RAPPORT dwar il-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-agrikoltura organika

11.4.2022 - (2021/2239(INI))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: Simone Schmiedtbauer


Proċedura : 2021/2239(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0126/2022
Testi mressqa :
A9-0126/2022
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-agrikoltura organika

(2021/2239(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 39, 192(1) u 349 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi li ntlaħaq fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Marzu 2021 dwar pjan ta' azzjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika (COM(2021)0141),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew[1],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent[4],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013[5],

 wara li kkunsidra Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2021 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni[6],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2021 dwar il-pjan ta' azzjoni għall-iżvilupp tal-agrikoltura organika,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar strateġija Ewropea għall-promozzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini – Inħeġġu l-produzzjoni tal-pjanti leguminużi u li fihom il-proteini fis-settur agrikolu Ewropew[7],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ottubru 2020 dwar l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-22 ta' Settembru 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika tal-UE,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tat-2 ta' Diċembru 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-biedja organika,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A9-0126/2022),

A. billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar pjan ta' azzjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika (pjan ta' azzjoni organiku, PAO) tenfasizza li l-Patt Ekoloġiku, u l-istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" u l-istrateġija għall-bijodiversità, li jagħmlu parti minnu, huma kruċjali għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni lejn sistema tal-ikel aktar sostenibbli, b'mod partikolari t-tisħiħ tal-isforzi tal-bdiewa biex jipproteġu l-ambjent, jippreservaw il-bijodiversità u jindirizzaw it-tibdil fil-klima; billi l-agrikoltura b'mod ġenerali, u l-agrikoltura organika b'mod partikolari għandhom rwol ewlieni fil-kisba ta' dan l-objettiv;

B. billi wara 12-il xahar, il-lista ta' kważi l-leġiżlazzjoni sekondarja kollha meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2018/848 issa hija lesta, għalkemm dan mhuwiex il-każ għar-regolament delegat li jirregola l-produzzjoni tal-melħ organiku;

C. billi r-regolament delegat se jkollu jagħti prijorità lill-proċessi naturali, mingħajr addittivi jew emissjonijiet tal-karbonju matul it-tħejjija, li jikkaratterizzaw il-melħ tal-baħar biex dan jingħata ċertifikazzjoni organika;

D. billi s-sistema tal-ikel tal-Ewropa trid tipprovdi ikel prodott b'mod sostenibbli u nutrittiv bi prezzijiet affordabbli u tiżgura s-sigurtà tal-ikel b'mod li jiżgura soċjetà b'saħħitha u pjaneta b'saħħitha, jikkontribwixxi għall-benesseri soċjali u ekonomiku, jipproteġi s-saħħa kemm tal-ekosistemi kif ukoll taċ-ċittadini Ewropej, u jiżgura l-profittabbiltà tal-produzzjoni agrikola u għalhekk għajxien ġust għall-bdiewa; billi huwa essenzjali li jiġi żgurat li ż-żieda fl-ammont ta' art użata għall-biedja organika tikkorrispondi mal-kapaċità tas-suq li jassorbi l-prodotti organiċi;

E. billi r-Regolament (UE) 2018/848 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi jobbliga lill-bdiewa jikkonformaw ma' perjodu ta' konverżjoni li matulu jridu japplikaw ir-regoli kollha dwar il-produzzjoni organika;

F. billi dan il-perjodu jista' jdum sa tliet snin; billi matul dan il-perjodu, il-bdiewa jkollhom iġarrbu spejjeż ogħla tal-produzzjoni mingħajr ma jibbenefikaw minn prezzijiet ogħla tas-suq għall-prodotti organiċi;

G. billi l-agrikoltura organika toffri benefiċċji ambjentali varji, inkluż tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra, u għandha l-potenzjal li tgħin lis-settur agrikolu jaqdi r-rwol tiegħu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fl-adattament għat-tibdil fil-klima u fl-indirizzar ta' sfidi ewlenin bħat-telf ta' impjiegi f'żoni rurali, il-fertilità tal-ħamrija u t-telfien tal-bijodiversità, kif ukoll fil-promozzjoni tar-reżiljenza għall-isfidi ekonomiċi;

H. billi d-diversità agrikola u ktajjen iqsar bejn il-bdiewa u l-konsumaturi huma elementi importanti għal sistema tal-ikel sostenibbli u tajba għas-saħħa;

I. billi l-biedja organika tista' tikkontribwixxi għall-kisba ta' bilanċ ambizzjuż f'termini ta' sostenibbiltà minn perspettiva ekonomika, soċjali u ambjentali, filwaqt li trawwem il-protezzjoni tal-ħamrija, tal-ilma u tal-bijodiversità u l-benessri tal-annimali, u toffri liż-żgħażagħ opportunitajiet biex jagħżlu l-professjoni tal-biedja;

J. billi l-istandards ambjentali u tal-benessri tal-annimali fl-UE huma fost l-ogħla fid-dinja; billi l-art agrikola organika għandha 30 % aktar bijodiversità, hija ta' benefiċċju għad-dakkara u tillimita l-użu tal-fertilizzanti artifiċjali u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;

K. billi l-biedja organika tista' tikkontribwixxi wkoll għar-rivitalizzazzjoni taż-żoni rurali, il-ħolqien tal-impjiegi, is-sostenibbiltà ta' azjendi agrikoli żgħar, u b'hekk tqarreb il-konsumaturi u l-produtturi, issaħħaħ il-konnessjonijiet mal-ekonomija lokali u tistimola multiplikaturi ekonomiċi pożittivi; billi l-politika agrikola komuni (PAK) il-ġdida tintroduċi miżuri ambizzjużi ġodda biex tinkoraġġixxi l-produzzjoni sostenibbli, inkluża l-biedja organika;

L. billi huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-konsumaturi, li qed jagħtu importanza dejjem akbar lill-kwalità ta' dak li jieklu, u s-settur tal-forniment tal-ikel, ikunu f'pożizzjoni li jagħmlu għażliet infurmati u konxji meta jixtru l-ikel;

M. billi huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu infurmati kif xieraq dwar il-benefiċċji tal-konsum ta' prodotti organiċi u li jkunu protetti minn tikketti, imballaġġ u reklamar deliberatament qarrieqa;

N. billi fl-2019, l-erja agrikola totali tal-UE li tintuża għall-biedja organika kibret għal 13.8-il miljun ettaru; billi bħalissa din tkopri 8.5 % tal-erja agrikola totali utilizzata tal-UE; billi bejn l-2010 u l-2019 il-valur tas-suq organiku tal-UE żdied b'aktar mid-doppju;

O. billi l-bejgħ bl-imnut ta' prodotti organiċi żdied minn EUR 18 biljun għal EUR 41 biljun fil-perjodu 2009-2019; billi ż-żieda fil-produzzjoni organika hija akbar mill-iżvilupp tas-suq organiku f'partijiet tal-UE u hemm differenzi sinifikanti fil-konsum organiku fl-Istati Membri kollha; billi l-produzzjoni ta' prodotti organiċi hija baxxa ħafna jew ineżistenti f'ċerti partijiet tal-UE, u hemm disparitajiet kbar bejn l-Istati Membri, li jvarjaw minn 0,5 % sa 26,5 % taż-żona disponibbli ddedikata għas-settur;

P. billi l-PAO jinkludi 23 azzjoni, li jipprovdu bażi solida għall-iżvilupp tas-settur organiku b'mod sostenibbli; billi huwa previst rieżami ta' nofs it-terminu tal-PAO fl-2024 u ġie stabbilit "Jum Organiku tal-UE" annwali, li jirrappreżenta opportunità biex jittejbu l-viżibbiltà u r-rikonoxximent tal-biedja organika u titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tal-produzzjoni organika, peress li l-bdiewa organiċi huma meqjusa bħala "l-pijunieri tal-agrikoltura sostenibbli"

Q. billi r-Regolament (UE) 2018/848, li se japplika mill-1 ta' Jannar 2022, għandu l-għan b'mod partikolari li jżid il-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti organiċi permezz ta' kontrolli u regoli aktar stretti għall-importazzjonijiet;

R. billi l-linji gwida strateġiċi għal akkwakultura tal-UE aktar sostenibbli u kompetittiva għall-perjodu 2021 sal-2030 ġew ippubblikati f'Mejju 2021 u se jiġu żviluppati fil-Pjanijiet Strateġiċi Nazzjonali;

Kummenti ġenerali

1. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar pjan ta' azzjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika, l-objettiv li tiżdied iż-żona agrikola tal-UE allokata għall-biedja organika sal-2030 permezz tal-iżvilupp tal-provvista u d-domanda, u r-rikonoxximent mill-Kummissjoni tal-biedja organika bħala wieħed mill-komponenti ewlenin fit-triq tal-UE lejn sistemi tal-ikel aktar sostenibbli, bl-użu ta' prattiki agrikoli aktar sostenibbli, l-użu aktar effiċjenti ta' sorsi rinnovabbli, l-iżgurar ta' standards ogħla għall-benessri tal-annimali u għajnuna biex jiġi żgurat dħul ogħla għall-bdiewa Ewropej;

2. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tas-sehem taż-żona agrikola tal-UE allokata għall-biedja organika; iqis li l-iżvilupp tal-biedja organika, li jwassal għal ħafna esternalitajiet u benefiċċji pożittivi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u l-protezzjoni tal-ħamrija se jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" u tal-istrateġiji għall-bijodiversità; jirrikonoxxi, fl-istess ħin, il-potenzjal għal mudelli ta' produzzjoni u metodi ta' biedja sostenibbli oħra bħall-produzzjoni integrata u l-kontroll bijoloġiku, li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku;

3. Jissottolinja li s-sehem tal-art agrikola allokat għall-biedja organika jvarja b'mod sinifikanti fost l-Istati Membri; jenfasizza li dan għandu jitqies meta jiġu żviluppati politiki u strumenti mmirati lejn it-tisħiħ tal-produzzjoni organika u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari għall-appoġġ tagħha lill-Istati Membri li għadhom lura;

4. Jinsisti li l-miżuri u l-istrumenti kollha proposti f'dan ir-rigward għandhom ikunu bbażati fuq analiżijiet bir-reqqa u valutazzjonijiet tal-impatt; huwa tal-fehma li l-leġiżlazzjoni u l-PAO iridu jipprovdu biżżejjed spazju għall-flessibbiltà biex jitqiesu d-differenzi fin-natura u l-kundizzjonijiet tal-agrikoltura organika fl-Istati Membri;

5. Jirrimarka li, bl-introduzzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 il-ġdid dwar il-produzzjoni organika fl-2022, il-Kummissjoni jeħtieġilha tiżgura tranżizzjoni ordnata u mkejla mil-leġiżlazzjoni l-antika tal-UE relatata mas-settur organiku sabiex dan is-settur jkun jista' jiffamiljarizza ruħu mar-regoli l-ġodda malajr u b'mod affidabbli; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt tar-regolament il-ġdid ħames snin wara l-implimentazzjoni tiegħu, bil-ħsieb li tagħmel kwalunkwe aġġustament meħtieġ;

6. Jissottolinja li l-iżvilupp u t-tkabbir tas-settur organiku u taż-żoni organiċi, kif previst fl-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt", bi rwol ewlieni fir-rivitalizzazzjoni u ż-żamma ta' żoni rurali vibranti, iridu jkunu mmexxija mis-suq u akkumpanjati minn żviluppi olistiċi fil-katina tal-provvista, inkluż l-ipproċessar, kif ukoll miżuri ta' politika li jistimulaw aktar provvista u domanda għall-ikel organiku u li jiżguraw il-fiduċja tal-konsumatur;

7. Jenfasizza li l-kombinazzjoni ta' dawn l-approċċi għandha tippermetti żvilupp ibbilanċjat, f'konformità mal-kapaċità tas-suq li jassorbi l-produzzjoni organika, sabiex tiġi salvagwardjata l-profittabbiltà futura tas-suq organiku u l-biedja organika fl-UE;

8. Jenfasizza l-ħtieġa, f'dan il-kuntest, li jitneħħew il-piżijiet amministrattivi eċċessivi; jenfasizza li l-benefiċċji ambjentali tal-biedja organika m'għandhomx jiġu appoġġjati biss mill-konsumaturi ta' prodotti organiċi li lesti jħallsu prezz ogħla, iżda l-baġit tal-PAK għandu wkoll jippremja b'mod xieraq lill-bdiewa organiċi għall-beni pubbliċi speċifiċi li huma jipprovdu permezz tal-protezzjoni tal-ambjent u tar-riżorsi naturali, permezz tat-tnaqqis tal-inputs u permezz tal-appoġġ ta' standards ogħla fil-qasam tal-benessri tal-annimali;

9. Jenfasizza li l-istimulazzjoni tas-sostenibbiltà u r-reżiljenza agrikola tas-sistema tal-ikel tal-UE għandha tkun prijorità, u li l-biedja organika hija element ewlieni biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali u klimatiċi; iqis li l-innovazzjoni sostenibbli fi prattiki bħall-biedja organika u, b'mod aktar ġenerali, l-agroekoloġija jistgħu jwasslu għal diversità akbar fis-sistemi tal-biedja;

10. Jissottolinja li l-koeżistenza ta' sistemi differenti tal-biedja hija importanti, peress li d-diversità hija essenzjali għas-sigurtà u r-reżiljenza tas-sistema tal-ikel, u hija ta' benefiċċju għall-iżvilupp sostenibbli; jirrimarka li m'hemm l-ebda mudell uniku ta' biedja li jaqbel mal-pajjiżi u r-reġjuni kollha, u jenfasizza li l-benefiċċji tal-mudelli differenti ta' biedja sostenibbli għandhom jiġu rikonoxxuti;

11. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jkomplu jiżdiedu r-rendimenti organiċi sabiex tiġi evitata żieda fl-impronta ekoloġika mill-produzzjoni tal-ikel f'pajjiżi mhux tal-UE filwaqt li ssir aktar konverżjoni għall-mudell tal-biedja organika fir-reġjuni tal-UE;

12. Jirrimarka li biex pjan ta' azzjoni tal-UE jirnexxi, dan għandu jistimula u jimmobilizza l-Istati Membri, kif ukoll l-awtoritajiet reġjonali u lokali, filwaqt li jqis l-ispeċifiċitajiet u l-punti ta' tluq differenti tagħhom; jemmen li l-PAO reġjonali u lokali, fejn rilevanti, għandu jkollhom rwol ukoll fl-iżvilupp tas-settur organiku;

13. Jesprimi l-fehma, għalhekk, li l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jistabbilixxu l-istrateġiji nazzjonali tagħhom stess għall-biedja organika u jiżviluppaw il-PAO nazzjonali u/jew reġjonali tagħhom stess, f'koordinazzjoni mal-Pjanijiet Strateġiċi Nazzjonali, li għandu jkollhom livell għoli ta' ambizzjoni għall-iżvilupp tal-biedja organika, b'objettivi, azzjonijiet, skedi ta' żmien u baġits realistiċi u konkreti, inklużi inċentivi għall-bdiewa, li jiffaċilitaw l-għażla u jappoġġaw inizjattivi minn isfel għal fuq;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dawn il-kundizzjonijiet jiġu rispettati bis-sħiħ meta tapprova l-Pjanijiet Strateġiċi Nazzjonali ppreżentati mill-Istati Membri u tiżgura li jkun hemm biżżejjed riżorsi finanzjarji disponibbli, flimkien mal-għodod l-aktar effettivi, biex jintlaħqu l-objettivi rilevanti f'termini tal-iżvilupp tas-settur; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu skambjati l-għarfien u l-aħjar prattiki, peress li xi Stati Membri għandhom aktar esperjenza fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet nazzjonali ambizzjużi;

15. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi tali skambji fil-qafas tal-laqgħat pubbliċi ta' segwitu ppjanati; jenfasizza li l-PAO nazzjonali għandhom joħolqu prevedibbiltà u ċarezza għall-bdiewa u l-industrija, biex b'hekk jinkoraġġixxu l-iżvilupp tas-settur organiku u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti organiċi;

16. Jilqa' l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament dwar il-biedja organika biex jinkludi ċerti prodotti marbuta mill-qrib mal-agrikoltura, li mhumiex elenkati fl-Anness I tat-TFUE, bħall-melħ; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, dwar ir-rapport dwar il-melħ organiku ppubblikat fis-6 ta' Awwissu 2021 mill-Grupp ta' Esperti għall-Pariri Tekniċi dwar il-Produzzjoni Organika (EGTOP), peress li dan huwa favur l-estensjoni tat-tikketta organika tal-UE għal metodi ta' produzzjoni li ma jikkonformawx mal-prinċipji tar-Regolament (UE) 2018/848; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex ma ssegwix il-parir tal-EGTOP;

17. Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati kollha, speċjalment il-bdiewa u l-assoċjazzjonijiet organiċi, il-kooperattivi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-industrija agroalimentari tul il-katina tal-valur, il-bejjiegħa agroalimentari bl-ingrossa, ir-rappreżentanti tal-konsumaturi u tas-settur privat u l-industrija tal-ospitalità, inklużi l-fornituri tal-ikel fuq skala kbira u l-assoċjazzjonijiet tal-edukazzjoni tal-ikel, kif ukoll iċ-ċittadini, fi proċess konsultattiv meta jfasslu, jadottaw, jirrevedu u jimplimentaw il-PAO nazzjonali u/jew reġjonali tagħhom sabiex jiksbu l-aħjar sinerġiji possibbli u jilħqu l-objettiv ta' żona akbar allokata għall-biedja organika kif stabbilit fil-Pjan Strateġiku Nazzjonali tagħhom;

18. Jirrikonoxxi li l-produzzjoni organika toffri redditi ekonomiċi aħjar għall-bdiewa, iżda spiss tinvolvi spejjeż ogħla tal-produzzjoni u, għalhekk, tirrikjedi li l-prezzijiet tas-suq u l-appoġġ dirett ikunu biżżejjed biex dawk l-ispejjeż jiġu koperti ħalli l-bdiewa jiksbu qligħ ġust;

19. Jindika li prezzijiet ogħla għall-konsumatur jistgħu jirrappreżentaw ostaklu għall-espansjoni iżda li bħalissa huma meħtieġa biex isostnu s-settur organiku; ifakkar li f'xi każijiet ma hemm l-ebda suq għall-prodotti agrikoli organiċi, u dan iġiegħel lill-bdiewa jbigħuhom bħala prodotti agrikoli konvenzjonali bi prezz aktar baxx;

20. Ifakkar li l-biedja organika tinvolvi standards ta' produzzjoni għoljin ħafna; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-affordabbiltà u b'hekk l-aċċessibbiltà tal-prodotti organiċi; jenfasizza bil-qawwa li l-produtturi għandhom jiġu appoġġjati fil-proċess ta' konverżjoni għall-produzzjoni organika u għandhom jibbenefikaw mill-valur miżjud tal-biedja organika; jinnota li, bħal fil-każ tal-prodotti konvenzjonali, distribuzzjoni aħjar tal-valur bejn l-atturi fil-katina tal-ikel organiku tkun ta' benefiċċju kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-konsumaturi;

21. Jirrikonoxxi li l-iżvilupp tas-settur organiku se jippermetti ekonomiji ta' skala fl-ipproċessar u l-loġistika li se jżidu l-effiċjenza u jwasslu għal spejjeż aktar baxxi; jenfasizza l-importanza tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Inġusti għall-iżvilupp tas-settur u biex jiġi żgurat li l-bejjiegħa bl-imnut ma jkollhomx marġnijiet ta' profitt eċċessivament għoljin fuq prodotti organiċi; iqis ukoll li l-prodotti organiċi jistgħu jiġu inklużi fil-programmi fl-ambitu tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, sakemm tkun disponibbli provvista suffiċjenti;

22. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qed taħdem biex ittejjeb il-benessri ġenerali tal-annimali u jirrimarka li mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2020 dwar l-agrikoltura u l-PAK ħareġ li 80 % taċ-ċittadini tal-UE jassoċjaw il-biedja organika ma' rispett akbar għall-benessri tal-annimali; jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-importanza li tiġi appoġġjata t-trobbija organika tal-bhejjem;

23. Jissottolinja l-importanza li jitħaffef l-iżvilupp tal-akkwakultura organika u s-suq tagħha fl-UE, kif ukoll li tissaħħaħ id-domanda tal-konsumaturi għal dawn il-prodotti u l-fiduċja fihom; jenfasizza li wieħed minn kull erba' prodotti tas-sajd ġej mill-akkwakultura; jirrimarka, madankollu, li peress li l-biċċa l-kbira tal-konsum ta' dawn il-prodotti huwa fornut mill-importazzjonijiet, li jirrappreżentaw 60 % tal-provvista totali, hemm potenzjal kbir ta' tkabbir li jeħtiġilna nieħdu vantaġġ minnu sabiex niżviluppaw l-akkwakultura Ewropea b'mod ġenerali u l-akkwakultura organika b'mod partikolari;

24. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkoordinati l-miżuri dwar l-akkwakultura organika mal-linji gwida strateġiċi l-ġodda għal akkwakultura tal-UE aktar sostenibbli u kompetittiva għall-perjodu 2021 sal-2030 u l-iżvilupp tas-settur fl-Istati Membri u r-reġjuni;

Nistimulaw id-domanda u niżguraw il-fiduċja tal-konsumatur

25. Jappoġġja lill-Kummissjoni fil-promozzjoni u l-kondiviżjoni ulterjuri tal-informazzjoni dwar il-logo organiku tal-UE fost il-konsumaturi, inkluż permezz ta' skemi għall-iskejjel, li għandhom jagħtu sehem akbar lill-prodotti organiċi meta l-iskemi għall-iskejjel jiġu riveduti, kif ukoll f'istituzzjonijiet oħra bħad-djar tal-kura; jappoġġja l-promozzjoni tal-logos organiċi lokali li jeżistu f'diversi Stati Membri u li joffru mill-inqas l-istess garanziji bħal-logo organiku tal-UE u li jintużaw flimkien miegħu; jinnota li l-iskemi tal-iskejjel għandhom ikunu l-bażi għal diskussjoni pedagoġika dwar in-nutrizzjoni u l-ikel sostenibbli u jkunu akkumpanjati minn miżuri li għandhom l-għan li jinfurmaw u jedukaw lit-tfal dwar dieti aħjar;

26. Jenfasizza li huwa ta' importanza kbira li jingħata segwitu għall-istħarriġ tal-konsumaturi dwar il-prodotti organiċi permezz ta' azzjonijiet intiżi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tal-biedja organika għas-saħħa, il-benessri u kwalità għolja tal-ħajja, filwaqt li jiġi żgurat li l-fiduċja tal-konsumatur fis-sikurezza u s-sostenibbiltà tal-metodi tal-biedja konvenzjonali fl-Unjoni ma tiġix imminata; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni preċiża biex jiġi żgurat li l-inizjattivi l-ġodda li qed jiġu żviluppati dwar it-tikkettar sostenibbli tal-ikel ma jdgħajfux il-logo organiku tal-UE jew joħolqu konfużjoni għall-konsumatur fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u t-tifsira rispettivi tagħhom;

27. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar tikketti, imballaġġ u reklamar qarrieqa li jagħmluha diffiċli għall-konsumaturi biex jiddistingwu prodotti konvenzjonali minn prodotti organiċi; jinnota li r-Regolament (UE) 2018/848 u l-kontrolli indipendenti frekwenti huma l-bażi għall-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti organiċi u jistieden lill-Istati Membri jikkomunikaw b'mod ċar dwar il-logo organiku tal-UE;

28. Jenfasizza r-rwol li għandhom is-supermarkets u d-diversi ktajjen tal-provvista tal-ikel fil-promozzjoni u l-appoġġ tal-logo organiku tal-UE; jistenna l-inizjattivi futuri tal-Kummissjoni mmirati biex jiggwidaw aħjar lill-konsumaturi fl-għażla tagħhom tal-ikel permezz ta' kampanji ta' tikkettar, promozzjoni u informazzjoni, ibbażati fuq pedamenti xjentifiċi sodi, indipendenti u operattivi u metodoloġiji kompleti u koerenti; jinnota li t-tikkettar obbligatorju li jindika l-oriġini tal-prodotti tal-ikel tal-UE għandu l-potenzjal li jżid b'mod sinifikanti t-trasparenza u t-traċċabbiltà, u b'hekk jiġġieled il-frodi u l-metodi ta' produzzjoni illegali, u jtejjeb wkoll il-fiduċja tal-konsumaturi;

29. Ifakkar li r-rekwiżiti tal-kċejjen professjonali huma differenti minn dawk tal-unitajiet domestiċi; jenfasizza l-importanza li jinħoloq valur miżjud għall-katina tal-provvista u li jiżdied il-livell tal-ipproċessar tal-prodotti organiċi biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-kċejjen professjonali;

30. Jemmen li r-rieżami tal-akkwist pubbliku ekoloġiku (APE) tal-2019 għandu jiġi ppubbliċizzat aħjar fl-Istati Membri sabiex itejjeb is-sensibilizzazzjoni u jservi bħala stimolu qawwi għal azzjoni mmirata lejn il-promozzjoni tal-produzzjoni organika u biex jappoġġja dieta aktar ambjentali u tajba għas-saħħa f'istituzzjonijiet bħall-iskejjel, l-isptarijiet, id-djar tal-anzjani u l-ħabsijiet, u jista' wkoll inaqqas l-ammont ta' skart ta' prodotti organiċi fl-Istati Membri li għandhom surplus; jemmen li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom imexxu bl-eżempju fil-faċilitajiet tagħhom stess; iqis li sabiex jiżdied l-użu tal-APE, huwa essenzjali li jkun hemm koordinazzjoni mas-settur permezz tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tiegħu sabiex jiġi żgurat li l-akkwist jaħdem bla xkiel;

31. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-investigazzjonijiet tagħha dwar l-ostakli strutturali u loġistiċi attwali u tippromwovi l-użu tal-kriterji tal-APE fl-Istati Membri, kif ukoll ta' azzjonijiet biex jittejbu l-informazzjoni, l-edukazzjoni u l-promozzjoni ta' prodotti organiċi sabiex din il-miżura ssir aktar effettiva; jirrimarka li ż-żieda fl-użu tal-APE għandha tiġi deċiża fil-livell nazzjonali skont id-domanda nazzjonali u l-miri stabbiliti fil-PAO nazzjonali; jemmen li l-APE jrid jagħmel enfasi qawwija fuq il-prodotti organiċi tal-UE, li se jistimula il-produzzjoni u jgħin lill-UE tilħaq il-miri klimatiċi tagħha;

32. Jenfasizza li l-produzzjoni u l-ipproċessar organiċi jridu jiġu żviluppati b'mod xieraq fil-livelli reġjonali u lokali, bl-involviment tal-bdiewa organiċi lokali; jappoġġja l-iżvilupp ta' sistemi tal-ikel sostenibbli reġjonali bbażati fuq il-kooperazzjoni li tinvolvi l-partijiet interessati kollha tal-ikel; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' data vverifikata dwar l-użu ta' prodotti organiċi f'kantins pubbliċi u ristoranti;

33. Jirrimarka li l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, flimkien mal-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa u l-bejjiegħa agroalimentari bl-ingrossa jiżvolġu rwol importanti fl-appoġġ tal-istrutturar tas-settur organiku f'termini ta' produzzjoni, ipproċessar kollettiv, loġistika u kummerċ, l-iffaċilitar tal-aċċess għall-art għall-bdiewa organiċi, l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn il-produtturi nfushom, bejn il-produtturi u l-konsumaturi u mas-servizzi tal-ikel;

34. Jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol li għandhom jiżvolġu l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali fis-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar it-tipi kollha ta' metodi ta' biedja sostenibbli, fil-provvista ta' prodotti organiċi fil-kantins u fl-iżvilupp ta' programmi edukattivi għall-iskejjel preprimarji u l-iskejjel;

35. Jirrimarka, f'dan il-kuntest, li s-swieq tal-bdiewa fil-livell lokali u reġjonali huma għodda effettiva biex jitnaqqas id-distakk bejn il-produtturi u l-konsumaturi u għandhom jiġu promossi; ifakkar ukoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa jipprovdu assistenza teknika siewja ħafna lill-bdiewa organiċi u lil dawk fil-proċess ta' konverżjoni, li hija kruċjali għall-implimentazzjoni ta' dawn il-prattiki, u li teħtieġ finanzjament adegwat mill-PAK u minn sorsi oħra;

36. Jenfasizza li l-awtoritajiet kollha jeħtiġilhom jiżguraw li l-qafas regolatorju jkompli jippermetti u jistimula l-iżvilupp tas-settur, filwaqt li l-piżijiet amministrattivi jinżammu f'livell minimu; ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali f'ħafna Stati Membri ilhom żmien involuti fl-appoġġ tal-iżvilupp tal-biedja organika, b'mod partikolari permezz tal-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' żvilupp rurali;

37. Jenfasizza li, meta jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali, huwa meħtieġ approċċ li jieħu kont tal-karatteristiċi tal-post, f'konformità mal-istandards tal-Aġenda Territorjali 2030, biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet differenti taż-żoni rurali, periurbani u urbani madwar l-Ewropa;

38. Jissottolinja li s-suċċess tal-PAO se jiddependi fuq l-involviment aktar b'saħħtu tas-settur privat biex tiġi stimulata d-domanda u jingħata introjtu ġust lill-bdiewa, speċjalment f'pajjiżi bi swieq u produzzjoni organiċi inqas żviluppati; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika sett ta' strumenti li jippermettu lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-ktajjen tal-bejgħ bl-imnut biex jgħinu b'mod attiv fil-promozzjoni u l-għoti ta' informazzjoni dwar l-importanza tal-konsum organiku u fil-ħolqien ta' ktajjen tal-provvista lokali ta' prodotti organiċi; jissottolinja li żieda fil-produzzjoni organika trid tiġi primarjament minn domanda privata ogħla u mhux esklussivament minn inċentivi politiċi;

39. Jaċċentwa l-importanza tat-titjib tat-trasparenza fil-katina tal-provvista tal-ikel organiku u ta' traċċabbiltà aħjar tal-proċessi kollha ta' produzzjoni u distribuzzjoni f'konformità mat-talbiet tal-konsumaturi Ewropej li jkollhom aktar informazzjoni dwar l-oriġini u l-metodi ta' produzzjoni tal-prodotti tal-ikel li jikkunsmaw; jilqa' l-inizjattivi volontarji mill-bejjiegħa bl-imnut biex jixtru prodotti ta' konverżjoni bi prezz ogħla u jemmen li inizjattivi bħal dawn għandhom jiġu promossi;

40. Jieħu nota tad-diffikultajiet li l-bejjiegħa bl-imnut qed jiffaċċjaw fil-kummerċjalizzazzjoni ta' dawn il-prodotti ta' konverżjoni lill-konsumaturi minħabba n-nuqqas ta' regoli armonizzati dwar il-kummerċjalizzazzjoni u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta miżuri biex tiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, bħal pereżempju permezz tat-tikkettar armonizzat;

41. Jissottolinja li huwa essenzjali għall-Kummissjoni, għall-Istati Membri u għall-partijiet ikkonċernati li jimpenjaw ruħhom b'mod attiv fl-identifikazzjoni ta' modi li bihom il-mekkaniżmi eżistenti ta' ċertifikazzjoni u ta' kontroll jistgħu jsiru aktar robusti biex tiġi evitata l-frodi fil-produzzjoni u fil-kummerċ organiku;

42. Jemmen li l-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni u kontroll iridu jkunu aktar adattati għar-realtà fil-prattika għall-bdiewa organiċi u l-proċess irid jiġi ssimplifikat, inkluż permezz ta' soluzzjonijiet tal-IT;

43. Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-proċeduri għall-awtorizzazzjoni tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni; jenfasizza li l-proċess ta' ċertifikazzjoni fil-konverżjoni għall-biedja organika għadu kkumplikat u diffiċli biex jiġi implimentat u dan għandu jiġi ffaċilitat, speċjalment għall-bdiewa ż-żgħar; iqis li l-bdiewa għandhom jiġu appoġġjati biex ikopru l-ispejjeż taċ-ċertifikazzjoni;

44. Jenfasizza l-ħtieġa ta' sistemi Ewropej armonizzati għaċ-ċertifikazzjoni tal-inputs għall-biedja organika sabiex tiġi evitata l-proliferazzjoni ta' ċertifikazzjonijiet privati b'rekwiżiti u sistemi ta' kontroll differenti; jistieden lill-Kummissjoni taċċellera l-armonizzazzjoni tagħha fl-UE kollha permezz tal-PAO;

45. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kontrolli doganali permezz ta' mekkaniżmi ta' kontroll diretti u unifikati f'koordinazzjoni mal-Istati Membri u f'konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, sabiex jiġu evitati l-frodi alimentari, il-falsifikazzjoni u l-importazzjonijiet ta' prodotti li ma jikkonformawx mal-istandards tal-produzzjoni organika tal-UE, kif ukoll biex jiġi evitat ir-riskju li s-settur organiku tal-UE jitqiegħed fi żvantaġġ kompetittiv minħabba nuqqas ta' konverġenza globali tal-istandards u żieda fl-ispejjeż għall-konsumaturi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa għal involviment akbar tal-awtoritajiet doganali rilevanti sabiex jiġu ggarantiti l-kwalità u s-sikurezza tal-prodotti organiċi u tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi ġewwa u barra l-UE;

46. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas, fil-pjan ta' azzjoni organika, ta' kwalunkwe referenza għad-diffikultajiet u l-ispejjeż kbar maħluqa għas-settur minħabba l-ħtieġa li jiġu stabbiliti miżuri xierqa matul il-kultivazzjoni, il-ħsad, it-trasport, il-ħżin u l-ipproċessar biex il-prodotti mhux awtorizzati bħalma huma, pereżempju, l-OĠM, jinżammu barra mill-katina tal-produzzjoni organika;

47. Jisħaq li l-prodotti agrikoli ta' oriġini tal-UE huma rikonoxxuti internazzjonalment għall-kwalità għolja tagħhom; iqis li huma meħtieġa azzjonijiet pożittivi u li jippromwovu l-kummerċ biex il-prodotti organiċi tal-UE jiġu promossi aktar fuq livell internazzjonali; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, ir-rwol potenzjali tal-politika ta' promozzjoni tal-UE għall-produzzjoni organika; jissottolinja li din għandha tirrikonoxxi l-firxa wiesgħa ta' metodi, prattiki u prodotti ta' produzzjoni sostenibbli fl-UE;

48. Jirrimarka li l-indikazzjonijiet ġeografiċi, li huma appoġġjati mill-politika ta' promozzjoni tal-UE, jikkontribwixxu b'mod qawwi għat-tkabbir ekonomiku f'ħafna żoni rurali u huma emblematiċi tal-agrikoltura Ewropea; jitlob li l-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar il-potenzjal għall-espansjoni tas-suq organiku u tħaffef in-negozjati li għaddejjin biex tinkiseb il-bidla minn ekwivalenza għal konformità mal-istandards tal-UE għall-importazzjonijiet ta' prodotti organiċi;

49. Jappoġġja t-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel sostenibbli; huwa tal-fehma li l-azzjoni fil-livell tal-UE, inkluża b'mod partikolari l-istrateġija tal-Patt Ekoloġiku, għandu jkollha l-għan li b'mod regolari toħloq sensibilizzazzjoni ambjentali fuq skala globali; jiddispjaċih għall-fatt li l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles kultant ma jagħtux biżżejjed attenzjoni lid-differenzi kbar fl-istandards tal-produzzjoni agrikola bejn l-UE u pajjiżi terzi fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali u l-benesseri tal-annimali, u dan jiskoraġġixxi lill-bdiewa tal-UE minn investimenti ambjentali ulterjuri, inkluż fil-produzzjoni organika;

Nistimulaw il-konverżjoni u nsaħħu l-katina tal-valur kollha

50. Iqis li, sabiex jiġu ssodisfati l-ambizzjonijiet tal-Pjanijiet Strateġiċi Nazzjonali, huwa essenzjali li jkun hemm baġit tal-PAK adegwat, kif ukoll kompatibbiltà ma' fondi jew programmi Ewropej oħra, biex jinħolqu inċentivi biex il-bdiewa jitħeġġu jikkonvertu għal prattiki ta' biedja organika u jżommu dawn il-prattiki, permezz ta' miżuri ta' żvilupp rurali b'riżorsi adegwati jew ekoskemi finanzjarjament attraenti, jew kombinazzjoni tat-tnejn;

51. Jitlob li l-ekoskemi jkunu aċċessibbli kemm għall-bdiewa konvenzjonali kif ukoll għal dawk organiċi u li jitfasslu b'mod li jagħmilhom kompatibbli mal-miżuri agroambjentali klimatiċi u komplementari għalihom; ifakkar fl-importanza li l-bdiewa organiċi jiġu appoġġjati lil hinn mill-fażi ta' konverżjoni; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw it-tiġdid ġenerazzjonali fil-biedja organika permezz tal-politiki pubbliċi rilevanti, jippromwovu l-intraprenditorija tal-biedja fost in-nisa u jappoġġjaw l-iżvilupp ta' azjendi agrikoli organiċi żgħar u ta' daqs medju vijabbli;

52. Jiddispjaċih dwar it-tnaqqis fil-baġit tal-PAK matul dawn l-aħħar żewġ deċennji fl-istess ħin meta r-rekwiżiti imposti fuq is-settur agrikolu kibru; jinnota li skont il-PAK attwali, 1,8 % biss tal-baġit qed jintefaq fuq miżuri ta' appoġġ għall-biedja organika u jilqa' l-fatt li l-PAK il-ġdida, b'mod partikolari permezz tal-ekoskemi u l-miżuri ta' żvilupp rurali, tippermetti lill-Istati Membri aktar flessibbiltà biex iżidu l-ammonti ddedikati għas-settur organiku;

53. Jinnota l-potenzjal tal-ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra, lokali u staġjonali, u intelliġenti u l-opportunitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni diretta, inklużi s-swieq tal-bdiewa, għall-produtturi organiċi u l-ekonomiji rurali biex iwasslu benefiċċji ambjentali u tal-benesseri tal-annimali, filwaqt li jiżguraw ukoll l-introjtu, jippreservaw u joħolqu l-impjiegi, jiżguraw il-vitalità taż-żoni rurali u jnaqqsu d-distakk bejn il-produtturi u l-konsumaturi tal-UE; jirrimarka li l-iżvilupp tas-suq huwa essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli tas-settur organiku;

54. Jistieden lill-Istati Membri jallokaw biżżejjed riżorsi għal investimenti li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' ktajjen tal-ikel qosra, bħal pereżempju permezz ta' żieda fl-għadd ta' biċċeriji mobbli jew faċilitajiet tal-ipproċessar fl-azjendi agrikoli; iqis li l-użu tal-ktajjen tal-provvista lokali għandu jiġi promoss fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku; jisħaq li l-enfasi fuq il-produzzjoni lokali u l-ktajjen qosra m'għandhiex twassal għal ostakli addizzjonali fis-suq intern tal-UE;

55. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu rwol attiv fit-titjib tal-istruttura tal-ktajjen tal-provvista organika u fil-bini tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi organiċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw "interventi settorjali" u l-miżuri kollha disponibbli biex itejbu l-organizzazzjoni tal-produtturi organiċi fis-setturi rilevanti kollha u biex jgħinuhom f'każ ta' produzzjoni eċċessiva temporanja;

56. Jirrimarka li l-azjendi agrikoli organiċi, li l-produzzjoni tagħhom hija iżgħar f'termini ta' volum u għalhekk aktar għalja, jista' jkollhom inqas setgħa ta' negozjar fil-kuntratti kummerċjali u għalhekk jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli għal prattiki kummerċjali inġusti, speċjalment fil-forma ta' dewmien fil-pagamenti għal prodotti li jitħassru malajr, kanċellazzjonijiet tal-aħħar minuta jew l-obbligu li l-fornituri jħallsu għall-prodotti mhux mibjugħa u moħlija; jissottolinja l-ħtieġa ta' kundizzjonijiet kuntrattwali ċari u rikonoxximent ġust tal-ħidma tal-produtturi agrikoli organiċi u jemmen li għandhom jiġu promossi għodod bħalma huma l-kuntratti tal-katina tal-provvista;

57. Jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-iżvilupp tal-bijodistretti, imsejħa wkoll ekoreġjuni, fi ħdan l-Istati Membri, peress li dawn huma ta' natura multifunzjonali, jippromwovu l-ktajjen tal-provvista qosra u joħolqu sinerġiji, fost l-oħrajn, bejn il-bdiewa, il-konsumaturi, il-kumpaniji tal-ipproċessar, il-bejjiegħa bl-imnut, l-industrija tal-ospitalità u tal-catering, u l-intrapriżi kulturali; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri informazzjoni dwar l-istrumenti li jistgħu jużaw biex jippromwovu l-iżvilupp tal-bijodistretti, filwaqt jagħtu attenzjoni speċjali liż-żoni urbanizzati; jinnota li s-suċċess tagħhom jiddependi minn integrazzjoni reġjonali b'saħħitha u l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

58. Jisħaq fuq l-importanza fundamentali tal-espansjoni tal-iskambju strutturat tal-għarfien u tal-aħjar prattiki dwar il-biedja organika fost l-Istati Membri u l-bdiewa; jenfasizza l-benefiċċji tal-intensifikazzjoni tal-kollaborazzjoni bejn ix-xjenzati, l-universitajiet tax-xjenza agrikola u s-settur tal-edukazzjoni inġenerali, is-servizzi konsultattivi jew il-konsulenti, il-bdiewa u l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tagħhom, u s-soċjetà; jenfasizza r-rwol importanti li s-servizzi ta' konsulenza għall-azjendi agrikoli indipendenti għandu jkollhom fl-iżvilupp tal-produzzjoni organika li l-Istati Membri jeħtieġ li jinkludu fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu allokati riżorsi finanzjarji suffiċjenti għalihom;

59. Jinnota li r-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka bit-titolu "Modelling environmental and climate ambition in the agricultural sector with the CAPRI model"[8] (Nippjanaw l-ambizzjoni ambjentali u klimatika fis-settur agrikolu skont il-mudell CAPRI) indika li hemm bżonn ta' żidiet fil-produttività fir-rigward tal-biedja organika u l-ġestjoni tan-nutrijenti, li jistgħu jittejbu, fost l-oħrajn, permezz ta' biedja ta' preċiżjoni, teknoloġiji diġitali ġodda u tekniki innovattivi oħra;

60. Jinnota li l-għodod diġitali innovattivi għandhom il-potenzjal li jżidu b'mod sinifikanti t-trasparenza u t-traċċabbiltà, u b'hekk jiġġieldu l-frodi u l-metodi ta' produzzjoni illegali, u jtejbu wkoll il-fiduċja tal-konsumaturi; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni, inkluż permezz tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, tiżgura użu akbar tat-teknoloġiji diġitali, bħall-biedja ta' preċiżjoni u l-blockchain fil-biedja organika; jisħaq, madankollu, li dawn it-teknoloġiji jikkomplementaw l-approċċ ta' sostenibbiltà sistemika tal-biedja organika u li jridu jiġu żgurati l-privatezza, il-profittabbiltà u l-indipendenza tal-bdiewa fir-rigward tad-data;

Intejbu l-kontribut tal-biedja organika għas-sostenibbiltà

61. Itenni l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni għas-sostenibbiltà tas-settur tal-biedja organika u biex jintlaħqu l-aspettattivi tas-soċjetà dwar il-bijodiversità, it-tibdil fil-klima u l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-benesseri tal-annimali u l-użu effiċjenti tar-riżorsi, u jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li talloka finanzjament ta' Orizzont Ewropa biex tappoġġja dawn l-għanijiet; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-ħtieġa li r-riċerka u l-innovazzjoni jinkoraġġixxu l-konverżjoni għall-agrikoltura organika, inkluża l-produzzjoni tal-bhejjem, biex jinstabu alternattivi għal ċerti inputs kemm fil-biedja kif ukoll fl-ipproċessar sabiex jiżdiedu r-rendimenti u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-għalf tal-proteini, il-vitamini, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, b'mod partikolari soluzzjonijiet ta' bijokontroll, il-fertilizzanti u r-riżorsi ġenetiċi neċessarji għall-iżvilupp ulterjuri ta' sistemi tal-biedja robusti u tiżdied it-tolleranza għan-nixfa, il-pesti u l-mard; jistieden lill-Kummissjoni tistimula u trawwem il-kooperazzjoni bejn il-komunitajiet tar-riċerka li jaħdmu fuq l-ikel u l-biedja organiċi u konvenzjonali, b'mod partikolari permezz tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikoli;

62. Iħeġġeġ approċċ ibbażat fuq ix-xjenza rigward il-fertilità tal-ħamrija u l-ħtieġa li jiġu żviluppati, aċċettati u inċentivati innovazzjonijiet f'sorsi ġodda ta' nutrijenti tal-pjanti fil-biedja organika, inklużi żieda fir-riċiklaġġ tan-nutrijenti permezz ta' pproċessar adegwat u separazzjoni tan-nutrijenti u, fejn adatt u xieraq, prodotti fertilizzanti prodotti minn sorsi rinnovabbli, bħall-iskart tal-bijomassa u d-demel tal-annimali biex jiġu evitati defiċits ta' nutrijenti fit-tul; ifakkar fl-importanza tad-demel tal-bhejjem bħala fertilizzant organiku u jinkoraġġixxi l-użu sostenibbli tiegħu fiċ-ċiklu tal-kultivazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-materjali riċiklati ġodda li fihom nutrijenti essenzjali tal-pjanti (il-fosforu, il-potassju u n-nitroġenu) għaż-żieda futura tagħhom mal-lista ta' materjali ta' input fir-Regolament (UE) 2018/848, f'konformità mal-prinċipji tal-biedja organika u l-iżgurar tal-kwalità, is-sikurezza u l-fiduċja tal-konsumaturi;

63. Jitlob aktar riċerka u informazzjoni dwar il-benefiċċji potenzjali tal-użu tal-bijostimulanti tal-pjanti u t-tejjieba tal-ħamrija b'bażi bijoloġika fis-sistemi tal-biedja organika u kif dawn jikkontribwixxu għall-assorbiment tan-nutrijenti u l-prestazzjoni aħjar f'dan il-mudell ta' produzzjoni, sabiex jingħata lok għall-adozzjoni usa' tagħhom u jiġi megħjun it-tnaqqis tad-distakk bejn ir-rendimenti organiċi u dawk konvenzjonali; jirrimarka li l-promozzjoni tal-użu ta' kombinazzjoni adegwata speċifika għall-azjendi agrikoli ta' nutrijenti esterni differenti, b'mod addizzjonali għall-iffissar bijoloġiku tan-nitroġenu, tista' tindirizza l-isfida tal-iżbilanċi fil-baġits tan-nutrijenti fis-sistemi tal-biedja organika;

64. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi żviluppata l-produzzjoni ta' proteini organiċi tal-pjanti u li tiġi stimulata l-produzzjoni ta' legumi organiċi, inkluż fis-sistemi ta' foraġġ, fl-Unjoni Ewropea, sabiex titnaqqas id-dipendenza tas-settur organiku fuq l-importazzjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal pjan strateġiku ddedikat f'dan ir-rigward;

65. Jilqa' l-kontribut tal-biedja organika għat-tnaqqis tal-użu tal-pestiċidi sintetiċi u jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tabbozza l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, tiddefinixxi prodotti ta' bijokontroll u żżid id-disponibbiltà ta' soluzzjonijiet ta' bijokontroll u sustanzi naturali, li għandhom potenjal għal użu ħafna usa', billi ttejjeb u tħaffef il-proċess ta' evalwazzjoni u awtorizzazzjoni;

66. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Frar 2017 dwar pestiċidi b'riskju baxx ta' oriġini bijoloġika[9] u jisħaq fuq il-ħtieġa li jappoġġjaw l-iżvilupp ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti alternattivi sikuri, effettivi u affordabbli, u li jħeġġu l-użu usa' tagħhom, b'mod partikolari billi jiffaċilitaw kemm il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għal sustanzi bażiċi kif ukoll l-estensjoni tal-użu tagħhom, bħala komponent importanti fl-iżvilupp tal-produzzjoni organika; jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu l-kundizzjonijiet għal aċċess ugwali għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u fertilizzanti organiċi fl-Istati Membri; jisħaq li r-residwi tal-pestiċidi, li huma preżenti fl-ambjent, jistgħu potenzjalment jaffettwaw il-prodotti organiċi wkoll;

67. Jirrimarka li jeħtieġ li l-bdiewa organiċi, li jiggarantixxu standards ambjentali għoljin fil-produzzjoni, ma jinżammux responsabbli għal riskji barra mill-kontroll tagħhom u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-armonizzazzjoni fit-trattament tas-sejbiet tar-residwi tal-pestiċidi;

68. Jenfasizza l-importanza tad-disponibbiltà suffiċjenti ta' żrieragħ organiċi ta' kwalità għolja, ta' materjal eteroġenju u ta' varjetajiet ta' pjanti b'rendiment għoli, varjetajiet indiġeni u varjetajiet adattati lokalment; jindika l-potenzjal tagħhom fit-tisħiħ tar-reżiljenza kontra l-mard tal-pjanti u l-impatt tat-tibdil fil-klima; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom, inkluż permezz ta' azzjonijiet speċifiċi, biex itejbu l-funzjonament tas-suq taż-żrieragħ organiċi u jemmen li l-perjodi ta' tranżizzjoni jkunu utli biex jinkiseb dan; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jiġu allokati riżorsi finanzjarji suffiċjenti għar-riċerka dwar iż-żrieragħ u t-trobbija tal-annimali organiċi;

69. Jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġjati programmi għall-preservazzjoni u l-għażla ta' razez lokali li, minħabba r-robustezza tagħhom, ikunu partikolarment adatti għall-biedja organika; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi appoġġjat it-tnissil tradizzjonali tal-għelejjel għall-iżvilupp ta' varjetajiet b'saħħithom u reżiljenti kif ukoll il-ħtieġa ta' metodi moderni, sostenibbli u innovattivi fl-iżvilupp ta' żrieragħ u prattiki agrikoli organiċi ġodda, filwaqt li jinżamm livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent;

70. Jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rwol li l-innovazzjonijiet xjentifiċi fit-tnissil tal-pjanti jistgħu jaqdu, b'mod partikolari fit-titjib tar-reżistenza tal-varjetajiet, fit-trawwim tad-diversità tar-riżorsi ġenetiċi u fit-tisħiħ tas-sistemi tal-produzzjoni tal-ikel, filwaqt li jfakkar li l-użu taż-żrieragħ ġenetikament modifikati (OĠM) mhuwiex permess fl-agrikoltura organika;

71. Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li testendi l-analiżi tal-Osservatorji tas-Suq tal-UE għall-prodotti organiċi; jisħaq fuq l-importanza li jiġi intensifikat il-ġbir u tittejjeb id-disponibbiltà ta' data preċiża u f'waqtha, inkluż fil-livell reġjonali, dwar is-settur organiku sabiex jiġu apprezzati aħjar l-effetti ambjentali, ekonomiċi u soċjali tiegħu;

72. Jemmen li din għandha tinkludi data dwar il-kontribut tas-settur għas-sostenibbiltà ambjentali, flimkien ma' data dwar il-produzzjoni, l-ipproċessar, il-konsum, inkluż fis-settur tal-ospitalità u fil-canteens pubbliċi, dwar il-kummerċ fi ħdan l-UE u ma' pajjiżi mhux tal-UE u dwar il-prezzijiet mal-ħruġ mill-azjendi agrikoli u bl-imnut, il-preferenzi tal-konsumaturi, l-istrutturi tal-katina tal-provvista, il-valur miżjud u s-sehem tal-bdiewa fil-ktajjen tal-provvista; huwa konvint li din id-data hija essenzjali sabiex titfassal u tiġi mmonitorjata politika tal-UE dwar il-produzzjoni organika u tittieħed azzjoni biex jiġu rrimedjati l-iżbilanċi bejn il-provvista u d-domanda, jiġu evalwati x-xejriet tal-konsum u tal-produzzjoni u jiżdiedu t-trasparenza u l-fiduċja fis-settur;

73. Jirrikonoxxi l-potenzjal ta' spazju komuni Ewropew tad-data dwar l-agrikoltura biex jiżdiedu l-għarfien u l-fiduċja tal-konsumaturi, kif ukoll biex tittejjeb it-traċċabbiltà fil-katina tal-provvista organika; jisħaq li sabiex tiġi stimulata d-domanda, huwa essenzjali li jiġu identifikati l-ħtiġijiet tal-konsumaturi permezz ta' valutazzjonijiet rilevanti; jistieden lill-Istati Membri jikkomunikaw aħjar dwar ir-riżultati ekonomiċi tas-settur organiku; jistieden lill-Kummissjoni twettaq studji u analiżi komprensivi tal-impatt li żieda fil-biedja organika jista' jkollha kemm f'termini ta' tibdil fil-klima kif ukoll f'termini ta' sigurtà tal-ikel fl-Unjoni Ewropea;

°

° °

74. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


 

NOTA SPJEGATTIVA

Fil-25 ta' Marzu 2021, il-Kummissjoni ppubblikat il-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika (PAO), imħabbar fl-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt u fl-Istrateġija għall-Bijodiversità, li fiha l-Kummissjoni stabbiliet mira għas-sehem taż-żona agrikola tal-UE li għandha tiġi ddedikata għall-biedja organika u tipprevedi żieda sinifikanti fl-akkwakultura organika sal-2030. Dawn l-istrateġiji huma parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-aġenda politika tal-Kummissjoni għal Ewropa sostenibbli u newtrali għall-klima sal-2050. Il-Kumitat AGRI ddeċieda li jfassal rapport fuq inizjattiva proprja dwar dan il-Pjan ta' Azzjoni.

 

Il-PAO jenfasizza li peress li tipproduċi ikel ta' kwalità għolja b'impatt ambjentali baxx, il-biedja organika, flimkien ma' metodi ta' biedja sostenibbli oħra, se jkollha rwol essenzjali fl-iżvilupp ta' sistema tal-ikel sostenibbli tal-UE. Il-PAO jistabbilixxi azzjonijiet konkreti li jkopru l-katina kollha tal-provvista, mill-produzzjoni tal-ikel sal-konsum.

 

Il-PAO huwa maqsum fi tliet assi interkonnessi li jwasslu għall-ambizzjonijiet tal-objettivi ta' sostenibbiltà tal-Patt Ekoloġiku: 1. l-istimolu tad-domanda u l-iżgurar tal-fiduċja tal-konsumaturi; 2. l-istimolu tal-konverżjoni u t-tisħiħ tal-katina tal-valur kollha; 3. it-titjib tal-kontribut tal-biedja organika għas-sostenibbiltà ambjentali. It-tliet assi se jkunu appoġġjati minn 23 azzjoni, li jkomplu xi wħud mill-azzjonijiet tal-PAO 2014–2020, kif ukoll li jippreżentaw firxa ta' azzjonijiet ġodda u jimmobilizzaw sorsi differenti ta' finanzjament. Fl-2024 huwa previst rieżami ta' nofs it-terminu tal-PAO u ġie stabbilit "Jum Organiku tal-UE" annwali li se jiġi ċċelebrat fit-23 ta' Settembru.

 

Il-prodotti organiċi ċċertifikati huma ġeneralment aktar għaljin mill-kontropartijiet konvenzjonali tagħhom, peress li l-produzzjoni organika spiss tinvolvi kostijiet ogħla tal-produzzjoni u, għalhekk, teħtieġ prezzijiet ogħla tas-suq biex jiġu rkuprati dawk il-kostijiet. Dan jista' jirrappreżenta ostaklu għall-espansjoni tas-settur organiku, iżda fl-istess ħin jikkostitwixxi prerekwiżit ekonomiku għall-kontinwazzjoni u aktar konverżjoni għall-biedja organika.

Fl-2019, l-erja agrikola totali tal-UE li tintuża għall-biedja organika kibret għal 13,8-il miljun ettaru u bħalissa tammonta għal 8,5 % tal-erja agrikola totali utilizzata tal-UE. Il-firxa tal-produzzjoni organika tvarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri u tvarja bejn 0,5 % u 26 % taż-żona agrikola li tintuża għall-biedja organika. Il-mira organika tal-UE għall-2030 titlob tkabbir sinifikanti fis-settur organiku fi żmien tmien snin biss, u tpoġġi lill-Istati Membri fil-pożizzjoni diffiċli biex jaġġustaw l-ambizzjonijiet organiċi tagħhom.

Sabiex l-Istati Membri jiġu offruti l-possibbiltà li joħolqu PAO nazzjonali mfassla apposta, li jaġixxu bħala sett ta' għodod ta' appoġġ, li jakkumpanjaw l-ambizzjonijiet organiċi nazzjonali tagħhom fi ħdan il-qafas tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), il-PAO tal-UE jrid jipproponi l-istrumenti, l-inċentivi, il-flessibbiltà u l-bilanċ it-tajbin biex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi differenti fir-reġjuni differenti tal-Ewropa.

 

Il-PAO tal-UE jrid isegwi approċċ olistiku li jibni fuq l-effetti multifunzjonali tal-agrikoltura organika u jippromwovi s-sostenibbiltà ekonomika, ekoloġika u soċjali b'mod ugwali u li jistimula u jimmobilizza l-Istati Membri biex jiżviluppaw il-PAO nazzjonali tagħhom b'azzjonijiet konkreti u marbuta mal-ħin. Dawn il-PAO nazzjonali għandhom jinkludu azzjonijiet li għandhom l-għan li javvanzaw il-katina kollha tal-provvista organika, jippromwovu l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (APE), isaħħu l-kapaċità li jiġu xprunati l-iżviluppi tas-suq u jassistu lill-bdiewa bil-konverżjoni u l-adozzjoni tal-aħjar prattiki fil-biedja organika, fost azzjonijiet oħra mfassla għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri.

 

L-ewwel u qabel kollox, l-iżvilupp u t-tkabbir tas-settur organiku tal-UE jridu jkunu akkumpanjati minn żviluppi fil-katina tal-provvista xprunati mis-suq u olistiċi, inklużi miżuri li jistimulaw aktar domanda għall-ikel organiku u jiżguraw il-fiduċja tal-konsumaturi. Il-produzzjoni organika eċċessiva tista' twassal għal tnaqqis assoċjat fil-prezzijiet organiċi, li fl-aħħar mill-aħħar jista' jdgħajjef il-pożizzjoni ekonomika tal-bdiewa organiċi tal-UE, inaqqas il-motivazzjoni tal-bdiewa għall-konverżjoni organika u, sussegwentement, ma jwassalx ir-riżultati sal-livell mixtieq f'dawk li huma l-miri klimatiċi u ambjentali tal-Patt Ekoloġiku. Għalhekk, iż-żieda mistennija fil-provvista tal-ikel organiku fil-futur trid tiġi ssodisfata b'domanda għolja korrispondenti, biex titħares il-profittabbiltà futura tas-suq organiku u tal-biedja organika fl-UE.

 

Nistimulaw id-domanda u niżguraw il-fiduċja tal-konsumaturi

 

Sabiex il-PAO jkun jista' jissodisfa l-funzjoni tiegħu bħala sett ta' għodod ta' appoġġ għall-ambizzjoni organika rispettiva tal-PAK tal-Istati Membri, għandu jiġi pprovdut baġit adegwat tal-PAK biex jinħolqu inċentivi għall-bdiewa ħalli jaqilbu għal prattiki tal-biedja organika fil-livell nazzjonali u jżommuhom, permezz ta' miżuri ta' żvilupp rurali, ekoskemi introdotti ġodda, jew taħlita tat-tnejn. L-appoġġ tal-Istati Membri għat-tiġdid ġenerazzjonali fil-biedja organika huwa kruċjali f'dan ir-rigward.

 

Is-suċċess tal-PAO se jiddependi wkoll minn involviment aktar b'saħħtu tas-settur privat biex tiġi stimulata d-domanda, speċjalment f'pajjiżi bi swieq u produzzjoni organiċi inqas żviluppati.

 

Iż-żieda fl-ambizzjonijiet tal-APE fl-Istati Membri tista' żżid id-domanda organika u taġixxi bħala stimolu biex tintlaħaq il-mira organika. Il-Kummissjoni għandha tmexxi bl-eżempju u tapplika l-kriterji tal-APE fil-canteens, fir-ristoranti u fil-kafetteriji tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE. Ir-riċerka dwar l-ostakli strutturali u loġistiċi attwali għall-espansjoni tal-adozzjoni tal-kriterji tal-APE mill-Istati Membri u l-offerta ta' soluzzjonijiet hija kompitu importanti ieħor għall-Kummissjoni, biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp futur tal-konsum organiku. L-Istati Membri għandhom jinkludu wkoll id-distribuzzjoni ta' prodotti organiċi fl-iskema tal-iskejjel tal-UE.

 

Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu f'pożizzjoni li jagħmlu għażliet infurmati meta jixtru l-ikel. Sabiex isir strumentali għad-deċiżjonijiet tal-konsumaturi dwar ix-xiri, huwa essenzjali li jiġi promoss aktar il-logo organiku tal-UE, li jrid iservi bħala garanzija għal aspetti ewlenin tal-qafas regolatorju tal-UE għall-prodotti organiċi, b'mod partikolari l-istandards komuni, iċ-ċertifikazzjoni, l-infurzar robust u t-tikkettar ċar.

 

Il-konsumaturi, li jixtru ikel organiku, għandhom ċerti aspettattivi dwar il-kwalità tiegħu u jiddependu mill-organizzazzjonijiet ta' ċertifikazzjoni u l-kontrolli organiċi biex jivverifikaw din il-kwalità, kif ukoll biex jipprovdu informazzjoni dwar l-oriġini tal-prodotti organiċi. In-nuqqas ta' fiduċja fil-proċess taċ-ċertifikazzjoni organika tal-UE u d-dubji dwar il-logo organiku tal-UE jistgħu jagħmlu ħsara permanenti lill-isforzi biex jissaħħaħ aktar is-settur organiku. Għalhekk, it-trasparenza hija kruċjali għall-konsumaturi u tirrikjedi kontrolli obbligatorji minn korpi ta' kontroll indipendenti. Minħabba l-kumplessità tal-katina tal-provvista organika, huwa essenzjali għall-Kummissjoni, għall-Istati Membri u għall-partijiet ikkonċernati li jimpenjaw ruħhom b'mod attiv fl-identifikazzjoni ta' modi li bihom il-mekkaniżmi eżistenti ta' ċertifikazzjoni u ta' kontroll jistgħu jsiru aktar robusti biex jiġi evitat il-frodi fil-produzzjoni u fil-kummerċ organiku, kemm fl-UE kif ukoll f'pajjiżi mhux tal-UE, kif ukoll biex jiġu evitati piż u spejjeż amministrattivi addizzjonali għall-bdiewa. Hawnhekk, iridu jitqiesu s-soluzzjonijiet tal-IT.

 

Sabiex jinkiseb żvilupp massimu tas-settur organiku, l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa kruċjali. Ir-rappreżentanti lokali u reġjonali spiss ikollhom stampa ċara tan-nuqqasijiet fir-reġjun jew fil-komunità rispettivi tagħhom u jistgħu jiddeterminaw lok għal titjib u azzjonijiet konkreti. Il-bliet, il-bliet żgħar u r-reġjuni kollha għandhom rwol dejjem aktar siewi fl-appoġġ tal-istruttura tas-settur organiku f'termini ta' produzzjoni, loġistika u kummerċ jew fl-iffaċilitar tal-ħolqien ta' kooperazzjoni organizzata bejn il-produtturi u l-konsumaturi. Is-sensibilizzazzjoni u l-attivitajiet ta' informazzjoni kif ukoll l-iżvilupp ta' programmi edukattivi għall-iskejjel preprimarji u l-iskejjel, inklużi ż-żjarat fl-azjendi agrikoli organiċi biex tiġi żviluppata rabta aktar b'saħħitha mal-agrikoltura u l-valur tal-ikel, jistgħu jkunu azzjonijiet ta' benefiċċju ħalli jiġu edukati l-konsumaturi u l-konsumaturi futuri fil-livell lokali.

 

F'xi partijiet tal-UE, iż-żieda fil-produzzjoni organika taqbeż l-iżvilupp tas-suq organiku. L-azzjoni għall-promozzjoni tal-esportazzjoni ta' prodotti organiċi tal-UE tista' ssir meħtieġa, sabiex tiġi evitata l-produzzjoni eċċessiva u titħares il-profittabbiltà tas-suq organiku u tal-biedja organika fl-UE.

 

Barra minn hekk, biex l-UE tissodisfa l-potenzjal tagħha f'termini tal-istabbiliment ta' standards globali fi programmi ta' agrikoltura, huma importanti informazzjoni u promozzjoni sostenibbli dwar il-prodotti organiċi tal-UE u aktar sensibilizzazzjoni u rikonoxximent tal-logo organiku tal-UE f'pajjiżi mhux tal-UE, dan tal-aħħar jipprovdi lill-konsumaturi b'assigurazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà, il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodotti u tal-proċessi tal-produzzjoni użati.

 

L-akkwakultura organika hija settur relattivament ġdid b'potenzjal konsiderevoli għat-tkabbir u l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati għandhom jiżguraw li l-iżvilupp tagħha jiġi aċċellerat.

 

Nistimulaw il-konverżjoni u nsaħħu l-katina tal-valur kollha

 

F'sitwazzjoni ta' suq ibbilanċjat, ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra u lokali li jqisu wkoll l-istaġjonalità, kif ukoll opportunitajiet diretti ta' kummerċjalizzazzjoni, fejn possibbli, għandhom potenzjal kbir li jwasslu benefiċċji ekonomiċi u ambjentali għall-bdiewa organiċi u għall-ekonomiji rurali, billi jiżguraw l-introjti u joħolqu l-impjiegi, filwaqt li jikkontribwixxu għat-trattament xieraq tal-annimali, kif ukoll għall-protezzjoni tal-ambjent, tal-bijodiversità u tal-klima.

 

L-iżvilupp tal-bijodistretti fl-Istati Membri joħloq sinerġiji bejn il-bdiewa, il-konsumaturi, l-industrija tal-ospitalità u l-intrapriżi kulturali, peress li huma ta' natura multifunzjonali u jippromwovu l-potenzjal ekonomiku u soċjokulturali ta' reġjun. In-networks eżistenti għandhom jiġu mħeġġa jżidu l-għadd ta' villaġġi, bliet żgħar jew bliet involuti.

 

Sabiex tiġi stimulata l-konverżjoni u tissaħħaħ il-katina tal-valur kollha, huwa fundamentali li jiġi estiż l-iskambju strutturat tal-għarfien u tal-aħjar prattiki dwar il-biedja organika fost l-Istati Membri u l-bdiewa, kif ukoll li jissaħħu s-servizzi ta' konsulenza għall-azjendi agrikoli. Iż-żieda fil-kollaborazzjoni bejn ix-xjenzati, is-servizzi ta' konsulenza, is-settur tal-edukazzjoni, il-bdiewa u s-soċjetà hija ta' benefiċċju għall-iżvilupp tas-settur organiku.

 

L-użu ta' teknoloġiji diġitali, inklużi l-biedja ta' preċiżjoni u l-blockchain, jista' jkollhom rwol fl-iżvilupp tal-biedja organika. Hemm distakk dejjem akbar fl-użu tat-teknoloġija f'negozji fuq skala żgħira u kbira, f'faċilitajiet tal-ipproċessar u f'azjendi agrikoli, li jvarja fl-Istati Membri. L-adattament ta' teknoloġiji u soluzzjonijiet diġitali fuq skala kbira biex jiġu adattati n-negozji organiċi fuq skala żgħira, il-faċilitajiet tal-ipproċessar u l-azjendi agrikoli, kif ukoll l-innovazzjonijiet f'soluzzjonijiet ġodda u mfassla apposta għall-produzzjoni fuq skala żgħira, ikollhom effett pożittiv fuq il-produzzjoni organika, pereżempju, f'termini ta' effiċjenza fir-riżorsi.

 

Intejbu l-kontribut tal-biedja organika għas-sostenibbiltà

 

L-espansjoni sostanzjali taż-żona agrikola tal-UE li tintuża għall-biedja organika trid tkun fundamentalment akkumpanjata, promossa u appoġġjata minn politika ta' riċerka u innovazzjoni b'saħħitha. Iridu jitkissru l-ostakli eżistenti u jitneħħew ir-restrizzjonijiet. Biex jingħelbu r-restrizzjonijiet fl-agrikoltura organika, bħad-disponibbiltà ta' għalf tal-proteini, vitamini, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, fertilizzanti u riżorsi ġenetiċi organiċi u jiġu mħeġġa l-ilħuq tal-aspettattivi tas-soċjetà dwar it-trattament xieraq tal-annimali u l-użu effiċjenti tar-riżorsi, huma meħtieġa b'mod urġenti riċerka u innovazzjoni. L-allokazzjoni tal-finanzjament ta' Orizzont Ewropa u l-istimulazzjoni u t-trawwim tal-kooperazzjoni bejn il-komunitajiet ta' riċerka, il-ħidma fuq l-ikel organiku u konvenzjonali u l-biedja biex dawn jitgħallmu minn xulxin, jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq it-titjib tal-kontribut tal-biedja organika f'dik li hija s-sostenibbiltà.

 

Pereżempju: neħtieġu żrieragħ organiċi ta' kwalità għolja disponibbli biżżejjed, materjal eteroġenju u varjetajiet ta' pjanti b'rendiment għoli li jipprovdu reżiljenza aktar b'saħħitha kontra l-mard tal-pjanti u l-impatt tat-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, iridu jinstabu u jiġu promossi prodotti alternattivi għall-protezzjoni tal-pjanti u metodi għall-protezzjoni tal-pjanti, peress li s-segment tas-suq għas-sustanzi naturali huwa żgħir u inqas profittabbli u l-proċess ta' reġistrazzjoni jiswa ħafna flus u jieħu ħafna ħin. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtiġilhom iżidu l-isforzi fir-rigward ta' funzjonament aħjar tas-suq taż-żrieragħ organiċi u tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u jeħtiġilhom jippermettu perjodi tranżitorji għat-twaqqif u l-iżvilupp tagħhom.

 

L-intensifikazzjoni fil-ġbir u d-disponibbiltà ta' data preċiża, f'waqtha u komparabbli dwar is-settur organiku għandha rwol importanti fl-iżvilupp ulterjuri tiegħu. B'mod partikolari, huma meħtieġa data dwar il-produzzjoni, il-konsum, il-kummerċ fl-UE u ma' pajjiżi mhux tal-UE u t-twassil ta' riżultati f'dik li hija s-sostenibbiltà, inklużi l-prezzijiet mal-ħruġ mill-azjenda agrikola u tal-bejgħ bl-imnut, il-preferenzi tal-konsumaturi, l-istrutturi tal-katina tal-provvista, il-valur miżjud u s-sehem tal-bdiewa fil-ktajjen tal-provvista sabiex tiġi ssorveljata u mfassla l-politika tal-UE dwar il-produzzjoni organika u jiġu evalwati x-xejriet tal-konsum u tal-produzzjoni. L-effetti ambjentali, ekonomiċi u soċjali tas-settur organiku tal-UE jistgħu jsiru viżibbli b'dan il-mod u l-fiduċja fil-prodotti organiċi tal-UE tista' tittejjeb permezz ta' trasparenza akbar tad-data. Għalhekk, għandha tintlaqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li testendi l-analiżi tal-Osservatorji tas-Suq tal-UE għall-prodotti organiċi.

 

Bħala konklużjoni, ikel ta' kwalità għolja, prodott fir-reġjun u f'konformità man-natura, huwa importanti għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej u għall-protezzjoni tal-ambjent, tal-bijodiversità u tal-klima. Din hija l-biedja organika. Aħna nipprovdu l-mudell organiku b'aktar spazju fl-Ewropa, filwaqt li nirrispettaw il-potenzjal ta' metodi ta' biedja sostenibbli oħra biex jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

31.3.2022

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mazaly Aguilar, Clara Aguilera, Atidzhe Alieva-Veli, Álvaro Amaro, Attila Ara-Kovács, Carmen Avram, Adrian-Dragoş Benea, Benoît Biteau, Mara Bizzotto, Daniel Buda, Isabel Carvalhais, Asger Christensen, Angelo Ciocca, Dacian Cioloş, Paolo De Castro, Jérémy Decerle, Salvatore De Meo, Herbert Dorfmann, Luke Ming Flanagan, Dino Giarrusso, Martin Häusling, Martin Hlaváček, Elsi Katainen, Camilla Laureti, Gilles Lebreton, Julie Lechanteux, Norbert Lins, Chris MacManus, Colm Markey, Marlene Mortler, Ulrike Müller, Bronis Ropė, Bert-Jan Ruissen, Anne Sander, Petri Sarvamaa, Simone Schmiedtbauer, Annie Schreijer-Pierik, Marc Tarabella, Veronika Vrecionová, Sarah Wiener

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Anna Deparnay-Grunenberg, Anja Hazekamp, Tonino Picula, Michaela Šojdrová, Tom Vandenkendelaere

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

45

+

ECR

Mazaly Aguilar, Bert-Jan Ruissen, Veronika Vrecionová

ID

Mara Bizzotto, Angelo Ciocca, Gilles Lebreton, Julie Lechanteux

NI

Dino Giarrusso

PPE

Álvaro Amaro, Daniel Buda, Salvatore De Meo, Herbert Dorfmann, Norbert Lins, Colm Markey, Marlene Mortler, Anne Sander, Petri Sarvamaa, Simone Schmiedtbauer, Annie Schreijer-Pierik, Michaela Šojdrová, Tom Vandenkendelaere

Renew

Atidzhe Alieva-Veli, Asger Christensen, Dacian Cioloş, Jérémy Decerle, Martin Hlaváček, Elsi Katainen, Ulrike Müller

S&D

Clara Aguilera, Attila Ara-Kovács, Carmen Avram, Adrian-Dragoş Benea, Isabel Carvalhais, Paolo De Castro, Camilla Laureti, Tonino Picula, Marc Tarabella

The Left

Luke Ming Flanagan, Anja Hazekamp, Chris MacManus

Verts/ALE

Benoît Biteau, Anna Deparnay-Grunenberg, Martin Häusling, Bronis Ropė, Sarah Wiener

 

0

-

 

0

0

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' April 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza