RAPPORT dwar l-aċċess għall-ilma bħala dritt tal-bniedem – id-dimensjoni esterna

20.9.2022 - (2021/2187(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Miguel Urbán Crespo
Rapporteur għal opinjoni (*):
Stéphane Bijoux, Kumitat għall-Iżvilupp
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura

Proċedura : 2021/2187(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0231/2022
Testi mressqa :
A9-0231/2022
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-aċċess għall-ilma bħala dritt tal-bniedem – id-dimensjoni esterna

(2021/2187(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 64/292 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-28 ta' Lulju 2010 li tirrikonoxxi d-dritt tal-bniedem għall-ilma tax-xorb u s-sanità,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 68/157 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 2013 intitolata "Id-dritt tal-bniedem għall-ilma tax-xorb sikur u s-sanità",

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 45/8 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tas-6 ta' Ottubru 2020 intitolata "Id-drittijiet tal-bniedem għall-ilma tax-xorb sikur u s-sanità",

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 48/13 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Ottubru 2021 intitolata "Id-dritt tal-bniedem għal ambjent nadif, san u sostenibbli",

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 71/222 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-21 ta' Diċembru 2016 intitolata "Deċennju Internazzjonali għall-Azzjoni: Ilma għall-Iżvilupp Sostenibbli 2018‑2028",

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 75/212 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-21 ta' Diċembru 2020 dwar il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eżami Komprensiv Intermedju tal-Implimentazzjoni tal-Objettivi tad-Deċennju Internazzjonali għall-Azzjoni dwar it-tema "Ilma għall-Iżvilupp Sostenibbli", 2018-2028 (Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ilma tal-2023),

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Osservazzjonijiet Ġenerali tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà,

 wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kif ipproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2017,

 wara li kkunsidra l-Osservazzjoni Ġenerali Nru 15 (2002) tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali dwar id-dritt għall-ilma,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u l-Konvenzjoni dwar il-Popli Indiġeni u Tribali tal-1989 (Nru 169) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni fuq il-protezzjoni u l-użu ta' passaġġi tal-ilma transkonfinali u għadajjar internazzjonali tal-1992 (il-Konvenzjoni dwar l-Ilma), inizjalment innegozjata bħal strument reġjonali u miftuħa fl-2016 għall-adeżjoni tal-Istati Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Użu Mhux Navigazzjonali tal-Passaġġi tal-Ilma Internazzjonali tal-1997 (il-Konvenzjoni dwar il-Passaġġi tal-Ilma),

 wara li kkunsidra l-Protokoll tal-UNECE-WHO tal-1999 tal-Konvenzjoni dwar l-Ilma rigward l-Ilma u s-Saħħa, li jagħti qafas biex id-drittijiet tal-bniedem għall-ilma u għas-sanità jitqiegħdu fil-prattika,

 wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-SDG nru 6 dwar l-ilma tax-xorb sikur u s-sanità, u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli,

 wara li kkunsidra r-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti tad-19 ta' Marzu 2019 dwar l-iżvilupp tar-riżorsi tal-ilma fid-dinja intitolat "Leaving no one behind" (Ħadd ma jitħalla jibqa' lura),

 wara li kkunsidra r-rapporti tal-2020 u tal-2021 "L-Istat tal-Ikel u tal-Agrikoltura" ppubblikati mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra r-rapport tas-16 ta' Lulju 2021 tar-Rapporteur Speċjali dwar id-dritt tal-bniedem għall-ilma tax-xorb sikur u s-sanità, dwar ir-riskji u l-impatti tal-"merkanzifikazzjoni" u l-finanzjalizzazzjoni tal-ilma fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-ilma tax-xorb sikur u s-sanità, u r-rapport tiegħu tal-21 ta' Lulju 2020 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-privatizzazzjoni tas-servizzi tal-ilma u tas-sanità,

 wara li kkunsidra r-Rapport Dinji dwar l-Iżvilupp tal-Ilma 2021: il-valorizzazzjoni tal-ilma,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE tas-17 ta' Ġunju 2019 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem b'rabta mal-Ilma tax-Xorb Sikur u s-Sanità,

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma[1] (Direttiva Qafas dwar l-Ilma),

 wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli[2],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament[3],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem[4],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2014 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "L-ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem! L-ilma huwa ġid pubbliku, mhux komodità!" (COM(2014)0177)

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali[5],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2018 dwar id-diplomazija fil-qasam tal-ilma, tas-17 ta' Ġunju 2019 dwar il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem b'rabta mal-Ilma tax-Xorb Sikur u s-Sanità u tad-19 ta' Novembru 2021 dwar l-ilma fl-azzjoni esterna tal-UE,

 wara li kkunsidra l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Right2Water", u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar is-segwitu għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Right2Water"[6],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2021 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar diliġenza dovuta korporattiva u obbligu ta' rendikont korporattiv[8],

 wara li kkunsidra l-metodi eżistenti, li kellhom suċċess, ta' kooperazzjoni transfruntiera bħall-iskambji ta' fehmiet bejn is-servizzi pubbliċi tal-ilma u tal-ilma mormi fil-pajjiżi Nordiċi li tmur lura għas-snin tmenin, il-formazzjoni fl-1970 ta' Assoċjazzjoni Nordika konġunta tal-Idroloġija, il-Laqgħat annwali Nordiċi tal-Konsulenti tal-Ilma, il-fora Nordiċi tal-Ilma u l-kooperazzjoni estensiva Nordika rigward il-kwistjonijiet fil-qasam tal-ġestjoni tal-ilma,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regolament ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0231/2022),

A. billi l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti rrikonoxxiet, fir-riżoluzzjoni 64/292 tagħha, id-drittijiet għall-ilma tax-xorb sikur u nadif u għas-sanità bħala dritt tal-bniedem li huwa essenzjali għat-tgawdija sħiħa tal-ħajja u tad-drittijiet kollha tal-bniedem; billi l-assenza ta' ilma hija inkompatibbli mal-ħajja, u li ż-żewġ drittijiet huma interdipendenti u essenzjali għal ħajja dinjituża; billi ma jistax ikun hemm aċċess sostenibbli u universali għall-ilma nadif mingħajr ktajjen ta' servizzi tas-sanità li jaħdmu; billi l-ilma u l-passaġġi tal-ilma għandhom ukoll dimensjoni kulturali, spiritwali u reliġjuża qawwija, li ġejja mir-rwol fundamentali tagħhom fil-ħajja tas-soċjetà;

B. billi l-Prinċipju nru 20 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali dwar l-aċċess għas-servizzi essenzjali jinkludi referenza espliċita għad-dritt taċ-ċittadini għall-ilma u għas-sanità;

C. billi t-tiċħid tad-dritt tal-bniedem għall-ilma għandu riperkussjonijiet fuq it-tgawdija tad-dritt għall-ħajja u għas-saħħa u peress li l-ilma kkontaminat, il-ġestjoni inadegwata tal-ilma mormi u sanità skarsa huma marbuta mat-trażmissjoni ta' mard gravi u saħansitra mal-mewt; billi s-servizzi tal-ilma u tas-sanità huma wieħed mill-pedamenti tas-saħħa pubblika; billi l-mard tad-dijarrea huwa r-raba' kawża ta' mewt fost it-tfal taħt l-età ta' ħames snin u wieħed mill-kawżi ewlenin tal-malnutrizzjoni kronika; billi l-aċċess għall-ilma nadif u għas-servizzi tas-sanità u tal-iġjene huwa indispensabbli biex tiġi garantita r-reżiljenza globali għall-pandemiji u għal mard infettiv ieħor u biex tiġi miġġielda t-theddida emerġenti tar-reżistenza għall-antimikrobiċi;

D. billi l-pandemija tal-COVID-19 laqtet l-iktar lill-persuni l-aktar vulnerabbli u għal darb'oħra ħarġet fid-dieher il-bżonn ta' ilma u sanità nodfa u suffiċjenti fil-livell globali; billi d-disponibbiltà u l-aċċess għall-provvista tal-ilma u ta' servizzi tas-sanità u tal-iġjene (WASH), anki għall-persuni vulnerabbli jew emarġinati, hija fundamentali għall-ġlieda kontra l-COVID-19;

E. billi 80-90 % tal-ilma mormi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa skarikat direttament fix-xmajjar, fil-lagi u fil-baħar, b'hekk jikkawża mard trażmess mill-ilma u jagħmel ħsara gravi lill-ambjent; billi l-ħajja ta' miljuni ta' persuni foqra tiddependi minn għejun ta' ilma fi stat tajjeb, mhux biss għall-provvista ta' ilma tax-xorb, iżda wkoll għall-produzzjoni tal-ikel permezz tal-agrikoltura, tat-trobbija tal-bhejjem u tas-sajd;

F. billi n-nuqqas ta' rispett u protezzjoni tad-dritt tal-bniedem għall-ilma u għas-sanità kif ukoll in-nuqqas ta' konformità fir-rigward tiegħu spiss jostakolaw id-dritt għall-edukazzjoni; billi t-tfal, u spiss il-bniet, ikollhom jimxu distanza medja ta' sitt kilometri kuljum biex imorru jġibu l-ilma, u dan iżommhom milli jmorru l-iskola; billi l-kostijiet tal-opportunità tal-ġbir tal-ilma huma għoljin u għandhom riperkussjonijiet ta' portata kbira, peress li jnaqqsu konsiderevolment il-ħin għad-dispożizzjoni għal attivitajiet importanti oħra;

G. billi ħafna tfal ma jibqgħux imorru l-iskola minħabba mard relatat mal-ilma kkontaminat u ma' prattiki ħżiena tal-iġjene; billi terz tat-tfal ma għandux aċċess adegwat għall-ilma u għas-sanità fl-iskejjel; billi r-Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2021 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli jindika li, fil-livell globali, aktar minn kwint tal-iskejjel primarji kien jonqsu l-aċċess għas-servizzi bażiċi ta' ilma tax-xorb jew għal tojlits separati skont is-sess u aktar minn terz ma għandux faċilitajiet bażiċi biex jaħsel idejh; billi ħafna bniet ikollhom ukoll jitilqu mill-iskola meta ma jkunx possibbli għalihom l-aċċess għat-tojlits adegwati għall-ġeneru tagħhom u jieħdu ħsieb b'mod dinjituż il-mestrwazzjoni;

H. billi t-tfal b'diżabbiltà għandhom ukoll diffikultà biex jaċċedu għall-edukazzjoni minħabba n-nuqqas ta' tojlits mgħammra apposta u faċilitajiet sanitarji adegwati; billi skont l-UNESCO aktar minn 90 % tat-tfal kollha b'diżabbiltà ma jmorrux l-iskola u li l-bniet b'diżabbiltà għandha probabbiltà ferm akbar li ma jibqgħux imorru l-iskola meta mqabbla mas-subien b'diżabbiltà; billi l-ilma tax-xorb huwa indispensabbli biex tinżamm il-konċentrazzjoni matul it-tagħlim;

I. billi l-iżvantaġġi li jħabbtu wiċċhom magħhom ħafna nisa u bniet, persuni b'ċerti diżabbiltajiet u anzjani fir-rigward tal-ilma, tas-sanità u tal-iġjene jimmanifestaw ruħhom f'diversi modi li jħallu impatt fuq is-saħħa ġenerali, il-benesseri u d-dinjità tagħhom, is-saħħa riproduttiva, l-edukazzjoni, in-nutrizzjoni, is-sigurtà tagħhom u fuq il-parteċipazzjoni ekonomika u politika tagħhom; billi ġeneralment l-ommijiet tat-tfal b'diżabbiltà huma mġiegħla jitilqu mix-xogħol biex jieħdu ħsieb l-użu tat-tojlits ta' wliedhom u jiżguraw li jirċievu edukazzjoni mid-dar, meta l-iskejjel ma jkollhomx tojlits aċċessibbli;

J. billi f'ħafna pajjiżi tan-Nofsinhar Globali n-nisa u l-bniet tradizzjonalment huma responsabbli mill-provvista tal-ilma fid-dar u li dawn ir-responsabbiltajiet jagħmluhom aktar vulnerabbli għall-mard u għall-vjolenza; billi n-nisa u l-bniet, meta jmorru jġibu l-ilma għad-dar jew meta jmorru f'faċilitajiet sanitarji barra minn darhom, jinsabu f'riskju ikbar li jisfaw vittmi ta' aggressjoni, vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, fastidju u theddid ieħor għas-sigurtà tagħhom;

K. billi kif rikonoxxut mil-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem b'rabta mal-Ilma tax-Xorb Sikur u s-Sanità, id-dritt tal-bniedem għall-ilma u għas-sanità jinkludi d-dimensjonijiet ta' disponibbiltà, aċċessibbiltà, aċċettabbiltà, kwalità u aċċessibbiltà ekonomika u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem (nondiskriminazzjoni, responsabbiltà, trasparenza, parteċipazzjoni, eċċ.);

L. billi l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) nru 6 tan-Nazzjonijiet Uniti huwa li jiġi żgurat li l-popolazzjoni dinjija kollha jkollha aċċess universali u ekwu għall-ilma tax-xorb u għas-sanità sal-2030; billi, minkejja l-progress li sar, dan l-għan għadu sottofinanzjat u ferm 'il bogħod milli jintlaħaq, skont l-aktar rapport reċenti dwar l-istat tal-UN Water, u għad hemm sfidi sinifikanti kemm biex dan jintlaħaq kif ukoll biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi kbar bejn il-pajjiżi u fi ħdanhom f'dak li huwa aċċess għas-servizzi bażiċi tal-ilma u tas-sanità;

M. billi r-Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli għall-2021 jindika li, fl-2020, 2 biljun ruħ kien għad ma għandhomx ilma tax-xorb ġestit b'mod sikur, 3,6 biljuni ma kellhomx sanità ġestita b'mod sikur u 2,3 biljuni ma kellhomx dispożizzjonijiet bażiċi fil-qasam tal-iġjene u li 129 pajjiż għadhom ma kinux fit-triq it-tajba biex ikollhom riżorsi tal-ilma ġestiti b'mod sostenibbli għall-2030; billi l-aċċess għall-ilma joħloq kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp ekonomiku u dawn il-kundizzjonijiet se jippermettu lill-persuni vulnerabbli jiksbu l-indipendenza finanzjarja;

N. billi l-ksib ta' provvista tal-ilma u tas-sanità universali u ġestiti b'mod sikur jaf iwassal għal benefiċċji netti ta' bejn USD 37 biljun u USD 86 biljun fis-sena bejn l-2021 u l-2040;

O. billi l-ilma huwa riżorsa limitata; billi l-ilma ħelu disponibbli għal kull persuna naqas drastikament f'dawn l-aħħar għoxrin sena; billi distribuzzjoni żbilanċjata tat-tkabbir demografiku u d-depopolament taż-żoni rurali, l-intensifikazzjoni tal-agrikoltura, l-effetti tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali kif ukoll ċerti prattiki abbużivi u li jniġġsu fl-użu tal-ilma qegħdin jikkawżaw problemi dejjem akbar għall-aċċess għall-ilma f'ħafna reġjuni u fil-futur se jikkawżaw problemi saħansitra akbar għall-aċċess;

P. billi l-biċċa l-kbira tat-tkabbir nett tal-popolazzjoni dinjija sal-2050 se ssir fil-bliet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'hekk tiżdied id-domanda għall-ilma u għall-ikel taż-żoni urbani; billi, skont ir-Rapport 2019 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp tal-Ilma, sal-2050 jaf nużaw bejn 20 u 30 % ta' ilma aktar milli nużaw illum u billi, skont il-Bank Dinji, id-domanda għall-ilma urbana mistennija tiżdied b'50-70 % fit-tletin sena li jmiss;

Q. billi 125 minn 154 pajjiż li qed jiżviluppaw inkludew ir-riżorsi tal-ilma ħelu u l-ekosistemi terrestri u tal-artijiet mistagħdra bħala l-oqsma tal-ogħla prijorità fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom ta' adattament għat-tibdil fil-klima, f'konformità mal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) nru 13;

R. billi t-tisħin globali huwa kawża importanti ta' skarsezza ta' ilma; billi l-emerġenza klimatika attwali, biż-żieda fin-nixfiet, fl-għargħar u fix-xita torrenzjali, taggrava l-inugwaljanzi f'termini ta' distribuzzjoni tal-ilma; billi madwar 90 % tad-diżastri naturali kollha huwa relatat mal-ilma u l-ilma hu responsabbli minn 70 % tal-imwiet kollha relatati mad-diżastri naturali; billi skont l-Atlas of Mortality and Economic Losses from Weather, Climate and Water Extremes (1970 - 2019) (Atlas tal-mortalità u tat-telf ekonomiku minħabba eventi meteoroloġiċi, klimatiċi u idriċi estremi), minn fost l-ewwel għaxar diżastri f'dan il-perjodu, l-eventi li kkawżaw l-akbar numru ta' telf ta' ħajjiet tal-bniedem fil-perjodu f'eżami kienu n-nixfiet, il-maltempati u l-għargħar; billi, skont l-OECD, kważi 20 % tal-popolazzjoni dinjija se tkun f'riskju ta' għargħar fl-2050;

S. billi l-istress idriku, definit min-Nazzjonijiet Uniti bħala l-punt li fih id-domanda għall-ilma hija ogħla mill-kwantità disponibbli jew meta l-użu tiegħu huwa limitat mill-kwalità skarsa tiegħu, jista' f'xi każijiet ikun fattur ewlieni tal-ispostament u tal-migrazzjoni indotti; billi, skont ir-rapporti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-iżvilupp tal-ilma, bħalissa ħamsa mill-ħdax-il reġjun tad-dinja huma suġġetti għal stress idriku, jiġifieri żewġ terzi tal-popolazzjoni dinjija; billi, skont ir-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 2020, l-iskarsezza tal-ilma tista' tikkawża l-ispostament ta' madwar 700 miljun ruħ bejn issa u l-2030;

T. billi d-deforestazzjoni, il-ħtif tal-art u l-isfruttament eċċessiv tar-riżorsi naturali u tal-attivitajiet estrattivi, anki min-naħa tal-gruppi tal-kriminalità organizzata, għandhom impatt konsiderevoli fuq il-livell tal-ilma tax-xmajjar u tal-lagi, jalteraw iċ-ċiklu tal-ilma u jikkontribwixxu għat-tnixxif tax-xmajjar u tal-lagi kif ukoll għat-tniġġis taż-żoni sfruttati;

U. billi l-ekosistemi tal-ilma ħelu, anki jekk ikopru inqas minn 1 % ta' wiċċ l-art tad-dinja, jospitaw aktar minn 10 % tal-ispeċijiet kollha u bijodiversità delikata; billi madwar 70 % tal-ilma ħelu tad-dinja jintuża għall-agrikoltura, filwaqt li l-bqija jinqasam bejn użi industrijali (19 %), speċjalment fis-setturi tal-ikel, tat-tessuti, enerġetiku, industrijali, kimiku, farmaċewtiku u minerarju, u domestiku (11 %), inkluż il-konsum mill-bniedem;

V. billi l-ekosistemi sani jippermettu titjib fil-kwantità u fil-kwalità tal-ilma, filwaqt li jżidu r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima;

W. billi l-agrikoltura hija l-akbar konsumatur tar-riżorsi tal-ilma ħelu tad-dinja; billi terz tar-raba' li jinħadem fid-dinja kollha jintuża għat-tagħlif tal-bhejjem; billi r-rapport tal-FAO għall-2020 intitolat "The State of Food and Agriculture – Overcoming water challenges in agriculture" (Is-sitwazzjoni agroalimentari – negħlbu l-isfidi tal-ilma fl-agrikoltura) jindika li huwa possibbli li tiżdied b'mod sinifikanti l-produttività tal-ikel u l-introjti rurali bis-saħħa tal-investimenti f'sistemi ta' tisqija ġodda jew tal-adattament u tal-modernizzazzjoni ta' dawk eżistenti u dan għandu jiġi assoċjat mat-titjib tal-prattiki ta' ġestjoni tal-ilma, inkluż it-titjib tal-prattiki agrikoli; billi l-ħtif tal-art għandu implikazzjonijiet negattivi għad-disponibbiltà u għall-kwalità tal-ilma, lill-komunitajiet lokali jneħħilhom għejun tal-ilma u jikser id-dritt tal-bniedem tagħhom għall-ilma tax-xorb sikur;

X. billi s-settur tal-enerġija bħalissa huwa responsabbli għal 10 % tal-estrazzjoni tal-ilma fil-livell dinji u huwa stmat li sal-2040 il-konsum ta' ilma fis-settur tal-enerġija se jiżdied b'madwar 60 %;

Y. billi ċerti industriji estrattivi abbużivi, f'ħafna każijiet illegali, għandhom impatt notevoli fuq ir-riżorsi tal-ilma tal-wiċċ u ta' taħt l-art, it-tniġġis u l-qerda tal-glaċieri, tal-foresti, tal-artijiet mistagħdra jew tax-xmajjar u ta' għejun ta' ilma oħra vitali għall-konsum mill-bniedem;

Z. billi l-industrija tat-tessuti hija waħda mis-setturi li jikkonsmaw l-aktar l-ilma fid-dinja, u billi l-ħwejjeġ u t-tessuti huma prodotti f'xi wħud mir-reġjuni fejn hemm l-aktar skarsezza tal-ilma fid-dinja; billi din l-industrija hija kklassifikata bħala t-tieni l-aktar industrija li tniġġes fid-dinja u parti kbira minn dan it-tniġġis jispiċċa fl-ilma; billi l-Kummissjoni tippjana li tadotta fl-ewwel tliet xhur tal-2022 l-"istrateġija tal-UE fil-qasam tat-tessuti sostenibbli", li timmira li tgħin lill-UE timxi lejn ekonomija ċirkolari li fiha l-prodotti tat-tessuti huma maħsuba biex iservu aktar, ikunu jistgħu jerġgħu jintużaw u jissewwew, ikunu jistgħu jiġu riċiklati u jkunu effiċjenti mil-lat enerġetiku;

AA. billi d-domanda dejjem tikber għall-ilma qed tikkawża sfruttament żejjed tar-riżorsi tal-ilma u billi l-iskarsezza tal-ilma saret riżorsa li tqajjem kontroversji; billi, skont in-Nazzjonijiet Uniti, hemm madwar tliet mitt żona fid-dinja fejn huwa previst kunflitt kaġun tal-ilma sal-2025;

AB. billi d-difiża tal-ilma qed tiġi attakkata u d-danni lill-kwalità tal-ilma saru reati f'ħafna pajjiżi; billi, f'dawn l-aħħar snin, id-difensuri tad-drittijiet tal-ambjent u tal-ilma kienu suġġetti għal numru dejjem akbar ta' attakki, fosthom omiċidji, serq ta' bnedmin, torturi, vjolenza abbażi tal-ġeneru, theddid, fastidju, intimidazzjonijiet, kampanji ta' malafama, kriminalizzazzjoni, vessazzjoni ġudizzjarja, żgumbramenti furzati u spostament u billi hemm bżonn b'urġenza li dawn jiġu sostnuti b'mod proattiv u li ħajjithom u s-sikurezza tagħhom jiġu mħarsa; billi diversi finalisti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb jinsabu taħt attakk għar-rwol tagħhom fid-difiża tal-ilma u tal-beni komuni; billi d-difensuri tal-ilma tax-xmara Guapinol damu aktar minn sentejn il-ħabs qabel ma nħelsu; billi Lolita Chávez ilha erba' snin f'eżilju talli ddefendiet it-territorju tagħha kontra l-attivitajiet idroelettriċi f'Iximulew (fil-Gwatemala); billi Berta Cáceres ġiet assassinata fl-2016 talli ddefendiet ix-xmajjar Blanco u Gualcarque u l-mandanti għadhom ma ġewx ikkundannati;

AC. billi, skont Global Witness, aktar minn terz tad-difensuri tal-art u tal-ambjent li nqatlu fid-dinja bejn l-2015 u l-2019 kien jappartjeni għal komunitajiet indiġeni, li l-ħiliet tagħhom fil-ġestjoni tal-art u tal-ilma huma kruċjali għall-ġlieda kontra l-kriżi tal-klima u t-telfien tal-bijodiversità;

AD. billi t-tiċħid li jingħata aċċess għall-ilma u l-qerda tal-infrastrutturi tal-ilma ntużaw bħala tattika essenzjali mill-potenzi okkupanti biex jannettu territorji okkupati u jkeċċu lill-popolazzjonijiet minn artijiethom;

AE. billi d-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-ilma tirrikonoxxi li "l-ilma mhuwiex prodott kummerċjali bħal kull prodott ieħor imma, pjuttost, wirt li għandu jiġi protett, difiż u ttrattat bħala tali";

AF. billi mis-6 ta' Diċembru 2020 l-ilma beda jiġi nnegozjat fis-suq tal-futures ta' Wall Street; billi skont Pedro Arrojo, Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għad-drittijiet tal-bniedem għall-ilma tax-xorb sikur u s-sanità, l-ilma għandu sett ta' valuri vitali għas-soċjetajiet tagħna li l-loġika tas-suq ma tirrikonoxxix u, għalhekk, ma tistax tiġġestixxi b'mod adegwat, u wisq inqas fi spazju finanzjarju tant suxxettibbli għall-ispekulazzjoni; billi, skont diversi esperti tan-Nazzjonijiet Uniti, l-applikazzjoni ta' loġika spekulattiva għall-ġestjoni ta' beni essenzjali għall-ħajja u għad-dinjità tal-persuni tikser id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni li jgħixu fil-faqar, taggrava l-inugwaljanza bejn il-ġeneri u żżid il-vulnerabbiltà tal-komunitajiet emarġinati;

AG. billi l-gvernijiet għandhom id-dmir li jiggarantixxu livelli minimi essenzjali ta' ilma u sanità għal kulħadd; billi r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-ilma tax-xorb sikur u għas-sanità, tas-16 ta' Lulju 2021, jisħaq fuq il-fatt li l-ilma għandu jitqies beni pubbliku u għandu jiġi ġestit skont approċċ imsejjes fuq id-drittijiet tal-bniedem, li jiggarantixxi d-dritt għall-ilma u għas-sanità u s-sostenibbiltà tal-ekosistemi akkwatiċi; billi l-provvista tal-ilma u s-servizzi tas-sanità huma servizzi ta' interess ġenerali u d-dħul miċ-ċiklu tal-ġestjoni tal-ilma għandu jkopri l-ispejjeż u l-kostijiet għat-titjib relatati, dment li jkun salvagwardjat l-interess pubbliku;

AH. billi, kif rikonoxxut mil-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem b'rabta mal-Ilma tax-Xorb Sikur u s-Sanità, l-Istati għandhom l-obbligu li jirrispettaw, jipproteġu u jwettqu dawn id-drittijiet u li l-partijiet terzi għandhom jastjenu b'mod rigoruż milli jindaħlu fit-tgawdija tad-drittijiet għall-ilma u għas-sanità;

AI. billi l-ħaddiema li jaħdmu fil-katina tas-sanità huma esposti għal bosta riskji, inklużi r-riskji għas-saħħa li ġejjin minn kundizzjonijiet ta' xogħol prekarji; billi huma spiss il-ħaddiema informali li mhumiex protetti mil-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol; billi t-tgawdija tad-drittijiet għall-ilma u għas-sanità ma għandhiex tkun askapitu tas-sikurezza, tad-dinjità u tal‑benesseri tal-ħaddiema ta' dan is-settur;

1. Itenni d-dritt għall-ilma tax-xorb sikur u d-dritt għas-sanità bħala drittijiet tal-bniedem, inkwantu ż-żewġ drittijiet huma komplementari; jissottolinja li l-aċċess għall-ilma tax-xorb nadif huwa indispensabbli għal ħajja sana u dinjituża u huwa essenzjali għall-iżvilupp tad-dinjità tal-bniedem; jenfasizza l-fatt li d-dritt għall-ilma jirrappreżenta kundizzjoni preliminari fundamentali għat-tgawdija ta' drittijiet oħra, u li bħala tali jeħtieġlu jiġi ggwidat minn loġika msejsa fuq l-interess pubbliku u fuq beni komuni pubbliċi u globali;

2. Jissottolinja li l-aċċess adegwat għall-faċilitajiet tal-ilma, tas-sanità u tal-iġjene (WASH) u d-dritt għas-saħħa u għall-ħajja huma reċiprokament dipendenti u jikkostitwixxu rekwiżit preliminari essenzjali għas-saħħa pubblika u għall-iżvilupp tal-bniedem; jissottolinja l-bżonn ta' ilma nadif fil-kuntest tal-pandemiji u jitlob li jittieħdu miżuri, strateġiji u politiki korrispondenti min-naħa tal-Kummissjoni, tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi, sabiex ikun possibbli li tingħata protezzjoni adegwata lil kulħadd;

3. Jissottolinja li r-rikonoxximent tad-dritt għall-ilma tax-xorb sikur u għas-sanità bħala dritt tal-bniedem kien pass fundamentali fit-triq lejn ġustizzja soċjali u ambjentali akbar; jafferma li l-progress jista' jitjieb billi tingħata aktar prijorità politika lis-settur, jiġu żgurati implimentazzjoni aħjar u l-monitoraġġ tal-politiki, tiżdied l-effiċjenza f'termini ta' finanzjament, responsabbiltà u parteċipazzjoni pubblika, speċjalment fost dawk l-aktar emarġinati fis-soċjetà u b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li, fl-allokazzjoni tal-fondi tal-UE u fil-programmazzjoni tal-għajnuna, għandha tingħata prijorità għolja lill-assistenza maħsuba għall-provvista tal-ilma tax-xorb sikur u tas-servizzi tas-sanità;

4. Ifakkar fir-responsabbiltà tal-Istati biex jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem kollha, li huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u relatati ma' xulxin u li għandhom jiġu promossi u applikati b'mod ġust, ekwu u mhux diskriminatorju; itenni għaldaqstant li l-Istati jeħtiġilhom jiżguraw aċċess universali, adegwat u bi prezzijiet aċċessibbli għall-ilma tax-xorb suffiċjenti, ta' kwalità u sikur u aċċess aħjar għall-ilma għal skopijiet sanitarji u ta' iġjene; ifakkar li d-dritt għall-ilma jfisser li s-servizzi tal-provvista ta' ilma jridu jkunu aċċessibbli għal kulħadd;

5. Ifakkar li l-Istati li jirratifikaw trattat dwar id-drittijiet tal-bniedem jimpenjaw ruħhom li jipproteġu, jirrispettaw u jonoraw l-impenji adottati fil-qafas internazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali għall-protezzjoni ta' dawn id-drittijiet; huwa tal-fehma, f'dan is-sens, li r-rikonoxximent tal-komunità internazzjonali tad-dritt għall-ilma u għas-sanità jeħtieġlu jinkludi mekkaniżmi ta' protezzjoni u infurzar u, għalhekk, jitlob lill-UE tippromwovi mekkaniżmi ta' protezzjoni fil-livell internazzjonali, reġjonali u nazzjonali biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tad-dritt għall-ilma u għas-sanità ma jkunx fakultattiv għall-Istati iżda dritt eżegwibbli; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu l-eżempju u jirratifikaw il-konvenzjonijiet rilevanti, bħall-Protokoll dwar l-Ilma u s-Saħħa u l-Konvenzjoni tal-1992 fuq il-protezzjoni u l-użu ta' passaġġi tal-ilma transkonfinali u għadajjar internazzjonali;

6. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu d-drittijiet għall-ilma tax-xorb sikur u għas-sanità u l-iżvilupp normattiv tagħhom fil-fora multilaterali u reġjonali, anki billi jsostnu l-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-dritt tal-bniedem għall-ilma tax-xorb u s-sanità; jisħaq fuq l-importanza ta' xogħlu u ta' dak tal-predeċessuri tiegħu kif ukoll tax-xogħlijiet fl-ambitu ta' mekkaniżmu oħra tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għall-ilma u għas-sanità;

7. Jisħaq fuq l-importanza tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem b'rabta mal-Ilma tax-Xorb Sikur u s-Sanità u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jimplimentawhom fil-pajjiżi terzi u fil-konfront tagħhom, kif ukoll fil-fora multilaterali; jisħaq fuq l-importanza li l-persunal tal-UE jiġi mħarreġ f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jirrapportaw regolarment lill-Parlament u lill-kumitati (u/jew lis-sottokumitati) kompetenti rigward il-mod kif applikaw dawn il-linji gwida, billi jagħtu eżempji speċifiċi tal-attivitajiet tagħhom u tal-impatt tagħhom;

8. Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-missjonijiet tal-Istati Membri, kif indikat fil-linji gwida tal-UE, iqajmu kwistjonijiet relatati mad-drittijiet għall-ilma tax-xorb sikur għas-sanità, kif ukoll mas-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-NGOs li jippromwovu dawn id-drittijiet, fid-djalogi bilaterali tagħhom mal-pajjiżi sħab, b'mod partikolari fil-qafas tad-djalogi settorjali u dwar id-drittijiet tal-bniedem;

9. Jisħaq fuq il-fatt li l-progress lejn ir-rikonoxximent tad-dritt għal ambjent nadif, san u sostenibbli, kif stabbilit fir-riżoluzzjoni 48/13 tal-tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-dritt tal-bniedem għal ambjent nadif, san u sostenibbli, ikun kundizzjoni abilitanti biex jintlaħaq l-għan li jkun hemm ilma tax-xorb sikur u sanità għal kulħadd; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, l-iżviluppi normattivi fil-livell internazzjonali fil-qasam tar-reati ambjentali, fosthom l-ekoċidju;

10. Jinkoraġġixxi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jaderixxu fiż-żewġ konvenzjonijiet globali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-ilma, jiġifieri l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ilma u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Passaġġi tal-Ilma, u jistinkaw għall-implimentazzjoni sħiħa tagħhom, billi huma strumenti importanti biex jiġu appoġġati d-diplomazija fil-qasam tal-ilma, il-paċi u l-prevenzjoni tal-kunflitti permezz tal-kooperazzjoni transfruntiera dwar l-ilma;

11. Isostni li l-eżerċizzju sħiħ tad-dritt għall-ilma jiddependi mill-konservazzjoni tal-bijodiversità u tal-klima u għalhekk jitlob li l-ġestjoni tal-ilma, peress li huwa bżonn bażiku għall-pjanti, għall-annimali u għal-bnedmin, għandha tirrispondi primarjament għall-interessi ambjentali u soċjali, inklużi l-integrazzjoni fix-xogħol kif ukoll iż-żieda fl-introjti u fil-kundizzjonijiet ta' sikurezza tal-persuni foqra;

12. Jisħaq li t-titjib fil-provvista tal-ilma u tas-servizzi ta' sanità, u ġestjoni aħjar tar-riżorsi tal-ilma, jistgħu jixprunaw it-tkabbir ekonomiku sostenibbli tal-pajjiżi u jistgħu jikkontribwixxu bil-kbir għat-tnaqqis tal-faqar;

13. Jissottolinja l-ħtieġa ta' azzjonijiet preventivi fil-qasam tal-aċċess għall-ilma u għas-sanità u l-ħtieġa li jkun hemm indikaturi affidabbli u komparabbli biex jitkejjel il-progress jew ir-rigress fl-aċċess għall-ilma u għas-sanità;

14. Jissottolinja li ċerti mudelli ta' żvilupp li jiffavorixxu proġetti massivi u attivitajiet kummerċjali fuq skala kbira jaffettwaw b'mod negattiv id-disponibbiltà u l-kwalità tal-ilma fil-pajjiżi kollha, iżidu l-kompetizzjoni għall-ilma u jħarrxu l-kunflitti l-oħra relatati mal-ilma; jinsisti fuq l-importanza, f'dan il-kuntest, ta' investimenti favur soluzzjonijiet sostenibbli għall-ilma tax-xorb, bħar-ripristinu tal-istat ta' saħħa tal-ekosistemi akkwatiċi, ir-riċiklaġġ tal-ilma mormi, id-desalinizzazzjoni tal-ilma tal-baħar fiż-żoni ta' mal-kosta, u t-titjib tas-sistemi ta' dranaġġ, tas-sistemi ta' tisqija u tal-prattiki agrikoli;

15. Jissottolinja li l-ġestjoni ineffiċjenti tar-riżorsi tal-ilma u t-tniġġis ikkawżat minn attivitajiet industrijali abbużivi jaffettwaw b'mod negattiv l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-bniedem għall-ilma u għas-sanità;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tiskoraġġixxi l-prattiki li jirrappreżentaw theddida għad-dritt għall-ilma tax-xorb sikur u nadif u għas-sanità u tagħmel dawn il-prattiki suġġetti għal valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

17. Jirrikonoxxi l-ħidma importanti tad-difensuri tad-drittijiet ambjentali, kif ukoll il-bżonn li jingħataw appoġġ proattiv u li ħajjithom u s-sikurezza tagħhom ikunu protetti, b'mod partikolari dawk li jiddefendu d-dritt għall-ilma, u jikkundanna bil-qawwa r-reati bħal omiċidji, serq ta' bnedmin, torturi, vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, theddid, fastidju, intimidazzjonijiet, kampanji ta' malafama, kriminalizzazzjoni, vessazzjoni ġudizzjarja, żgumbramenti furzati u spostament imwettqa minn bosta atturi statali u mhux statali, inklużi gvernijiet u kumpaniji multinazzjonali;

18. Jistieden lill-UE ssostni l-ħidma importanti tad-difensuri tad-drittijiet ambjentali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jirrispettaw l-impenn li ħadu fil-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u jimmonitorjaw u jqajmu każijiet individwali ta' difensuri tal-drittijiet tal-bniedem ambjentali, b'mod partikolari tar-rebbieħa u tal-finalisti tal-Premju Sakharov, li jiġu attakkati minħabba r-rwol tagħhom fid-difiża tal-ilma u tal-beni komuni;

19. Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu promossi s-sikurezza u l-libertà tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ambjentali biex joperaw mingħajr vjolenza u intimidazzjoni; jistenna li d-delegazzjonijiet tal-UE jagħtu prijorità lill-appoġġ tagħhom lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ambjentali u jirrispondu sistematikament u rigorożament għal kwalunkwe theddida jew attakk fil-konfront ta' dawn stess jew ta' qrabathom u jirrapportaw lill-Parlament dwar l-azzjonijiet li ħadu f'dawn il-każijiet; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-mekkaniżmi ta' protezzjoni u ta' prevenzjoni għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ambjentali; itenni l-appell tiegħu għal skema koordinata fil-livell tal-UE għall-ħruġ ta' viżi għal soġġorn qasir għat-trasferiment temporanju tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari ta' dawk li jaħdmu biex jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet ambjentali jew id-drittijiet tal-popli indiġeni, li jinsabu partikolarment taħt attakk;

20. Jistieden lill-Istati jirrispettaw id-dritt għall-protesta soċjali u d-dritt għall-għaqda paċifika, b'mod partikolari fil-kuntest tal-oppożizzjoni għal proġetti li jikkompromettu t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem għall-ilma tax-xorb u għas-sanità; jistieden lill-uffiċjali tad-delegazzjonijiet tal-UE u tal-ambaxxati tal-Istati Membri f'dan il-kuntest, kif indikati fil-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, iżuru lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu taħt arrest preventiv jew f'detenzjoni domiċiljari u jattendu l-proċessi tagħhom bħala osservaturi;

21. Ifakkar li l-popli indiġeni jiżvolġu rwol importanti fil-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u fil-konservazzjoni tal-bijodiversità; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu u jipproteġu d-drittijiet tal-popli indiġeni għas-sjieda u l-kontroll konswetudinarji tal-artijiet u tar-riżorsi naturali tagħhom, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u l-Konvenzjoni nru 169 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, u jikkonformaw mal-prinċipju ta' kunsens liberu, minn qabel u infurmat; jitlob lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan, jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-ILO nru 169 dwar il-Popli Indiġeni u Tribali; jesprimi tħassib partikolari għall-impatt sinifikanti tal-megaproġetti, fosthom il-proġetti infrastrutturali, tas-settur estrattiv jew tal-produzzjoni tal-enerġija, dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-ilma u għas-sanità, b'mod partikolari għall-popli indiġeni; jinsisti fuq l-importanza li jiġi żgurat li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt reali u komprensivi dwar id-drittijiet tal-bniedem u li l-popolazzjoni u l-gruppi tas-soċjetà ċivili affettwati jiġu kkonsultati bona fide u li, meta rilevanti, il-popli indiġeni jkunu taw il-kunsens liberu, minn qabel u infurmat tagħhom fir-rigward ta' kwalunkwe megaproġett; jitlob lill-atturi statali u mhux statali jevitaw azzjonijiet li jipperikolaw id-drittijiet tal-popli indiġeni, tad-dixxendenti tal-Afrikani u tal-komunitajiet rurali għall-art, għall-ilma, għall-ekosistemi u għall-bijodiversità, u jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jirrikonoxxu ġuridikament it-titoli, il-proprjetajiet, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom; jinsisti fuq l-importanza li jsiru konsultazzjonijiet miftuħa, inklużivi u parteċipattivi fir-rigward tad-deċiżjonijiet pubbliċi prinċipali f'dik li hi ġestjoni tal-ilma;

22. Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika bir-reqqa li l-proġetti infrastrutturali u enerġetiċi ffinanzjati permezz tad-diversi strumenti ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u ta' politika esterna, inkluż permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment, jirrispettaw u ma jipperikolawx id-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt tal-bniedem għall-ilma u għas-sanità, u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), u li ma jikkontribwux għat-tkeċċija ta' popli indiġeni minn artijiethom u mit-territorji tagħhom;

23. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' enfasi akbar fuq infrastrutturi tal-ilma u tas-sanità sostenibbli u reżiljenti biex il-komunitajiet jiġu sostnuti permezz tal-implimentazzjoni ta' miżuri tat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u bl-użu tal-istrumenti kollha meħtieġa għall-immappjar tar-riskju tal-ilma u s-sistemi ta' twissija bikrija; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lir-Resilient Water Accelerator;

24. Jikkundanna l-fatt li d-disparitajiet bejn il-ġeneri għadhom jeżistu fl-eżerċizzju tad-drittijiet tal-bniedem għall-ilma tax-xorb u għas-sanità, u li n-nuqqas tagħhom iwassal għal diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru; josserva bi tħassib ukoll li dawn id-disparitajiet għandhom effett devastanti fuq id-drittijiet tan-nisa, b'mod partikolari minħabba l-bżonnijiet speċifiċi tan-nisa u tal-bniet f'dawk li huma iġjene u saħħa mestrwali, b'hekk għan-nisa u l-bniet tkunilhom diffiċli jgħixu ħajja sikura u sana; jenfasizza li aċċess bi prezzijiet raġonevoli għall-ilma u għas-servizzi tal-iġjene u tas-sanità (faċilitajiet WASH) adegwati huwa rekwiżit preliminari indispensabbli għas-saħħa pubblika u għall-iżvilupp tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-edukazzjoni tal-bniet, u jinsisti fuq il-bżonn li tingħata prijorità għolja lis-settur WASH fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-politika ta' żvilupp tal-UE;

25. Jitlob li jiġu protetti n-nisa u l-bniet minn theddid jew vjolenzi fiżiċi, anki mill-vjolenza sesswali, meta jmorru jġibu l-ilma għall-użu fid-dar u meta jaċċedu għal faċilitajiet sanitarji barra minn darhom; jitlob li jittieħdu miżuri biex jonqos il-ħin li jqattgħu n-nisa u l-bniet biex imorru iġibu l-ilma għall-użu fid-dar, bil-għan li jiġi indirizzat l-impatt negattiv ta' servizzi tal-ilma u tas-sanità skadenti fuq l-aċċess tal-bniet għall-edukazzjoni;

26. Jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha, f'kooperazzjoni stretta man-Nazzjonijiet Uniti u mal-komunità internazzjonali, jeħtiġilhom jaħdmu mill-qrib mal-benefiċjarji tal-għajnuna barranija bl-iskop li jinqered il-faqar globali tal-ilma, filwaqt li tiġi żgurata sanità adegwata għal kulħadd; jistieden lill-Istati kollha jirrispettaw l-impenji li ħadu fl-ambitu tas-CEDAW, b'mod partikolari l-Artikolu 14, li jimponi lill-Istati li huma partijiet jiżguraw li n-nisa fiż-żoni rurali jkollhom id-dritt li jgawdu minn kundizzjonijiet ta' ħajja adegwati f'dak li għandu x'jaqsam, fost affarijiet oħra, mas-sanità u mal-provvista tal-ilma;

27. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE japplikaw approċċ trasformattiv u intersezzjonali sensittiv għall-kwistjonijiet tal-ġeneru għall-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma u għall-programmi relatati mal-provvista tal-ilma u mas-sanità u jinkludu politiki akkumpanjati minn pjanijiet ta' azzjoni konkreti u finanzjamenti adegwati, f'konformità mal-istrumenti ta' finanzjament estern tal-UE u mal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru (GAP III), mal-aġenda tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u mat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fl-azzjoni esterna għall-perjodu 2021-2025; jitlob il-promozzjoni tar-rwol ta' tmexxija tan-nisa u l-parteċipazzjoni sħiħa, effettiva u ekwa tagħhom fl-ippjanar, fil-proċess deċiżjonali u fl-applikazzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-ġestjoni tal-ilma u tas-sanità;

28. Jisħaq fuq il-fatt li l-aċċess għall-ilma tax-xorb sikur jikkostitwixxi waħda mill-problemi prinċipali ta' bħalissa, b'mod partikolari peress li kważi 60 % tal-riżorsi akwiferi jaqsam konfini territorjali politiċi; ifakkar li l-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-2018, ikkundanna l-użu tal-ilma bħala arma tal-gwerra u qies li "f'dan il-kuntest, il-qerda ta' infrastrutturi tal-ilma, it-tniġġis tal-ilma jew id-devjazzjoni ta' passaġġi tal-ilma bl-għan tal-limitazzjoni jew il-prevenzjoni tal-aċċess għall-ilma jistgħu jikkostitwixxu ksur tad-dritt internazzjonali"; ifakkar li t-tiċħid intenzjonali tal-ilma li jwassal għall-isterminju taċ-ċivili huwa delitt kontra l-umanità skont l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u li jista' anki jitqies delitt tal-gwerra, inkwantu kwalunkwe attakk fuq impjanti u provvisti tal-ilma tax-xorb u xogħlijiet ta' tisqija jew il-qerda tagħhom huma pprojbiti mill-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949;

29. Jinsab imħasseb immens bil-fatt li l-ksur tad-dritt għall-ilma u għas-sanità fit-territorji okkupati għandu l-għan li jisposta l-persuni mit-territorji tagħhom u jinsab inkwetat bit-tiċħid tal-aċċess għall-provvista, għar-riżorsi u għall-infrastrutturi tal-ilma; ifakkar li l-popli kollha, inklużi dawk okkupati, igawdu mid-dritt sovran li jikkontrollaw il-ġid naturali tagħhom; jistieden lill-potenzi okkupanti jieħdu miżuri immedjati biex jiggarantixxu aċċess għall-ilma u distribuzzjoni ġusta tal-ilma lil dawk li jgħixu f'territorji okkupati u, b'mod partikolari, konformement mar-riżoluzzjoni 73/255 tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta' Diċembru 2018, jiggarantixxu li dawk li jgħixu f'territorji okkupati jkollhom il-kontroll fuq ir-riżorsi tal-ilma tagħhom, inkluża l-ġestjoni, l-estrazzjoni u d-distribuzzjoni tal-ilma;

30. Jistieden lill-UE tistabbilixxi strateġija politika biex tiffaċilita soluzzjonijiet f'dawn l-oqsma u tinkoraġġixxi lill-pajjiżi li jinsabu fl-aktar żoni importanti tal-kunflitti relatati mal-ilma jiffirmaw il-Konvenzjoni dwar l-Ilma;

31. Jinsab imħasseb immens bin-nuqqas ta' aċċess għall-ilma u għas-sanità fil-kampijiet tar-rifuġjati; jissottolinja l-obbligu tal-Istati biex jiggarantixxu d-dritt tar-rifuġjati għall-faċilitajiet sanitarji u għall-ilma;

32. Jissottolinja li minkejja li l-ilma jista' jagħmilha ta' indikatur ta' kunflitt, jista' wkoll ikollu rwol pożittiv fil-promozzjoni tal-paċi u tal-kooperazzjoni; isostni l-impenn diplomatiku tal-UE fil-kooperazzjoni transfruntiera fil-qasam tal-ilma bħala strument ta' paċi, sigurtà u stabbiltà u jisħaq fuq l-importanza tal-ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma u l-bżonn ta' aktar komplementarjetà bejn l-azzjonijiet umanitarji, ta' żvilupp u ta' paċi, bil-għan li jiġu indirizzati l-bżonnijiet urġenti u jsiru interventi f'fażi bikrija biex jiġu indirizzati l-kawżi profondi u jiġi evitat li jinbtu kriżijiet umanitarji fir-rigward tal-ilma u tas-sanità;

33. Jisħaq fuq il-fatt li l-kumpaniji tad-dinja kollha jeħtiġilhom jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom ma jiksrux it-tgawdija tad-dritt tal-bniedem tal-aċċess għall-ilma tax-xorb sikur jew ma jabbużawx minnha, f'konformità mal-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem mad-dikjarazzjonijiet, mal-patti u mat-trattati tan-Nazzjonijiet Uniti li inkludew dan id-dritt; jistieden, barra minn hekk, lill-pajjiżi jimmiraw biex jilħqu l-għanijiet stabbiliti fil-qafas tal-SDG nru 6 u jadottaw leġiżlazzjoni li tiżgura li l-kumpaniji ma jostakolawx aċċess ekwu għal provvista tal-ilma adegwata; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipparteċipaw b'mod kostruttiv fl-attivitajiet tal-grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-korporazzjonijiet tranżnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan li jistabbilixxu strument internazzjonali vinkolanti li jirregola l-attivitajiet tal-korporazzjonijiet tranżnazzjonali u ta' kumpaniji oħra fl-ambitu tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

34. Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-missjonijiet tal-Istati Membri fil-pajjiżi mhux tal-UE jkunu partikolarment għassa tal-kumpaniji, inklużi dawk b'sede fl-UE, li jaf iċaħħdu jew jikkompromettu t-tgawdija tad-drittijiet għall-ilma u għas-sanità; jissottolinja li l-vittmi ta' dan il-ksur jeħtieġ li jkollhom aċċess għal rimedji ġudizzjarji effikaċi jew tip ta' rimedji adegwati oħrajn kif ukoll għal mekkaniżmi ta' lmenti;

35. Jenfasizza li l-kumpaniji Ewropej jeħtiġilhom jirrispettaw, meta joperaw fil-pajjiżi mhux tal-UE, l-istess obbligi ġuridiċi f'dawk li huma rinforz u diliġenza dovuta li japplikaw għall-operazzjonijiet tagħhom fl-UE; jisħaq fuq l-importanza tal-prevenzjoni, tal-indirizzar u tal-mitigazzjoni ta' kwalunkwe impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-ilma u għas-sanità adegwata fl-ambitu ta' oqfsa obbligatorji tad-diliġenza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw u jistudjaw il-mod kif jagħtu aktar informazzjoni u jiżguraw it-trasparenza għall-konsumaturi rigward l-impatt tal-prodotti fuq is-sostenibbiltà tar-riżorsi tal-ilma, anki f'termini ta' impronta fuq l-ilma;

36. Jenfasizza l-fatt li, kif affermaw diversi esperti tan-Nazzjonijiet Uniti, spiss wisq l-ilma jitqies bħala merkanzija, bla ma jitqiesu aspetti soċjali u kulturali oħra, bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem fundamentali, u dan jikkontribwixxi biex iżid id-degradazzjoni ambjentali u jkabbar il-vulnerabbiltà ta' dawk l-aktar foqra u emarġinati fis-soċjetà, li jmur kontra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; ifakkar li l-provvista tal-ilma u s-servizzi tas-sanità huma servizzi ta' interess ġenerali u mhux merkanzija, la huma lussu u lanqas prodott tal-konsumatur u għaldaqstant ma jridux jiġu kummerċjalizzati bħala tali; jisħaq fuq in-natura limitata tal-ilma u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni preventiva kontra l-iskarsezza tar-riżorsi tal-ilma fil-livell globali u jsostnu lill-pajjiżi mhux tal-UE fit-teħid ta' miżuri fil-ġlieda kontra l-iskarsezza tal-ilma;

37. Jitlob li l-Istati jieħdu miżuri legali biex jimpedixxu li l-ilma jkun suġġett għal spekulazzjoni finanzjarja fis-swieq tal-futures u li jippromwovu qafas adegwat ta' governanza tas-servizzi tal-ilma u tas-sanità, abbażi ta' approċċ essenzjalment imsejjes fuq kunsiderazzjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem u mal-ġid komuni; jistieden lill-UE u lill-gvernijiet nazzjonali jippromwovu u jsostnu korpi indipendenti ta' regolamentazzjoni tas-settur tal-ilma li jkunu jistgħu jinfurzaw l-istandards fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

38. Ifakkar li, kif rikonoxxut mid-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma, l-ilma mhuwiex sempliċi prodott kummerċjali iżda beni pubbliku essenzjali għall-ħajja u d-dinjità tal-bniedem; josserva li s-servizzi tal-ilma huma servizzi ta' interess ġenerali u ta' natura speċjali u li għalhekk jidħlu prinċipalment fl-interess pubbliku; ifakkar fl-importanza għall-politiki u għall-istrumenti esterni tal-UE, bħall-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment u l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, kif ukoll għall-attivitajiet tal-kumpaniji Ewropej, li jiddefendu d-dritt tal-bniedem għall-ilma tax-xorb u għas-sanità fil-pajjiżi kkonċernati;

39. Jissottolinja li l-ilma huwa beni pubbliku kollettiv u trid tiġi garantita li provvista tal-ilma adegwata, kontinwa u ta' kwalità għolja; jistieden lill-Istati u lid-donaturi jsaħħu l-promozzjoni tal-provvista tal-ilma u tas-servizzi tas-sanità bħala servizzi pubbliċi essenzjali għal kulħadd, anki permezz ta' investimenti li jżidu l-aċċess għall-ilma u għas-servizzi tas-sanità u jżommu l-infrastrutturi eżistenti u l-forniment u l-użu tas-servizzi; iqis li l-investimenti fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet u fil-governanza tas-sistemi tal-ilma, kif ukoll fit-tħaddim u fil-manutenzjoni tagħhom, huma vitali biex jinħolqu servizzi tal-ilma u tas-sanità affidabbli u sostenibbli;

40. Jistieden lill-UE ssostni lill-pajjiżi terzi fl-azzjonijiet tagħhom maħsuba biex jiggarantixxu aċċess universali u mhux diskriminatorju għall-ilma u għas-sanità u jiggarantixxu livell minimu ta' sussistenza tal-provvisti tal-ilma lill-familji vulnerabbli f'termini ekonomiċi u soċjali;

41. Jistieden lill-UE tinvesti wkoll fil-protezzjoni u r-ripristinu tal-ekosistemi naturali (inklużi l-foresti, il-pjanuri tal-għargħar, l-artijiet mistagħdra, eċċ.), li spiss joffru soluzzjonijiet ta' ġestjoni tal-ilma aktar konvenjenti mil-lat tal-kostijiet u sostenibbli minn rimedji infrastrutturali konvenzjonali f'termini ta' ħżin tal-ilma, trattament tal-ilma, kontroll tal-erożjoni u eventi meteoroloġiċi moderati u estremi;

42. Iħeġġeġ lill-Istati jadottaw il-mudell l-aktar adatt għall-provvista tal-ilma u tas-servizzi tas-sanità u jibdew proċess sod u trasparenti biex itejbu t-tgawdija effettiva tad-drittijiet tal-bniedem għall-ilma u għas-sanità fis-soċjetajiet tagħhom; jistieden lill-gvernijiet iżidu l-investimenti pubbliċi fl-infrastrutturi sostenibbli relatati mal-ilma u jipproteġu l-ilma bħala beni pubbliku essenzjali;

43. Jirrimarka l-ħtieġa li l-użu tal-ilma jiġi rikonċiljat mal-applikazzjoni tat-teknoloġiji emerġenti għall-konservazzjoni, għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilma u għar-riċiklaġġ tal-ilma mormi, sabiex jittejjeb il-mod kif jiġi pprovdut, ittrattat u mormi l-ilma;

44. Jistieden lill-UE tappoġġa l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma fis-settur agrikolu, li jimmobilizza aktar minn 70 % tar-riżorsi tal-ilma, permezz ta' investimenti f'sistemi sostenibbli ta' tisqija u ħżin tal-ilma, tal-ottimizzazzjoni u tat-tnaqqis tal-użu tal-ilma ħelu fl-agrikoltura tul il-katina tal-provvista kollha, tat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel u tat-trawwim tal-agroekoloġija bis-saħħa tar-ripristinu tal-artijiet mistagħdra, kif ukoll permezz tat-tnaqqis, fejn possibbli, tal-użu ta' pestiċidi u fertilizzanti li joħolqu riskju ta' tniġġis tal-ilma, speċjalment għall-ilma ta' taħt l-art;

45. Ifakkar li l-aċċess għall-ilma huwa wkoll sfida għall-użu tal-enerġija kemm f'termini ta' produzzjoni kif ukoll ta' estrazzjoni; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li titrawwem ġestjoni aħjar tal-enerġija, kif ukoll soluzzjonijiet ta' użu mill-ġdid għall-ilma mormi trattat, sabiex jiġi limitat il-konsum tal-ilma ħelu permezz tat-trattament tal-ilma mormi;

46. Jistieden lill-Bank Dinji u lill-Fond Monetarju Internazzjonali jiddiżinċentivaw il-kundizzjonalitajiet li jimponu lill-gvernijiet jipprivatizzaw is-servizzi tal-ilma u tas-sanità meta jagħtu għotjiet, self u assistenza teknika;

47. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura appoġġ finanzjarju adegwat għall-azzjonijiet ta' żvilupp tal-kapaċitajiet fil-qasam tal-ilma, filwaqt li tikkoopera mal-pjattaformi u mal-istituzzjonijiet internazzjonali eżistenti; jappoġġa l-Pjattaforma Globali ta' Solidarjetà tal-Ilma mnedija mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex l-awtoritajiet lokali jkunu involuti fit-tiftix ta' soluzzjonijiet għall-isfidi tal-ilma; jilqa' pożittivament il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ilma tal-2023 u jqisha opportunità bil-għan li jiġu żviluppati approċċi intersettorjali biex jintlaħqu objettivi u għanijiet relatati mal-ilma u ħalli l-SDG nru 6 jerġa' jaqbad it-triq it-tajba;

48. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jinkoraġġixxu lill-pajjiżi mhux tal-UE jikkonċedu lill-partijiet ikkonċernati, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet indiġeni u lokali li jaħdmu biex jindirizzaw il-ksur tad-drittijiet għall-ilma u għas-sanità, riżorsi adegwati u aċċess għall-informazzjoni rilevanti u jagħtuhom il-possibbiltà li jipparteċipaw b'mod sinifikattiv fil-proċessi deċiżjonali relatati mal-ilma, jekk ikun il-każ, bil-għan li jiżguraw l-impenn tagħhom biex jikkontribwixxu b'mod infurmat u orjentat lejn ir-riżultati għat-tfassil u għall-implimentazzjoni tal-politika fil-qasam tal-ilma; jemmen li, fir-realizzazzjoni tad-dritt tal-bniedem għall-ilma tax-xorb, huma ta' importanza vitali l-promozzjoni u t-tisħiħ tan-networks ta' esperti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tar-rappreżentanti tal-komunitajiet fil-livelli kollha u, f'dan is-sens, jistieden lill-gvernijiet ifasslu mekkaniżmi għal sistema inklużiva ta' governanza tal-ilma;

49. Jistieden lill-UE tgħin lill-pajjiżi terzi jirrispettaw u jippromwovu d-drittijiet tal-ħaddiema tas-settur tat-trattament tal-ilma mormi, inklużi d-drittijiet tagħhom għad-dinjità, għas-sikurezza u għas-saħħa u d-dritt li jorganizzaw ruħhom;

50. Jissottolinja li l-persuni li jgħixu fil-faqar, b'mod partikolari n-nisa u l-bniet, il-minoranzi u l-persuni b'diżabbiltà fiżika u/jew mentali huma dawk li jintlaqtu bl-aktar mod qawwi min-nuqqas ta' aċċess għall-ilma u għas-sanità sikuri u nodfa; jissottolinja li l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-ilma u għas-sanità ħafna drabi huma dovuti għall-inugwaljanzi sistemiċi jew għall-esklużjoni; jistieden lill-gvernijiet jimmonitorjaw d-disparitajiet fl-aċċess għall-ilma u għas-sanità u jieħdu azzjonijiet deċiżivi biex jinkoraġġixxu l-investimenti fis-sistemi tas-sanità u tal-provvista, inklużi s-sistemi pubbliċi, billi jippromwovu l-effiċjenza u l-konservazzjoni tal-ilma, inkwantu riżorsa skarsa; jistieden barra minn hekk lill-gvernijiet jiggarantixxu n-nondiskriminazzjoni fl-aċċess għall-ilma u għas-servizzi tas-sanità bħala beni pubbliċi, filwaqt li jiżguraw il-forniment tagħhom għal kulħadd, b'mod partikolari billi jagħtu prijorità lill-aċċess lin-nisa, lill-bniet u lill-gruppi vulnerabbli biex jiġu rrimedjati l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni sistemiċi; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jirrieżaminaw l-oqfsa leġiżlattivi, politiċi u prattiċi tagħhom fil-qasam tal-ilma, mil-lenti tal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istandards, bil-għan li jgħinu biex jorjentaw l-azzjonijiet immirati ħalli jindirizzaw l-ostakli għall-progress;

51. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP (3.3.2022)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-aċċess għall-ilma bħala dritt tal-bniedem – id-dimensjoni esterna

(2021/2187(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Stéphane Bijoux

(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi, skont in-Nazzjonijiet Uniti, madwar 2.2 biljun persuna m'għandhomx aċċess għal ilma tax-xorb sikur u 4.2 biljun persuna m'għandhomx servizzi sanitarji;

B. billi 129 pajjiż mhumiex fit-triq it-tajba biex ikollhom riżorsi tal-ilma ġestiti b'mod sostenibbli sal-2030, b'mod partikolari reġjuni bħall-Punent u n-Nofsinhar tal-Asja u l-Afrika ta' Fuq li jippreżentaw livelli għoljin ħafna ta' stress idriku ta' aktar minn 70 %, filwaqt li x-Xlokk tal-Asja, l-Amerka Latina u l-Karibew, kif ukoll l-Afrika sub-Saħarjana, raw il-livelli ta' stress idriku tagħhom jiżdiedu mill-2017 sal-2018;

C. billi huwa stmat li, sal-2050, 25 % tal-popolazzjoni tad-dinja se tkun qed tgħix f'pajjiżi fejn in-nuqqas ta' ilma ħelu se jkun kroniku u rikorrenti;

D. billi, bejn l-1970 u l-2015, iż-żoni tal-artijiet mistagħdra naturali naqsu b'35 %;

E. billi sal-2040, id-domanda globali għall-ilma hija mbassra li se taqbeż il-provvista b'40 %;

F. billi l-UE hija l-akbar ''importatur'' virtwali tal-ilma fid-dinja, peress li l-kumpaniji fl-UE investew fi kważi 6 miljun ettaru ta' art barra mill-UE, fost l-oħrajn għall-agrikoltura, il-bijofjuwil u l-produzzjoni tal-bhejjem;

G. billi n-nuqqas ta' ilma jhedded is-sigurtà tal-ikel u jiġġenera mard li jinġarr mill-ilma u trażmess minn ilma kkontaminat bħall-kolera, jew it-tifojde jew id-dijarea;

H. billi l-popolazzjoni urbana tal-Afrika hija ta' 567 miljun u qed tkompli tikber b'rata mgħaġġla; billi l-kontinent se jesperjenza l-aktar tkabbir urban mgħaġġel fid-dinja;

I. billi bliet fl-Afrika kollha qed jiffaċċjaw sfidi tal-ilma li kull ma jmur qed jiżdiedu, b'mod partikolari bħala riżultat ta' ppjanar urban fqir, aċċess għall-ilma u għas-sanità mhux għall-but ta' kulħadd, mhux affidabbli u mhux sikuri u d-degradazzjoni ambjentali u t-tniġġis tal-ilma;

J. billi, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-UNICEF, tnejn minn kull ħamest itfal li kienu jgħixu fl-Afrika sub-Saħarjana fl-2019 kienu mingħajr servizz bażiku tal-ilma tax-xorb fl-iskola;

K. billi, skont rapport reċenti tal-Bank Dinji, it-tibdil fil-klima jista' jwassal biex sa 216 miljun persuna jsiru migranti interni;

L. billi 125 minn 154 pajjiż li qed jiżviluppaw inkludew ir-riżorsi tal-ilma ħelu u l-ekosistemi terrestri u tal-art mistagħdra bħala l-oqsma tal-ogħla prijorità fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom ta' adattament għat-tibdil fil-klima, f'konformità mal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 13;

M. billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2021 dwar id-diplomazija fil-qasam tal-ilma fl-azzjoni esterna tal-UE jenfasizzaw li ''l-ilma huwa prerekwiżit għas-sopravivenza u d-dinjità tal-bniedem u bażi fundamentali għar-reżiljenza kemm tas-soċjetajiet kif ukoll tal-ambjent'';

N. billi l-kisba ta' provvista tal-ilma u s-sanità universali u ġestiti b'mod sikur taf twassal rispettivament għal benefiċċji netti ta' bejn USD 37 biljun u USD 86 biljun fis-sena bejn l-2021 u l-2040;

O. billi l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat il-ħtieġa li jitħaffef il-progress fir-rigward tal-ilma, is-sanità u l-iġjene (WASH) fl-iskejjel;

P. billi ż-żieda globali kontinwa fid-digi, marbuta mal-produzzjoni tal-enerġija u l-provvista tal-ilma għall-irrigazzjoni, tqajjem tħassib f'termini ta' aċċess għall-ilma, inkluża l-kwistjoni tal-evaporazzjoni tal-ilma maħżun;

Q. billi ekosistemi b'saħħithom jippermettu titjib fil-kwantità u l-kwalità tal-ilma, filwaqt li jżidu r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima;

1. Jafferma mill-ġdid li l-aċċess għal ilma u sanità sikuri, nodfa, aċċessibbli u għall-but ta' kulħadd huma imperattivi essenzjali u drittijiet fundamentali tal-bniedem, kif imfakkar fil-kuntest tar-Riżoluzzjoni 64/292 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-28 ta' Lulju 2010;

2. Jisħaq li l-aċċess għall-ilma jirrikjedi approċċ multisettorjali u b'diversi partijiet ikkonċernati, impenn qawwi għal ħidma mas-sħab kollha kkonċernati u governanza tajba;

3. Jinnota li l-aċċess għall-ilma huwa marbut intrinsikament mas-saħħa u l-edukazzjoni, b'mod partikolari għan-nisa, u mal-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi relatati mal-ilma, u huwa konness ukoll mal-aċċess għall-art, id-drittijiet tas-sjieda tal-art, li jeħtieġ li jkunu infurzabbli fil-qorti, u s-sigurtà tal-ikel, kif ukoll l-aċċess għall-enerġija u s-sigurtà;

4. Jisħaq li t-titjib fil-provvista tal-ilma u s-sanità, u ġestjoni aħjar tar-riżorsi tal-ilma, jistgħu jixprunaw it-tkabbir ekonomiku sostenibbli tal-pajjiżi u jistgħu jikkontribwixxu bil-kbir għat-tnaqqis tal-faqar;

5. Jisħaq li l-ilma għandu jitqies bħala ġid pubbliku globali, u mhux komodità;

6. Jistieden lill-UE tippromwovi approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-aċċess għall-ilma u s-sanità fl-azzjoni esterna tagħha f'konformità mad-Deċennju ta' Azzjoni dwar l-Ilma 2018–2028 ddikjarat min-Nazzjonijiet Uniti u matul il-Forum Dinji dwar l-Ilma li jmiss, f'Dakar, il-konferenza internazzjonali ta' livell għoli dwar l-ilma f'Dushanbe fl-2022 u l-konferenza ta' livell għoli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Deċennju ta' Azzjoni dwar l-Ilma fi New York fl-2023, sabiex tkompli taħdem lejn l-SDG 6 dwar l-ilma tax-xorb sikur u s-sanità, u biex il-pajjiżi kollha jkunu jistgħu jilħqu l-miri kollha taħt dan l-għan sal-2030 għal kulħadd b'mod nondiskriminatorju, filwaqt li jiġu eliminati l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-ilma li jaffettwaw gruppi vulnerabbli u emarġinati;

7. Jinsab imħasseb li l-aċċess għall-ilma tax-xorb u s-sanità – minħabba skarsezza fiżika, tniġġis jew nuqqas ta' infrastruttura suffiċjenti u governanza dgħajfa – huwa ristrett ħafna fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (huma biss 1 minn kull 2 persuni li jibbenefikaw minnu) u huwa estremament limitat fl-Afrika sub-Saħarjana (1 biss minn kull 8 persuni fiż-żoni rurali);

8. Jisħaq li t-tkabbir mgħaġġel fil-popolazzjoni tal-Afrika u t-tibdil fil-kuntest urban jirrikjedu azzjonijiet urġenti biex tinbena r-reżiljenza tal-ilma; jenfasizza l-inugwaljanzi profondi fl-aċċess għall-infrastruttura bażika, li jpoġġu piżijiet sproporzjonati relatati mal-ilma fuq il-foqra f'żoni urbani;

9. Jirrimarka li servizzi ta' ilma nadif, iġjene tajba u sanità huma kruċjali għat-tkabbir sostenibbli u biex tinbena r-reżiljenza tal-aktar komunitajiet vulnerabbli; jistieden lill-UE, għalhekk, iżżid l-appoġġ tekniku u finanzjarju tagħha sabiex tikkontribwixxi biex il-bliet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw isiru aktar reżiljenti għax-xokkijiet relatati mal-ilma, inkluż permezz ta' ppjanar urban sostenibbli, filwaqt li tipprovdi integrazzjoni aħjar taċ-ċittadini rurali li jiċċaqilqu lejn ambjenti urbani;

10. Jappella b'urġenza, wara l-pandemija tal-COVID-19 u minħabba l-għadd dejjem akbar ta' diżastri naturali relatati mat-tibdil fil-klima, inklużi ż-żieda fil-kobor u l-frekwenza tal-għargħar, in-nixfiet, iż-żieda fit-temperaturi tal-ilma u t-tnaqqis fl-ossiġenu dissolt, iż-żieda fil-livelli tal-baħar u d-deterjorament fil-kwalità tal-ilma minħabba ż-żieda fit-tniġġis u l-kontaminazzjoni li jirriżultaw, fost sorsi oħra, minn skol agrikolu, mill-ilma mormi industrijali u muniċipali mhux trattat, u mid-deforestazzjoni; jitlob ukoll li l-aċċess għall-ilma u s-sanità jsir prijorità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari fil-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, inkluż fil-kuntest umanitarju, peress li dan huwa wieħed mill-komponenti ewlenin tal-iżvilupp tal-bniedem;

11. Jisħaq li kien hemm nuqqas ta' finanzjament u ta' investiment pubbliku fl-ilma u fl-infrastruttura sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali jipprovdu riżorsi finanzjarji sabiex jgħinu fil-bini tal-kapaċitajiet u t-trasferiment tat-teknoloġija lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex jipprovdu ilma tax-xorb sikur, nadif, aċċessibbli u għall-but ta' kulħadd, servizzi ta' iġjene u sanità għal kulħadd, b'mod partikolari għal dawk l-aktar vulnerabbli;

12. Jissottolinja l-ħtieġa ta' azzjonijiet antiċipatorji fil-qasam tal-aċċess għall-ilma u s-sanità, u l-ħtieġa li jkun hemm indikaturi affidabbli u komparabbli biex jitkejjel il-progress jew ir-rigress fl-aċċess għall-ilma u s-sanità;

13. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' enfasi akbar fuq infrastruttura u komunitajiet tal-ilma u s-sanità sostenibbli u reżiljenti permezz tal-implimentazzjoni ta' komponenti għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u permezz tal-użu tal-għodod kollha meħtieġa għall-immappjar tar-riskju tal-ilma u s-sistemi ta' twissija bikrija; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Aċċeleratur għar-Reżiljenza tas-Servizzi tal-Ilma;

14. Jenfasizza l-ħtieġa li kwalunkwe rispons umanitarju ta' salvataġġ ikun marbut mal-iżvilupp ta' sistemi sostenibbli tal-ilma u tas-sanità għal kulħadd; jisħaq fuq l-importanza li jiġu mobilizzati r-riżorsi finanzjarji u l-assistenza teknika biex jiffaċilitaw il-bini tal-kapaċitajiet, sabiex jiġu ssodisfati l-aktar ħtiġijiet urġenti fil-provvista ta' servizzi essenzjali tal-ilma u tas-sanità f'perjodi ta' kriżi;

15. Ifakkar li l-Kummissjoni mmobilizzat kważi EUR 2.6 biljun matul il-perjodu 2014-2020 favur kwistjonijiet b'rabta mal-ilma, u jitlob li jitkomplew l-isforzi fil-kuntest tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali, li jmorru lil hinn minn 20 % tal-infiq għall-iżvilupp tal-bniedem, filwaqt li jiġi żgurat li proporzjon konsistenti ta' 30 % iddedikati għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jiġi allokat għat-tisħiħ tal-infrastrutturi tal-ilma u tas-sanità, sabiex jinqerdu l-faqar relatati mal-ilma u mas-sanità;

16. Jistieden lill-UE tipprovdi appoġġ aħjar lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta' investiment fl-istituzzjonijiet, il-kapaċitajiet, l-istrutturi ta' governanza u l-proċessi rilevanti sabiex jiġu żgurati kapaċitajiet u servizzi ta' ġestjoni tas-sanità u ta' ilma mormi ta' kwalità u sostenibbli, u tinvesti fit-tnaqqis tar-riskju tat-tniġġis u l-kontaminazzjoni tal-ilma, fl-iżvilupp ta' teknoloġiji għar-riċiklaġġ tal-ilma mormi, kif ukoll fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet innovattivi għall-ħolqien u l-ġestjoni ta' punti tal-ilma, faċilitajiet għall-ħasil tal-idejn u l-promozzjoni ta' prattiki ta' iġjene tajba għas-saħħa;

17. Jistieden lill-UE tinvesti wkoll fil-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi naturali (inklużi l-foresti, il-pjanuri tal-għargħar, l-artijiet mistagħdra, eċċ.), li spiss jipprovdu soluzzjonijiet ta' ġestjoni tal-ilma aktar kosteffettivi u sostenibbli minn rimedji infrastrutturali konvenzjonali f'termini ta' ħżin tal-ilma, trattament tal-ilma, kontroll tal-erożjoni, u avvenimenti moderati u estremi;

18. Jistieden lill-UE timmassimizza l-impatt tal-għajnuna fil-qasam tal-iżvilupp tal-bniedem billi tiżgura li s-servizzi WASH jiġu integrati fil-programmi u l-istrateġiji kollha tas-saħħa, in-nutrizzjoni, l-edukazzjoni, id-diżabilità u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bl-inklużjoni ta' miri u indikaturi dwar l-ilma, is-sanità u l-iġjene;

19. Jistieden lill-UE tappoġġa l-ġestjoni pubblika tal-ilma fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jisħaq fuq l-importanza li l-assistenza uffiċjali għall-iżvilupp tal-ilma, is-sanità u l-iġjene tal-UE tkun immirata lejn il-pajjiżi u l-komunitajiet bl-aktar dħul baxx;

20. Jiġbed l-attenzjoni għad-dimensjoni ġeostrateġika maġġuri u l-kwistjonijiet ta' sigurtà relatati mal-ilma; jissottolinja li l-aċċess għall-ilma jista' jwassal għal kunflitti f'daqqa u gwerer fuq l-ilma, li jistgħu jirriżultaw f'miljuni ta' vittmi u jwasslu għal żieda fil-migrazzjoni, b'mod partikolari l-ispostament furzat, li jirriżulta minn nixfiet, insigurtà tal-ikel jew karestija;

21. Jinnota bi tħassib li f'ħafna partijiet tad-dinja, l-arranġamenti kooperattivi għax-xmajjar, il-lagi u l-akwiferi transkonfinali huma nieqsa jew huma dgħajfa wisq biex jindirizzaw l-isfidi relatati mal-ilma li qed jikbru;

22. Jisħaq fuq il-benefiċċji ta' kooperazzjoni transkonfinali aħjar dwar l-ilma u governanza aktar b'saħħitha tas-sistemi tal-ilma bil-għan li titrawwem ir-rabta bejn l-ekosistemi, l-ilma, l-ikel u l-enerġija, jiġu evitati l-kunflitti u jiġu salvagwardjati l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma u l-protezzjoni tal-ekosistemi;

23. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa d-diplomazija dwar l-ilma u trawwem kooperazzjoni reġjonali fir-rigward tal-ilma, b'mod partikolari f'termini ta' ġestjoni kondiviża tar-riżorsi tal-ilma madwar il-286 baċir idrografiku transkonfinali; jitlob, barra minn hekk, l-iżvilupp ta' politiki u programmi operattivi li jindirizzaw l-isfidi tas-sigurtà, tal-ikel, tal-governanza u ambjentali relatati mal-baċiri idrografiċi transkonfinali, sabiex jiġi żgurat futur sigur u reżiljenti f'dawk iż-żoni;

24. Jinkoraġġixxi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jingħaqdu u jistinkaw għall-implimentazzjoni sħiħa taż-żewġ konvenzjonijiet globali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-ilma, jiġifieri l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ilma u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kanali tal-Ilma, bħala għodod importanti biex jiġu appoġġati d-diplomazija dwar l-ilma, il-paċi u l-prevenzjoni tal-kunflitti permezz ta' kooperazzjoni transkonfinali dwar l-ilma;

25. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kumplessità tad-domanda li qed tikkompeti u li qed tiżdied għar-riżorsi tal-ilma; jitlob appoġġ għal Tim Ewropa fit-tisħiħ ta' ġestjoni tal-ilma kkoordinata, koerenti, integrata u sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-użi varji tiegħu (l-agrikoltura, il-produzzjoni tal-ikel, is-sanità u s-saħħa, l-iġjene, il-produzzjoni tal-enerġija, id-domanda li tikkompeti mill-industrija, eċċ.), b'mod partikolari billi titqies l-imprevedibbiltà dejjem akbar tal-provvisti tal-ilma li tirriżulta mit-tibdil fil-klima;

26. Ifakkar li politiki ta' ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma kkoordinati, integrati u sostenibbli għandhom ikunu trasparenti u inklużivi, u għandhom jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni ta' diversi partijiet interessati fis-setturi kollha u fil-livelli kollha; jenfasizza l-importanza li jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-proġetti ta' investiment agrikolu u tal-enerġija;

27. Jirrimarka l-ħtieġa li l-użu tal-ilma jiġi rikonċiljat mal-applikazzjoni ta' teknoloġiji emerġenti għall-konservazzjoni, it-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilma u r-riċiklaġġ tal-ilma mormi sabiex jittejjeb il-mod kif jiġi pprovdut, ittrattat u mormi l-ilma;

28. Jistieden lill-UE tappoġġja l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma fis-settur agrikolu, li jimmobilizza aktar minn 70 % tar-riżorsi tal-ilma, permezz ta' investiment f'sistemi sostenibbli ta' irrigazzjoni u ħżin tal-ilma, permezz tal-ottimizzazzjoni u t-tnaqqis tal-użu tal-ilma ħelu fl-agrikoltura tul il-katina tal-provvista kollha, billi titnaqqas l-ħela tal-ikel u titrawwem agroekoloġija permezz tar-restawr tal-artijiet mistagħdra, kif ukoll permezz tat-tnaqqis, fejn possibbli, tal-użu ta' pestiċidi u fertilizzanti li joħolqu riskju ta' tniġġis tal-ilma, speċjalment għall-ilma ta' taħt l-art;

29. Ifakkar li l-aċċess għall-ilma huwa wkoll sfida għall-użu tal-enerġija kemm f'termini ta' produzzjoni kif ukoll ta' estrazzjoni; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li titrawwem ġestjoni aħjar tal-enerġija, kif ukoll soluzzjonijiet ta' użu mill-ġdid għall-ilma mormi trattat, sabiex jiġi limitat il-konsum tal-ilma ħelu permezz tat-trattament tal-ilma mormi;

30. Jitlob li jkun hemm mekkaniżmi effettivi ta' obbligu ta' rendikont għall-fornituri kollha tas-servizzi tal-ilma u tas-sanità biex jiġi żgurat li dawn jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u ma jwettqux ksur jew abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

31. Jisħaq fuq il-ħtieġa li fil-ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi jiġu inklużi d-drittijiet tal-ilma u obbligi legalment vinkolanti għall-kumpaniji tal-UE f'pajjiżi terzi biex jikkonformaw, pereżempju, mad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, anke meta joperaw barra mill-pajjiż;

32. Jisħaq li l-kumpaniji tal-UE li jinvestu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom joqogħdu lura milli jagħmlu pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma u l-artijiet lokali, speċjalment fis-setturi tal-agrikoltura u tal-industrija, u jevitaw l-ispekulazzjoni tal-ilma; jisħaq, fl-istess ħin, li l-ħtieġa għall-iżvilupp ekonomiku m'għandhiex tinċentiva lil dawn il-pajjiżi biex jiffukaw fuq attivitajiet intensivi fl-użu tal-ilma li jistgħu jipperikolaw l-aċċess tal-popolazzjonijiet tagħhom għall-ilma;

33. Iqis il-potenzjal tas-settur privat fil-provvista tal-ilma u jappella għal kollaborazzjoni msaħħa mal-SMEs u n-negozji bbażati lokalment li jistgħu japplikaw soluzzjonijiet siewja u approċċi innovattivi fit-tfassil, il-kostruzzjoni jew ir-riabilitazzjoni ta' servizzi tal-ilma eżistenti, jew fi proġetti oħra relatati mal-ilma;

34. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw ir-rispett minn impriżi kbar u s-sottokuntratturi rilevanti tagħhom għall-implimentazzjoni xierqa tal-istrateġiji ta' diliġenza dovuta u l-obbligi ta' rapportar (f'konformità mal-istandards tal-UE) dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-attivitajiet tal-ilma; jitlob li d-dritt ta' aċċess għall-ilma u drittijiet bażiċi oħra tal-bniedem jiġu kkunsidrati fil-proposta leġiżlattiva dwar id-diliġenza dovuta korporattiva;

35. Ifakkar li s-soluzzjonijiet u l-programmi jkunu aktar effettivi meta jitfasslu b'mod konġunt mal-għarfien lokali u l-parteċipazzjoni tal-komunità; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġati proġetti żgħar u mmexxija lokalment li għandhom impatt dirett fuq l-iżgurar u t-titjib tal-aċċess tal-popolazzjonijiet għall-faċilitajiet tal-ilma u tas-sanità, inkluż f'żoni rurali u f'komunitajiet kostali dipendenti fuq ir-riżorsi tal-baħar;

36. Iħeġġeġ li tingħata attenzjoni partikolari lin-nisa u l-bniet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, peress li spiss jiffaċċjaw ostakli partikolari fl-aċċess għall-ilma u s-sanità, fejn il-biċċa l-kbira tagħhom huma inkarigati bil-kompitu li jiksbu l-ilma minflok imorru l-iskola u, min-naħa l-oħra, huma mġiegħla jitilqu mill-iskola jekk ma jkunx hemm aċċess għal tojlits adegwati;

37. Jisħaq li n-nuqqas ta' aċċess għall-ilma jista' jxekkel b'mod sinifikanti d-drittijiet tan-nisa u l-bniet għall-edukazzjoni, is-saħħa, id-dinjità, in-nutrizzjoni u s-sikurezza, kif ukoll il-parteċipazzjoni politika u ekonomika tagħhom; jistieden lill-UE tappoġġa lin-nisa, inklużi dawk li jagħmlu parti minn minoranzi li huma diskriminati, fid-difiża tad-drittijiet tagħhom għall-ilma u tiżgura l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-proġetti relatati mal-aċċess għall-ilma;

38. Ifakkar li l-aċċess għal sorsi tal-ilma sikuri u mtejba huwa vitali għat-tfal li huma partikolarment f'riskju meta jkunu esposti għal nuqqas ta' iġjene, malnutrizzjoni u mard relatat mal-ilma;

39. Jistieden lill-UE, f'konformità mal-prinċipji ta' azzjoni stabbiliti fil-Linji Gwida tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, tiżgura l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ambjentali, b'mod partikolari d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-popli indiġeni u d-difensuri tal-art, li jistgħu jitqiegħdu f'periklu, jiġu diskriminati, ippersegwitati, kriminalizzati u maqtula, u li r-rwol tagħhom jista' jkun essenzjali fir-rigward tal-aċċess għall-ilma fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

40. Jistieden lill-UE tinkoraġġixxi r-rikonoxximent tal-ekoċidju bħala reat internazzjonali;

41. Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem b'rabta mal-Ilma tax-Xorb Sikur u s-Sanità, filwaqt li tagħti eżempji tanġibbli tal-attivitajiet imwettqa u l-impatt tagħhom.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

28.2.2022

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Barry Andrews, Eric Andrieu, Anna-Michelle Asimakopoulou, Hildegard Bentele, Dominique Bilde, Udo Bullmann, Catherine Chabaud, Antoni Comín i Oliveres, Ryszard Czarnecki, Gianna Gancia, Charles Goerens, Mónica Silvana González, Pierrette Herzberger-Fofana, György Hölvényi, Rasa Juknevičienė, Beata Kempa, Karsten Lucke, Pierfrancesco Majorino, Erik Marquardt, Janina Ochojska, Christian Sagartz, Tomas Tobé, Miguel Urbán Crespo, Bernhard Zimniok

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

María Soraya Rodríguez Ramos, Caroline Roose

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

25

+

ECR

Ryszard Czarnecki, Beata Kempa

ID

Dominique Bilde, Gianna Gancia

NI

Antoni Comín i Oliveres

PPE

Anna-Michelle Asimakopoulou, Hildegard Bentele, György Hölvényi, Rasa Juknevičienė, Janina Ochojska, Christian Sagartz, Tomas Tobé

Renew

Barry Andrews, Catherine Chabaud, Charles Goerens, María Soraya Rodríguez Ramos

S&D

Eric Andrieu, Udo Bullmann, Mónica Silvana González, Karsten Lucke, Pierfrancesco Majorino

The Left

Miguel Urbán Crespo

Verts/ALE

Pierrette Herzberger-Fofana, Erik Marquardt, Caroline Roose

 

1

-

ID

Bernhard Zimniok

 

0

0

 

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

12.9.2022

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

50

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alexandrov Yordanov, François Alfonsi, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Włodzimierz Cimoszewicz, Anna Fotyga, Michael Gahler, Raphaël Glucksmann, Bernard Guetta, Sandra Kalniete, Peter Kofod, Dietmar Köster, Andrius Kubilius, Leopoldo López Gil, Lukas Mandl, Pedro Marques, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Matjaž Nemec, Gheorghe-Vlad Nistor, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Manu Pineda, Giuliano Pisapia, Thijs Reuten, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Mounir Satouri, Andreas Schieder, Jordi Solé, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans, Thomas Waitz, Charlie Weimers, Isabel Wiseler-Lima, Bernhard Zimniok, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Engin Eroglu, Markéta Gregorová, Robert Hajšel, Andrzej Halicki, Javi López, Alessandra Moretti, Javier Zarzalejos

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Janina Ochojska, Sira Rego, Karlo Ressler, Eugenia Rodríguez Palop, Helmut Scholz, Miguel Urbán Crespo, Bettina Vollath

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

50

+

NI

Fabio Massimo Castaldo

PPE

Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Michael Gahler, Andrzej Halicki, Sandra Kalniete, Andrius Kubilius, Leopoldo López Gil, Lukas Mandl, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Gheorghe-Vlad Nistor, Janina Ochojska, Karlo Ressler, Isabel Wiseler-Lima, Javier Zarzalejos, Željana Zovko

RENEW

Petras Auštrevičius, Engin Eroglu, Bernard Guetta, Urmas Paet, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans

S&D

Maria Arena, Włodzimierz Cimoszewicz, Raphaël Glucksmann, Robert Hajšel, Dietmar Köster, Javi López, Pedro Marques, Alessandra Moretti, Matjaž Nemec, Demetris Papadakis, Giuliano Pisapia, Thijs Reuten, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Andreas Schieder, Bettina Vollath

THE LEFT

Manu Pineda, Sira Rego, Eugenia Rodríguez Palop, Helmut Scholz, Miguel Urbán Crespo

VERTS/ALE

François Alfonsi, Reinhard Bütikofer, Markéta Gregorová, Mounir Satouri, Jordi Solé, Thomas Waitz

 

3

-

ECR

Charlie Weimers

ID

Peter Kofod, Bernhard Zimniok

 

1

0

ECR

Anna Fotyga

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Settembru 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza