RAPPORT dwar il-futur tal-Arkitettura Finanzjarja Ewropea għall-Iżvilupp
9.11.2022 - (2021/2252(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Charles Goerens
Rapporteur għall-opinjoni tal-kumitati assoċjati skont l-Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura:
Angelika Winzig, Kumitat għall-Baġits
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-futur tal-Arkitettura Finanzjarja Ewropea għall-Iżvilupp
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew, u l-Kummissjoni Ewropea tat-30 ta' Jannar 2008 bit-titlu "Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja"[1],
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2014 bit-titlu "Tool-box – A rights-based approach, encompassing all human rights for EU development cooperation" (Sett ta' għodod – Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE) (SWD(2014)0152),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-NU tal-21 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Nittrasformaw id-Dinja tagħna: l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli", adottata fis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fi New York fil-25 ta' Settembru 2015, u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),
– wara li kkunsidra t-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp li saret f'Addis Ababa bejn it-13 u s-16 ta' Lulju 2015, u l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa,
– wara li kkunsidra l-ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2017 bit-titlu "Il-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp – Id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna"[2],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Persuni Għorrief dwar l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp ta' Ottubru 2019 bit-titlu "Europe in the World – the future of European financial architecture for development" (L-Ewropa fid-Dinja – il-futur tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp),
– wara li kkunsidra l-Istudju tal-Fattibbiltà tal-Kunsill tal-14 ta' April 2021 dwar il-possibbiltajiet li tissaħħaħ l-arkitettura finanzjarja Ewropea futura għall-iżvilupp,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar it-titjib tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp,
– wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni ta' 24 ta' Marzu 2022 għal arkitettura finanzjarja Ewropea mtejba għall-iżvilupp u r-rapport ta' progress tal-2021 (COM(2022)0139);
– wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt bejn il-BEI u l-BERŻ tal-25 ta' Novembru 2021 dwar azzjonijiet meħuda fil-kuntest tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-EFAD,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 7/2020 tal-11 ta' Settembru 2020 li takkumpanja r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 bit-titlu "Strateġija ġdida UE-Afrika – sħubija għal żvilupp sostenibbli u inklużiv"[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar ir-rapport ta' implimentazzjoni dwar il-Fondi Fiduċjarji tal-UE u l-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija[4],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-1 ta' Diċembru 2021 bit-titlu "Il-Portal Globali" (JOIN(2021)0030),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009[5],
– wara li kkunsidra s-sitt Summit tal-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana tas-17 u t-18 ta' Frar 2022 bit-titlu "Viżjoni Konġunta għall-2030",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 209 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), li huwa anness mat-Trattati u jistipula li l-BEI huwa l-istituzzjoni ta' finanzjament tal-Unjoni Ewropea, huwa esklużivament proprjetà tas-27 Stat Membru kollha tal-UE u għandu l-kompitu li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE għall-iżvilupp,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A9-0270/2022),
A. billi l-pandemija tal-COVID-19 aggravat id-distakk diġà sinifikanti fil-finanzjament tal-SDG u kkawżat tnaqqis ġenerali fir-riżorsi ta' USD 700 biljun, u, fl-istess ħin, żieda fil-ħtiġijiet ta' USD 1 triljun, u dan kkawża effett ta' mqass, b'mod li d-defiċit ta' finanzjament annwali tal-SDG fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li qabel il-pandemija kien jammonta għal USD 2.5 triljun, huwa mistenni li jiżdied b'70 % wara l-COVID-19, għal USD 4.2 triljun (EUR 3.7 triljun)[6];
B. billi hemm defiċit ta' finanzjament annwali ta' USD 148 biljun f'pajjiżi b'introjtu baxx u medju inferjuri fir-rigward tal-kisba tal-SDG 4 bejn issa u l-2030; billi hemm ir-riskju li l-ispejjeż addizzjonali dovuti għall-għeluq tal-iskejjel relatat mal-COVID-19 iżidu dan id-defiċit ta' finanzjament b'terz;
C. billi l-aggressjoni militari tar-Russja fl-Ukrajna aggravat drastikament is-sitwazzjoni tal-SDGs fl-Ukrajna u fil-pajjiżi ġirien tagħha; billi l-aggressjoni militari attwali fl-Ukrajna mir-Russja se jkollha impatt fuq l-implimentazzjoni tal-SDGs fuq livell dinji, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġlieda kontra l-faqar u l-ġuħ, li jżidu r-riskji ta' inkwiet ċivili, kunflitti u migrazzjoni irregolari akbar; billi l-konsegwenzi distruttivi kkawżati mill-att kriminali tal-gwerra ta' Putin iddevjaw b'mod sinifikanti r-riżorsi diġà skarsi tal-għajnuna għall-iżvilupp; billi l-konsegwenzi fit-tul ta' din il-gwerra għadhom mhumiex magħrufa; billi n-nuqqas kbir fil-finanzjament tal-SDG u l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19, li kienet devastanti madwar id-dinja li qed tiżviluppa, jirrikjedu rispons massiv u sostnut mill-atturi kollha tal-UE u rieżami tas-sistema kollha tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp (EFAD);
D. billi t-tmexxija politika u finanzjarja attwali tal-UE u l-isforzi tagħha mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-SDGs u l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u biex jiġu indirizzati sfidi globali akuti oħra, b'mod partikolari d-deterjorament tat-tibdil fil-klima, il-piż tad-dejn li żdied b'mod drammatiku tal-pajjiżi sħab, il-konsegwenzi tal-COVID-19 u l-kunflitti vjolenti, u għalhekk huwa meħtieġ impenn konġunt fil-livell internazzjonali biex jiġi żgurat li l-EFAD tkun tista' tindirizza dawn l-isfidi emerġenti;
E. billi sabiex effettivament jintlaħqu l-SDGs u tingħeleb il-pandemija tal-COVID-19, il-koerenza politika u l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet uffiċjali kollha tal-finanzjament għall-iżvilupp, l-azzjonisti statali tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-UE u s-sħab eżistenti kollha huma meħtieġa b'mod urġenti biex jiġi żgurat li l-flus pubbliċi skarsi jintużaw bl-aktar mod effettiv u effiċjenti; billi l-mobilizzazzjoni b'suċċess ta' aktar kapital, kemm privat kif ukoll pubbliku, flimkien mal-assistenza uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) u forom eżistenti oħra ta' finanzjament għall-iżvilupp, hija kritika u jeħtieġ li tiġi allinjata mal-objettivi tal-politika tal-iżvilupp, b'mod partikolari bil-ħsieb li jitnaqqsu l-inugwaljanzi u l-faqar bħala l-ewwel għan tal-Aġenda 2030;
F. billi, anke bil-ħsieb li jiġi żviluppat b'mod sostenibbli n-Nofsinhar Globali, huwa ta' importanza ewlenija li l-flussi tal-enerġija dinjija jiġu organizzati mill-ġdid fil-futur u li l-kontinent Afrikan ikollu rwol importanti; billi t-tisħiħ tar-rwol tiegħu fir-rigward tal-produzzjoni, l-użu u l-esportazzjonijiet tal-enerġija sostenibbli se jipprovdi l-opportunità għal żvilupp ekonomiku sostenibbli u orjentat lejn il-futur u jista' jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-maġġoranza kbira tal-popolazzjoni;
G. billi n-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel huwa ostaklu sinifikanti biex jintlaħqu l-SDGs, b'mod partikolari fl-Afrika, fejn 2 minn kull 10 persuni mhumiex mitmugħa biżżejjed; billi din l-isfida se ssir aktar akuta biss minħabba t-tkabbir tal-popolazzjoni; billi l-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi sħab jeħtieġ li tindirizza din l-isfida b'mod effettiv u sostenibbli;
H. billi l-istituzzjonijiet tal-UE u s-27 Stat Membru tal-UE flimkien jikkostitwixxu l-akbar donatur għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, responsabbli għal madwar 46 % tal-ODA totali pprovduta mill-membri kollha tal-ODA tal-OECD lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
I. billi l-ħolqien tal-approċċ ta' Tim Ewropa bħala r-rispons globali tal-UE għall-COVID-19 jista' jgħin biex jiġi stabbilit qafas ta' koordinazzjoni strateġiku uniku għar-rispons estern tal-UE għall-pandemija u sfidi maġġuri oħra, bħall-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tar-Russja fl-Ukrajna, b'appoġġ għall-pajjiżi sħab; billi dan l-approċċ huwa proċess promettenti li jippermetti aktar kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej bilaterali u multilaterali ta' finanzjament għall-iżvilupp, il-BEI u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), u b'hekk kontinwament iżid l-effikaċja u l-viżibbiltà kollettiva tal-UE;
J. billi d-dħul fis-seħħ tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI – Ewropa Globali), b'baġit globali ta' EUR 79.5 biljun, jikkostitwixxi bidla storika fil-politiki esterni u ta' żvilupp tal-UE, li twassal għar-razzjonalizzazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-infiq tal-UE għall-iżvilupp, u tagħti impetu ġdid lil kooperazzjoni akbar bejn l-atturi Ewropej għall-iżvilupp; billi l-NDICI – Ewropa Globali jimmodifika b'mod sinifikanti l-qafas ta' investiment estern, billi jiġbor flimkien il-finanzjament imħallat u l-garanziji fl-ambitu tal-Garanzija għall-Azzjoni Esterna (EAG) tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+); billi l-EFSD+ jespandi b'mod konsiderevoli l-ambitu ġeografiku u l-pakkett finanzjarju tal-predeċessur tiegħu, l-EFSD, u se jkun jista' jiggarantixxi operazzjonijiet sa EUR 53.4 biljun permezz tal-EAG; billi l-prinċipju tal-"politiki jiġu l-ewwel" fil-qalba tal-NDICI – Ewropa Globali jirrappreżenta bidla lejn il-kooperazzjoni mmexxija minn objettivi ta' politika u jiżgura li l-użu tal-garanziji baġitarji tal-UE jkun kopert mill-proċess ta' programmazzjoni;
K. billi l-EFSD+, stabbilit fl-qmbitu tal-istrument NDICI – Ewropa Globali, jipprovdi finanzjament għal operazzjonijiet ta' taħlit u ta' garanzija baġitarja, li għandhom jiġu implimentati minn sħab eliġibbli fil-qafas ta' approċċ miftuħ u kollaborattiv;
L. billi l-Artikolu 36 tal-NDICI – Ewropa Globali jistabbilixxi r-rwol speċifiku tal-BEI fl-ambitu ta' dak l-istrument;
M. billi l-kumpaniji u l-istituzzjonijiet ta' finanzjament tal-UE li joperaw f'pajjiżi li qed jiżviluppaw iffaċċjaw, matul l-aħħar għaxar snin, dejjem aktar kompetizzjoni inġusta minn atturi globali li joperaw barra mis-sistema multilaterali ta' finanzjament għall-iżvilupp, li tipprevedi sett internazzjonali ta' regoli u regolamenti, bħal rekwiżiti speċifiċi għall-ODA, il-krediti uffiċjalment appoġġati, is-self sostenibbli u s-sostenibbiltà tad-dejn, is-sussidji għall-esportazzjoni pprojbiti u standards internazzjonali għall-ġlieda kontra t-tixħim u l-korruzzjoni;
N. billi il-funzjonament tajjeb tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD) u l-appoġġ għall-Mobilizzazzjoni tar-Riżorsi Domestiċi (DRM) huma parti integrali mill-ġestjoni finanzjarja tajba u għandhom l-għan li jżidu l-effikaċja tal-għajnuna permezz ta' inizjattivi konkreti, bħall-appoġġ għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-iżvilupp ta' sistemi tat-taxxa progressivi u l-indirizzar tal-evitar u l-evażjoni tat-taxxa;
O. billi r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Persuni Għorrief maħruġ f'Ottubru 2019 inkluda fost ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu t-twaqqif ta' Bank Ewropew għall-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli (ECSDB), possibbiltà li ġiet immedjatament miċħuda mill-Istati Membri bħala għalja wisq u li tieħu wisq żmien biex tiġi implimentata fi ħdan il-perjodu baġitarju l-ġdid; billi, minflok, il-Kunsill għażel soluzzjoni alternattiva għal dawk issuġġeriti mill-Grupp ta' Livell Għoli ta' Persuni Għorrief, imsejħa Status Quo+, li ma tbiddilx fundamentalment l-istrutturi eżistenti iżda titlob it-titjib tagħhom; billi s-soluzzjoni Status Quo+ tipprevedi t-titjib li ġej mingħajr ebda spiża addizzjonali għall-Istati Membri: It-titjib tal-preżenza tal-BEI fuq il-post u l-bdil tal-mudell ekonomiku tiegħu għal wieħed aktar orjentat lejn il-banek għall-iżvilupp, biex b'hekk tiġi estiża gradwalment il-portata tal-azzjoni tal-BERŻ fl-Afrika sub-Saħarjana u tiżdied il-kapaċità tal-Kummissjoni, tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u tad-delegazzjonijiet tal-UE;
P. billi l-Istati Membri appellaw lill-banek għall-iżvilupp u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej biex iżidu l-kollaborazzjoni u l-koordinazzjoni tagħhom, kemm bejniethom kif ukoll ma' istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali u internazzjonali oħra, filwaqt li jibnu fuq il-punti b'saħħithom u l-għarfien espert ta' kull istituzzjoni, u b'hekk isaħħu l-effiċjenza, il-viżibbiltà u l-impatt tal-EFAD, u jinkoraġġixxu aktar mobilizzazzjoni tas-settur privat filwaqt li jikkomplementaw u jappoġġaw l-involviment tas-settur pubbliku.
Il-prinċipji u l-objettivi tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp
1. Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-EFAD u tal-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni għal arkitettura finanzjarja Ewropea mtejba u r-rapport ta' progress tal-2021 tal-24 ta' Marzu 2022 (COM(2022)0139); jissottolinja r-rwol fundamentali tal-NDICI-Ewropa Globali, tal-EFSD+ u tal-EAG fl-għoti ta' qafas strateġiku għall-finanzjament imħallat, għat-tneħħija tar-riskji u għall-garanziji u għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi mis-settur privat bis-sostenn tal-baġit tal-UE, speċjalment fid-dawl tal-kompetizzjoni ġeopolitika u ekonomika li qed tiżdied;
2. Jenfasizza li l-EFAD għandha tipprevedi arkitettura effiċjenti, effikaċi, koerenti u inklużiva, mirfuda mill-prinċipju "il-politika l-ewwel" bħala s-sinsla tal-istruttura tal-EFAD, u f'konformità mal-interessi u l-valuri strateġiċi tal-UE; jinsisti li s-sħab kollha inkarigati mill-implimentazzjoni li huma parti mill-EFAD u jaċċessaw il-fondi tal-baġit tal-UE fl-ambitu tal-EFSD+ japplikaw il-firxa sħiħa tal-istandards, il-politiki u l-proċeduri fil-qasam soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem, tal-akkwist, tat-trasparenza, tal-ambjent u tal-istat tad-dritt tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni taċċedi, timmonitorja u tirrapporta lura dwar il-konformità ma' dawn ir-regoli tal-UE. jisħaq li l-EFAD xprunata mill-prinċipju tal-"politiki jiġu l-ewwel" għandha tkun iggwidata mill-prinċipji u l-objettivi stabbiliti fl-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, fil-Ftehim ta' Pariġi u fl-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa, u għandha tikkontribwixxi għall-ksib tal-SDGs; itenni li l-proġetti li jinvolvu l-atturi tal-EFAD iridu jkunu soġġetti għall-verifika tas-sostenibbiltà klimatika, ambjentali u soċjali bil-ħsieb li jiġi minimizzat kwalunkwe impatt detrimentali possibbli u jiġu massimizzati l-benefiċċji fid-dimensjonijiet klimatiċi, ambjentali u soċjali, f'konformità mal-impenji tal-UE u tal-Istati Membri tagħha skont l-Artikolu 2.1(c) tal-Ftehim ta' Pariġi; jinsisti bil-qawwa li l-operazzjonijiet fil-qafas tal-EFAD il-ġdid jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih; jinsisti wkoll, f'dan il-kuntest, li l-operazzjonijiet li jinvolvu l-atturi tal-EFAD ma jiffinanzjawx setturi finanzjarji li jalimentaw il-kriżi klimatika iżda minflok jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn produzzjoni tal-enerġija sostenibbli; ifakkar li l-impenn politiku tal-UE għandu jkun inkorporat fil-qafas finanzjarju pluriennali tagħha u rifless bis-sħiħ fl-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp;
3. Jisħaq bil-qawwa li l-EFAD trid issaħħaħ is-sħubijiet strateġiċi bejn l-Unjoni Ewropea u s-sħab globali tagħha fil-qasam tal-iżvilupp; itenni li tali sħubijiet għandhom dejjem ikunu bbażati fuq ir-rispett reċiproku u d-dinjità, l-interessi u l-valuri kondiviżi, b'mod partikolari d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, ir-responsabbiltà ambjentali, soċjali u klimatika, is-saħħa u s-sigurtà, bl-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanzi u l-faqar; itenni li dawn is-sħubijiet għandhom dejjem jiġu stabbiliti f'konformità mal-SDGs u fi sforz biex dawn jintlaħqu; jindika, f'dan ir-rigward, l-influwenza multidimensjonali tar-reġim ta' Putin u l-appoġġ għalih mill-kontinent Afrikan u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu kuntatt ma' dawn il-pajjiżi sħab Afrikani u jistabbilixxu sħubijiet affidabbli; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-NGOs, inklużi l-organizzazzjonijiet lokali, fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' tali sħubijiet; jissottolinja li prerekwiżit għall-proġetti ta' sħubija ffinanzjati permezz tal-EFAD huwa li jiġu żgurati l-iżvilupp u l-addizzjonalità finanzjarja, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-pajjiż u l-effikaċja tal-iżvilupp; huwa favur il-politiki u l-inizjattivi tal-UE li jappoġġjaw il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-politika tal-iżvilupp, u l-azzjonijiet tal-UE li jikkomplementaw u jappoġġjaw l-inizjattivi tal-Istati Membri; jenfasizza li l-qerda tal-faqar (SDG 1), it-trawwim ta' saħħa tajba u benesseri (SDG 3), l-iżgurar ta' aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għal kulħadd (SDG 4), it-tnaqqis tal-inugwaljanzi (SDG 10) u l-promozzjoni tal-azzjoni klimatika (SDG 13), huma sfidi partikolarment akuti fid-dinja tal-lum, u li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi l-aktar emarġinati u li ħadd ma jitħalla jibqa' lura; jinsisti wkoll li għandha tittieħed aktar azzjoni biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' investiment għall-industriji sostenibbli tal-oċeani, peress li l-SDG 14 dwar "il-ħajja taħt l-ilma" jibqa' wieħed mill-aktar għanjiet sottofinanzjati mill-SDGs kollha;
4. Jissottolinja l-interkonnessjoni bejn l-għajnuna umanitarja, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-paċi; jenfasizza r-rwol li għandu l-iżvilupp fil-prevenzjoni tal-kunflitti, fl-iżgurar ta' ħruġ dejjiemi mill-kunflitti u fit-tisħiħ tal-ġestjoni tal-kriżijiet; jinsisti fuq l-importanza li tiġi żviluppata aktar rabta tripla mfassla tajjeb iffukata fuq irkupru fit-tul strutturali, sostenibbli u ċċentrat fuq in-nies, sabiex jiġu indirizzati l-kumplessitajiet ta' kriżijiet fit-tul u prevedibbli u sitwazzjonijiet vjolenti; ifakkar li, mingħajr il-paċi u s-sigurtà, l-iżvilupp u l-qerda tal-faqar mhumiex possibbli, filwaqt li mingħajr l-iżvilupp u l-qerda tal-faqar, il-paċi sostenibbli, is-sigurtà tal-bniedem jew tal-istat ma jistgħux jiġu stabbiliti; jinnota wkoll li nuqqas ta' sigurtà jaggrava l-vulnerabbiltajiet diġà eżistenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jżid id-defiċit ta' finanzjament għall-ksib tal-SDGs; jieħu nota tal-fatt li s-sigurtà, l-istat tad-dritt u l-istituzzjonijiet reżiljenti huma essenzjali għall-investimenti u għall-iżvilupp sostenibbli; Jieħu nota tal-attivitajiet tal-partijiet ikkonċernati lokali, inklużi l-korpi tal-gvern lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet ibbażati fuq it-twemmin fil-qasam tar-riżoluzzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti, li jikkontribwixxu għall-paċi u s-sigurtà; ifakkar li l-ODA għandha dejjem tintuża f'konformità mal-objettivi ta' żvilupp maqbula internazzjonalment u l-NDICI – Ewropa Globali;
5. Jenfasizza r-rwol ta' approċċ kollettiv u koerenti tal-UE, appoġġjat u approvat mill-Istati Membri kollha tal-UE, li huwa adattat sew fuq livell politiku u mfassal għall-ispeċifiċitajiet tal-pajjiż sieħeb, u li jista' jkun effettiv fit-trawwim tal-espansjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali li huma konformi mal-konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO, u tas-servizzi pubbliċi essenzjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jirrimarka li tali approċċ tal-UE jgħin biex il-protezzjoni soċjali ssir waħda mill-pedamenti tal-kuntratt soċjali, u b'hekk iwitti t-triq għal reżiljenza msaħħa; iqis il-finanzjament imħallat bħala għażla mis-sett ta' għodod għall-finanzjament tal-iżvilupp li tista' tikkomplementa l-investiment pubbliku f'kuntest baġitarju ristrett; jitlob li l-operazzjonijiet ta' taħlit ikunu limitati għal dawk l-oqsma fejn jistgħu jżidu l-valur lill-ekonomija lokali u jitlob, f'dan il-kuntest, li ssir valutazzjoni bir-reqqa, b'mod partikolari meta fil-mira jkun hemm il-pajjiżi l-anqas żviluppati, bil-għan li jiġu limitati l-piżijiet tad-dejn, jiġu salvagwardjati s-servizzi pubbliċi essenzjali bħas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali, u li l-inugwaljanzi eżistenti ma jitwessgħux;
6. Jissottolinja li l-koerenza fil-politiki, l-istrateġiji, l-inizjattivi u l-istrumenti ta' finanzjament kollha tal-UE, b'mod partikolari l-istrument NDICI – Ewropa Globali l-ġdid, l-inizjattiva Tim Ewropa u l-istrateġija l-ġdida tal-Portal Globali, kif ukoll l-allinjament mill-qrib mal-istrateġija tal-UE għall-PCD u l-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp Sostenibbli (PCSD) huma essenzjali sabiex jiġi massimizzat ir-rispons globali tal-UE għat-tkabbir sostenibbli, l-iżvilupp u l-paċi; jemmen li l-EFAD għandha ttejjeb il-viżibbiltà tal-UE u l-impatt tal-finanzjament tagħha għall-iżvilupp fid-dinja, sabiex jiġi żgurat li r-rwol perċepit tal-UE fid-dinja jaqbel mal-kobor tal-appoġġ li hija tagħti;
7. Huwa allarmat dwar kif il-pandemija tal-COVID-19 esponiet l-ixprunaturi strutturali fit-tul tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa; jemmen li l-EFAD għandha tikkontribwixxi għal investimenti f'sistemi tas-saħħa pubblika reżiljenti, fil-kura tas-saħħa u s-servizzi tal-kura tas-saħħa, u fir-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġiji tas-saħħa ġodda, kif ukoll ta' vaċċini, trattamenti u li għandha tikkonċentra fuq mard li huwa rikorrenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob li tiġi esplorata l-possibbiltà li tinħoloq pjattaforma għall-kondiviżjoni tal-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-għarfien u l-għarfien espert, li tappoġġja s-sħubijiet bejn diversi partijiet ikkonċernati, trawwem id-djalogu pubbliku-privat u tesplora soluzzjonijiet kummerċjali innovattivi biex jiġi aċċellerat l-iżvilupp sostenibbli; jissottolinja r-rwol tal-investimenti pubbliċi u privati u s-sħubijiet pubbliċi-privati, kif ukoll l-importanza tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali fil-pajjiżi sħab u użu aktar effiċjenti tal-finanzjament tal-UE biex jimtela' d-defiċit ta' finanzjament ta' USD 2.5 triljun identifikat biex jintlaħqu l-SDGs sal-2030, filwaqt li tissaħħaħ il-governanza tajba u tiġi miġġielda l-korruzzjoni;
L-isfidi li għandhom jiġu indirizzati
8. Jissottolinja li l-pajjiżi żviluppati kif ukoll dawk li qed jiżviluppaw jikkondividu bejniethom ir-responsabbiltà li jinkisbu l-SDGs. jenfasizza li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi sħab għandha tippermetti lill-pajjiżi sħab jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom stess u jiksbu l-SDGs; jissottolinja l-importanza kbira tal-parteċipazzjoni tal-pajjiż f'dan il-kuntest; jenfasizza li l-EFAD u l-istrateġija tal-SDGs tal-UE li ilha mistennija jridu jirriflettu u jiffaċilitaw sett koordinat u koerenti ta' politiki u ta' impenji interni u esterni tal-UE, anki permezz ta' sett ta' għodod eżistenti fil-qasam tal-politika ta' żvilupp; jissottolinja li l-finanzjament pubbliku u privat irid ikun allinjat mal-għanijiet tal-SDGs u tal-Ftehim ta' Pariġi; jiddispjaċih, f'dak il-kuntest, li l-Kummissjoni għadha ma żviluppatx strateġija integrata u olistika għall-implimentazzjoni tal-SDGs, u dan jikkostitwixxi sfida sinifikanti fir-rigward tal-ambizzjoni li tinkiseb il-koerenza politika, minħabba n-nuqqas ta' miri ċari, miżurabbli u marbuta biż-żmien fil-livell tal-UE għall-SDGs kollha bħala parametru referenzjarju ta' rapportar;
9. Jemmen li l-EFAD għandha tkun ibbażata fuq l-għarfien espert u n-networks eżistenti tal-atturi differenti kollha tagħha (jiġifieri l-BEI, il-BERŻ, l-Istituzzjonijiet Ewropej ta' Finanzjament għall-Iżvilupp (DFIs) u oħrajn); jirrikonoxxi l-progress u t-titjib li sar fir-rigward tal-EFAD futur b'segwitu tal-konklużjonijiet tal-Kunsill, iżda jinnota li l-istatus quo attwali għadu kkaratterizzat minn nuqqas ta' orjentament politiku u koordinament, kif ukoll minn frammentazzjoni, duplikazzjoni u kompetizzjoni kontinwa li ma tgħinx bejn l-atturi msemmijin hawn fuq; jappella għal aktar sforzi biex jittejbu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni biex is-sistema attwali ssir aktar effettiva, kollaborattiva u ċċentrata fuq l-iżgurar tal-użu ottimali tar-riżorsi li jimmobilizza l-għarfien espert ġeografiku, settorjali u finanzjarju relevanti tas-sħab ewlenin, biex jinkiseb rendiment aħjar ta' flus il-kontribwenti tal-UE u impatt aktar b'saħħtu f'termini ta' żvilupp;
10. Jirrikonoxxi l-ħtieġa li tissaħħaħ u tittejjeb l-istruttura istituzzjonali tal-UE, u li jiġi indirizzat id-"defiċit tal-effikaċja tal-iżvilupp" tagħha, li jitnaqqas il-piż tail-koordinazzjoni burokratika u tissaħħaħ il-flessibbiltà istituzzjonali bil-ħsieb li jiġi massimizzat il-potenzjal tal-EFAD u jiżdied l-impatt tagħha fuq l-iżvilupp;
11. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq governanza effettiva tal-istrateġija tal-Prtal Globali, li għandha tiġi promossa taħt id-direzzjoni ġenerali tal-President tal-Kummissjoni, u tikkoordina mill-qrib f'dan ir-rigward mal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, is-SEAE, il-Kunsill u l-Parlament; jissottolinja li l-istrateġija għandha tkun konsistenti mal-EFAD u li rikors għar-riżorsi intiżi għall-isfidi u l-prijoritajiet emerġenti tal-NDICI – Ewropa Globali għall-finanzjament mhuwiex xieraq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar il-kalkolu tagħha tal-proporzjon ta' ingranaġġ għall-operazzjonijiet ta' investiment tal-Portal Globali tal-UE mħabbra reċentement;
12. Jinsab imħasseb li l-karatteristiċi ewlenin tal-prinċipju tal-PCSD huma sistematikament neqsin mill-inizjattivi regolatorji tal-UE; jenfasizza li huma meħtieġa aktar sforzi biex ikun hemm konformità sħiħa mal-prinċipji tal-PCSD, sabiex jinkisbu l-objettivi tal-effikaċja tal-għajnuna; jinsisti li l-mekkaniżmi għall-iżgurar tal-PCSD iridu jiġu minquxa fl-EFAD; jitlob aktar valutazzjonijiet tal-impatt ex ante u l-istabbiliment ta' sistema ta' twissija bikrija għall-inkoerenzi politiċi fid-delegazzjonijiet tal-UE; jirrakkomanda li l-PCSD tintuża b'mod aktar sistematiku u effiċjenti mill-istituzzjonijiet rilevanti kollha tal-UE u mill-Istati Membri, inkluż fl-ogħla livell politiku, u għandha tiġi integrata fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' kull varjetà ta' politika tal-UE sabiex jiġi żgurat li dawn ma jaffettwawx b'mod negattiv il-kisba tal-SDGs; ifakkar li l-mekkaniżmi tal-PCSD għandhom jiġu implimentati wkoll mill-BEI, il-BERŻ, id-DFIs u l-intermedjarji tagħhom; jenfasizza li l-PCSD jeħtieġ li tiġi integrata b'mod partikolari fil-politiki esterni tal-UE u tiġi indirizzata sabiex jintlaħqu l-SDGs;
13. Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb ir-regolamentazzjoni bl-għan li jinħolqu investimenti sostenibbli fit-tul li jippromwovu s-saħħa u l-benesseri kemm tan-nies kif ukoll tal-pjaneta, u li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem; jitlob li l-EFAD tkun konsistenti mal-leġiżlazzjoni futura tal-UE dwar id-diliġenza dovuta u r-responsabbiltà korporattiva, filwaqt li tiżgura l-konformità korporattiva mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżviluppi regolatorji, id-diliġenza dovuta obbligatorja u l-aderenza mal-impenji internazzjonali relatati man-negozju u d-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja li l-EFAD trid tissodisfa l-ogħla standards ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont; jistieden lill-membri tal-EFAD isaħħu d-diliġenza dovuta tal-operazzjonijiet tagħhom, jiżguraw konsultazzjoni sinifikanti tal-popolazzjoni lokali matul l-implimentazzjoni tal-proġetti, jiżviluppaw aktar l-għarfien espert tagħhom dwar l-iżvilupp u l-kapaċità ddedikata u r-riżorsi umani fuq il-post, jimplimentaw l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem fl-operazzjonijiet kollha, ikunu mgħammra b'mekkaniżmi sodi ta' obbligu ta' rendikont għall-komunitajiet milquta u jimmonitorjaw mill-qrib, u jirrapportaw dwar, in-nuqqasijiet tal-involviment tagħhom u r-rwol tal-intermedjarji tagħhom fi proġetti li kellhom impatt negattiv fuq il-popolazzjonijiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
14. Jafferma mill-ġdid li s-sħab ta' implimentazzjoni u l-intermedjarji finanzjarji kollha involuti fi proġetti marbuta mal-garanziji tal-UE jew iffinanzjati mill-baġit tal-UE jeħtiġilhom jikkonformaw bis-sħiħ mal-istandards, il-politiki, ir-regoli u l-proċeduri tal-UE fil-qasam soċjali u ambjentali, u l-oqsma tat-taxxa, tat-trasparenza, tal-ġlieda kontra l-frodi u kontra l-korruzzjoni tal-UE; jistieden lill-Qorti Ewopea tal-Awdituri tiskrutinizza bis-sħiħ u tirrapporta regolarment dwar operazzjonijiet appoġġjati minn garanziji mill-baġit tal-UE, u tindirizza kwalunkwe nuqqas fil-metodi ta' ħidma tagħha li attwalment mhux qed iħalluha tagħmel dan; jissottolinja l-importanza li ssir evalwazzjoni indipendenti tal-EFSD+ u tal-approċċ Tim Ewropa f'ħin utli biex jiġu vvalutati l-effikaċja u l-prestazzjoni tagħhom u l-impatt għall-iżvilupp tagħhom;
15. Jinnota li l-approċċ ta' Tim Ewropa tfaċċa bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19; jemmen li l-approċċ ta' Tim Ewropa għandu jkollu rwol ewlieni fit-titjib ulterjuri tal-kooperazzjoni strateġika u l-koordinazzjoni globali u l-koerenza u l-effettività tal-isforzi għall-iżvilupp, speċjalment fil-livell tal-pajjiżi sħab, kif ukoll fil-livell tal-UE u tal-istat Membru, anki fil-livell ta' gvern reġjonali; jistenna direzzjoni u fokus tal-politika aktar b'saħħithom, u mekkaniżmi aktar b'saħħithom għall-komunikazzjoni u l-viżibbiltà fir-rigward tal-istrument EFSD+/NDICI – Ewropa Globali; jinsisti wkoll fuq l-implimentazzjoni xierqa tal-mekkaniżmu ta' skrutinju tal-Parlament Ewropew sabiex tkun tista' tiġi garantita l-leġittimità demokratika tal-attivitajiet ta' Tim Ewropa;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq orjentazzjoni politika qawwija tal-UE għall-politiki tal-iżvilupp u tikkoordina l-EFAD b'mod li jippermetti aktar allinjament tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE għall-iżvilupp fi ħdan l-arkitettura miftuħa, kollaborattiva, trasparenti u inklużiva l-ġdida sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika tal-iżvilupp, jissaħħu s-sħubijiet mill-qrib mar-reġjuni u jingħata kontribut għall-iżvilupp tagħhom;
17. Jenfasizza li l-proċess ta' programmazzjoni NDICI – Ewropa Globali jipprovdi l-opportunità biex jissaħħaħ l-użu tal-garanziji baġitarji tal-UE, b'mod partikolari l-EFSD+; jissottolinja li l-arkitettura finanzjarja futura għandha tippermetti lill-atturi finanzjarji tal-iżvilupp kollha interessati jipparteċipaw, inklużi l-atturi żgħar u ta' daqs medju u l-banek tal-iżvilupp u partijiet ikkonċernati mhux tal-UE; jitlob, f'dan il-kuntest, li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi sodi f'termini tal-governanza tal-EFSD+ u aċċess għar-riżorsi tal-UE; jisħaq fuq l-importanza ta' qafas adegwat ta' ġestjoni tar-riskju u tal-ġestjoni effettiva u ta' sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-finanzjament għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni tuża r-riżorsi attwali tagħha ta' għarfien espert fil-qasam bankarju u l-kapaċitajiet finanzjarji u tekniċi tagħha b'mod aktar effikaċi;
18. Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-ewwel pjan direzzjonali tal-Kummissjoni għal arkitettura finanzjarja Ewropea mtejba għall-iżvilupp u r-rapport ta' progress tal-2021; ifakkar li l-NDICI – Ewropa Globali jirrikjedi li l-Kummissjoni tiżvela lill-Kunsill u lill-Parlament il-kompożizzjoni, it-termini ta' referenza u r-regoli ta' proċedura tal-grupp ta' valutazzjoni teknika u li tiżgura l-imparzjalità u n-nuqqas ta' kunflitti ta' interess tal-membri tiegħu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi miżuri simili biex tiżgura t-trasparenza u l-imparzjalità tal-grupp ta' esperti ta' livell għoli li se jipprovdu lill-Kummissjoni b'rakkomandazzjonijiet dwar it-tħaffif ulterjuri tal-fluss tal-kapital privat lejn pajjiżi b'introjtu baxx u medju;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-EFAD issegwi l-għan tal-irkupru tas-sistema finanzjarja multilaterali għall-iżvilupp sabiex tgħin jintemmu l-prattiki ta' self mhux sostenibbli ta' xi pajjiżi li joperaw barra minn dik is-sistema, li mhux biss jheddu l-kundizzjonijiet ekwi għall-UE u pajjiżi oħra konformi, iżda wkoll iżidu b'mod drammatiku d-dejn estern diġà għoli ta' ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw li saru saħansitra aktar vulnerabbli bħala konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19; jenfasizza f'dan l-isfond li l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna qed tkompli taggrava l-piż tad-dejn f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li l-pajjiżi l-anqas żviluppati ma jistgħux jimplimentaw l-SDGs mingħajr appoġġ finanzjarju u għalhekk jappella bil-qawwa għal miżuri ta' ħelsien mid-dejn f'konformità mal-impenji ta' sostenibbiltà;
20. Iqis li t-tassonomija tal-UE għandha tikkontribwixxi għar-riorjentazzjoni tal-flussi kapitali lejn investimenti sostenibbli u tintroduċi s-sostenibbiltà fost il-kriterji li għandhom jitqiesu għall-ġestjoni tar-riskju; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa t-tassonomija tal-UE u tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri, kif ukoll lill-atturi privati attivi fl-iżvilupp, biex jallinjaw l-attivitajiet tagħhom, b'mod partikolari dawk fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, mal-objettivi tal-SDGs u mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;
Istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u nazzjonali
21. Jafferma mill-ġdid ir-rwol speċifiku tal-BEI fl-UE kif ukoll globalment – kif stabbilit fl-Artikolu 209 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 36 tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali; jenfasizza r-rwol importanti tal-BEI fit-twettiq tal-investimenti tal-UE u fis-sħubija mal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Global Gateway;
22. Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-BEI fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fl-ekonomija blu sostenibbli, u l-kontribut sostanzjali tiegħu għar-rispons ekonomiku tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19; jitlob lill-UE tkompli timmassimizza l-potenzjal tal-BEI bħala għodda biex tingrana l-awtonomija strateġika tal-UE u tippromwovi l-interessi u l-prijoritajiet tal-politika esterna tagħha fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi mhux tal-UE; jistieden lill-BEI jtejjeb il-politiki u l-prattiki tiegħu u t-trasparenza tiegħu, b'mod partikolari billi jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet ifformulati mill-Ombudsman Ewropew biex "jieħu diversi passi ta' trasparenza biex il-pubbliku jkun jista' jara aktar faċilment l-impatt ambjentali potenzjali tal-proġetti li jiffinanzja", kif stabbilit fil-każijiet 1065/2020/PB, 1251/2020/PB u 1252/2020/PB;
23. Jilqa' t-twaqqif ta' BEI Globali, definit mill-BEI bħala fergħa ddedikata għall-iżvilupp fi ħdan il-Grupp tal-BEI, li ilha topera mill-1 ta' Jannar 2022; jistieden lill-BEI jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fil-post, filwaqt li jisfrutta s-sinerġiji possibbli mas-SEAE, id-delegazzjonijiet tal-UE, il-BERŻ u DIFs Ewropej oħra; jirrimarka li n-nuqqas ta' informazzjoni dwar kif il-BEI Globali huwa ffinanzjat jipperikola l-mandat tiegħu mill-bidu nett, anke fid-dawl tal-impenji ta' din l-entità l-ġdida f'termini ta' objettivi ta' żvilupp; jitlob, għalhekk, mandat ta' żvilupp konkret u b'saħħtu għall-BEI Globali l-ġdid; jistenna li din l-istruttura l-ġdida u l-bord konsultattiv tagħha, l-għanijiet u d-dispożizzjonijiet baġitarji tagħha, il-funzjonament organizzattiv u l-għanijiet speċifiċi tal-fergħa, kif ukoll il-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni tagħha ma' istituzzjonijiet oħra tal-iżvilupp finanzjarju, ikunu kompletament trasparenti, inkluż billi jippubblikaw dokumenti b'mod proattiv, billi jiżguraw rappreżentanza sinifikattiva tal-pajjiżi ta' oriġini u permezz ta' skambji regolari mal-Parlament Ewropew u djalogu miftuħ mal-partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-atturi lokali;
24. Iħeġġeġ lill-BEI jkompli jinvolvi ruħu b'mod attiv fl-iżvilupp tal-ippjanar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni fil-livell tal-pajjiżi, id f'id mad-delegazzjonijiet tal-UE u permezz ta' kofinanzjament mal-istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp; jappella għal koordinazzjoni aktar b'saħħitha bejn il-Kummissjoni u s-SEAE u d-delegazzjonijiet tal-UE biex jiġu ffaċilitati d-diskussjonijiet u l-kooperazzjoni mal-atturi rilevanti fuq il-post sabiex jiġu identifikati proġetti li jissodisfaw bl-aħjar mod l-objettivi tal-effettività tal-iżvilupp;
25. Iħeġġeġ lill-BEI u lill-BERŻ ikomplu jsaħħu l-komplementarjetà tagħhom u l-mudelli kummerċjali tagħhom permezz ta' inizjattivi ta' dipendenza reċiproka akbar, peress li l-ħtiġijiet huma akbar mir-riżorsi konġunti tagħhom; jistieden lill-BEI u lill-BERŻ jikkoordinaw il-ħidma tagħhom tul trajettorji differenti u jiċċaraw id-diviżjoni tax-xogħol tagħhom sabiex jgħinu lil kull bank jiffoka fuq il-kompetenzi ewlenin rispettivi tiegħu, u b'hekk jiġu evitati d-duplikazzjoni u t-twaqqigħ tal-prezz; jinnota li hemm bżonn li l-metodi ta' ħidma u l-għodod tal-BEI u tal-BERŻ jiġu adattati għall-ħtiġijiet ta' investiment fl-Afrika, b'mod partikolari sabiex jiġu ffaċilitati l-investimenti fuq skala kbira, filwaqt li jinżamm l-appoġġ tal-UE għal proġetti lokali fuq skala iżgħar; jirrimarka li huwa kruċjali li l-investimenti Ewropej ikunu akkumpanjati minn preżenza viżibbli tal-UE u djalogu politiku kontinwu; jinnota li l-EFAD jeħtieġ li timmassimizza l-vantaġġi tal-isfondi strutturali u l-metodi ta' ħidma differenti tal-banek tal-iżvilupp u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej eżistenti sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-kontribut tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli; jistenna li l-BEI, il-BERŻ u DFIs Ewropej oħra jiżguraw u jipprovdu evidenza fil-forma ta' valutazzjonijiet tal-impatt ex ante li kull proġett, u b'mod partikolari proġetti ta' finanzjament imħallat, jikkontribwixxu għall-għanijiet ta' żvilupp tal-UE, inklużi dawk li jikkonċernaw il-pajjiżi l-anqas żviluppati, u jilħqu standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni, lill-BEI, lill-BERŻ u lid-DFIs Ewropej jiżguraw li t-timijiet ta' assistenza konsultattiva u teknika tagħhom ikunu mgħammra biex ikomplu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-iżvilupp inklużiv;
26. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-BEI, lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u lill-banek tal-iżvilupp u lill-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej l-oħra, inklużi DFIs iżgħar, isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom, b'mod partikolari fil-qafas tal-NDICI – Ewropa Globali u l-objettivi tiegħu, kif ukoll fil-kisba globali tal-għanijiet tal-Aġenda 2030, u jħeġġuhom jiġbru flimkien ir-riżorsi u l-finanzjament, u jsaħħu l-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni fi proġetti komuni, billi jużaw l-għarfien espert finanzjarju rispettiv tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni jkollha rwol aktar b'saħħtu fl-għoti ta' assistenza teknika għall-proġetti u fl-assistenza lid-DFIs u lil atturi oħra għall-iżvilupp fil-koordinazzjoni; jappella għal approċċ inklużiv lejn id-DFIs iżgħar tal-Istati Membri fl-aċċess għall-finanzjament taħt l-arkitettura Ewropea tal-finanzjament għall-iżvilupp;
27. Jissottolinja l-importanza li jintużaw b'mod aktar effiċjenti s-sinerġiji u li jiġu armonizzati aħjar l-inizjattivi ta' finanzjament tal-BERŻ, il-BEI u DFIs oħra li qed jimmiraw lejn il-pajjiżi tal-viċinat Ewropej, b'importanza partikolari mogħtija lill-pajjiżi kandidati tal-UE; ifakkar, fl-isfond tal-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna, li l-finanzjament Ewropew fil-pajjiżi tal-viċinat u dawk kandidati huwa komponent indispensabbli tar-riformi meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-kriterji tal-adeżjoni, f'konformità mal-interessi tal-politika barranija tal-UE;
28. Jistieden lill-BEI jaħdem aktar mill-qrib mal-Bank Afrikan tal-Iżvilupp u jivvaluta l-vantaġġi tal-istabbiliment ta' sussidjarja konġunta wara l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni ta' sħubija bejn il-BEI u l-Bank Afrikan tal-Iżvilupp li għaddej bħalissa; jistieden lill-BEI jirrapporta lill-Parlament dwar il-passi meħuda li jmiss; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu ffinanzjati investimenti fit-tul li jrawmu l-iżvilupp sostenibbli u li jibnu fuq il-kooperazzjoni sal-lum, sabiex jiġu żviluppati aktar opportunitajiet ta' żvilupp sostenibbli għall-kontinent Afrikan; jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' ċentri ta' proġetti u ta' konsulenza, operati b'mod konġunt mill-BEI u l-Bank Afrikan tal-Iżvilupp, biex jinħolqu punti ta' kuntatt effettivi għall-konsulenza u l-bidu ta' proġetti għall-atturi lokali u biex jiġu ssodisfati aħjar il-ħtiġijiet ta' żvilupp fuq il-post, kif ukoll tittejjeb is-sjieda lokali għal proġetti ta' żvilupp komuni; jitlob, f'dan ir-rigward, appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat lokali fl-Afrika, b'mod partikolari bis-saħħa tal-għoti ta' aktar fondi lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju Afrikani;
29. Jisħaq, f'dan il-kuntest, li b'mod ġenerali, is-sjieda lokali u approċċ kollaborattiv u inklużiv huma meħtieġa u għandhom ikunu mirfuda minn qafas b'saħħtu għal konsultazzjonijiet lokali sistematiċi mal-partijiet ikkonċernati u l-benefiċjarji sabiex jinkiseb impatt dejjiemi fuq l-iżvilupp; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta kif il-qafas għal konsultazzjonijiet lokali sistematiċi mal-partijiet ikkonċernati u l-benefiċjarji jista' jittejjeb aktar;
30. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp tal-Istati Membri jkomplu jespandu l-inklużjoni finanzjarja biex jappoġġaw l-aċċess għal finanzjament sostenibbli għal dawk l-aktar fil-bżonn, inklużi n-nisa, peress li dan jikkontribwixxi għall-emanċipazzjoni ekonomika tagħhom; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-EFAD jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni sħiħa tat-tielet pjan ta' azzjoni tal-UE dwar il-ġeneru; ifakkar fil-mira li mill-anqas 85 % tal-azzjonijiet ikollhom l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala objettiv prinċipali jew sinifikanti, li minnhom mill-anqas 5 % għandu jkollhom l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet bħala objettivi prinċipali; jitlob li l-operazzjonijiet kollha tal-EFAD ikollhom l-obbligu li jiġbru data diżaggregata skont il-ġeneru, u li jkunu jinkludu evalwazzjonijiet tal-impatt fuq il-ġeneri ex ante kif ukoll ex post;
31. Iħeġġeġ lill-banek u lill-istituzzjonijiet kollha tal-iżvilupp jagħmlu impenji sostenibbli u investimenti kuraġġużi f'konformità mal-objettivi tal-politika tal-iżvilupp, b'mod partikolari t-tnaqqis tal-inugwaljanzi u l-qerda tal-faqar, aktar milli f'termini ta' redditu fuq l-investiment; jirrikonoxxi, għalhekk, l-importanza li jitħeġġu investimenti aktar riskjużi f'kuntesti ta' żvilupp aktar problematiċi, bħal fil-pajjiżi l-anqas żviluppati jew fraġli, u f'setturi li mhumiex moqdija biżżejjed, bħas-setturi tal-klima, il-bijodiversità u l-edukazzjoni u s-saħħa; jissottolinja, fl-istess ħin, il-ħtieġa li jiġi mminimizzat kwalunkwe riskju assoċjat għall-baġit tal-UE, bħal żieda fid-domandi f'dawk li huma garanziji baġitarji tal-UE, u li tiġi ppreservata l-klassifikazzjoni tal-kreditu għolja tal-BEI; iħeġġeġ lid-DFIs jieħdu aktar riskju fil-programmi ta' investiment tagħhom permezz tal-EFSD+, sabiex jilħqu wkoll l-aktar ekonomiji fraġli; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, ikollha rwol akbar fl-iżgurar ta' impatti li jitkejlu u addizzjonali fuq l-iżvilupp mingħajr ma toħloq distorsjoni tas-suq lokali jew tikkompeti b'mod inġust ma' atturi ekonomiċi lokali, u fl-għajnuna għall-iżvilupp tal-lat tal-provvista ta' proġetti billi tipprovdi appoġġ għat-tħejjija tal-proġett u tgħin lid-DFIs jikkoordinaw, filwaqt li tiżgura l-integrazzjoni ta' DFIs iżgħar;
32. Jirrikonoxxi l-importanza u l-potenzjal tal-banek tal-iżvilupp tal-Istati Membri fi ħdan l-istruttura tal-EFAD; jinsab imħasseb, madankollu, dwar ir-rwol tal-intermedjarji li jissieħbu mad-DFIs, b'mod partikolari fir-rigward tal-ksur irrapportat tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq ir-rwol importanti li l-iżvilupp tas-settur privat lokali fl-Afrika sub-Saħarjana jista' jkollu fl-għoti tas-setgħa lill-pajjiżi sħab biex ipoġġu lilhom infushom fit-triq lejn l-iżvilupp sostenibbli;
33. Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta kull sena dwar l-inizjattivi ta' Tim Ewropa (TEIs) abbażi ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi fil-qafas tal-NDICI – Ewropa Globali, filwaqt li tevalwa r-riżorsi mobilizzati, l-ippjanar u l-impatt tal-iżvilupp, l-armonizzazzjoni u l-applikazzjoni tal-istandards tal-UE, il-perspettiva tal-integrazzjoni tal-UE u l-involviment tal-Istati Membri; jinsisti li tali rapportar jiġi kondiviż mal-Parlament u jsir pubbliku; jisħaq li l-Parlament għandu rwol ewlieni fl-iskrutinju tal-objettivi politiċi u r-riżultati mistennija tat-TEIs, kemm fil-livell ġenerali kif ukoll f'dak tal-proġetti, filwaqt li jiżgura li t-TEIs jaħdmu flimkien mal-mekkaniżmi eżistenti u jikkomplementaw aktar milli jissupplimentaw il-programmi indikattivi pluriennali;
34. Itenni li l-kontroll u l-iskrutinju istituzzjonali tal-finanzjament tal-UE jrawmu dibattitu demokratiku u jgħinu jagħtu spinta lill-kredibbiltà u lit-trasparenza tal-UE; jenfasizza r-rwol importanti tal-Parlament u r-rwol tiegħu ta' skrutinju fl-ambitu tal-NDICI – Ewropa Globali f'dak ir-rigward; jitlob li jkun hemm obbligi li jiżguraw viżibbiltà xierqa tal-implimentazzjoni tal-EFAD; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni b'mod xieraq u f'waqtu meta dawk l-obbligi ma jiġux issodisfati; jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri tfassal rapporti regolari dwar l-implimentazzjoni tal-EFAD, li se jsiru pubbliċi u jwasslu għal rakkomandazzjonijiet ta' politika, inkluż dwar azzjonijiet li għandhom jittieħdu għal titjib; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' informazzjoni mogħtija lill-pubbliku ġenerali dwar ir-rwol tal-UE fl-għoti ta' appoġġ lill-komunitajiet lokali u jħeġġeġ komunikazzjoni aħjar mal-pubbliku;
35. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet tal-EFAD jippromwovu t-trasparenza fil-proċeduri ta' akkwist tagħhom; ifakkar li n-negozji tal-UE għandhom ikunu jistgħu jikkompetu b'termini ekwi ma' negozji bbażati f'pajjiżi mhux tal-UE;
36. Jissottolinja li l-kisba f'waqtha ta' informazzjoni rilevanti, konsistenti u komparabbli hija essenzjali biex jitkejlu l-progress u r-riżultati reali, u biex jiġi identifikat jekk il-finanzjament għall-iżvilupp tal-UE kienx effettiv u addizzjonali għal finanzjament ieħor; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' qafas unifikat ta' rapportar u ta' kejl tar-riżultati ma' indikaturi komparabbli għall-EFSD+; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas bħal dan sabiex ikun possibbli li l-ġestjoni tar-riżultati tiġi armonizzata; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna lill-Parlament dwar il-kontenut u l-implimentazzjoni ta' dan il-qafas;
37. Jistenna bil-ħerqa r-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-ipprogrammar tal-għajnuna għall-iżvilupp, li se jivvaluta jekk l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE għall-2021-2027 ġietx allokata skont strateġija definita sew; jisħaq fuq l-importanza li tiġi vvalutata l-addizzjonalità tal-finanzjament imħallat sabiex tiġi stabbilita l-effettività ta' dawn l-istrumenti fil-kisba tar-riżultati tal-iżvilupp u tal-objettivi ta' politika bbażati fuq il-valuri tal-UE; jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri tikkunsidra li twettaq tali valutazzjoni;
Finanzjament għall-iżvilupp
38. Jinsisti li l-Istati Membri jirrispettaw l-impenn tagħhom li jonfqu 0,7 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tagħhom fuq l-ODA; jinsab allarmat li fl-2020, l-ODA minn ekonomiji avvanzati kienet bħala medja 0,32 % biss tal-ING tagħhom – inqas minn nofs l-impenn ta' 0,7 %, wieħed li ntlaħaq biss minn erba' Stati Membri; jenfasizza li l-impatt tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-infiq tal-gvern madwar id-dinja se jpoġġi aktar pressjoni fuq il-baġits tal-għajnuna li diġà huma baxxi; jinnota li l-Istati Membri li ssieħbu fl-UE wara l-2002 impenjaw ruħhom li jagħmlu ħilithom biex iżidu l-ODA/ING tagħhom għal 0,33 %; jilqa' l-isforzi li dawn l-Istati Membri u oħrajn għamlu s'issa biex iżidu gradwalment l-infiq tagħhom għall-ODA; iħeġġiġhom ikomplu fuq din it-triq; jissottolinja r-rwol importanti tal-ODA bħala katalizzatur għall-bidla u lieva għall-mobilizzazzjoni ta' riżorsi oħra; iqis li l-UE għandha tistinka biex iżżomm il-pożizzjoni tagħha bħala mexxejja dinjija fl-ODA; ifakkar li mill-inqas 93 % tan-nefqa fl-ambitu tal-NDICI – Ewropa Globali trid tissodisfa l-kriterji għall-ODA;
39. Jisħaq fuq l-importanza tal-impenn tal-UE li timmobilizza r-riżorsi għall-azzjoni klimatika u r-rwol tal-BEI u ta' membri oħra tal-EFAD biex jagħmlu progress f'dan il-qasam; jinnota l-impenji tal-Kunsill li jidderieġi lill-EFAD lejn il-kisba tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-SDGs u l-Ftehim ta' Pariġi sabiex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 °C; ifakkar fil-mira ta' nfiq globali ta' 30 % tal-NDICI – Ewropa Globali għall-klima u l-mira li 7,5 % tal-PDG jintefaq fuq il-bijodiversità sal-2024, previsti fil-qafas finanzjarju pluriennali; jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx impenji aktar speċifiċi biex jinkisbu l-għanijiet tal-politika dwar il-klima fil-pjan direzzjonali tagħha u jistenna li dan jiġi rimedjat f'dokument ta' programmazzjoni li jmiss; jitlob sabiex l-operazzjonijiet kollha li jiffinanzjaw lis-setturi li jikkontribwixxu għall-kriżi klimatika, prinċipalment l-industrija tal-fjuwils fossili, jiġu pprojbiti; jirrikonoxxi li l-EFAD għandha tkun inklużiva għar-reġjuni u l-pajjiżi sħab kollha, filwaqt li jirrikonoxxi li sehem konsiderevoli ta' investiment qed jiġi dirett lejn il-Balkani tal-Punent u l-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar;
40. Jirrikonoxxi r-rwol tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju lokali, tal-kooperattivi, tal-mudelli kummerċjali inklużivi u tal-istituti tar-riċerka bħala muturi tat-tkabbir, l-impjieg u l-innovazzjoni lokali, li sussegwentement se jikkontribwixxu għall-kisba tal-SDGs; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi ssimplifikat l-aċċess għall-finanzjament, tissaħħaħ l-inklużività u jiġu appoġġati atturi iżgħar, inkluż billi tittejjeb l-aċċessibbiltà għal data rilevanti disponibbli għall-pubbliku; jissottolinja li l-SMEs lokali għalhekk jeħtieġ li jkollhom aċċess faċli għas-servizzi finanzjarji fil-qafas tal-EFAD; jinnota li l-politiki tal-UE jeħtieġ li jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni tal-kumpaniji u l-intrapriżi, b'mod partikolari l-SMEs, biex ikollhom rwol attiv fl-inizjattivi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
41. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rabta bejn attivitajiet possibbli ta' tneħħija tar-riskji u appoġġ finanzjarju għall-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, b'mod partikolari għall-fini tal-istabbiliment ta' taħriġ u infrastrutturi xierqa għall-għalliema, fl-ambitu tal-NDICI) – Ewropa Globali, sabiex tiġi ffaċilitata l-kisba tal-SDG 4;
42. Jinnota l-importanza partikolari tal-investimenti tal-UE fil-qasam tal-agrikoltura sostenibbli, inklużi l-prattiki agroekoloġiċi, fejn hemm nuqqas ta' investimenti privati u pubbliċi; jenfasizza li l-bdiewa lokali, il-bdiewa b'azjenda agrikola żgħira u l-azjendi agrikoli tal-familja jeħtieġ li jkollhom aċċess għas-servizzi finanzjarji, u, b'mod partikolari, għall-mikrofinanzjament;
43. Jinnota li n-nuqqas ta' aċċess għas-suq minħabba kwistjonijiet ta' konnettività huwa wieħed mill-ostakli ewlenin għas-sigurtà tal-ikel f'ħafna reġjuni fl-Afrika; iqis li l-investimenti tal-UE f'dan il-qasam jista' jkollhom impatt qawwi;
44. Jieħu nota tas-soluzzjoni b'żewġ pilastri biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni tal-ekonomija, kif miftiehem mill-membri tal-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li r-rata tat-taxxa korporattiva minima globali maqbula ta' 15 % għall-intrapriżi multinazzjonali tiġi applikata b'mod effettiv; jissottolinja li skont l-estimi, din it-taxxa minima hija mistennija tiġġenera madwar USD 150 biljun kull sena fi dħul addizzjonali mit-taxxa globali;
45. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet tat-taxxa għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-flussi finanzjarji illeċiti u l-korruzzjoni sabiex jitrawwem finanzjament għall-iżvilupp bi skop u sostenibbli li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi u l-faqar;
°
° °
46. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi u lin-Nazzjonijiet Uniti.
NOTA SPJEGATTIVA
F'dawn l-aħħar 15-il sena, id-dinja għaddiet minn theżżiża wara l-oħra bil-kriżi finanzjarja fl-2008, il-pandemija tal-COVID-19, u aktar reċentement il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Wieħed jista' jiddibatti dwar jekk dawn il-kriżijiet setgħux jiġu previsti, iżda li hu ċar hu li ma kinux previsti. Kollha kemm huma ħarbtu l-aġenda politika internazzjonali u qajmu d-dubji dwar l-impenji li saru fil-Konferenza tan-NU dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp fl-2015 f'Addis Ababa, is-Summit tan-NU tal-2015 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar f'New York, kif ukoll il-Konferenza ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima.
Il-kriżijiet intensifikaw biss l-iskala tal-kompitu, minħabba l-ammonti kbar ta' finanzjament meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi ta' żvilupp. Bil-prijoritajiet li nbidlu, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli x'aktarx li ma jintlaħqux sal-2030, jekk xejn.
Ebda ġuħ, ebda faqar, saħħa tajba, edukazzjoni ta' kwalità, ilma nadif u sanità, biex ma nsemmux aċċess għal enerġija affordabbli – dawn kollha jistgħu jintlaħqu, iżda fid-dawl tal-fatt li skont il-UNCTAD tistma li se tiswa EUR 4 200 biljun (madwar 4,2 % tal-PDG globali) se tkun teħtieġ livell eċċezzjonali ta' determinazzjoni.
L-UE ċertament mhijiex f'pożizzjoni li tiġbor dawn il-fondi waħedha. Madankollu, l-esperjenza tagħha, l-għarfien espert tagħha, kif ukoll il-pożizzjoni tagħha bħala l-akbar donatur tal-għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja jwassluha biex taqdi r-rwol ta' mexxej f'dan il-qasam. Il-kooperazzjoni tagħha għall-iżvilupp, li huwa apprezzat ħafna, għadha kif issaħħet minn strument ta' finanzjament aktar sempliċi, aktar flessibbli, u għaldaqstant aktar effiċjenti (NDICI Ewropa Globali). L-Istati Membri tagħha huma wkoll sidien konġunti tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), l-akbar fornitur fid-dinja ta' finanzjament għall-klima, ferm qabel istituzzjonijiet finanzjarji oħra bħall-Bank Dinji, u korp affidabbli u effettiv li huwa ankrat bis-sħiħ fil-valuri tal-mudell Ewropew. Għal din ir-raġuni, l-Unjoni hija sieħba istituzzjonali ta' fiduċja fl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Reċentement il-BEI ħoloq fergħa speċifika għall-iżvilupp, u din tixhed ir-rieda tiegħu li jinvolvi ruħu bis-sħiħ fl-għajnuna lill-pajjiżi tan-Nofsinhar.
Il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp huwa attur importanti ieħor. Jekk ir-rieda tiegħu li jinvolvi ruħu aktar fil-qasam tal-iżvilupp hija tassew reali, dan mingħajr dubju se jirċievi talbiet sostanzjali biex jiddedika sehem konsiderevoli tar-riżorsi tiegħu għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna wara l-azzjoni meħuda kontriha minn tnejn mill-azzjonisti tagħha. Ma' dawn jiżdiedu l-banek tal-iżvilupp tal-Istati Membri.
Uħud minnhom, fosthom il-Bank Franċiż għall-Iżvilupp (AFD) jew il-KFW Ġermaniż b'mod partikolari, huma fost il-fornituri ewlenin tal-finanzjament għall-iżvilupp, iżda hemm ħafna istituzzjonijiet oħra simili.
Aspett komuni fost dawn l-atturi huwa l-kapaċità li jallokaw fondi sostanzjali minn sorsi essenzjalment privati għal proġetti jew programmi ta' investiment għall-benefiċċju tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-għarfien tagħhom f'dan il-qasam, kif ukoll il-ħiliet esperti tagħhom, huma essenzjali jekk aħna beħsiebna nżommu l-wegħdiet li għamilna fl-2015 matul il-Konferenzi ewlenin tan-NU dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, l-SDGs kif ukoll il-Ftehim ta' Pariġi.
Kull arkitettura, bħal dik bil-għan li torganizza l-finanzjament għall-iżvilupp, tassumi li mill-bidu jkunu stabbiliti viżjoni u rieda li jitwettqu objettivi ambizzjużi. Huwa abbażi ta' din li għandu jiġi stabbilit l-approċċ Ewropew fir-rigward tat-twettiq tal-wegħdiet tagħha għall-iżvilupp. Il-viżjoni tagħha għandha għeruq sodi fil-valuri fundamentali tagħna, tiggarantixxi soċjetajiet aktar liberi u ġusti, u tirrappreżenta l-ekonomija soċjali tas-suq. Il-Parlament Ewropew jistenna li l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha li jixtiequ jipparteċipaw f'din l-arkitettura jikkonformaw bis-sħiħ mal-mudell Ewropew hekk definit.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-BAĠITS (17.5.2022)
għall-Kumitat għall-Iżvilupp
dwar il-futur tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-Iżvilupp
Rapporteur għal opinjoni: Angelika Winzig(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp (EFAD) u tal-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni għal arkitettura finanzjarja Ewropea mtejba u r-rapport ta' progress tal-2021 tal-24 ta' Marzu 2022 (COM(2022)0139); jissottolinja r-rwol fundamentali tal-"Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali" (NDICI-Ewropa Globali), tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+) u tal-Garanzija għall-Azzjoni Esterna fl-għoti ta' qafas strateġiku għall-finanzjament imħallat, għat-tneħħija tar-riskji u għall-garanziji u għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi mis-settur privat bis-sostenn tal-baġit tal-UE, speċjalment fid-dawl tal-kompetizzjoni ġeopolitika u ekonomika li qed tiżdied;
2. Jenfasizza li l-EFAD għandha tappoġġja l-interessi strateġiċi tal-UE u tippromwovi l-valuri tal-UE, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jissottolinja li l-operazzjonijiet barra mill-UE, inklużi proġetti ta' finanzjament imħallat, iridu jkunu allinjati mal-objettivi tal-politika esterna tal-UE u jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet ta' żvilupp tal-UE;
3. Jinnota li l-UE hija l-akbar donatur fid-dinja; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi viżibbiltà u sensibilizzazzjoni aħjar tal-azzjonijiet u l-proġetti ta' żvilupp tal-UE; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' informazzjoni mogħtija lill-pubbliku inġenerali dwar ir-rwol tal-UE fl-għoti ta' appoġġ lill-komunitajiet lokali; iħeġġeġ lil dawk kollha involuti biex iżidu l-isforzi konġunti tagħhom biex jikkomunikaw mal-pubbliku;
4. Jirrikonoxxi l-progress u t-titjib li sar fir-rigward tal-EFAD futur b'sehwitu tal-konklużjonijiet tal-Kunsill, iżda jinnota li l-istatus quo attwali għadu kkaratterizzat minn nuqqas ta' orjentament politiku, koordinament, frammentazzjoni, duplikazzjoni u kompetizzjoni kontinwa li ma tgħinx bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u l-istituzzjonijiet finanzjarji u ta' żvilupp Ewropej; jappella għal aktar sforzi biex is-sistema attwali ssir aktar effettiva, kollaborattiva u ċċentrata fuq l-iżgurar tal-użu ottimali tar-riżorsi li jimmobilizza l-għarfien espert ġeografiku, settorjali u finanzjarju relevanti tas-sħab ewlenin, biex jinkiseb rendiment aħjar ta' flus il-kontribwenti tal-UE u impatt aktar b'saħħtu f'termini ta' żvilupp;
5. Jilqa' l-impenji tal-Kunsill li jidderieġi lill-EFAD lejn il-kisba tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-SDGs u l-Ftehim ta' Pariġi sabiex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 °C; ifakkar fil-mira ta' nfiq globali ta' 30 % tal-NDICI-Ewropa Globali għall-klima u l-mira li 7,5 % tal-PDG jintefaq fuq il-bijodiversità sal-2024, previsti fil-qafas finanzjarju pluriennali, u jitlob li tingħata prijorità lil proġetti li joħolqu kobenefiċċji u li jilħqu objettivi multipli; jitlob l-applikazzjoni stretta tal-prinċipju li ma ssir l-ebda ħsara sinifikanti; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tiħux impenji aktar speċifiċi lejn il-kisba tal-għanijiet tal-politika dwar il-klima fil-pjan direzzjonali tagħha, u jistenna li dan jiġi rimedjat f'dokument ta' programmazzjoni li jmiss; jitlob sabiex l-operazzjonijiet kollha li jiffinanzjaw lis-setturi li jikkontribwixxu għall-kriżi klimatika, prinċipalment l-industrija tal-fjuwils fossili, jiġu pprojbiti;
6. Jirrikonoxxi li l-EFAD għandha tkun prinċipalment iffukata fuq pajjiżi l-anqas żviluppati u fraġli jew milquta minn kunflitti, fejn il-ħtiġijiet huma l-akbar, b'mod partikolari fl-Afrika sub-Saħarjana; ifakkar, madankollu, li perċentwal konsiderevoli ta' investimenti jgħaddi għand il-Balkani tal-Punent u il-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, u jissottolinja l-bżonn li jingħataw finanzjamenti biex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda u jiġu appoġġati l-prijoritajiet il-ġodda f'dawn ir-reġjuni;
7. Jirrimarka dwar l-impatt konsiderevoli tal-aggressjoni militari illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna fuq ix-xenarju tal-iżvilupp u s-sitwazzjoni ekonomika u tas-sigurtà fl-UE u fil-viċinat tagħha; jistieden lill-Kummissjoni, lill-BEI, lill-BERŻ u lill-istituzzjonijiet finanzjarji u ta' żvilupp Ewropej jaħdmu fuq pjanijiet ta' azzjoni għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna wara l-gwerra, biex jibnu mill-ġdid approċċ aħjar, aktar ekoloġiku u aktar inklużiv; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna għolliet il-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel, u b'hekk aggravat il-ħtiġijiet umanitarji, speċjalment fl-Afrika sub-Saħarjana; jissottolinja l-ħtieġa urġenti ta' aktar finanzjament, inkluż permezz tar-riżerva tal-NDICI-Ewropa Globali, biex jiġu indirizzati dawn iċ-ċirkostanzi mhux previsti;
8. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-BEI, lill-BERŻ u lill-istituzzjonijiet finanzjarji u ta' żvilupp Ewropej isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fi ħdan l-arkitettura miftuħa tal-EFSD+ billi jadottaw approċċ ta' Tim Ewropa; jisħaq fuq il-bżonn ta' speċjalizzazzjoni akbar u tqassim aħjar tax-xogħol biex jiġu żgurati sinerġiji u komplementarjetajiet;
9. Jissottolinja li l-arkitettura finanzjarja futura għandha tkun miftuħa u kollaborattiva u tippermetti lill-atturi finanzjarji tal-iżvilupp kollha interessati jipparteċipaw, inklużi l-atturi żgħar u ta' daqs medju u l-banek tal-iżvilupp u partijiet ikkonċernati mhux tal-UE; jitlob, f'dan il-kuntest, li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi sodi f'termini ta' governanza tal-EFSD+ u aċċess għar-riżorsi tal-UE, inkluż permezz tal-bini tal-kapaċità u appoġġ għal banek tal-iżvilupp u istituzzjonijiet finanzjarji iżgħar, peress li dan huwa essenzjali għal kooperazzjoni produttiva fost l-istituzzjonijiet Ewropej għall-iżvilupp u l-finanzi; jissottolinja l-ħtieġa li ngħaddu mill-approċċ attwali bbażat fuq il-proġetti għall-programmazzjoni bbażata fuq is-setturi bl-involviment mill-bidu nett tal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi is-settur privat u s-soċjetà ċivili, biex jiżdiedu t-trasparenza, l-influwenza u l-impatt;
10. Jisħaq li s-sjieda lokali u approċċ kollaborattiv u inklużiv huma meħtieġa u għandhom ikunu mirfuda minn qafas b'saħħtu għal konsultazzjonijiet lokali sistematiċi mal-partijiet ikkonċernati u l-benefiċjarji, biex jinkiseb impatt dejjiemi fuq l-iżvilupp; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta kif il-qafas għal konsultazzjonijiet lokali sistematiċi mal-partijiet ikkonċernati u l-benefiċjarji jista' jittejjeb aktar;
11. Jerġa' jafferma r-rwol privileġġjat tal-BEI bħala l-fergħa tal-investimenti tal-UE u jinnota pożittivament il-ħolqien reċenti tal-fergħa ta' żvilupp tiegħu, BEI Globali; jissottolinja li l-preżenza lokali hija fundamentali sabiex l-operazzjonijiet ta' finanzjament ikunu ta' suċċess u jistieden lill-BEI juża l-eżempju tal-BERŻ u jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fil-post billi jirrekluta ħaddiema lokali u persunal iddedikat għad-diliġenza dovuta ambjentali, tad-drittijiet tal-bniedem u soċjali, filwaqt li jisfrutta s-sinerġiji possibbli mad-delegazzjonijiet tal-UE, il-BERŻ u ma' istituzzjonijiet finanzjarji u ta' żvilupp Ewropej oħrajn; jistenna li din l-istruttura l-ġdida u l-bord konsultattiv tagħha jkunu trasparenti għalkollox, inkluż billi b'mod proattiv jippubblikaw dokumenti, u jiżguraw djalogu miftuħ regolari mal-partijiet ikkonċernati, u b'mod partikolari mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;
12. Jenfasizza l-ħtieġa ta' tmexxija politika u gwida politika aktar b'saħħithom u aktar ċari mill-Kummissjoni, u li l-Qafas ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent iservi ta' mudell possibbli f'dan ir-rigward; jisħaq fuq l-importanza ta' qafas adegwat ta' ġestjoni tar-riskju, ta' ġestjoni effettiva u ta' sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-finanzjament għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni tuża r-riżorsi attwali tagħha ta' għarfien espert fil-qasam bankarju u l-kapaċitajiet finanzjarji u tekniċi tagħha b'mod aktar effikaċi; jirrikonoxxi l-isfidi tal-ġestjoni li qed jiffaċċjaw il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk hemmx disponibbli riżorsi u għarfien espert adegwati sabiex ikun hemm involviment effettiv mal-istituzzjonijiet tal-iżvilupp u tal-finanzi u għas-sorveljanza tal-garanziji u l-istrumenti kumplessi ta' finanzjament imħallat;
13. Jieħu nota tal-inizjattiva Global Gateway imressqa mill-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u jissottolinja li din għandha tkun konsistenti mal-EFAD; jitlob informazzjoni immedjata u komprensiva dwar il-finanzjament tal-Global Gateway, filwaqt li jinnota li l-inizjattiva tiddependi ħafna fuq l-idea tal-mobilizzazzjoni ta' riżorsi minn barra l-baġit tal-UE u li l-valur tal-garanziji baġitarji involuti u l-oriġini u l-iskop tal-EUR 750 miljun addizzjonali mħabbra għall-inizjattiva mhumiex ċari; itenni li r-rikors għar-riżerva għall-isfidi u l-prijoritajiet emerġenti tal-NDICI-Ewropa Globali ma jkunx xieraq għall-Gateway Globali;
14. Jirrikonoxxi l-importanza li jitħeġġu investimenti aktar riskjużi f'kuntesti ta' żvilupp aktar problematiċi, bħal fil-pajjiżi l-anqas żviluppati jew fraġli, u f'setturi li mhumiex moqdija biżżejjed, bħas-setturi tal-klima, tal-bijodiversità, tal-edukazzjoni u tas-saħħa; jissottolinja, fl-istess ħin, il-bżonn li jiġi mmimizzat kwalunkwe riskju assoċjat għall-baġit tal-UE, bħal żieda fid-domanda f'dawk li huma garanziji baġitarji tal-UE, u li tiġi ppreżervata l-klassifikazzjoni tal-kreditu għolja tal-BEI;
15. Jissottolinja l-importanza tal-mobilizzazzjoni tas-settur privat fl-indirizzar tal-isfidi tal-iżvilupp; iqis il-finanzjament imħallat bħala għażla mis-sett ta' għodod għall-finanzjament tal-iżvilupp li tista' tikkomplementa l-investiment pubbliku f'kuntest baġitarju ristrett; ifakkar li dan għandu jirrispetta l-prinċipju tal-addizzjonalità; jitlob li l-operazzjonijiet ta' taħlit ikunu limitati għal dawk l-oqsma fejn jistgħu jżidu l-valur lill-ekonomija lokali, u jitlob li ssir valutazzjoni bir-reqqa, b'mod partikolari meta fil-mira jkun hemm il-pajjiżi l-anqas żviluppati, bil-għan li jiġu limitati l-piżijiet tad-dejn, jiġu salvagwardjati s-servizzi pubbliċi essenzjali bħas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali, u sabiex l-inugwaljanzi eżistenti ma jitwessgħux; jirrikonoxxi r-rilevanza kontinwa tal-għajnuna ffukata fuq l-għotjiet f'dawn il-kuntesti; iqis li r-regoli ta' finanzjament imħallat għandhom jiġu stabbiliti skont il-kuntesti ta' żvilupp differenti, li jippermettu flessibbiltà fil-bilanċ tal-elementi mħallta; jistenna li l-BEI, il-BERŻ u istituzzjonijiet finanzjarji u ta' żvilupp Ewropej oħrajn jiżguraw li l-proġetti kollha, u b'mod partikolari l-proġetti ta' finanzjament imħallat jikkontribwixxu għall-għanijiet ta' żvilupp tal-UE, inklużi dawk li jikkonċernaw lill-pajjżi l-anqas żviluppati;
16. Jafferma mill-ġdid li s-sħab ta' implimentazzjoni u l-intermedjarji finanzjarji kollha involuti fi proġetti marbuta mal-garanziji tal-UE jew iffinanzjati mill-baġit tal-UE jeħtiġilhom isegwu bis-sħiħ l-istandards, il-politiki, ir-regoli u l-proċeduri soċjali, ambjentali, tat-taxxa, tat-trasparenza, tal-ġlieda kontra l-frodi u kontra l-korruzzjoni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, timmonitorja u tirrapporta lura dwar dawn l-aspetti kif ukoll dwar l-adegwatezza tal-garanziji baġitarji, inkluż permezz ta' valutazzjonijiet tar-riskju speċifiċi għall-pajjiż; jissottolinja l-ħtieġa ta' aktar trasparenza fir-rigward tal-benefiċjarji finali;
17. Jenfasizza l-bżonn li tiżdied it-trasparenza tal-qafas attwali, inklużi l-proċessi ta' programmazzjoni u rapportar, u li l-Parlament ikun involut b'mod aktar qawwi, sabiex jissaħħu r-responsabbiltà demokratika u l-iskrutinju; ifakkar li l-Ftehim Tripartitiku bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Bank Ewropew tal-Investiment tal-15 ta' Novembru 2021 jagħti lill-Qorti tal-Awdituri (QEA) aċċess għall-informazzjoni kollha relatata mal-garanziji mill-baġit tal-UE; jistieden lill-QEA tiskrutinizza bis-sħiħ u tirrapporta regolarment dwar operazzjonijiet appoġġjati minn garanziji mill-baġit tal-UE, u tindirizza kwalunkwe nuqqas fil-metodi ta' ħidma tagħha li attwalment mhux qed iħalluha tagħmel dan; jissottolinja l-importanza li ssir evalwazzjoni indipendenti tal-EFSD+ u tal-approċċ Tim Ewropa f'ħin utli biex jiġu vvalutati l-effikaċja, il-prestazzjoni tagħhom u l-impatt għall-iżvilupp tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-EFSD+ jiffaċilita t-tagħlim dwar l-aħjar prattiki għall-proġetti speċifiċi għas-settur u għar-reġjun;
18. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet tal-EFAD jippromwovu t-trasparenza fil-proċeduri ta' akkwist tagħhom; ifakkar li n-negozji tal-UE għandhom ikunu jistgħu jikkompetu f'ċirkostanzi ugwali ma' negozji bbażati f'pajjiżi mhux tal-UE;
19. Jissottolinja li l-kisba f'waqtha ta' informazzjoni rilevanti, konsistenti u komparabbli hija essenzjali biex jitkejlu l-progress u r-riżultati reali, u biex jiġi identifikat jekk il-finanzjament għall-iżvilupp tal-UE kienx effettiv u addizzjonali għal finanzjament ieħor; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' qafas unifikat ta' rapportar u ta' kejl tar-riżultati ma' indikaturi komparabbli għall-EFSD+; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas bħal dan sabiex ikun possibbli li l-ġestjoni tar-riżultati tiġi armonizzata; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna lill-Parlament dwar il-kontenut u l-implimentazzjoni ta' dan il-qafas;
20. Jistenna bil-ħerqa r-rapport speċjali tal-QEA dwar l-ipprogrammar tal-għajnuna għall-iżvilupp, li se jivvaluta jekk l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE għall-2021-2027 ġietx allokata skont strateġija definita sew; jisħaq fuq l-importanza li tiġi vvalutata l-addizzjonalità tal-finanzjament imħallat biex tiġi stabbilita l-effettività ta' dawn l-istrumenti fil-kisba tar-riżultati tal-iżvilupp u tal-objettivi ta' politika bbażati fuq il-valuri tal-UE; jistieden lill-QEA tikkunsidra li twettaq tali valutazzjoni;
21. Ifakkar fl-impenn globali tal-UE li tiddefendi u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, li huma indiviżibbli, universali u interdipendenti; jistenna li l-partijiet kollha ikkonċernati jirrispettaw bis-sħiħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jew proċeduri li jipprevjenu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, wara t-talbiet ripetuti li saru, fost l-oħrajn mill-Parlament;
22. Jisħaq li l-investiment reattiv għal kwistjonijiet tal-ġeneru, li jinvolvi lin-nisa, isaħħaħ l-effikaċja u s-sostenibbiltà tal-politiki ta' żvilupp; jistieden lill-Kummissjoni, lill-BEI, lill-BERŻ u lill-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej għall-iżvilupp jiżguraw li t-timijiet ta' assistenza konsultattiva u teknika tagħhom ikunu mgħammra biex javvanzaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-iżvilupp inklużiv, b'mod partikolari billi jiġu impjegati speċjalisti tal-ġeneru;
23. Jistieden lill-EFAD jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni sħiħa tat-tielet pjan ta' azzjoni dwar il-ġeneri; ifakkar fil-mira li mill-anqas 85 % tal-azzjonijiet ikollhom l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala objettiv prinċipali jew sinifikanti, li minnhom mill-anqas 5 % għandu jkollhom l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet bħala objettivi prinċipali; jitlob li l-operazzjonijiet kollha tal-EFAD ikollhom l-obbligu li jiġbru data diżaggregata skont il-ġeneru, u li jkunu jinkludu evalwazzjonijiet tal-impatt fuq il-ġeneri ex ante kif ukoll ex post.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
17.5.2022 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
34 2 2 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Rasmus Andresen, Robert Biedroń, Anna Bonfrisco, Olivier Chastel, Lefteris Christoforou, David Cormand, Andor Deli, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Vlad Gheorghe, Valentino Grant, Francisco Guerreiro, Valérie Hayer, Eero Heinäluoma, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Moritz Körner, Joachim Kuhs, Zbigniew Kuźmiuk, Pierre Larrouturou, Camilla Laureti, Janusz Lewandowski, Margarida Marques, Silvia Modig, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Lefteris Nikolaou-Alavanos, Andrey Novakov, Dimitrios Papadimoulis, Karlo Ressler, Bogdan Rzońca, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds, Nils Ušakovs, Johan Van Overtveldt, Rainer Wieland, Angelika Winzig |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Jan Olbrycht |
|||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
34 |
+ |
ECR |
Zbigniew Kuźmiuk, Bogdan Rzońca, Johan Van Overtveldt |
NI |
Andor Deli |
PPE |
Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Janusz Lewandowski, Siegfried Mureşan, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Karlo Ressler, Rainer Wieland, Angelika Winzig |
Renew |
Olivier Chastel, Vlad Gheorghe, Valérie Hayer, Moritz Körner, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds |
S&D |
Robert Biedroń, Eider Gardiazabal Rubial, Eero Heinäluoma, Pierre Larrouturou, Camilla Laureti, Margarida Marques, Victor Negrescu, Nils Ušakovs |
The Left |
Silvia Modig, Dimitrios Papadimoulis |
Verts/ALE |
Rasmus Andresen, David Cormand, Francisco Guerreiro |
2 |
- |
ID |
Joachim Kuhs |
NI |
Lefteris Nikolaou-Alavanos |
2 |
0 |
ID |
Anna Bonfrisco, Valentino Grant |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN (12.5.2022)
għall-Kumitat għall-Iżvilupp
dwar il-futur tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-Iżvilupp
Rapporteur għal opinjoni: Isabel Santos
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa' l-fatt li l-Kunsill irrikonoxxa li arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp (EFAD) ġdida għandha ssegwi l-prinċipju "il-politiki jiġu l-ewwel" u jisħaq li l-isforzi kruċjali tal-UE fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp iridu jirrispettaw l-interesssi tal-pajjiżi sħab u jkunu konsistenti ma' attivitajiet esterni tal-UE oħrajn u jaqblu mal-interessi strateġiċi tagħha, mal-ħtiġijiet ta' trasformazzjoni tagħha, u speċjalment mal-valuri tal-UE, inklużi l-istat tad-dritt, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-klima;
2. Jinnota r-rwol ċentrali tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI-Ewropa Globali), inkluż il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+), u l-ħtieġa li jiġu rrispettati l-għanijiet, il-linji gwida u l-miri ta' nfiq tal-istrument, bħal dawk dwar il-klima, il-bijodiversità u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-EFAD; huwa konxju li jenħtieġ l-involviment strett tal-Parlament fl-istabbiliment tal-orjentament strateġiku għall-ipprogrammar u l-implimentazzjoni u jingħata lok għall-iskrutinju ġenerali tagħhom;
3. Jilqa', f'dan il-kuntest, il-fatt li l-UE hija lesta tindirizza l-aktar sfidi globali urġenti billi tinvesti fl-iżvilupp sostenibbli tal-infrastruttura globali, b'mod partikolari fit-teknoloġiji ekoloġiċi u l-konnettività diġitali permezz tal-Global Gateway tal-UE, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta' Pariġi, il-protezzjonijiet b'saħħithom tal-bijodiversità u d-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali; jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq il-governazna effettiva tal-istrateġija Global Gateway, li trid tiġi avvanzata taħt id-direzzjoni globali tal-President tal-Kummissjoni, u tikkoordina mill-qrib mal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kunsill u l-Parlament f'dan ir-rigward, filwaqt li tiżgura li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jingħataw sjieda attiva skont l-approċċ ta' Tim Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Parlament kif xieraq fid-deċiżjonijiet dwar il-programmi ta' investiment ta' Global Gateway, u żżommu infurmat b'mod regolari dwar żviluppi relatati, inklużi l-implikazzjonijiet għall-baġit, hekk kif ikunu qed iseħħu, b'mod partikolari permezz ta' skrutinju tal-NDICI-Ewropa Globali;
4. Jissottolinja li dehru atturi ġodda fil-finanzjament globali, inklużi pajjiżi li għandhom interessi ekonomiċi u ġeopolitiċi li spiss jikkontradixxu dawk tal-UE u li jopponu l-kunċett ta' demokrazija, ta' stat tad-dritt, ta' paċi u ta' sostenibbiltà tal-UE; jitlob, f'dan ir-rigward, lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u lil istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp (DFIs) oħrajn joħolqu qafas għal kooperazzjoni msaħħa fuq proġetti u pjattaformi ta' finanzjament konġunt u jtejbu l-effettività tar-riżultati tagħhom f'pajjiżi barra mill-UE permezz ta' diliġenza dovuta soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem imsaħħa fuq l-operazzjonijiet tagħhom, kif ukoll mekkaniżmi ta' responsabbiltà sodi għall-komunitajiet milquta;
5. Jissottolinja l-importanza tal-użu aktar effiċjenti tas-sinerġiji u tal-armonizzazzjoni aħjar tal-inizjattivi ta' finanzjament tal-BERŻ, il-BEI u DFIs oħrajn li qed jimmiraw pajjiżi tal-viċinat Ewropej, b'importanza partikolari mogħtija lill-pajjiżi kandidati tal-UE; ifakkar, fid-dawl tal-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna, li l-finanzjament Ewropew fil-pajjiżi tal-viċinat u dawk kandidati huwa element indispensabbli tar-riformi meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-kriterji ta' adeżjoni, bi qbil mal-interessi tal-politika barranija tal-UE;
6. Jiddispjaċih dwar it-tnaqqis fl-allokazzjoni tal-baġit lil ċerti reġjuni fil-qafas finanzjarju pluriennali 2021–2027 tal-UE; fl-istess ħin, huwa konxju li l-impatt ġeopolitiku tal-fondi allokati lir-reġjuni, bħall-Amerka Latina, ma jiddependix bilfors fuq l-ammont globali tal-baġit; jisħaq, f'dan ir-rigward, li jrid ikun hemm direzzjoni politika xierqa mill-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti disponibbli offruti mill-EFSD+ jintużaw biex isaħħu s-sħubijiet mill-qrib mar-reġjuni u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tagħhom;
7. Jinnota l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Ġunju 2021, fejn l-Istati Membri approvaw l-għażla "Status Quo Plus" biex titjieb is-sitwazzjoni attwali għal kooperazzjoni aktar effettiva bejn il-BEI u l-BERŻ, flimkien mad-DFIs f'approċċ ta' Tim Ewropa; itenni li l-approċċ ta' Tim Ewropa jista' jikkontribwixxi bis-sħiħ għall-kapaċità tal-UE li tissodisfa l-għanijiet ta' żvilupp tagħha f'xenarju finanzjarju globali kompettitiv; jilqa' l-pjan direzzjonali adottat dan l-aħħar għat-titjib tal-EFAD u jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiġbru flimkien ir-riżorsi u l-finanzjament, u jaħdmu flimkien fuq il-koordinament u l-komunikazzjoni fi proġetti komuni (l-inizjattivi ta' Tim Ewropa); jenfasizza li l-EFAD trid tevita d-diskrepanzi u t-trikkib sabiex ma timminax l-impatt tal-iżvilupp u t-tmexxija tal-UE;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tissupera l-istatus quo attwali u tagħti direzzjoni politika b'saħħitha u ċara, taħt il-gwida xierqa fl-ogħla livell politiku, biex tiżgura l-konsistenza tal-azzjoni tal-UE bħala Tim Ewropa, billi tipproponi azzjonijiet konkreti u pjan direzzjonali għall-applikazzjoni tal-EFAD imsaħħa fl-implimentazzjoni b'suċċess tal-inizjattivi Ewropej, bħall-istrateġija Global Gateway, il-Patt Ekoloġiku jew il-Boxxla Strateġika ladarba tiġi adottata, bil-għan li ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-UE u s-solidarjetà strateġika ma' pajjiżi tal-istess fehma, u l-kapaċità tagħha li tikkontribwixxi għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-paċi internazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-promozzjoni u r-rispett tal-liġi internazzjonali f'kooperazzjoni mill-qrib man-NU, in-NATO, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, l-Unjoni Afrikana u l-pajjiżi sħab; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-valuri tal-UE permezz tas-sħubijiet tagħha;
9. Jilqa' l-istruttura b'diversi pilastri tal-EFAD, li tisfrutta l-għarfien espert u r-rwol tal-membri kollha tagħha, jiġifieri l-BEI, il-BERŻ, l-istituzzjonijiet bilaterali Ewropej ta' finanzjament u d-DFIs Ewropej; jitlob aktar koordinament u kooperazzjoni fost dawn il-membri tal-EFAD bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-EFAD; ifakkar li l-EFAD trid tkun ibbażata fuq arkitettura inklużiva, li taħdem mal-banek għall-iżvilupp u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej kollha, tibni fuq l-għarfien espert u l-valur miżjud rispettiv tagħhom u tikkontribwixxi għal impatt fuq l-iżvilupp u addizzjonalità msaħħa; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet konkreti u f'waqthom għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost dawn l-atturi u l-promozzjoni ta' sħubijiet inklużivi ma' DFIs Ewropej iżgħar fl-ispirtu ta' Tim Ewropa, inkluż permezz ta' approċċ imfassal apposta jappoġġja lil dan tal-aħħar fl-aċċess għall-finanzjament u fl-applikazzjonijiet tagħhom għall-valutazzjoni tal-pilastri;
10. Jisħaq li d-DFIs huma mħeġġa jieħdu aktar riskji fil-programmi ta' investiment tagħhom permezz tal-EFSD+, sabiex jilħqu wkoll l-aktar ekonomiji fraġli; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, ikollha rwol akbar fl-iżgurar ta' impatti li jitkejlu u addizzjonali fuq l-iżvilupp mingħajr ma toħloq distorsjoni tas-suq lokali jew tikkompeti b'mod inġust ma' atturi ekonomiċi lokali, u fl-għajnuna għall-iżvilupp tal-lat tal-provvista ta' proġetti billi tipprovdi appoġġ għat-tħejjija tal-proġett u tgħin lid-DFIs jikkoordinaw, filwaqt li tiżgura l-integrazzjoni ta' DFIs iżgħar;
11. Jafferma mill-ġdid ir-rwol u r-responsabbiltà speċifiċi tal-BEI bħala l-fergħa finanzjarja tal-UE b'firxa globali; jitlob li jinsilet vantaġġ ulterjuri mill-BEI bħala strument ta' proprjetà esklużiva tal-UE biex jissaħħu l-operazzjonijiet tagħha b'appoġġ għall-prijoritajiet tal-politika esterna tal-UE u tiġi żgurata l-kooperazzjoni inklużiva mal-banek għall-iżvilupp u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej; jilqa', f'dan ir-rigward, l-istabbiliment tal-BEI Globali; jitlob li jissaħħu l-kapaċitajiet prattiċi tal-BEI biex jappoġġjaw lill-Kummissjoni fid-djalogu ta' politika u l-identifikazzjoni tal-proġetti;
12. Jilqa' l-arkitettura miftuħa u msaħħa b'mod konsiderevoli fl-ambitu tal-EFSD+ u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfornu lill-BEI, lill-BERŻ, lill-istituzzjonijiet bilaterali Ewropej ta' finanzjament u lid-DFIs Ewropej ambjent operattiv affidabbli u msaħħaħ ibbażat fuq kundizzjonijiet ekwivalenti sodi fit-termini tal-governanza u l-aċċess għar-riżorsi tal-UE, li fih jistgħu jaqdu b'mod effikaċi r-rwoli msaħħa tagħhom fl-operazzjonijiet esterni ta' teħid b'self u jimmobilizzaw ir-riżorsi mis-settur privat, filwaqt li jiżguraw it-trasparenza u jiggarantixxu r-responsabbiltà u l-iskrutinju xieraq, kif meħtieġ mill-NDICI-Ewropa Globali u permezz tat-titjib ulterjuri tal-mekkaniżmi indipendenti tal-ilmenti u l-qafas ta' diliġenza dovuta; huwa konxju tal-fatt li r-riżorsi li huma tal-kobor meħtieġ għall-inizjattivi rilevanti, bħall-Global Gateway, mhumiex se jinkisbu fin-nuqqas ta' atturi pubbliċi u privati li jaħdmu flimkien;
13. Jitlob bilanċ ġeografiku aħjar fl-użu tat-taħlit u l-garanziji tal-EFSD+ bi qbil mal-NDICI-Ewropa Globali kif ukoll appoġġ għall-pajjiżi l-aktar fraġli u l-anqas żviluppati; jisħaq, f'dan il-kuntest, li l-BEI jeħtieġ isaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jappoġġja l-iżvilupp tas-settur privat fl-Afrika u, f'dan ir-rigward, jistieden lill-BEI jiddedika aktar fondi lil intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju Afrikani permezz tal-baġit imħallat tal-EFSD+;
14. Jinnota li l-approċċ ta' Tim Ewropa jipprovdi opportunità unika biex jiġu sfruttati l-impatt u l-viżibbiltà tal-UE fid-dinja ferm aktar milli qed jiġri bħalissa u jippromwovi aktar il-valuri u l-interessi tagħna, mingħajr ma jħalli lil ħadd warajh; jesprimi l-bżonn li jiddaħħal fl-azzjoni spirtu inklużiv ta' Tim Ewropa anki fl-EFAD; jinnota li ċ-ċavetta għas-suċċess tal-approċċ ta' Tim Ewropa tikkonsisti fil-kooperazzjoni u fil-koordinament iggwidati mill-politiki tal-UE f'kuntest trasparenti u inklużiv, inkluża d-disponibbiltà pubblika tal-informazzjoni li tinsab fl-inizjattivi ta' Tim Ewropa, bħall-ispejjeż ta' intervent, l-istrumenti finanzjarji użati u liema investimenti huma l-proprjetà konġunta tal-pajjiżi sħab; jenfasizza l-fatt li l-involviment bikri u mill-qrib tal-Parlament fl-orjentament strateġiku, fil-proċess ta' programmazzjoni u fl-iskrutinju tal-inizjattivi ta' Tim Ewropa huwa fundamentali biex tinżamm il-leġittimità demokratika tagħhom; jenfasizza, f'dan is-sens, li l-Parlament għandu jkompli jsaħħaħ il-funzjonament tal-EFAD skont l-approċċ ta' Tim Ewropa; itenni li, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi globali tal-lum, huwa essenzjali li l-EFAD isir aktar rilevanti, konsistenti u reattiv, iżda dan ma jistax isir għad-detriment tad-drittijiet ta' skrutinju tal-Parlament fuq il-mod kif jintużaw il-fondi għall-azzjoni esterna u fuq l-istabbiliment tal-prijoritajiet politiċi, li għandu jiġi indirizzat kif xieraq;
15. Jissottolinja, f'dan il-kuntest, li l-EFAD teħtieġ approċċ deċentralizzat biex tiġi implimentata b'suċċess, u għalhekk ifakkar il-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE bħala punti fokali sabiex tiffaċilita d-diskussjonijiet upstream mal-Istati Membri, mal-BEI, mad-DFIs Ewropej, mal-atturi tas-settur privat u ma' sħab oħrajn fil-prattika f'approċċ ta' Tim Ewropa; jissottolinja l-importanza ta' dan il-koordinament aktar b'saħħtu bejn il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u d-delegazzjonijiet tal-UE, b'mod speċjali fil-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp bl-aktar ekonomiji fraġli, biex jiġu ffaċilitati d-diskussjonijiet u l-kooperazzjoni mal-atturi rilevanti fil-prattika sabiex jiġu identifikati l-aktar proġetti effettivi;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istituzzjonijiet finanzjarji jimplimentaw il-prinċipju ta' kundizzjonalità, fir-rigward tal-Istrument tal-UE għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, l-NDICI-Ewropa Globali u l-istrumenti finanzjarji rilevanti kollha l-oħra, billi dan jitgħaqqad mar-rispett għall-istat tad-dritt, għad-drittijiet tal-bniedem u għad-demokrazija u jiġi ankrat fl-EFAD; jissottolinja li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b'mod partikolari, l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa, u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bi qbil mar-rekwiżiti tal-NDICI-Ewropa Globali, jeħtieġu li jkunu enfasi ewlenija tal-EFAD;
17. Jirrikonoxxi li l-EFAD tiffoka fuq l-aktar reġjuni vulnerabbli u fuq fejn il-ħtiġijiet huma l-akbar, b'mod partikolari l-pajjiżi fraġli u l-anqas żviluppati, b'mod speċjali fl-Afrika sub-Saħarjana, iżda jħeġġeġ li jiġi kkunsidrat il-fatt li madwar żewġ terzi tal-operazzjonijiet esterni kkombinati tal-BEI u tal-BERŻ huma kkonċentrati fil-pajjiżi fil-fażi ta' adeżjoni u tal-viċinat, fejn l-UE jeħtieġ li twettaq il-Pjanijiet Ekonomiċi u ta' Investiment, varati dan l-aħħar, għall-Balkani tal-Punent, kif ukoll fil-pajjiżi tal-viċinati tal-Lvant u tan-Nofsinhar, bi qbil mal-Ftehim ta' Pariġi, mal-ħarsien b'saħħtu tal-bijodiversità u mar-rispett għall-komunitajiet lokali kkonċernati; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-BEI u l-BERŻ isaħħu r-rwol tagħhom billi jtejbu l-kooperazzjoni b'azzjonijiet konkreti.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
12.5.2022 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
61 12 3 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alviina Alametsä, Alexander Alexandrov Yordanov, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Malin Björk, Anna Bonfrisco, Fabio Massimo Castaldo, Susanna Ceccardi, Włodzimierz Cimoszewicz, Katalin Cseh, Tanja Fajon, Anna Fotyga, Michael Gahler, Kinga Gál, Giorgos Georgiou, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Márton Gyöngyösi, Balázs Hidvéghi, Sandra Kalniete, Peter Kofod, Dietmar Köster, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, Jean-Lin Lacapelle, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Leopoldo López Gil, Antonio López-Istúriz White, Claudiu Manda, Thierry Mariani, Pedro Marques, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Gheorghe-Vlad Nistor, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Giuliano Pisapia, Thijs Reuten, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Jacek Saryusz-Wolski, Mounir Satouri, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Jordi Solé, Sergei Stanishev, Tineke Strik, Dominik Tarczyński, Hermann Tertsch, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans, Harald Vilimsky, Idoia Villanueva Ruiz, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers, Bernhard Zimniok, Željana Zovko |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Vladimír Bilčík, Marc Botenga, Erik Marquardt, Gabriel Mato, Paulo Rangel, Ramona Strugariu |
|||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
61 |
+ |
ECR |
Anna Fotyga, Jacek Saryusz-Wolski, Dominik Tarczyński, Witold Jan Waszczykowski |
NI |
Fabio Massimo Castaldo, Kinga Gál, Márton Gyöngyösi, Balázs Hidvéghi |
PPE |
Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Vladimír Bilčík, Michael Gahler, Sunčana Glavak, Sandra Kalniete, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, Leopoldo López Gil, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Gabriel Mato, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Gheorghe-Vlad Nistor, Paulo Rangel, Radosław Sikorski, Željana Zovko |
Renew |
Petras Auštrevičius, Katalin Cseh, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Urmas Paet, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans |
S&D |
Maria Arena, Włodzimierz Cimoszewicz, Tanja Fajon, Raphaël Glucksmann, Dietmar Köster, Claudiu Manda, Pedro Marques, Sven Mikser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Giuliano Pisapia, Thijs Reuten, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Andreas Schieder, Sergei Stanishev |
Verts/ALE |
Alviina Alametsä, Erik Marquardt, Mounir Satouri, Jordi Solé, Tineke Strik, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz |
12# |
- |
ECR |
Hermann Tertsch, Charlie Weimers |
ID |
Peter Kofod, Jean-Lin Lacapelle, Thierry Mariani, Harald Vilimsky, Bernhard Zimniok |
NI |
Kostas Papadakis |
The Left |
Marc Botenga, Giorgos Georgiou, Manu Pineda, Idoia Villanueva Ruiz |
3 |
0 |
ID |
Anna Bonfrisco, Susanna Ceccardi |
The Left |
Malin Björk |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
26.10.2022 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
23 0 0 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Barry Andrews, Eric Andrieu, Hildegard Bentele, Stéphane Bijoux, Dominique Bilde, Udo Bullmann, Gianna Gancia, Charles Goerens, Pierrette Herzberger-Fofana, György Hölvényi, Pierfrancesco Majorino, Erik Marquardt, Janina Ochojska, Michèle Rivasi, Tomas Tobé, Miguel Urbán Crespo |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Ádám Kósa, Maria Noichl, María Soraya Rodríguez Ramos |
|||
Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Alexander Bernhuber, Loucas Fourlas, Dietmar Köster, Aušra Maldeikienė |
|||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
23 |
+ |
ID |
Dominique Bilde, Gianna Gancia |
NI |
Ádám Kósa |
PPE |
Hildegard Bentele, Alexander Bernhuber, Loucas Fourlas, György Hölvényi, Aušra Maldeikienė, Janina Ochojska, Tomas Tobé |
RENEW |
Barry Andrews, Stéphane Bijoux, Charles Goerens, María Soraya Rodríguez Ramos |
S&D |
Eric Andrieu, Udo Bullmann, Dietmar Köster, Pierfrancesco Majorino, Maria Noichl |
THE LEFT |
Miguel Urbán Crespo |
VERTS/ALE |
Pierrette Herzberger-Fofana, Erik Marquardt, Michèle Rivasi |
0 |
- |
|
|
0 |
0 |
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni