RAPPORT dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward l-estensjoni tal-perjodu ta' applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fakultattiv fir-rigward ta' provvisti ta' ċerti oġġetti u servizzi suxxettibbli għall-frodi u tal-Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Rapida kontra l-frodi tal-VAT
26.4.2022 - (COM(2022)0039 – C9‑0053/2022 – 2022/0027(CNS)) - *
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Markus Ferber
(Proċedura simplifikata – Artikolu 52(1) tar-Regoli ta' Proċedura)
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward l-estensjoni tal-perjodu ta' applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fakultattiv fir-rigward ta' provvisti ta' ċerti oġġetti u servizzi suxxettibbli għall-frodi u tal-Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Rapida kontra l-frodi tal-VAT
(COM(2022)0039 – C9‑0053/2022 – 2022/0027(CNS))
(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2022)0039),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9‑0053/2022),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 82 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0128/2022),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;
2. Jitlob lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-effetti tal-mekkaniżmu tar-reverse charge qabel kwalunkwe estensjoni ulterjuri tal-perjodu ta' applikazzjoni tiegħu;
3. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
4. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
NOTA SPJEGATTIVA
Bħala regola ġenerali, l-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li l-persuna taxxabbli li tipprovdi l-oġġetti jew is-servizzi hija responsabbli għall-ħlas tal-VAT.
Bħala deroga, il-mekkaniżmu tar-reverse charge jippermetti li jinħatar id-destinatarju tal-provvista bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT.
Skont dan il-mekkaniżmu tar-reverse charge, il-VAT ma tiġix imposta lill-fornitur iżda tiġi kontabilizzata mill-konsumatur (persuna taxxabbli) fid-dikjarazzjoni tal-VAT tiegħu. Din il-VAT imbagħad titnaqqas fl-istess dikjarazzjoni tal-VAT u għalhekk, peress li din il-persuna jkollha dritt sħiħ ta' tnaqqis, ir-riżultat ikun żero.
Il-mekkaniżmu tar-reverse charge jintuża fil-ġlieda kontra l-frodi u b'mod partikolari l-frodi Intra-Komunitarja b'Negozjant Nieqes.
L-Istati Membri mhumiex obbligati japplikaw il-mekkaniżmu tar-reverse charge bbażat fuq l-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-VAT. Jippermettilhom jiġġieldu kontra din it-tip ta' frodi f'oqsma sensittivi prestabbiliti fejn normalment isseħħ fit-territorju tagħhom.
Il-Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Rapida previst fl-Artikolu 199b huwa miżura eċċezzjonali li tippermetti lill-Istati Membri biex f'każijiet ta' emerġenza assoluta, jintroduċu b'ħeffa mekkaniżmu temporanju tar-reverse charge għal provvisti ta' oġġetti u servizzi f'setturi fejn tkun seħħet il-frodi għall-għarrieda u massiva u li mhumiex elenkati fl-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-VAT.
L-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-VAT ġie introdott għall-perjodu mill-2010 sat-30 ta' Ġunju 2015 u ġie estiż għall-ewwel darba bl-emendi, sal-31 ta' Diċembru 2018.
L-Artikolu 199b tad-Direttiva tal-VAT ġie introdott għall-perjodu mill-2013 sal-31 ta' Diċembru 2018.
Iż-żewġ Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva tal-VAT ġew sussegwentement estiżi sat-30 ta' Ġunju 2022.
Id-Direttiva tal-VAT talbet b'mod espliċitu l-monitoraġġ mill-Istati Membri tal-mekkaniżmu tar-reverse charge u r-rappurtar lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ntalbet tippreżenta rapport ta' valutazzjoni ġenerali dwar l-effetti tal-mekkaniżmu tar-reverse charge sal-1 ta' Jannar 2018.
Il-proposta attwali fiha żewġ komponenti:
• L-ewwel nett, li jitħassru t-talbiet kollha ta' monitoraġġ u valutazzjoni tal-Mekkaniżmu tar-Reverse Charge.
• It-tieni, li tintalab estensjoni ulterjuri sal-aħħar tal-2025 tal-Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva tal-VAT (jiġifieri l-Mekkaniżmu tar-Reverse Charge u l-Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Rapida).
Skont il-Kummissjoni, sal-aħħar tal-2025 jidher li huwa perjodu raġonevoli sabiex jintemmu n-negozjati tal-Kunsill dwar is-sistema definittiva tal-VAT.
Hemm ħtieġa immedjata ta' tranżizzjoni lejn sistema definittiva tal-VAT ibbażata fuq il-prinċipju tat-tassazzjoni fil-pajjiż tad-destinazzjoni. Il-Kummissjoni għalhekk tqis xieraq li testendi l-miżuri inklużi fl-Artikoli 199a u 199b sal-31 ta' Diċembru 2025.
Ir-rapporteur jaqbel mal-estensjoni tal-miżuri sal-2025. Madankollu, f'każ li sal-aħħar tal-2025 la tkun daħlet fis-seħħ is-sistema definittiva u lanqas ir-regoli tal-VAT fl-era diġitali, ir-rapporteur iqis bħala prijorità assoluta l-valutazzjoni mill-ġdid tal-Mekkaniżmu ta' Reverse Charge qabel kwalunkwe estensjoni.
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu |
Emenda tad-Direttiva 2006/112/KE rigward l-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fakultattiv fir-rigward ta’ provvisti ta’ ċerti oġġetti u servizzi suxxettibbli għall-frodi u tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida kontra l-frodi tal-VAT |
|||
Referenzi |
COM(2022)0039 – C9-0053/2022 – 2022/0027(CNS) |
|||
Data meta ġie kkonsultat il-PE |
1.3.2022 |
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
ECON 7.3.2022 |
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Markus Ferber 3.3.2022 |
|
|
|
Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni |
20.4.2022 |
|||
Eżami fil-kumitat |
20.4.2022 |
|
|
|
Data tal-adozzjoni |
20.4.2022 |
|
|
|
Data tat-tressiq |
26.4.2022 |