonat lill-individwi u l-gruppi l-aktar vulnerabbli u emarġinati fis-soċjetà, tikser id-dritt ta' nondiskriminazzjoni u teskludihom, b'mod partikolari n-nisa, mill-aċċess ugwali għall-parteċipazzjoni politika, is-servizzi bażiċi u pubbliċi, il-ġustizzja, ir-riżorsi naturali, l-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-akkomodazzjoni; billi l-korruzzjoni taggrava l-faqar u l-inugwaljanza permezz ta' miżapproprijazzjoni tal-ġid u l-beni pubbliċi filwaqt li tagħmel ħsara lill-preservazzjoni tal-ambjent naturali u s-sostenibbiltà ambjentali;

C. billi l-korruzzjoni hija fenomenu kumpless u globali li jeżisti fil-pajjiżi kollha tad-dinja minkejja s-sistemi ekonomiċi u politiċi tagħhom; billi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni teħtieġ kooperazzjoni internazzjonali u hija parti integrali mill-impenji internazzjonali biex jiġu ssodisfati d-drittijiet tal-bniedem, tiġi protetta l-pjaneta u jiġi żgurat li n-nies kollha jgawdu l-paċi u l-prosperità sal-2030, fil-qafas tal-SDGs tan-NU, b'mod partikolari l-SDG 16 li jiffoka fuq il-promozzjoni ta' soċjetajiet ġusti, paċifiċi u inklużivi, u fost l-oħrajn, jimpenja lill-komunità internazzjonali biex issaħħaħ l-irkupru u ritorn ta' assi misruqa;

D. billi l-korruzzjoni tipikament tinvolvi l-abbuż ta' poter, nuqqas ta' obbligu ta' rendikont, l-ostruzzjoni tal-ġustizzja, l-użu ta' influwenza mhux xierqa, l-istituzzjonalizzazzjoni tad-diskriminazzjoni, il-klijenteliżmu, il-manipulazzjoni tal-Istat, in-nepotiżmu, il-kontinwazzjoni tal-kleptokraziji u d-distorsjoni tal-mekkaniżmi tas-suq fost affarijiet oħra, filwaqt li ħafna drabi hija marbuta mal-kriminalità organizzata, u hija ffaċilitata minn trasparenza u aċċess inadegwati għall-informazzjoni; billi l-awtoritarjaniżmu li qed jiżdied u l-ħolqien ta' reġimi mhux demokratiċi jipprovdu bażi fertili għall-korruzzjoni, li l-ġlieda tagħha titlob kooperazzjoni internazzjonali ma' demokraziji tal-istess fehma; billi l-korruzzjoni tagħmel lill-pajjiżi vulnerabbli għal influwenza barranija malizzjuża u tagħmel ħsara ulterjuri lill-istituzzjonijiet demokratiċi;

E. billi l-pajjiżi, il-komunitajiet, il-kumpaniji jew l-individwi jistgħu jisfaw vittmi ta' korruzzjoni, b'mod partikolari dawk involuti fi sforzi ta' investigazzjoni, rappurtar, prosekuzzjoni u proċess ta' korruzzjoni, li huma f'riskju akbar u jeħtieġu protezzjoni effettiva; billi r-rappurtar tal-korruzzjoni huwa kawża ewlenija għall-qtil ta' ġurnalisti, u skont il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti, fl-2021 ħames ġurnalisti li investigaw il-korruzzjoni kienu nqatlu sa Ottubru; billi l-protezzjoni tal-informaturi minn azzjoni ta' ritaljazzjoni u l-għoti ta' protezzjoni legali effettiva u proċeduri ta' rappurtar sikuri lilhom fis-setturi pubbliċi u privati huma integrali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni; billi l-miżuri kollha kontra l-korruzzjoni jeħtieġ li jikkonformaw mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem;

F. billi l-korruzzjoni timmina l-governanza u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi, tagħmel ħsara lill-effiċjenza u l-effettività ta-istituzzjonijiet demokratiċi, il-governanza tal-korporazzjonijiet, is-sistema ta' kontrokontrolli u l-prinċipji demokratiċi, iddgħajjef l-istat tad-dritt, tnaqqar mill-fiduċja pubblika u timpedixxi l-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li twassal għall-impunità tal-awturi, l-arrikkiment illeċitu ta' dawk fil-poter u l-ħtif tal-poter biex jevitaw il-prosekuzzjoni; billi n-nuqqas ta' sistema ġudizzjarja indipendenti jimmina r-rispett għall-istat tad-dritt; billi l-korruzzjoni hija katalist u fattur ewlieni ta' kunflitt, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u tiddestabbilizza l-isforzi għall-konsolidazzjoni tal-paċi, filwaqt li tikkawża ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem u f'xi każijiet telf ta' ħajja; billi l-flussi finanzjarji illeċiti minn pajjiżi li qed jiżviluppaw huma ffaċilitati u mħeġġa minn ġuriżdizzjonijiet ta' segretezza u rifuġji fiskali, kif ukoll minn atturi finanzjarji u legali, li ħafna minnhom huma bbażati fl-Ewropa; billi l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' tali reati għadhom limitati;

G. billi l-prattiki korrotti fil-politika, bħall-frodi elettorali, il-finanzjament illeċitu ta' kampanji politiċi u partiti politiċi u l-klijenteliżmu jdgħajfu d-drittijiet ċivili u politiċi li wieħed jieħu sehem fl-affarijiet pubbliċi, jivvota u jiġi elett f'kariga pubblika, filwaqt li jnaqqru l-fiduċja fil-partiti politiċi, ir-rappreżentanti eletti, il-proċessi demokratiċi u l-gvernijiet, u b'hekk jimminaw il-leġittimità demokratika u l-fiduċja pubblika fil-politika; billi fin-nuqqas ta' regolamentazzjoni effettiva, il-finanzjament tal-kampanji politiċi u l-finanzjament tal-partiti huma partikolarment esposti għal riskji ta' korruzzjoni u jintużaw madwar id-dinja kollha, b'mod partikolari minn atturi privati u Stati barranin, biex jeżerċitaw influwenza u jinterferixxu fl-elezzjonijiet, fil-kampanji ta' referendum u fid-dibattiti soċjali; billi xi Stati barranin u atturi mhux Statali qed jużaw il-korruzzjoni bħala għodda ta' politika barranija biex ixekklu l-progress lejn demokraziji li jiffunzjonaw u qed jimplimentaw dejjem aktar strateġiji ta' manipulazzjoni tal-ogħla livell u l-koopzjoni ta' impjegati taċ-ċivil kemm fl-UE kif ukoll fid-dinja, bil-ħsieb li javvanzaw l-interessi tagħhom fil-proċessi leġiżlattivi u politiċi;

H. billi f'xi pajjiżi l-kriżi tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa aggravat l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-korruzzjoni, peress li pajjiżi b'livelli ogħla ta' korruzzjoni jiffaċċjaw għadd akbar ta' mwiet relatati mal-COVID-19, u l-aktar komunitajiet vulnerabbli huma affettwati b'mod sproporzjonat; billi l-korruzzjoni tillimita t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali u ta' standard tal-għajxien ekwu peress li toħnoq il-kapaċità tal-Istati li jipprovdu u jqassmu b'mod ġust is-servizzi tas-saħħa pubblika jew il-vaċċini; billi l-prodotti farmaċewtiċi u t-tagħmir mediku huma partikolarment vulnerabbli għall-korruzzjoni; billi ħafna gvernijiet użaw ħażin is-setgħat ta' emerġenza relatati mal-COVID-19 biex jikkonċentraw il-poteri tagħhom, iżidu r-ripressjonijiet fuq il-ġurnalisti, l-informaturi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu għall-kxif tal-korruzzjoni;

I. billi l-kredibbiltà esterna tal-UE tiddependi wkoll minn azzjoni effettiva kontra l-korruzzjoni fl-Istati Membri tagħha u fil-livell tal-UE; billi diversi Stati Membri tal-UE jikklassifikaw fuq nett fl-Indiċi tas-Segretezza Finanzjarja tan-Networks tal-Ġustizzja Fiskali tal-2020, li jikklassifika l-ġuriżdizzjonijiet skont il-livell ta' segretezza tagħhom u l-iskala tal-attivitajiet offshore tagħhom; billi n-nuqqasijiet ġew dokumentati fl-Istati Membri fir-rieżamijiet imwettqa mill-Forum Globali tal-OECD dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni għal Skopijiet ta' Taxxa u t-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja; billi l-Istati Membri tal-UE għandhom iżidu t-trasparenza tas-sjieda tal-media;

J. billi l-iskemi ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment fis-seħħ f'xi Stati Membri jintużaw ħażin għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-ħabi ta' fondi miksuba minn attivitajiet korrotti; billi ħafna Stati Membri għandhom regoli biex jipprevjenu l-influwenza indebita u l-korruzzjoni mil-leġiżlaturi u l-uffiċjali pubbliċi, inkluż għal eks uffiċjali pubbliċi, li għandhom rwol fundamentali fil-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-monitoraġġ ta' attivitajiet korrotti, iżda dawn ir-regoli huma biss parzjalment infurzati, filwaqt li r-regoli armonizzati fil-livell tal-UE mhumiex biżżejjed u jeħtieġ li jissaħħu;

K. billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU, fid-dikjarazzjoni politika tagħha tat-2 ta' Ġunju 2021, irrikonoxxiet ir-responsabbiltà tagħha u l-ħtieġa li tieħu azzjoni urġenti kontra l-korruzzjoni u impenjat ruħha li tirdoppja l-isforzi preventivi u li ssegwi approċċ multilaterali kontra l-korruzzjoni, speċjalment fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19;

L. billi l-UE tappoġġja lil pajjiżi terzi fil-ġlieda tagħhom kontra l-korruzzjoni mhux biss permezz ta' assistenza teknika, azzjoni diplomatika u appoġġ finanzjarju, kif ukoll permezz ta' fora multilaterali, iżda wkoll permezz ta' leġiżlazzjoni tal-UE u l-istabbiliment ta' standards, linji gwida u oqfsa dwar azzjoni esterna;

M. billi l-Kunsill impenja ruħu biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għall-2020-2024 permezz ta' assistenza komprensiva li tikkonsisti fl-appoġġ għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, strateġiji effettivi kontra l-korruzzjoni u oqfsa legali, inklużi informaturi u protezzjoni tax-xhieda, korpi speċjalizzati, parlamenti, media indipendenti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll permezz ta' appoġġ għar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-UNCAC; billi l-kredibbiltà esterna tal-UE tiddependi wkoll minn azzjoni effettiva kontra l-korruzzjoni fl-Istati Membri tagħha;

N. billi s-settur privat u l-intrapriżi tan-negozju, b'mod partikolari l-kumpaniji multinazzjonali u l-entitajiet bankarji, jista' jkollhom rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni globalment u fit-tnaqqis tal-impatti tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem; billi l-entitajiet bankarji jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-identifikazzjoni tal-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u attivitajiet illeċiti oħra relatati mal-korruzzjoni, u b'hekk jenfasizzaw l-importanza li jiġu stabbiliti relazzjonijiet kooperattivi produttivi bejn l-istituzzjonijiet tal-Istat u s-settur privat;

O. billi l-leġiżlazzjonijiet obbligatorji dwar id-diliġenza dovuta korporattiva huma mezzi indispensabbli biex jipprevjenu, jindirizzaw u jirrimedjaw b'mod effettiv il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent globalment tul il-katina tal-provvista kollha, u ma għandhomx jaffettwaw b'mod negattiv lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); billi d-dispożizzjonijiet tal-UNCAC għandhom jiffurmaw parti mill-obbligi ta' diliġenza dovuta previsti fil-proposta li jmiss tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni;

P. billi r-reġimi ta' sanzjonijiet tal-UE bbażati fuq il-pajjiż diġà jippermettu miżuri mmirati kontra persuni u entitajiet responsabbli li jimminaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt, inkluża mġiba finanzjarja ħażina serja li tikkonċerna fondi pubbliċi sa fejn l-atti huma koperti mill-UNCAC; billi l-adozzjoni tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE) hija żieda essenzjali mas-sett ta' għodod tal-UE; billi l-Parlament talab ripetutament l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tiegħu biex jinkludi b'mod espliċitu atti ta' korruzzjoni, bil-ħsieb li jiġi miġġieled b'mod effettiv il-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem, irrispettivament min-natura tar-reat, u għall-ħolqien ta' reġim komplementari f'każ li atti ta' korruzzjoni ma jkunux inklużi fir-reviżjoni tar-reġim attwali; billi l-Istati Uniti, il-Kanada u r-Renju Unit adottaw reġimi simili ta' sanzjonijiet kontra l-korruzzjoni;

1. Jirrakkomanda lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

Lejn strateġija globali tal-UE kontra l-korruzzjoni

(a) li jirikonoxxu r-rabta bejn il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem u li l-korruzzjoni hija ostaklu enormi għat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha; jadottaw, għalhekk, approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, bil-vittmi tal-korruzzjoni jitqiegħdu fil-qalba tagħha, u jqiegħdu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fuq quddiem nett u fiċ-ċentru tal-isforzi u l-politiki kollha tal-UE li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt madwar id-dinja; jindirizzaw il-korruzzjoni bħala fenomenu globali li jeħtieġ istituzzjonijiet effettivi kontra l-korruzzjoni, mekkaniżmi ta' prevenzjoni u qafas regolatorju internazzjonali, kif ukoll l-irkupru tal-assi u l-prosekuzzjoni kriminali fl-UE; jibdew ħidma fuq definizzjoni ta' korruzzjoni rikonoxxuta internazzjonalment, bl-użu tal-UNCAC bħala linja gwida; jirrikonoxxu li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni teħtieġ azzjoni globali kkoordinata u kollaborazzjoni akbar bejn l-ispeċjalisti kontra l-korruzzjoni u dawk tad-drittijiet tal-bniedem; jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u pajjiżi terzi, speċjalment fil-livell tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-infurzar tal-liġi, u l-iskambju ta' informazzjoni, bil-ħsieb li jiġu skambjati prattiki tajba u għodod effettivi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

(b) li jirrikonoxxu li t-trasparenza għandha tkun il-pedament tal-istrateġiji kollha kontra l-korruzzjoni; fid-dawl ta' dan, jitolbu li jitneħħew ir-regoli eċċessivi dwar is-segretezza professjonali fis-setturi rilevanti, speċjalment fis-settur finanzjarju, u li jiġi promoss l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar il-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, kif ukoll ir-rappurtar pubbliku pajjiż b'pajjiż minn kumpaniji multinazzjonali u reġistri pubbliċi tas-sidien benefiċjarji tal-kumpaniji; jadottaw politika ta' tolleranza żero fir-rigward tar-rifuġji fiskali, minħabba li jippermettu li l-flussi finanzjarji illeċiti jiġu moħbija faċilment;

(c) li jirrikonoxxu t-tendenza attwali lejn l-irtirar ta' demokraziji u ż-żieda ta' kleptokraziji madwar id-dinja, kif ukoll ir-rabta intrinsika bejniethom, u li huma wkoll dovuti għar-rwol tal-oligarki f'xi pajjiżi; jieħdu rwol ewlieni fil-fora multilaterali biex jiffurmaw koalizzjoni ta' demokraziji ħalli jiġġieldu kontra din it-theddida globali tal-kleptokrazija u l-awtoritarjaniżmu;

(d) li jifformulaw strateġija globali tal-UE kontra l-korruzzjoni koerenti u effiċjenti billi jagħmlu rendikont tal-istrumenti eżistenti kontra l-korruzzjoni u l-prattiki tajbin fis-sett ta' għodod tal-UE, jidentifikaw il-lakuni, iżidu l-finanzjament, u jkabbru l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kontra l-korruzzjoni, kif diġà mitlub mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi; jassenjaw prijorità lill-prevenzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni billi jistabbilixxu miżuri, politiki u prattiki preventivi, inklużi kampanji ta' sensibilizzazzjoni u taħriġ fis-settur pubbliku u dak privat;

(e) li jistabbilixxu grupp ta' ħidma dedikat tal-Kunsill għal ħidma preparatorja dwar kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni (simili għas-COHOM, il-Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jew immudellat fuqu) sabiex jinforma d-diskussjonijiet fil-Kunsill;

(f) li jsaħħu r-rwol tal-Parlament Ewropew fl-iskrutinju tal-isforzi kontra l-korruzzjoni; jinnotaw id-determinazzjoni tal-Parlament biex iħejji rapport ta' aġġornament regolari dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'kull leġiżlatura; iħejju valutazzjonijiet annwali tal-progress miksub dwar ir-rakkomandazzjonijiet f'dawn ir-rapporti;

(g) li jinsistu fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar fuq bażi sħiħa tal-istrumenti nazzjonali u internazzjonali eżistenti kontra l-korruzzjoni bħall-UNCAC, il-Konvenzjoni tal-OECD dwar il-Ġlieda Kontra t-Tixħim tal-Uffiċjali Pubbliċi Barranin, l-istandards u r-rakkomandazzjonijiet kontra l-korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjonijiet tal-Liġi Kriminali u Ċivili tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Korruzzjoni; iħeġġu lill-Istati kollha li għadhom ma għamlux dan biex jirratifikaw malajr dawn l-istrumenti kontra l-korruzzjoni; iwettqu minnufih proċess inklużiv u komprensiv biex tiġi rieżaminata l-implimentazzjoni tal-UE tal-UNCAC, kif ukoll l-introduzzjoni fil-pront ta' proċess ta' segwitu għar-rieżamijiet tal-UNCAC;

Koerenza interna-esterna

(h) li jsaħħu l-kredibbiltà tal-azzjoni esterna tal-UE kontra l-korruzzjoni billi jiġġieldu b'mod aktar effettiv il-korruzzjoni, kif ukoll l-evażjoni tat-taxxa, il-kummerċ illeċitu, is-segretezza bankarja u l-ħasil tal-flus fl-UE; jirrikonoxxu r-rwol u r-responsabbiltà proprji ta' għadd kritiku ta' individwi u entitajiet ibbażati fl-UE bħala l-inizjaturi, il-faċilitaturi u l-benefiċjarji tal-korruzzjoni f'pajjiżi terzi; jirrikonoxxu li bħala Stati firmatarji tal-UNCAC, l-Istati Membri kollha tal-UE impenjaw ruħhom li jagħmlu t-tixħim ta' uffiċjali pubbliċi nazzjonali u barranin reat kriminali; jirrikonoxxu li l-korruzzjoni sistemika u n-nuqqas ta' prosekuzzjoni effettiva tat-tixħim barrani f'xi Stati Membri tal-UE jimminaw l-isforzi kontra l-korruzzjoni f'pajjiżi terzi, u jieħdu azzjoni biex jeliminaw dawn in-nuqqasijiet; jirrikonoxxu li nuqqas ta' azzjoni armonizzata u determinata, dewmien u lakuni fl-implimentazzjoni tar-regolamenti kontra l-korruzzjoni fi ħdan l-UE jħeġġu lil atturi korrotti barra mill-UE; jiżguraw l-obbligu ta' rendikont għall-awturi ta' skemi ta' korruzzjoni fuq skala mifruxa u jadottaw standards komuni dwar it-trasparenza, il-kontroll u s-sorveljanza tal-investiment għat-tnaqqis tar-riskji ta' korruzzjoni u ħasil tal-flus maħluqa mill-hekk imsejħa programmi ta' viża tad-deheb;

(i) li jitolbu lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-qafas tal-UE kontra l-korruzzjoni u tressaq direttiva tal-UE kontra l-korruzzjoni abbażi tal-Artikolu 83 tat-TFUE, li jistabbilixxi regoli komuni tal-UE għal sanzjonijiet kriminali għall-korruzzjoni;

(j) li jirrikonoxxu li l-UE hija destinazzjoni għal fondi u assi miżapproprjati, li l-maġġoranza tagħhom ma jiġux ikkonfiskati u ritornati, li l-qafas legali għall-irkupru tal-assi misruqa għadu frammentat ħafna u li r-ritorn ta' assi miżapproprjati huwa imperattiv morali f'termini ta' ġustizzja u obbligu ta' rendikont, kif ukoll il-kredibbiltà tal-politika tal-UE dwar l-appoġġ għad-demokrazija; imexxu 'l quddiem l-isforzi fl-Istati Membri kollha tal-UE biex jiffriżaw u jikkonfiskaw l-assi misruqa fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom, f'konformità mal-UNCAC, u biex jirritornawhom b'mod trasparenti u responsabbli lejn il-pajjiż tal-oriġini u lill-vittmi, inkluż billi jtejbu b'mod sinifikanti t-trasparenza, l-aċċess għall-informazzjoni dwar assi barranin miżmuma fit-territorju tal-UE u jinvolvu b'mod sinifikattiv l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; isegwu minnufih l-impenji tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-2021 dwar l-irkupru tal-assi, inklużi dawk relatati mal-konfiska mingħajr kundanna kriminali, il-konfiska u r-ritorn tar-rikavati tal-korruzzjoni b'rabta ma' soluzzjonijiet barra l-qorti, u l-ġbir u l-pubblikazzjoni ta' data dwar l-irkupru tal-assi; ifasslu sekwenzjar xieraq tal-azzjonijiet (sanzjonijiet, konfiska ċivili u kriminali ta' assi, prosekuzzjoni kriminali, mekkaniżmi ta' ritorn tal-assi) li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għall-użu mill-ġdid tal-assi misruqa għall-benefiċċju tal-vittmi tal-korruzzjoni; jistabbilixxu kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri dwar din il-kwistjoni; jabbozzaw komunikazzjoni li tiddeskrivi inizjattivi possibbli fil-livell tal-UE u dak internazzjonali biex jiġi żgurat irkupru rapidu u effiċjenti ta' assi akkwistati b'mod illeċitu wara proċessi ta' tranżizzjoni demokratika u biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda rifuġju sikur għal dawn l-assi; jistabbilixxu regoli komuni tal-UE għar-ritorn ta' assi misruqa, li jirrikjedu li ladarba rikorrent jistabbilixxi każ inizjali, l-entità intimata jew l-intimat għandhom fir-rigward ta' reati serji kif definiti mil-liġi nazzjonali juru li ssodisfaw l-obbligi legali u finanzjarji tagħhom, bħal dwar l-oriġini leċita tal-finanzjament jew assi oħra; iħarrku lil dawk responsabbli, jiffaċilitaw aċċess adegwat għall-vittmi għal rimedji u jappoġġjaw il-kapaċità tal-parlamenti li jeżerċitaw sorveljanza baġitarja effettiva;

(k) li jissorveljaw bir-reqqa l-indħil barrani u jistabbilixxu u jiżguraw infurzar strett tar-regoli ta' finanzjament Ewropej għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi, l-NGOs u l-media, speċjalment meta l-finanzjament joriġina minn pajjiżi mhux demokratiċi u atturi mhux Statali, bil-ħsieb li jiġu evitati l-ħtif tar-riżorsi mill-elit, l-influwenza malizzjuża u l-interferenza fil-proċessi demokratiċi u l-affarijiet pubbliċi tal-UE u tal-pajjiżi sħab; jippromwovu t-trasparenza tas-sjieda tal-media bħala komponent essenzjali tad-demokrazija; jippromwovu programmi ddedikati dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi u l-infiq tal-kampanji bħala parti mill-appoġġ għad-demokrazija esterna tal-UE lill-pajjiżi tagħhom; jadottaw standards stretti dwar l-impjieg wara l-impjieg pubbliku ta' persuni eletti u uffiċjali pubbliċi għolja, jevitaw każijiet ta' "revolving door" u jiżguraw regoli armonizzati u l-infurzar tagħhom fil-livell tal-UE permezz ta' sistema ta' sorveljanza robusta;

Id-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni: l-arrikkiment u l-operazzjonalizzazzjoni tas-sett ta' għodod tal-UE

(l) li jsaħħu l-integrazzjoni ta' approċċ kontra l-korruzzjoni bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fl-azzjoni esterna tal-UE, inkluż fl-Istrument ta' Viċinat, Żvilupp u Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI), fl-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) u fil-fondi fiduċjarji tal-UE; jagħtu prijorità lil impenji vinkolanti kontra l-korruzzjoni b'miri u skedi ta' żmien; jagħtu preċedenza lit-tkabbir tad-dħul domestiku fil-pajjiżi sħab billi jappoġġjaw il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u jsaħħu l-governanza tajba; issaħħu l-monitoraġġ u l-infurzar rigorużi sabiex jiġi evitat li l-fondi tal-UE jintużaw mill-gvernijiet għal attivitajiet illeċiti; jinkludu s-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-użu tal-fondi tal-UE u jsaħħu r-rwol tal-Parlament f'dan il-qasam; itejbu l-komunikazzjoni bejn l-aġenziji speċjalizzati tal-UE u s-sħab fil-prattika; jinvestu f'metodi diġitali u mmexxija mid-data għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b'mod partikolari fil-kapaċitajiet investigattivi teknoloġiċi tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi; jippromwovu kooperazzjoni msaħħa bejn l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew; jiżguraw bażi tad-data konsistenti, komprensiva u aċċessibbli tal-benefiċjarji finali tal-fondi tal-UE fiċ-ċiklu kollu tal-akkwist;

(m) li jtejbu l-programmi fl-ambitu tal-istrumenti ta' azzjoni esterna tal-UE biex jappoġġjaw il-bini tal-kapaċità kontra l-korruzzjoni, abbażi tal-prinċipji tat-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont, in-nondiskriminazzjoni u l-parteċipazzjoni sinifikanti tal-partijiet ikkonċernati, u f'konformità mar-regolamenti rilevanti dwar dawn l-istrumenti; iżidu l-effiċjenza tal-infiq tal-UE billi jinkludu miri u skedi ta' żmien ċari tal-programm; itejbu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp tagħha sabiex tikkonforma mal-istandards stabbiliti fil-prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp maqbula internazzjonalment; jiżviluppaw sistema olistika ta' ġestjoni tar-riskju biex jipprevjenu li fondi tal-UE jikkontribwixxu għall-korruzzjoni billi pereżempju l-appoġġ baġitarju jkun marbut mal-objettivi kontra l-korruzzjoni u billi tingħata attenzjoni speċjali lill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni; iwettqu monitoraġġ rigoruż tal-proġetti ffinanzjati mill-UE f'pajjiżi terzi u jiżguraw li dawn ma jintużawx bħala strumenti għall-finanzjament ta' attivitajiet illeċiti; jistabbilixxu awditi biex jivverifikaw li dawn il-fondi jkunu qed jintużaw f'konformità mal-objettivi stabbiliti fir-regolamenti għal kull strument; jissospendu l-appoġġ baġitarju f'pajjiżi fejn il-korruzzjoni hija mifruxa u fejn l-awtoritajiet manifestament jonqsu milli jieħdu azzjoni ġenwina, filwaqt li jiżguraw li l-assistenza tasal għand il-popolazzjoni ċivili permezz ta' mezzi oħra; fil-finanzjament tal-UE, jagħtu attenzjoni partikolari lill-ġestjoni tajba tal-assi pubbliċi ta' pajjiżi terzi, f'konformità mar-Regolament Finanzjarju tal-UE, u jappoġġjaw l-isforzi tal-OECD biex ittejjeb il-governanza korporattiva tal-intrapriżi tal-Istat; jesploraw il-possibbiltà li tinħoloq task force tal-UE kontra l-korruzzjoni b'setgħat, għarfien espert u riżorsi adegwati biex twettaq investigazzjonijiet u evalwazzjonijiet f'pajjiżi terzi u biex tipprovdi assistenza teknika u operazzjonali, inklużi pjanijiet ta' riforma mfassla apposta, lill-Istati li jirċievu fondi tal-UE li m'għandhomx biżżejjed kapaċità biex jindirizzaw il-korruzzjoni u jixtiequ jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-UE; jinkoraġġixxu lid-Delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri jirrappurtaw regolarment dwar il-korruzzjoni u jipprovdu taħriġ tekniku għall-persunal tad-Delegazzjoni tal-UE sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw problemi f'dan il-qasam u jipproponu soluzzjonijiet għal kuntesti nazzjonali speċifiċi;

(n) li jiżguraw li jiġu applikati l-ogħla standards etiċi u ta' trasparenza fil-finanzjament tal-UE, inkluż il-finanzjament ta' proġetti u self mill-BEI, li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-atturi indipendenti jkunu involuti bis-sħiħ fil-monitoraġġ ta' dawn il-fondi u li l-mekkaniżmi ta' lmentar ikunu disponibbli, aċċessibbli u jiżguraw l-obbligu ta' rendikont għall-użu ħażin possibbli tal-fondi; jiżguraw li l-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE jiggarantixxu aċċess liberu, rapidu u faċli għall-informazzjoni, inkluż dwar l-allokazzjoni, ir-riċevitur finali tal-finanzjament u l-użu finali tal-fondi;

(o) li jagħtu prijorità lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni fin-negozjati u l-kriterji ta' qabel l-adeżjoni; jiffukaw fuq il-bini tal-kapaċitajiet, bħal korpi speċjalizzati kontra l-korruzzjoni;

(p) li jinkludu fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u l-pajjiżi terzi kollha qafas ta' kundizzjonalità b'saħħtu u obbligatorju tad-drittijiet tal-bniedem b'dispożizzjonijiet ta' trasparenza u klawżoli vinkolanti u infurzabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; bħala l-aħħar alternattiva, jimponu sanzjonijiet jew jissospendu ftehimiet fil-każ ta' atti serji ta' korruzzjoni jew ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem; jiżguraw li n-negozjati kummerċjali jkunu inklużivi u trasparenti, b'sorveljanza pubblika sinifikanti u sensibilizzazzjoni tal-istrateġiji u l-prijoritajiet;

(q) li jsaħħu l-enfasi fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-diplomazija pubblika, jippromwovu djalogu miftuħ bejn l-Istati u s-soċjetà ċivili dwar il-problemi u s-soluzzjonijiet potenzjali u billi jinkludu b'mod attiv lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili involuti f'attivitajiet kontra l-korruzzjoni;

(r) li jimmonitorjaw ir-riskji ta' korruzzjoni involuti fi proġetti ta' kostruzzjoni u investiment fuq skala kbira ta' pajjiżi terzi awtoritarji, imwettqa fuq livell globali iżda wkoll fl-Istati Membri, inkluż fis-setturi tal-enerġija, tal-industrija estrattiva, tal-infrastruttura, tad-difiża u tas-saħħa; jagħtu attenzjoni partikolari għat-trasparenza f'dawn il-proġetti, li spiss iqajmu tħassib dwar il-finanzjament mhux trasparenti jew ir-riskji fiskali; jipproċedu bl-implimentazzjoni rapida tal-programm tal-UE Ewropa Konnessa Globalment approvat mill-Kunsill fit-12 ta' Lulju 2021, li għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi biex tiġi indirizzata din il-problema billi jippromwovi l-valuri u l-interessi tal-UE fil-politika ekonomika, tal-iżvilupp u tas-sigurtà;

L-appoġġ lis-soċjetà ċivili, lill-ġurnalisti u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem

(s) li jirrikonoxxu r-rwol kruċjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-attivisti kontra l-korruzzjoni, tal-informaturi u tal-ġurnalisti investigattivi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, permezz ta' normi soċjetali li jinbidlu, il-ġlieda kontra l-impunità, il-ġbir ta' data, u l-kisba ta' implimentazzjoni u infurzar aħjar tal-miżuri kontra l-korruzzjoni; jaħdmu favur il-ħolqien ta' ambjent sikur u abilitanti għal dawk li jipprevjenu u jiġġieldu l-korruzzjoni, inklużi l-informaturi u l-ġurnalisti, kif ukoll għax-xhieda; jipprovdu appoġġ għall-vittmi tal-korruzzjoni – individwi kif ukoll komunitajiet – sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati u infurmati, jipparteċipaw fi proċedimenti ġudizzjarji u jitolbu u jirċievu kumpens għad-danni kkawżati; imexxu 'l quddiem l-isforzi biex jinkisbu traspożizzjoni u implimentazzjoni rapidi tad-Direttiva tal-UE dwar l-Informaturi min-naħa tal-Istati Membri; jaħdmu ma' pajjiżi terzi dwar il-protezzjoni tal-informaturi, inkluż permezz ta' impenji biex jiġu żgurati standards għoljin tal-protezzjoni tagħhom fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment kollha tal-UE f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jappoġġjaw l-isforzi biex l-awturi tar-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja;

(t) li jfasslu programmi biex jipprovdu aktar appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lill-media indipendenti, lill-informaturi, lill-ġurnalisti investigattivi u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fuq il-prevenzjoni u l-kxif tal-korruzzjoni, l-avvanz tat-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, inkluż l-appoġġ kontra kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (kawżi SLAPP); itejbu l-aċċess tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq skala iżgħar għall-finanzjament tal-UE; jinsistu fuq l-istabbiliment ta' direttiva tal-UE ambizzjuża u effettiva kontra l-SLAPP, anke fir-rigward ta' fastidju ġudizzjarju possibbli minn awtoritajiet, korporazzjonijiet jew oħrajn barra mill-UE;

(u) li jsaħħu l-protezzjoni tax-xhieda, tal-informaturi, tal-ġurnalisti investigattivi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-korruzzjoni u l-qraba tagħhom, kif xieraq, inkluż permezz tal-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza u l-għoti ta' kenn temporanju fl-Istati Membri tal-UE, kif ukoll billi jiġu allokati riżorsi ddedikati lid-delegazzjonijiet tal-UE u r-rappreżentanzi tal-Istati Membri; jappellaw għal investigazzjoni bir-reqqa rigward il-vjolenza fuq u l-qtil ta' ġurnalisti investigattivi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti oħra kontra l-korruzzjoni, u ġustizzja għalihom;

Trasparenza u obbligu ta' rendikont tal-korpi pubbliċi

(v) li jippromwovu aċċess mifrux għal-liġijiet dwar l-informazzjoni, u l-għoti ta' data tal-gvern sinifikanti, komprensiva, f'waqtha, aċċessibbli u diġitalizzata mingħajr ma jiġu imposti tariffi, trasparenza mtejba tal-akkwist pubbliku u l-lobbjar, b'korpi ta' sorveljanza indipendenti; iħeġġu lill-Istati jakkwistaw servizzi minn impriżi li jkunu kkonformaw mal-obbligi ta' diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dispożizzjonijiet kontra l-korruzzjoni;

(w) li jwettqu programmi biex jappoġġjaw il-kapaċità parlamentari li jiġu eżerċitati kontroll baġitarju u attivitajiet oħra ta' sorveljanza;

(x) li jappoġġjaw u jsaħħu l-korpi ġudizzjarji indipendenti, imparzjali, b'riżorsi tajbin, imħarrġa tajjeb u effettivi u l-korpi tal-prosekuzzjoni u tal-infurzar tal-liġi għas-suċċess fl-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-aġġudikazzjoni ta' reati ta' korruzzjoni; jappoġġjaw il-ħolqien u l-professjonalizzazzjoni ta' korpi Statali speċjalizzati kontra l-korruzzjoni f'pajjiżi terzi;

(y) li jkomplu jappoġġjaw proċessi elettorali ħielsa u ġusti u jippromwovu l-obbligu ta' rendikont fil-konfront tal-votanti, b'attenzjoni speċjali għall-frodi elettorali u x-xiri tal-voti; jippromwovu regoli ta' trasparenza biex jikkumbattu l-finanzjament politiku illeċitu; jiżguraw segwitu aktar sistematiku tar-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet internazzjonali ta' osservazzjoni;

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni f'fora multilaterali

(z) li jassumu rwol ta' tmexxija fil-formazzjoni ta' koalizzjoni ta' demokraziji biex tiġi miġġielda ż-żieda globali tal-kleptokraziji; jinsistu li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tiġi inkluża fl-aġenda tas-summits internazzjonali li jmiss, bħall-G7, u jappellaw għal implimentazzjoni sħiħa tal-aġenda kontra l-korruzzjoni miftiehma fis-Summit għad-Demokrazija propost mill-Istati Uniti; ikomplu jikkontribwixxu b'mod proattiv għall-ħidma tal-fora internazzjonali u reġjonali biex jiġġieldu l-korruzzjoni u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem;

(aa) li jilqgħu d-dikjarazzjoni politika storika dwar il-korruzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU u jieħdu din l-opportunità biex jagħtu segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tagħha u jsaħħu l-kooperazzjoni mal-korpi tan-NU bħall-OHCHR u l-Uffiċċju tan-NU kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC); jinsistu fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni sistematika tas-soċjetà ċivili fid-diskussjonijiet fil-livell tan-NU u l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ dwar il-korruzzjoni;

(ab) li jinkoraġġixxu l-approfondiment u t-twettiq tal-impenji internazzjonali biex il-ġlieda kontra l-korruzzjoni titqiegħed fil-qalba tal-SDGs bħala triq għall-ġlieda kontra l-faqar globali u għat-twettiq tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, b'attenzjoni speċjali għad-dritt għall-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni politika; jirrikonoxxu li l-korruzzjoni taġixxi bħala ostaklu għal ħafna aspetti tal-edukazzjoni, u dan jirriżulta fil-ħela ta' talenti u effetti negattivi fuq l-ekonomija; jenfasizzaw li l-edukazzjoni u l-informazzjoni huma għodod fundamentali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni; għalhekk, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-edukazzjoni jagħmluha prijorità u jinkoraġġixxu lill-UE tiżviluppa u timplimenta programmi speċifiċi ddedikati għas-sensibilizzazzjoni dwar il-korruzzjoni, dwar x'tiswilha lis-soċjetà u l-mezzi biex din tiġi miġġielda;

(ac) li jinsistu fuq il-ħatra ta' Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-kriminalità finanzjarja, il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem b'mandat komprensiv, inkluż pjan orjentat lejn l-objettivi u evalwazzjoni perjodika tal-miżuri kontra l-korruzzjoni meħuda mill-Istati; ikunu minn ta' quddiem fil-mobilizzazzjoni tal-appoġġ fost l-Istati membri tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod konġunt jisponsorjaw riżoluzzjoni li twettaq il-mandat propost; jiddeskrivu fid-dettall, f'dan ir-rigward, ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati mill-kandidati għall-kariga sabiex jiġi żgurat it-twettiq xieraq tal-mandat tagħhom, u jispeċifikaw il-proċess ta' trasparenza u ta' sjieda li l-kandidat magħżul ikun soġġett għalihom qabel ma jieħu l-kariga;

(ad) li jibdew il-proċedura biex l-UE ssir membru sħiħ tal-GRECO, li fih l-UE għandha status ta' osservatur mill-2019; jinsistu mal-Istati Membri tal-UE biex jippubbliċizzaw u jilqgħu r-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO;

(ae) li jmexxu 'l quddiem id-diskussjonijiet dwar infrastruttura internazzjonali biex tiġi indirizzata l-impunità ta' individwi b'saħħithom involuti f'każijiet ta' korruzzjoni fuq skala kbira, inklużi mekkaniżmi investigattivi, prosekuturi u qrati internazzjonali; jesploraw approċċi komprensivi li jistgħu jirriformaw l-istituzzjonijiet tal-ġustizzja internazzjonali, bħall-estensjoni tal-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, l-użu ta' ġuriżdizzjoni universali għall-prosekuzzjoni ta' atti ta' korruzzjoni fil-livelli għolja jew l-istabbiliment possibbli ta' Qorti Internazzjonali Kontra l-Korruzzjoni; jirrikonoxxu l-importanza tat-trasparenza u jipprevedu għall-obbligu ta' rendikont tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-uffiċjali għolja;

(af) li jippromwovu standards Ewropej, inkluż dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, it-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja u l-protezzjoni tal-informaturi f'fora multinazzjonali oħra, u jappoġġjaw l-adozzjoni ta' dawn l-istandards minn pajjiżi terzi; jappoġġjaw ir-riforma tal-liġijiet dwar is-sjieda benefiċjarja, li għandhom jiżguraw li r-reġistri jkunu aġġornati u aċċessibbli, kemm fl-UE kif ukoll madwar id-dinja, sabiex ikun hemm trasparenza xierqa tal-entitajiet legali rilevanti, inklużi trusts u kumpaniji fittizji, bil-ħsieb li l-vittmi tal-korruzzjoni kif ukoll l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tat-taxxa jkunu jistgħu jidentifikaw is-sidien effettivi ta' tali entitajiet;

(ag) li jippromwovu l-inklużjoni ta' partijiet ikkonċernati mhux governattivi, inklużi akkademiċi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bħala osservaturi f'korpi sussidjarji tal-Konferenza tal-Istati Parti għall-UNCAC u mekkaniżmi multilaterali oħra kontra l-korruzzjoni;

Negozju, korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem

(ah) li jistabbilixxu, b'mod urġenti, leġiżlazzjoni obbligatorja tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-diliġenza dovuta ambjentali imposta fuq l-entitajiet u r-relazzjonijiet kummerċjali kollha fuq il-katina tal-valur kollha ta' kumpanija li tirrikjedi li l-impriżi, inklużi dawk li jipprovdu prodotti u servizzi finanzjarji, jiżguraw l-identifikazzjoni, il-valutazzjoni, il-mitigazzjoni, il-prevenzjoni, il-waqfien, ir-responsabbiltà għal u n-notifika ta' kwalunkwe impatt negattiv tan-negozji u l-ktajjen tal-provvista tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-governanza tajba; u li tinkludi l-ogħla standards, dispożizzjonijiet b'saħħithom kontra l-korruzzjoni, mekkaniżmi obbligatorji ta' lmentar u reġimi ta' responsabbiltà li jippermettu lill-vittmi jżommu l-kumpaniji responsabbli u jfittxu rimedju; jiżguraw li l-obbligi ta' diliġenza dovuta japplikaw għat-tixħim ta' uffiċjali pubbliċi barranin, li jseħħ direttament jew permezz ta' intermedjarji; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-leġiżlazzjoni futura dwar id-diliġenza dovuta għandha timminimizza l-piżijiet burokratiċi fuq il-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs;

(ai) li jmexxu 'l quddiem l-isforzi għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni, isaħħu l-istandards tal-kontabbiltà u tal-awditjar fis-settur privat, f'konformità mal-UNCAC u jinforzaw b'mod effettiv il-penali fuq korporazzjonijiet għal atti ta' korruzzjoni; jirrakkomandaw li l-kumpaniji kbar u elenkati kollha jirrappurtaw dwar l-attivitajiet tagħhom u l-implimentazzjoni tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra t-tixħim tagħhom; jippromulgaw dispożizzjonijiet u jfasslu gwida għall-kumpaniji biex jipprovdu rappurtar sikur u kunfidenzjali dwar ksur tar-regoli kontra l-korruzzjoni u biex jipproteġu lil dawk li joħorġu fil-beraħ b'tali informazzjoni; jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi jallokaw riżorsi adegwati għall-punti ta' kuntatt nazzjonali u jistabbilixxu mekkaniżmi oħra ta' lmentar mhux ġudizzjarji biex jipprovdu rimedji lill-individwi u lill-komunitajiet affettwati minn prattiki kummerċjali korrotti;

(aj) li jiżviluppaw pjan ta' azzjoni biex isaħħu d-drittijiet tal-bniedem u d-diliġenza dovuta f'setturi bħall-finanzi, il-kontabbiltà jew il-proprjetà immobbli, li spiss jipprovdu l-istruttura abilitanti għall-korruzzjoni f'livell globali billi jipprovdu mezzi biex ir-rikavat mill-korruzzjoni isib triqtu lejn l-ekonomija leġittima;

(ak) li jikkonfermaw mill-ġdid l-importanza tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem billi jiżguraw li l-Istati Membri kollha li għadhom ma adottawx il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli, u jippromwovu l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni u diliġenza dovuta korporattiva minn pajjiżi terzi; jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv u attiv fin-negozjati dwar it-Trattat Vinkolanti tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

Sanzjonar tal-korruzzjoni permezz tal-Att Magnitsky tal-UE

(al) li jressqu malajr proposta leġiżlattiva li b'mod effettiv timmira lejn u timponi sanzjonijiet fuq il-faċilitaturi ekonomiċi u finanzjarji ta' dawk li jabbużaw mid-drittijiet tal-bniedem biż-żamma ta' assi u proprjetajiet fl-UE, f'konformità mat-talbiet ripetuti tal-Parlament biex jiġi emendat ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem billi jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu biex jinkludi atti ta' korruzzjoni, jew alternattivament titressaq proposta leġiżlattiva biex jiġi adottat reġim tematiku ġdid ta' sanzjonijiet kontra atti serji ta' korruzzjoni, u tiġi introdotta votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għall-adozzjoni ta' sanzjonijiet fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-reġim ta' sanzjonijiet; jiżguraw rwol proattiv għall-Parlament f'dan ir-rigward; jikkooperaw mill-qrib mar-Renju Unit, li adotta reġim ġdid ta' sanzjonijiet dwar il-korruzzjoni, u ma' demokraziji oħra tal-istess fehma; jinnotaw ir-riskju li atturi korrotti jmexxu l-assi tagħhom lejn l-UE hekk kif aktar u aktar pajjiżi jadottaw oqfsa aktar stretti; jitolbu, għalhekk, li s-sanzjonijiet jiġu adottati malajr u debitament implimentati mill-Istati Membri, b'mod partikolari fir-rigward tal-projbizzjonijiet fuq id-dħul, l-identifikazzjoni u l-iffriżar tal-assi, għall-prevenzjoni li l-UE ssir ċentru tal-ħasil tal-flus, u jieħdu azzjoni kontra dawk l-Istati Membri li ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom;

Effetti tal-COVID-19

(am) li jiżguraw li l-miżuri kontra l-korruzzjoni jiġu integrati fir-rispons għall-COVID-19 sabiex jiġu pprovduti u distribwiti b'mod ġust is-servizzi tas-saħħa pubblika u l-aċċess għall-vaċċini, inkluż billi jissaħħu l-istituzzjonijiet pubbliċi u tiġi żgurata trasparenza sħiħa tal-miżuri u l-użu tal-finanzjament;

(an) li jiżguraw li l-appoġġ finanzjarju tal-UE relatat mal-pandemija lil pajjiżi terzi jkun marbut ma' impenn robust għall-isforzi kontra l-korruzzjoni;

(ao) li jipprovdu appoġġ immirat għall-ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq il-kxif tal-korruzzjoni, li kienu vittmi ta' trażżin intensifikat permezz tal-abbuż tal-liġijiet ta' emerġenza waqt il-pandemija;

Korruzzjoni, tibdil fil-klima u drittijiet tal-bniedem

(ap) li jirrikonoxxu r-rabtiet bejn id-degradazzjoni u l-qerda ambjentali bħala impediment għat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, u n-networks sottostanti ta' korruzzjoni, tixħim jew kriminalità organizzata; jintegraw il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-azzjoni globali tal-UE dwar il-klima u l-ambjent, filwaqt li jmexxu 'l quddiem it-trasparenza u l-governanza tajba tar-riżorsi naturali u l-ġlieda kontra l-ħtif tal-art, u jiffokaw fuq is-setturi l-aktar fir-riskju, bħall-industriji estrattivi;

(aq) li jinnotaw li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ambjentali, id-difensuri tal-art u l-avukati tagħhom, b'mod partikolari n-nisa u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem indiġeni jiffaċċjaw l-akbar riskju ta' diskriminazzjoni, intimidazzjoni, vjolenza u qtil, u b'hekk jieħdu azzjoni deċiżiva biex jipproteġuhom, inkluż billi joħorġu viżi ta' emerġenza u jipprovdu kenn temporanju fl-Istati Membri tal-UE;

Impatti tal-korruzzjoni abbażi tal-ġeneru

(ar) li jinnotaw li l-korruzzjoni taggrava l-inugwaljanza bejn il-ġeneri u taffettwa sa liema punt id-drittijiet tan-nisa jiġu rispettati u protetti; jippromwovu l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u d-diversità fl-azzjoni kontra l-korruzzjoni, kif rakkomandat mill-UNODC u jevalwaw l-aspetti tal-ġeneru tal-korruzzjoni u l-impatt differenzjat tagħha; jindirizzaw l-impatt tal-korruzzjoni fuq id-drittijiet tan-nisa u jiżguraw li n-nisa jkunu konxji mid-drittijiet tagħhom sabiex titnaqqas il-vulnerabbiltà tagħhom għall-korruzzjoni; iqisu r-rabtiet bejn it-traffikar ta' bnedmin u l-korruzzjoni;

(as) li jqisu l-fatt li l-korruzzjoni taffettwa u taggrava wkoll l-inugwaljanza għal gruppi vulnerabbli oħra bħat-tfal, il-persuni b'diżabilità, l-anzjani, il-persuni f'sitwazzjoni ta' vulnerabbiltà ekonomika jew il-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;

(at) li jirrikonoxxu l-estorsjoni sesswali bħala forma ta' korruzzjoni; ifasslu programmi biex jgħinu lill-vittmi ta' estorsjoni sesswali, forma ta' korruzzjoni partikolarment estrema u speċifika għall-ġeneru li tinvolvi lill-ġisem tal-bniedem bħala l-munita tal-korruzzjoni; jiġbru data biex titkejjel il-prevalenza tal-estorsjoni sesswali, biex jadottaw oqfsa u strumenti legali sabiex jiġu indirizzati u sanzjonati b'mod adegwat każijiet ta' estorsjoni sesswali, u jippromwovu dawn il-passi f'fora multilaterali;

2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

 


ANNESS: KONTRIBUT MILL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP

 

Kumitat għall-Iżvilupp

Il-President

 

 

 

[EXPO-COM-DEVE D(2021)20507]

 

D 102486  13.10.2021

 

Is-Sur David McAllister

President

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

 

 

Is-Sa María Arena

Il-President

Is-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem

 

 

Suġġett:  Kontribut tal-Kumitat DEVE dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem (2021/2066(INI))

 

 

 

Għażiż Sur McAllister,

Għażiża Sa Arena,

 

 

Fil-laqgħa tiegħu tas-26 ta' Mejju 2021, il-Kumitat għall-Iżvilupp iddeċieda li jippreżenta kontribut dwar ir-rakkomandazzjoni msemmija hawn fuq fil-forma ta' ittra mill-President tal-Kumitat DEVE lill-President tal-Kumitat AFET.

 

Permezz ta' proċedura bil-miktub tas-7 ta' Ottubru 2021, il-Koordinaturi approvaw formalment ir-rakkomandazzjonijiet ta' hawn taħt li jkopru l-qasam tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp.

 

Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-impatti negattivi tagħha, inkluż fuq id-drittijiet tal-bniedem, fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma qasam li fih il-kumitat tagħna kien attiv ħafna fil-passat permezz tal-adozzjoni ta' diversi rapporti u opinjonijiet, inkluża opinjoni dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi (2017/2028(INI)) li għaliha kkontribwixxa bħala kumitat assoċjat.

 

Napprezzaw jekk ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin jiġu inklużi fir-riżoluzzjoni:

 

A.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni, li l-objettiv primarju tagħha huwa t-tnaqqis u, fuq perjodu ta' żmien twil, il-qerda tal-faqar, għandha titwettaq fil-qafas tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, inkluża l-promozzjoni tal-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; li l-Unjoni għandha tqis l-objettivi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki li timplimenta, li x'aktarx jaffettwaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; u li għandha tikkonforma mal-impenji u tqis l-objettivi li approvat fil-kuntest tan-NU u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti oħra.

 

B.  Ifakkar li l-UE ħaddnet l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (Aġenda 2030) fil-Kunsens Ewropew ġdid għall-Iżvilupp "Id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna" (2017/C 210/01); li l-SDG 16 jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu miġġielda l-korruzzjoni u t-tixħim fil-forom kollha tagħhom, li jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-flussi finanzjarji illeċiti, li jissaħħu l-irkupru u r-ritorn ta' assi misruqa sabiex jinbnew istituzzjonijiet effettivi, responsabbli u trasparenti, jiġi promoss l-istat tad-dritt fil-livelli nazzjonali u internazzjonali u li jiġi żgurat aċċess ugwali għall-ġustizzja għal kulħadd. Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-"pakkett lesti għall-mira ta' 55 %" fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew tinvolvi l-immirar lejn il-korruzzjoni tar-riżorsi naturali bħala prijorità strateġika.

 

C. Ifakkar li, mill-2008, l-UE hija parti għall-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni (UNCAC), li hija legalment vinkolanti fuqha.

 

D.  Jenfasizza li l-korruzzjoni, inkluża r-rabta tagħha mal-kriminalità ambjentali, tikkostitwixxi ostaklu għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Dan jaggrava l-faqar u l-inugwaljanza u jaffettwa b'mod sproporzjonat lil dawk l-aktar żvantaġġati, u jagħmel diffiċli l-aċċess għall-beni pubbliċi u s-servizzi bażiċi bħas-saħħa, l-edukazzjoni, l-art, l-ikel, l-ilma u s-sanità, is-sigurtà u l-ġustizzja. Dan jimmina l-fiduċja fl-awtoritajiet pubbliċi u fl-istituzzjonijiet demokratiċi u jaggrava l-vjolenza u n-nuqqas ta' sigurtà, filwaqt li jnaqqas l-effettività tal-għajnuna għall-iżvilupp. Jenfasizza l-impatt negattiv tad-degradazzjoni ambjentali u t-telf tal-bijodiversità kkawżat mill-korruzzjoni fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem; jinnota bi tħassib li s-settur tas-sajd, li jipprovdi kontribut importanti għas-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni u l-impjiegi, huwa vulnerabbli għall-korruzzjoni minħabba n-natura transnazzjonali globali tal-industrija, in-nuqqas ta' trasparenza tagħha u l-iskarsezza tar-riżorsi tas-sajd.

 

E. Ifakkar li l-progress dwar il-qerda tal-faqar jiddependi fuq il-ġestjoni effettiva tar-riżorsi domestiċi u d-dħul tagħhom; barra minn hekk, jenfasizza li l-leġiżlazzjoni futura tal-Unjoni dwar id-diliġenza dovuta obbligatorja għandha tiżgura li n-negozji ma jkollhomx impatt negattiv fuq l-istat tad-dritt u l-governanza tajba ta' pajjiż peress li dawn huma kundizzjonijiet importanti għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli. Jistieden lill-Kummissjoni tħaddan approċċ olistiku li jqis ir-riskju ta' korruzzjoni flimkien mar-riskji għad-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent fil-leġiżlazzjoni futura dwar id-diliġenza dovuta; jisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ aktar it-trasparenza fir-rigward tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, il-kontabbiltà korporattiva multinazzjonali u l-akkwist pubbliku u l-ikkuntrattar, u li jkompli jittejjeb l-iżvelar tar-rappurtar korporattiv tar-riżorsi naturali.

 

F. Ifakkar li l-korruzzjoni spiss tkun marbuta ma' reati oħra, b'mod partikolari l-kriminalità organizzata u ekonomika, inkluż il-ħasil tal-flus, ir-reati transnazzjonali, l-evażjoni tat-taxxa u l-flussi finanzjarji illeċiti; fid-dawl ta' dan, jenfasizza li t-trasparenza għandha tkun is-sies tal-istrateġiji kollha kontra l-korruzzjoni; ifakkar ukoll li l-flussi finanzjarji illeċiti minn pajjiżi li qed jiżviluppaw saru kwistjoni ta' tħassib kbir ħafna minħabba l-iskala u l-impatt negattiv tagħhom fuq l-iżvilupp, il-governanza u d-drittijiet tal-bniedem; u li t-tnaqqis tal-flussi finanzjarji illeċiti huwa prijorità għall-komunità internazzjonali, kif iddikjarat fl-Aġenda 2030 u fl-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp (AAAA); jenfasizza li l-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illeċiti hija kruċjali biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu megħjuna jimmobilizzaw ir-riżorsi proprji tagħhom, isiru aktar siguri u jkabbru l-ekonomiji tagħhom, għall-iżvilupp soċjali tagħhom u għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-ambjent. Jiddeplora l-fatt li hemm nuqqas ta' data uffiċjali li tistma l-ammont ta' flussi finanzjarji illeċiti minn pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma marbuta mal-ħasil tal-flus fl-UE. Il-pakkett il-ġdid kontra l-ħasil tal-flus għandu jindirizza dan. Jenfasizza li kooperazzjoni internazzjonali effettiva fost l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw hija kritika għas-suċċess tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati transnazzjonali. Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ għall-ġudikaturi u l-infurzar tal-liġi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tappoġġja involviment aktar effettiv tal-aġenziji tal-UE ma' sħab minn pajjiżi li qed jiżviluppaw.

 

G. Jirrikonoxxi li l-UE għamlet sforzi u kkontribwiet għall-avvanz fil-prevenzjoni kontra l-korruzzjoni u l-ġlieda kontriha fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz tal-politika tagħha ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, b'aktar appoġġ u assistenza implimentati matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 fil-qasam tal-istat tad-dritt u l-governanza tajba (inklużi r-riforma tas-settur pubbliku u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi). Huwa saħħaħ l-appoġġ għas-soċjetà ċivili, kif ukoll użu akbar tal-kundizzjonalità fil-programmi u l-proġetti ta' kooperazzjoni, b'mod partikolari f'operazzjonijiet ta' appoġġ baġitarju. Jinnota, madankollu, li hemm bżonn ta' approċċ aktar sistematiku għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-kuntest tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Jirrakkomanda l-iżvilupp ta' approċċ strutturali għall-attivitajiet kontra l-korruzzjoni fil-kuntest tal-għajnuna għall-iżvilupp, li jieħu approċċ transsettorjali u jibni fuq il-prinċipji bażiċi tal-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem. Dan huwa partikolarment importanti minħabba l-użu tal-UE tal-appoġġ baġitarju u d-dipendenza dejjem akbar fuq strumenti finanzjarji innovattivi u bħala kontribut għad-diliġenza dovuta u r-responsabbiltà soċjali korporattiva. Dan jista' jkun parti minn strateġija komprensiva tal-UE kontra l-korruzzjoni b'enfasi akbar fuq il-politiki esterni tal-UE, inkluża l-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp.

 

H.  Jirrakkomanda li r-rieżami futur tal-implimentazzjoni tal-UNCAC tal-UE jagħti attenzjoni lill-impatt tal-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, billi jiġu identifikati lakuni u punti ta' dħul għal kontribut aktar effettiv għall-iżvilupp sostenibbli ta' dawn il-pajjiżi.

 

I.  Jappella biex id-dokumenti ta' programmazzjoni u l-proġetti/programmi kollha tal-NDICI, inklużi dawk relatati mal-ambjent/it-tibdil fil-klima, jiżguraw li l-impatt tal-korruzzjoni fuq id-drittijiet tal-bniedem jiġi integrat, ivvalutat u indirizzat permezz ta' miżuri mfassla apposta kontra l-korruzzjoni, b'mod partikolari, permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt sodi fuq id-drittijiet tal-bniedem, u li jkunu fis-seħħ punti ta' riferiment u indikaturi rilevanti biex jiggarantixxu monitoraġġ effettiv tal-progress. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' appoġġ imsaħħaħ għal inizjattivi kontra l-korruzzjoni f'pajjiżi sħab, inkluż permezz tal-istat tad-dritt u programmi ta' governanza tajba, u li dan l-appoġġ għandu jiġi kkoordinat ma' inizjattivi oħra tal-UE bħall-Programm il-ġdid dwar il-Ġustizzja (Regolament (UE) 2021/693). Jirrakkomanda li jissaħħu l-għodod eżistenti tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp bħad-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiżi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Pjanijiet Direzzjonali tas-Soċjetà Ċivili, l-oqfsa tal-ġestjoni tar-riskju, is-Sett ta' Għodod aġġornat ġdid biex id-detenturi tad-drittijiet jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-NDICI tal-UE (SWD (2021)0179 final tal-Kummissjoni, "L-Applikazzjoni tal-Approċċ Ibbażat fuq id-Drittijiet tal-Bniedem għas-sħubijiet internazzjonali"). Jirrakkomanda wkoll it-taħriġ tal-persunal tad-Delegazzjonijiet tal-UE u tal-Kwartieri Ġenerali u l-iżvilupp ta' linji gwida speċifiċi biex tiġi vvalutata u indirizzata l-korruzzjoni fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-livell settorjali u minn perspettiva ġenerali.

 

J.  Iħeġġeġ it-titjib tal-approċċ ta' regolamentazzjoni aħjar u tas-sett ta' għodod tiegħu, sabiex jissaħħu l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari, dwar l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni ambjentali u biex jiġi żgurat li l-SDGs tan-NU jiġu integrati b'mod effettiv f'kull inizjattiva leġiżlattiva.

 

K.  Jenfasizza li s-soċjetà ċivili, il-media indipendenti, il-ġurnaliżmu investigattiv, l-informaturi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem huma kritiċi biex isir progress fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi dawk assoċjati mal-kriminalità ambjentali. Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ tagħha lil dawn l-atturi sabiex jaqdu r-rwol tagħhom, jiżguraw parteċipazzjoni attiva u sinifikanti tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika, fl-implimentazzjoni u fil-mekkaniżmi ta' evalwazzjoni u jkomplu jinvolvu ruħhom mal-awtoritajiet lokali u l-atturi informali f'kuntesti rilevanti. Il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-persuni li jaħdmu kontra l-korruzzjoni, tal-ġurnalisti investigattivi u tal-informaturi għandha tissaħħaħ.

 

L.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmi effettivi ta' lmentar, fejn il-vittmi tal-korruzzjoni, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-degradazzjoni ambjentali marbuta mal-korruzzjoni instigata/ikkawżata minn azzjoni esterna tal-UE, inklużi attivitajiet iffinanzjati minn assistenza uffiċjali għall-iżvilupp, kif ukoll intrapriżi Ewropej, ikollhom aċċess għall-ġustizzja u r-rimedju.

 

 

Dejjem tiegħek,

 

 

Tomas Tobé

 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

25.1.2022

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

56

4

17

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alviina Alametsä, Alexander Alexandrov Yordanov, François Alfonsi, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Anna Bonfrisco, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Susanna Ceccardi, Włodzimierz Cimoszewicz, Katalin Cseh, Tanja Fajon, Anna Fotyga, Michael Gahler, Kinga Gál, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Márton Gyöngyösi, Balázs Hidvéghi, Sandra Kalniete, Peter Kofod, Stelios Kouloglou, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Leopoldo López Gil, Antonio López-Istúriz White, Jaak Madison, Claudiu Manda, Lukas Mandl, Thierry Mariani, Pedro Marques, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Jörg Meuthen, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Gheorghe-Vlad Nistor, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Giuliano Pisapia, Thijs Reuten, María Soraya Rodríguez Ramos, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Jacek Saryusz-Wolski, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Jordi Solé, Sergei Stanishev, Tineke Strik, Hermann Tertsch, Dragoş Tudorache, Harald Vilimsky, Idoia Villanueva Ruiz, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers, Isabel Wiseler-Lima, Salima Yenbou, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Özlem Demirel, Assita Kanko, Karsten Lucke, Bert-Jan Ruissen, Mick Wallace

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ivan Štefanec

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

56

+

ECR

Assita Kanko

NI

Fabio Massimo Castaldo, Márton Gyöngyösi

PPE

Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Michael Gahler, Sunčana Glavak, Sandra Kalniete, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, Leopoldo López Gil, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Lukas Mandl, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Gheorghe-Vlad Nistor, Radosław Sikorski, Ivan Štefanec, Isabel Wiseler-Lima, Željana Zovko

Renew

Petras Auštrevičius, Katalin Cseh, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Urmas Paet, María Soraya Rodríguez Ramos, Dragoş Tudorache

S&D

Maria Arena, Włodzimierz Cimoszewicz, Tanja Fajon, Raphaël Glucksmann, Karsten Lucke, Claudiu Manda, Pedro Marques, Sven Mikser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Giuliano Pisapia, Thijs Reuten, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Andreas Schieder, Sergei Stanishev

Verts/ALE

Alviina Alametsä, François Alfonsi, Reinhard Bütikofer, Jordi Solé, Tineke Strik, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Salima Yenbou

 

4

-

ID

Thierry Mariani

NI

Kinga Gál, Balázs Hidvéghi, Kostas Papadakis

 

17

0

ECR

Anna Fotyga, Bert-Jan Ruissen, Jacek Saryusz-Wolski, Hermann Tertsch, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers

ID

Anna Bonfrisco, Susanna Ceccardi, Peter Kofod, Jaak Madison, Jörg Meuthen, Harald Vilimsky

The Left

Özlem Demirel, Stelios Kouloglou, Manu Pineda, Idoia Villanueva Ruiz, Mick Wallace

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Frar 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza