RAPPORT dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd

19.5.2022 - (2021/2168(INI))

Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Caroline Roose


Proċedura : 2021/2168(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0152/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd

(2021/2168(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Artikoli 3, 11, 38, 120 u 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent tal-baħar (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)[1],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (ir-Regolament PKS), li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE[2], u speċjalment l-Artikolu 17 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-28 ta' April 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan ta' ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1936/2001, (UE) 2017/2107 u (UE) 2019/833 u li jħassar ir-Regolament (UE) 2016/1627[3],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004[4],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna[5],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent" (COM(2020)0381),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar l-istrateġija mill-għalqa sal-platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent[6],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2020 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (Direttiva 2008/56/KE) (COM(2020)0259),

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2019 bit-titolu "Social data in the EU fisheries sector" (Id-data soċjali fis-settur tas-sajd tal-UE),

 wara li kkunsidra r-rapport tal-STECF tas-17 ta' Diċembru 2020 bit-titolu "Social dimension of the CFP" (Id-dimensjoni soċjali tal-PKS),

 wara li kkunsidra r-rapport ekonomiku annwali tal-STECF tal-2021 dwar il-Flotta tas-Sajd tal-UE ppubblikat fit-8 ta' Diċembru 2021,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-STECF tat-28 ta' April 2021 dwar il-kriterji u l-indikaturi biex jiġu inkorporati aspetti ta' sostenibbiltà għall-prodotti tal-frott tal-baħar fl-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni skont l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq,

 wara li kkunsidra l-istudju tal-2015 mitlub mill-Kumitat għas-Sajd dwar il-kriterji għall-allokazzjoni tal-aċċess għas-sajd fl-UE,

 wara li kkunsidra s-sentenza tat-Tribunal Amministrattiv ta' Montpellier tal-15 ta' Lulju 2021 fil-kawża numru 1801790,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Fondazzjoni għall-Ekonomija Ġdida (NEF) ta' Settembru 2021 bit-titolu "Who gets to fish in the EU? A 2021 update of how EU Member States allocate fishing opportunities" (Min jidħol jistad fl-UE? Aġġornament tal-2021 ta' kif l-Istati Membri tal-UE jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd),

 wara li kkunsidra r-rapport tal-2018 tal-Fond Dinji għall-Organiżmi Selvaġġi bit-titolu "Evaluating Europe's course to sustainable fisheries by 2020" (Evalwazzjoni tal-perkors tal-Ewropa lejn is-sajd sostenibbli sal-2020),

 wara li kkunsidra r-rapport minn Low Impact Fishers of Europe u Our Fish tas-27 ta' Ottubru 2021 bit-titolu "How the EU can Transition to Low Environmental Impact, Low Carbon, Socially Just Fishing" (Kif l-UE tista' Tgħaddi għal Impatt Ambjentali Baxx, Livell Baxx ta' Emissjonijiet ta' Karbonju, Sajd Soċjalment Ġust),

 wara li kkunsidra r-rapport tal-2020 tal-Grupp ta' Ħidma dwar it-Tkarkir Elettriku tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) u l-Parir Speċjali tal-ICES tal-20 ta' Mejju 2020 bi tweġiba għat-talba min-Netherlands rigward l-impatti tat-tkarkir bl-impulsi fuq l-ekosistema u l-ambjent mis-sajd għal-lingwata (Solea solea) fil-Baħar tat-Tramuntana,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 6.18 tal-Kodiċi ta' Kondotta għal Sajd Responsabbli tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tas-sajjieda artiġjanali u fuq skala żgħira u l-aċċess preferenzjali tagħhom, fejn xieraq, għaż-żoni u r-riżorsi tas-sajd tradizzjonali,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0152/2022),

A. billi l-PKS tinkludi l-objettivi "li l-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura huma ambjentalment sostenibbli fit-tul u huma ġestiti b'mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ta' impjieg, u li jingħata kontribut għad-disponibbiltà ta' provvisti tal-ikel", li jiġi applikat "l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u ... [timmira] li tiżgura li l-isfruttament ta' riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jirripristina l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada u jżommhom 'il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli", u jsemmi l-objettivi tal-implimentazzjoni ta' "approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd sabiex tiżgura li l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar ikunu minimizzati", li "tikkontribwixxi għal standard tal-għajxien ġust għal dawk li jiddipendu mill-attivitajiet tas-sajd, filwaqt li jittieħed kont tas-sajd kostali u l-aspetti soċjoekonomiċi" u "tippromwovi attivitajiet ta' sajd kostali, b'kont meħud tal-aspetti soċjoekonomiċi";

B. billi l-objettiv 14.b tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU jitlob lill-partijiet jipprovdu "aċċess ta' sajjieda artiġjanali fuq skala żgħira għar-riżorsi u s-swieq tal-baħar";

C. billi l-Kunsill huwa responsabbli għall-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd (qabdiet permissibbli totali jew l-isforzi totali tas-sajd), li mbagħad jitqassmu fost l-Istati Membri biex jiżguraw il-prinċipju ta' stabbiltà relattiva; billi l-istabbiltà relattiva hija element importanti tal-PKS li wriet li hija affidabbli fit-tul u tipprovdi viżibbiltà lis-sajjieda, u li ma għandhiex tiġi mminata; billi kull Stat Membru jqassam dawn l-opportunitajiet tas-sajd fost is-sajjieda u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi tiegħu, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà;

D. billi, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri huma responsabbli għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd; billi jista' jkun hemm differenzi kbar bejn is-setturi f'pajjiżi differenti, bir-riżultat li approċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd" mhuwiex mixtieq;

E. billi skont l-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-PKS, l-Istati Membri jeħtiġilhom jużaw kriterji trasparenti u oġġettivi, inklużi dawk ta' natura ambjentali, soċjali u ekonomika meta jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom, kif imsemmi fl-Artikolu 16 tar-Regolament dwar il-PKS; billi dawk il-kriterji jistgħu jinkludu l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent, l-istorja tal-konformità, il-kontribut għall-ekonomija lokali u l-livelli ta' qbid storiku;

F. billi l-Artikolu 17 ma jeskludix is-sajd rikreattiv mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, u huwa f'idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu kif jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd fil-livell nazzjonali;

G. billi l-Artikolu 17 jiddikjara wkoll l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprovdu inċentivi għall-bastimenti tas-sajd li jużaw irkaptu selettiv tas-sajd jew li jużaw tekniki tas-sajd b'impatt ambjentali mnaqqas, bħal b'konsum imnaqqas tal-enerġija jew ta' ħsara għall-ħabitat;

H. billi skont l-Artikolu 16, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-metodu tal-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd allokati lilhom li mhumiex soġġetti għal sistema ta' konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli, u kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-metodu tal-allokazzjoni;

I. billi l-pubblikazzjoni ta' data dwar l-allokazzjonijiet tal-kwoti tas-sajd għandha ssir f'konformità mar-regolamenti rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data;

J. billi l-valutazzjoni tal-STECF tad-dimensjoni soċjali tal-PKS sabet li fl-2020, 16 minn 23 Stat Membru kostali wieġbu għat-talba tal-Kummissjoni biex jinformawha bil-metodu ta' allokazzjoni użat;

K. billi l-UE ma ssodisfatx l-iskadenza li tikseb status ambjentali tajjeb tal-ilmijiet tal-baħar tal-UE sal-2020, kif stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina; billi r-rapport li l-Kummissjoni adottat fl-2020 dwar l-ewwel ċiklu ta' implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, filwaqt li qies in-natura olistika tagħha, stabbilixxa li s-sistema ta' protezzjoni tal-UE hija waħda mill-aktar ambizzjużi fid-dinja u kkonkluda li jeħtieġ li tittejjeb biex jiġu indirizzati problemi bħas-sajd eċċessiv f'xi ibħra u prattiki ta' sajd mhux sostenibbli, skart tal-plastik, nutrijenti eċċessivi, storbju taħt l-ilma, u tipi oħra ta' tniġġis;

L. billi l-UE ma rrispettatx l-iskadenza tal-2020 biex tikseb ir-rata ta' sfruttament tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY) għall-istokkijiet kollha tas-sajd; billi, madankollu, sar progress konsiderevoli lejn il-kisba tal-mira tal-MSY, b'mod partikolari fil-Grigal tal-Atlantiku u l-Baħar Baltiku, fejn fl-2020, 99 % tal-ħatt l-art li huwa ġestit biss mill-UE u li għalih kien disponibbli parir xjentifiku, kien "stokkijiet ġestiti b'mod sostenibbli";

M. billi l-UE impenjat ruħha li twettaq l-Aġenda 2030 tan-NU li tinkludi l-SDG 14: għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għall-iżvilupp sostenibbli;

N. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-istrateġija mill-għalqa sal-platt, il-Parlament talab lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri "jipprovdu appoġġ adegwat għat-tranżizzjoni lejn sajd b'impatt baxx" inkluż "billi jiżdied il-perċentwal tal-kwoti nazzjonali allokati għas-sajd kostali fuq skala żgħira";

O. billi "sajd kostali fuq skala żgħira" huwa definit fir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) bħala attivitajiet tas-sajd imwettqa minn bastimenti tal-baħar u tas-sajd fl-ilmijiet interni ta' tul totali ta' inqas minn 12-il metru u li ma jużawx irkaptu rmunkat, jew minn sajjieda bil-mixi, inklużi dawk li jiġbru l-frott tal-baħar bil-qoxra;

P. billi l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030 tinkludi l-objettiv li jitnaqqsu l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd u tal-estrazzjoni fuq ħabitats u speċijiet tal-baħar sensittivi, inkluż qiegħ il-baħar, bil-għan li jinkiseb status ambjentali tajjeb;

Q. billi l-objettivi tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità jinkludu t-tnaqqis tal-qabdiet inċidentali tal-ispeċijiet għal livell li jippermetti l-irkupru u l-konservazzjoni tagħhom;

R. billi s-sajd tal-UE huwa settur strateġiku tal-Unjoni, li jipprovdi għadd sinifikanti ta' impjiegi diretti u indiretti fiż-żoni tas-sajd u kostali, filwaqt li jżomm ekonomija sostenibbli billi jgħaqqad l-impjiegi u l-għajxien tan-nies mat-territorju u maż-żamma tat-tradizzjonijiet kulturali;

S. billi l-FEMSA jipprovdi appoġġ finanzjarju għas-sajjieda żgħażagħ li jibdew attivitajiet tas-sajd, filwaqt li ma hemm l-ebda garanzija sussegwenti biex jinkisbu opportunitajiet tas-sajd;

T. billi s-sajd jagħti kontribut indispensabbli għas-sigurtà tal-ikel tal-Unjoni;

U. billi s-sajd joħloq impjiegi kemm fuq il-baħar kif ukoll fuq l-art; billi xi reġjuni jiddependu fuq il-ħatt l-art li jseħħ lokalment biex tiġi żgurata l-vijabbiltà ta' ħafna negozji u biex jinżammu komunitajiet kostali vivaċi;

V. billi ma hemm l-ebda rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 17 tal-PKS mill-Kummissjoni, li jfisser li l-uniċi evalwazzjonijiet disponibbli għal din il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni inizjali huma dawk ippubblikati mill-STECF, l-organizzazzjonijiet tal-karità, is-settur tas-sajd innifsu, l-NGOs u l-partijiet ikkonċernati;

W. billi skont l-aħħar valutazzjoni tal-STECF dwar id-dimensjoni soċjali tal-PKS, it-talba tal-Kummissjoni tal-2020 lill-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni dwar is-sistema ta' allokazzjoni tagħhom kienet tinkludi mistoqsija dwar il-valutazzjoni tal-impatt u żewġ Stati Membri biss (l-Iżvezja u d-Danimarka) irrappurtaw li wettqu valutazzjoni bħal din; billi l-istess rapport sab li fl-2020, 16 biss minn 23 Stat Membru kostali wieġbu għat-talba tal-Kummissjoni biex jinformawha bil-metodu ta' allokazzjoni użat; billi bosta minn dawk ir-reazzjonijiet kienu ta' użu limitat peress li kien fihom biss deskrizzjonijiet wiesgħa tal-flotta tas-sajd nazzjonali jew sempliċement enfasizzaw l-intenzjoni tal-allokazzjonijiet tagħhom mingħajr ma spjegaw il-kriterji "trasparenti u oġġettivi";

X. billi għall-istaġun tas-sajd tal-2020, l-allokazzjoni tal-kwota tat-tonn lill-bastimenti fuq skala żgħira kienet ta' 3,03 % fl-Italja, 11,6 % fil-Kroazja, 11,89 % fi Franza, 13,68 % fil-Portugall u 36,93 % fi Spanja;

Y. billi ħafna mill-istokkijiet huma prinċipalment fil-mira ta' tipi differenti ta' flotot, iżda xi ftit minnhom huma fil-mira kemm ta' flotot fuq skala żgħira kif ukoll ta' skala kbira;

Z. billi bl-implimentazzjoni tal-Artikolu 17 tal-PKS u bl-allokazzjoni ta' kwoti tas-sajd abbażi ta' kriterji trasparenti u oġġettivi ta' natura ambjentali, soċjali jew ekonomika, l-UE tista' tikseb tranżizzjoni ġusta għal flotta tas-sajd b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u b'impatt baxx; billi, dan l-objettiv irid jimxi id f'id mal-objettiv li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg, u li jikkontribwixxi għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel;

AA. billi l-Kummissjoni qed tiżviluppa pjan ta' azzjoni għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u għall-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar, li jrid jikkontribwixxi għal wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew billi jiżgura s-sostenibbiltà tas-sajd u l-protezzjoni adegwata tal-ekosistemi tal-baħar u l-bijodiversità tagħhom;

AB. billi fl-10 ta' Novembru 2020, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni laħqu ftehim dwar ir-Regolament li jistabbilixxi pjan ta' ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran; billi l-Kunsill imbagħad ivvota kontra dan il-ftehim, u dan jikkontradixxi deċiżjoni li diġà ntlaħaq qbil dwarha maż-żewġ istituzzjonijiet l-oħra;

AC. billi l-Brexit kellu wkoll impatt fuq id-distribuzzjoni tad-drittijiet tas-sajd fl-UE;

1. Ifakkar li l-istokkijiet tal-ħut huma riżorsa pubblika naturali, li l-attivitajiet u l-ġestjoni tas-sajd huma assi bbażati fuq din ir-riżorsa u jappartjenu għall-wirt komuni tagħna, u li l-istokkijiet tal-ħut għandhom jiġu ġestiti b'mod li jiggarantixxi l-ogħla benefiċċji fit-tul għas-soċjetà, jimminimizza l-impatt fuq l-ekosistemi u jiggarantixxi s-sigurtà tal-ikel billi jipprovdi ikel tajjeb għas-saħħa; ifakkar li l-profittabbiltà ekonomika tal-flotta Ewropea għandha tiġi żgurata permezz ta' sfruttament ambjentalment, ekonomikament u soċjalment sostenibbli u abbażi ta' pariri xjentifiċi affidabbli u l-prinċipju ta' prekawzjoni;

2. Jenfasizza li fis-sajd taħt il-ġestjoni tal-kwoti, il-problema tal-ispeċijiet bi kwota limitanti għandha l-potenzjal li tagħlaq l-operazzjonijiet tas-sajd qabel tmiem l-istaġun b'implikazzjonijiet ekonomiċi potenzjalment sinifikanti għas-sajjieda; jissottolinja f'dan ir-rigward li sistema tajba ta' kwoti għandha tinkludi grad ġust ta' flessibbiltà peress li tippermetti lis-sajjieda li jeħtieġu kwoti żejda għal speċi bi kwota limitanti u lis-sajjieda li għandhom kwoti disponibbli biex jaslu għal eżitu ta' benefiċċju reċiproku;

3. Jenfasizza li huwa f'idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw il-kriterji li jużaw meta jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd;

4. Jinnota li l-Kummissjoni ma bdiet l-ebda proċedura ta' ksur kontra xi Stat Membru fir-rigward tal-konformità mal-Artikolu 17 tal-PKS;

L-użu ta' kriterji oġġettivi u trasparenti

5. Jenfasizza li m'hemm l-ebda studju tal-Kummissjoni li janalizza l-applikazzjoni tal-kriterji għall-allokazzjoni tal-kwoti skont l-Artikoli 16 u 17 tal-PKS; jinnota li hemm nuqqas ta' trasparenza u li diversi Stati Membri mhumiex jippubblikaw liema kriterji japplikaw meta jiddistribwixxu l-opportunitajiet tas-sajd u jħeġġiġhom jagħmlu dawk il-kriterji pubbliċi u faċilment aċċessibbli, ifakkar li metodu ta' allokazzjoni oġġettiv jinvolvi d-deskrizzjoni ċara u mhux ambigwa ta' kriterji ta' allokazzjoni definiti sew inkluża deskrizzjoni ċara tal-ponderazzjonijiet relattivi tal-kriterji jew il-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom f'każ ta' kriterji multipli għall-allokazzjoni;

6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal, jekk ikun meħtieġ, rapport dwar l-applikazzjoni tal-kriterji tal-Artikoli 16 u 17 tal-PKS minn kull wieħed mill-Istati Membri;

7. Jistieden lill-Kummissjoni tibda proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri li mhumiex jirrispettaw l-obbligi tagħhom f'termini ta' trasparenza dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd;

8. Jenfasizza li kriterji ta' allokazzjoni trasparenti huma wieħed mill-parametri li jipprovdu stabbiltà u ċertezza tad-dritt għall-operaturi; jissottolinja li huwa mixtieq li jsir progress dwar it-trasparenza madwar l-Unjoni fir-rigward tal-kriterji u l-applikazzjoni prattika tagħhom; jenfasizza, għalhekk, li l-informazzjoni dwar il-funzjonament tas-sistema tal-opportunitajiet tas-sajd, inkluż il-metodu ta' allokazzjoni, għandha tkun faċilment aċċessibbli u kapaċi tinftiehem minn kulħadd, u b'mod partikolari mill-operaturi u l-partijiet ikkonċernati sabiex jiġi ffaċilitat metodu ta' allokazzjoni konsistenti u bbażat fuq ir-regoli li jippermetti skrutinju aħjar, opportunitajiet indaqs għall-partijiet interessati kollha u aktar prevedibbiltà għas-sajjieda;

9. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-metodi rispettivi tagħhom ta' tqassim tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-pubbliku, f'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data;

10. Iqis li l-Kummissjoni, fil-kapaċità tagħha bħala gwardjan tat-Trattati, għandha l-obbligu li tiggarantixxi r-rispett sħiħ tal-preskrizzjonijiet minquxa fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiżgura l-applikazzjoni korretta mill-Istati Membri kollha tad-dispożizzjoni vinkolanti dwar it-trasparenza tal-Artikolu 17 fir-rigward tal-proċessi nazzjonali tal-allokazzjoni tal-kwoti permezz ta' attività ta' monitoraġġ attiva u kostanti u, jekk ikun meħtieġ, tiftaħ proċedura ta' ksur kontra l-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw ma' dak ir-rekwiżit;

11. Huwa tal-fehma li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi (OP), il-kooperattivi u s-sidien tal-kwoti jistgħu jiżvelaw l-allokazzjoni tal-kwoti tagħhom fuq bażi volontarja, iżda bl-ebda mod ma jistgħu jiġu obbligati jagħmlu dan, minħabba l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

12. Ifakkar li l-OP u l-kooperattivi tas-sajd għandhom rwol essenzjali fit-tqassim u l-ġestjoni tal-kwoti tas-sajd fost il-bastimenti differenti; jinnota li, f'ħafna Stati Membri, relattivament ftit sajjieda fuq skala żgħira jappartjenu għal OP, u saħansitra inqas sajjieda fuq skala żgħira għandhom l-OP dedikati tagħhom stess, u b'hekk jillimitaw il-kapaċità tagħhom li jisfruttaw dan il-kanal biex jaċċessaw il-kwoti tas-sajd; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-ħolqien ta' OP għal u minn sajjieda fuq skala żgħira;

13. Iqis li l-metodi ta' allokazzjoni għandhom jiġu żviluppati bl-involviment tal-komunitajiet tas-sajd, l-awtoritajiet reġjonali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, filwaqt li jiġi żgurat li s-segmenti kollha tal-flotta, l-OP, il-Cofradias tas-sajd u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema jkunu rappreżentati b'mod ġust, abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli, u li dawn għandhom jinkludu salvagwardji bħal perjodi ta' avviż li jippermettu lis-sajjieda jadattaw f'każ li l-Istati Membri jiddeċiedu li jibdlu l-metodu ta' allokazzjoni tagħhom;

14. Jistieden lill-Istati Membri jfasslu sistemi ta' allokazzjoni sabiex jiggarantixxu s-sempliċità, jevitaw proċessi burokratiċi ta' piż u, fl-aħħar mill-aħħar, jippermettu lill-operaturi u lill-partijiet ikkonċernati jimmonitorjaw il-kriterji u l-proċess tal-allokazzjoni;

15. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw kundizzjonijiet ekwi u opportunitajiet indaqs għas-sajjieda kollha biex jippermettu aċċess ġust għar-riżorsi tal-baħar;

L-użu ta' kriterji ambjentali, soċjali u ekonomiċi

16. Jinnota li ma hemm l-ebda rapport tal-Kummissjoni u lanqas każijiet irreġistrati ta' Stati Membri li biddlu l-metodi ta' allokazzjoni tagħhom minn mindu daħlu fis-seħħ il-PKS riformata u l-Artikolu 17, li jissuġġerixxi li r-riforma tal-PKS fl-2013 ma kellhiex impatt kbir fuq il-metodi ta' allokazzjoni; jinnota li l-STECF, fir-rapport tiegħu dwar id-dimensjoni soċjali tal-PKS, jirrimarka li għalkemm l-Istati Membri b'mod ġenerali ma għamlux linja diretta bejn l-Artikolu 17 s-sistemi nazzjonali ta' allokazzjoni tal-kwoti tagħhom, huma jużaw jew użaw kriterji fil-proċess ta' allokazzjoni li jistgħu jiġu ttikkettati bħala kriterji soċjali;

17. Jinnota li l-livelli storiċi tal-qabdiet bħalissa huma l-aktar kriterji komuni applikati mill-Istati Membri biex iqassmu l-opportunitajiet tas-sajd; iqis li tali kriterji joffru stabbiltà u jirrikonoxxi d-dipendenza tal-flotta u tal-komunitajiet tas-sajd fuq ir-riżorsi tas-sajd u l-importanza li l-flotot u l-komunitajiet tas-sajd ikollhom aċċess stabbli u prevedibbli għar-riżorsi tas-sajd;

18. Jinnota li data disponibbli turi li huma biss ftit l-Istati Membri jużaw kriterji ta' natura ambjentali, soċjali jew ekonomika biex iqassmu l-opportunitajiet tas-sajd u li, jekk jintużaw, ma jkollhomx ħafna piż fit-tqassim finali;

19. Ifakkar li l-Artikolu 17 tal-PKS jiddikjara li "Meta jallokaw opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom kif imsemmi fl-Artikolu 16, l-Istati Membri għandhom jużaw kriterji trasparenti u oġġettivi inklużi dawk ta' natura ambjentali, soċjali u ekonomika"; jinnota li l-verżjoni bl-Ingliż tinkludi l-kelma "għandhom"; jinnota li hemm diskrepanzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti li jistgħu jwasslu għal interpretazzjonijiet differenti tal-imperattiv legalment vinkolanti ta' dan l-element; jinnota, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fid-deċiżjoni tagħha fil-kawża Spika (C-540/16)[7], tikkonkludi li l-Istati Membri jridu jużaw "kriterji trasparenti u oġġettivi" meta jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni fir-rapport tagħha li jmiss dwar il-funzjonament tal-PKS;

20. Jilqa' l-fatt li l-metodi ta' allokazzjoni attwali bbażati l-aktar fuq drittijiet storiċi jippermettu ċertu livell ta' stabbiltà ekonomika fis-settur tas-sajd, li jista' jkun kundizzjoni li tippermetti lill-operaturi jinnovaw u jadottaw tekniki aktar sostenibbli, iżda jirrikonoxxi li, f'xi każijiet, dawn iseħħu li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tax-xejriet bħall-konċentrazzjoni ekonomika fis-settur tas-sajd li tfixkel il-kompetizzjoni, toħloq ostakli għal parteċipanti ġodda u tagħmel is-settur mhux attraenti għal sajjieda żgħażagħ ġodda; iqis, barra minn hekk, li, f'ċerti każijiet, dawn il-metodi ma jipprovdux biżżejjed inċentiva lis-sajjieda li jimplimentaw prattiki tas-sajd b'impatt ambjentali mnaqqas, ma jipprovdux opportunitajiet ġusti lis-sajjieda kollha, inklużi s-sajjieda fuq skala żgħira; iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jiggarantixxu b'mod adegwat distribuzzjoni ġusta tal-kwoti bejn is-segmenti differenti tal-flotta, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet tas-sajjieda kollha;

21. Jinnota li għal stokkijiet li għalihom il-qabdiet totali permissibbli qed jiżdiedu, pereżempju fil-każ ta' ġestjoni tajba tal-istokkijiet jew pjan ta' rkupru b'suċċess, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jqassmu l-kwoti addizzjonali abbażi ta' kriterji ekonomiċi, soċjali u ambjentali, f'konformità mal-Artikolu 17;

22. Jenfasizza li s-sajd artiġjanali u tradizzjonali u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, bħall-Cofradias tas-sajd, huma karatteristika fundamentali tas-soċjetà lokali, l-ekonomija, il-kultura u t-tradizzjoni f'ħafna żoni kostali u gżejjer madwar l-UE u jemmen, għalhekk, li għandhom jirċievu attenzjoni u trattament speċjali;

23. Iqis li l-użu tat-tipi kollha ta' kriterji msemmija fl-Artikolu 17 (ekonomiċi, soċjali u ambjentali) meta jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd huwa element importanti biex jinkisbu bis-sħiħ l-objettivi stabbiliti fil-PKS, fid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u fl-istrateġija tal-bijodiversità għall-2030; ifakkar li huma l-Istati Membri li huma responsabbli għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-kriterji ta' allokazzjoni;

24. Ifakkar li d-data ta' kwalità dwar l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi tas-sajd rikreattiv spiss tkun nieqsa jew mhux kompluta, li jfisser li l-kriterji ta' natura ambjentali, soċjali u ekonomika ma jistgħux jiġu żviluppati kif meħtieġ skont l-Artikolu 17;

25. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb u ssaħħaħ il-ġbir ta' tali data għas-sajd rikreattiv permezz ta' qafas imtejjeb għall-ġbir tad-data u strumenti oħra ta' politika;

26. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kull Stat Membru kkonċernat jalloka opportunitajiet tas-sajd skont il-PKS u b'mod partikolari l-Artikolu 17, bl-użu ta' kriterji trasparenti u oġġettivi inklużi dawk ta' natura ambjentali, soċjali u ekonomika; iqis li kull Stat Membru, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandu jiżgura li l-kriterji jkunu sostenibbli u bbilanċjati biex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet u l-isfidi lokali li jeħtieġ li jiġu indirizzati;

27. Iqis li t-tipi ta' sajd u r-realtajiet li jiffaċċjaw ivarjaw ħafna madwar l-UE u li għalhekk ma hemm l-ebda kriterju wieħed tajjeb għal kulħadd ta' natura ekonomika, ambjentali jew soċjali li jista' jiġi applikat b'mod uniformi fl-UE kollha;

28. Ifakkar li, f'diversi pajjiżi, l-Istati Membri u l-OP ħolqu riżervi ta' kwoti li jistgħu jitqassmu lis-sajjieda abbażi ta' kriterji ambjentali, soċjali u soċjali;

29. Jistieden lill-Istati Membri jinċentivaw lis-sajjieda jużaw il-prattiki, il-metodi u l-innovazzjonijiet tas-sajd l-aktar sostenibbli u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent; jemmen li tali inċentivi għandhom jiġu kkunsidrati waqt it-tfassil tal-metodu ta' allokazzjoni skont l-Artikolu 17 jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jqisu l-kunsiderazzjonijiet klimatiċi u tal-ekosistema fil-proċessi ta' allokazzjoni tagħhom, abbażi ta' sett ta' kriterji trasparenti; ifakkar li, skont l-Artikolu 17, l-Istati Membri jeħtiġilhom jagħmlu ħilithom biex jipprovdu inċentivi għall-bastimenti tas-sajd li jużaw irkaptu tas-sajd selettiv jew li jużaw tekniki tas-sajd b'impatt ambjentali mnaqqas, bħal b'konsum imnaqqas tal-enerġija jew ta' ħsara għall-ħabitat.

30. Jistieden lill-Istati Membri jinċentivaw lill-operaturi, permezz tal-proċessi ta' allokazzjoni tagħhom, jistabbilixxu u jsaħħu d-djalogu soċjali mal-unions u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema kif ukoll japplikaw bis-sħiħ ftehimiet ta' negozjar kollettiv sabiex jippromwovu s-sostenibbiltà soċjali u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti fi ħdan is-settur tas-sajd;

31. Ifakkar li l-Istati Membri jeħtiġilhom jagħmlu ħilithom biex jipprovdu inċentivi għall-bastimenti tas-sajd li jużaw irkaptu tas-sajd selettiv jew li jużaw tekniki tas-sajd b'impatt ambjentali mnaqqas. jinnota li xi Stati Membri qed jipprovdu inċentivi bħal dawn; jistieden lil Stati Membri oħra jipprovdu inċentivi bħal dawn;

32. Jenfasizza li l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd bl-użu ta' kriterji bħal impatt ambjentali aktar baxx u li tqis storja ta' konformità tista' tikkontribwixxi għar-restawr tal-popolazzjonijiet tal-ħut għal livell sostenibbli u għat-titjib tal-protezzjoni tal-bijodiversità;

33. Jistieden lill-Istati Membri, f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-PKS, jappoġġjaw id-dħul fin-negozju ta' sajjieda żgħażagħ u ġodda billi jikkunsidraw li jużaw kriterji tal-età biex jallokaw sehem ġust tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom, sabiex inaqqsu l-ostakli għad-dħul, jikkoreġu l-fallimenti tas-suq, u fl-aħħar mill-aħħar jiffaċilitaw it-tiġdid ġenerazzjonali tant meħtieġ fis-settur tas-sajd; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, jużaw l-opportunitajiet kollha fi ħdan il-FEMSA biex jindirizzaw il-kwistjoni tat-tiġdid ġenerazzjonali;

34. Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha f'ħidma aktar proattiva mal-Istati Membri kkonċernati dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-PKS; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tassisti lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ minn kriterji trasparenti u oġġettivi inklużi dawk ta' natura ekonomika, soċjali u ambjentali meta jfasslu l-metodoloġija tagħhom għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, pereżempju billi jippubblikaw linji gwida; jenfasizza li trid tingħata kunsiderazzjoni biex jiġu offruti stabbiltà u prospetti ekonomiċi għas-sajjieda għall-futur;

35. Jistieden lill-Kummissjoni, fil-pjan ta' azzjoni li jmiss tagħha, biex tippreserva r-riżorsi tas-sajd, tipproteġi l-ekosistemi tal-baħar, tiżgura l-għajxien tas-sajjeida u tinkludi mira ta' opportunitajiet tas-sajd li tista' titqassam skont kriterji ambjentali u tiġi żviluppata abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt;

36. Jistieden lill-Kummissjoni, fir-rapport li jmiss tagħha dwar il-funzjonament tal-PKS, tanalizza l-implimentazzjoni tal-Artikolu 17 mill-Istati Membri u tagħmel proposti dwar kif tista' tittejjeb;

37. Jenfasizza li l-UE għadha nieqsa minn għodda leġiżlattiva sabiex timplimenta d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku matul l-aħħar sessjonijiet tagħha; jenfasizza bi tħassib kbir li vojt normattiv bħal dan jirriskja li jipperikola l-allokazzjoni ta' kwoti importanti għas-settur tas-sajd tal-UE; iħeġġeġ lill-presidenza tal-Kunsill, għalhekk, biex toħroġ bi proposta alternattiva għall-ftehim diġà milħuq bejn il-partijiet li jallinja mal-pożizzjoni tal-Parlament;

°

° °

38. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 


 

NOTA SPJEGATTIVA

B'dan ir-rapport ta' implimentazzjoni dwar l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), l-għan tiegħi bħala rapporteur kien li nħares lejn kif l-Istati Membri qed iqassmu l-opportunitajiet tas-sajd li huma allokati lilhom fil-livell tal-UE u nara jekk dan huwiex konformi mal-obbligi tagħhom fl-ambitu tal-PKS u f'koerenza mal-objettivi usa' tal-PKS.

Il-Politika Komuni tas-Sajd għandha l-għan li tilħaq diversi objettivi ta' natura kemm ambjentali kif ukoll soċjoekonomika. Fost l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1380/2013 dwar il-PKS hemm, b'mod partikolari, l-objettiv li "jiġu minimizzati l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar", dak li "jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi", "ikun hemm kontribut għal standard ta' għajxien ġust għal dawk li jiddependu mill-attivitajiet tas-sajd, filwaqt li jitqiesu s-sajd kostali u l-aspetti soċjoekonomiċi" u "jiġu promossi l-attivitajiet tas-sajd kostali, filwaqt li jitqiesu l-aspetti soċjoekonomiċi".

F'dan ir-rigward, it-tqassim tal-opportunitajiet tas-sajd (kwoti tal-qbid jew kwoti ta' sforz tas-sajd) huwa għodda partikolarment b'saħħitha. L-Unjoni Ewropea hija responsabbli biex tistabbilixxi l-Qabdiet Totali Permissibbli (TACs) annwali u l-isforz totali tas-sajd bl-objettiv li jintlaħaq livell ta' sfruttament sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar. Dawn il-kwoti mbagħad jitqassmu fost l-Istati Membri skont il-prinċipju ta' stabbiltà relattiva, li jimplika li kull Stat Membru jirċievi sehem stabbli mill-kwoti tas-sajd miftiehma. Huwa mbagħad f'kull Stat Membru li dawn il-possibbiltajiet tas-sajd jitqassmu fost is-sajjieda u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi differenti. Filwaqt li l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd tibqa' kompetenza tal-Istati Membri, l-Artikolu 17 tar-Regolament 1380/2013 jistabbilixxi għadd ta' obbligi li l-Istati Membri jeħtiġilhom isegwu.

L-użu ta' kriterji trasparenti u oġġettivi

L-ewwel obbligu impost fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 17 huwa li jintużaw kriterji trasparenti u oġġettivi waqt li jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd. Madankollu, ħafna drabi jkun diffiċli li tkun taf eżattament kif dawk l-opportunitajiet qed jitqassmu. F'ħafna Stati Membri ftit li xejn hija disponibbli informazzjoni uffiċjali għall-pubbliku li tispjega l-metodi ta' allokazzjoni tal-kwoti. L-Istati Membri rari jippubblikaw id-dettalji tas-sistemi adottati tagħhom jew ikollhom reġistri pubbliċi li juru l-ishma ta' kwoti miżmuma minn bastimenti/sidien.

L-Artikolu 17 jiddikjara li l-kriterji ta' allokazzjoni għandhom ikunu "trasparenti" li jimplika li l-informazzjoni hija aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, skont studju tal-2015 mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew, 40 % tal-Istati Membri tal-UE naqsu milli jwieġbu għall-mistoqsijiet tal-istħarriġ dwar it-trasparenza. Barra minn hekk fl-2017, rapport tal-NEF sab li ħafna Stati Membri ma jiffaċilitawx l-aċċess għal informazzjoni konsistenti lill-pubbliku u dan jagħmilha diffiċli biex il-gvernijiet jinżammu responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Artikolu. Fl-istess ħin, xi pajjiżi għandhom prestazzjoni relattivament tajba f'termini ta' trasparenza tas-sistema iżda żewġ pajjiżi biss (id-Danimarka u l-Estonja) għandhom reġistru tal-kwoti disponibbli għall-pubbliku.

Barra minn hekk, minkejja l-fatt li huwa f'idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu kif jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, l-Artikolu 16.6 tal-PKS jirrikjedi li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-metodu ta' allokazzjoni u b'hekk kif qed jiġi implimentat l-Artikolu 17. Madankollu, il-valutazzjoni tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) tad-dimensjoni soċjali tal-PKS issib li fl-2020 16 biss minn 23 Stat Membru kienu ppreżentaw it-tweġibiet tagħhom għat-talba rispettiva tal-Kummissjoni. L-STECF jirrimarka l-ambigwità tat-tweġibiet li tfixkel l-iskrutinju tal-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 17.

L-użu ta' kriterji ambjentali, soċjali u ekonomiċi

It-tieni obbligu għall-Istati Membri stabbilit fl-Artikolu 17 tar-regolament tal-PKS huwa li jużaw kriterji ta' natura ekonomika, soċjali u ambjentali biex jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom. L-artikolu jelenka wkoll it-tipi ta' kriterji li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jissodisfaw dan l-obbligu: "l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent, l-istorja tal-konformità, il-kontribut għall-ekonomija lokali u l-livelli ta' qbid storiku".

F'dak il-kuntest, ta' min jinnota li mill-adozzjoni tal-aħħar riforma tal-PKS, ftit Stati Membri biss bidlu s-sistema ta' allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd tagħhom biex jintroduċu tali kriterji. Il-livelli ta' qbid storiku jibqgħu l-aktar kriterju komuni applikat mill-Istati Membri għat-tqassim tal-opportunitajiet tas-sajd, filwaqt li d-daqs tal-bastiment (it-tul, il-qawwa u l-piż) huwa t-tieni l-aktar kriterju applikat. Sistemi ta' allokazzjoni bħal dawn jipprovdu ftit li xejn inċentivi għas-sajjieda li qed jimplimentaw tekniki tas-sajd b'impatt baxx kif previst fil-PKS, bħall-użu ta' rkaptu tas-sajd selettiv jew l-użu ta' tekniki tas-sajd b'impatt ambjentali mnaqqas (bħal ħsara fil-ħabitat).

Fl-2018, il-Fond Dinji għall-Organiżmi Selvaġġi (WWF) evalwa s-sistemi użati għat-tqassim tal-opportunitajiet tas-sajd u qies li 69 % tal-Istati Membri tal-UE (16-il pajjiż minn 23) kienu "għadhom ma implimentawx" il-kriterji "implimentazzjoni ta' allokazzjoni ġusta u sostenibbli tal-opportunitajiet tas-sajd". Fir-rapport tagħha tal-2021 "Who gets to Fish" (Min jidħol jistad fl-UE?), il-Fondazzjoni għall-Ekonomija Ġdida (NEF) tinnota li, minn 22 Stat Membru, 12 biss jużaw kriterji soċjali (eż. età tas-sajjieda, kuntratti ta' impjieg) u 11 biss jużaw kriterji ambjentali (eż. tip ta' rkaptu u apparat akustiku deterrenti).

L-Artikolu 17 jiddikjara wkoll l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprovdu inċentivi għall-bastimenti tas-sajd li jużaw irkaptu tas-sajd selettiv jew li jużaw tekniki tas-sajd b'impatt ambjentali mnaqqas, bħal b'konsum imnaqqas tal-enerġija jew ta' ħsara għall-ħabitat. Madankollu, il-biċċa l-kbira tas-sistemi fl-Istati Membri tal-UE ma jqisux tali kriterji u ma jistgħux jiġu deskritti bħala bbażati fuq inċentivi.

Bħala rapporteur, nikkunsidra li n-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-Artikolu 17 jagħmilha aktar diffiċli għall-Istati Membri tal-UE u għas-sajjieda biex jilħqu l-objettivi tal-PKS u tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD). Fil-qafas legali Ewropew attwali, jista' jsir ħafna aktar biex tintuża l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd bħala għodda biex jintlaħqu l-objettivi tal-PKS, tal-MSFD u tal-Istrateġija għall-Bijodiversità tal-UE.

Biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-trasparenza, qed nistieden lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-metodu rispettiv tagħhom ta' tqassim tal-opportunitajiet tas-sajd u jagħmlu pubblika l-allokazzjoni finali tal-kwota ta' kull organizzazzjoni tal-produtturi u kull bastiment, f'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

Biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tan-nuqqas ta' implimentazzjoni li tikkonċerna l-użu ta' kriterji ta' natura ekonomika, soċjali u ambjentali, qed nistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kull Stat Membru jalloka opportunitajiet tas-sajd billi juża taħlita ta' kriterji ambjentali, soċjali u ekonomiċi, filwaqt li tiżgura li l-kriterji jkunu bilanċjati skont l-ispeċifiċitajiet lokali. Il-Kummissjoni għandha tidħol f'ħidma aktar proattiva mal-Istati Membri biex tinvestiga modi kif jitqassmu l-opportunitajiet tas-sajd f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Artikolu 17, u għandha tippubblika linji gwida dwar l-użu ta' kriterji soċjali u ambjentali għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

 

Il-metodi ta' allokazzjoni ġodda għandhom jiġu elaborati f'konsultazzjoni mal-komunitajiet tas-sajd u ma' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli, u għandhom jinkludu perjodi ta' avviż li jippermettu lis-sajjieda jkunu jistgħu jadattaw ruħhom. Jiena nemmen li l-biċċa l-kbira tal-kriterji ma jistgħux jiġu applikati mingħajr distinzjoni fl-UE kollha minħabba l-ispeċifiċitajiet ta' kull flotta. Peress li l-kwistjoni tat-tiġdid ġenerazzjonali hija sfida ffaċċjata madwar l-Ewropa kollha, qed nistieden lill-Istati Membri jużaw kriterji relatati mal-età meta jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom, sabiex jappoġġjaw id-dħul fin-negozju tas-sajjieda żgħażagħ.

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

11.5.2022

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

7

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Aguilera, Pietro Bartolo, François-Xavier Bellamy, Izaskun Bilbao Barandica, Maria da Graça Carvalho, Rosanna Conte, Rosa D’Amato, Giuseppe Ferrandino, Søren Gade, Francisco Guerreiro, Anja Hazekamp, Niclas Herbst, Jan Huitema, Ladislav Ilčić, France Jamet, Pierre Karleskind, Predrag Fred Matić, Francisco José Millán Mon, Grace O’Sullivan, João Pimenta Lopes, Manuel Pizarro, Caroline Roose, Bert-Jan Ruissen, Annie Schreijer-Pierik, Peter van Dalen, Theodoros Zagorakis

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Nicolás González Casares, Ivo Hristov, Ska Keller, Gabriel Mato, Emma Wiesner

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

18

+

ID

France Jamet

PPE

François-Xavier Bellamy, Niclas Herbst, Francisco José Millán Mon

Renew

Izaskun Bilbao Barandica, Søren Gade, Pierre Karleskind

S&D

Clara Aguilera, Pietro Bartolo, Giuseppe Ferrandino, Ivo Hristov, Predrag Fred Matić, Manuel Pizarro

The Left

Anja Hazekamp

Verts/ALE

Rosa D'Amato, Francisco Guerreiro, Grace O'Sullivan, Caroline Roose

 

7

-

ECR

Ladislav Ilčić, Bert-Jan Ruissen

ID

Rosanna Conte

PPE

Maria da Graça Carvalho, Peter van Dalen, Annie Schreijer-Pierik, Theodoros Zagorakis

 

2

0

Renew

Jan Huitema

The Left

João Pimenta Lopes

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Mejju 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza