RAPPORT dwar l-UE u d-difiża tal-multilateraliżmu

8.6.2022 - (2020/2114(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Javi López
Rapporteur għal opinjoni (*):
Anna-Michelle Asimakopoulou, Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura


Proċedura : 2020/2114(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0172/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-UE u d-difiża tal-multilateraliżmu

(2020/2114(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea" ppreżentat mill-ex Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, fit-28 ta' Ġunju 2016,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-kontribut tal-UE għall-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli (JOIN(2021)0003),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Aġenda ġdida għal bidla globali bejn l-UE u l-Istati Uniti" (JOIN(2020)0022),

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2021 dwar il-prijoritajiet tal-UE fin-NU matul is-76 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni tal-25 ta' Marzu 2020 dwar il-pjan ta' azzjoni tal-UE 2020-2024 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija (JOIN(2020)0005), b'mod partikolari l-kapitolu 3 tagħha ddedikat għall-promozzjoni ta' sistema globali għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija u s-sottokapitolu 3.1 tagħha dwar il-kooperazzjoni multilaterali, li toperazzjonalizza l-impenn tal-UE għal sistema multilaterali b'saħħitha għad-drittijiet tal-bniedem,

 wara li kkunsidra t-test rivedut tad-Dikjarazzjoni Politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit kif miftiehma fil-livell tan-negozjaturi fis-17 ta' Ottubru 2019,

 wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni tal-UE dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà (WPS) 2019-2024, u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru (Gender Action Plan, GAP III) tal-25 ta' Novembru 2020,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Frar 2021 dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-2021,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-2021 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU bit-titolu "Our Common Agenda" (L-Aġenda Komuni Tagħna),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rwol tal-UE fil-promozzjoni ta' Sħubija Trans-Atlantika usa'[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha[2],

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2021 lill-Kunsill dwar il-75 u s-76 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU[3],

 wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva tal-10 ta' Diċembru 2003 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2008 dwar il-linji ta' azzjoni ġodda mill-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u s-sistemi ta' kunsinna tagħhom,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2021 lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rigward ir-relazzjonijiet politiċi u l-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Tajwan[4],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Jannar 2022 dwar it-teħid tas-sħubija strateġika NU-UE dwar l-operazzjonijiet ta' paċi u l-ġestjoni ta' kriżijiet għal-livell li jmiss: Prijoritajiet għall-2022-2024,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, adottat fit-12 ta' Diċembru 2015,

 wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

 wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa, li saret f'Beijing f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa adottati f'Beijing, u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti tas-sessjonijiet speċjali tan-NU Beijing +5, +10, +15 u +20 dwar azzjonijiet u inizjattivi ġodda għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, adottati fid-9 ta' Ġunju 2000, fil-11 ta' Marzu 2005, fit-2 ta' Marzu 2010 u fid-9 ta' Marzu 2015, rispettivament,

 wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Terroriżmu, adottata mill-Assemblea Ġenerali f'Settembru 2006, li dalwaqt se tiġi aġġornata,

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tan-NU adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fil-31 ta' Ottubru 2000,

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 65/276 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU adottata fit-3 ta' Mejju 2011 dwar il-parteċipazzjoni tal-UE fil-ħidma tan-NU,

 wara li kkunsidra l-erba' dikjarazzjonijiet konġunti tal-UE u tan-NU fl-Assemblea Ġenerali tan-NU f'Settembru 2018,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar Sistemi ta' Armi Awtonomi[5],

 wara li kkunsidra l-ftehim qafas tad-29 ta' Settembru 2020 bejn l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti għall-għoti ta' appoġġ reċiproku fil-kuntest tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet rispettivi tagħhom fuq il-post,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2022 dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna[6],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' April 2022 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Marzu 2022, inklużi l-aħħar żviluppi tal-gwerra kontra l-Ukrajna u s-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja u l-implimentazzjoni tagħhom[7],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0172/2022),

A. billi l-ordni globali qed isir dejjem aktar instabbli, polarizzat u mfixkel minn aġendi u pożizzjonijiet ta' politika kompetittivi u mir-riskju dejjem akbar ta' frammentazzjoni regolatorja u ta' kompetizzjoni dwar standards regolatorji; billi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt qed jiġu mhedda dejjem aktar f'reġjuni differenti tad-dinja; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tas-soċjetà ċivili qed jiffaċċjaw għadd dejjem akbar ta' theddid u riskji għall-ħidma leġittima tagħhom;

B. billi l-ordni multilaterali nbena biex jiġu ffaċċjati u indirizzati l-isfidi ta' żmienna, bħall-ġuħ u l-faqar estrem, l-inugwaljanza, id-degradazzjoni ambjentali, il-mard, ix-xokkijiet ekonomiċi u l-prevenzjoni tal-kunflitti; billi saru avvanzi importanti, iżda f'dan l-aħħar deċennju osservajna rigress f'għadd ta' oqsma;

C. billi hemm bżonn li jiġġedded il-kuntratt soċjali u terġa' tinbena l-fiduċja;

D. billi f'Settembru 2015 il-pajjiżi kollha impenjaw ruħhom b'aġenda ambizzjuża dwar kif jindirizzaw l-isfidi globali flimkien, l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli;

E. billi, filwaqt li l-multilateraliżmu jibqa' l-aħjar sistema organizzattiva biex jissolvew l-isfidi globali, irid jiġi rikonoxxut li t-triq li twassal għall-implimentazzjoni effettiva qed tinħass iebsa;

F. billi d-dinja daħlet f'era multipolari ġdida b'potenzjal kbir ta' turbolenza, konfrontazzjoni u instabbiltà kkaratterizzati minn kompetizzjoni ġeopolitika kbira li tinvolvi theddid u kunflitti mhux tradizzjonali, bħall-attakki ibridi u ċ-ċiberattakki, il-gwerra ibrida u d-diżinformazzjoni, li spiss jiġru lil hinn mill-għajn pubblika, iżda għandhom implikazzjonijiet sinifikanti għas-sigurtà tal-UE u dik globali, u li ma għandniex għodod xierqa biex niġġildulhom u nirreaġixxu għalihom; billi hemm riskju ta' distakk bejn l-isfidi globali attwali u l-kapaċità tas-sistema multilaterali attwali li tipprovdi soluzzjonijiet effettivi u inklużivi;

G. billi fl-istess ħin, l-ordni globali qed jiffaċċja dejjem aktar kwistjonijiet u sfidi ta' politika li jirrikjedu azzjoni fil-livell internazzjonali, inkluż djalogu politiku globali effettiv, kooperazzjoni u konverġenza tal-pożizzjonijiet, sabiex jitfasslu soluzzjonijiet sostenibbli li jistgħu jwasslu għar-riżultati, għal azzjoni koordinata u għal standards komuni, fi ħdan ordni bbażat fuq ir-regoli li jwassal b'mod effettiv għal riżultati li jkunu fl-interess ta' kulħadd u li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; billi dawn l-istandards għandhom jikkontribwixxu għall-paċi, l-istabbiltà u l-iżvilupp sostenibbli internazzjonali; billi l-UE tappoġġja l-liġijiet u n-normi internazzjonali;

H. billi d-dinja saret aktar interkonnessa, u dan irendi lill-atturi fix-xena internazzjonali aktar interdipendenti u l-isfidi aktar kumplessi; billi l-problemi f'diversi livelli li jirriżultaw jirrikjedu azzjoni kollettiva, strutturi flessibbli u l-inklużjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha;

I. billi l-ordni multilaterali attwali tnissel mill-ordni globali ta' wara l-1945, li mhux neċessarjament jirrifletti bis-sħiħ id-dinja tal-lum, meta jitqies li l-atturi globali attwali mhux kollha tqiesu kif xieraq fit-tfassil tal-arkitettura multilaterali;

J. billi l-politiki u n-normi globali dwar il-kontroll tal-armi, id-diżarm u n-nonproliferazzjoni tal-armi qed jiġu abbandunati u mdgħajfa fi żmien meta l-bejgħ tal-armi konvenzjonali qed jiżdied, il-livell ta' awtonomija tas-sistemi tal-armi qed jiżdied, u qed isiru investimenti f'armi ġodda ta' qerda massiva;

K. billi dejjem aktar qed jitqajjem dubju dwar il-multilateraliżmu bħala mezz paċifiku ta' organizzazzjoni tar-relazzjonijiet fost l-istati sovrani, parzjalment minħabba bidliet fis-sistema internazzjonali, pereżempju l-preżenza ta' atturi ġodda fix-xena globali u t-theddid ibridu li jirriżulta minnhom, it-tensjonijiet li jirriżultaw min-natura tal-istituzzjonijiet multilaterali u l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet li ilhom deċennji sħaħ jiġu rinnovati kompletament, id-distakk dejjem jikber bejn l-opinjoni pubblika u l-istituzzjonijiet, iż-żieda fis-sentimenti kontra l-globalizzazzjoni, it-tnaqqis tas-setgħat ġeopolitiċi tradizzjonalment dominanti u t-tnaqqis sussegwenti tal-libertajiet u d-demokrazija globali; billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt bla preċedent tagħha fuq il-komunità internazzjonali rrinforzaw u aċċelleraw dawn il-bidliet; billi ninsabu fil-punt ta' era ġdida li qed thedded li tikkomprometti aktar minn sebgħin sena ta' progress u paċi relattiva u tikkonsolida era ta' politika mmexxija bil-forza u li tistinka biex tikkomprometti l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u bbażat fuq il-liġi internazzjonali u l-istat tad-dritt, ir-responsabbiltà, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diversità; billi l-għaqda ta' impulsi populisti nazzjonali, objettivi diverġenti u li qed jinbidlu u nuqqas ta' metodi ta' implimentazzjoni u responsabbiltà qed iġiegħlu lis-sistema multilaterali tiffaċċja tliet kriżijiet konnessi: kriżi ta' poter, ta' rilevanza u ta' leġittimità, li huma r-riżultat ta' nuqqas ta' rieda u koordinazzjoni politika, l-aktar fil-Punent;

L. billi l-kriżi tal-multilateraliżmu tista' tkun opportunità biex jerġa' jinbena kunsens dwar ordni internazzjonali bbażat fuq il-multilateraliżmu u l-istat tad-dritt permezz ta' kooperazzjoni, solidarjetà u koordinazzjoni effiċjenti; billi l-UE għandha tappoġġja inizjattivi mmirati lejn l-inkorporazzjoni tal-fehmiet tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet f'fora multilaterali bħal pereżempju, in-NU; billi l-UE għandha tippromwovi l-istabbiliment ta' Assemblea Parlamentari tan-Nazzjonijiet Uniti fi ħdan is-sistema tan-NU sabiex iżżid l-karattru demokratiku, ir-responsabbiltà demokratika u t-trasparenza tal-governanza globali;

M. billi l-multilateraliżmu jeħtieġ rivitalizzazzjoni rapida sabiex tiġi indirizzata din il-kriżi multidimensjonali u ta' ħafna aspetti; billi t-theddid għall-paċi u s-sigurtà, għal-libertajiet fundamentali u d-demokrazija, it-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, id-degradazzjoni ambjentali, il-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri, l-isfidi globali tas-saħħa pubblika, iż-żieda fil-protezzjoniżmu, id-diżinformazzjoni, l-indħil barrani, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-iżvilupp sostenibbli u l-approfondiment tal-faqar u tal-inugwaljanzi fil-livell globali huma wħud mill-isfidi urġenti li d-dinja qed tiffaċċja bħalissa; billi huwa biss permezz ta' ordni multilaterali rinforzat u ta' tmexxija politika li l-komunità internazzjonali tkun tista' ssib tweġibiet dejjiema u sostenibbli għal dawn l-isfidi u oħrajn fil-futur;

N. billi sabiex terġa' tagħti l-ħajja u tiddefendi l-multilateraliżmu, l-UE jeħtiġilha tgħin biex l-istituzzjonijiet multilaterali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali jinżammu ħajjin u jiffunzjonaw, filwaqt li tfittex kooperazzjoni aktar profonda ma' sħab tal-istess fehma sabiex tiġġieled għall-valuri u l-interessi tagħha; billi dawn il-koalizzjonijiet se jinbidlu abbażi tal-kwistjonijiet u ma għandhomx jikkompromettu l-istituzzjonijiet eżistenti; billi l-UE għandha tistinka biex tibni koalizzjonijiet miftuħa aktar milli klabbs esklużivi; billi jeħtieġ li l-UE ssib modi ġodda biex tinvolvi ruħha ma' pajjiżi min-Nofsinhar Globali u li dan tagħmlu fl-istess livell magħhom, bħala sħab ugwali;

O. billi t-tibdil fil-klima u l-pandemija tal-COVID-19 urew l-importanza globali u l-preminenza politika tal-beni pubbliċi globali, bħal, fost l-oħrajn, l-aċċess għas-saħħa, l-arja nadifa u l-ilma nadif, l-ikel u riżorsi oħra, l-edukazzjoni, it-teknoloġija u ċ-ċiberspazju b'mod inklużiv, sigur u affidabbli; billi l-pandemija tal-COVID-19 fakkritna f'fatt ovvju: quddiem pandemija, il-katina tas-sikurezza tas-saħħa tagħna hija b'saħħitha biss daqs l-aktar sistema tas-saħħa dgħajfa; billi l-COVID-19 tkun fejn tkun hija theddida għan-nies u għall-ekonomiji kullimkien; billi l-aċċess għall-beni pubbliċi globali u r-risponsi ta' politika li jfittxu li jistandardizzaw u jespandu tali aċċess fil-pajjiżi u l-komunitajiet kollha jirrikjedu kooperazzjoni globali dwar l-objettivi, l-istandards komuni minimi u l-appoġġ attiv għall-pajjiżi u l-komunitajiet l-aktar vulnerabbli; billi dan jirrikjedi aġenda multilaterali effettiva ffukata fuq il-beni pubbliċi globali u strutturi ta' governanza li jirrinforzaw l-aċċess għal tali beni; billi d-djalogu politiku effettiv dwar l-aċċess għall-beni pubbliċi globali, kif ukoll il-kooperazzjoni u t-twettiq f'dan ir-rigward ma jistgħux u ma jridux jiġu diżakkoppjati taħt l-ebda ċirkostanza minn mal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u d-dinjità, kif ukoll it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-persuni kollha, b'mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli; billi l-pandemija tal-COVID-19 uriet l-importanza tal-ħidma tad-WHO u l-kapaċità tad-WHO li timmaniġġja r-rispons għall-pandemija b'mod rapidu u effettiv, filwaqt li poġġiet ukoll fid-dieher tħassib bħal pereżempju tentattivi ta' ndħil u manipulazzjoni tal-azzjonijiet tagħha għal dan il-għan;

P. billi t-terroriżmu jibqa' wieħed mill-aktar theddidiet serji għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali;

Q. billi l-assertività dejjem akbar tar-reġimi awtoritarji u totalitarji u tal-gvernijiet illiberali f'fora multilaterali u organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż permezz ta' tentattivi biex in-normi internazzjonali jiddgħajfu u jinkitbu mill-ġdid, u l-involviment b'saħħtu tagħhom fil-proċessi ta' ġestjoni u ta' teħid ta' deċiżjonijiet ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u fora multilaterali rilevanti, jistgħu jwasslu għal risponsi ta' politika asimmetriċi, anqas effettivi u preġudikati, jeliminaw il-kundizzjonijiet ekwivalenti għall-membri kollha tal-komunità internazzjonali, u jwasslu wkoll għal impenn ħafna aktar dgħajjef mill-komunità internazzjonali għad-difiża u l-avvanz tal-valuri universali u tad-drittijiet universali; billi aġendi individwali, azzjonijiet unilaterali u nuqqas ta' impenn u appoġġ għal soluzzjonijiet multilaterali jistgħu jkomplu jikkompromettu l-multilateraliżmu bħala prinċipju organizzattiv essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi transnazzjonali; billi, f'dan il-kuntest, huwa essenzjali li jiġi affermat mill-ġdid il-valur tal-governanza bbażata fuq ir-regoli, il-kooperazzjoni internazzjonali, l-impenn għad-drittijiet fundamentali u kundizzjonijiet ekwivalenti reali għall-membri kollha tal-komunità internazzjonali; billi l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti u l-fora multilaterali se jkunu kruċjali biex jintlaħqu dawn l-objettivi; billi dawn l-objettivi mhux biss se jippermettu impatt politiku pożittiv aktar effettiv fuq l-isfidi globali, iżda se jrażżnu u jipprevjenu wkoll ir-riskju ta' kunflitt;

R. billi l-UE għandha tinvesti aktar minn qatt qabel fit-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet multilaterali bħala waħda mill-prijoritajiet tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) tagħha; billi l-Boxxla Strateġika tal-UE tagħti importanza kbira lis-sħubijiet internazzjonali u multilaterali bħala wieħed mill-pilastri bażiċi tal-PSDK tagħha;

S. billi hija meħtieġa kooperazzjoni multilaterali fost sħab tal-istess fehma fl-indirizzar ta' ndħil barrani malizzjuż;

T. billi r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU bit-titolu "Our Common Agenda" (L-Aġenda Komuni Tagħna), li ġie ppreżentat lill-Assemblea Ġenerali tan-NU f'Settembru 2021 u li ntlaqa' mill-Assemblea Ġenerali f'Novembru 2021 u li ġie abbozzat permezz ta' proċess ta' konsultazzjoni wiesa' ħafna li inkluda l-istati membri tan-NU, il-mexxejja tal-ideat, iż-żgħażagħ, is-soċjetà ċivili, il-partijiet ikkonċernati rilevanti u ċ-ċittadini, kif ukoll is-sistema tan-NU u l-ħafna sħab tagħha, jattesta l-ħtieġa ta' multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli aktar effettiv, inklużiv u konness għall-futur; billi dan se jkun essenzjali għas-sistema tan-NU u għal fora multilaterali oħra sabiex jibqgħu forum effettiv għall-konsultazzjoni globali u għat-teħid tad-deċiżjonijiet; billi, f'dan il-kuntest, l-UE tinsab f'pożizzjoni unika biex tappoġġja lin-NU u lil organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra biex ikomplu l-proċess ta' riforma u fir-rivitalizzazzjoni tal-ħila tagħhom li jwettquhom u l-ħila tagħhom li jinteraġixxu mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħaż-żgħażagħ jew il-komunitajiet l-aktar milquta mit-tibdil fil-klima, inkluż fil-livell lokali u reġjonali; billi hija u tagħmel dan l-UE għandha taħtaf l-opportunità li tinvolvi ruħha b'mod kostruttiv u effettiv mas-setgħat rivali, filwaqt li żżomm pożizzjoni soda dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, tippromwovi mudell soċjali u politiku bbażat fuq il-valuri universali u tfittex kooperazzjoni u koordinazzjoni aktar mill-qrib ma' pajjiżi tal-istess fehma biex tirrinforza l-preminenza tal-valuri universali u tad-drittijiet fundamentali u tavvanza soluzzjonijiet effettivi għall-isfidi globali; billi d-diplomazija parlamentari se tkun komponent essenzjali biex jiġi rrinforzat il-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli, inklużiv, effettiv u konness;

U. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għadhom impenjati bis-sħiħ favur il-multilateraliżmu, il-governanza globali, il-promozzjoni tal-valuri fundamentali tan-NU bħala parti integrali tal-politika esterna tal-UE, kif ukoll it-tliet pilastri tas-sistema tan-NU: id-drittijiet tal-bniedem, il-paċi u s-sigurtà, u l-iżvilupp;

V. billi l-UE u n-NU qed ikomplu jaħdmu mill-qrib f'aktar minn 170 pajjiż biex itejbu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd, inaqqsu l-ġuħ u l-malnutrizzjoni, jipprevjenu u jegħlbu l-kriżijiet, jibnu soċjetajiet demokratiċi u inklużivi, jipprovdu servizzi essenzjali, jippromwovu tkabbir ekoloġiku u impjiegi deċenti, u jiżguraw il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali;

W. billi r-rwol u l-għodod tal-Parlament fil-qasam tad-diplomazija parlamentari, il-medjazzjoni u d-djalogu jistgħu jikkontribwixxu b'mod attiv għat-tisħiħ tal-multilateraliżmu;

X. billi l-"Ewropa Globali – Strument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali" (l-istrument finanzjarju Ewropa Globali) il-ġdid, flimkien mal-approċċ "Tim Ewropa" u l-Istrateġija Global Gateway, jikkonferixxu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha l-ħila li jirraggruppaw ir-riżorsi b'mod sinerġiku u li jikkoordinaw aħjar l-assistenza u joħolqu impatti pożittivi fl-azzjoni esterna tal-UE, anki permezz ta' fora multilaterali, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-pajjiżi sħab, inkluż permezz ta' kooperazzjoni kontinwa u msaħħa ma-NU fuq il-post; billi l-UE għandha tagħti prijorità lill-għoti ta' għajnuna lill-pajjiżi b'rekord ta' governanza tajba u impenn favur il-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem; billi l-istrument finanzjarju l-ġdid Ewropa Globali jipprevedi djalogu politiku ta' livell għoli bejn il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Parlament dwar il-prijoritajiet ta' programmazzjoni bl-opportunità għall-Parlament li jerġa' jgħaqqad dan id-djalogu ta' politika u ta' programmazzjoni mas-sensibilizzazzjoni u l-konsultazzjonijiet politiċi tiegħu ma' pajjiżi terzi, u b'hekk jirrinforza l-ħila tal-UE li, permezz tal-attivitajiet u s-sensibilizzazzjoni tagħha fil-qasam tad-diplomazija parlamentari, tassisti lill-pajjiżi terzi rilevanti u tħalli impatt pożittiv fuqhom;

Y. billi jekk l-UE trid titkellem b'vuċi waħda, iridu jsiru bidliet sostanzjali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-affarijiet barranin; billi t-teħid ta' deċiżjonijiet unanimu jispiċċa biss ixekkel il-ħila tal-UE li tinvolvi ruħha bħala attur b'saħħtu fix-xena internazzjonali, billi s-SEAE u l-Istati Membri għandhom jaqblu mal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata dwar kwistjonijiet ta' politika barranija, peress li hija forma aktar effettiva ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

Il-bini mill-ġdid ta' multilateraliżmu minqux fil-valuri fundamentali tal-UE

1. Jilqa' l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin lill-Parlament u lill-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-kontribut tal-UE għall-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli; iqis li din il-komunikazzjoni tikkontribwixxi b'mod dirett ħafna u tkompli tavvanza r-riflessjoni dwar id-direzzjoni tal-politika barranija tal-UE mil-lat tal-impenn importanti tagħha, iżda aktar ġenerali, favur multilateraliżmu effettiv kif iddefinit fl-istrateġija Ewropea ta' sigurtà tal-2003 għat-twettiq tal-ħtieġa li jiġu kkombinati l-valur u l-objettiv ta' multilateraliżmu effettiv ma' prammatiżmu bbażat fuq il-prinċipji u l-ħtieġa li jiġu promossi u ppreservati l-interessi u l-valuri tal-UE, kif stabbilit fl-istrateġija globali għall-politika estera u ta' sigurtà tal-UE tal-2016; ifakkar li l-aħjar strateġija għad-difiża tal-multilateraliżmu hija li dan jerġa' jinbena u jsir aktar rilevanti, reżiljenti u effettiv;

2. Jappoġġja d-dikjarazzjoni tal-komunikazzjoni konġunta li "l-Kunsill jeħtieġlu juża d-dispożizzjonijiet li jagħtu lok għal astensjoni kostruttiva u għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet permezz ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fl-ambitu tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni"; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fi kwistjonijiet ta' politika barranija tiġi ankrata f'bidliet futuri li jsiru fit-trattati tal-UE, peress li dan jippermetti lill-UE ssir attur globali aktar effettiv;

3. Jaqbel mal-Kummissjoni u mal-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-ħtieġa li l-UE tkun aktar assertiva hija u ssegwi l-interessi tagħha u tavvanza l-valuri universali li fuqhom hija bbażata u, għalhekk, jaqbel dwar il-ħtieġa li l-UE tiddefendi u ssaħħaħ il-multilateraliżmu u l-ordni bbażati fuq ir-regoli bħala mezz biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti għall-komunità internazzjonali, tipprovdi pjattaforma għal djalogu politiku inklużiv, kooperazzjoni u konverġenza u tikseb reazzjonijiet ta' politika appoġġjati mill-komunità internazzjonali inġenerali u li jistgħu verament iwasslu għar-riżultati mixtieqa;

4. Jenfasizza li huwa ta' importanza suprema li l-UE ssaħħaħ l-azzjoni esterna u s-sett ta' għodod tad-diplomazija tagħha bl-istrumenti awtonomi tagħha stess, filwaqt li żżid il-kapaċità tagħha li tkun attur globali u "titkellem b'vuċi waħda" sabiex tiddefendi aħjar il-multilateraliżmu, u dan għandu jinkludi l-ħolqien ta' Akkademja Diplomatika Ewropea kif mitlub reċentement mill-Parlament; itenni t-talba tiegħu li l-"Bauhaus Ewropea l-Ġdida" tiġi inkluża bħala strument ġdid fis-sett ta' għodod tal-azzjoni esterna tal-UE u bħala għodda diplomatika kulturali u pubblika utli, li hija fundamentali għall-promozzjoni tal-ordni multilaterali bbażat fuq il-valuri u t-tisħiħ ta' sħubijiet internazzjonali;

5. Jindika l-ħila tal-UE li tfassal standards regolatorji effiċjenti u inklużivi ħafna għas-suq uniku tagħha u huwa tal-fehma li l-UE għandha tfittex ukoll li tippromwovi tali standards fil-qafas tal-azzjoni esterna tagħha bħala paradigma u kontribut għad-diskussjoni dwar standards regolatorji globali effettivi; ifakkar fl-Artikolu 24 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jgħid li "l-Istati Membri għandhom isostnu l-politika esterna u ta' sigurtà tal-Unjoni attivament u mingħajr riżerva fi spirtu ta' lealtà u solidarjetà reċiproka" u li "għandhom joqgħodu lura minn kull azzjoni li tkun kontra l-interessi tal-Unjoni jew li x'aktarx tagħmel ħsara għall-effettività tagħha bħala forza b'koeżjoni fir-relazzjonijiet internazzjonali"; jinsab imħasseb dwar l-attivitajiet ta' xi Stati Membri, bħat-twettiq ta' inizjattivi diplomatiċi bilaterali ma' pajjiżi terzi, li jistgħu jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tat-TUE;

6. Jemmen li l-UE jeħtiġilha tkompli taġixxi bħala difensur sod u ewlieni tal-multilateraliżmu fid-dinja u tevita azzjonijiet li jikkompromettu dawn l-objettivi; jikkonkludi, madankollu, li l-UE jeħtiġilha tirrispondi għall-forzi globali, bħaż-żieda fil-frammentazzjoni, l-użu tal-kummerċ u tal-protezzjoniżmu bħala armi, sabiex tippreserva l-vantaġġi kompetittivi tagħha;

7. Huwa tal-fehma li l-UE għandha tuża l-isforzi tagħha biex issib soluzzjonijiet għal problemi globali, bħat-tibdil fil-klima, jew biex tippromwovi l-istabbiltà u l-paċi, bħala punt ta' dħul għal relazzjonijiet diplomatiċi usa' ma' pajjiżi terzi li magħhom id-djalogu u l-kooperazzjoni dwar punti oħra ta' politika mhux dejjem ikunu immedjatament fattibbli;

8. Jistieden lill-UE ssir aktar assertiva u strateġika fl-indirizzar tat-theddid globali dejjem jiżdied; jissottolinja li fil-kuntest ta' xenarju ġeopolitiku li qed jinbidel malajr, id-dinja tinsab f'salib it-toroq u l-istituzzjonijiet multilaterali jinsabu fil-periklu li jiġu ddominati minn reġimi nondemokratiċi; jappella għal impenn b'saħħtu, ibbażat fuq l-azzjoni, għall-protezzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali f'fora multilaterali;

9. Ifakkar li l-UE hija biss osservatur għall-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-fora multilaterali kważi kollha, u li din is-sitwazzjoni la tirrifletti l-firxa tal-kompetenzi tal-UE u lanqas l-importanza dejjem tikber tal-organizzazzjonijiet reġjonali supranazzjonali fit-teħid tad-deċiżjonijiet globali; jemmen li l-effettività tal-UE fix-xena globali hija marbuta mill-qrib mal-istatus tagħha fil-fora u fl-organizzazzjonijiet multilaterali; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jħeġġu r-rieda politika biex isaħħu l-pożizzjoni tal-UE fl-organizzazzjonijiet u fil-fora multilaterali, u biex jiksbu appoġġ minn pajjiżi terzi għal tali bidla fl-istatus, sabiex l-UE tkun tista' verament tonora l-impenn tagħha li tiddefendi l-multilateraliżmu b'mod effettiv;

It-tisħiħ tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-sistema tagħhom

10. Itenni l-appoġġ l-aktar qawwi tiegħu għall-programm ta' riformi introdott mis-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres, u jindika l-ħtieġa għal aktar progress, speċjalment fir-rigward tal-inklużjoni tan-nisa, taż-żgħażagħ u ta' persuni f'sitwazzjoni vulnerabbli, kif ukoll dwar is-sensibilizzazzjoni dwar l-intersezzjonalità fl-istrutturi tan-NU; jisħaq fuq l-importanza ta' sistema tan-NU li tkun tista' tkompli twassal għar-riżultati mixtieqa b'mod effettiv; jindika l-valur tal-viżjoni ta' "One UN" tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-sistema tan-NU, fejn id-diversi aġenziji u komponenti tan-NU jistgħu verament ikunu interkonnessi u jiffunzjonaw flimkien abbażi ta' struttura baġitarja u maniġerjali unika u jkunu jistgħu jirrinforzaw l-ilħiq tal-objettivi tan-NU; jindika, b'mod partikolari, ir-rwol imsaħħaħ tal-Koordinaturi Residenti tan-NU previst bir-riforma tas-sistema ta' żvilupp tan-NU u jqis li dawn il-Koordinaturi Residenti tan-NU, li bħalissa joperaw f'aktar minn 130 pajjiż, għandhom mhux biss jieħdu rwol ta' tmexxija fil-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi tan-NU fuq il-post biex jirrinforzaw l-unità tal-azzjoni tan-NU, iżda għandhom ukoll jikkollaboraw u jikkonsultaw mill-qrib mad-delegazzjonijiet tal-UE fl-Istat Membru rilevanti tan-NU biex ifittxu sinerġiji u tisħiħ reċiproku mal-programmi tematiċi u ġeografiċi tal-UE għal dak il-pajjiż;

11. Jafferma mill-ġdid li l-UE u n-NU għandhom jaħdmu mill-qrib fil-livell tal-kwartieri ġenerali u fir-reġjuni u l-pajjiżi fejn jipprovdu assistenza għall-iskambju ta' analiżijiet, u jallinjaw l-ippjanar tal-politika u dak programmatiku sabiex jimmassimizzaw l-impatt tagħhom fuq il-benessri tan-nies u tal-pjaneta; ifakkar li l-UE tista' tirrinforza bil-kbir is-sensibilizzazzjoni u l-impatt tal-programmi tan-NU f'pajjiżi terzi u tista' tiddefinixxi l-ipprogrammar u l-assistenza tagħha stess b'mod sinerġiku li wkoll jirrinforza l-impatt tagħhom f'konformità mal-objettivi tan-NU; jisħaq, għalhekk, fuq il-valur ta' konsultazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u n-NU, u jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lid-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi biex b'mod attiv jilħqu lin-NU u jikkonsultaw magħhom dwar l-attivitajiet ta' politika u programmazzjoni tan-NU għall-2021-2027 u lil hinn; jistieden lin-NU jikkonsultaw regolarment mal-UE fil-kwartieri ġenerali tan-NU, iżda wkoll fuq il-post fil-pajjiżi terzi;

12. Huwa tal-fehma li l-UE u n-NU għandhom jorganizzaw summits annwali bil-possibbiltà li s-Segretarju Ġenerali tan-NU jikkonferixxi mal-Kunsill, mal-Kummissjoni, mas-SEAE u mal-Parlament; jistieden lin-NU jiżguraw preżenza kostanti ta' interlokuturi ta' livell għoli tan-NU fil-Parlament biex ikomplu d-djalogu politiku strutturat u konsistenti u jagħtu viżibilità akbar lill-isforzi tan-NU; jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb il-funzjonament politiku tan-NU, filwaqt li jappella għal interfaċċja aktar b'saħħitha bejn in-NU u l-organizzazzjonijiet reġjonali kif issottolinjat mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Guterres; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-Aġenziji tan-NU mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali permezz tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU (ECOSOC); jappoġġja l-proposti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Guterres, biex iż-żgħażagħ u s-soċjetà ċivili jingħataw vuċi aktar b'saħħitha fi ħdan is-sistema tan-NU;

13. Jenfasizza li sabiex l-UE ssir sieħeb globali aktar effettiv li kapaċi jiddefendi l-ordni multilaterali, il-ħila tal-UE li taġixxi b'mod robust u fil-pront bħala fornitur affidabbli tas-sigurtà trid tissaħħaħ; jistieden, għalhekk, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jivvalutaw bir-reqqa, jesploraw u jiżviluppaw għażliet għall-istabbiliment ta' unitajiet militari multinazzjonali permanenti, li jkunu stazzjonati b'mod permanenti u li jitħarrġu flimkien;

14. Jistieden lis-Segretarju Ġenerali tan-NU jintensifika l-isforzi tiegħu fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tan-NU għall-Parità bejn il-Ġeneri bħala għodda essenzjali biex tiġi żgurata r-rappreżentanza ugwali tan-nisa fis-sistema tan-NU fil-livelli ġerarkiċi kollha; ifakkar li sa mill-ħolqien tan-NU fl-1945, l-ebda mara ma nħatret Segretarju Ġenerali tan-NU; jindika l-ħtieġa ġenerali għal rappreżentanza ekwa tan-nisa u tal-gruppi emarġinati, kif ukoll għal aktar diversità fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali; jappoġġja bil-qawwa l-Aġenda għaż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà u l-objettiv tagħha li ż-żgħażagħ jingħataw vuċi akbar fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali;

15. Huwa tal-fehma li l-UE għandha tidentifika l-korpi tan-NU u organizzazzjonijiet multilaterali oħra li huma essenzjali għall-promozzjoni tad-djalogu politiku, tal-konverġenza u ta' soluzzjonijiet ta' politika għall-isfidi globali u għall-iffissar tal-istandards; u għandha tiddefinixxi objettivi ċari u prijoritajiet ċari għad-djalogu ma' tali korpi u organizzazzjonijiet u għall-appoġġ, inkluż appoġġ baġitarju, għalihom; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-UE u l-Istati Membri tagħha diġà huma l-kontributuri finanzjarji ewlenin tan-NU u ta' ħafna mill-aġenziji u mill-programmi tagħhom, iżda li dan l-impenn u l-appoġġ għan-NU mhux dejjem jissarrfu f'impatt ikbar mill-UE, mill-Istati Membri tagħha u minn sħab tal-istess fehma f'pożizzjonijiet ewlenin tal-aġenziji tan-NU jew f'fora multilaterali, li huwa ta' tħassib partikolari fi żmien meta l-assertività tar-reġimi nondemokratiċi, bħar-Russja, f'tali fora qiegħda dejjem tikber;

16. Jiġbed l-attenzjoni għaż-żieda fl-importanza ġeopolitika tal-istandards, speċjalment fit-teknoloġija, u jħeġġeġ lill-UE taġixxi b'mod strateġiku sabiex issir superpotenza li tistabbilixxi l-istandards fil-fora multilaterali;

17. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha kif ukoll lis-sħab tal-istess fehma jkomplu jtejbu l-koordinazzjoni tagħhom għal dak li għandu x'jaqsam mal-istabbiliment ta' appoġġ konġunt għal kandidaturi għal pożizzjonijiet ta' tmexxija f'fora multilaterali; jindika l-ħtieġa ta' koordinazzjoni ma' sħab tal-istess fehma f'reġjuni oħra tad-dinja, u fid-dawl tal-importanza tal-prinċipju tad-distribuzzjoni ġeografika ekwa tal-pożizzjonijiet ta' tmexxija, li tinżamm enfasi qawwija fuq il-valuri demokratiċi;

18. Jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol ewlieni li qed tiżvolġi l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) bħala pilastru tas-sigurtà Ewropea u jitlob li jissaħħaħ aktar l-approċċ komprensiv tal-organizzazzjoni fil-qasam tas-sigurtà;

19. Jistieden lill-UE taħdem man-NU, mal-organizzazzjonijiet reġjonali, ma' fora internazzjonali bħall-G7 u l-G20 u ma' koalizzjonijiet ad hoc, kif ukoll fi ħdanhom, biex jiġu indirizzati l-isfidi globali li qed niffaċċjaw issa u li se niffaċċjaw fil-futur;

20. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jiżviluppaw aktar l-istrateġija tagħhom dwar il-multilateraliżmu, inkluż permezz ta' linji gwida aġġornati regolarment dwar kif wieħed għandu jipproċedi f'fora differenti, li jkopru kwistjonijiet bħar-riforma tas-sistema tan-NU u rwol aktar ċentrali jew rappreżentanza aktar formali tal-UE, u viżjoni għal ordni globali ġdid li jsawruh b'mod li jista' jerġa' jagħti l-ħajja lill-multilateraliżmu; jemmen li l-UE se jkollha bżonn tibni alleanzi ma' sħab tal-istess fehma sabiex tiżviluppa kooperazzjoni multilaterali f'firxa wiesgħa ta' fora, iżda li dawn l-alleanzi mhux dejjem jinvolvu lill-istess atturi, filwaqt li l-objettiv irid dejjem ikun li tiġi difiża sistema ta' governanza globali effettiva u bbażata fuq ir-regoli;

21. Itenni l-pożizzjonijiet tiegħu dwar il-gwerra Russa ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna espressa f'riżoluzzjonijiet preċedenti;

22. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-gwerra ta' aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, kif ukoll l-involviment tal-Belarussja f'din il-gwerra, u jeżiġi li r-Russja ttemm minnufih l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna u tirtira mingħajr ebda kundizzjoni l-forzi u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu tal-Ukrajna rikonoxxut internazzjonalment; jissottolinja li din l-aggressjoni u l-invażjoni militari jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt internazzjonali; iqis l-invażjoni Russa tal-Ukrajna bħala attakk mhux biss kontra pajjiż sovran, iżda anki kontra l-prinċipji u l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u sigurtà fl-Ewropa u l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, kif stabbilit mill-Karta tan-NU;

23. Jilqa' s-sospensjoni tar-Russja mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC); jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjonijiet ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż fil-qasam tal-kultura u l-isport, li jissospendu l-parteċipazzjoni tar-Russja; Jistieden lill-mexxejja tal-UE u lill-mexxejja ta' stati oħra biex jeskludu lir-Russja mill-G20 u minn organizzazzjonijiet kooperattivi multilaterali oħra, bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, l-UNESCO u oħrajn, bħala sinjal importanti li l-komunità internazzjonali mhux se topera bħas-soltu ma' dan l-istat aggressur;

24. Jissottolinja li l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tas-sanzjonijiet eżistenti madwar l-UE kollha u mill-alleati internazzjonali tal-UE issa trid tkun prijorità; jistieden lill-UE tuża fora multilaterali biex tiżgura l-effettività ta' dawn is-sanzjonijiet;

25. Jitlob embargo sħiħ immedjat fuq l-importazzjonijiet Russi ta' żejt, faħam, fjuwil nukleari u gass, biex in-Nordstream 1 u 2 jiġu abbandunati għalkollox, u biex jiġi ppreżentat pjan biex is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE fuq perjodu ta' żmien qasir tibqa' tiġi żgurata; jitlob lill-UE tiżgura appoġġ permezz ta' fora multilaterali lil pajjiżi terzi li jixtiequ jippromulgaw embargo fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija Russi;

26. Jilqa' l-ħila tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li jaħdmu b'mod koordinat u li jippreżentaw pożizzjonijiet unifikati fis-sistema tan-NU, b'attenzjoni partikolari għall-Assemblea Ġenerali tan-NU, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; ifaħħar, f'dan ir-rigward, l-isforzi siewja ta' koordinazzjoni mid-delegazzjonijiet tal-UE għan-NU fi New York u f'Ġinevra; jemmen li dan l-approċċ unifikat u sinerġiku għandu jiġi rreplikat f'kull korp, aġenzija jew organizzazzjoni internazzjonali oħra tan-NU, sabiex l-UE tkun tista' taġixxi u twassal ir-riżultati mixtieqa b'vuċi waħda u fl-istanzi kollha fil-fora multilaterali; jilmenta li l-Kunsill tas-Sigurtà konsistentement ma għandux il-ħila jieħu deċiżjonijiet u konsegwentement mhuwiex effettiv fir-rispons għal kriżijiet bħal dawk fl-Ukrajna, fis-Sirja, fl-Etjopja u fis-Sudan, daqs kemm kien għal kriżijiet oħra fil-passat, u li dan kellu impatt negattiv fuq il-prevenzjoni, il-ġestjoni u r-riżoluzzjoni ta' dawn il-kriżijiet minħabba l-użu estensiv tad-drittijiet ta' veto; jenfasizza li huwa indifensibbli li stat wieħed jista' jwaqqaf l-isforzi meta jitwettqu ġenoċidju, delitti kontra l-umanità jew delitti tal-gwerra;

27. Iħeġġeġ lin-NU taħtar il-mibgħut speċjali tagħha fil-Libja, peress li l-pożizzjoni ilha vakanti minn Novembru 2021 u l-proċess demokratiku fil-Libja għadu f'punt ta' bidla;

28. Jiddispjaċih dwar il-fatt li fl-2022, żewġ Stati Membri biss tal-UE se jkollhom siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà; iqis li l-UE u l-Istati Membri għandhom jippromwovu riflessjoni dwar it-termini ta' riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà li tkun tista' treġġa' lura l-ħila tiegħu li jindirizza l-kriżijiet fil-ħin u b'mod effettiv, tillimita bir-reqqa d-dritt tal-veto u tibdel il-kompożizzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà biex tirrifletti aħjar id-dinja tal-lum;

29. Itenni l-fehma tiegħu, f'dan ir-rigward, li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jaħdmu sabiex isibu kunsens wiesa' dwar ir-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà, fost l-oħrajn, permezz tal-għoti ta' siġġu permanenti għall-UE, flimkien mas-siġġijiet diġà okkupati mill-Istati Membri tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex ma jikkompetux kontra xulxin f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżgurar ta' siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà;

30. Jesprimi tħassib dwar l-erożjoni tas-sistema attwali tal-kontroll tal-armi u tad-diżarm u tal-istrumenti legali tagħha; jappoġġja l-isforzi kollha biex l-aġenda tal-kontroll tal-armi u tad-diżarm jerġgħu jitqiegħdu fuq l-aġenda internazzjonali, inkluż billi tingħata ħajja ġdida lill-Konferenza dwar id-Diżarm; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrieżaminaw u jaġġornaw l-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva biex jitqiesu l-iżviluppi ġeopolitiċi, teknoloġiċi u legali reċenti u jipprovdu bażi aġġornata u ambizzjuża għall-impenn multilaterali tal-UE għan-nonproliferazzjoni u d-diżarm;  jesprimi tħassib dwar l-iżvilupp ta' teknoloġiji militari ġodda, bħall-intelliġenza artifiċjali (IA), l-armi fl-ispazju ekstratmosferiku, il-bijoteknoloġiji u l-armi ipersoniċi, u jappoġġja b'mod attiv l-isforzi u l-inizjattivi l-ġodda biex jitwaqqfu programmi ta' armamenti relatati li jinsabu għaddejjin bħalissa minn xi stati membri tan-NU; jappoġġja l-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Ispazju Ekstratmosferiku tal-Kummissjoni dwar id-Diżarm tan-NU fuq l-implimentazzjoni prattika ta' miżuri ta' trasparenza u bini ta' fiduċja f'attivitajiet fl-ispazju ekstratmosferiku;

31. Jappoġġja l-inizjattiva, tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, tal-Azzjoni dwar iż-Żamma tal-Paċi bbażata fuq l-aġġornament tas-sħubija bejn l-UE u n-NU dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-operazzjonijiet ta' paċi u l-esplorazzjoni ta' opportunitajiet għal sħubijiet ġodda, inkluż bejn l-UE, in-NU u l-Unjoni Afrikana u l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet reġjonali oħra; itenni r-rwol kruċjali li għandhom in-nisa fil-medjazzjoni tal-kunflitti u fil-missjonijiet taż-żamma tal-paċi u jfakkar fis-sottorappreżentanza tagħhom fil-livelli kollha fi ħdan in-NU, l-UE u organizzazzjonijiet u missjonijiet multilaterali oħra;

32. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jtejbu l-ħila tagħhom li jikkondividu l-informazzjoni, jikkonsultaw u jikkoordinaw dwar strateġiji, politiki u pożizzjonijiet, inkluż fil-korpi governattivi u fil-bordijiet tal-korpi multilaterali fejn l-UE mhijiex rappreżentata direttament, billi jibdew mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jikkondividi l-fehma tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni li l-UE għandha tistabbilixxi mekkaniżmi ta' koordinazzjoni fl-istituzzjonijiet internazzjonali kollha, inkluż fl-istituzzjonijiet finanzjarji; jemmen li l-istess ħila ta' koordinazzjoni għandha tiġi estiża għall-bordijiet tal-korpi kollha tan-NU;

33. Jemmen li l-istrument finanzjarju l-ġdid Ewropa Globali u l-approċċ "Tim Ewropa" għall-assistenza u l-ipprogrammar ġeografiċi u tematiċi, kif ukoll l-Istrateġija Global Gateway għall-konnessjoni tal-iżvilupp tal-infrastruttura, jipprovdu opportunità unika biex tiġi ddefinita aġenda interistituzzjonali komuni li debitament tirrifletti u tagħti valur lill-kontributi tal-Istati Membri tal-UE b'mod li żżid il-valur tal-approċċ multilaterali għall-isfidi u l-kriżijiet fid-dinja u tirrinforza l-ħila ta' ingranaġġ tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, inkluż fil-fora multilaterali; jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għal approċċ ġeografiku bbilanċjat u mmexxi mill-prijoritajiet fl-azzjonijiet, l-assistenza u l-programmi tal-UE mnedija lil hinn mill-fruntieri tal-UE;

34. Iwissi li t-tentattivi minn gvernijiet illiberali jew reġimi awtoritarji u totalitarji, bħaċ-Ċina, biex jiksbu u jikkonsolidaw ingranaġġ billi jiffinanzjaw organizzazzjonijiet internazzjonali jqajmu l-kwistjoni tal-antagoniżmu finanzjarju fil-fora multilaterali u jagħtu lok għall-ħtieġa ta' riflessjoni kemm fil-livell globali kif ukoll f'dak tal-UE dwar kif jiġu żgurati l-indipendenza u l-effettività tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-fora multilaterali rilevanti billi tintuża l-firxa sħiħa ta' għodod għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż, fejn meħtieġ u rilevanti, finanzjament adegwat u sostenibbli tal-UE, kif ukoll finanzjament minn sorsi oħra; ifakkar li d-dewmien fil-ħlas ta' kontribuzzjonijiet ivvalutati minn diversi Stati Membri għandu effetti estremament negattivi fuq il-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, u għalhekk mhuwiex aċċettabbli;

35. Ifakkar li l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE lil pajjiżi terzi spiss titwassal permezz tas-sistema tan-NU; jappoġġja din is-sħubija bejn l-UE u n-NU, iżda jistieden lill-UE tiżgura aktar viżibbiltà tar-rwol u tal-kontributi speċifiċi tagħha fi ħdan in-NU; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza li titwettaq, fil-livell tal-UE, evalwazzjoni fil-fond kemm tas-sħubijiet attwali kif ukoll ta' dawk ppjanati bejn l-UE u n-NU sabiex jiġi vvalutat jekk hemmx viżibbiltà adegwata għall-kontribut tal-UE, valur għall-flus il-kontribwenti f'konformità mal-valuri tal-UE u jekk ir-rwoli ta' tmexxija kkonferiti lill-UE u lill-Istati Membri tagħha humiex proporzjonati mal-impenn u d-dedikazzjoni qawwija tal-UE għas-sistema tan-NU; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jwettqu dan ir-rieżami u jikkonferixxu mal-Parlament dwar is-sejbiet tagħhom u dwar it-triq 'il quddiem biex jiżguraw li jingħata rikonoxximent adegwat tal-kontribut, tat-tqassim finanzjarju proporzjonat, tal-impenn u tad-dedikazzjoni tal-UE għas-sistema tan-NU;

36. Jenfasizza li l-appoġġ tal-UE għall-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-preżenza f'fora multilaterali għandhom ikunu viżibbli għaċ-ċittadini fl-Istati Membri tal-UE; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jniedi kampanja ta' informazzjoni fl-UE kollha dwar l-appoġġ tal-UE mogħti lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-preżenza, l-objettivi u l-attivitajiet tagħha f'fora multilaterali; jistieden bl-istess mod lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jippromwovu r-rwol attiv tal-UE f'fora multilaterali u jipprovdu aktar informazzjoni dwar il-kontributi u l-kisbiet tal-UE f'organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż permezz ta' narrattivi, pożizzjonijiet u dikjarazzjonijiet komuni dwar riżoluzzjonijiet tan-NU;

37. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri tal-UE jintensifikaw il-koordinazzjoni dwar il-Fondi u l-Programmi tan-NU, filwaqt li jidentifikaw objettivi ewlenin u approċċ konġunt għall-orjentazzjoni tal-Bordijiet Eżekuttivi; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabbiltà fil-finanzjament u l-infiq tal-organizzazzjonijiet multilaterali;

38. Ifaħħar il-ħidma tal-"Alleanza għall-Multilateraliżmu" bħala network informali ta' pajjiżi magħquda fil-konvinzjoni tagħhom li ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli huwa l-unika garanzija affidabbli għall-istabbiltà u l-paċi internazzjonali, u li l-isfidi komuni tagħna jistgħu jissolvew biss permezz tal-kooperazzjoni;

Il-bini mill-ġdid tal-multilateraliżmu permezz ta' sħubijiet globali msaħħa biex jintlaħqu għanijiet komuni

39. Jenfasizza l-ħtieġa li ssir ħidma lejn multilateraliżmu effettiv, orjentat lejn ir-riżultati, ibbażat fuq il-valuri u inklużiv, fejn il-gvernijiet, is-soċjetà ċivili, l-atturi reliġjużi, is-settur privat, l-akkademja u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jistgħu jaħdmu flimkien b'mod effettiv biex iservu valuri u interessi globali u jiksbu għanijiet globali; jirrikonoxxi l-importanza li jiġu rrikonċiljati ż-żewġ għanijiet kritiċi tal-UE li tissaħħaħ il-viżibbiltà u l-influwenza tal-UE bħala attur globali u li jiġi appoġġjat ir-rwol tal-fora multilaterali; ifakkar fil-ħtieġa li dawn it-tensjonijiet jiġu indirizzati u ġestiti u li tiġi artikolata pożizzjoni assertiva u bbażata fuq il-prinċipji bejn dawn iż-żewġ għanijiet, f'konformità mal-valuri, l-ideat u l-interessi ewlenin tal-UE; jirrimarka li minkejja t-tensjonijiet apparenti bejn dawn iż-żewġ għanijiet kritiċi Ewropej, dawn jipprovdu wkoll opportunitajiet ġodda, peress li awtonomija strateġika msaħħa tal-UE tista' tippermetti lill-UE tagħmel alleanzi mas-sħab bilaterali tagħha fi ħdan negozjati multilaterali, kif ukoll tippromwovi u tiddefendi l-impenji multilaterali matul in-negozjati bilaterali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiddefendu b'mod konsistenti u attiv il-multilateraliżmu u l-istituzzjonijiet multilaterali rilevanti kull darba li dawn jiġu kompromessi bi kwalunkwe mod jew forma;

40. Jissottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni multilaterali kontinwa dwar kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża; jenfasizza l-ħidma tas-sħubija bejn l-UE u n-NATO u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-OSKE mibnija fuq appoġġ komuni għall-valuri ewlenin kondiviżi tad-demokrazija, il-libertà, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-promozzjoni tal-paċi u l-kooperazzjoni internazzjonali filwaqt li jkun protett l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-membri tan-NATO li għadhom m'għamlux dan biex jingħaqdu ma' inizjattivi Ewropej ta' sigurtà u difiża sabiex ikomplu jikkomplementaw u jsaħħu l-kooperazzjoni konġunta;

41. Jenfasizza li l-multilateraliżmu u kwalunkwe riforma tas-sistema attwali għandhom jiffukaw ukoll fuq aktar trasparenza u responsabbiltà, kif ukoll impenn ma' atturi mhux Statali, sabiex jgħinu biex terġa' tinkiseb il-fiduċja tan-nies f'dawn l-istituzzjonijiet u biex jingħataw leġittimità akbar; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illeċiti u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-prattiki tajba dwar ir-ritorn u l-irkupru tal-assi, inkluż permezz ta' miżuri aktar effettivi għall-implimentazzjoni tal-obbligi eżistenti skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati miżuri effettivi, inklużivi u sostenibbli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-qafas tal-Aġenda 2030; jisħaq li l-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illeċiti trid tiġi ssimplifikata fil-livell globali;

42. Jenfasizza l-importanza li jkompli jsir kuntatt mal-alleati u s-sħab tal-istess fehma f'organizzazzjonijiet internazzjonali u f'fora multilaterali biex tiġi kkonsolidata koalizzjoni ta' pajjiżi tal-istess fehma impenjati favur valuri u objettivi komuni u għal djalogu politiku u kooperazzjoni effettiva globalment; jissottolinja l-ħtieġa li jiżdied ftehim dwar il-politika barranija u l-kooperazzjoni fis-sigurtà bejn l-UE u r-Renju Unit bħala anness għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit, li jippermetti liż-żewġ naħat ikunu jistgħu jiffaċċjaw aħjar l-isfidi komuni ta' sigurtà globali u ta' politika barranija; jenfasizza li tali ftehim iservi wkoll biex jiffaċilita l-kooperazzjoni fl-organizzazzjonijiet multilaterali, b'mod partikolari n-NU, filwaqt li jitqiesu l-ħafna valuri u interessi komuni taż-żewġ naħat;

43. Jindika r-rilevanza partikolari, mhux biss tas-sħab trans-Atlantiċi jew Ewropej tradizzjonali bħall-Istati Uniti u l-Kanada, kif ukoll tar-Renju Unit, il-Balkani tal-Punent u pajjiżi oħra tal-Viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant, iżda wkoll ta' alleati demokratiċi oħra tal-istess fehma fl-Amerika Latina, l-Indo-Paċifiku, u l-Afrika li fi sħubija jistgħu joħolqu żona usa' ta' valuri u standards komuni u impenn għall-promozzjoni ta' reazzjonijiet globali għall-isfidi globali kif ukoll koalizzjoni internazzjonali usa' ta' sħab tal-istess fehma; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' aktar djalogu u kooperazzjoni ma' pajjiżi Afrikani tal-istess fehma, u li jiġu appoġġjati fil-bini ta' futur għall-Afrika bbażat fuq id-demokrazija, l-inklużjoni u l-prosperità, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi u t-theddid għas-sigurtà li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima, it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

44. Jenfasizza li r-relazzjonijiet tal-UE mal-Unjoni Afrikana (UA) u l-Amerika Latina u l-Karibew għandhom valur intrinsiku fihom infushom u huma ta' importanza kruċjali għal multilateraliżmu mġedded; ifakkar li fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom bit-titolu "L-Afrika u l-Ewropa: żewġ kontinenti b'viżjoni konġunta għall-2030", l-UE u l-UA impenjaw ruħhom li jaħdmu flimkien biex jippromwovu multilateraliżmu effettiv fi ħdan l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, bin-NU fil-qalba tiegħu, u wiegħdu li jaħdmu lejn pożizzjonijiet aktar konverġenti f'fora multilaterali biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi globali, tissaħħaħ is-solidarjetà, jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u jittejjeb it-twettiq tal-"beni pubbliċi globali", f'konformità mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Aġenda 2063 tal-UA;

45. Jappoġġja, għalhekk, l-isforzi tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni biex ikomplu jsaħħu s-sħubija tal-UE mal-UA u l-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew; jindika l-importanza li tiżdied il-konverġenza tal-pożizzjonijiet fin-NU u f'fora multilaterali oħra bejn l-UE u l-pajjiżi tal-adeżjoni kif ukoll dawk sħab; jistieden lill-UE tespandi l-kapaċità tagħha li tassisti pajjiżi sħab u pajjiżi tal-istess fehma, inkluż permezz tal-bini tal-kapaċità, il-kondiviżjoni tal-għarfien, it-taħriġ u l-ġemellaġġ, sabiex ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom b'mod aktar effettiv fis-sistema multilaterali, kif ukoll biex jaqsmu l-aħjar prattiki magħhom sabiex jitgħallmu wkoll mill-esperjenzi tagħhom; itenni l-importanza li jissaħħu l-fora multilaterali eżistenti ma' sħab tal-istess fehma, speċjalment is-summits bejn l-UE u l-Komunità tal-Amerika Latina u l-Istati tal-Karibew;

46. Jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-ASEAN bħala mezz biex jiġu ffaċċjati l-isfidi reċiproċi fir-reġjun Asja-Paċifiku; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata spinta lir-rwol tal-organizzazzjonijiet reġjonali fis-sistema tan-NU billi jiġi propost summit annwali tal-kapijiet tal-organizzazzjonijiet reġjonali;

47. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jissuġġerixxu inizjattivi ġodda sabiex jirrispondu għar-riskji tas-sigurtà relatati mal-klima filwaqt li jippromwovu l-Patt Ekoloġiku Ewropew f'fora internazzjonali; jemmen li l-UE għandha tappoġġja miri ambizzjużi għat-tnaqqis tas-CO2 f'pajjiżi terzi u jenfasizza l-ħtieġa li d-diplomazija dwar il-klima titqiegħed fil-qalba tal-azzjoni esterna tagħha sabiex tippromwovi l-paċi u s-sigurtà globali;

48. Jappoġġja l-promozzjoni bla waqfien tal-UE għad-drittijiet universali tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u d-difiża tagħhom, l-appoġġ qawwi tagħha għall-universalizzazzjoni tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-appoġġ attiv tagħha għall-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-użu tagħhom biex jiġu indirizzati kwistjonijiet urġenti tad-drittijiet tal-bniedem, l-appoġġ sod tagħha għat-tisħiħ tar-responsabbiltà u l-mekkaniżmi tal-ġustizzja internazzjonali, il-ġlieda tagħha kontra l-impunità u għar-rispett tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Istati; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-appoġġ tal-UE għall-fruntieri internazzjonali stabbiliti u rikonoxxuti u jirrifjuta kwalunkwe tentattiv biex dawn jinbidlu bil-forza;

49. Jappoġġja lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kummissjoni fit-tfittxija tagħhom biex jiżguraw li l-UNHRC jaġixxi b'mod aktar effiċjenti, jindirizza malajr il-kwistjonijiet kollha tad-drittijiet tal-bniedem u s-sitwazzjonijiet tal-pajjiżi b'mod effettiv, kredibbli u mingħajr preġudizzju u jiżgura sinerġiji ma' fora multilaterali oħra tad-drittijiet tal-bniedem;

50. Jitlob li l-korpi tad-drittijiet tal-bniedem ikunu imparzjali kemm jista' jkun u li dawk il-korpi jkunu protetti minn kwalunkwe interferenza minn Stati magħrufa li wettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti, għalhekk, fuq il-ħtieġa li jiġu definiti standards ċari dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali li għandhom jintlaħqu sabiex jiġu aċċettati bħala membri tal-UNHRC, u huwa tal-fehma li l-UE għandha tkun aktar proattiva f'dan ir-rigward u tappoġġja riforma komprensiva tal-UNHRC;

51. Ifaħħar il-ħidma tal-Kummissarju Għoli tan-NU attwali għad-Drittijiet tal-Bniedem u huwa tal-fehma li l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem jipprovdi opportunità unika biex ikun hemm involviment fi djalogu u kooperazzjoni effettivi dwar kif tiġi ssimplifikata u rrinforzata l-kapaċità ta' twassil tas-sistema tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, inkluż permezz ta' skrutinju pubbliku akbar tas-sħubija fil-UNHRC, ir-responsabbiltajiet u l-avvenimenti obbligatorji ta' wegħdiet ta' donazzjonijiet fl-Assemblea Ġenerali tan-NU ma' kandidati għall-UNHRC, kif propost mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni konġunta tagħhom; jilqa' t-tnedija fit-12 ta' Ottubru 2021 ta' djalogu strateġiku annwali man-NU;

52. Jinnota li r-riżorsi finanzjarji allokati għall-ħidma tal-Kummissarju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem huma notevolment insuffiċjenti, b'ħafna pajjiżi jfittxu li jnaqqsuhom, filwaqt li l-UE ilha titlob li jiżdied il-finanzjament għall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem; jilqa' l-inizjattivi u l-attivitajiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fit-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NU dwar diversi kwistjonijiet tematiċi u bbażati fuq il-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem;

53. Jitlob li jinħolqu aktar sinerġiji bejn ir-rakkomandazzjonijiet tal-mekkaniżmu tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU) u r-Rieżamijiet Nazzjonali Volontarji mwettqa fil-qafas tal-SDGs, u li dawn jintrabtu mal-ipprogrammar ta' proġetti ddedikati tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jintensifikaw l-isforzi tagħhom kontra t-tentattivi tal-pajjiżi awtoritarji biex joħolqu kontronarrattiva sabiex jinbidel il-fehim tad-drittijiet tal-bniedem billi jiġu enfasizzati d-drittijiet kollettivi fuq id-drittijiet individwali; jistieden lill-UE tappoġġja l-ħidma tal-NGOs u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-UNHRC li qed jiġu dejjem aktar taħt pressjoni u mhedda minn Stati awtoritarji;

54. Jiddeplora l-abbuż tal-UNHRC minn reġimi awtoritarji u totalitarji li jkomplu jabbużawh għall-għanijiet tagħhom, b'mod partikolari, biex jikkompromettu l-funzjonament tiegħu, u jnaqqru r-reġim tan-normi tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw riforma komprensiva tal-UNHRC;

55. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti għall-implimentazzjoni sħiħa u l-integrazzjoni sistematika tal-perspettiva tal-ġeneri u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru III (GAP III) fl-azzjoni esterna kollha tal-UE; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jeżerċitaw rwol ta' tmexxija fl-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jissottolinja li n-nisa għandhom rwol ewlieni fil-prevenzjoni tal-kunflitti, in-negozjati għall-paċi, il-bini tal-paċi, iż-żamma tal-paċi, ir-rispons umanitarju u r-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li l-UE tiżgura l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-involviment sħiħ tagħhom fl-isforzi kollha biex jinżammu l-paċi u s-sigurtà filwaqt li tinkludi perspettiva tal-ġeneru fl-azzjoni esterna kollha tagħha;

Titjib fl-involviment tal-Parlament Ewropew

56. Ifakkar li biex il-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli, effettiv, orjentat lejn ir-riżultati u konness jiffjorixxi, huwa importanti li jiġu involuti parlamenti eletti demokratikament biex jiġi żgurat aċċess usa' għal firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati u jiġu estiżi d-djalogu u l-kooperazzjoni għal entitajiet mhux Statali bħall-gvernijiet reġjonali, il-muniċipalitajiet, l-akkademja, is-soċjetà ċivili u s-settur ekonomiku; jappoġġja l-inizjattivi internazzjonali li jappellaw għall-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan bħala osservatur fil-laqgħat, fil-mekkaniżmi u fl-attivitajiet tal-korpi multilaterali, fosthom l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (INTERPOL) u l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC); ifakkar li l-parlamenti eletti demokratikament jistgħu jagħtu viżibbiltà u jagħtu s-setgħa lill-ilħna li jappoġġjaw il-multilateraliżmu bħala mezz għal reazzjonijiet politiċi effettivi għall-benefiċċju tal-umanità kollha, u jistgħu jiżguraw aktar ir-rabta meħtieġa bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-fora multilaterali li jieħdu d-deċiżjonijiet u ċ-ċittadini;

57. Huwa tal-fehma li l-UE għandha tippromwovi l-istabbiliment ta' korp fi ħdan is-sistema tan-NU sabiex jiżdiedu l-karattru demokratiku, ir-responsabbiltà demokratika u t-trasparenza tal-governanza globali;

58. Jindika r-rwol sinerġiku li l-Parlament jista' jkollu fis-sensibilizzazzjoni politika u strateġika regolari tiegħu mal-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi, peress li din is-sensibilizzazzjoni tista' tirrinforza u tespandi aktar il-koalizzjoni ta' pajjiżi tal-istess fehma f'organizzazzjonijiet internazzjonali u fora multilaterali u żżid l-kapaċità tagħha li tħalli impatti pożittivi; iqis li għandu jkun hemm riflessjoni dwar il-possibbiltà li tinħoloq delegazzjoni Parlamentari għan-Nazzjonijiet Uniti, b'enfasi partikolari għall-Assemblea Ġenerali tan-NU u dimensjonijiet parlamentari oħra ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u fora multilaterali sabiex jiġu rrinforzati r-rabtiet parlamentari u d-djalogu mas-sistema tan-NU u fora multilaterali rilevanti oħra u jiġu żgurati djalogu demokratiku u diskussjoni strateġika fil-livell interistituzzjonali tal-UE;

59. Jisħaq li l-UE għandha tappoġġja inizjattivi mmirati lejn l-inkorporazzjoni aħjar tal-fehmiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tan-NU; jitlob li jiġu stabbiliti fora ġodda fi ħdan is-sistema tan-NU li jippermettu lis-soċjetà ċivili tinvolvi ruħha fi djalogu politiku man-NU u li dawk li diġà jeżistu jintużaw b'mod effettiv;

60. Jemmen li l-uffiċċji tal-Parlament fi bliet b'korpi tan-NU jew b'organizzazzjonijiet internazzjonali li huma rilevanti għall-azzjoni esterna tal-UE għandhom jilħqu u jkopru l-attivitajiet ta' dawn il-korpi u organizzazzjonijiet bil-għan li jistabbilixxu rabta aktar mill-qrib mal-isforzi, l-impenji u l-viżjonijiet relatati mal-multilateraliżmu tal-UE u tal-Parlament; huwa tal-fehma li għandu jkun hemm riflessjoni dwar kif il-Parlament jista' jimmassimizza s-sinerġiji bejn id-delegazzjonijiet interparlamentari, il-kumitati u s-servizzi tal-Parlament iddedikati għall-osservazzjoni elettorali u l-appoġġ għad-demokrazija biex tiġi rrinforzata aktar l-azzjoni esterna tal-UE permezz tal-attivitajiet ta' dawn il-korpi parlamentari; jenfasizza l-importanza tal-ħidma tal-Unjoni Interparlamentari;

61. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għar-rwol tal-Parlament kemm fit-tisħiħ tal-attivitajiet parlamentari, tal-bini tal-kapaċità, tal-appoġġ għad-demokrazija globali u tar-rwol speċjali tiegħu fil-medjazzjoni u d-djalogu parlamentari permezz tad-djalogu Jean Monnet, fost l-oħrajn; jissottolinja l-valur miżjud tar-rwol speċjali li jiżvolġi l-Parlament fit-trawwim tad-djalogu u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u tal-istandards demokratiċi;

62. Ifakkar fir-rwol ewlieni tal-Parlament bħala istituzzjoni demokratika u li tlaqqa' li tista' tipprovdi forum pubbliku uniku u perspettiva unika għall-promozzjoni tal-multilateraliżmu; iqis li l-Parlament għandu jistieden regolarment mexxejja ta' livell għoli minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti biex jiddiskutu interessi u prijoritajiet kondiviżi; jemmen li biex tiġi rrinforzata d-dimensjoni parlamentari ta' fora multilaterali, il-Parlament għandu, fuq bażi annwali, jospita fil-bini tiegħu konferenza ta' kelliema mill-pajjiżi tal-G7 u tal-G20; jitlob li jiġi rrinforzat id-djalogu strutturat bejn il-Parlament u s-sistema tan-NU; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li jsiru laqgħat regolari għall-iskambju ta' fehmiet bejn il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u kumitati rilevanti oħra u l-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-UE għan-NU fi New York u Ġinevra u bejn dawn il-kumitat u l-kapijiet tal-missjoni tal-Istati Membri tal-UE li huma membri permanenti jew b'rotazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jenfasizza l-kontributi pożittivi tad-delegazzjonijiet annwali mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u s-sottokumitati tiegħu għall-kwartieri ġenerali tan-NU fi New York; jitlob il-formalizzazzjoni ta' xi wħud mis-sessjonijiet informali bejn l-UE u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; iħeġġeġ it-twaqqif ta' assoċjazzjoni formali bejn il-Parlament u l-Assemblea Ġenerali tan-NU;

Il-multilateraliżmu bħala mutur biex jiġu indirizzati l-isfidi globali urġenti

63. Jenfasizza l-kontribut kruċjali tas-sistema multilaterali fl-indirizzar tal-emerġenza klimatika; jappella għal aktar titjib, rinforzar u istituzzjonalizzazzjoni tal-oqfsa multilaterali attwali li jfittxu li jiġġieldu t-tibdil fil-klima, bħall-UNFCCC, li għandha 197 parti inklużi l-Istati Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti u, għalhekk, għandha sħubija kważi universali, permezz tal-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' responsabbiltà u prinċipji konkreti biex tiġi żgurata l-effikaċja tal-mandati tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi rrinforzata l-azzjoni globali kontra t-tibdil fil-klima, peress li huwa biss permezz ta' azzjoni globali kollettiva, immedjata u ambizzjuża li d-dinja tista' tillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1,5 oC 'il fuq mil-livelli preindustrijali;

64. Jemmen li fil-ġlieda kontra t-tisħin globali, il-pajjiżi industrijalizzati għandhom jappoġġjaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-bidla mill-fjuwils fossili għall-enerġija ekoloġika billi jittrasferixxu mhux biss il-finanzjament iżda wkoll l-għarfien espert u t-teknoloġija;

65. Ifakkar fl-importanza li ssir enfasi fuq l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali billi jiġu adottati u implimentati kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs), filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li l-komunità internazzjonali tkun kollettivament fit-triq it-tajba biex tilħaq l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi fuq livell multilaterali; jistieden lill-gvernijiet jistabbilixxu NDCs ambizzjużi, li mingħajrhom l-objettiv ta' 1,5 oC mhux se jintlaħaq, u jistedinhom iħeġġu lil xulxin biex jibqgħu fit-triq it-tajba;

66. Ifakkar fl-importanza ta' ħidma mill-qrib ma' emittenti ewlenin, pajjiżi vulnerabbli għall-klima u sħab trans-Atlantiċi biex jinkiseb progress fuq il-mira tal-2030 fil-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2022; jitlob li jitkomplew l-isforzi multilaterali biex jiġi mobilizzat il-finanzjament għall-SDGs u l-klima, inkluż li 50 % tal-finanzjament għall-klima jiġi ddedikat għall-adattament; jilqa' l-isforzi tal-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP26) tal-2021 biex jiġu stabbiliti definizzjonijiet għad-diżinformazzjoni marbuta mat-tibdil fil-klima;

67. Ifakkar li l-ksur tad-drittijiet ambjentali għandu impatt profond fuq varjetà wiesgħa ta' drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet għall-ħajja, l-awtodeterminazzjoni, l-ikel, l-ilma, is-saħħa, id-drittijiet kulturali, ċivili u politiċi; jisħaq li l-bijodiversità u d-drittijiet tal-bniedem huma interkonnessi u interdipendenti, u jfakkar fl-obbligi tal-Istati fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem li jipproteġu l-bijodiversità li tali drittijiet jiddependu minnha, inkluż billi jipprevedu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini f'deċiżjonijiet relatati mal-bijodiversità u jipprovdu aċċess għal rimedji effettivi f'każijiet ta' telfien u degradazzjoni tal-bijodiversità; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal sforzi normattivi naxxenti f'livell internazzjonali dwar reati ambjentali; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu r-rikonoxximent tal-ekoċidju bħala reat internazzjonali skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI);

68. Ifakkar fir-rwol ewlieni tal-fora multilaterali fl-indirizzar tal-isfidi tal-pandemija tal-COVID-19 u jenfasizza dan bħala eżempju tal-importanza tagħhom fil-promozzjoni u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika globali u l-kopertura universali tas-saħħa; jiċċelebra l-iżvilupp tal-inizjattiva Aċċess Globali għall-Vaċċini Kontra l-COVID-19 (COVAX), li tikkostitwixxi eżerċizzju mingħajr preċedent ta' solidarjetà internazzjonali, u jirringrazzja lid-donaturi u l-kontributuri tagħha, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jingħataw u jiżdiedu r-riżorsi, kif ukoll il-bini tal-kapaċitajiet għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-vaċċini, sabiex il-vaċċini u t-trattamenti jsiru disponibbli mingħajr ħlas għall-pajjiżi kollha b'mod li jistgħu effettivament jaslu għand il-pajjiżi kollha f'waqthom;

69. Ifaħħar il-ħidma tad-WHO fil-ġlieda kontra l-pandemija permezz tad-deċiżjonijiet tagħha bbażati fuq għarfien u evidenza xjentifika, filwaqt li tiżgura skrutinju indipendenti u responsabbiltà tal-ġestjoni tal-pandemija tal-COVID-19 mid-WHO; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-mandat u l-kapaċità eżekuttiva tagħha, speċjalment fir-rigward tal-kondiviżjoni tad-data u l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi, kif ukoll ir-riforma tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta' Emerġenza tagħha u l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' infurzar għad-deċiżjonijiet u l-deliberazzjonijiet tiegħu;

70. Jilqa' l-bidu tal-ħidma fuq trattat internazzjonali ġdid dwar il-pandemiji, wara l-adozzjoni ta' deċiżjoni fil-31 ta' Mejju 2021 minn kull wieħed mill-194 membru tad-WHO; iħeġġeġ lill-UE taħdem fil-qafas tal-organizzazzjonijiet multilaterali sabiex ittejjeb il-mekkaniżmi globali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-pandemiji, abbażi tal-esperjenza miksuba mir-rispons internazzjonali għall-pandemija tal-COVID-19;

71. Jappella għal oqfsa leġiżlattivi u regolatorji msaħħa u għall-promozzjoni ta' koerenza politika għall-kisba ta' aċċess effettiv għas-servizz tas-saħħa, inkluż permezz tal-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki li jipprovdu aċċess akbar għas-servizzi tas-saħħa, il-prodotti u l-vaċċini, speċjalment għal dawk l-aktar żvantaġġati;

72. Jappella għal kooperazzjoni internazzjonali dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fuq bażi mifruxa mas-sistema kollha meta jitfasslu, jiġu implimentati u mmonitorjati l-politiki tas-saħħa, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u l-bniet kollha, bil-għan li tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fil-politiki tas-saħħa u fit-twassil tas-sistemi tas-saħħa;

73. Iħeġġeġ lill-UE tippromwovi sforzi fin-NU fil-ġlieda kontra t-terroriżmu billi jiġu implimentati u aġġornati l-erba' pilastri tal-Istrateġija Globali tan-NU kontra t-Terroriżmu approvata mill-Assemblea Ġenerali f'Settembru 2006;

74. Jitlob miżuri speċifiċi għall-protezzjoni tat-tfal li l-vulnerabbiltà tagħhom tista' tiġi aggravata b'mod partikolari mill-pandemija tal-COVID-19, inkluż fir-rigward tal-aċċess tagħhom għas-saħħa, l-edukazzjoni, l-ikel bi prezzijiet raġonevoli, l-ilma nadif, il-faċilitajiet sanitarji u akkomodazzjoni adegwata; itenni l-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima u l-ħsara ambjentali fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-tfal;

75. Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar azzjoni multilaterali fil-governanza ekonomika, speċjalment fir-rigward tat-tassazzjoni; jilqa' d-direzzjoni indikata fil-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u trasferiment tal-profitti (BEPS) u l-aħħar proposta tiegħu għall-istabbiliment ta' rata minima tat-taxxa korporattiva ta' 15 % u l-pilastru futur li jippermetti riallokazzjoni aktar ġusta tad-drittijiet tat-tassazzjoni; jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni għal riżorsa proprja ekwivalenti għal 15 % tas-sehem tal-profitti residwi tal-akbar u l-aktar intrapriżi multinazzjonali profittabbli li jiġu riallokati lill-Istati Membri tal-UE skont dan il-ftehim; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tistinka għal aktar integrazzjoni f'dan il-qasam sabiex jiġu evitati prattiki u abbużi inġusti; jappella għall-implimentazzjoni usa' tal-istandards u n-normi internazzjonali f'dan il-qasam ta' politika; ifakkar fl-importanza ewlenija tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fir-regolamentazzjoni u l-iffaċilitar tal-kummerċ dinji;

76. Jinnota l-ħtieġa li l-UE taħdem mill-qrib ma' sħab tal-istess fehma għall-immodernizzar u t-tagħmir tad-WTO b'għodod biex tindirizza l-isfidi kummerċjali tas-seklu 21, inkluża r-rivoluzzjoni diġitali, u t-tranżizzjoni ekoloġika, ġusta u sostenibbli; jistieden lill-UE timpenja ruħha mal-membri kollha tad-WTO biex tressaq aġenda pożittiva għar-riforma u pjan ta' ħidma konkret fit-12-il Konferenza Ministerjali; jirrikonoxxi li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti kienet il-mutur għall-progress fi ħdan in-negozjati kummerċjali multilaterali;

77. Jenfasizza l-importanza li jittieħdu u jiġu appoġġjati inizjattivi kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni; l-appoġġ għall-ħidma fil-livell tan-NU dwar kwistjonijiet ta' taxxa sabiex tiġi żgurata vuċi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw fi kwistjonijiet ta' taxxa; il-ħidma biex jitħaffu n-negozjati dwar kodiċi ta' kondotta effettiv għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa internazzjonali permezz tal-użu ta' ftehimiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa (FSIT);

78. Jinnota l-importanza tal-multilateraliżmu fl-indirizzar ta' sfidi u realtajiet ġodda bħat-telf tal-bijodiversità, iċ-ċibersigurtà, il-bijoteknoloġija, id-diġitalizzazzjoni, l-attivitajiet ġeopolitiċi u l-governanza fir-reġjuni polari, l-IA u t-theddid emerġenti, bħat-tixrid iffaċilitat mit-teknoloġija tal-aħbarijiet foloz, ix-xjenza falza u d-diżinformazzjoni; jargumenta li l-esperti, ix-xjenzati u r-rappreżentanti rilevanti tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu parti għal ftehimiet multilaterali u b'diversi partijiet interessati;

79. Jilqa' b'sodisdazzjon il-varar tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti;

80. Ifakkar fl-importanza tal-integrazzjoni tal-prinċipju u l-objettiv tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-oqsma kollha ta' politika;

81. Jilqa' l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex isaħħaħ u jikkoordina d-diġitalizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, sabiex l-internet iservi l-pilastri tan-NU: il-paċi u s-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp;

82. Jenfasizza li multilateraliżmu mġedded jista' jkollu impatt pożittiv biex imexxi 'l quddiem it-trasformazzjoni diġitali, mhux biss bħala ingranaġġ b'saħħtu biex jiġu implimentati l-SDGs, iżda wkoll minħabba l-ħtieġa urġenti li jiġu stabbiliti standards u normi bażiċi u jiġu indirizzati r-riskji u l-isfidi tagħha;

83. Ifakkar li fid-dawl ta' Ċina dejjem aktar ambizzjuża, assertiva u aggressiva, l-UE u s-sħab demokratiċi tagħha li jaħsbuha bl-istess mod għandhom jikkoordinaw f'fora multilaterali bħala parti minn alleanza ta' demokraziji teknoloġiċi sabiex jiddefendu s-sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli, jiġġieldu l-koordinazzjoni awtoritarja mmirata lejn il-ħtif ta' fora internazzjonali, u jiżguraw permezz tal-istabbiliment ta' standards u regoli globali li t-teknoloġiji l-ġodda jibqgħu ċċentrati fuq il-bniedem;

84. Jirrimarka li d-dinja diġitali għandha tiġi ttrattata wkoll bħala sors ġdid importanti ħafna ta' tassazzjoni;

85. Jinsisti fuq iċ-ċentralità tal-multilateraliżmu għaż-żamma effettiva tal-ordni fl-ispazju ekstratmosferiku u fuq il-ħtieġa li jiġu approfonditi l-inizjattivi attwali, u jitnedew oħrajn ġodda, biex jiġu ppreservati l-użi paċifiċi tal-ispazju ekstratmosferiku; jenfasizza li l-użu tal-ispazju ekstratmosferiku għandu jkun irregolat minn sett imtejjeb ta' regoli u standards internazzjonali u minn sistema mmirata biex tiggarantixxi l-użu fit-tul, sostenibbli, responsabbli u paċifiku tal-ispazju;

86. Jistieden lill-UE ssegwi rwol aktar attiv fl-iżvilupp ta' qafas internazzjonali għal teknoloġiji tal-IA ċċentrati fuq il-bniedem u affidabbli, speċjalment fir-rigward tas-sistemi tal-armi awtonomi;

87. Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni multilaterali bejn sħab tal-istess fehma biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni malizzjuża u manipulattiva mxerrda minn atturi Statali u mhux Statali; jissottolinja l-importanza li l-UE tieħu t-tmexxija globali fl-istabbiliment ta' definizzjonijiet, normi u prinċipji internazzjonali biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, inkluż dwar l-indħil barrani fl-elezzjonijiet;

88. Jenfasizza r-rwol importanti tal-Parlament fil-monitoraġġ mill-qrib u fl-appoġġ tal-proċess tal-implimentazzjoni tal-SDGs u l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi permezz tal-preservazzjoni tal-bijodiversità, l-ambjent naturali u r-riżorsi tiegħu, inkluż billi jfittex mhux biss li jimmonitorja l-progress, iżda wkoll li jsaħħaħ l-allokazzjoni tar-riżorsi u jissuġġerixxi titjib jew proposti konkreti; jenfasizza ż-żewġ ideat strateġiċi ewlenin tal-proposta tas-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres "L-Aġenda Komuni Tagħna", jiġifieri l-ħtieġa ta' Patt Globali Ġdid u Kuntratt Soċjali Ġdid; jirrimarka li dawn jistgħu jissarrfu f'miżuri konkreti ħafna bħal Fond Ekoloġiku Globali aktar b'saħħtu u mekkaniżmu ta' appoġġ finanzjarju għal pajjiżi b'dejn għoli, dment li jimplimentaw l-SDGs u jaġixxu kontra l-faqar;

89. Iħeġġeġ lill-Unjoni tiżgura l-protezzjoni, il-konservazzjoni u d-difiża tal-wirt kulturali u storiku tal-Ewropa fil-fora multilaterali kollha bħall-UNESCO;

90. Jenfasizza l-ħtieġa vitali li tiġi indirizzata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġlieda kontra n-nondiskriminazzjoni tan-nisa, il-bniet u l-gruppi emarġinati u l-ġlieda favur id-drittijiet fundamentali tagħhom fil-livell globali, inklużi s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; jistenna li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-SEAE jintegraw b'mod sistematiku l-GAP III tal-UE fl-azzjoni esterna kollha, inkluż l-involviment tagħhom fil-livell multilaterali u jikkooperaw mill-qrib mal-gvernijiet sħab, is-soċjetà ċivili, is-settur privat u partijiet ikkonċernati ewlenin oħra; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jsaħħu s-sinerġiji mas-sħab biex javvanzaw b'mod konġunt l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u jilħqu b'suċċess il-miri internazzjonali relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jenfasizza li l-UE għandha tkun minn ta' quddiem fost il-komunità internazzjonali biex iżżid l-isforzi biex jinqered l-użu tal-vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru bħala arma f'kunflitt armat;

91. Jitlob ir-ratifika universali u l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali; jitlob b'urġenza l-eliminazzjoni ta' kull forma ta' diskriminazzjoni razzjali bil-mezzi kollha xierqa, inkluża l-leġiżlazzjoni; jirrikonoxxi r-rwol fundamentali tal-edukazzjoni u l-kultura fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda intersezzjonali kontra r-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata, speċjalment fil-promozzjoni tal-prinċipji tat-tolleranza, l-inklużjoni u r-rispett għad-diversità etnika, reliġjuża u kulturali, u l-prevenzjoni tat-tixrid ta' movimenti u ideat razzisti u ksenofobiċi estremisti; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni ugwali tal-liġi u l-ugwaljanza quddiem il-qrati, it-tisħiħ tal-pożizzjoni u l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-ħajja politika, ekonomika, soċjali u kulturali tal-popli indiġeni, inklużi n-nisa u l-bniet; jitlob protezzjoni msaħħa tal-persuni b'diżabilità u attenzjoni għal dawk li jiffaċċjaw diskriminazzjoni intersezzjonali, speċjalment in-nisa u l-persuni indiġeni b'diżabilità;

92. Jitlob lill-UE żżid il-kooperazzjoni multilaterali dwar il-ġustizzja internazzjonali fid-dawl tal-għadd dejjem jikber ta' ksur kontra d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; jistieden lill-UE u lis-sħab tagħha jiżviluppaw u jużaw l-għodod disponibbli fil-korpi internazzjonali, bħall-UNHRC, il-Proċeduri Speċjali tan-NU, ir-Rapporteurs Speċjali tan-NU, il-mekkaniżmi tal-OSKE, il-Kunsill tal-Ewropa jew il-qrati internazzjonali, biex itejbu l-konformità tal-atturi Statali u mhux Statali mad-dritt internazzjonali u jippromwovu l-prinċipju ta' ġuriżdizzjoni universali li għandu jiġi applikat fis-sistemi legali domestiċi; jistieden lill-UE ssaħħaħ ir-rwol tal-QKI u żżid il-persunal tagħha billi tipprovdilha appoġġ diplomatiku, politiku u finanzjarju b'saħħtu; jitlob lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Istati Membri jistiednu lill-Istati Membri kollha tal-istituzzjonijiet multilaterali li għadhom ma rratifikawx l-Istatut ta' Ruma biex jagħmlu dan;

93. Jistieden lill-Kummissjoni tikkonkludi malajr l-abbozzar tal-qafas ta' diliġenza korporattiva u taħdem ma' sħab tal-istess fehma biex tindirizza l-abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem minn reġimi awtoritarji u totalitarji, u b'hekk tiżgura ktajjen tal-provvista globali sostenibbli u reżiljenti fid-dawl ta' influwenza malizzjuża ta' reġimi awtoritarji u totalitarji;

94. Jitlob li jkun hemm politika internazzjonali li tipprovdi protezzjoni u appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'riskju; jikkundanna l-miżuri ta' ritaljazzjoni meħuda minn xi gvernijiet kontra organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, attivisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem b'reazzjoni għall-interazzjoni leġittima tagħhom ma' korpi internazzjonali u jistieden lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jirreaġixxu b'mod sistematiku u vokali għal kull okkorrenza ta' dan; jistieden lill-UE tappoġġja t-talba għal mekkaniżmu investigattiv permanenti tan-NU dwar ir-reati kontra l-ġurnalisti u l-adozzjoni ta' sanzjonijiet immirati kontra dawk responsabbli għat-theddid jew l-ordni ta' atti ta' vjolenza kontra l-ġurnalisti sabiex tintemm l-impunità, tiġi evitata l-vjolenza kontra l-ġurnalisti u jiġu promossi miżuri biex tissaħħaħ is-sikurezza tagħhom;

95. Itenni t-talba tiegħu lill-UE biex tinsisti għal impenji multilaterali aktar b'saħħithom biex jinstabu soluzzjonijiet politiċi sostenibbli għall-konflitti attwali u jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem ikunu fil-qalba tal-politiki ta' prevenzjoni u medjazzjoni tal-konflitti; ifakkar fl-importanza taż-żamma tal-paċi internazzjonali u r-riżoluzzjoni tal-konflitti, kif ukoll l-appoġġ tal-UE għall-missjonijiet rilevanti; jenfasizza l-ħtieġa ta' objettivi ċari, kapaċità ċara ta' twettiq, u mekkaniżmi effettivi, inklużi l-perspettivi tan-nisa f'konformità mar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u r-riżoluzzjonijiet sussegwenti kollha; jitlob li ssir riforma tal-istrutturi rilevanti b'mod li tintemm l-impunità tal-persunal ħati ta' abbuż u vjolenza sesswali mwettqa waqt li jkun qed iservi f'operazzjonijiet militari u f'missjonijiet ċivili, kif ukoll ta' persunal f'aġenziji, uffiċċji u organi multilaterali oħra, u li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' sorveljanza u responsabbiltà li jiffunzjonaw u li jkunu trasparenti;

96. Jisħaq li s-suċċess tal-organizzazzjonijiet multilaterali għandu rwol kruċjali fil-bini mill-ġdid tal-fiduċja pubblika fid-demokrazija, il-liberaliżmu, u l-importanza ta' ordni dinji bbażat fuq ir-regoli;

97. Jissottolinja li sistema kummerċjali multilaterali miftuħa, inklużiva, ibbażata fuq ir-regoli u nondiskriminatorja trid tkun mutur ewlieni tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ globali, u trid twassal għal tkabbir ekonomiku avvanzat, kompetittività u innovazzjoni, ħolqien tal-impjiegi, titjib tal-istandards tal-għajxien, tkabbir tal-introjtu, il-promozzjoni ta' żvilupp ekonomiku sostenibbli u tgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u b'hekk jissaħħu l-prosperità, il-paċi u s-sigurtà, f'konformità mal-SDGs; jinnota, barra minn hekk, ir-rwol ta' sistema kummerċjali multilaterali fit-trawwim ta' ambjent kummerċjali prevedibbli permezz tal-iżvilupp ta' regoli u regolamenti tal-kummerċ reċiproċi, aktar trasparenti u ġusti, implimentati b'mod konsistenti, infurzabbli u koerenti; ifakkar fis-sejbiet tar-rapport bit-titolu "EU exports to the world: effects on employment" (L-esportazzjonijiet tal-UE lejn id-dinja: l-effetti fuq l-impjiegi) ta' Novembru 2021, li sab li aktar minn 38 miljun impjieg fl-UE huma appoġġjati mill-esportazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma tagħha fil-komunikazzjoni ta' dawn is-sejbiet u tqajjem kuxjenza dwar il-benefiċċji u l-aspetti pożittivi tal-kummerċ internazzjonali; jemmen, madankollu, li hemm bżonn li terġa' tinbena l-fiduċja fl-istituzzjonijiet multilaterali fid-dawl tal-isfidi globali, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' inizjattivi komuni għall-provvista ta' beni pubbliċi globali, f'kuntest tal-ispostament tad-dinamika dinjija tal-poter; itenni r-rwol li l-UE għandha f'dan il-proċess;

98. Jiddispjaċih dwar it-tendenzi dejjem jikbru lejn il-protezzjoniżmu u l-użu tal-kummerċ bħala arma ta' koerċizzjoni li żviluppaw f'partijiet tal-ekonomija globali, li wasslu għal tfixkil u tensjonijiet ġeopolitiċi; ifakkar li l-politiki ekonomiċi nazzjonalisti li jinvolvu ksur tar-regoli stabbiliti tal-liġi kummerċjali internazzjonali u li jixprunaw ir-ritaljazzjoni mis-sħab kummerċjali huma l-antiteżi tas-sistema kummerċjali globalizzata tagħna; jappella għat-tisħiħ ulterjuri tal-isforzi ta' infurzar tal-kummerċ tal-UE u l-iżvilupp ta' sett ta' għodod ta' strumenti kummerċjali awtonomi, bħall-istrument kontra l-koerċizzjoni, l-istrument ta' sussidji distorsivi u l-istrument ta' akkwist internazzjonali, kif ukoll il-ħolqien tal-kariga ta' Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ (CTEO), biex jirrispondi għal dawn l-isfidi emerġenti; jinnota l-għan li tinkiseb ġabra ta' regoli multilaterali riformata u li tiffunzjona tajjeb b'sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim effettiva u li tiffunzjona fil-qalba tagħha fi ħdan id-WTO; jenfasizza l-ħtieġa, madankollu, li jibqa' jkun hemm impenn sħiħ fl-isforzi biex tiġi riformata d-WTO bil-għan li jiżdiedu l-effiċjenza, l-inklużività, it-trasparenza u l-leġittimità tagħha bħala l-element ċentrali ta' ekonomija globali, miftuħa, ġusta, u sostenibbli bbażata fuq ir-regoli, u biex jiġu indirizzati l-isfidi u r-riskji ppreżentati minn ekonomiji mhux tas-suq; jilqa' f'dan ir-rigward l-Anness ta' Frar 2021 għar-Rieżami tal-Politika Kummerċjali li jiddeskrivi approċċ komprensiv għall-modernizzazzjoni tad-WTO; jisħaq li għall-avvanz tal-kummerċ globali bbażat fuq ir-regoli, l-involviment effettiv tal-UE jrid ikun ibbażat fuq approċċ li jħares 'il quddiem għall-kummerċ;

99. Jisħaq li governanza globali demokratika, leġittima, responsabbli u trasparenti għandu jkollha parteċipazzjoni akbar tal-korpi parlamentari, peress li l-parlamentari eletti direttament jistgħu jiffunzjonaw bħala rabta kruċjali bejn iċ-ċittadini u s-sistema multilaterali; jenfasizza l-importanza ta' multilateriżmu orizzontali u koerenti, kif ukoll dwar il-ħidma tal-konferenza parlamentari konġunta bejn il-Parlament Ewropew u l-Unjoni Interparlamentari dwar id-WTO għal dan il-għan; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-parlamentari jkollhom aċċess aħjar għan-negozjati kummerċjali u jkunu involuti fil-formulazzjoni ta' mandati u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tad-WTO, kif ukoll fin-negozjati dwar kwistjonijiet relatati mal-kummerċ fi ħdan korpi u istituzzjonijiet multilaterali oħra; itenni l-ħtieġa li l-UE u l-membri kollha tad-WTO jsaħħu l-iskambji tagħhom mal-partijiet ikkonċernati, inklużi s-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tan-negozju u l-komunità tan-negozju usa'; jistieden lill-Kummissjoni tapprofondixxi l-kooperazzjoni tagħha mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, is-sistema tan-NU, il-G7, l-OECD, il-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali, u jissottolinja r-rwol tagħhom fl-avvanz ta' sistema kummerċjali miftuħa u bbażata fuq ir-regoli;

100. Jilqa' l-kollaborazzjoni mill-qrib tad-WTO mad-WHO u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bil-għan li jiżguraw li l-kummerċ ikollu rwol pożittiv fl-indirizzar tal-pandemija u l-kriżi sussegwenti, u fl-appoġġ tal-irkupru tal-ekonomija globali; jisħaq li l-pandemija tal-COVID-19 uriet li l-istituzzjonijiet internazzjonali tagħna għandhom nuqqasijiet; jistieden lill-Kummissjoni tesplora t-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19, u tinvolvi ruħha mas-sħab globali biex tindirizza dawn it-tagħlimiet fl-aġenda għar-riforma; jitlob li tiġi konkluża inizjattiva ambizzjuża fil-qasam tal-kummerċ u s-saħħa; jieħu nota tal-ambizzjonijiet tad-WTO li twessa' l-mandat tagħha sabiex tikseb rilevanza akbar fl-isfera pubblika permezz tal-involviment akbar tagħha dwar kwistjonijiet bħas-saħħa, is-sostenibbiltà, l-inugwaljanza fil-ġid, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġeneru u tan-nisa, f'konformità mal-SDGs u l-Ftehim ta' Pariġi; jemmen li dawn se jkunu passi importanti bħala parti mill-proċess ta' riforma tagħha, flimkien mal-funzjonijiet ewlenin tagħha li tistabbilixxi regoli kummerċjali multilaterali, tnaqqas l-ostakli għall-kummerċ u tipprovdi mezz għal soluzzjoni regolata tat-tilwim kummerċjali bejn il-membri tagħha;

101. Jistieden lill-Kunsill ikun aktar kuraġġuż fl-isforzi tiegħu biex jikkonkludi ftehimiet ta' kummerċ ħieles ma' pajjiżi terzi; jinnota li l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles iżidu l-interazzjonijiet ekonomiċi u d-dipendenzi bejn il-pajjiżi, u għalhekk jistgħu jservu bħala prekursur għal impenn aktar attiv u ambizzjuż fil-livell multilaterali;

102. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex iqisu kif xieraq dan ir-rapport fid-definizzjoni tal-prijoritajiet tal-UE għas-77 Assemblea Ġenerali tan-NU, kif ukoll f'organizzazzjonijiet internazzjonali u fora multilaterali oħra;

°

° °

103. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, u, għal informazzjoni, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

 


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI (2.3.2022)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-UE u d-difiża tal-multilateraliżmu

(2020/2114(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Anna-Michelle Asimakopoulou

(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Jissottolinja li sistema kummerċjali multilaterali miftuħa, inklużiva, ibbażata fuq ir-regoli u nondiskriminatorja trid tkun mutur ewlieni tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ globali, u trid twassal għal tkabbir ekonomiku avvanzat, kompetittività u innovazzjoni, ħolqien tal-impjiegi, titjib tal-istandards tal-għajxien, tkabbir tal-introjtu, promozzjoni ta' żvilupp ekonomiku sostenibbli u tgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u b'hekk jissaħħu l-prosperità, il-paċi u s-sigurtà, f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs); jinnota, barra minn hekk, ir-rwol tagħha fit-trawwim ta' ambjent kummerċjali prevedibbli permezz tal-iżvilupp ta' regoli u regolamenti tal-kummerċ reċiproċi, aktar trasparenti u ġusti, b'mod konsistenti, infurzabbli u koerenti; ifakkar fis-sejbiet tar-rapport bit-titolu "EU exports to the world: effects on employment" (L-esportazzjonijiet tal-UE lejn id-dinja: l-effetti fuq l-impjiegi) ta' Novembru 2021, li sab li aktar minn 38 miljun impjieg fl-UE huma appoġġati mill-esportazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma tagħha fil-komunikazzjoni ta' dawn is-sejbiet u tqajjem kuxjenza dwar il-benefiċċji u l-aspetti pożittivi tal-kummerċ internazzjonali; jemmen, madankollu, li hemm bżonn li terġa' tinbena l-fiduċja fl-istituzzjonijiet multilaterali fid-dawl tal-isfidi globali, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' inizjattivi komuni għall-provvista ta' beni pubbliċi globali, f'kuntest tal-ispostament tad-dinamika dinjija tal-poter; itenni r-rwol li l-UE għandha f'dan il-proċess;

2. Jiddispjaċih dwar it-tendenzi dejjem jikbru lejn il-protezzjoniżmu u l-użu tal-kummerċ bħala arma ta' koerċizzjoni li żviluppaw f'partijiet tal-ekonomija globali, li wasslu għal tfixkil u tensjonijiet ġeopolitiċi; ifakkar li l-politiki ekonomiċi nazzjonalisti li jinvolvu ksur tar-regoli stabbiliti tal-liġi kummerċjali internazzjonali u li jixprunaw ir-ritaljazzjoni mis-sħab kummerċjali huma l-antiteżi tas-sistema kummerċjali globalizzata tagħna; jappella għat-tisħiħ ulterjuri tal-isforzi ta' infurzar tal-kummerċ tal-UE u l-iżvilupp ta' sett ta' għodod ta' strumenti kummerċjali awtonomi, bħall-istrument kontra l-koerċizzjoni, l-istrument ta' sussidji distorsivi u l-istrument ta' akkwist internazzjonali, kif ukoll il-ħolqien tal-kariga ta' Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ (CTEO), biex jirrispondi għal dawn l-isfidi emerġenti; jinnota l-għan li tinkiseb ġabra ta' regoli multilaterali riformata u li tiffunzjona tajjeb b'sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim effettiva u li tiffunzjona fil-qalba tagħha fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); jenfasizza l-ħtieġa, madankollu, li jibqa' jkun hemm impenn sħiħ fl-isforzi biex tiġi riformata d-WTO bil-għan li tiżdied l-effiċjenza, l-inklużività, it-trasparenza u l-leġittimità tagħha bħala l-element ċentrali ta' ekonomija globali, miftuħa, ġusta, u sostenibbli bbażata fuq ir-regoli, u biex jiġu indirizzati l-isfidi u r-riskji ppreżentati minn ekonomiji mhux tas-suq; jilqa' f'dan ir-rigward l-Anness ta' Frar 2021 għar-Rieżami tal-Politika Kummerċjali li jiddeskrivi approċċ komprensiv għall-modernizzazzjoni tad-WTO; jisħaq li għall-avvanz tal-kummerċ globali bbażat fuq ir-regoli, l-involviment effettiv tal-UE jrid ikun ibbażat fuq approċċ li jħares 'il quddiem għall-kummerċ;

3. Jinnota l-ħtieġa li l-UE taħdem mill-qrib ma' sħab tal-istess fehma, biex timmodernizza u tgħammar lid-WTO b'għodod b'tali mod li tindirizza l-isfidi kummerċjali tas-seklu 21, inkluża r-rivoluzzjoni diġitali, u t-tranżizzjoni ekoloġika, ġusta u sostenibbli, u biex tinvolvi ruħha mal-membri kollha tad-WTO biex tressaq aġenda pożittiva għar-riforma u pjan ta' ħidma konkret sat-12-il Konferenza Ministerjali; jirrikonoxxi li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti kienet il-mutur għall-progress fi ħdan in-negozjati kummerċjali multilaterali; jilqa', għalhekk, id-dikjarazzjonijiet dwar ir-riforma tad-WTO magħmula mill-amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti, iżda jħeġġeġ lill-Istati Uniti jippreżentaw pjattaforma ta' politika aktar dettaljata għar-riforma tal-organizzazzjoni u jinvolvu ruħhom mal-UE fl-ogħla livelli biex jintlaħaq kunsens, li jista' jipprovdi bażi għal involviment imġedded dwar eżiti azzjonabbli; jappoġġa aġenda transatlantika li tħares 'il quddiem ibbażata fuq interessi komuni u valuri kondiviżi, bil-għan li tikkontribwixxi b'mod attiv biex tinkiseb riforma sinifikanti tad-WTO, inkluż il-funzjonijiet tagħha ta' monitoraġġ, negozjar u soluzzjoni tat-tilwim; jesprimi dispjaċir għall-istaġnar fil-Korp tal-Appell tad-WTO, li qed iċaħħad lis-sistema kummerċjali globali minn sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim infurzabbli; iħeġġeġ lill-membri kollha tad-WTO jimpenjaw ruħhom biex isibu soluzzjonijiet biex jirrestawraw Korp tal-Appell indipendenti u li jiffunzjona bis-sħiħ; jilqa' l-impenn tal-UE mas-sħab strateġiċi tagħha fl-Amerika Latina, fir-reġjun Indo-Paċifiku u fl-Afrika bħala kundizzjoni meħtieġa għall-promozzjoni u r-riforma tas-sistema kummerċjali globali; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tagħmel progress lejn l-inkorporazzjoni tal-ekonomiji tagħhom fis-sistema kummerċjali globali, filwaqt li tiddefinixxi mill-ġdid l-istatus ta' pajjiż li qed jiżviluppa;

4. Jilqa' t-tnedija tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti f'Ġunju 2021 u l-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija li saret f'Novembru 2021; iqis li l-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija huwa opportunità kruċjali għall-UE u l-Istati Uniti biex jikkooperaw dwar kwistjonijiet kummerċjali, ekonomiċi u teknoloġiċi globali ewlenin; jemmen li l-kooperazzjoni transatlantika, kif ukoll il-kollaborazzjoni mas-sħab internazzjonali, jistgħu jikkontribwixxu biex il-viżjoni multilaterali tinżamm ħajja, biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tas-sistema multilaterali b'mod konġunt u biex titmexxa 'l quddiem aġenda komuni għal prosperità kondiviża;

5. Jisħaq li governanza globali demokratika, leġittima, responsabbli u trasparenti għandu jkollha parteċipazzjoni akbar tal-korpi parlamentari, peress li l-parlamentari eletti direttament jistgħu jiffunzjonaw bħala rabta kruċjali bejn iċ-ċittadini u s-sistema multilaterali; jenfasizza l-importanza ta' multilateriżmu orizzontali u koerenti, kif ukoll dwar il-ħidma tal-konferenza parlamentari konġunta bejn il-Parlament Ewropew u l-Unjoni Interparlamentari dwar id-WTO għal dan il-għan; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-parlamentari jkollhom aċċess aħjar għan-negozjati kummerċjali u jkunu involuti fil-formulazzjoni tal-mandati u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tad-WTO, kif ukoll fin-negozjati dwar kwistjonijiet relatati mal-kummerċ fi ħdan korpi u istituzzjonijiet multilaterali oħra; itenni l-ħtieġa li l-UE u l-membri kollha tad-WTO jsaħħu l-iskambji tagħhom mal-partijiet ikkonċernati, inklużi s-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tan-negozju u l-komunità tan-negozju usa'; jistieden lill-Kummissjoni tapprofondixxi l-kooperazzjoni tagħha mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, is-sistema tan-NU, il-G7, l-OECD, il-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali, u jissottolinja r-rwol tagħhom fl-avvanz ta' sistema kummerċjali miftuħa u bbażata fuq ir-regoli;

6. Jilqa' l-kollaborazzjoni mill-qrib tad-WTO mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra li jiżguraw li l-kummerċ ikollu rwol pożittiv fl-indirizzar tal-pandemija u l-kriżi sussegwenti, u fl-appoġġ tal-irkupru tal-ekonomija globali; jisħaq li l-pandemija tal-COVID-19 uriet li l-istituzzjonijiet internazzjonali tagħna għandhom nuqqasijiet; jistieden lill-Kummissjoni tesplora t-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19, u tinvolvi ruħha mas-sħab globali biex tindirizza dawn it-tagħlimiet fl-aġenda għar-riforma; iħeġġeġ li tiġi konkluża inizjattiva ambizzjuża fil-qasam tal-kummerċ u s-saħħa; jieħu nota tal-ambizzjonijiet tad-WTO li twessa' l-mandat tagħha sabiex tikseb rilevanza akbar fl-isfera pubblika permezz tal-involviment akbar tagħha fi kwistjonijiet bħas-saħħa, is-sostenibbiltà, l-inugwaljanza fil-ġid, il-ġeneru u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, f'konformità mal-SDGs u l-Ftehim ta' Pariġi; jemmen li dawn se jkunu passi importanti bħala parti mill-proċess ta' riforma tagħha, flimkien mal-funzjonijiet ewlenin tagħha li tistabbilixxi regoli kummerċjali multilaterali, tnaqqas l-ostakli għall-kummerċ u tipprovdi mezz għal soluzzjoni regolata tat-tilwim kummerċjali bejn il-membri tagħha;

7. Jistieden lill-Kunsill ikun aktar kuraġġuż fl-isforzi tiegħu biex jikkonkludi ftehimiet ta' kummerċ ħieles ma' pajjiżi terzi; jinnota li l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles iżidu l-interazzjonijiet ekonomiċi u d-dipendenzi bejn il-pajjiżi, u għalhekk jistgħu jservu bħala prekursur għal impenn aktar attiv u ambizzjuż fil-livell multilaterali;

8. Jisħaq li t-tensjonijiet kummerċjali li qed jiżdiedu progressivament u b'mod profond taw sura ġdida lill-arkitettura tal-kummerċ internazzjonali u reġjonali; jemmen li l-UE jeħtiġilha tkompli taġixxi bħala difensur sod u ewlieni tal-multilateraliżmu fid-dinja u tevita azzjonijiet li jimminaw dawn l-objettivi; jikkonkludi, madankollu, li l-UE jeħtiġilha tirrispondi għall-forzi globali, bħal żieda fil-frammentazzjoni, il-kummerċ tal-armi u l-protezzjoniżmu, sabiex tippreserva l-vantaġġi kompetittivi tagħha.


 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

28.2.2022

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

2

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Barry Andrews, Anna-Michelle Asimakopoulou, Tiziana Beghin, Geert Bourgeois, Saskia Bricmont, Jordi Cañas, Daniel Caspary, Arnaud Danjean, Paolo De Castro, Emmanouil Fragkos, Markéta Gregorová, Christophe Hansen, Danuta Maria Hübner, Herve Juvin, Karin Karlsbro, Maximilian Krah, Danilo Oscar Lancini, Bernd Lange, Margarida Marques, Gabriel Mato, Emmanuel Maurel, Carles Puigdemont i Casamajó, Samira Rafaela, Catharina Rinzema, Inma Rodríguez-Piñero, Massimiliano Salini, Ernő Schaller-Baross, Helmut Scholz, Sven Simon, Dominik Tarczyński, Mihai Tudose, Kathleen Van Brempt, Marie-Pierre Vedrenne, Jörgen Warborn, Iuliu Winkler, Jan Zahradil, Juan Ignacio Zoido Álvarez

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Markus Buchheit, Claudiu Manda, Javier Moreno Sánchez, Manuela Ripa, Joachim Schuster

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

37

+

ECR

Geert Bourgeois, Emmanouil Fragkos, Dominik Tarczyński, Jan Zahradil

ID

Markus Buchheit, Herve Juvin, Maximilian Krah, Danilo Oscar Lancini

NI

Tiziana Beghin, Carles Puigdemont i Casamajó, Ernő Schaller-Baross

PPE

Anna-Michelle Asimakopoulou, Daniel Caspary, Arnaud Danjean, Christophe Hansen, Danuta Maria Hübner, Gabriel Mato, Massimiliano Salini, Sven Simon, Jörgen Warborn, Iuliu Winkler, Juan Ignacio Zoido Álvarez

Renew

Barry Andrews, Jordi Cañas, Karin Karlsbro, Samira Rafaela, Catharina Rinzema, Marie-Pierre Vedrenne

S&D

Paolo De Castro, Bernd Lange, Claudiu Manda, Margarida Marques, Javier Moreno Sánchez, Inma Rodríguez-Piñero, Joachim Schuster, Mihai Tudose, Kathleen Van Brempt

 

2

-

The Left

Emmanuel Maurel, Helmut Scholz

 

3

0

Verts/ALE

Saskia Bricmont, Markéta Gregorová, Manuela Ripa

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

2.6.2022

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

55

13

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alviina Alametsä, Alexander Alexandrov Yordanov, François Alfonsi, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Anna Bonfrisco, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Susanna Ceccardi, Włodzimierz Cimoszewicz, Katalin Cseh, Anna Fotyga, Michael Gahler, Giorgos Georgiou, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Márton Gyöngyösi, Sandra Kalniete, Karol Karski, Peter Kofod, Dietmar Köster, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, Jean-Lin Lacapelle, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Antonio López-Istúriz White, Claudiu Manda, Lukas Mandl, Thierry Mariani, Pedro Marques, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Gheorghe-Vlad Nistor, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Giuliano Pisapia, Thijs Reuten, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Jacek Saryusz-Wolski, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Jordi Solé, Sergei Stanishev, Tineke Strik, Hermann Tertsch, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans, Harald Vilimsky, Idoia Villanueva Ruiz, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers, Isabel Wiseler-Lima, Bernhard Zimniok, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Vladimír Bilčík, Marc Botenga, Corina Crețu, Assita Kanko, Andrey Kovatchev, Georgios Kyrtsos, Marisa Matias, María Soraya Rodríguez Ramos

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

55

+

NI

Fabio Massimo Castaldo, Márton Gyöngyösi

PPE

Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Vladimír Bilčík, Michael Gahler, Sunčana Glavak, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Lukas Mandl, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Gheorghe-Vlad Nistor, Radosław Sikorski, Isabel Wiseler-Lima, Željana Zovko

Renew

Petras Auštrevičius, Katalin Cseh, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Georgios Kyrtsos, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Urmas Paet, María Soraya Rodríguez Ramos, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans

S&D

Maria Arena, Włodzimierz Cimoszewicz, Corina Crețu, Raphaël Glucksmann, Dietmar Köster, Claudiu Manda, Pedro Marques, Sven Mikser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Giuliano Pisapia, Thijs Reuten, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Andreas Schieder, Sergei Stanishev

Verts/ALE

Alviina Alametsä, François Alfonsi, Reinhard Bütikofer, Jordi Solé, Tineke Strik, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz

 

13

-

ECR

Anna Fotyga, Assita Kanko, Karol Karski, Jacek Saryusz-Wolski, Hermann Tertsch, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers

ID

Peter Kofod, Jean-Lin Lacapelle, Thierry Mariani, Harald Vilimsky, Bernhard Zimniok

NI

Kostas Papadakis

 

7

0

ID

Anna Bonfrisco, Susanna Ceccardi

The Left

Marc Botenga, Giorgos Georgiou, Marisa Matias, Manu Pineda, Idoia Villanueva Ruiz

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Ġunju 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza