RAPPORT dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: stħarriġ annwali dwar it-tkabbir sostenibbli 2022

1.3.2022 - (2022/2006(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Irene Tinagli
Rapporteur għal opinjoni (*):
Margarida Marques, Kumitat għall-Baġits
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura


Proċedura : 2021/2006(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0034/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: stħarriġ annwali dwar it-tkabbir sostenibbli 2022

(2021/0000(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 136 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 tat-Trattati dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 tat-Trattati dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

 wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli,

 wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri[1],

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011 tat-8 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv[2],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro[3],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar miżuri ta' infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro[4],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[5],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[6],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom[7],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro[8],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni[9] (ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt),

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza[10] (ir-Regolament dwar l-RRF),

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss" (COM(2020)456),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2021 bit-titolu "Il-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika fl-2021: biex tingħeleb il-COVID-19, ikun appoġġat l-irkupru u tkun modernizzata l-ekonomija tagħna" (COM(2021)0500),

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2021 bit-titolu "Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali" (COM(2021)102),

 wara li kkunsidra l-Impenn Soċjali ta' Porto tas-7 ta' Mejju 2021 tal-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Parlament u s-sħab soċjali,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2021 bit-titolu "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2022" (COM(2021)740),

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2021 bit-titolu "Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2022" (COM(2021)0741) u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2021 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2021)0742),

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tas-16 ta' Frar 2021 bit-titolu "Financial Stability implications of support measures to protect the real economy from the COVID-19 pandemic",

 wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Identifying Europe's recovery needs",

 wara li kkunsidra t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2021 tal-11 ta' Novembru 2021,

 wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Bord Fiskali Ewropew tas-16 ta' Ġunju 2021 dwar il-pożizzjoni fiskali xierqa għaż-żona tal-euro fl-2022,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ġunju 2021 bit-titolu "L-iskrutinju tal-Parlament dwar il-valutazzjoni li qed issir mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza",

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2020 dwar il-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli - Kif niffinanzjaw il-Patt Ekoloġiku,

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Bord Fiskali Ewropew tal-10 ta' Novembru 2021,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2021 dwar ir-rieżami tal-qafas leġiżlattiv makroekonomiku għal impatt aħjar fuq l-ekonomija reali tal-Ewropa u trasparenza aħjar tat-teħid ta' deċiżjonijiet u tal-akkontabbiltà demokratika[11],

 wara li kkunsidra r-Regola 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0034/2022),

A. billi s-Semestru Ewropew għandu rwol importanti fil-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u baġitarji fl-Istati Membri, u b'hekk jissalvagwardja l-istabbiltà makroekonomika tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja; billi dan il-proċess ma għandux jinjora l-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tal-Patt Ekoloġiku Ewropew kif ukoll kwistjonijiet oħra relatati mas-settur finanzjarju u mat-tassazzjoni; billi l-integrazzjoni ta' dawn il-kwistjonijiet ma għandhiex tnaqqas min-natura prinċipalment ekonomika u fiskali tas-Semestru Ewropew;

B. billi jfakkar li skont it-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni tal-ħarifa, ir-rata ta' tkabbir tal-PDG għall-2022 hija mistennija li tkun 4,3 % tal-PDG kemm għaż-żona tal-euro kif ukoll għall-EU-27, iżda hija mistennija li tonqos għal 2,4 % għaż-żona tal-euro u 2,5 % għall-EU-27 rispettivament fl-2023;

C. billi t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni tal-ħarifa juri differenza sinifikanti fir-ritmu tal-irkupru bejn l-Istati Membri fl-2021, b'disparità fit-tkabbir tal-PDG li tvarja minn 2,7 % sa 14,6 %;

D. billi l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal żieda fl-inugwaljanzi soċjali, territorjali, interġenerazzjonali, ekonomiċi u abbażi tal-ġeneru;

E. billi skont it-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni tal-ħarifa, ir-rata medja tal-qgħad naqset għal 7,9 % fiż-żona tal-euro u għal 7,1 % fl-EU-27 fl-2021, bi tnaqqis ulterjuri ta' 7,5 % u 6,7 % mistennija fl-2022;

F. billi r-reċessjoni ekonomika bla preċedent fl-2020 u l-miżuri meħuda b'reazzjoni għall-pandemija żiedu l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern fl-2021 għal 100 % fiż-żona tal-euro u għal 92,1 % fl-EU-27;

G. billi t-tisħiħ tal-produttività u l-kompetittività globali tal-UE jirrikjedi riformi strutturali, soċjalment ibbilanċjati, li jsaħħu t-tkabbir u sostenibbli kif ukoll livell adegwat ta' investiment;

H. billi l-irkupru ekonomiku ta' wara l-pandemija jirrikjedi l-implimentazzjoni rapida u effiċjenti tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF); billi l-pjanijiet kollha għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom jindirizzaw kull wieħed mis-sitt pilastri kif ukoll l-objettivi ġenerali u speċifiċi tar-Regolament dwar l-RRF u jirrispettaw il-prinċipji orizzontali tiegħu;

I. billi l-isfidi relatati mal-istat tad-dritt ġew identifikati matul il-proċess tas-Semestru Ewropew; 

J. billi l-aspetti relatati mal-futur possibbli tal-qafas fiskali tal-UE ġew indirizzati f'rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew speċifiku għal dan il-għan;

K. billi l-aspetti soċjali u tal-impjiegi tal-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir sostenibbli ġew indirizzati mir-rapport doppju tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament bit-titolu "Is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: aspetti soċjali u tal-impjiegi fl-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir sostenibbli 2022";

L. billi l-aspetti relatati mal-implimentazzjoni tal-RRF se jiġu indirizzati f'rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew speċifiku għal dan il-għan;

Prospetti ekonomiċi għall-UE

1. Jinnota li l-ekonomija Ewropea qed tirkupra aktar malajr milli mistenni mill-impatt devastanti tal-pandemija globali tal-COVID-19; jissottolinja l-importanza kruċjali li kellhom u se jibqa' jkollhom l-interventi ta' politiki innovattivi u f'waqthom biex itaffu l-impatt tal-pandemija fuq l-ekonomija Ewropea;

2. Jinsab imħasseb dwar varjanti emerġenti ġodda, lockdowns lokalizzati minħabba l-pandemija, żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, pressjoni inflazzjonarja, interruzzjonijiet min-naħa tal-provvista u nuqqas emerġenti ta' ħaddiema; jinnota li dawn ir-riskji joħolqu ammont sinifikanti ta' inċertezza u jistgħu jfixklu l-prospetti ta' tkabbir ekonomiku fix-xhur li ġejjin u jdewmu t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli, diġitali, kompetittiva u valida fil-futur;

3. Jinnota li l-Istati Membri kollha huma mistennija jilħqu l-livell ta' produzzjoni tagħhom ta' qabel il-pandemija sa tmiem l-2022; huwa mwissi bil-fatt li r-ritmu tal-irkupru kien varjat fost l-Istati Membri u r-reġjuni, b'differenzi sinifikanti u b'disparità fost l-Istati Membri fl-2021; jinnota, madankollu, li l-irkupru mistenni jkun aktar uniformi fl-2022 u fl-2023; jissottolinja l-fatt li r-rati ta' tkabbir imbassra għall-UE fl-2022 u fl-2023 huma aktar baxxi mit-tkabbir ekonomiku globali previst fil-PDG;

4. Jirrikonoxxi li l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 kienet partikolarment severa għall-intrapriżi, l-aktar għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), fit-turiżmu, fl-ospitalità u fil-kultura; jisħaq li l-Istati Membri li kienu aktar dipendenti fuq dawn is-servizzi sofrew l-agħar impatt ekonomiku;

5. Jirrikonoxxi l-kunċett ta' solidarjetà Ewropea li tirfed l-istabbiliment tal-RRF; jirrimarka li l-implimentazzjoni trasparenti u b'suċċess tal-RRF se tgħin biex l-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-UE jsiru aktar għonja, sostenibbli, inklużivi, kompetittivi, reżiljenti u mħejjija aħjar għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u se tgħin biex trawwem koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

Politiki fiskali responsabbli u sostenibbli

6. Jinnota li l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir se tibqa' tiġi applikata fl-2022 u mistennija tiġi diżattivata mill-2023, dment li tintemm il-ġustifikazzjoni li abbażi tagħha ġiet attivata;

7. Jemmen li r-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE huwa neċessarju; jaqbel mal-Bord Fiskali Ewropew dwar l-importanza li jkun hemm perkors ċar lejn qafas fiskali rieżaminat, preferibbilment qabel id-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali;

8. Jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi gwida dwar il-politiki fiskali għall-perjodu li jwassal għad-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali, li tirrifletti sew is-sitwazzjoni ekonomika speċifika ta' kull Stat Membru u sew id-diskussjonijiet dwar il-qafas ta' governanza ekonomika; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2021 dwar ir-rieżami tal-qafas leġiżlattiv makroekonomiku;

9. Huwa konvint li l-koordinazzjoni tal-politiki fiskali nazzjonali tibqa' kruċjali biex tirfed l-irkupru; jinnota li l-pożizzjoni fiskali kumplessiva, filwaqt li jitqiesu l-baġits nazzjonali u l-RRF, hija mistennija li tibqa' ta' appoġġ fl-2022 biex issostni l-irkupru u tiżgura bidla gradwali fil-politika fiskali; jaqbel mal-Kummissjoni li l-Istati Membri b'livelli baxxi jew medji ta' dejn għandhom isegwu jew iżommu pożizzjoni fiskali ta' appoġġ, u li l-Istati Membri b'livelli għolja ta' dejn għandhom jużaw l-RRF biex jiffinanzjaw investiment addizzjonali biex jappoġġaw l-irkupru, filwaqt li jsegwu politika fiskali prudenti li, madankollu, ma tkunx ta' impediment għall-investiment pubbliku meħtieġ biex jiġu ffinanzjati setturi ta' importanza strateġika għall-irkupru u r-reżiljenza tal-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej; jaqbel mal-Kummissjoni li l-Istati Membri kollha għandhom jippreservaw jew jippreservaw b'mod wiesa' l-investiment nazzjonali tagħhom iffinanzjat fil-livell nazzjonali;

10. Jisħaq li sew id-dħul pubbliku u sew l-infiq pubbliku huma essenzjali biex tiġi garantita s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jindirizzaw il-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, u jsegwu riformi sostenibbli, soċjalment ibbilanċjati u li jsaħħu t-tkabbir;

Riformi strutturali u investiment li jsaħħu t-tkabbir, ibbilanċjati, inklużivi u sostenibbli

11. Iqis li huwa kruċjali li jiġu kkoordinati l-isforzi nazzjonali ta' riforma u ta' investiment kif ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki sabiex jiżdiedu l-konverġenza u r-reżiljenza tal-ekonomiji tagħna, jiġi promoss tkabbir sostenibbli u inklużiv, u jittejbu l-oqfsa istituzzjonali biex jiżdiedu s-sjieda u l-akkontabbiltà fil-livell nazzjonali;

12. Jenfasizza li l-RRF tippreżenta opportunità unika u bla preċedent għall-Istati Membri kollha biex jindirizzaw l-isfidi strutturali ewlenin u l-ħtiġijiet ta' investiment, inklużi t-tranżizzjoni ġusta, dik ekoloġika u dik diġitali; jinsisti li l-pjanijiet kollha għall-irkupru u r-reżiljenza jindirizzaw ir-rekwiżiti kollha tar-Regolament dwar l-RRF, b'mod partikolari s-sitt pilastri; jenfasizza l-interazzjoni bejn is-Semestru Ewropew u l-RRF; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu minn din l-opportunità u jużawha biex jittrasformaw l-ekonomiji tagħhom u jagħmluhom sostenibbli, aktar kompetittivi u aktar reżiljenti għal xokkijiet futuri; jenfasizza r-rwol tal-Parlament Ewropew fl-implimentazzjoni tal-RRF, kif minqux fir-Regolament dwar l-RRF;

13. Ifakkar li l-RRF u kull wieħed mill-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom jirrispettaw bis-sħiħ ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt u li l-miżuri stabbiliti f'dawk il-pjanijiet ma għandhomx imorru kontra l-valuri tal-UE minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jinsisti li għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ebda proġett jew miżura ma jmorru kontra dawn il-valuri sew matul il-fażijiet ta' valutazzjoni u sew matul dawk ta' implimentazzjoni u jitlob li tieħu azzjoni xierqa għal rieżami;

14. Jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt sinifikanti fuq in-nisa; jenfasizza l-importanza li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija, inkluża l-parteċipazzjoni inklużiva fl-ekonomija u t-trasformazzjoni diġitali, u li jiġi żgurat tkabbir aktar inklużiv bħala parti mis-soluzzjoni għall-irkupru ta' wara l-pandemija, li se jikkontribwixxu għaż-żieda tal-impjiegi, il-prosperità ekonomika u l-kompetittività madwar l-UE;

15. Jinnota li ħafna Stati Membri qed ikollhom jiffaċċjaw sew livell subottimali ta' investiment privat u pubbliku u sew sfidi strutturali antiki u ġodda li qed ixekklu l-potenzjal tat-tkabbir tagħhom; jenfasizza, għalhekk, li l-indirizzar tal-isfidi strutturali u żieda fl-investiment privat u pubbliku huma kruċjali għal irkupru sostenibbli u tkabbir kontinwu; huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni ta' riformi biex jiġu indirizzati vulnerabbiltajiet strutturali antiki u ġodda hija kruċjali mhux biss biex titjieb il-kapaċità li wieħed jiflaħ għall-isfidi eżistenti u jlaħħaq magħhom, iżda wkoll biex it-tranżizzjoni doppja titwettaq b'mod sostenibbli, ġust u inklużiv u biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali; jindika n-nuqqas ta' sjieda nazzjonali bħala waħda mid-dgħufijiet ewlenin fil-promulgazzjoni tar-riformi mmirati biex jindirizzaw in-nuqqasijiet strutturali;

16. Jinsab imħasseb li l-Kummissjoni identifikat vulnerabbiltajiet makroekonomiċi relatati ma' żbilanċi u żbilanċi eċċessivi fi 12-il Stat Membru; jinsab imħasseb li n-natura u s-sors tal-iżbilanċi tal-Istati Membri jibqgħu fil-biċċa l-kbira l-istess bħal qabel il-pandemija u li jista' jkun ukoll li l-pandemija qed tiggrava l-iżbilanċi u d-diverġenzi ekonomiċi; jistieden lill-Istati Membri jieħdu vantaġġ mill-opportunità bla preċedent provduta mill-RRF biex inaqqsu b'mod sinifikanti l-iżbilanċi makroekonomiċi eżistenti, b'mod partikolari billi jinkludu miżuri ta' riforma ambizzjużi fil-pjanijiet nazzjonali tal-Istati Membri kollha; jisħaq li eżekuzzjoni tajba hija essenzjali biex isir użu sħiħ minn din l-opportunità;

17. Jinnota li livelli għoljin ta' dejn pubbliku jistgħu jsiru element ta' instabbiltà makroekonomika, speċjalment jekk il-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew kellha ssir inqas akkomodanti; jenfasizza l-importanza ta' qafas regolatorju u strateġiji ta' politika xierqa li jistgħu jikkombinaw tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG ma' livell adegwat ta' investiment privat u pubbliku li jkun kapaċi jiżgura tkabbir ekonomiku sostnut, kompetittività għolja u koeżjoni soċjali;

18. Jirrikonoxxi l-importanza tal-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku fl-identifikazzjoni, il-prevenzjoni u l-indirizzar tal-iżbilanċi makroekonomiċi fl-UE; jenfasizza li se jkunu meħtieġa monitoraġġ u viġilanza kontinwi u li l-Istati Membri għandhom jindirizzaw l-iżbilanċi emerġenti permezz ta' riformi li jsaħħu r-reżiljenza ekonomika u soċjali u jippromwovu t-trasformazzjoni diġitali, it-tranżizzjoni ekoloġika u t-tranżizzjoni ġusta; jisħaq li l-Kummissjoni għandha rwol importanti biex il-gvernijiet jinżammu responsabbli f'dan ir-rigward;

19. Ifakkar li ċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew huwa qafas stabbilit sew għall-Istati Membri tal-UE biex jikkoordinaw il-politiki tagħhom fl-oqsma fiskali, ekonomiċi, soċjali, ekonomiċi u tal-impjiegi; jisħaq li mingħajr sforzi kkoordinati biex jiġu implimentati t-tranżizzjonijiet diġitali u ambjentali u biex jiġu indirizzati ċerti kwistjonijiet relatati mas-settur finanzjarju, l-ekonomiji Ewropej jistgħu jsofru ħsara fit-tul, u b'hekk jikkompromettu kwalunkwe tentattiv biex jiġu promossi politiki fiskali sostenibbli u kredibbli; Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tikkunsidra b'mod adegwat dawn l-elementi kollha fil-proċessi futuri tas-Semestru Ewropew, mingħajr ma tikkomprometti l-approċċ attwali bbażat fuq politiki fiskali u baġitarji;

Semestru Ewropew aktar demokratiku

20. Jenfasizza l-importanza tal-involviment f'dibattitu sħiħ u li sew il-parlamenti nazzjonali u sew il-Parlament Ewropew jiġu involuti b'mod xieraq fil-proċess tas-Semestru Ewropew; itenni t-talba tiegħu biex jissaħħaħ ir-rwol demokratiku tal-Parlament fil-qafas tal-governanza ekonomika u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jqisu kif xieraq ir-riżoluzzjonijiet tiegħu;

21. Jistieden lill-Kummissjoni żżomm sew lill-Parlament u sew lill-Kunsill, bħala koleġiżlaturi, infurmati tajjeb u bl-istess mod dwar l-aspetti kollha relatati mal-applikazzjoni tal-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE, inkluż dwar l-istadji preparatorji;

22. Jinnota li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-President tal-Grupp tal-Euro għandhom jidhru regolarment quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament biex jipprovdu informazzjoni u jiskambjaw fehmiet dwar l-aħħar eventi ekonomiċi u politiċi;

23. Jappella għal koordinazzjoni impenjata mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra sew fil-livell nazzjonali u sew f'dak Ewropew sabiex jissaħħu l-akkontabbiltà demokratika u t-trasparenza;

°

° °

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-BAĠITS (1.2.2022)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: stħarriġ annwali dwar it-tkabbir sostenibbli 2022

(2022/2006(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Margarida Marques(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Jissottolinja li l-mobilizzazzjoni rapida u deċiżiva ta' riżorsi baġitarji sinifikanti tal-UE, flimkien ma' għadd kunsiderevoli ta' miżuri fiskali mill-Istati membri, kienet u se tibqa' strumentali biex jittaffa l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq is-saħħa, is-soċjetà u l-ekonomija;

2. Jenfasizza li n-natura eċċezzjonali ta' Next Generation EU kellha effett ta' stabbilizzazzjoni għall-Istati Membri fi żmien ta' inċertezza ekonomika kbira li ppermettiet lill-gvernijiet iżommu l-livelli ta' investiment u jżommu l-ispejjeż tas-self baxxi; jisħaq fuq l-importanza ta' investiment pubbliku sinifikanti fl-appoġġ ta' rkupru sostenibbli, ekwu u inklużiv fl-UE;

3. Jenfasizza li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) tirrikjedi li s-Semestru Ewropew jitfassal mill-ġdid biex jiġi żgurat it-twettiq ta' pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (NRRPs) effettivi, ta' kwalità għolja, orjentati lejn il-futur u ambizzjużi; ifakkar li l-Parlament Ewropew, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili, id-dinja akkademika u l-awtoritajiet lokali għandhom ikunu involuti attivament fil-proċess tat-tfassil ġdid u fl-implimentazzjoni tiegħu;

4. Iqis li l-NRRPs huma opportunità għall-Istati Membri biex jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-irkupru ekonomiku u soċjali tal-UE, biex jindirizzaw l-isfidi strutturali identifikati billi jimplimentaw riformi u investimenti f'oqsma ewlenin bħas-sistemi ġudizzjarji, l-ambjent ekonomiku u tan-negozju, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-kultura, l-impjiegi u l-kura soċjali, u biex jirrendu l-ekonomiji tagħhom ippreparati aħjar għall-kriżijiet, aktar reżistenti għax-xokkijiet, aktar sostenibbli, aktar ekwi u aktar inklużivi f'konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, u l-objettivi klimatiċi u tal-bijodiversità tal-UE u l-istrateġija tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jiddeplora l-fatt, madankollu, li l-NRRPs jonqsu milli jindirizzaw b'mod adegwat l-iskemi ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva;

5. Ifakkar li l-RRF tistabbilixxi miri ta' 37 % għall-infiq fuq il-klima, skont ir-rekwiżiti speċifiċi fl-Anness VI tar-Regolament dwar l-RRF, u 20 % għall-infiq fuq it-trasformazzjoni diġitali, inklużi l-infrastruttura diġitali, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u li tista' tappoġġja biss miżuri li jirrispettaw il-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti"; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-passi kollha meħtieġa biex timmonitorja, tawditja u tinforza dawn il-miri b'mod effettiv;

6. Jilqa' t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza, li hija mfassla biex timmonitorja l-progress fl-implimentazzjoni tal-RRF u tagħmel disponibbli informazzjoni għall-pubbliku fuq skala usa’; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa għodod biex tiġi mmonitorjata u żgurata l-implimentazzjoni robusta tal-NRRPs u jitkejjel l-ilħuq tal-miri u l-istadji importanti bħala prerekwiżit għall-iżborż tal-fondi tal-RRF; jirrimarka li hemm bżonn jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti ta' rappurtar, jitnaqqas il-piż amministrattiv u jiġu żgurati l-kundizzjonijiet għal implimentazzjoni xierqa;

7. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffoka fuq analiżi bbażata fuq il-prestazzjoni jew ir-riżultati tal-infiq tal-RRF u l-progress li jkun sar lejn il-kisba tal-objettivi tal-RRF fir-rapporti annwali tagħha u fir-rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu, u biex tkun viġilanti u miftuħa għal reviżjoni tal-NRRPs fejn meħtieġ;

8. Itenni l-ħtieġa li l-Istati Membri jkollhom stabbiliti l-mekkaniżmi ta' kontroll u ta' awditu meħtieġa biex jiżguraw ir-rispett tal-istat tad-dritt u jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE, b'mod partikolari għall-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta' interess u biex tiġi żgurata t-trasparenza; jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet abilitanti rilevanti speċifiċi għall-pajjiż f'dan ir-rigward; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni għadha ma implimentatx ir-Regolament dwar reġim ġenerali ta' kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, minkejja li ilu japplika mill-1 ta' Jannar 2021; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tapplika r-Regolament bis-sħiħ u mingħajr ambigwità;

9. Ifakkar li d-diskrepanza fl-investiment għall-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika hija ta' EUR 520 biljun fis-sena għall-għaxar snin li ġejjin, skont l-istimi tal-Kummissjoni; jenfasizza li l-finanzjament kemm pubbliku kif ukoll privat huma essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi għall-2030, biex tiġi promossa t-tranżizzjoni diġitali u biex jiġu indirizzati sfidi soċjali u ekonomiċi oħra; iqis, għaldaqstant, li għandhom jitqiesu l-għażliet kollha biex jiġu inċentivati l-investimenti tal-Istati Membri biex jindirizzaw dawk l-isfidi, inkluża r-reviżjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir biex jiġu promossi ekonomija orjentata lejn il-futur u l-estensjoni tal-kapaċitajiet ta' għoti u teħid ta' self fil-livell tal-UE; jappella biex l-infiq iffinanzjat mis-self tal-RRF jibbenefika mill-istess trattament fil-qafas fiskali tal-UE bħal fil-każ tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-flessibbiltà[12], sabiex jiġu żgurati l-aħjar effetti għall-irkupru tal-UE;

10. Jemmen li l-governanza tal-RRF, b'mod partikolari l-valutazzjoni u l-approvazzjoni tal-NRRPs mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, tipprovdi pedament sod għal diskussjonijiet dwar kif jiġi permess biżżejjed investiment pubbliku fil-qafas tar-regoli fiskali; jenfasizza li s-suċċess tal-RRF għandu jispira l-bini ta' qafas modern u effettiv għal politika fiskali komuni tal-UE b'leġittimità demokratika mġedda u obbligu ta' rendikont u sorveljanza parlamentari akbar;

11. Jilqa' s-sinjali bikrija promettenti ta' ħruġ ta' bonds mill-Kummissjoni għall-finanzjament tal-ewwel żborżi fil-qafas tal-RRF; ifakkar li t-tfassil tan-Next Generation EU jirrikjedi ħlas lura tad-dejn permezz tal-introduzzjoni ta' basket ta' riżorsi proprji ġodda tal-baġit tal-UE; jilqa' r-ratifika tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji mill-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrispettaw bis-sħiħ l-iskeda ta' żmien għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda f'konformità mal-pjan direzzjonali legalment vinkolanti kif miftiehem fil-Ftehim Interistituzzjonali, sabiex id-dejn ikun jista' jitħallas b'mod newtrali għall-baġit għall-Istati Membri.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

1.2.2022

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

4

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Rasmus Andresen, Robert Biedroń, Anna Bonfrisco, Olivier Chastel, Lefteris Christoforou, David Cormand, Paolo De Castro, Andor Deli, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Vlad Gheorghe, Valentino Grant, Elisabetta Gualmini, Francisco Guerreiro, Valérie Hayer, Eero Heinäluoma, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Moritz Körner, Joachim Kuhs, Zbigniew Kuźmiuk, Hélène Laporte, Pierre Larrouturou, Janusz Lewandowski, Margarida Marques, Silvia Modig, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Lefteris Nikolaou-Alavanos, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Dimitrios Papadimoulis, Karlo Ressler, Bogdan Rzońca, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds, Nils Ušakovs, Johan Van Overtveldt, Rainer Wieland, Angelika Winzig

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Henrike Hahn

 


 

 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

32

+

PPE

Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Janusz Lewandowski, Siegfried Mureşan, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Karlo Ressler, Rainer Wieland, Angelika Winzig

Renew

Olivier Chastel, Vlad Gheorghe, Valérie Hayer, Moritz Körner, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds

S&D

Robert Biedroń, Paolo De Castro, Eider Gardiazabal Rubial, Elisabetta Gualmini, Eero Heinäluoma, Pierre Larrouturou, Margarida Marques, Victor Negrescu, Nils Ušakovs

The Left

Silvia Modig, Dimitrios Papadimoulis

Verts/ALE

Rasmus Andresen, David Cormand, Francisco Guerreiro, Henrike Hahn

 

4

-

ID

Joachim Kuhs, Hélène Laporte

NI

Andor Deli, Lefteris Nikolaou­Alavanos

 

5

0

ECR

Zbigniew Kuźmiuk, Bogdan Rzońca, Johan Van Overtveldt

ID

Anna Bonfrisco, Valentino Grant

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AMBJENT, IS-SAĦĦA PUBBLIKA U S-SIKUREZZA TAL-IKEL (11.2.2022)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: stħarriġ annwali dwar it-tkabbir sostenibbli 2022

(2022/2006(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Pascal Canfin

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-kwistjonijiet indirizzati fl-istrateġija annwali għat-tkabbir sostenibbli 2022 għandhom, fost affarijiet oħra, impatt ċar fuq il-bijodiversità, it-tibdil fil-klima u s-saħħa;

1. Jinnota l-wegħda li saret fl-istrateġija annwali għat-tkabbir sostenibbli 2022 biex it-tranżizzjoni makroekonomikament u ambjentalment sostenibbli, ġusta u ekoloġika tkompli titpoġġa fil-qalba tal-proċess tas-Semestru Ewropew, filwaqt li r-reżiljenza ekonomika, is-sostenibbiltà ambjentali, in-newtralità klimatika, is-saħħa pubblika u l‑benesseri taċ-ċittadini jiġu stabbiliti bħala prinċipji gwida għall-irkupru tal-UE;

2. Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom skont l-Artikolu 2.1(c) tal-Ftehim ta' Pariġi li jallinjaw il-flussi finanzjarji kemm pubbliċi kif ukoll privati ma' perkors kompatibbli mal-objettiv li t-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 °C; jisħaq li dan jirrikjedi tneħħija gradwali tas-sussidji diretti u indiretti kollha għall-fjuwils fossili malajr kemm jista' jkun u sa mhux aktar tard mill-2025;

3. Jisħaq fuq l-importanza li jitħaffef l-allinjament tal-proċess tas-Semestru Ewropew mal-objettivi klimatiċi u ambjentali fuq żmien qasir u fit-tul tal-UE kif stabbiliti fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, minquxa fil-leġiżlazzjoni permezz tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima u msaħħa fil-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55 %"; jilqa' l-inklużjoni ta' taqsimiet iddedikati f'kull rapport tal-pajjiż tas-Semestru Ewropew dwar il-progress tal-Istati Membri fl-oqsma differenti tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, kif ukoll l-istabbiliment ta' indikaturi addizzjonali biex jimmonitorjaw u jiggwidaw il-prestazzjoni tal-Istati Membri fid-dawl tal-għanijiet ta' politika tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Ftehim ta' Pariġi notevolment qabel ir-rendikont globali li jmiss;

4. Jinnota li, it-twettiq tal-aġenda ambizzjuża tal-Patt Ekoloġiku tal-UE se jirrikjedi investiment sinifikanti u li, skont il-Kummissjoni, huwa stmat li n-nuqqas ta' investimenti pubbliċi u privati biex ikopru t-tranżizzjoni ekoloġika huwa ta' kważi EUR 520 biljun fis-sena, matul l-għaxar snin li ġejjin; jisħaq li dan se jirrikjedi azzjoni politika ulterjuri biex il-flussi finanzjarji jiġu diretti mill-ġdid lil hinn minn attivitajiet ekonomiċi dannużi lejn attivitajiet ekonomiċi sostenibbli; jinnota, barra minn hekk, li billi sehem sostanzjali tal-investiment se jinġarr mis-settur privat, l-investiment pubbliku u l-politiki li jmexxu l-investiment privat għas-sostenibbiltà se jkollhom jiżdiedu wkoll; jissottolinja li jista' jinħoloq spazju fiskali sinifikanti billi jitneħħew gradwalment is-sussidji diretti u indiretti li jagħmlu ħsara lill-ambjent, b'mod partikolari s-sussidji għall-fjuwils fossili;

5. Itenni l-appell tiegħu għar-riorjentazzjoni tas-sistemi tat-taxxa lejn użu akbar tat-tassazzjoni ambjentali u l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

6. Jistieden lill-Kummissjoni testendi l-approċċ tas-Semestru Ewropew attwali biex tonora l-impenn politiku tagħha li tagħmlu għodda ta' governanza li tappoġġa l-ksib tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; jissottolinja l-ħtieġa li l-objettivi klimatiċi, ambjentali, inkluża l-bijodiversità, u l-objettivi soċjali tal-UE, jiġu integrati aktar u b'mod aktar komprensiv, u mingħajr ma jiddgħajjef il-proċess ta' monitoraġġ ta' dan is-Semestru Ewropew estiż, sabiex l-Istati Membri jingħataw analiżi u indikaturi lil hinn mill-indikaturi ekonomiċi biss, biex b'hekk jirriflettu aħjar l-isfidi attwali li jiffaċċjaw l-Istati Membri biex inaqqsu l-impronta ekoloġika tagħhom u jagħmlu l-proċess mutur tal-bidla lejn benesseri sostenibbli għal kulħadd fl-Ewropa;

7. Iqis li s-Semestru Ewropew jista' jappoġġa l-isforz tal-UE biex tilħaq l-objettiv klimatiku tagħha għall-2030 u n-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 billi tiżgura stabbiltà fiskali u ambjent li jiffavorixxi l-investiment; jisħaq li kwalunkwe bidla fis-Semestru Ewropew ma tridx tnaqqas l-iskop oriġinali tiegħu;

8. Ifakkar fl-importanza li jiġi żgurat li s-Semestru Ewropew ikun allinjat mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) u fil-ħtieġa li jiġi indirizzat malajr l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-ekonomija Ewropea; jenfasizza li l-RRF iġġib magħha opportunità bla preċedent u unika għall-Istati Membri kollha biex jindirizzaw l-isfidi strutturali ewlenin u l-ħtiġijiet ta' investiment u biex jittrasformaw l-ekonomiji tagħhom biex jagħmluhom sostenibbli u aktar reżiljenti għal xokkijiet futuri; jisħaq fuq l-importanza ta' implimentazzjoni xierqa tar-riformi u l-investimenti f'kull wieħed mill-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jiġi rrispettat bis-sħiħ il-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" u monitoraġġ bir-reqqa tal-implimentazzjoni sħiħa tan-nuqqas ta' rigressjoni tal-liġi ambjentali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza t-talbiet kollha għal pagament fid-dawl ta' dak imsemmi qabel u tiżgura konformità sħiħa tal-istadji importanti u l-miri kollha milħuqa bir-regolament RRF qabel ma tagħti l-pagamenti, b'mod partikolari l-konformità mal-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" u r-rekwiżiti speċifiċi tal-Anness VI għar-Regolament RRF fejn rilevanti; huwa tal-fehma li l-RRF għandha sservi bħala ispirazzjoni għar-rieżami tal-qafas għall-governanza makroekonomika, b'mod partikolari fl-identifikazzjoni tal-isfidi strutturali komuni u l-ħtiġijiet ta' investiment; jisħaq, barra minn hekk, li dan ir-rieżami għandu jfassal qafas ta' abilitazzjoni biex l-Istati Membri jaċċelleraw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi tagħhom, ineħħu d-diskrepanza fl-investiment klimatiku u ambjentali tagħhom u jiżguraw it-tneħħija rapida tas-sussidji kollha li jagħmlu ħsara lill-ambjent, b'mod partikolari s-sussidji għall-fjuwils fossili;

9. Ifakkar li 7,5 % tal-baġit tal-UE għandu jkun iddedikat għall-objettivi tal-bijodiversità mill-2024 'l quddiem, li jitla' għal 10 % mill-2026 'l hemm; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li dawn il-livelli ta' nfiq jintlaħqu anke qabel l-iskadenzi stipulati; iħeġġeġ ulterjorment lill-Istati Membri jżidu l-investiment fil-konservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità, filwaqt li jwettqu riforma fis-sussidji li jagħmlu ħsara lill-bijodiversità u jiskrinjaw (ex ante) u jimmonitorjaw (ex post) l-appoġġ ta' rkupru għall-impatti tagħhom fuq il-bijodiversità;

10. Jisħaq fuq il-ħtieġa li s-Semestru Ewropew jiffaċilita l-aċċess ekwu għall-kura tas-saħħa ta' kwalità tajba; jenfasizza li l-pandemija attwali kellha impatt sostanzjali fuq il-kura essenzjali, b'mod partikolari fir-rigward tal-mard kroniku, iżda wkoll fuq il-kura ta' emerġenza fl-Istati Membri kollha; itenni, f'dan ir-rigward, li s-Semestru Ewropew għandu jindirizza r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa.

11. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-involviment tal-Parlament Ewropew, kif ukoll tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tas-saħħa, il-korpi xjentifiċi u partijiet ikkonċernati ewlenin oħra matul il-proċess ġenerali, inklużi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u matul l-implimentazzjoni, kif ukoll il-fażijiet ta' monitoraġġ u ta' evalvazzjoni, bil-għan li jiġi żgurat li s-Semestru Ewropew ma jkunx biss eżerċizzju burokratiku, iżda jikseb soluzzjonijiet meħtieġa sew għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tagħna.

12. Jissottolinja li l-fondi u r-riżorsi għandhom ikunu diretti lejn proġetti u benefiċjarji li jonfqu r-riżorsi b'mod responsabbli, effettiv u għal proġetti ekonomikament vijabbli;

13. Iwissi kontra ż-żieda fil-piż tat-taxxa fuq il-kontribwenti, kemm f'forma diretta kif ukoll indiretta, u l-piż regolatorju ġenerali.

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

10.2.2022

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

41

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mathilde Androuët, Nikos Androulakis, Bartosz Arłukowicz, Margrete Auken, Simona Baldassarre, Marek Paweł Balt, Traian Băsescu, Aurélia Beigneux, Monika Beňová, Hildegard Bentele, Sergio Berlato, Alexander Bernhuber, Malin Björk, Simona Bonafè, Delara Burkhardt, Pascal Canfin, Sara Cerdas, Mohammed Chahim, Tudor Ciuhodaru, Nathalie Colin-Oesterlé, Esther de Lange, Christian Doleschal, Marco Dreosto, Bas Eickhout, Cyrus Engerer, Eleonora Evi, Agnès Evren, Pietro Fiocchi, Raffaele Fitto, Malte Gallée, Iratxe García Pérez, Catherine Griset, Jytte Guteland, Teuvo Hakkarainen, Martin Hojsík, Jan Huitema, Yannick Jadot, Adam Jarubas, Petros Kokkalis, Athanasios Konstantinou, Ewa Kopacz, Joanna Kopcińska, Peter Liese, Sylvia Limmer, Javi López, César Luena, Fulvio Martusciello, Liudas Mažylis, Joëlle Mélin, Tilly Metz, Silvia Modig, Dolors Montserrat, Alessandra Moretti, Dan-Ştefan Motreanu, Ville Niinistö, Ljudmila Novak, Grace O’Sullivan, Jutta Paulus, Stanislav Polčák, Jessica Polfjärd, Nicola Procaccini, Luisa Regimenti, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Sándor Rónai, Rob Rooken, Silvia Sardone, Christine Schneider, Günther Sidl, Ivan Vilibor Sinčić, Linea Søgaard-Lidell, Maria Spyraki, Nils Torvalds, Edina Tóth, Véronique Trillet-Lenoir, Petar Vitanov, Alexandr Vondra, Mick Wallace, Pernille Weiss, Michal Wiezik, Tiemo Wölken, Anna Zalewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Anna Deparnay-Grunenberg, Karin Karlsbro, Ska Keller, João Pimenta Lopes, Róża Thun und Hohenstein, Idoia Villanueva Ruiz

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

44

+

NI

Athanasios Konstantinou

Renew

Pascal Canfin, Martin Hojsík, Jan Huitema, Karin Karlsbro, Billy Kelleher, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Linea Søgaard-Lidell, Róża Thun und Hohenstein, Nils Torvalds, Véronique Trillet-Lenoir, Michal Wiezik

S&D

Nikos Androulakis, Marek Paweł Balt, Monika Beňová, Simona Bonafè, Delara Burkhardt, Sara Cerdas, Mohammed Chahim, Tudor Ciuhodaru, Cyrus Engerer, Jytte Guteland, Javi López, César Luena, Alessandra Moretti, Sándor Rónai, Günther Sidl, Petar Vitanov, Tiemo Wölken

The Left

Malin Björk, Petros Kokkalis, Silvia Modig, Idoia Villanueva Ruiz

Verts/ALE

Margrete Auken, Anna Deparnay-Grunenberg, Bas Eickhout, Eleonora Evi, Malte Gallée, Yannick Jadot, Tilly Metz, Ville Niinistö, Grace O’Sullivan, Jutta Paulus

 

41

-

ECR

Sergio Berlato, Pietro Fiocchi, Raffaele Fitto, Joanna Kopcińska, Nicola Procaccini, Rob Rooken, Alexandr Vondra, Anna Zalewska

ID

Mathilde Androuët, Simona Baldassarre, Aurélia Beigneux, Marco Dreosto, Catherine Griset, Teuvo Hakkarainen, Sylvia Limmer, Joëlle Mélin, Silvia Sardone

NI

Edina Tóth

PPE

Bartosz Arłukowicz, Traian Băsescu, Hildegard Bentele, Alexander Bernhuber, Nathalie Colin-Oesterlé, Christian Doleschal, Agnès Evren, Adam Jarubas, Ewa Kopacz, Esther de Lange, Peter Liese, Fulvio Martusciello, Liudas Mažylis, Dolors Montserrat, Dan-Ştefan Motreanu, Ljudmila Novak, Stanislav Polčák, Jessica Polfjärd, Luisa Regimenti, Christine Schneider, Maria Spyraki, Pernille Weiss

The Left

João Pimenta Lopes

 

2

0

NI

Ivan Vilibor Sinčić

The Left

Mick Wallace

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjonijiet

 


 

 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

28.2.2022

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

6

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Rasmus Andresen, Gunnar Beck, Marek Belka, Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Gilles Boyer, Carlo Calenda, Engin Eroglu, Markus Ferber, Jonás Fernández, Frances Fitzgerald, José Manuel García-Margallo y Marfil, Luis Garicano, Valentino Grant, Claude Gruffat, Enikő Győri, Eero Heinäluoma, Michiel Hoogeveen, Danuta Maria Hübner, Stasys Jakeliūnas, France Jamet, Othmar Karas, Billy Kelleher, Ondřej Kovařík, Georgios Kyrtsos, Aurore Lalucq, Aušra Maldeikienė, Pedro Marques, Costas Mavrides, Csaba Molnár, Siegfried Mureşan, Caroline Nagtegaal, Luděk Niedermayer, Lefteris Nikolaou-Alavanos, Piernicola Pedicini, Lídia Pereira, Kira Marie Peter-Hansen, Sirpa Pietikäinen, Dragoş Pîslaru, Evelyn Regner, Antonio Maria Rinaldi, Dorien Rookmaker, Alfred Sant, Joachim Schuster, Ralf Seekatz, Pedro Silva Pereira, Paul Tang, Irene Tinagli, Ernest Urtasun, Inese Vaidere, Johan Van Overtveldt, Stéphanie Yon-Courtin, Marco Zanni, Roberts Zīle

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Damien Carême, Maximilian Krah, Chris MacManus, Mick Wallace

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

49

+

ECR

Michiel Hoogeveen, Dorien Rookmaker, Johan Van Overtveldt, Roberts Zīle

NI

Enikő Győri

PPE

Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Markus Ferber, Frances Fitzgerald, José Manuel García-Margallo y Marfil, Danuta Maria Hübner, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Aušra Maldeikienė, Siegfried Mureşan, Luděk Niedermayer, Lídia Pereira, Sirpa Pietikäinen, Ralf Seekatz, Inese Vaidere

Renew

Gilles Boyer, Carlo Calenda, Engin Eroglu, Luis Garicano, Billy Kelleher, Ondřej Kovařík, Caroline Nagtegaal, Dragoş Pîslaru, Stéphanie Yon-Courtin

S&D

Marek Belka, Jonás Fernández, Eero Heinäluoma, Aurore Lalucq, Pedro Marques, Costas Mavrides, Csaba Molnár, Evelyn Regner, Alfred Sant, Joachim Schuster, Pedro Silva Pereira, Paul Tang, Irene Tinagli

Verts/ALE

Rasmus Andresen, Damien Carême, Claude Gruffat, Stasys Jakeliūnas, Piernicola Pedicini, Kira Marie Peter-Hansen, Ernest Urtasun

 

6

-

ID

Gunnar Beck, France Jamet, Maximilian Krah

NI

Lefteris Nikolaou-Alavanos

The Left

Chris MacManus, Mick Wallace

 

3

0

ID

Valentino Grant, Antonio Maria Rinaldi, Marco Zanni

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Marzu 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza