RAPPORT Lejn ekonomija blu sostenibbli fl-UE: ir-rwol tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura

5.4.2022 - (2021/2188(INI))

Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Isabel Carvalhais


Proċedura : 2021/2188(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0089/2022
Testi mressqa :
A9-0089/2022
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar lejn ekonomija blu sostenibbli fl-UE: ir-rwol tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura

(2021/2188(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2021 dwar approċċ ġdid għal ekonomija blu sostenibbli fl-UE – it-trasformazzjoni tal-Ekonomija Blu tal-UE għal Futur Sostenibbli (COM(2021)0240),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 4, 13, 38, 43 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd[1],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004 (EMFAF)[2]),

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)[3],

 wara li kkunsidra s-seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali (EAP) u l-kunċetti mnaqqxa fih, bħal-limiti tal-pjaneta u dawk ekoloġiċi,

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu[4],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar[5],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli[6],

 wara li kkunsidra l-ftehim politiku bejn il-Parlament u l-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2021 dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2021-2027,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu ''Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380), u r-riżoluzzjoni tagħha tad-9 ta' Ġunju 2021 dwarha[7],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu ''Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent" (COM(2020)0381), u r-riżoluzzjoni tagħha tal-20 ta' Ottubru 2021 dwarha[8],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bit-titolu "The EU Blue Economy Report 2021" (Ir-Rapport dwar l-Ekonomija Blu tal-UE 2021)[9],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Marzu 2021 bit-titolu "Sustainability criteria for the blue economy" (Il-kriterji ta' sostenibbiltà għall-ekonomija blu)[10],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Mejju 2021 bit-titolu "Linji gwida strateġiċi għal akkwakultura tal-UE li tkun aktar sostenibbli u kompetittiva għall-perjodu bejn l-2021 u l-2030" (COM(2021)0236),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2020 bit-titolu "Approċċ ġdid tal-istrateġija marittima għall-Atlantiku – Pjan ta' Azzjoni għall-Atlantiku 2.0: Pjan ta' azzjoni għal ekonomija blu sostenibbli, reżiljenti u kompetittiva fiż-żona tal-Atlantiku tal-Unjoni Ewropea" (COM(2020)0329),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2020 bit-titolu "Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur" (COM(2020)0789),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Novembru 2020 bit-titlu "Strateġija tal-UE biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta għal futur newtrali għall-klima" (COM(2020)0741),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 bit-titolu dwar l-isfruttament tal-potenzjal ta' riċerka u innovazzjoni fl-ekonomija blu biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi[11],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2018 bit-titolu "Governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna fil-kuntest tal-SDGs 2030"[12],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-impatt tal-iskart fil-baħar fuq is-sajd[13],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta ' Settembru2021 dwar approċċ ġdid tal-istrateġija marittima għall-Atlantiku[14],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-impatt tal-parks eoliċi fuq il-baħar u ta' sistemi oħra ta' enerġija rinnovabbli fuq is-settur tas-sajd[15],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2021 bit-titolu "Lejn sħubija aktar b'saħħitha mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE"[16],

 wara li kkunsidra l-ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),  Wara li kkunsidra l-linji gwida globali u l-istandards internazzjonali għas-sajd u l-akkwakultura kif żviluppati mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-NU f'kooperazzjoni mal-UE bħala membru,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-FAO bit-titolu "The State of World Fisheries and Aquaculture 2020: Sustainability in Action" (L-Istat tas-Sajd u l-Akkwakultura fid-Dinja 2020: Is-Sostenibbiltà fl-Azzjoni),

 wara li kkunsidra l-linji gwida u l-istandards internazzjonali għas-sajd u l-akkwakultura mfassla mill-FAO bil-kontribut tal-UE fil-kapaċità tagħha bħala membru,

  wara li kkunsidra l-inizjattiva tan-Network tal-Portijiet tas-Sajd Blu mnedija f'Lulju 2018 mill-FAO,

 wara li kkunsidra l-Istrateġiji tat-Tkabbir Blu tal-Port ta' Vigo għall-2016-2020 u l-2021-2027[17],

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni rigward il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar approċċ ġdid għal ekonomija blu sostenibbli fl-UE – It-trasformazzjoni tal-Ekonomija Blu tal-UE għal Futur Sostenibbli (COM(2021)0240),

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-2 ta' Diċembru 2021 dwar l-ekonomija blu sostenibbli u l-akkwakultura (NAT-VVI/020),

 wara li kkunsidra l-kompetenza tal-Kumitat tiegħu għat-Trasport u t-Turiżmu dwar l-ipprogrammar marittimu u politika marittima integrata,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0089/2022),

A. billi l-ekonomija blu tal-UE tipprovdi 4.5 miljun impjieg dirett u tinkludi l-industriji u s-setturi kollha relatati mal-oċeani, l-ibħra u l-kosti, kemm jekk huma bbażati fl-ambjent tal-baħar (bħat-tbaħħir, it-trasport tal-passiġġieri fuq il-baħar, is-sajd u l-ġenerazzjoni tal-enerġija) kif ukoll fuq l-art (bħall-portijiet, it-tarzni, it-turiżmu kostali u l-akkwakultura bbażata fuq l-art); billi dan huwa segment tal-ekonomija tagħna wiesa' u li qed jinbidel malajr, li ħa passi sinifikanti biex jiġi modernizzat u diversifikat matul l-aħħar għaxar snin, u li se jkollu rwol importanti fit-titjib tal-iżvilupp ambjentali, soċjali u ekonomiku;

B. billi jekk l-ekonomija blu globali titqabbel ma' ekonomija nazzjonali, tkun is-seba' l-akbar fid-dinja, u l-oċean, bħala entità ekonomika, ikun membru tal-G7; billi topera fl-akbar ekosistema tal-pjaneta, peress li l-oċeani għandhom 80 % tal-forom kollha tal-ħajja; billi l-oċean jiċċirkondana u jmantnina u jipprovdi riżorsi kritiċi għas-saħħa tal-bniedem, biex ma nsemmux xibka ta' interazzjonijiet ekonomiċi;

C. billi l-iżvilupp tal-ekonomija blu jista' jippromwovi sew it-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku, kif ukoll il-ħolqien tal-impjiegi, l-aktar fil-pajjiżi u r-reġjuni kostali u dawk tal-gżejjer u fir-reġjuni ultraperifiċi;

D. billi s-settur tas-sajd, b'mod partikolari s-sajd fuq skala żgħira, kostali u artiġjanali, ma ġiex ikkunsidrat biżżejjed fl-istrateġija tal-UE għall-ekonomija blu;

E. billi l-ekonomija blu se tipprovdi wkoll prospetti ġodda u toħloq l-impjiegi, b'mod partikolari f'oqsma bħall-enerġija mill-oċeani, il-bijoekonomija blu, il-bijoteknoloġija u d-desalinazzjoni;

F. billi l-prijoritajiet settorjali għall-iżvilupp tal-ekonomija blu jistgħu jvarjaw bejn Stat Membru u ieħor, u jiddependu minn naħa, fuq ir-rekord tal-iżvilupp tas-setturi tradizzjonali jew stabbiliti u, min-naħa l-oħra, fuq ir-riżorsi attwali u l-potenzjal ta' żvilupp tas-setturi emerġenti f'kull Stat Membru;

G. billi l-isfruttament tal-potenzjal tal-ekonomija blu ma jridx iservi bħala pretest biex l-ibħra u l-oċeani jiġu soġġetti għal forom ta' sfruttament tar-riżorsi u mudelli ta' tkabbir li diġà wrew li mhumiex sostenibbli; billi r-riżorsi tal-baħar u tal-oċeani jridu jintużaw strettament f'konformità mal-ħtieġa tal-ġestjoni u l-konservazzjoni tajba tagħhom, mingħajr ma jinbidlu l-bilanċi tal-ekosistema tal-baħar;

H. billi d-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu tiddikjara li l-Istati Membri jeħtiġilhom iqisu l-interazzjonijiet tal-attivitajiet u l-użi bħall-akkwakultura, is-sajd, u l-installazzjonijiet u l-infrastrutturi għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, kif ukoll il-kejbils sottomarini, u jippromwovu l-koeżistenza ta' attivitajiet rilevanti u japplikaw approċċ ibbażat fuq l-ekosistema;

I. billi ekonomija blu li tiżviluppa fil-limiti ekoloġiċi, u b'hekk mhux biss is-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, iżda s-setturi tal-baħar kollha kkonċernati, iridu jirrispettaw bl-istess mod il-pilastri ambjentali, soċjali u ekonomiċi b'mod ugwali, sabiex jitqiesu bħala sostenibbli;

J. billi l-politika komuni tas-sajd (PKS) tfittex li tiggarantixxi l-konservazzjoni u l-ġestjoni xierqa tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u li jiġu ġestiti b'mod li jkun konsistenti mal-objettivi għall-ksib ta' benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel;

K. billi l-PKS għandha tikkontribwixxi għat-tkabbir tal-produttività u għal standard ta' għajxien deċenti fis-settur tas-sajd, inkluż is-settur tas-sajd fuq skala żgħira, kif ukoll swieq stabbli, u għandha tiżgura d-disponibbiltà tal-ikel;

L. billi, skont l-SDG 14, huwa essenzjali li jiġu kkonservati l-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar u li jiġi promoss l-użu sostenibbli tagħhom, filwaqt li skont l-SDG 2, huwa essenzjali li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-ikel; billi s-sottomira 14.1 tistabbilixxi l-objettiv tal-prevenzjoni u t-tnaqqis sinifikanti tat-tniġġis tal-baħar ta' kull tip sal-2025, b'mod partikolari minn attivitajiet ibbażati fuq l-art, inklużi skart fil-baħar u tniġġis tan-nutrijenti;

M. billi l-oċean huwa kruċjali għall-ħajja fid-dinja, u jipproduċi 50 % tal-ossiġenu fl-atmosfera, jassorbi madwar 25 % tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju prodotti mill-bniedem u 90 % tas-sħana eċċessiva fis-sistema klimatika, u għar-regolamentazzjoni tal-klima globali[18];

N. billi r-restawr, il-preservazzjoni, il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità tal-baħar huma fundamentali għas-saħħa tal-oċeani, li fihom miljuni ta' speċijiet, għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pjaneta u għall-provvista tal-bażi għall-attivitajiet ekonomiċi tal-baħar u marittimi;

O. billi l-ġbir ta' data għall-monitoraġġ xjentifiku u l-valutazzjoni tal-istokkijiet fl-ibħra u fl-oċeani, inkluża l-evalwazzjoni ta' jekk dawn l-istokkijiet humiex fil-limiti bijoloġiċi sikuri, huwa fundamentali għall-ġestjoni sostenibbli tagħhom;

P. billi partijiet sinifikanti tal-oċeani u tal-qiegħ tal-baħar għadhom ma ġewx esplorati, b'mod partikolari l-baħar fond, u billi hija meħtieġa aktar riċerka biex jiġi żgurat li kwalunkwe attività taħt l-ekonomija blu tkun kompletament sostenibbli;

Q. billi s-sajd u l-akkwakultura huma setturi ewlenin fl-ekonomija blu u huma sors importanti ta' proteini u mikronutrijenti li huma essenzjali għas-sigurtà tal-ikel u s-saħħa tal-bniedem;

R. billi l-bijodiversità tal-baħar fl-Ewropa tinsab taħt pressjoni, bi proporzjon għoli ta' speċijiet u ħabitats tal-baħar ivvalutati bħala li jinsabu fi stat ta' konservazzjoni "mhux favorevoli" jew "mhux magħruf"; billi t-telfien tal-bijodiversità tal-baħar qed ikollu impatt ambjentali, soċjali u ekonomiku kbir fuq is-settur tas-sajd tal-UE, fuq it-territorji kostali u tal-gżejjer u fuq ir-reġjuni ultraperifiċi u għalhekk irid jitreġġa' lura; billi l-bijodiversità trid terġa' tiġi restawrata f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha, u b'mod partikolari mas-settur tas-sajd u mal-komunità xjentifika;

S. billi l-komunitajiet kostali u tal-gżejjer huma partijiet ikkonċernati ewlenin fid-dibattitu dwar il-potenzjal tal-ekonomija blu u l-modi kif din tista' tiġi sfruttata;

T. billi s-sajjieda u l-pixxikulturi tal-UE għandhom rwol essenzjali madwar l-UE fil-protezzjoni u l-promozzjoni tal-identità territorjali, tat-tradizzjonijiet kulturali, tas-sigurtà tal-ikel, tal-impjiegi u tal-introjtu;

U. billi s-sajd artiġjanali fuq skala żgħira għandu karatteristiċi u ħtiġijiet speċifiċi;

V. billi s-settur tas-sajd rikreattiv jista' jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tal-introjtu tal-komunitajiet kostali bħala attività ta' turiżmu ta' valur għoli u sostenibbli;

W. billi n-nisa għandhom rwol importanti fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura; billi hemm bżonn li tiżdied il-viżibbiltà tagħhom u li jiġi żgurat aċċess ugwali għall-impjiegi fis-settur, kif ukoll rikonoxximent legali xieraq;

X. billi l-Għanijiet ta' Żvilupp sostenibbli (SDGs) tan-NU 3, 6, 9 u 12 jissottolinjaw l-importanza tas-saħħa tal-annimali, il-kwalità tajba tal-ilma, l-innovazzjoni sostenibbli u l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli fl-ekonomija blu;

Y. billi s-saħħa u l-benesseri tal-annimali akkwatiċi huma marbuta mal-kwalità tal-prodotti tal-ikel; billi t-trattament xieraq u t-trobbija ħżiena tal-annimali jistgħu jżidu r-riskju ta' mard;

Z. billi l-agrikoltura tal-art għandha impatt sinifikanti fuq l-ekosistemi u s-sajd tal-baħar, b'mod partikolari l-użu ta' fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu u l-ewtrofikazzjoni ta' ambjenti akkwatiċi;

AA. billi s-sajjieda għandhom rwol importanti ħafna fil-ġbir ta' skart abbandunat fil-baħar, kemm jekk billi jwettqu kampanji mmirati jew billi jiġbru l-iskart b'mod aċċidentali matul l-operazzjonijiet tas-sajd;

AB. billi l-objettivi tal-2020 li jinkiseb status ambjentali tajjeb għall-ibħra Ewropej u li jintemm is-sajd eċċessiv ma ntlaħqux;

AC. billi, fl-2018, is-settur tas-sajd tal-UE kien responsabbli għal madwar 163 600 impjieg, bi flotot li qabdu madwar 4.1 miljun tunnellata ta' ħut ħaj fl-2019; billi, fl-EU-27, fl-2018 ġew prodotti 1.1 miljun tunnellata ta' organiżmi akkwatiċi b'valur ta' EUR 3.7 biljun[19];

AD. billi l-UE hija importatur nett tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura u għadha tiddependi mill-importazzjonijiet għall-biċċa l-kbira tal-konsum tal-ikel akkwatiku tagħha, li jammonta għal 34 % tal-valur globali tal-importazzjonijiet fl-2018; billi l-importazzjonijiet tas-sajd tal-UE jridu tal-inqas jirrispettaw standards ta' sostenibbiltà simili għal dawk fl-UE; billi l-importazzjonijiet tas-sajd tal-UE jridu jkunu marbuta direttament ma' impjiegi sostenibbli fis-setturi tal-importazzjoni, tal-ipproċessar u tal-bejgħ bl-imnut;

AE. billi l-komunitajiet tas-sajd, tal-akkwakultura u kostali tal-UE diġà ntlaqtu mill-effetti tat-tibdil fil-klima; billi l-kriżi klimatika kellha impatt sinifikanti fuq is-saħħa tal-ibħra tal-Ewropa b'effetti detrimentali fuq ir-reżiljenza tal-ekonomija blu, b'mod partikolari s-sajd u l-akkwakultura;

AF. billi diversi setturi tal-ekonomija blu ġew affettwati mill-pandemija tal-COVID-19, b'mod partikolari t-turiżmu kostali u marittimu; billi l-ekonomija blu tista' tgħin biex issewwi d-dannu ekonomiku u soċjali kkawżat mill-kriżi attwali;

AG. billi l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt ekonomiku sinifikanti fuq dawk impjegati fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura minħabba l-effetti kkombinati ta' domanda li qed tonqos u nuqqas ta' kundizzjonijiet f'bosta bastimenti biex ikun hemm sikurezza fejn tidħol is-saħħa; billi t-tfixkil fis-suq ikkawżat mill-pandemija affettwa b'mod negattiv lis-sajjieda madwar l-UE kollha; billi s-sajjieda xorta rnexxielhom jipprovdu provvista tal-ikel ta' kwalità għolja u għal dik ir-raġuni, trid tingħata attenzjoni speċjali lis-sajjieda minħabba l-importanza tagħhom għas-sigurtà tal-provvista tal-ikel fl-UE;

AH. billi s-sitwazzjoni tal-pandemija wriet l-importanza ta' ambjent reżiljenti, appoġġjat minn prattiki sostenibbli fil-ġestjoni tar-riżorsi tiegħu, għas-saħħa globali u għall-futur tas-sistemi tal-ikel;

AI. billi l-komunitajiet kostali jeħtiġilhom jiddiversifikaw is-sorsi tal-introjtu tagħhom sabiex jifilħu għax-xokkijiet ekonomiċi u soċjali;

AJ billi, meta jiddiversifikaw is-sorsi ta' introjtu tagħhom, il-komunitajiet kostali u remoti jeħtieġ li jibnu reżiljenza għal xokkijiet bħal dawk ikkawżati mit-tibdil fil-klima;

AK. billi t-turiżmu marittimu u kostali jikkostitwixxi pilastru tal-ekonomija blu, b'aktar minn nofs l-akkomodazzjoni turistika tal-UE li tinsab f'żoni kostali u 30 % tal-iljieli jseħħu f'postijiet ta' villeġġatura qrib il-bajjiet; billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn (COM(2020)0550) tissottolinja l-importanza tal-protezzjoni u r-restawr tal-kapital naturali tal-art u tal-baħar tal-Ewropa;

AL. billi t-turiżmu marittimu u kostali jirrappreżenta 60 % tal-impjiegi fl-ekonomija blu; billi ekonomija blu kompetittiva, reżiljenti u soċjalment ġusta teħtieġ professjonisti bi kwalifiki għoljin u b'livell għoli ta' ħiliet; billi l-"impjiegi blu" jistgħu jippromwovu t-tkabbir u l-opportunitajiet tal-karriera;

AM. billi t-turiżmu tas-sajd bil-qasba bħala settur għandu l-potenzjal li jkun sors ġdid ta' introjtu għall-komunitajiet kostali, filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà u l-istatus tajjeb tal-istokkijiet tal-ħut u jipprovdi benefiċċji soċjali u tas-saħħa;

AN. billi s-sajd rikreattiv diġà huwa għażla ta' turiżmu sostenibbli u ta' valur għoli u attività komplementari għal bosta komunitajiet madwar l-Ewropa; billi kien hemm interess dejjem akbar fis-sajd rikreattiv f'bosta pajjiżi, b'mod partikolari wara l-pandemija tal-COVID-19;

AO. billi fir-reġjuni kostali, l-iżvilupp ta' infrastruttura sostenibbli se jgħin biex jiġu ppreżervati l-bijodiversità, l-ekosistemi u l-pajsaġġi kostali, li se jsaħħaħ l-iżvilupp sostenibbli tat-turiżmu u tal-ekonomiji kostali;

AP. billi l-ekonomija blu għandha rwol ewlieni fil-prosperità tar-reġjuni ultraperiferiċi, li, minħabba l-iżolament tagħhom, jiddependu b'mod speċjali minn attivitajiet ibbażati fuq l-ekonomija blu, bħat-trasport marittimu, it-tbaħħir, u t-turiżmu;

AQ. billi l-portijiet għandhom rwol essenzjali fl-ilħuq tal-objettivi tal-ekonomija blu sostenibbli, u billi ż-żieda tas-sostenibbiltà tal-portijiet se tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli tal-komunitajiet kostali; billi l-portijiet huma ċentru importanti għat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri fir-reġjuni ultraperiferiċi;

AR. billi l-portijiet huma kruċjali għall-konnettività u l-ekonomija tar-reġjuni u l-pajjiżi u għandhom rwol importanti fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, li jikkontribwixxi għall-indirizzar tat-telfien tal-bijodiversità, kif iddikjarat fl-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-bijodiversità għall-2030; billi r-rwol tal-portijiet se jevolvi wkoll hekk kif tinbidel ix-xena industrijali tal-Ewropa (pereżempju bl-espansjoni tal-enerġija tal-baħar);

AS. billi t-tarzni tal-UE jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet li jirriżultaw mis-suq innovattiv li qed jikber malajr għal bastimenti ta' servizz effiċjenti fl-użu tal-enerġija;

AT. billi attivitajiet differenti relatati mal-ekonomija blu fi spazju wieħed jiġġeneraw kunflitti ta' kompetizzjoni, tniġġis u ġestjoni tal-ispazju tal-baħar li jaffettwaw l-aktar l-attivitajiet tas-sajd, b'mod partikolari s-sajd fuq skala żgħira u l-komunitajiet kostali; billi l-ippjanar tal-ispazju marittimu huwa kruċjali biex jiġu evitati kunflitti dejjem akbar fil-kompetizzjoni u fil-ġestjoni tal-ispazju tal-baħar;

AU. billi, permezz tal-pjanijiet tal-ispazju marittimu tagħhom, l-Istati Membri għandu jkollhom l-għan li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tas-setturi tal-enerġija fil-baħar, tat-trasport marittimu, tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, u l-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-ambjent, inkluża r-reżiljenza għall-impatti tat-tibdil fil-klima; billi, f'dan ir-rigward, l-interessi tas-sajd u tal-akkwakultura għandhom jingħataw attenzjoni speċjali u ma għandhomx jiġu marġinalizzati hekk kif l-Istati Membri jkomplu l-ħidma u r-reviżjonijiet sussegwenti tagħhom tal-pjanijiet tal-ispazju marittimu nazzjonali;

AV. billi l-għan tal-Ftehim ta' Pariġi huwa li jillimita t-tisħin globali għal ferm inqas minn 2 °C, preferibbilment għal 1.5 °C, meta mqabbel mal-livelli preindustrijali;

AW. billi r-Rapport Speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima dwar l-Oċean u l-Krijosfera fil-Kuntest tat-Tibdil fil-Klima juri l-benefiċċji li jinkisbu meta l-għarfien xjentifiku jingħaqad mal-għarfien lokali u indiġenu biex tittejjeb ir-reżiljenza;

AX. billi l-UE għandha l-għan li ssir newtrali għall-klima sa mhux aktar tard mill-2050, f'konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku; billi l-UE pproponiet il-mira li l-emissjonijiet ta' gassijiet serra jitnaqqsu b'tal-inqas 55 % sal-2030; billi l-enerġija tal-baħar hija waħda mill-għażliet li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu biex jilħqu din il-mira; billi għandu jkollha rwol ewlieni fl-ilħuq ta' dawn l-objettivi permezz ta' approċċ integrat li jqis it-tliet pilastri tas-sostenibbiltà;

AY. billi jeħtieġ li titfassal proposta għal miri legalment vinkolanti għar-restawr tan-natura fil-qafas tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030 f'konformità mal-objettiv tal-protezzjoni ta' 30 % taż-żona marittima tal-UE, li minnha 10 % għandhom ikunu soġġetti għal miżuri stretti ta' konservazzjoni;

AZ. billi hemm bżonn ta' linji gwida speċifiċi u ppjanar sod għal kull wieħed mir-reġjuni marittimi tal-UE fir-rigward tal-objettivi li għandhom jintlaħqu fiż-żoni ta' konservazzjoni tal-baħar;

BA. billi r-reġjuni ultraperiferiċi huma laboratorji naturali ġenwini, rikki fil-bijodiversità u huma santwarji naturali reali li jeħtieġu protezzjoni urġenti, speċjalment minħabba n-natura tagħhom li hija l-aktar arċipelaġika u b'żoni kostali sinifikanti;

BB. billi l-ġestjoni tal-ekosistemi tirrikjedi approċċ olistiku li jqis il-kawżi kollha tat-telfien tal-bijodiversità, bħat-tibdil fil-klima, l-aċidifikazzjoni tal-oċeani, id-dehra ta' speċijiet aljeni, l-erożjoni kostali, eċċ.; billi huwa meħtieġ li jkun hemm viżjoni globali, qafas u approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar;

BC. billi t-tibdil fil-klima qiegħed ibiddel dejjem aktar ix-xejriet ta' distribuzzjoni u tal-migrazzjoni tad-diversi speċijiet ta' ħut u jolqot is-sajd fuq skala żgħira fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma aktar vulnerabbli għall-effetti tiegħu;

BD. billi s-sajd illegali huwa theddida kbira għar-riżorsi tal-baħar, peress li jnaqqas l-istokkijiet tal-ħut, jeqred il-ħabitats tal-baħar billi joħloq kompetizzjoni inġusta u jpoġġi l-għajxien tal-komunitajiet kostali u s-sajd fil-gżejjer f'riskju;

BE. billi huwa essenzjali li l-Istati Membri jimplimentaw reġim tal-UE għall-kontroll tas-sajd li jkun sempliċi, trasparenti u effettiv sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri tas-sostenibbiltà tas-settur;

BF. billi, fir-rigward tad-diversifikazzjoni tal-konsum, titjib fit-traċċabbiltà flimkien ma' aċċess għall-informazzjoni dwar il-valuri nutrizzjonali, il-provenjenza u l-post tal-produzzjoni huwa fundamentali għall-imġiba tal-konsumatur;

Approċċ globali għall-ekonomija blu tal-UE

1. Jilqa' l-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni għal ekonomija blu tal-UE sostenibbli; jesprimi dispjaċir, madankollu, għan-nuqqas ta' objettivi speċifiċi għal setturi differenti, b'mod partikolari s-sajd u l-akkwakultura bħala setturi importanti fl-ekonomija blu; jirrimarka li proposti leġiżlattivi u pjanijiet ta' azzjoni ġodda dejjem iridu jkunu bbażati fuq l-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli u fuq valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, soċjali u ekonomiku;

2. Jappella għal definizzjoni wiesgħa tal-ekonomija blu li tinkludi l-attivitajiet settorjali u intersettorjali kollha relatati mal-oċeani, l-ibħra u ż-żoni kostali, inklużi attivitajiet ta' appoġġ dirett u indirett, u li fihom is-settur tas-sajd jitqies kif xieraq; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza trażversali tal-innovazzjoni għal dawn l-attivitajiet kollha, kemm jekk ikunu tradizzjonali kif ukoll jekk emerġenti;

3. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi promoss approċċ integrat għas-setturi differenti tal-ekonomija blu, li jirrikonoxxi u jirrispetta l-prijoritajiet tal-Istati Membri differenti u jappoġġjahom fl-iżvilupp ta' dawn il-prijoritajiet;

4. Jenfasizza l-fatt li s-settur tal-ekonomija blu għandu rwol kruċjali, b'mod partikolari fir-reġjuni ultraperifiċi, u jista' jikkontribwixxi sabiex itaffi t-tibdil fil-klima, jippromwovi soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u jtejjeb l-użu ta' riżorsi marittimi u akkwatiċi;

5. Jiġbed l-attenzjoni għax-xejriet negattivi u d-deterjorament ċar ta' wħud mis-setturi aktar tradizzjonali tal-ekonomija blu (bħal fosthom is-sajd u l-bini u t-tiswija tal-vapuri), speċjalment f'reġjuni fejn għandhom rwol ta' attivitajiet ta' ankra awtentiċi, li jixprunaw l-attivitajiet ekonomiċi kemm upstream kif ukoll downstream, joħolqu l-impjiegi u jippromwovu l-iżvilupp; iqis li kwalunkwe strateġija tal-ekonomija blu ma għandhiex twarrab dawn l-attivitajiet u r-reġjuni, u għandha tenfasizza l-potenzjal tal-innovazzjoni fit-treġġigħ lura tad-deterjorament irreġistrat;

6. Jenfasizza li t-trawwim tal-ekonomija blu huwa essenzjali biex l-ekonomija kollha kemm hi terġa' tingħata l-ħajja u jitreġġgħu lura l-aspetti ekonomiċi u soċjali ta' diversi setturi, bħat-trasport u t-turiżmu, li ġew affettwati severament mill-pandemija tal-COVID-19;

7. Jappella għal implimentazzjoni mtejba u aktar ikkoordinata tal-istrumenti finanzjarji kollha disponibbli, inklużi l-fondi strutturali u ta' investiment, biex tiġi promossa aħjar l-istrateġija għall-ekonomija blu;

8. Jistieden lill-Kummissjoni, f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tkejjel il-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur tas-sajd fil-kuntest tal-finanzjament tal-ekonomija blu (fil-livell settorjali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew) bil-għan li twettaq il-potenzjal tagħha ta' tkabbir u ħolqien tal-impjiegi;

9. Jisħaq li l-iżvilupp tal-ekonomija blu jirrikjedi investiment akbar fl-għarfien u li sabiex jittejjeb l-fehim tal-ambjent marittimu, l-UE u l-Istati Membri jeħtiġilhom jipprovdu finanzjament sostanzjali skont arranġamenti għall-kontinwità u l-prevedibbiltà matul fuq perjodu ta' żmien twil;

10. Jenfasizza l-ħtieġa ta' appoġġ finanzjarju xieraq għall-ekonomija blu biex jippermetti investimenti fuq skala kbira fir-riċerka, fit-teknoloġija u fl-infrastruttura fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-industrija, għalhekk, jevalwaw il-benefiċċju tal-istabbiliment ta' sħubijiet tal-UE għat-trasport marittimu, inkluż mas-settur privat, fil-livell tal-UE u dak internazzjonali sabiex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-kummerċ internazzjonali u tal-katina tal-provvista, jitrawmu l-innovazzjoni u l-kompetittività fis-settur, ikun hemm kontribut għad-dekarbonizzazzjoni, tinħoloq infrastruttura għall-enerġija mix-xatt, għat-tagħbija u għall-provvista ta' fjuwils alternattivi fil-portijiet u fit-terminals tal-merkanzija, u jiġu żviluppati pjanijiet għall-immaniġġjar tal-iskart għall-portijiet tal-Atlantiku, tal-Mediterran u tal-Baltiku; jilqa' għalhekk l-istabbiliment tas-Sħubija Ewropea għal ekonomija blu newtrali għall-klima, sostenibbli u produttiva, li għandha l-għan li tallinja l-prijoritajiet nazzjonali, reġjonali u tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni;

11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu proġetti ġodda u strumenti ġodda għall-partijiet ikkonċernati kollha tal-ekonomija blu biex jibbażaw l-attivitajiet tagħhom fuq l-użu responsabbli u sostenibbli tar-riżorsi naturali, id-dekarbonizzazzjoni u l-ekonomija ċirkolari; jenfasizza li l-ekonomija blu sostenibbli trid tiżviluppa fi ħdan il-limiti ekoloġiċi, tkun ibbażata fuq parir xjentifiku u trawwem ambjent tal-baħar b'saħħtu;

12. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi implimentat approċċ integrat u bbażat fuq l-ekosistema għas-setturi kollha tal-ekonomija blu;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, ibbażati fuq it-twettiq ta' valutazzjonijiet tal-impatt xierqa ta' dawn l-inizjattivi fuq is-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, u l-iżgurar li l-ekonomija blu ssir il-pilastru bażiku biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-istrateġiji sussegwenti relatati tal-UE; jisħaq li t-trasformazzjoni li l-ekonomija blu jeħtieġ li tgħaddi minnha se tixpruna l-innovazzjoni u tistimula l-ħolqien tal-impjiegi u l-opportunitajiet ekonomiċi;

14. Jenfasizza li l-komunitajiet kostali u dawk dipendenti mill-oċeani jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' settur tal-ekonomija blu sostenibbli li jqis iċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom; jenfasizza li jistgħu jmexxu proġetti pilota varjati, bħal dwar it-teknoloġiji tal-enerġija tal-baħar, l-iżvilupp ta' attivitajiet ibbażati fuq in-natura u l-kontribut ta' sajd u akkwakultura sostenibbli għal sistemi tal-ikel tajbin għas-saħħa, reżiljenti u sikuri;

15. Iqis li l-komunitajiet kostali u tal-gżejjer, b'mod partikolari dawk involuti fis-sajd, għandhom ikunu involuti bis-sħiħ f'kull stadju fl-iżvilupp tal-ekonomija blu, u dan huwa kundizzjoni essenzjali għat-twettiq tal-potenzjal tagħha f'termini ta' innovazzjoni, impjiegi, prosperità u żvilupp sostenibbli;

16. Jissottolinja li huwa meħtieġ approċċ olistiku għas-setturi kollha tal-ekonomija blu li jqis kif xieraq l-interkonnessjonijiet tagħhom biex jiġi żgurat li l-attivitajiet ta' settur wieħed ma jfixklux jew joħolqu kunflitti mal-attivitajiet ta' settur ieħor; jinnota li dan huwa rilevanti wkoll għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' ppjanar tal-ispazju marittimu kollaborattiv, inklużiv u transsettorjali; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' ppjanar tal-ispazju marittimu effettiv u bbażat fuq l-ekosistema għall-ilħuq tal-objettivi ekoloġiċi, soċjali u ekonomiċi, fost l-oħrajn, fil-kuntest tat-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali għall-klima; huwa tal-fehma li l-ippjanar tal-ispazju marittimu se joħloq sinerġiji bejn is-setturi u jissalvagwardja l-għajxien tas-sajjieda; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-maġġoranza tal-Istati Membri dewmu l-istabbiliment ta' pjanijiet tal-ispazju marittimi kif meħtieġ skont id-Direttiva 2014/89/UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-rieżami tad-Direttiva fl-2022 jiġi ppreżentat fil-ħin u li takkumpanjah b'inizjattivi korrettivi, fejn meħtieġ;

17. Jissottolinja li l-inizjattivi li se jwasslu l-viżjoni l-ġdida tal-ekonomija blu sostenibbli fl-UE jridu jqisu l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar;

18. Jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti arranġamenti ta' sħubija bilaterali ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari ftehimiet għal sħubijiet tas-sajd sostenibbli u l-ġlieda kontra s-sajd IUU; jisħaq li l-arranġamenti ta' sħubija bilaterali għandhom ifittxu li jikkonformaw mal-ogħla kriterji ta' sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali u jkunu bbażati fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli;

19. Jinsab imħasseb bil-każijiet ta' sajd IUU barra mill-ilmijiet tal-UE; ifakkar fil-fatt li s-sajd IUU, iffaċilitat mill-prattika tal-bnadar ta' konvenjenza, jagħmel ħsara lis-sigurtà tal-ikel u lill-għajxien tal-popolazzjonijiet fil-pajjiżi kostali, filwaqt li jikkostitwixxi art fertili għall-piraterija; jitlob sistema globali b'saħħitha ta' sanzjonijiet deterrenti u approċċ multidirezzjonali għall-ġlieda kontra s-sajd IUU; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi llimitat l-użu tal-bnadar ta' konvenjenza u l-bdil tal-bandiera kif ukoll li jiġi indirizzat it-trażbord fuq il-baħar, sakemm dawn ikunu għodda importanti biex jingħalqu l-lakuni marbuta mal-IUU; jistieden lill-UE, fuq livell aktar ġenerali, issaħħaħ il-bini tal-kapaċitajiet tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni billi trawwem il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji nazzjonali, iżżid il-kooperazzjoni internazzjonali, ittejjeb is-sorveljanza tal-aġenti tas-sajd fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw bl-appoġġ mill-UE u tappoġġja ċ-ċentri u t-task forces reġjonali tal-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza;

20. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi miġġieled is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) b'mod li jkun kontinwu, effettiv u komprensiv; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina d-diskussjonijiet tagħha mal-istati tal-karta safra; jenfasizza l-importanza tat-traċċabbiltà tal-prodotti u l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' prodotti tal-baħar idderivati mis-sajd illegali; jistieden lill-Istati Membri jieħdu approċċ ġenwinament strett għall-ħatt l-art ta' dgħajjes minn pajjiżi terzi suspettati;

21. Jisħaq fuq l-importanza li jissaħħaħ id-djalogu mal-pajjiżi li jmissu mal-Mediterran, b'mod partikolari dawk fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tiegħu, u li tingħata spinta lill-finanzjament għal-linji tal-proġetti li jimmiraw il-kooperazzjoni internazzjonali fis-setturi tal-ekonomija blu (Interreg Next Med, il-Programm Interreg Euro-MED 2021-2027, Switch Med, eċċ.);

22. Jisħaq li xi flotot minn barra l-UE, is-sajd fl-istess żoni u l-esportazzjoni ta' prodotti tas-sajd lejn is-suq Ewropew għandhom standards ta' sostenibbiltà aktar baxxi, li jaffettwaw b'mod negattiv il-kompetittività tas-sajjieda Ewropej;

23. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi mal-prodotti importati minn pajjiżi terzi, filwaqt li jiġi żgurat li l-prodotti kollha tas-sajd u tal-akkwakultura kkunsmati fl-UE jiġu prodotti minn sistemi tal-ikel sostenibbli u jikkonformaw mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku; Jistieden lill-Kummissjoni tadotta l-miżuri kollha meħtieġa biex tiggarantixxi ambjent ta' kompetizzjoni ġusta ġenerali fi ħdan il-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u speċifikament fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE;

24. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jsaħħu d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaħdmu fuq bastimenti tal-UE, kif ukoll jiżguraw paga deċenti għal dawk kollha li jaħdmu fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura u għas-setturi l-oħra kollha tal-ekonomija blu;

25. Jissottolinja l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni u li jiġu kkoordinati azzjonijiet ma' fora multilaterali li għaddejjin bħalissa, bħall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, kif ukoll l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u proċessi internazzjonali u multilaterali relatati oħrajn, biex jiġu promossi l-protezzjoni, il-konservazzjoni, il-ġestjoni sostenibbli u r-restawr tal-bijodiversità tal-baħar u tal-ilma ħelu, filwaqt li jikkontribwixxu għal SDGs oħrajn; jisħaq li l-COP15 f'Kunming, iċ-Ċina, toffri opportunità tajba biex jintlaħaq qbil dwar miżuri globali f'dan ir-rigward;

26. Jieħu nota tal-objettiv tal-protezzjoni ta' 30 % tal-oċeani tal-pjaneta sal-2030, iżda jwissi li dan ma għandux isir a skapitu tas-sigurtà tal-ikel, tas-sajjieda u tal-produtturi tal-akkwakultura, tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali;

27. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni għad-deżinjazzjoni ta' tliet żoni tal-baħar protetti kbar fl-Oċean tan-Nofsinhar; jesprimi dispjaċir li l-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR) għal darb'oħra naqset milli tilħaq ftehim dwar dawn iż-żoni protetti fl-2021;

28. Jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala responsabbli biex jgħinu fl-identifikazzjoni u d-deżinjazzjoni, mal-Istati Membri, ta' żoni protetti tal-baħar addizzjonali;

29. Ifakkar fil-fatt li korp li qed jikber ta' riċerka, b'mod partikolari mir-Rapport Speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima dwar l-Oċean u l-Krijosfera f'kuntest ta' Klima li qed Tinbidel, juri li l-objettivi għall-bijodiversità u l-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima jintlaħqu aħjar meta s-sajjieda u l-komunitajiet lokali jkollhom kontroll dirett fuq il-ġestjoni tar-riżorsi li jiddependu minnhom; jisħaq fuq il-fatt li l-ekosistemi ġestiti mill-komunitajiet kostali huma fost dawk l-aktar rikki u l-aktar produttivi u jikkontribwixxu wkoll għall-adattament taż-żoni kostali għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima; jenfasizza r-riskji ta' ħtif tal-oċeani marbuta mal-ippjanar tal-ispazju marittimu; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li jiġi assigurat is-sajd fuq skala żgħira, li tiġi żgurata l-governanza responsabbli tal-pussess u li l-benefiċjarji tal-impriżi tal-UE li joperaw fis-settur tal-ekonomija blu jinżammu responsabbli jekk l-attivitajiet tagħhom jiksru d-drittijiet tal-bniedem;

30. Jistieden lill-UE u lill-pajjiżi sħab jiddependu mill-għarfien espert indiġenu fl-istrateġiji tagħhom għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u jippromwovu b'mod attiv il-ġestjoni parteċipattiva, li wriet l-effikaċja tagħha biex iżżid ir-reżiljenza tal-komunitajiet kostali;

31. Iqis li l-governanza internazzjonali tal-oċeani għandha tadotta approċċ intersettorjali għall-ekonomija blu, filwaqt li tiżgura trattament ugwali għall-attivitajiet ekonomiċi marittimi kollha; jappoġġja l-oċean li qed jiġi rikonoxxut bħala assi kondiviż tal-umanità, u jitlob ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli (SFPAs) li dejjem ikunu konformi mal-SDGs tal-2030, mal-obbligi u l-objettivi ambjentali tal-UE u mal-obbligi u l-objettivi tal-PKS;

32. Jesprimi tħassib li l-appoġġ settorjali pprovdut mill-SFPAs ħafna drabi ma jkunx ta' benefiċċju dirett għall-komunitajiet tas-sajd u kostali lokali f'pajjiżi terzi u jistieden, għalhekk lill-Kummissjoni torbot l-SFPAs mill-qrib mal-programmazzjoni tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli;

33. Jenfasizza li l-SFPAs iridu jsiru għodda għall-iżvilupp tal-ekonomiji blu lokali; iqis li, minħabba data insuffiċjenti, huwa diffiċli li ssir evalwazzjoni ta' kemm l-SFPAs jikkontribwixxu biex jinkisbu l-SDGs fil-pajjiżi sħab; iħeġġeġ lill-UE żżid l-obbligi ta' trasparenza, il-ġbir tad-data (b'mod partikolari dwar il-qabdiet, ir-reġistrazzjonijiet tal-bastimenti u l-kundizzjonijiet ta' xogħol) u ta' rapportar fl-SFPAs u tistabbilixxi bażi tad-data soċjoekonomika ċentralizzata tal-bastimenti kollha tal-UE, ikun fejn ikun il-post fejn joperaw;

34. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu inklużi l-partijiet ikkonċernati kollha fin-negozjati tal-SFPA u matul il-perjodu ta' implimentazzjoni tagħhom u li jiġi żgurat li jitqiesu l-bżonnijiet tal-komunitajiet li l-aktar intlaqtu minn dawn is-sħubijiet;

35. Jiddeplora n-nuqqas ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tal-użu korrett tal-finanzjament; huwa inkwetat minħabba l-fatt li l-appoġġ settorjali fl-ambitu tal-SFPAs ħafna drabi ma jġibx benefiċċju dirett lis-sajjieda fuq skala żgħira; jistieden lill-Kummissjoni torbot mill-qrib l-SFPAs mal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE, bil-għan li jitjieb il-valur miżjud għall-komunitajiet kostali; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tippubblika, b'mod proattiv, ir-rapporti annwali dwar il-modi kif jintuża l-appoġġ settorjali sabiex jiġi ttraċċat aħjar l-użu tal-flus pubbliċi tal-UE;

36. Jilqa' r-rwol tal-konvenzjonijiet marittimi reġjonali u tal-organizzazzjonijiet reġjonali dwar il-ġestjoni tas-sajd (RFMOs); jistieden lill-Kummissjoni tressaq mandati ambizzjużi għall-RFMOs bil-għan li tipproteġi r-riżorsi tas-sajd fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fl-ibħra internazzjonali, b'mod partikolari bis-saħħa tat-titjib tal-ġestjoni tal-istokkijiet għal speċijiet bħat-tonn tropikali, bit-tnaqqis tal-qbid skartat, bl-applikazzjoni tal-approċċ ta' prekawzjoni biex tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-ispeċijiet fil-periklu u tal-ekosistemi tal-baħar vulnerabbli, kif ukoll bit-titjib tad-data disponibbli, tal-konformità u tat-trasparenza tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

37. Jitlob, fuq livell aktar ġenerali, li jitjiebu l-prattiki tal-ġestjoni tas-sajd u tal-monitoraġġ u l-iżvilupp ta' ekotikkettar u ta' teknoloġiji ġodda bħall-blockchain, sabiex tittejjeb it-traċċabbiltà tal-prodotti;

38. Jistieden lill-UE tforni assistenza teknika lill-produtturi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment lill-produtturi fuq skala żgħira;

39. Ifakkar fil-fatt li l-Istati kollha involuti fis-sajd fl-Afrika tal-Punent għandhom jistabbilixxu RFMO – b'mod partikolari għall-isfruttament tal-istokkijiet komuni, bħal dawk ta' ħut pelaġiku żgħir – kif mitlub mid-dritt internazzjonali, mil-liġijiet nazzjonali rilevanti, mill-politiki tas-sajd pan-Afrikani u reġjonali u minn strumenti oħra; jemmen li din is-sistema ta' ġestjoni għandha tkun konformi ma' approċċ ta' prekawzjoni u bbażat fuq l-ekosistema, li jiżgura li l-qabdiet totali permissibbli jibqgħu fi ħdan il-limiti bijoloġiċi sikuri;

40. Iħeġġeġ lill-UE tippromwovi u tipproteġi b'mod effikaċi s-sajd fuq skala żgħira fl-Afrika, li huwa s-sors ewlieni ta' għajxien mill-oċean, bħala pedament tat-taskforce futura blu bejn l-UE u l-Afrika, bħall-finanzjament tal-implimentazzjoni tal-linji gwida internazzjonali tal-FAO dwar sajd sostenibbli fuq skala żgħira;

41. Jisħaq li l-produzzjoni ta' frakass tal-fdal tal-ħut u ta' żejt tal-ħuta, fost fatturi oħra, tista' tikkontribwixxi għas-sajd eċċessiv fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari fl-Afrika tal-Punent; jappella għal miżuri obbligatorji ta' diliġenza dovuta biex jiġi żgurat li l-katina tal-provvista kollha tal-industrija tal-prodotti tal-baħar tkun ġusta, għalkollox traċċabbli, ma tużax prodotti minn sajd IUU u ma tkunx marbuta ma' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż traffikar ta' bnedmin u skjavitù;

42. Jilqa' r-rwol tal-konvenzjonijiet tal-baħar reġjonali u tal-RFMOs fit-tisħiħ tal-governanza abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli, li għandu jkun faċilment disponibbli għall-operaturi kollha;

43. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq mandati ambizzjużi fl-RFMOs bil-għan li tipproteġi r-riżorsi tas-sajd fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fl-ilmijiet internazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tat-titjib tal-ġestjoni tal-istokkijiet għal speċijiet bħat-tonn tropikali, it-tnaqqis tal-qbid skartat, bl-applikazzjoni tal-approċċ ta' prekawzjoni biex tiġi protetta l-konservazzjoni tal-ispeċijiet fil-periklu, tal-ekosistemi tal-baħar vulnerabbli (VMEs), kif ukoll bit-titjib tad-disponibbiltà tad-data, tal-konformità u tat-trasparenza tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

44. Jistieden lill-Kummissjoni tfittex u tippromwovi b'mod attiv l-integrazzjoni tal-għanijiet ta' adattament għall-klima, u l-mitigazzjoni tagħha, fl-SFPAs tagħha u fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-RFMO;

45. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex itejbu l-governanza globali tas-sajd, b'mod partikolari permezz ta' mekkaniżmi bħall-Inizjattiva għat-Trasparenza tas-Sajd (FiTI);

46. Ifakkar fil-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi bbażata fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli u l-aħjar valutazzjonijiet tal-impatt soċjoekonomiku li trid tkun prijorità ewlenija għall-ilħuq tal-għanijiet tal-aġenda strateġika tal-UE u trid tkun ukoll inkluża fi ftehimiet ta' sħubija bilaterali;

47. Jenfasizza li l-ekonomija blu tinkludi bosta attivitajiet minbarra l-attivitajiet tradizzjonali, li l-iżvilupp ta' attivitajiet ġodda dejjem għandu jkun akkumpanjat minn studji tal-impatt, u li jrid jiġi adottat approċċ xjentifiku trasparenti kif ukoll konsultazzjonijiet effettivi u parteċipazzjoni ugwali mis-setturi kollha affettwati, biex tiġi ffaċilitata l-organizzazzjoni sostenibbli ta' dawn l-attivitajiet fi ħdan l-ekonomija blu;

48. Jenfasizza li s-settur marittimu huwa rabta ewlenija għall-konnettività internazzjonali, għas-sistema ta' negozjar globali, għall-ekonomija tal-UE, għall-kompetittività tagħha u għar-reġjuni tal-UE; jisħaq fuq l-importanza li jissaħħaħ ir-rwol tal-portijiet, il-ħtieġa ta' investimenti f'infrastruttura intelliġenti u l-iżvilupp u l-ġestjoni tal-portijiet, li għandhom ikomplu jżidu l-kapaċità tagħhom li jakkomodaw it-tkabbir tal-kummerċ;

49. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu f'portijiet li jinsabu tul il-kosta tal-UE biex jiffukaw fuq konnessjonijiet neqsin maż-żona ta' kummerċ, bl-objettivi ġenerali li t-trasport isir aktar reżiljenti u li l-portijiet jinbidlu fi pjattaformi loġistiċi u raggruppamenti strateġiċi għat-trasport multimodali, il-ġenerazzjoni, il-ħżin u d-distribuzzjoni tal-enerġija u t-turiżmu; jisħaq fuq l-importanza li tiġi inkluża miżura bbażata fuq is-suq bħala għan tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għat-tnaqqis tal-gassijiet serra mit-trasport marittimu sabiex tiġi implimentata skema ta' kumpens għal emissjonijiet ta' karbonju fit-tbaħħir internazzjonali u jiġi żgurat perkors realistiku għat-tnaqqis tal-emissjonijiet;

50. Jenfasizza li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija ta' mobbiltà sostenibbli u intelliġenti għandha l-għan li tqiegħed fis-suq l-ewwel bastimenti b'emissjonijiet żero sal-2030, u li l-UE diġà ffinanzjat riċerka sostanzjali dwar l-ibridizzazzjoni u l-elettrifikazzjoni tal-bastimenti permezz ta' Orizzont 2020; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għal bastimenti elettriċi għal rotot qosra;

51. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtemmu proġetti prijoritarji inkluż fin-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) għaż-żoni tal-Baħar Atlantiku, Mediterran u Baltiku, speċjalment f'żoni transfruntiera u bħala parti minn linji gwida futuri tat-TEN-T u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2021-2027, sabiex jiġi promoss, simplifikat u investit finanzjament adegwat fl-iżvilupp sħiħ ta' awtostradi tat-TEN-T tal-baħar biex jiġi integrat aħjar it-trasport marittimu fuq distanzi qosra għad-distribuzzjoni tal-merkanzija b'mod usa' permezz ta' portijiet li jgħaqqdu l-gżejjer mal-art kontinentali u sistema ta' trasport multimodali komprensiva; jisħaq li huwa essenzjali li jinħolqu ktajjen tat-trasport bla xkiel u sostenibbli għall-passiġġieri u l-merkanzija fil-modi kollha tat-trasport, u b'mod partikolari t-trasport bil-ferrovija, bil-baħar u fl-ilmijiet navigabbli interni; jemmen li l-proġetti għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tal-konnettività u l-aċċessibbiltà tar-reġjuni periferali, insulari u ultraperiferiċi fiż-żoni tal-Baħar Atlantiku, tal-Mediterran u tal-Baltiku;

52. Jenfasizza li l-portijiet jistgħu jintużaw biex jagħtu spinta lill-ekonomija blu, peress li għandhom rwol ewlieni fl-attivitajiet ekonomiċi ta' dan is-settur, u jiżguraw it-tranżizzjoni tiegħu lejn mobbiltà sostenibbli u intelliġenti f'konformità mal-prinċipji tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni talloka mill-ġdid aktar finanzjament tal-UE għat-titjib tal-effiċjenza tat-trasport, l-aċċessibbiltà ewlenija tal-portijiet tat-TEN-T u għat-tnaqqis tal-ispejjeż, inkluż l-investiment fit-tħammil kontinwu, l-approfondiment tal-kanali u miżuri oħra ta' bini tal-kapaċitajiet f'portijiet magħżula; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li huwa meħtieġ aktar investiment fl-infrastruttura portwarja sostenibbli u intelliġenti biex il-portijiet ikunu jistgħu jsiru ċentri ta' mobbiltà u trasport multimodali, kif ukoll ċentri tal-enerġija għal sistemi tal-elettriku integrati, għall-idroġenu u fjuwils alternattivi oħra, u jiġu ttestjati siti għall-użu mill-ġdid tal-iskart u l-ekonomija ċirkolari;

53. Jawgura lill-Port ta' Vigo li huwa l-port pijunier tal-UE li implimenta l-ewwel l-Istrateġija Ewropea għat-Tkabbir Blu;

54. Jilqa' l-inizjattiva tan-Network tal-Portijiet tas-Sajd Blu tal-FAO, li għandha l-għan li tfassal linji gwida dwar l-aħjar prattika internazzjonali għall-portijiet tas-sajd li jinsabu fil-proċess ta' tranżizzjoni lejn mudelli tal-ekonomija blu, sabiex tittejjeb is-sostenibbiltà tagħhom billi jiġi protett l-ambjent u jiġu promossi l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi; jappoġġja lill-FAO fl-istabbiliment ta' uffiċċju permanenti fil-Port ta' Vigo biex tiżviluppa u timmaniġġja Network Globali tal-Portijiet Blu;

Reżiljenza, kompetittività u impjiegi

55. Jirrikonoxxi li l-isforzi ta' rkupru tal-UE jridu jkunu ffukati fuq objettivi ta' sostenibbiltà, kompetittività u t-tkabbir; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' strumenti ta' finanzjament sostenibbli biex jixprunaw din it-tranżizzjoni, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-investiment pubbliku u privat;

56. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-iżvilupp sostenibbli ta' ktajjen tal-valur tas-sajd u tal-akkwakultura fuq skala żgħira, mis-sajjied sal-konsumatur, billi jippromwovu l-armonizzazzjoni ta' metodi tas-sajd u tal-akkwakultura selettivi, mhux qerrieda u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, billi jiffaċilitaw l-iskambju ta' għarfien mal-komunità tar-riċerka tal-UE u billi jippromwovu metodi ta' kummerċjalizzazzjoni sostenibbli għall-prodotti tas-sajd, filwaqt li jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi;

57. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi rikonoxxut il-valur soċjoekonomiku tas-sajd rikreattiv u l-kontribut tiegħu għal ekonomija blu sostenibbli fl-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar data u data aħjar dwar is-sajd rikreattiv, inkluż il-kontribut tiegħu għas-settur tat-turiżmu, l-interazzjonijiet tiegħu ma' sajjieda fuq skala żgħira, l-impatti ambjentali tiegħu, kif ukoll l-importanza soċjoekonomika tiegħu;

58. Jenfasizza l-importanza tas-sajd kostali fuq skala żgħira għall-ekonomija blu u għall-identità kulturali tal-komunitajiet fir-reġjuni kostali u fil-gżejjer;

59. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ kriterji trasparenti u oġġettivi kif stabbilit fl-Artikolu 17 tal-PKS meta jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd;

60. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex itejbu l-ġbir tad-data dwar is-sajd rikreattiv fil-baħar u fil-passaġġi fuq l-ilma ħelu u salmastru interni, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-impatt ambjenti u l-valur soċjoekonomiku ta' din l-attività, sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni ġusta u bilanċjata tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, u jiġi mħeġġeġ investiment akbar fl-iżvilupp ta' attivitajiet tal-komunità kostali;

61. Jisħaq fuq l-importanza ta' ppjanar tal-ispazju marittimu inklużiv biex tiġi mminimizzata l-kompetizzjoni għall-ispazju għad-detriment ta' attivitajiet oħra, bħas-sajd meta jiġu żviluppati attivitajiet ġodda tal-ekonomija blu; jenfasizza li s-sajd u l-akkwakultura għandhom rwol ċentrali u li dawn is-setturi jeħtiġilhom jingħataw viżibbiltà xierqa fl-ekonomija blu, u jappella għalhekk għal strateġija biex tiġi promossa l-interazzjoni bejn l-attivitajiet differenti tal-ekonomija blu marittima u terrestri b'mod li jkun ta' benefiċċju għalihom kollha;

62. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja l-iżvilupp ta' skemi ta' produzzjoni tal-enerġija mmexxija mill-komunità, li jippermettu lill-komunitajiet kostali, inklużi s-sajjieda, jipparteċipaw bis-sħiħ fl-ippjanar u fl-iżvilupp tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli filwaqt li jerġgħu jinvestu l-profitti lura fil-komunità lokali;

63. Jistieden lill-Istati Membri, f'konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-ippjanar tal-ispazju marittimu, biex jagħżlu żoni tas-sajd storiċi u tradizzjonali speċifiċi tas-sajjieda bħala żoni li għandhom jibqgħu ħielsa minn sorsi ta' enerġija tal-baħar;

64. Jisħaq li l-parks eoliċi lil hinn mill-kosta għandhom jinbnew biss jekk ikun jista' jiġi ggarantit li ma jkun hemm l-ebda impatt ambjentali u ekoloġiku negattiv, jew konsegwenzi ekonomiċi, soċjoekonomiċi u soċjokulturali fuq is-sajjieda u l-produtturi tal-akkwakultura, f'konformità mal-objettivi tal-ekonomija blu u tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

65. Jilqa' inizjattivi bħall-Osservatorju tal-Enerġija mir-Riħ tal-Baħar, forum imniedi mill-Gvern Reġjonali ta' Galicia biex jidentifika l-opportunitajiet u jibbilanċja l-użi tal-baħar li jistgħu jikkompetu ma' xulxin, billi jinkorpora s-settur industrijali, is-settur tas-sajd marittimu u l-entitajiet u l-organizzazzjonijiet assoċjati;

66. Jieħu nota tal-fatt li l-industrija estrattiva hija settur li qiegħed jikber fl-ekonomija blu tal-oċeani; jenfasizza li d-dmir tal-Istati li jastjenu milli jieħdu miżuri, fosthom proġetti ta' żvilupp fuq skala kbira, li jistgħu jolqtu negattivament il-mezzi ta' sussistenza tas-sajjieda fuq skala żgħira fl-ilmijiet interni u fil-baħar, it-territorji tagħhom jew id-drittijiet ta' aċċess tagħhom, u jenfasizza li għandhom id-dmir li jagħmlu valutazzjonijiet ex ante tal-proġetti tal-industrija estrattiva mmexxija minn entitajiet privati bil-għan li jiġi evalwat l-impatt negattiv possibbli tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-komunitajiet tas-sajjieda lokali;

67. Jappella għall-ħolqien ta' forum tal-UE għad-djalogu li jkun trasparenti u li jiżgura l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha u bilanċ tal-poter bejniethom sabiex titrawwem il-kooperazzjoni bejn is-setturi, il-kondiviżjoni tal-esperjenza u r-riżoluzzjoni tal-konflitti;

68. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjonijiet speċifiċi biex jagħtu spinta lill-possibbiltajiet ta' investiment disponibbli għal prattiki sostenibbli tas-sajd u tal-akkwakultura, jiffaċilitaw l-aċċess għalihom u jużawhom bis-sħiħ, fl-ambitu tal-Fond Ewropew il-ġdid għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA), flimkien ma' programmi oħra tal-UE bħall-Mekkaniżmu għall-Irkupru u r-Reżiljenza jew Orizzont Ewropa, għal prattiki tas-sajd sostenibbli u għal attivitajiet tal-akkwakultura sostenibbli, kif ukoll biex jiġi żgurat li l-komunitajiet kostali, remoti u barranin ikunu jistgħu jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom;

69. Jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq l-aħjar prattiki tal-FEMSA biex tiżviluppa proġetti ta' turiżmu tas-sajd rikreattiv u tkompli tiffinanzja dawn il-proġetti permezz tal-FEMSA;

70. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati strateġiji aktar komprensivi biex is-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura u t-territorji kostali jiġu adattati għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu fuq il-komunitajiet u l-għajxien tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa li s-setturi kollha jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u s-seba' u t-tmien Azzjoni Ambjentali Pprogrammata;

71. Jemmen li l-PKS għandha tinkludi kundizzjonalità soċjali, simili għal dik maħluqa fil-politika agrikola komuni l-ġdida, li tista' tipprevedi sanzjonijiet fuq is-sidien tal-bastimenti tas-sajd, il-produtturi tal-akkwakultura u benefiċjarji oħra tal-FEMSA, jekk ma tiżgurax kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati għall-ħaddiema kollha tagħhom, inklużi l-ħaddiema staġjonali u migranti; jenfasizza li din il-kundizzjonalità soċjali hija fundamentali għall-protezzjoni tad-dinjità fuq il-post tax-xogħol u d-drittijiet soċjali tal-ħaddiema tas-sajd u tal-akkwakultura, u tikkontribwixxi għall-ksib tal-ġustizzja soċjali għal kulħadd;

72. Iqis li sigurtà tal-impjieg u sikurezza okkupazzjonali akbar, oċeani b'saħħithom li jipprovdu qligħ u sigurtà soċjali aħjar fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura huma essenzjali biex jattiraw lin-nisa u lill-ġenerazzjonijiet iżgħar, u b'hekk jiżguraw it-tixtil tiegħu u s-sopravivenza kontinwa;

73. Jilqa' r-rwol tan-nisa fil-ktajjen tal-valur tas-sajd u l-akkwakultura sostenibbli u għaldaqstant jappella li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, salarji indaqs, sigurtà soċjali, kif ukoll viżibbiltà u rappreżentanza fl-istrutturi u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

74. Jisħaq li s-sajd u l-akkwakultura għandhom rwol ewlieni fil-ħolqien tal-impjiegi u fis-sostenn tal-ekonomija f'bosta partijiet tal-UE, peress li jammontaw għal aktar minn nofs l-impjiegi lokali f'bosta komunitajiet kostali u tal-gżejjer, b'mod partikolari fir-reġjuni ultraperiferiċi;

75. Jisħaq li, sabiex jittejbu s-sostenibbiltà, il-kompetittività u l-prestazzjoni ekonomika tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, huwa meħtieġ li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-UE f'ekonomija globali, u li ssir enfasi fuq it-taħriġ vokazzjonali, it-tagħlim tul il-ħajja, ir-rikonoxximent fil-livell Ewropew ta' dan it-taħriġ, is-servizzi ta' konsulenza u t-tixrid ta' għarfien tekniku u xjentifiku u prattiki innovattivi, filwaqt li jiġi rikonoxxut il-kontribut li jagħtu l-assoċjazzjonijiet kummerċjali f'dan ir-rigward;

76. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdied il-valur għall-prodotti tas-sajd mal-ewwel bejgħ, speċjalment dawk mis-sajd artiġjanali fuq skala żgħira sabiex jiżdiedu l-introjtu u l-pagi tas-sajjieda;

77. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa forom ġodda ta' turiżmu marittimu u kostali sostenibbli, tagħti spinta lil forom ġodda ta' attivitajiet tat-turiżmu, tipprovdi flussi ta' introjtu addizzjonali u żżid l-impjiegi tul is-sena kollha biex ittejjeb il-valur taż-żoni marittimi u kostali, filwaqt li tipproteġi l-ambjent u l-wirt kulturali blu u tippreserva l-ħabitats tal-baħar u dawk kostali; jenfasizza l-importanza tal-ekonomija ċirkolari fis-settur tat-turiżmu fl-iżvilupp ta' prattiki aktar sostenibbli li jkunu ta' benefiċċju għall-iżvilupp lokali; jirrikonoxxi li s-settur tat-turiżmu għandu jaħdem mal-komunitajiet kostali u jeħtieġ appoġġ biex tingħata spinta lill-effiċjenza u lis-sostenibbiltà tal-infrastruttura u lill-kompetittività tal-lukandi mal-baħar u tat-turiżmu;

78. Jirrikonoxxi li t-turiżmu kostali jista' jkollu impatti pożittivi fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iżda jista' jkun dannuż f'każ li jiġu żviluppati strateġiji tat-turiżmu tal-massa, billi jwassal għal tnaqqis fl-aċċess u l-konsum tal-ikel għall-konsumaturi lokali u għall-qerda tal-ambjent tal-baħar u l-identitajiet kulturali; jistieden lill-UE tippromwovi mudelli turistiċi ġusti u b'impatt baxx;

79. Jisħaq fuq il-ħtieġa tal-preservazzjoni tal-kapital u l-wirt naturali tagħna sabiex jiġi mħeġġeġ it-turiżmu sostenibbli (bħall-ekoturiżmu), u jistieden lill-Istati Membri jipproteġu l-bijodiversità billi b'mod urġenti jwettqu azzjonijiet ta' konservazzjoni tal-baħar, inkluż azzjonijiet transfruntiera, biex jipproteġu, jirrestawraw u jippromwovu l-ekosistemi tal-baħar u kostali, inkluż permezz tan-networks tal-baħar Natura 2000;

80. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi t-turiżmu marittimu, tal-gżejjer u kostali sostenibbli f'azzjonijiet u programmi relatati, biex tappoġġja inizjattivi li jħeġġu d-diversifikazzjoni tat-turiżmu kostali, marittimu u tal-baħar, u tgħin biex l-attivitajiet turistiċi u l-impjiegi jsiru inqas staġjonali; jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar data aħjar dwar il-kontribut tat-turiżmu tas-sajd bil-qasba rikreattiv għall-ekonomija kostali u tal-gżejjer;

81. Jisħaq fuq l-importanza tal-ekonomija blu fir-reġjuni ultraperiferiċi, b'mod partikolari fis-settur tat-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, toħloq programm tat-trasport b'għażliet relatati speċifikament mal-qagħda mbiegħda u l-insularità (Trasport POSEI) sabiex tindirizza l-ħtiġijiet tal-gżejjer u tar-reġjuni ultraperifiċi aktar direttament u tappoġġja l-operat ta' xi rotot kummerċjali lejhom;

82. Jappoġġja prattiki sostenibbli fit-turiżmu kostali u marittimu, peress li huma essenzjali għall-kompetittività taż-żoni tal-baħar Atlantiku, Mediterran u Baltiku u għall-ħolqien ta' impjiegi ta' valur għoli fl-edukazzjoni blu u t-taħriġ vokazzjonali; jisħaq li t-taħriġ speċifiku dwar l-attivitajiet tal-ekonomija blu jikkontribwixxi għaż-żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar u l-ħtieġa li dawn jiġu protetti;

83. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq konsultazzjoni wiesgħa mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u mal-partijiet ikkonċernati relatati kollha sabiex tidentifika soluzzjonijiet imfassla apposta għall-komunitajiet lokali u reġjonali;

84. Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta soluzzjonijiet possibbli biex tippromwovi r-reżiljenza tas-settur tat-turiżmu kontra l-impatti ta' pandemiji futuri jew avvenimenti oħra ta' tfixkil li joħolqu riskju għall-attivitajiet turistiċi, u toħloq inizjattivi xierqa biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema fis-settur biex tiżdied l-attraenza tiegħu u tgħin biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-ekonomija blu;

85. Jissottolinja l-importanza tat-tbaħħir bil-jottijiet u t-tbaħħir għat-turiżmu marittimu; jissottolinja r-rwol tal-kultura u l-gastronomija lokali fl-iżvilupp tat-turiżmu kostali Ewropew u l-importanza tat-turiżmu tal-bajjiet u ta' taħt l-ilma, it-turiżmu tas-sajd bil-qasba, l-ekoturiżmu, l-isport tal-ilma u l-industrija tal-kruċieri;

86. Jisħaq fuq l-importanza taż-żoni tal-baħar protetti bħala strument għall-protezzjoni tal-oċeani; jemmen li dawn iż-żoni jikkostitwixxu opportunità għall-iżvilupp tat-turiżmu xjentifiku;

87. Jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq turiżmu sostenibbli u mingħajr għaġla u l-għan li jiġu żviluppati pakketti ta' appoġġ (Pjan Iddettaljat għal Patti Ekoloġiċi Lokali) biex tiġi appoġġjata tranżizzjoni ekoloġika għall-bliet u r-reġjuni; jinnota l-potenzjal li l-gżejjer remoti u l-komunitajiet kostali jkollhom rwol ewlieni f'din it-tranżizzjoni;

88. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-kontribut li għamel is-sajd rikreattiv tal-baħar u mit-turiżmu li jiġġenera għall-ekonomija blu, kif ukoll il-potenzjal ta' dan is-settur li jipprovdi aktar opportunitajiet ekonomiċi fil-komunitajiet kostali;

89. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-potenzjal tal-ekonomija blu ma tqisx biżżejjed fit-tfassil u fl-evalwazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza ffinanzjati minn Next Generation EU;

90. Jappella għall-ħolqien ta' qafas finanzjarju xieraq biex jistimula l-iżvilupp tal-ekonomija blu u l-ħolqien tal-impjiegi, li jintegra u jikkoordina d-diversi strumenti finanzjarji disponibbli - il-fondi strutturali u ta' investiment (il-FEMSA, il-FEŻR, il-FSE, il-Fond ta' Koeżjoni), Orizzont Ewropa 2021-2027 u oħrajn; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi promoss tqabbil aħjar ta' dawn l-istrumenti mal-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati u t-tixrid wiesa' tal-opportunitajiet attwali;

91. Jitlob li ssir diskussjoni fil-fond fil-livell tal-UE mas-settur, filwaqt li jitqiesu l-effetti soċjoekonomiċi serji tar-regoli dwar il-kejl tal-kapaċità tas-sajd, dwar l-impatt ta' dawn ir-regoli fuq is-sajd u l-ħajja tas-sajjieda, filwaqt li fl-istess ħin jinżamm kontroll strett fuq il-kapaċità tas-sajd;

92. Jisħaq fuq l-importanza strateġika tal-attivitajiet tal-bini tal-vapuri u tat-tiswija tal-vapuri u l-interrelazzjoni tagħhom ma' setturi oħra, bħas-settur tat-turiżmu marittimu; iqis li l-impenn fuq l-innovazzjoni teknoloġika u fuq proċessi speċjalizzati ħafna, li jistgħu jwasslu għal qligħ ta' valur miżjud, jistgħu jpoġġu lis-settur f'sitwazzjoni ta' inqas kompetittività fuq livell dinji u jiffaċilita li tinqaleb it-tendenza ta' deklin fis-settur; isostni li għandu jiġi pprovdut appoġġ speċifiku għall-qawmien mill-ġdid u l-modernizzazzjoni tal-industrija tal-bini tal-vapuri fl-Istati Membri fid-diversi forom tagħha;

93. Jinnota li l-flotot artiġjanali u fuq skala żgħira tal-UE huma antiki ħafna, b'mod partikolari fir-reġjuni ultraperiferiċi, li l-bastimenti tagħhom għandhom età medja għolja ħafna u li mhumiex sikuri kemm għan-nies li jaħdmu fuqhom kif ukoll għall-qabdiet infushom, filwaqt li jtenni l-ħtieġa ta' appoġġ tal-FEMSA għax-xiri ta' bastimenti ġodda, mingħajr ma dan jirriżulta f'żieda fil-qabdiet, filwaqt li jiġu rrispettati r-rendimenti massimi sostenibbli, u b'hekk tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tagħhom;

94. Ifakkar fil-fatt li l-flotot tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi huma, f'ċerti każijiet, f'kundizzjoni ħażina ħafna u jikkostitwixxu periklu għas-sikurezza tas-sajjieda u għall-ambjent; iqis, f'dan il-kuntest, li huwa meħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet biex jittejbu s-sikurezza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għas-sajjieda, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, u jittejbu l-kundizzjonijiet tal-medda u tal-konservazzjoni tal-qabdiet; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm kontinwità fil-provvista ta' proteini tajbin għas-saħħa u ta' kwalità għolja, f'kundizzjonijiet li jkunu kompletament sikuri u siguri, b'inqas impatt ambjentali u mingħajr ma tiżdied il-kapaċità tas-sajd;

95. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill joħolqu strument ta' appoġġ simili għall-POSEI għas-sajd sabiex jittaffew l-effetti tal-insularità fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi;

96. Jenfasizza l-potenzjal ta' użu sostenibbli tad-dimensjoni marittima tal-UE fl-Atlantiku, li tirrikjedi investiment aktar ibbilanċjat fil-gżejjer tiegħu, fir-reġjuni ultraperiferiċi u fil-portijiet kostali, kif ukoll l-espansjoni ta' bosta mill-irmiġġi tagħhom u żieda fil-kapaċità tal-ħżin tagħhom u fit-tagħmir għall-immaniġġjar tal-merkanzija, li huma importanti ħafna għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;

Tranżizzjoni blu

97. Jappella għall-iżvilupp ta' strumenti biex ir-riżorsi marittimi jintużaw b'mod sostenibbli u biex l-ekonomija tal-oċeani tiġi diversifikata, inkluż permezz ta' appoġġ għall-prodotti ġodda konnessi mal-attivitajiet tas-sajd u derivati minnhom, li jistgħu jżidu l-valur tal-wirt kulturali u naturali tagħna, speċifikament billi jipprovdu possibbiltajiet ta' turiżmu ta' kwalità għolja;

98. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jinkiseb qafas integrat tal-politika marittima tal-UE li jiżgura l-konsistenza bejn l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità, l-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, il-politika dwar it-tibdil fil-klima u l-PKS;

99. Iqis li s-settur tal-akkwakultura għandu jkompli jimmonitorja u jtejjeb diversi parametri abbażi ta' azzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza, inkluż it-trattament xieraq tal-ħut u d-densitajiet tal-istokkijiet tal-ħut; iqis, barra minn hekk, li għandhom jitwettqu studji ta' valutazzjoni tal-impatt ambjentali biex jittejjeb it-trattament xieraq tal-ħut, inkluż iżda mhux limitat għall-arrikkiment tal-ambjent tagħhom, iż-żamma tal-kwalità tal-ilma fil-limiti rilevanti għat-trattament xieraq bħala mod kif jitnaqqas il-mard u t-tixrid tiegħu, u b'hekk titnaqqas il-ħtieġa tal-antibijotiċi, u jitnaqqas aktar it-tniġġis, jinkisbu riżultati aħjar tal-klima u tal-ambjent, u tiżdied ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima;

100. Jinnota li hija meħtieġa d-diversifikazzjoni tal-ispeċijiet tal-ħut fl-akkwakultura tal-UE, inklużi speċijiet trofiċi u mhux karnivori f'livell baxx, biex tittejjeb is-sostenibbiltà tas-settur;

101. Jenfasizza r-rwol potenzjali tal-akkwakultura, b'mod partikolari għall-ħolqien tal-impjiegi u għas-sigurtà tal-provvista tal-ikel, kif ukoll biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel sostenibbli; iqis li huwa fundamentali li titnaqqas il-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-baħar permezz tal-iżvilupp u ż-żieda fl-użu ta' alternattivi u ta' sorsi tal-għalf ġestiti b'mod sostenibbli minbarra l-ħut selvaġġ maqbud, li jitreġġa' lura t-telfien tal-bijodiversità fl-oċeani u fl-ibħra; jisħaq li l-użu tal-ispazju tal-baħar għal skopijiet ta' akkwakultura jrid ikun irregolat kif xieraq; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' qafas legali ċar u affidabbli li jippromwovi l-aċċess għall-ilma bil-garanziji kollha meħtieġa;

102 Jinnota li l-użu akbar tal-frakass tal-fdal tal-ħut u taż-żejt tal-ħut fl-akkwakultura tal-UE jista' jhedded is-sostenibbiltà tal-istokkijiet ta' ħut selvaġġ fl-ilmijiet tal-UE u ta' pajjiżi terzi;

103. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu implimentati l-miżuri kollha biex jiġi żgurat l-iżvilupp kompetittiv tas-sajd u tal-akkwakultura minħabba l-importanza tagħhom għas-sigurtà tal-provvista tal-ikel;

104. Jisħaq fuq l-importanza tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura għall-provvista ta' proteini, li huma essenzjali għas-sigurtà tal-ikel, kif ukoll għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-komunitajiet lokali u għall-ħolqien ta' impjiegi madwar id-dinja kollha; ifakkar, b'mod partikolari, fil-fatt li kważi biljun ruħ, l-aktar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jiddependu mill-ħut u mill-prodotti tal-baħar bħala s-sors primarju tagħhom ta' proteini mill-annimali; jinnota li aktar minn 90 % tas-sajjieda u tal-ħaddiema tas-sajd fid-dinja jiddependu mis-sajd fuq skala żgħira; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt sinifikanti fuq il-persuni impjegati fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura;

105. Jisħaq li l-ikel sostenibbli mill-oċeani, mill-ibħra u mis-sorsi tal-ilma ħelu jrid jiġi prodott biss minn sajd responsabbli u minn akkwakultura sostenibbli, u li l-prodotti kollha tas-sajd u tal-akkwakultura kkunsmati fl-UE jridu jiġu minn sistemi tal-ikel sostenibbli, b'rispett sħiħ għal-limiti tal-pjaneta; jistieden lill-Kummissjoni tfassal indikaturi tas-sostenibbiltà għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura mill-UE abbażi ta' parir xjentifiku, u tirrikjedi standards sostenibbli simili għall-prodotti importati fis-suq tal-UE;

106. Jenfasizza li l-UE hija responsabbli għal 1 % tal-produzzjoni globali tal-alka, u jqis għalhekk li l-produzzjoni tal-alka tal-baħar għandha tiġi mħeġġa mill-Istati Membri u mill-FEMSA; jisħaq li l-alka hija waħda mis-soluzzjonijiet futuri għall-ilħuq tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, bħall-użu tal-alka għall-qbid tad-diossidu tal-karbonju, is-sostituzzjoni ta' materjali oħra f'diversi setturi ekonomiċi, jew l-użu tagħha bħala prodott nutrizzjonali għall-konsum mill-bniedem, peress li tista' tkun sors ewlieni ta' proteini u mikronutrijenti ta' kwalità;

107. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra s-soluzzjonijiet kollha għall-iżvilupp ta' possibbiltajiet għall-produzzjoni u l-użu tal-alka, u tikkunsidra wkoll l-għażliet ta' finanzjament għall-aċċellerazzjoni tal-produzzjoni tal-alka; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi malajr biex tippermetti l-awtorizzazzjoni tal-alka bħala oġġett tal-ikel ġdid billi tnaqqas l-ispejjeż tal-applikazzjoni assoċjati u tippermetti aċċess aktar faċli għas-suq, filwaqt li tiżgura l-kwalità u s-sikurezza tal-prodott;

108. Jemmen li jeħtieġ li jiġu promossi mudelli tal-akkwakultura sostenibbli li jistgħu jikkontribwixxu għall-konservazzjoni tal-ekosistemi li joffru protezzjoni mill-effetti tat-tibdil fil-klima; jissottolinja l-importanza li ssir distinzjoni bejn il-produzzjoni u l-akkwakultura tal-ipproċessar tal-proteini, b'mod partikolari meta din tal-aħħar tinvolvi prattiki li jagħmlu pressjoni fuq is-sostenibbiltà tar-riżorsi tal-baħar; iqis li l-għalf maħsub għas-sajd u l-akkwakultura għandu jiġi prodott minn agrikoltura u sajd sostenibbli, u għalhekk għandu jeskludi kwalunkwe prodott miksub minn sajd IUU jew sajd eċċessiv;

109. Iqis li l-produzzjoni tal-mikroalka tista' tnaqqas l-użu ta' frakass tal-fdal tal-ħut mhux sostenibbli fis-sajd; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi żviluppata u promossa aktar l-akkwakultura organika, peress li għandha potenzjal kbir ta' tkabbir, u l-għodod u l-finanzjament tal-UE jistgħu jiġu sfruttati għal dan il-għan; jappella għal ġbir, ipproċessar u tixrid imtejba tal-istatistika dwar il-produzzjoni tal-akkwakultura organika;

110. Jappella għall-PKS biex tiġi applikata b'mod ġenerali għall-flotot tas-sajd kollha tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jiġu ġestiti b'mod li jkun jista' jiġġenera benefiċċji soċjoekonomiċi, u b'hekk jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-prodotti tal-ikel, minbarra li jimminimizzaw l-impatt tal-attivitajiet partikolari tagħhom fuq il-ħabitats u l-ekosistemi tal-baħar, filwaqt li jirrestawraw u jżommu popolazzjonijiet ta' speċijiet maħsuda 'l fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli; iqis li din trid tiġi applikata filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi baċiri tal-baħar;

111. Jenfasizza r-rwol tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura u tal-professjonisti tagħhom fit-tranżizzjoni tal-enerġija u fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima permezz tad-dekarbonizzazzjoni u l-promozzjoni ta' attivitajiet bħall-ġbir tal-iskart fil-baħar li jwasslu għal ekonomija ċirkolari;

112. Iwissi li r-rimi tal-iskart fil-baħar u t-tipi kollha ta' sustanzi niġġiesa, speċjalment mit-tipi kollha ta' plastik, huwa ta' ħsara għall-ambjent, jirriżulta f'telf ekonomiku kbir għas-settur tas-sajd u attivitajiet oħra, u jaffettwa s-saħħa tal-bniedem tul il-katina alimentari kollha kemm hi; jilqa' d-deċiżjoni tal-FEMSA li tipprovdi finanzjament għas-sajjieda biex jirkupraw u jiġbru, jużaw mill-ġdid u jirriċiklaw l-irkaptu tas-sajd mitluf, kif ukoll skart ieħor fil-baħar; jesprimi dispjaċir, madankollu, għad-dewmien fl-ilħuq tal-objettivi tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u jisħaq, f'dan ir-rigward, li għandhom jiġu promossi aktar kampanji ta' sensibilizzazzjoni u taħriġ għas-sajjieda;

113 Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ aktar attiv għall-modernizzazzjoni u għall-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd, b'mod partikolari s-sajd fuq skala żgħira, li jfittxu li jagħmlu l-irkaptu tas-sajd aktar selettiv, u li jnaqqsu l-impatt ambjentali tas-sajd;

114. Jenfasizza r-rwol tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar permezz ta' miżuri tekniċi[20], li jistabbilixxi l-miżuri ta' konservazzjoni li jirregolaw kif, fejn u meta jista' jsir is-sajd, sabiex jiġu protetti speċijiet u ħabitats sensittivi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak reġjonali, jiżdied ir-rendiment tas-sajd, filwaqt li jitnaqqsu l-impatti fuq l-ekosistemi tal-baħar, speċjalment permezz ta' żieda fis-selettività;

115. Iqis li huwa importanti li tinġabar data fuq bażi kontinwa sabiex jiġu vvalutati aħjar il-kriterji ta' sostenibbiltà u li jiġi evitat l-istabbiliment ta' żoni tas-sajd fejn ġew identifikati l-VMEs;

116. Jappella, b'mod partikolari, għal projbizzjoni mill-UE fuq l-użu tat-tkarkir tal-qiegħ fiż-żoni tal-baħar protetti kollha; jitlob li sabiex jiġi pprovdut appoġġ effettiv għat-tranżizzjoni għal tekniki tas-sajd aktar selettivi u li jagħmlu inqas ħsara għall-flotot tas-sajd tal-UE tintuża l-FEMSA;

117. Jisħaq li l-baħar fond jospita l-akbar diversità ta' speċijiet u ekosistemi fid-dinja, jipprovdi beni u servizzi ambjentali kritiċi, inkluż is-sekwestru fit-tul tal-karbonju, u huwa kkaratterizzat minn kundizzjonijiet ambjentali li jagħmluh vulnerabbli ħafna għad-disturb mill-bniedem; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, jappoġġjaw moratorju internazzjonali fuq l-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar;

118. Jappella għal għodod leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Bijodiversità, u għat-tisħiħ tal-azzjonijiet immirati lejn l-ilħuq tal-objettivi tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, sabiex tiġi kkonservata l-bijodiversità tal-baħar u jiġu rrestawrati l-ekosistemi degradati u tiġi promossa l-kompetittività fis-sajd, fl-akkwakultura u f'setturi relatati oħrajn;

119. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tirrieżamina d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina; jistieden lill-Kummissjoni, meta tkun qed tirrevedi d-Direttiva, biex tallinjaha mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, mal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 u mat-tmien Programm ta' Azzjoni Ambjentali;

120. Jitlob li jittieħdu miżuri urġenti għall-ġlieda kontra s-sajd IUU, li għadu waħda mill-aktar theddidiet serji għas-saħħa tal-ekosistemi u għall-kompetittività ekonomika tas-settur tas-sajd innifsu; jappella għal konsistenza akbar bejn il-politiki kummerċjali u l-politiki tas-sajd tal-UE sabiex jiġi żgurat li s-sajd IUU jiġi indirizzat b'mod effettiv;

Kooperazzjoni, għarfien u innovazzjoni

121. Jappella għal kooperazzjoni akbar bejn l-akkademja, iċ-ċentri ta' riċerka u innovazzjoni, l-awtoritajiet pubbliċi u l-industrija biex jippromwovu l-użu ta' tagħmir, metodi, tekniki u prattiki bbażati fuq l-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli, li kapaċi jtejbu l-effiċjenza u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività, kif ukoll is-sostenibbiltà ambjentali; ifakkar fl-importanza tal-għarfien dwar l-oċeani biex is-soċjetà tiġi infurmata u biex iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati kollha jiġu mħeġġa jadottaw attitudnijiet infurmati u responsabbli dwar l-oċean u r-riżorsi tiegħu;

122. Jinnota li data dwar l-oċeani affidabbli, ta' kwalità għolja u armonizzata hija fattur importanti fit-trasformazzjoni sostenibbli tal-ekonomija blu;

123. Jenfasizza li l-potenzjal ta' strateġija tal-ekonomija blu jista' jinkiseb biss permezz tal-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha; jinnota l-użu dejjem akbar tad-data u tal-intelliġenza artifiċjali fit-trasport marittimu; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt soċjoekonomiku tal-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tas-settur;

124. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa u ttejjeb iċ-ċentri ta' għarfien xjentifiku bħas-Servizz tal-Baħar ta' Copernicus u n-Network Ewropew ta' Osservazzjoni u Data Marittima, li joffru għarfien imprezzabbli dwar l-ibħra u l-oċeani tal-Ewropa; jirrimarka li s-sajd rikreattiv iżid l-għarfien dwar l-ambjent akkwatiku kif ukoll l-impenn li jiġi protett tali ambjent;

125. Jilqa' l-istabbiliment tal-missjoni tal-oċeani bħala parti mill-programm Orizzont 2030; jappella għal aktar ċarezza u komunikazzjoni dwar l-iskeda għal sejħiet għal offerti assoċjati ma' din il-missjoni;

126. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi armonizzat il-ġbir tad-data dwar il-monitoraġġ soċjoekonomiku u l-monitoraġġ ambjentali, kif ukoll il-monitoraġġ tal-ekosistemi ħajjin u l-istokkijiet tal-ħut; jisħaq li d-data miġbura għandha titqies ukoll sabiex jiġi rregolat l-impatt ta' attivitajiet marittimi oħra;

127. Jemmen li l-limitazzjoni tat-tunnellaġġ gross, bħala kriterju għall-kejl tal-kapaċità tas-sajd, jeħtieġ li tiġi adattata biex tirrifletti r-realtà tas-settur u għall-ħtieġa li jintużaw magni aktar moderni, li jniġġsu inqas u li huma aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tirrieżamina dawn il-kriterji bl-għan li ttejjeb is-sikurezza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien, kif ukoll tippermetti l-bidliet meħtieġa biex tittejjeb is-sostenibbiltà ambjentali, tattira aktar ħaddiema żgħażagħ lejn is-settur u tiżgura inqas impatt ambjentali u li l-kapaċità tas-sajd ma tiżdiedx;

128. Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor data konsistenti li tippermetti l-ġestjoni intelliġenti tat-turiżmu kostali u tevita l-pressjoni fuq l-ekosistemi u l-komunitajiet lokali, kif ukoll il-kompetizzjoni ma' attivitajiet tradizzjonali, bħas-sajd artiġjanali u kostali;

129. Jenfasizza l-importanza tal-miżuri ta' ġestjoni u adattament meħtieġa biex jipproteġu l-komunitajiet kostali, il-ħabitats u l-bijodiversità, u li jfisser li l-fondi jintefqu tajjeb meta jiġu kkunsidrati l-impatti kbar tat-tibdil fil-klima u l-ispejjeż li jirriżultaw minnhom; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema ta' twissija u osservazzjoni dwar maltempati u għargħar aktar frekwenti, tipprovdi monitoraġġ tal-ambjent u s-saħħa adegwat u twettaq riċerka dwar it-twissijiet bikrin; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta xenarji u miżuri differenti biex tindirizza ż-żidiet possibbli fil-livell tal-baħar u l-intensifikazzjoni ta' avvenimenti tat-temp severi;

130. Ifakkar fl-eżistenza ta' għodod bħall-programm Ewropew CleanSeaNet, li għandu l-għan li jimmonitorja t-tniġġis taż-żejt; jenfasizza li l-kooperazzjoni reġjonali, inkluż ma' pajjiżi mhux tal-UE, hija essenzjali, speċjalment fil-Baħar Mediterran; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni ttejjeb l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi; jissottolinja l-importanza ta' ppjanar tal-ispazju marittimu kollaborattiv, inklużiv u transsettorjali li jqis it-tħassib soċjoekonomiku, ambjentali u tal-bijodiversità; jisħaq fuq l-importanza tat-tranżizzjoni tal-enerġija, fejn is-settur tal-ekonomija blu jista' jippromwovi teknoloġiji ta' ġenerazzjoni tal-enerġija tal-baħar, bħall-enerġija mill-marea, mill-mewġ, mix-xemx u mir-riħ; jissottolinja l-importanza tal-appoġġ tad-dekarbonizzazzjoni tal-industriji tat-tbaħħir u tat-trasport marittimu, l-iżvilupp ta' teknoloġiji sostenibbli u ż-żieda fl-użu ta' sorsi ta' enerġija b'livell baxx ta' emissjonijiet u rinnovabbli;

131. Jappoġġja l-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli fi ħdan l-ekonomija blu bħala xprunatur tat-tkabbir ekonomiku fl-UE, b'mod partikolari fiż-żoni tal-Baħar Atlantiku, Mediterran u Baltiku, bħala mod kif jiġu appoġġjati l-attivitajiet settorjali u intersettorjali kollha relatati mal-oċeani, l-ibħra u ż-żoni kostali, inkluż it-trasport marittimu, il-bini tal-vapuri u t-tiswija tal-vapuri, il-bijoteknoloġija, it-turiżmu sostenibbli, l-enerġija mir-riħ offshore, is-sajd kummerċjali u rikreattiv, l-akkwakultura u l-enerġija mill-mewġ u mill-marea; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni li jikkontribwixxu għat-turiżmu sostenibbli, l-effiċjenza fir-riżorsi u l-enerġija rinnovabbli; jisħaq b'mod partikolari li l-enerġija tal-baħar għandha l-potenzjal li ssir komponent importanti tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa sal-2050; u jappella għall-ħolqien ta' inċentivi u finanzjament għall-investimenti fl-infrastruttura portwarja sabiex jiġi ffaċilitat is-servizz ta' manutenzjoni tal-industrija tal-enerġija tal-baħar;

132. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-UE qed tikseb u żżomm ir-rwol tagħha ta' mexxej fit-teknoloġija, iżżomm it-talent u tipproduċi l-enerġija, filwaqt li tnaqqas kwalunkwe impatt potenzjali fuq l-ambjent tal-baħar;

133. Jisħaq fuq l-importanza tal-innovazzjoni fis-sajd biex tittejjeb kemm il-prestazzjoni ambjentali kif ukoll dik ekonomika tiegħu, u jappella għal approċċ ġdid għall-innovazzjoni fejn l-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni ma jfissrux li jiżdiedu l-kapaċitajiet tas-sajd;

134. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni jaħdmu flimkien sabiex jippromwovu u jappoġġjaw inizjattivi lokali biex jippreżervaw l-għajxien u t-tradizzjonijiet u l-wirt kulturali assoċjat mas-sajd u l-akkwakultura;

135. Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-pożizzjoni fraġli tar-reġjuni ultraperiferiċi, tipprovdi appoġġ robust għall-innovazzjoni u r-riċerka, bl-għan li jiġu żviluppati prattiki u tekniki innovattivi, ambjentalment, soċjalment u ekonomikament sostenibbli fis-sajd u fl-akkwakultura f'dawn ir-reġjuni, u b'hekk dawn ir-reġjuni jingħataw rwol ewlieni fil-governanza tal-oċeani;

136. Jenfasizza li l-iskart fil-baħar għandu impatt ambjentali u soċjoekonomiku kbir f'dawn ir-reġjuni, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi ċentru għall-ġlieda kontra t-tniġġis tal-plastik fil-baħar, preferibbilment f'reġjun ultraperifiku, b'għarfien espert fl-innovazzjoni, fl-iżvilupp u fil-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u mal-assoċjazzjonijiet tas-sajd u tal-akkwakultura, inkarigati mill-adozzjoni ta' strateġiji u politiki ta' sostenibbiltà li jistgħu jiġu replikati f'reġjuni oħra;

137. Iqis li huwa importanti li tiżdied is-sensibilizzazzjoni pożittiva tal-konsumatur dwar il-valur nutrizzjonali tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura; jirrimarka li huwa essenzjali li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni xierqa sabiex jitwettqu l-bidliet fid-drawwiet tal-konsum u jippromwovu l-konsum ta' prodotti tal-baħar inqas magħrufa mill-ilmijiet Ewropej;

138. Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur dwar prodotti bbażati fuq l-alka, li tiżdied l-aċċettazzjoni tagħhom mill-konsumaturi, u li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur dwar il-ħela tal-ikel; itenni li l-informazzjoni għall-konsumatur trid tissaħħaħ permezz ta' tikkettar effettiv, inkluż tikkettar dwar is-sostenibbiltà;

°

° °

139. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.



 

NOTA SPJEGATTIVA

Sustanza tal-Proposta

Fis-17 ta' Mejju 2021, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat komunikazzjoni dwar approċċ ġdid għal ekonomija blu sostenibbli fl-UE (COM(2021)0240), f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew dwar li l-ekonomija tagħna ssir effiċjenti u kompetittiva filwaqt li jitneħħew gradwalment l-emissjonijiet tal-karbonju, jiġu protetti l-ambjent u l-bijodiversità u ħadd ma jitħalla jibqa' lura.

Din il-komunikazzjoni għandha l-għan li tistabbilixxi aġenda wiesgħa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, filwaqt li tissostitwixxi l-idea ta' ''tkabbir blu'' mhux regolat bl-idea ta' ''ekonomija blu sostenibbli'' ibbażata fuq il-protezzjoni tat-tliet pilastri tas-sostenibbiltà: ambjentali, soċjali u ekonomika;

Pożizzjoni tar-Rapporteur

Ir-rapporteur tilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar approċċ ġdid għal ekonomija blu sostenibbli fl-Unjoni Ewropea. Hija tirrimarka, madankollu, li mhuwiex biżżejjed li jiġu indikati miżuri speċifiċi biex jiġu protetti s-sajd u l-akkwakultura bħala setturi tal-ekonomija blu.

L-ekonomija blu hija parti wiesgħa tal-ekonomija tagħna, li tkopri l-industriji u s-setturi kollha relatati mal-oċeani, l-ibħra u ż-żoni kostali, inklużi l-akkwakultura u l-produzzjoni tal-alka bbażati fuq l-art. F'dawn l-aħħar għaxar snin ittieħdu passi sinifikanti biex jiġu modernizzati u diversifikati d-diversi setturi, inklużi dawk aktar tradizzjonali bħas-sajd, sabiex jiġu żviluppati mudelli tal-ekonomija blu aktar sostenibbli. Madankollu, huwa importanti wkoll li wieħed jifhem li, fi ħdan is-segment wiesa' tal-ekonomija blu, diversi setturi xi drabi jistgħu jiġu f'kunflitt ma' xulxin minħabba nuqqas ta' ppjanar u spazju marittimu strateġiku, li jista' jkun ta' ħsara għal xi wħud minnhom.

Ir-rapporteur tisħaq li s-sajd u l-akkwakultura huma kruċjali biex tingħata spinta lill-impjiegi u lill-ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati, kif ukoll biex jiġi rrikonċiljat l-iżvilupp ekonomiku mal-protezzjoni tal-ambjent u l-ekosistemi, bl-użu tar-riżorsi b'mod responsabbli u tingħata għajnuna ħalli tinkiseb l-ambizzjoni ta' tniġġis żero. Hija tissottolinja wkoll l-importanza li jitfakkar li s-sajd u l-akkwakultura huma responsabbli għall-provvista ta' proteini u mikronutrijenti li huma essenzjali għas-sigurtà tal-ikel u s-saħħa tal-bniedem.

Hija temmen li għandhom jitfasslu linji gwida strateġiċi speċifiċi għall-iżvilupp kompetittiv u reżiljenti tas-sajd u l-akkwakultura, filwaqt li tiġi żgurata provvista ta' ikel nutrittiv u tajjeb għas-saħħa u jinħolqu l-impjiegi, u għall-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni, filwaqt li qatt ma ninsew il-protezzjoni tal-ambjent u l-bijodiversità, f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Hija tenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-gvernijiet reġjonali u l-awtoritajiet lokali u ta' sħubijiet bilaterali ma' pajjiżi terzi, immirati lejn l-ilħuq tal-ogħla standards ta' sostenibbiltà kull fejn joperaw il-flotot Ewropej. Dan huwa l-uniku mod biex niżguraw li lkoll qegħdin fuq l-istess rotta.


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP (1.3.2022)

għall-Kumitat għas-Sajd

Lejn ekonomija blu sostenibbli fl-UE: ir-rwol tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura

(2021/2188(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Caroline Roose

 

 

 


SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi ż-żieda fil-kompetizzjoni għall-ispazju marittimu bejn is-setturi tal-ekonomija blu tista' tikkomprometti l-mezzi ta' sussistenza tal-komunitajiet kostali u tal-istrutturi tas-sajd fuq skala żgħira, partikolarment dawk tan-nisa; billi l-ekonomija blu għandha ssegwi approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem;

B. billi l-isfruttament eċċessiv, it-tniġġis u t-tibdil fil-klima qegħdin jikkawżaw telfien gravi tal-bijodiversità marina, li hija essenzjali għas-sajd u għall-komunitajiet kostali;

C. billi l-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli jridu jiggarantixxu l-użu, l-aċċess u l-kontroll xierqa u effikaċi tal-ġestjoni tal-istokkijiet tas-sajd mis-sajjieda fuq skala żgħira;

D. billi l-isfruttament eċċessiv tal-istokkijiet tal-ħut, li jwassal għal nuqqas ta' riżorsi disponibbli għall-popolazzjonijiet lokali, fosthom iż-żgħażagħ, jista' jikkontribwixxi għall-migrazzjoni;

E. billi s-sajd bit-tkarkir tal-qiegħ jirrappreżenta s-sors l-aktar mifrux ta' disturb fiżiku kkaġunat mill-bniedem lill-ħabitats ta' qiegħ il-baħar tal-pjaneta; billi, b'mod partikolari, l-istimi reċenti jindikaw li sajd bit-tkarkir tal-qiegħ jista' jirrilaxxa kwantità ta' CO2 daqs dawk tal-industrija tal-avjazzjoni kollha minħabba d-disturb lis-sedimenti ta' qiegħ il-baħar li jikkostitwixxu riżerva essenzjali għall-ħżin tal-karbonju fit-tul, filwaqt li jikkontribwixxi għall-aċidifikazzjoni tal-oċeani u jagħmel ħsara lill-bijodiversità u lill-produttività tal-baħar;

F. billi t-tibdil fil-klima qiegħed ibiddel dejjem aktar l-iskemi ta' distribuzzjoni u tal-passa tad-diversi speċijiet ta' ħut u jolqot is-sajd fuq skala żgħira fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma aktar vulnerabbli għall-effetti tiegħu;

G. billi r-Rapport Speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima dwar l-Oċean u l-Krijosfera fil-Kuntest tat-Tibdil fil-Klima juri l-vantaġġi li jinkisbu meta l-għarfien xjentifiku jingħaqad mal-għarfien tal-komunitajiet lokali u indiġeni biex tissaħħaħ ir-reżiljenza;

H. billi s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) huwa waħda mill-akbar theddidiet għall-isfruttament sostenibbli tal-popolazzjonijiet tal-ħut; billi l-evażjoni tat-taxxa u l-korruzzjoni jiffaċilitaw is-sajd IUU, li spiss jikkoinċidi mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi t-traffikar tal-bnedmin u l-iskjavitù moderna;

I. billi l-UE hija suq importanti għall-frakass tal-fdal tal-ħut u għaż-żejt tal-ħuta tal-Afrika tal-Punent;

1. Iqis li l-oċean huwa spazju globali u kontinwu wieħed; ifakkar fir-rwol kruċjali tas-sajd, partikolarment dak fuq skala żgħira u artiġjanali, għas-sigurtà tal-ikel u għan-nutrizzjoni; jissottolinja l-appoġġ tiegħu favur l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd, partikolarment tas-sajd fuq skala żgħira u tal-akkwakultura, mingħajr l-ebda impatt fuq l-ambjent; jinnota l-importanza ta' ppjanar f'waqtu u inklużiv li jqis il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati bil-għan li jevita kunflitti potenzjali bejn is-sajd u setturi oħra tal-ekonomija blu; iħeġġeġ lill-UE tindirizza dawn il-kunflitti permezz ta' mekkaniżmi trasparenti ta' riżoluzzjoni tal-konflitti; jisħaq, għal dan il-għan, fuq il-bżonn ta' promozzjoni ta' ppjanar parteċipattiv tal-ispazju marittimu, tal-ħolqien ta' fora ta' djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati, tal-implimentazzjoni rigoruża tal-approċċ ta' prekawzjoni, mhux limitat għall-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar, iżda li jinkludi l-iżvilupp ta' setturi blu ġodda;

2. Jisħaq fuq l-importanza tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura għall-provvista ta' proteini, li huma essenzjali għas-sigurtà tal-ikel, kif ukoll għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-komunitajiet lokali u għall-ħolqien ta' impjiegi madwar id-dinja kollha; ifakkar, b'mod partikolari, li kważi biljun ruħ, l-aktar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jiddependu mill-ħut u mill-prodotti tal-baħar bħala s-sors prinċipali ta' proteini mill-annimali; jinnota li aktar minn 90 % tas-sajjieda u tal-ħaddiema tas-sajd jiddependu mis-sajd fuq skala żgħira; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt sinifikanti fuq il-persuni impjegati fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura;

3. Jisħaq li l-konservazzjoni tal-oċeani, li huma anki regolaturi klimatiċi essenzjali, u tal-istat ekoloġiku tagħhom hija responsabbiltà individwali u kollettiva; jisħaq, għal dan il-għan, fuq il-ħtieġa li jiġi implimentat approċċ integrat u bbażat fuq l-ekosistemi għas-setturi kollha tal-ekonomija blu, inklużi l-industriji estrattivi; iħeġġeġ, b'mod partikolari, lill-UE u lill-pajjiżi sħab jappoġġaw il-miżuri tal-ġlieda kontra s-sajd eċċessiv, is-sajd IUU u l-prattiki ta' sajd l-oħra li għandhom impatt negattiv fuq il-ħabitats tal-baħar u l-ekosistemi oċeaniċi u jikkompromettu s-sostenibbiltà tar-riżorsi; jinsisti fuq il-bżonn li jiġu eliminati s-sussidji dannużi għas-sajd u li ssir ħidma favur l-adozzjoni ta' objettivi ta' rendiment massimu sostenibbli bbażati fuq ix-xjenza għall-ġestjoni tal-istokkijiet kollha, kif jesiġu sal-2020 kemm il-politika komuni tas-sajd tal-UE kif ukoll l-objettiv nru 6 ta' Aichi dwar il-bijodiversità, u li jinfurzaw il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza effikaċi;

4.  Jieħu nota tal-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-ekonomija blu sostenibbli; jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' objettivi speċifiċi għas-sajd u għall-akkwakultura; jissottolinja l-bżonn li jonqos sal-minimu l-impatt ambjentali tas-sajd fuq il-ħabitats tal-baħar u li jiġi żviluppat approċċ olistiku rigward l-ekonomija blu ċċentrat fuq il-konservazzjoni u r-ripristinu tal-kosti;

5. Ifakkar fl-importanza tar-rwol u tar-responsabbiltà tal-UE fil-governanza dinjija tas-sajd, li għandha tagħti prijorità lill-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, inklużi r-riżorsi tas-sajd, lid-drittijiet tal-baħħara fuq il-bastimenti u lid-drittijiet tas-sajjieda, partikolarment tas-sajjieda fuq skala żgħira u artiġjanali, u li l-użu li jagħmlu mir-riżorsi tas-sajd u fil-kontroll li jeżerċitaw fuq dawn tal-aħħar għandhom jiġu protetti; iħeġġeġ, għal dan il-għan, lill-UE żżid l-appoġġ finanzjarju tagħha għall-iżvilupp tat-totalità tal-katina tal-valur tas-sajd fuq skala żgħira u tiżgura parteċipazzjoni akbar tan-nisa fil-proċess deċiżjonali, fid-dawl tar-rwol kruċjali fis-sajd fuq skala żgħira, inkluż fl-attivitajiet li jsiru qabel u wara s-sajd, fl-akkwakultura u fis-sajd fl-ilmijiet interni; jissottolinja l-bżonn li jiġu involuti n-nisa u l-komunitajiet kostali fl-iskemi ta' ġestjoni tas-sajd u fl-iżvilupp ta' sorsi alternattivi ta' introjtu għas-sajjieda bil-għan li jnaqqsu s-sajd eċċessiv b'mod effikaċi;

6. Ifakkar fl-impenn tal-UE fil-prinċipju ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u jisħaq fuq il-bżonn li jitjieb il-kontribut tagħha lill-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU permezz tad-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd; jissottolinja li l-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli jridu jkunu konsistenti mal-aħjar parir xjentifiku disponibbli u la jridu jikkompromettu s-sigurtà tal-ikel lokali u lanqas jheddu s-sajd fuq skala żgħira fil-pajjiżi terzi billi jpoġġuhom f'kompetizzjoni diretta mal-bastimenti tal-UE; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta' dawn il-ftehimiet f'termini ta' kooperazzjoni politika bilaterali fis-settur tas-sajd u jitlob li l-ftehimiet ikunu allinjati mal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, u prinċipalment mal-SDG nru 14 (il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-oċeani, tal-ibħra u tar-riżorsi marini għall-iżvilupp sostenibbli), u mal-obbligi ambjentali tal-UE u mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd tagħha, permezz ta' żieda fl-appoġġ settorjali u dispożizzjonijiet ta' sostenibbiltà f'dawk li huma l-qbid żejjed, il-qbid skartat u l-approċċ ta' prekawzjoni; jistieden lill-UE tikkoopera mal-pajjiżi terzi sħab permezz tar-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali tagħha, bil-għan li jiġi żgurat li l-flotot fl-ibħra miftuħa tal-pajjiżi terzi japplikaw l-istess standards ta' sostenibbiltà bħall-flotot fl-ibħra miftuħa tal-UE;

7. Jenfasizza li l-SFPAs iridu jsiru għodda għall-iżvilupp tal-ekonomiji blu lokali; iqis li, minħabba data insuffiċjenti, huwa diffiċli li ssir evalwazzjoni ta' kemm l-SFPAs jikkontribwixxu biex jinkisbu l-SDGs fil-pajjiżi sħab; iħeġġeġ lill-UE żżid l-obbligi ta' trasparenza, il-ġbir tad-data (partikolarment dwar il-qabdiet, ir-reġistrazzjonijiet tal-bastimenti u l-kundizzjonijiet ta' xogħol) u ta' rapportar tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli, u tistabbilixxi bażi tad-data soċjoekonomika ċentralizzata tal-bastimenti kollha tal-UE, ikun fejn ikun il-post fejn joperaw;

8. Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu inklużi l-partijiet ikkonċernati kollha fin-negozjati tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli u matul il-perjodu ta' implimentazzjoni tagħhom u li jiġi żgurat li jitqiesu l-bżonnijiet tal-komunitajiet li l-aktar intlaqtu mill-ftehimiet;

9. Jiddeplora n-nuqqas ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tal-użu korrett tal-finanzjament; huwa inkwetat minħabba l-fatt li l-appoġġ settorjali fl-ambitu tal-SFPAs ħafna drabi ma jġibx benefiċċju dirett lis-sajjieda fuq skala żgħira; jistieden lill-Kummissjoni torbot mill-qrib l-SFPAs mal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE, bil-għan li jitjieb il-valur miżjud għall-komunitajiet kostali; jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni tippubblika, b'mod proattiv, ir-rapporti annwali dwar l-użu li jsir mill-appoġġ settorjali, bil-għan li jkun hemm traċċabbiltà aħjar tal-użu tal-flus pubbliċi tal-UE;

10. Jilqa' pożittivament ir-rwol tal-konvenzjonijiet marittimi reġjonali u tal-organizzazzjonijiet reġjonali dwar il-ġestjoni tas-sajd; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mandati ambizzjużi għall-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) bil-għan li tipproteġi r-riżorsi tas-sajd fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fl-ibħra internazzjonali, partikolarment bis-saħħa tat-titjib tal-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ispeċijiet bħat-tonn tropikali, tat-tnaqqis tal-qbid skartat u tal-applikazzjoni tal-approċċ ta' prekawzjoni biex tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-ispeċijiet fil-periklu u tal-ekosistemi tal-baħar vulnerabbli, kif ukoll tat-titjib tad-data disponibbli, tal-konformità u tat-trasparenza tal-proċess deċiżjonali;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel pressjoni biex l-għanijiet ta' adattament għat-tibdil fil-klima u ta' mitigazzjoni tiegħu jkunu integrati fil-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli u fil-proċess deċiżjonali tal-RFMOs;

12. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex itejbu l-governanza dinjija tas-sajd, partikolarment permezz ta' mekkaniżmi bħall-Inizjattiva għat-Traparenza tas-Sajd;

13. Jisħaq li l-produzzjoni ta' frakass tal-fdal tal-ħut u ta' żejt tal-ħuta, fost affarijiet oħra, tista' tikkontribwixxi għas-sajd eċċessiv fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment fl-Afrika tal-Punent; jitlob li jkun hemm miżuri obbligatorji ta' diliġenza dovuta biex jiġi żgurat li l-katina tal-provvista kollha tal-industrija tal-prodotti tal-baħar tkun ġusta, għalkollox traċċabbli, mingħajr sajd IUU u ma tagħtix lok għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi t-traffikar tal-bnedmin u l-iskjavitù; jitlob, fuq livell aktar ġenerali, li jitjiebu l-prattiki tal-ġestjoni tas-sajd, tal-monitoraġġ u tal-iżvilupp ta' ekotikkettar u ta' teknoloġiji ġodda bħat-teknoloġija blockchain, għal traċċabbiltà tal-prodotti aħjar;

14. Jisħaq fuq il-kobor tal-impatt tal-akkwakultura tal-UE fuq il-pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-użu tar-riżorsi tas-sajd li ġejjin minn il-pajjiżi fl-għalf tal-predaturi tal-akkwakultura tal-UE; jissottolinja li l-akkwakultura sostenibbli u kkontrollata ma għandhiex toħloq, għall-ekosistemi tal-madwar, riskji assoċjati ma' tifqigħat okkażjonali ta' mard; jitlob l-iżvilupp ta' akkwakultura sostenibbli permezz tal-ġestjoni sostenibbli tas-sajd u tal-prattiki tajbin fl-akkwakultura, bis-saħħa tat-tnaqqis importanti tad-dipendenza mis-settur tal-UE fir-rigward tal-frakass tal-fdal tal-ħut u, għal dan il-għan, tal-promozzjoni tal-ispeċijiet mhux karnivori; jitlob ukoll lill-UE tforni assistenza teknika lill-produtturi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment lill-produtturi ż-żgħar;

15. Ifakkar li l-Istati kollha involuti fis-sajd fl-Afrika tal-Punent għandhom jistabbilixxu RFMO, b'mod partikolari għall-isfruttament tal-istokkijiet komuni, bħal dawk ta' ħut pelaġiku żgħir, kif rikjest mid-dritt internazzjonali, mil-liġijiet nazzjonali rilevanti, mill-politiki tas-sajd pan-Afrikani u reġjonali u minn strumenti oħra; jemmen li din is-sistema ta' ġestjoni għandha tkun konformi ma' approċċ ta' prekawzjoni bbażat fuq l-ekosistemi, li jiżgura li l-qabdiet totali permissibbli jibqgħu fi ħdan il-limiti bijoloġiċi sikuri;

16. Iħeġġeġ lill-UE tippromwovi u tipproteġi b'mod effikaċi s-sajd fuq skala żgħira fl-Afrika, li hu s-sors ewlieni tal-mezzi ta' sussistenza tar-reġjuni fuq il-kosta tal-oċeani, u wieħed mill-pedamenti tat-"task force UE-Afrika dwar l-ekonomija blu" futura, jiġifieri permezz ta' finanzjamenti tal-implimentazzjoni tal-linji gwida internazzjonali dwar sajd fuq skala żgħira sostenibbli tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura;

17. Iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa approċċ għall-governanza tal-oċeani u għall-ekonomija blu bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, billi jirresponsabilizza lill-komunitajiet lokali u jappoġġa l-ktajjen tal-provvista ġusti, is-sovranità alimentari u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli tal-komunitajiet lokali tas-sajjieda;

18. Jieħu nota tal-objettiv tal-protezzjoni ta' 30 % tal-oċeani tal-pjaneta sal-2030, iżda jwissi li dan ma għandux isir a skapitu tas-sigurtà tal-ikel, tas-sajjieda u tal-produtturi tal-akkwakultura, tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali;

19. Ifakkar li r-riċerki dejjem akbar numerużi, partikolarment ir-Rapport Speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima dwar l-Oċean u l-Krijosfera fil-Kuntest tat-Tibdil fil-Klima, juru li l-objettivi fil-qasam tal-bijodiversità, tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u tal-adattament għalih jintlaħqu aħjar jekk il-komunitajiet lokali jkollhom il-kontroll dirett fuq il-ġestjoni tar-riżorsi li jiddependu minnhom; jisħaq fuq il-fatt li l-ekosistemi ġestiti mill-komunitajiet kostali huma fost dawk l-aktar rikki u l-aktar produttivi u jikkontribwixxu wkoll għall-adattament taż-żoni ta' mal-kosta għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima; jenfasizza r-riskji ta' ħtif tal-oċeani marbuta mal-ippjanar tal-ispazju marittimu; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li jiġi assigurat is-sajd fuq skala żgħira, li tiġi żgurata l-governanza responsabbli tal-pussess u li l-benefiċjarji tal-impriżi tal-UE li joperaw fis-settur tal-ekonomija blu jinżammu responsabbli jekk l-attivitajiet tagħhom jiksru d-drittijiet tal-bniedem;

20. Jenfasizza t-tħassib dwar il-fatt li l-iżvilupp tat-tipi l-ġodda ta' attivitajiet tal-ekonomija blu se jwassal għaż żieda fil-kompetizzjoni għat-territorju, a skapitu tal-attivitajiet l-aktar tradizzjonali bħas-sajd; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-investituri privati tal-UE jwettqu l-attivitajiet tagħhom b'mod trasparenti, ma jidħlux f'kompetizzjoni mal-komunitajiet kostali u jirrispettaw l-SDGs; jisħaq, fuq livell aktar ġenerali, fuq l-importanza li jissaħħu s-sħubijiet bilaterali mal-pajjiżi terzi fid-diversi setturi tal-ekonomija blu, bil-għan li jitjieb ir-rispett tal-istandards ambjentali u soċjali;

21. Jisħaq fuq il-fatt li l-ekonomija blu trid tiżvolġi rwol attiv fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jistieden lill-UE u lill-pajjiżi sħab jafdaw fil-kompetenzi indiġeni fl-istrateġiji ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima tagħhom u jippromwovu b'mod attiv il-ġestjoni parteċipattiva, li wriet l-effikaċja tagħha biex iżżid ir-reżiljenza tal-komunitajiet kostali;

22. Jinsab imħasseb bil-każijiet ta' sajd IUU barra mill-ilmijiet tal-UE; ifakkar fil-fatt li s-sajd IUU, iffaċilitat mill-prattika tal-bnadar ta' konvenjenza, jagħmel ħsara lis-sigurtà tal-ikel u lill-għajxien tal-popolazzjonijiet fil-pajjiżi kostali, filwaqt li jikkostitwixxi art fertili għall-piraterija; jitlob sistema globali b'saħħitha ta' sanzjonijiet deterrenti u approċċ multidirezzjonali għall-ġlieda kontra s-sajd IUU; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi llimitat l-użu tal-bnadar ta' konvenjenza u l-bdil tal-bandiera kif ukoll li jiġi indirizzat it-trażbord fuq il-baħar, sakemm dawn ikunu għodda importanti biex jingħalqu l-lakuni marbuta mal-IUU; jistieden lill-UE, fuq livell aktar ġenerali, issaħħaħ il-kapaċitajiet tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni billi trawwem il-kooperazzjoni nazzjonali bejn l-aġenziji, iżżid il-kooperazzjoni internazzjonali, ittejjeb is-sorveljanza tal-aġenti tas-sajd fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw bl-appoġġ tagħha u ssostni t-task forces u ċ-ċentri reġjonali ta' monitoraġġ, ta' kontroll u ta' sorveljanza;

23. Jisħaq li l-governanza tal-attivitajiet fuq l-art hija essenzjali biex tinkiseb ekonomija blu sostenibbli, billi r-riżorsi kostali ħajjin huma dawk l-aktar mhedda mill-attivitajiet fuq l-art, minħabba l-impatt partikolarment kbir tal-agrikoltura, tal-portijiet u tal-akkwakultura; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jindirizzaw b'mod olistiku l-kawżi profondi tat-tniġġis tal-baħar u tal-eżawriment tar-riżorsi tal-ħut, u jirriformaw il-politiki settorjali tagħhom f'dan is-sens;

24. Jieħu nota tal-fatt li l-industrija estrattiva hija settur li qiegħed jikber tal-ekonomija blu tal-oċeani; jenfasizza li d-dmir tal-Istati li jastjenu milli jieħdu miżuri, fosthom proġetti ta' żvilupp fuq skala kbira, li jistgħu jolqtu negattivament il-mezzi ta' sussistenza tas-sajjieda fuq skala żgħira fl-ilmijiet interni u fil-baħar, it-territorji tagħhom jew id-drittijiet ta' aċċess tagħhom, u jenfasizza li għandhom id-dmir li jagħmlu valutazzjonijiet ex ante tal-proġetti tal-industrija estrattiva mmexxija minn entitajiet privati bil-għan li jiġi evalwat l-impatt negattiv possibbli tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-komunitajiet tas-sajjieda lokali;

25. Jistieden lill-UE tieħu azzjoni biex tindirizza l-effetti negattivi fuq il-klima, il-qigħan tal-baħar u l-qabdiet aċċessorji minħabba t-tekniki tas-sajd, bħall-irkaptu b'kuntatt mal-qiegħ, is-sajd bid-dinamite, is-sajd bit-tkarkir mhux xieraq jew it-tagħmir biex jinġabar il-ħut (kannizzati), billi jiġi limitat l-użu tagħhom; jistieden, b'mod partikolari, lill-UE tipprojbixxi l-użu tas-sajd bit-tkarkir tal-qiegħ fiż-żoni marini protetti; iħeġġeġ lill-UE tiżgura li l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura jintuża biex jagħti appoġġ effikaċi favur it-tranżizzjoni tal-flotot tas-sajd tal-UE lejn tekniki ta' sajd aktar selettivi u inqas dannużi;

26. Jisħaq fuq l-importanza li jiġi applikat il-prinċipju ta' prekawzjoni fl-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar; itenni, b'mod partikolari, l-appoġġ tiegħu favur moratorju internazzjonali fuq il-liċenzji għall-isfruttament kummerċjali tal-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar sakemm jasal iż-żmien meta l-effetti tal-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar fuq l-ambjent tal-baħar, il-bijodiversità u l-attivitajiet tal-bniedem fuq il-baħar ikunu ġew studjati u riċerkati biżżejjed u r-riskji kollha possibbli jkunu ġew mifhuma;

27. Jirrikonoxxi li t-turiżmu kostali jista' jkollu impatti pożittivi fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iżda jista' jkun dannuż f'każ li jiġu żviluppati strateġiji tat-turiżmu tal-massa, billi jwassal għal tnaqqis fl-aċċess u l-konsum tal-ikel għall-konsumaturi lokali u għall-qerda tal-ambjent tal-baħar u l-identitajiet kulturali; jistieden lill-UE tippromwovi mudelli turistiċi ġusti u b'impatt baxx.

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

28.2.2022

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

7

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Barry Andrews, Eric Andrieu, Anna-Michelle Asimakopoulou, Hildegard Bentele, Dominique Bilde, Udo Bullmann, Catherine Chabaud, Antoni Comín i Oliveres, Ryszard Czarnecki, Gianna Gancia, Charles Goerens, Mónica Silvana González, Pierrette Herzberger-Fofana, György Hölvényi, Rasa Juknevičienė, Beata Kempa, Karsten Lucke, Pierfrancesco Majorino, Erik Marquardt, Janina Ochojska, Christian Sagartz, Tomas Tobé, Miguel Urbán Crespo, Bernhard Zimniok

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

María Soraya Rodríguez Ramos, Caroline Roose

 

 

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

16

+

ID

Dominique Bilde, Gianna Gancia

NI

Antoni Comín i Oliveres

Renew

Barry Andrews, Catherine Chabaud, Charles Goerens, María Soraya Rodríguez Ramos

S&D

Eric Andrieu, Udo Bullmann, Mónica Silvana González, Karsten Lucke, Pierfrancesco Majorino

The Left

Miguel Urbán Crespo

Verts/ALE

Pierrette Herzberger‑Fofana, Erik Marquardt, Caroline Roose

 

7

-

PPE

Anna‑Michelle Asimakopoulou, Hildegard Bentele, György Hölvényi, Rasa Juknevičienė, Janina Ochojska, Christian Sagartz, Tomas Tobé

 

3

0

ECR

Ryszard Czarnecki, Beata Kempa

ID

Bernhard Zimniok

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

 


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAT-TRASPORT U T-TURIŻMU (9.2.2022)

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar lejn ekonomija blu sostenibbli fl-UE: ir-rwol tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura

(2021/2188(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Roman Haider

 


SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2021 bit-titolu "Approċċ ġdid għal ekonomija blu sostenibbli fl-UE – It-trasformazzjoni tal-Ekonomija Blu tal-UE għal Futur Sostenibbli" (COM(2021)0240),

 wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),

 wara li kkunsidra l-kompetenza tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament fil-qasam tal-ipprogrammar marittimu u politika marittima integrata,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2020 bit-titolu "Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur" (COM(2020)0789),

 wara li kkunsidra l-ftehim politiku bejn il-Parlament u l-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2021 dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2021-2027,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2020 bit-titolu "Approċċ ġdid tal-istrateġija marittima għall-Atlantiku – Pjan ta' Azzjoni għall-Atlantiku 2.0: Pjan ta' azzjoni għal ekonomija blu sostenibbli, reżiljenti u kompetittiva fiż-żona tal-Atlantiku tal-Unjoni Ewropea" (COM(2020)0329),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta ' Settembru2021 dwar approċċ ġdid tal-istrateġija marittima għall-Atlantiku[21],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar[22],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli[23],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)[24],

A. billi l-ekonomija blu tal-UE tipprovdi 4.5 miljun impjieg dirett u tinkludi l-industriji u s-setturi kollha relatati mal-oċeani, l-ibħra u l-kosti, kemm jekk huma bbażati fl-ambjent tal-baħar (bħat-tbaħħir, it-trasport tal-passiġġieri fuq il-baħar, is-sajd u l-ġenerazzjoni tal-enerġija) kif ukoll fuq l-art (bħall-portijiet, it-tarzni, it-turiżmu kostali u l-akkwakultura bbażata fuq l-art); billi dan huwa segment tal-ekonomija tagħna wiesa' u li qed jinbidel malajr, li ħa passi sinifikanti biex jiġi modernizzat u diversifikat matul l-aħħar għaxar snin, u li se jkollu rwol importanti fit-titjib tal-iżvilupp ambjentali, soċjali u ekonomiku;

B. billi se tipprovdi wkoll prospetti ġodda u ħolqien ta' impjiegi ġodda, jiġifieri f'oqsma bħall-enerġija rinnovabbli mill-oċeani, il-bijoekonomija blu, il-bijoteknoloġija u d-desalinazzjoni;

C. billi jekk l-ekonomija blu globali titqabbel ma' ekonomija nazzjonali, tkun is-seba' l-akbar fid-dinja, u l-oċean, bħala entità ekonomika, ikun membru tal-G7; billi topera fl-akbar ekosistema tal-pjaneta, peress li l-oċeani għandhom 80 % tal-forom kollha tal-ħajja; billi l-oċean jiċċirkondana u jmantnina u jipprovdi riżorsi kritiċi għas-saħħa tal-bniedem, biex ma nsemmux xibka ta' interazzjonijiet ekonomiċi;

D. billi t-turiżmu marittimu u kostali jikkostitwixxi pilastru tal-ekonomija blu, u aktar minn nofs l-akkomodazzjoni turistika tal-UE tinsab f'żoni kostali u 30 % tal-iljieli jseħħu f'resorts qrib il-bajjiet, filwaqt li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn[25] tenfasizza l-importanza tal-protezzjoni u r-restawr tal-kapital naturali tal-art u tal-baħar tal-Ewropa;

E. billi l-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-preservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi tal-baħar huma essenzjali għall-umanità, peress li huma fundamentali għall-funzjonament xieraq tal-oċeani bħala bjar tal-karbonju, għas-sigurtà globali tal-ikel, għas-saħħa tal-bniedem u bħala sors ta' attività ekonomika, inkluż għat-trasport, il-kummerċ, it-turiżmu, is-sajd, l-enerġija rinnovabbli u l-prodotti tas-saħħa;

F. billi l-komunitajiet kostali jeħtiġilhom jiddiversifikaw is-sorsi tal-introjtu tagħhom sabiex jifilħu għax-xokkijiet ekonomiċi u soċjali;

G. billi t-turiżmu tas-sajd bil-qasba bħala settur għandu l-potenzjal li jkun sors ġdid ta' introjtu għall-komunitajiet kostali, filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà u l-istatus tajjeb tal-istokkijiet tal-ħut u jipprovdi benefiċċji soċjali u tas-saħħa;

H. billi t-turiżmu marittimu u kostali jirrappreżenta 60 % tal-impjiegi fl-ekonomija blu; billi ekonomija blu kompetittiva, reżiljenti u soċjalment ġusta teħtieġ professjonisti bi kwalifiki għoljin u b'livell għoli ta' ħiliet; billi l-"impjiegi blu" jistgħu jippromwovu t-tkabbir u l-opportunitajiet tal-karriera;

I. billi l-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-bijodiversità għandhom ikunu salvagwardjati meta tiġi promossa l-attività ekonomika marittima;

J. billi diversi setturi tal-ekonomija blu ġew affettwati mill-pandemija tal-COVID-19, b'mod partikolari t-turiżmu kostali u marittimu; billi l-ekonomija blu tista' tgħin biex issewwi d-dannu ekonomiku u soċjali kkawżat mill-kriżi attwali;

K. billi t-tarzni tal-UE jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet li jirriżultaw mis-suq li qed jikber malajr ta' bastimenti ta' servizz innovattivi u effiċjenti fl-enerġija;

L. billi l-portijiet huma kruċjali għall-konnettività u l-ekonomija tar-reġjuni u l-pajjiżi u għandhom rwol importanti fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, li jikkontribwixxi għall-indirizzar tat-telfien tal-bijodiversità, kif iddikjarat fl-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-bijodiversità għall-2030; billi hekk kif ix-xenarju industrijali tal-Ewropa jinbidel (pereżempju bl-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta), ir-rwol tal-portijiet se jevolvi wkoll;

M. billi fir-reġjuni kostali, l-iżvilupp ta' infrastruttura sostenibbli se jgħin biex jiġu ppreservati l-bijodiversità, l-ekosistemi u l-pajsaġġi kostali, li se jissaħħaħ l-iżvilupp sostenibbli tat-turiżmu u tal-ekonomiji kostali;

N. billi l-ekonomija blu għandha rwol ewlieni fil-prosperità tar-reġjuni ultraperiferiċi, li, minħabba l-iżolament tagħhom, jiddependu b'mod speċjali minn attivitajiet ibbażati fuq l-ekonomija blu, bħat-trasport marittimu, it-tbaħħir, u t-turiżmu; billi l-portijiet huma ċentru importanti għat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri fir-reġjuni ultraperiferiċi;

1. Jappoġġja l-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli fi ħdan l-ekonomija blu bħala xprunatur tat-tkabbir ekonomiku fl-UE, b'mod partikolari fiż-żoni tal-Baħar Atlantiku, Mediterran u Baltiku bħala mod kif jiġu appoġġjati l-attivitajiet settorjali u intersettorjali kollha relatati mal-oċeani, l-ibħra u ż-żoni kostali, inkluż it-trasport marittimu, il-bini tal-vapuri u t-tiswija tal-vapuri, il-bijoteknoloġija, it-turiżmu sostenibbli, l-enerġija mir-riħ offshore, is-sajd kummerċjali u rikreattiv u l-akkwakultura u l-enerġija mill-mewġ u mill-marea; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni li jikkontribwixxu għat-turiżmu sostenibbli, l-effiċjenza fir-riżorsi u l-enerġija rinnovabbli; jisħaq, b'mod partikolari, li l-enerġija rinnovabbli offshore għandha l-potenzjal li ssir komponent ewlieni tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa sal-2050 u jappella għall-ħolqien ta' inċentivi u finanzjament għal investimenti fl-infrastruttura portwarja sabiex jiġi ffaċilitat is-servizz ta' manutenzjoni tal-industrija tal-enerġija rinnovabbli offshore;

2. Jirrikonoxxi li l-isforzi ta' rkupru tal-UE jridu jkunu ffukati fuq objettivi ta' sostenibbiltà, kompetittività u t-tkabbir; jenfasizza li d-dekarbonizzazzjoni tas-settur se tirrikjedi approċċ integrat u transsettorjali u li l-miżuri tal-UE f'dan ir-rigward għandhom jimxu id f'id mal-politiki nazzjonali u lokali u jirrispettaw in-newtralità teknoloġika; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' strumenti ta' finanzjament sostenibbli biex jixprunaw din it-tranżizzjoni, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-investiment pubbliku u privat;

3. Jenfasizza li l-ekonomija blu għandha tikkontribwixxi għall-objettiv tan-newtralità tal-klima u d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tal-enerġija u l-kosteffiċjenza, in-newtralità teknoloġika, il-preservazzjoni tal-kompetittività, l-ekonomija ċirkolari u l-preservazzjoni tal-bijodiversità u għandha toħloq prattiki aktar intelliġenti u aktar sostenibbli li jkunu ta' benefiċċju għall-iżvilupp soċjoekonomiku u jikkontribwixxu għal żieda fl-impjiegi, u, barra minn hekk, għandhom ikunu bbażati fuq analiżijiet tal-valutazzjoni tal-impatt;

4. Ifakkar fl-eżistenza ta' għodod bħall-programm Ewropew CleanSeaNet, li għandu l-għan li jimmonitorja t-tniġġis taż-żejt; jenfasizza li l-kooperazzjoni reġjonali, inkluż ma' pajjiżi mhux tal-UE, hija essenzjali, speċjalment fil-Baħar Mediterran; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni fost il-pajjiżi; jissottolinja l-importanza ta' ppjanar tal-ispazju marittimu kollaborattiv, inklużiv u transsettorjali li jqis it-tħassib soċjoekonomiku, ambjentali u tal-bijodiversità; jisħaq fuq l-importanza tat-tranżizzjoni tal-enerġija, fejn is-settur tal-ekonomija blu jista' jippromwovi teknoloġiji ta' ġenerazzjoni tal-enerġija tal-baħar, bħall-enerġija mill-marea, mill-mewġ, mix-xemx u mir-riħ; jissottolinja l-importanza tal-appoġġ tad-dekarbonizzazzjoni tal-industriji tat-tbaħħir u tat-trasport marittimu, l-iżvilupp ta' teknoloġiji sostenibbli u ż-żieda fl-użu ta' sorsi ta' enerġija b'livell baxx ta' emissjonijiet u rinnovabbli;

5. Jilqa' l-Missjoni ta' Orizzont Ewropa "Nirrestawraw l-Oċean u l-Ilmijiet tagħna sal-2030", li tirrikonoxxi l-ħtieġa ta' approċċ sistemiku u koordinat għall-oċeani u l-ilmijiet tagħna fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali;

6. Jenfasizza li l-komunitajiet kostali u dawk dipendenti mill-oċeani jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' settur tal-ekonomija blu sostenibbli li jqis iċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom; jenfasizza li jistgħu jmexxu proġetti pilota varjati, bħal dwar it-teknoloġiji tal-enerġija tal-baħar, l-iżvilupp ta' attivitajiet ibbażati fuq in-natura u l-kontribut ta' sajd u akkwakultura sostenibbli għal sistemi tal-ikel tajbin għas-saħħa, reżiljenti u sikuri;

7. Jenfasizza l-importanza tat-titjib tal-kultura tal-litteriżmu dwar l-oċeani u l-bini ta' flotot tas-sajd tradizzjonali u fuq skala żgħira, bħala mod kif iż-żgħażagħ jiġu attirati lejn is-settur tat-turiżmu relatat mas-sajd;

8. Jenfasizza li s-settur marittimu huwa rabta ewlenija għall-konnettività internazzjonali, għas-sistema ta' negozjar globali, għall-ekonomija tal-UE, għall-kompetittività tagħha u għar-reġjuni tal-UE; jisħaq fuq l-importanza li jissaħħaħ ir-rwol tal-portijiet, il-ħtieġa ta' investimenti f'infrastruttura intelliġenti u l-iżvilupp u l-ġestjoni tal-portijiet, li għandhom ikomplu jżidu l-kapaċità tagħhom li jakkomodaw it-tkabbir tal-kummerċ;

9. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-UE qed tikseb u żżomm ir-rwol tagħha ta' mexxej fit-teknoloġija, iżżomm it-talent u tipproduċi l-enerġija, filwaqt li tnaqqas kwalunkwe impatt potenzjali fuq l-ambjent tal-baħar;

10. Jenfasizza l-ħtieġa ta' appoġġ finanzjarju xieraq għall-ekonomija blu biex jippermetti investimenti fuq skala kbira fir-riċerka, fit-teknoloġija u fl-infrastruttura fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-industrija, għalhekk, jevalwaw il-benefiċċju tal-istabbiliment ta' sħubijiet tal-UE għat-trasport marittimu, inkluż mas-settur privat, fil-livell tal-UE u dak internazzjonali sabiex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-kummerċ internazzjonali u tal-katina tal-provvista, jitrawmu l-innovazzjoni u l-kompetittività fis-settur, ikun hemm kontribut għad-dekarbonizzazzjoni, tinħoloq infrastruttura għall-enerġija mix-xatt, u għat-tagħbija u għall-provvista ta' fjuwils alternattivi fil-portijiet u fit-terminals tal-merkanzija, u jiġu żviluppati pjanijiet għall-immaniġġjar tal-iskart għall-portijiet tal-Atlantiku, tal-Mediterran u tal-Baltiku; jilqa' għalhekk l-istabbiliment tas-Sħubija Ewropea għal ekonomija blu newtrali għall-klima, sostenibbli u produttiva, li għandha l-għan li tallinja l-prijoritajiet nazzjonali, reġjonali u tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni;

11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu f'portijiet li jinsabu tul il-kosta tal-UE biex jiffukaw fuq konnessjonijiet neqsin maż-żona ta' kummerċ, bl-objettivi ġenerali li t-trasport isir aktar reżiljenti u li l-portijiet jinbidlu fi pjattaformi loġistiċi u raggruppamenti strateġiċi għat-trasport multimodali, il-ġenerazzjoni, il-ħżin u d-distribuzzjoni tal-enerġija kif ukoll it-turiżmu; jisħaq fuq l-importanza li tiġi inkluża miżura bbażata fuq is-suq bħala għan tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għat-tnaqqis tal-gassijiet serra mit-trasport marittimu sabiex tiġi implimentata skema ta' kumpens għal emissjonijiet ta' karbonju fit-tbaħħir internazzjonali u jiġi żgurat perkors realistiku għat-tnaqqis tal-emissjonijiet;

12. Jenfasizza li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija ta' mobbiltà sostenibbli u intelliġenti għandha l-għan li tqiegħed fis-suq l-ewwel bastimenti b'emissjonijiet żero sal-2030, u li l-UE diġà ffinanzjat riċerka sostanzjali dwar l-ibridizzazzjoni u l-elettrifikazzjoni tal-bastimenti permezz ta' Orizzont 2020; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tħaffef l-appoġġ tagħha għall-bastimenti elettriċi għal rotot qosra;

13. Jenfasizza li t-tranżizzjoni ekoloġika fit-trasport marittimu għandha tippermetti n-newtralità teknoloġika, waqt li bil-mod twassal għaż-żieda fit-taħlit tal-mandati, il-pjanijiet direzzjonali għall-forniment ta' punti tal-irriċarġjar u impenn ċar għall-fjuwils ta' tranżizzjoni, bħall-gass naturali likwifikat; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lis-sidien tal-vapuri u l-operaturi kummerċjali kollha fl-implimentazzjoni tal-miżuri operattivi u tekniċi kollha disponibbli biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jnaqqsu l-emissjonijiet mis-settur marittimu, inkluż it-tbaħħir b'veloċità mnaqqsa, l-ottimizzazzjoni tal-veloċità, il-propulsjoni bir-riħ, il-kisi antifouling, l-elettrifikazzjoni minn sorsi rinnovabbli, il-ħżin tal-enerġija, id-diġitalizzazzjoni u l-ottimizzazzjoni tal-loġistika;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtemmu proġetti prijoritarji inkluż fin-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) għaż-żoni tal-Baħar Atlantiku, Mediterran u Baltiku, speċjalment f'żoni transfruntiera u fil-kuntest tal-linji gwida futuri tat-TEN-T u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2021-2027, biex jiġi promoss, simplifikat u investit finanzjament adegwat fl-iżvilupp sħiħ ta' awtostradi tat-TEN-T tal-baħar biex jiġi integrat aħjar it-trasport marittimu fuq distanzi qosra għad-distribuzzjoni tal-merkanzija b'mod usa' permezz ta' portijiet li jgħaqqdu l-gżejjer mal-art kontinentali u sistema ta' trasport multimodali komprensiva; jisħaq li huwa essenzjali li jinħolqu ktajjen tat-trasport bla xkiel u sostenibbli għall-passiġġieri u l-merkanzija fil-modi kollha tat-trasport, u b'mod partikolari t-trasport bil-ferrovija, bil-baħar u fl-ilmijiet navigabbli interni; jemmen li l-proġetti għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tal-konnettività u l-aċċessibbiltà tar-reġjuni periferali, insulari u ultraperiferiċi fiż-żoni tal-Baħar Atlantiku, tal-Mediterran u tal-Baltiku;

15. Jenfasizza li l-portijiet jistgħu jintużaw biex jagħtu spinta lill-ekonomija blu, peress li għandhom rwol ewlieni fl-attivitajiet ekonomiċi ta' dan is-settur, u jiżguraw it-tranżizzjoni tiegħu lejn mobbiltà sostenibbli u intelliġenti f'konformità mal-prinċipji tal-Patt Ekoloġiku Ewropew[26]; jistieden lill-Kummissjoni talloka mill-ġdid aktar finanzjament tal-UE għat-titjib tal-effiċjenza tat-trasport, l-aċċessibbiltà ewlenija tal-portijiet tat-TEN-T u għat-tnaqqis tal-ispejjeż, inkluż l-investiment fit-tħammil kontinwu, l-approfondiment tal-kanali u miżuri oħra ta' bini tal-kapaċitajiet f'portijiet magħżula; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li huwa meħtieġ aktar investiment fl-infrastruttura portwarja sostenibbli u intelliġenti biex il-portijiet ikunu jistgħu jsiru ċentri ta' mobbiltà u trasport multimodali, kif ukoll ċentri tal-enerġija għal sistemi tal-elettriku integrati, għall-idroġenu u fjuwils alternattivi oħra, u jiġu ttestjati siti għall-użu mill-ġdid tal-iskart u l-ekonomija ċirkolari;

16. Jenfasizza li l-potenzjal ta' strateġija tal-ekonomija blu jista' jinkiseb biss permezz tal-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha; jinnota l-użu dejjem akbar tad-data u tal-intelliġenza artifiċjali fit-trasport marittimu u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt soċjoekonomiku tal-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tas-settur;

17. Jappella għal implimentazzjoni mtejba u aktar ikkoordinata tal-istrumenti finanzjarji kollha disponibbli, inklużi l-fondi strutturali u ta' investiment, biex tiġi promossa aħjar l-istrateġija għall-ekonomija blu;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor data konsistenti li tippermetti l-ġestjoni intelliġenti tat-turiżmu kostali u tevita l-pressjoni fuq l-ekosistemi u l-komunitajiet lokali, kif ukoll il-kompetizzjoni ma' attivitajiet tradizzjonali, bħas-sajd artiġjanali u kostali;

19. Jenfasizza li t-trawwim tal-ekonomija blu huwa essenzjali biex l-ekonomija kollha kemm hi terġa' tingħata l-ħajja u jitreġġgħu lura l-aspetti ekonomiċi u soċjali ta' diversi setturi, bħat-trasport u t-turiżmu, li ġew affettwati severament mill-pandemija tal-COVID-19;

20. Jenfasizza l-importanza tal-miżuri ta' ġestjoni u adattament meħtieġa biex jipproteġu l-komunitajiet kostali, il-ħabitats u l-bijodiversità, u li jfisser li l-fondi jintefqu tajjeb fir-rigward tal-impatti kbar tat-tibdil fil-klima u l-ispejjeż li jirriżultaw minnhom; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema ta' twissija u osservazzjoni għaż-żieda fil-maltempati u l-għargħar, tipprovdi monitoraġġ tal-ambjent u s-saħħa adegwat u twettaq riċerka dwar it-twissijiet bikrin; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta xenarji u miżuri differenti biex tiffaċċja ż-żieda possibbli fil-livell tal-baħar u l-intensifikazzjoni ta' avvenimenti tat-temp severi;

21. Jappella għall-iżvilupp ta' strumenti biex ir-riżorsi marittimi jintużaw b'mod sostenibbli u biex l-ekonomija tal-oċeani tiġi diversifikata, inkluż permezz ta' appoġġ għall-prodotti ġodda konnessi mal-attivitajiet tas-sajd u derivati minnhom, li jistgħu jżidu l-valur tal-wirt kulturali u naturali tagħna, speċifikament billi jipprovdu possibbiltajiet ta' turiżmu ta' kwalità għolja;

22. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa forom ġodda ta' turiżmu marittimu u kostali sostenibbli, tagħti spinta lil forom ġodda ta' attivitajiet tat-turiżmu, tipprovdi flussi ta' introjtu addizzjonali u żżid l-impjiegi tul is-sena kollha biex ittejjeb il-valur taż-żoni marittimi u kostali, filwaqt li tipproteġi l-ambjent u l-wirt kulturali blu u tippreserva l-ħabitats tal-baħar u dawk kostali; jenfasizza l-importanza tal-ekonomija ċirkolari fis-settur tat-turiżmu fl-iżvilupp ta' prattiki aktar sostenibbli li jkunu ta' benefiċċju għall-iżvilupp lokali; jirrikonoxxi li s-settur tat-turiżmu għandu jaħdem mal-komunitajiet kostali u jeħtieġ appoġġ biex tingħata spinta lill-effiċjenza u lis-sostenibbiltà tal-infrastruttura u lill-kompetittività tal-lukandi mal-baħar u tat-turiżmu;

23. Jisħaq fuq il-ħtieġa tal-preservazzjoni tal-kapital u l-wirt naturali tagħna biex inħeġġu t-turiżmu sostenibbli (bħall-ekoturiżmu), u jistieden lill-Istati Membri jipproteġu l-bijodiversità billi b'mod urġenti jwettqu azzjonijiet ta' konservazzjoni tal-baħar (inkluż azzjonijiet transfruntiera) biex jipproteġu, jirrestawraw u jagħtu valur lill-ekosistemi tal-baħar u kostali, inkluż permezz tan-networks tal-baħar Natura 2000;

24. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi t-turiżmu marittimu, tal-gżejjer u kostali sostenibbli f'azzjonijiet u programmi relatati, biex tappoġġja inizjattivi li jħeġġu d-diversifikazzjoni tat-turiżmu kostali, marittimu u tal-baħar, u tgħin biex l-attivitajiet turistiċi u l-impjiegi jsiru inqas staġjonali; jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar data aħjar dwar il-kontribut tat-turiżmu tas-sajd bil-qasba rikreattiv għall-ekonomija kostali u tal-gżejjer;

25. Barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tallinja l-objettivi kollha tal-ekonomija blu kemm mal-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku, bħad-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu, is-sostenibbiltà u l-protezzjoni tal-bijodiversità, kif ukoll mal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza;

26.  Jisħaq fuq l-importanza tal-ekonomija blu fir-reġjuni ultraperiferiċi, b'mod partikolari fis-settur tat-turiżmu; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni toħloq programm ta' trasport ta' soluzzjonijiet relatati speċifikament mal-qagħda mbiegħda u l-insularità (POSEI Trasport) biex tindirizza b'mod aktar dirett il-ħtiġijiet tal-gżejjer u tar-reġjuni ultraperiferiċi u tappoġġja l-operat ta' xi rotot kummerċjali lejhom;

27. Jappoġġja prattiki sostenibbli fit-turiżmu kostali u marittimu, peress li huma essenzjali għall-kompetittività taż-żoni tal-baħar Atlantiku, Mediterran u Baltiku u għall-ħolqien ta' impjiegi ta' valur għoli fl-edukazzjoni blu u t-taħriġ vokazzjonali; jisħaq li t-taħriġ speċifiku dwar l-attivitajiet tal-ekonomija blu jikkontribwixxi għaż-żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar u l-ħtieġa li dawn jiġu protetti;

28. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq konsultazzjoni wiesgħa mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u mal-partijiet ikkonċernati relatati kollha sabiex tidentifika soluzzjonijiet imfassla apposta għall-komunitajiet lokali u reġjonali;

29. Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta soluzzjonijiet possibbli biex tippromwovi r-reżiljenza tas-settur tat-turiżmu kontra l-impatti ta' pandemiji futuri jew avvenimenti oħra ta' tfixkil li joħolqu riskju għall-attivitajiet turistiċi, u toħloq inizjattivi xierqa biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema fis-settur biex tiżdied l-attraenza tiegħu u tgħin biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-ekonomija blu;

30. Jissottolinja l-importanza tat-tbaħħir bil-jottijiet u t-tbaħħir għat-turiżmu marittimu; jissottolinja r-rwol tal-kultura u l-gastronomija lokali fl-iżvilupp tat-turiżmu kostali Ewropew u l-importanza tat-turiżmu tal-bajjiet u ta' taħt l-ilma, it-turiżmu tas-sajd bil-qasba, l-ekoturiżmu, l-isport tal-ilma u l-industrija tal-kruċieri;

31. Jisħaq fuq l-importanza taż-żoni tal-baħar protetti bħala strument għall-protezzjoni tal-oċeani; jemmen li dawn iż-żoni jikkostitwixxu opportunità għall-iżvilupp tat-turiżmu xjentifiku;

32. Jinnota li data dwar l-oċeani affidabbli, ta' kwalità għolja u armonizzata hija fattur importanti fit-trasformazzjoni sostenibbli tal-ekonomija blu; jilqa' l-kondiviżjoni tad-data dwar il-baħar u l-osservazzjonijiet dwar l-oċeani, permezz tan-Network Ewropew ta' Osservazzjoni u Data Marittima, u l-ħidma tas-Servizz ta' Monitoraġġ tal-Ambjent tal-Baħar ta' Copernicus, li jipprovdi data satellitari u servizzi ta' tbassir fil-baċiri tal-baħar tal-UE u madwar id-dinja.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

7.2.2022

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

4

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdalena Adamowicz, Andris Ameriks, José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Paolo Borchia, Karolin Braunsberger-Reinhold, Marco Campomenosi, Ciarán Cuffe, Karima Delli, Gheorghe Falcă, Giuseppe Ferrandino, Carlo Fidanza, Mario Furore, Søren Gade, Isabel García Muñoz, Elsi Katainen, Kateřina Konečná, Elena Kountoura, Julie Lechanteux, Peter Lundgren, Benoît Lutgen, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Marian-Jean Marinescu, Tilly Metz, Cláudia Monteiro de Aguiar, Caroline Nagtegaal, Jan-Christoph Oetjen, Philippe Olivier, Rovana Plumb, Tomasz Piotr Poręba, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, István Ujhelyi, Henna Virkkunen, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Lucia Vuolo, Roberts Zīle, Kosma Złotowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Sara Cerdas, Clare Daly, Roman Haider, Ljudmila Novak, Jutta Paulus, Andreas Schieder, Marianne Vind

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

38

+

ECR

Carlo Fidanza, Peter Lundgren, Tomasz Piotr Poręba, Roberts Zīle, Kosma Złotowski

ID

Paolo Borchia, Marco Campomenosi, Roman Haider, Julie Lechanteux, Philippe Olivier

NI

Mario Furore

PPE

Magdalena Adamowicz, Karolin Braunsberger-Reinhold, Gheorghe Falcă, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Benoît Lutgen, Marian-Jean Marinescu, Cláudia Monteiro de Aguiar, Ljudmila Novak, Massimiliano Salini, Henna Virkkunen, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Lucia Vuolo

Renew

José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Søren Gade, Elsi Katainen, Caroline Nagtegaal, Jan-Christoph Oetjen, Dominique Riquet

S&D

Andris Ameriks, Sara Cerdas, Giuseppe Ferrandino, Isabel García Muñoz, Rovana Plumb, Andreas Schieder, István Ujhelyi, Marianne Vind

 

4

-

Verts/ALE

Ciarán Cuffe, Karima Delli, Tilly Metz, Jutta Paulus

 

3

0

The Left

Clare Daly, Kateřina Konečná, Elena Kountoura

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

16.3.2022

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

13

11

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Aguilera, Pietro Bartolo, François-Xavier Bellamy, Isabel Carvalhais, Maria da Graça Carvalho, Rosanna Conte, Rosa D’Amato, Giuseppe Ferrandino, Søren Gade, Francisco Guerreiro, Niclas Herbst, Jan Huitema, Ladislav Ilčić, France Jamet, Pierre Karleskind, Predrag Fred Matić, Francisco José Millán Mon, Grace O’Sullivan, João Pimenta Lopes, Manuel Pizarro, Caroline Roose, Bert-Jan Ruissen, Annie Schreijer-Pierik, Peter van Dalen, Theodoros Zagorakis

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Catherine Chabaud, Valentino Grant, Petros Kokkalis

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

13

+

Renew

Catherine Chabaud

S&D

Clara Aguilera, Pietro Bartolo, Isabel Carvalhais, Giuseppe Ferrandino, Predrag Fred Matić, Manuel Pizarro

The Left

Petros Kokkalis, João Pimenta Lopes

Verts/ALE

Rosa D'Amato, Francisco Guerreiro, Grace O'Sullivan, Caroline Roose

 

11

-

ECR

Ladislav Ilčić, Bert-Jan Ruissen

PPE

François-Xavier Bellamy, Maria da Graça Carvalho, Peter van Dalen, Niclas Herbst, Francisco José Millán Mon, Annie Schreijer-Pierik, Theodoros Zagorakis

Renew

Søren Gade, Jan Huitema

 

4

0

ID

Rosanna Conte, Valentino Grant, France Jamet

Renew

Pierre Karleskind

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' April 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza