RAPPORT dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni - rapport annwali 2022

15.12.2022 - (2022/2049(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Isabel Wiseler-Lima


Proċedura : 2022/2049(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0298/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni - rapport annwali 2022

(2022/2049(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 8, 21 u 23 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 17 u 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari l-prinċipji 2, 3, 11 u 17 tiegħu,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati u l-istrumenti l-oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tal-1948 u r-Riżoluzzjoni 43/29 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-22 ta' Ġunju 2020 dwar il-prevenzjoni tal-ġenoċidju,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali Kontra l-Ħtif tal-Ostaġġi tas-17 ta' Diċemrbu 1979,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tat-18 ta' Diċembru 1979,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni Bbażata fuq Reliġjon jew Twemmin, ipproklamata mir-Riżoluzzjoni 36/55 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-25 ta' Novembru 1981,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra tal-10 ta' Diċembru 1984,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni li jappartjenu għal Minoranzi Nazzjonali, Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi tat-18 ta' Diċembru 1992,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata b'konsensus fid-9 ta' Diċembru 1998,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989 u ż-żewġ Protokolli Fakultattivi tagħha, adottati fil-25 ta' Mejju 2000,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tat-13 ta' Diċemrbu 2006, li daħlet fis-seħħ fl-UE fil-21 ta' Jannar 2011 f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità[1],

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-20 ta' Diċembru 2006,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, adottata fit-13 ta' Settembru 2007, u l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol Nru 169 dwar il-Popli Indiġeni u Tribali tal-1989,

 wara li kkunsidra t-Trattat tan-NU dwar il-Kummerċ tal-Armi, b'mod partikolari l-Artikolu 7 rigward l-Esportazzjoni u l-Valutazzjoni tal-Esportazzjoni u l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni ta' Armi,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Beijing tal-15 ta' Settembru 1995,

 wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata fil-25 ta' Settembru 2015, u b'mod partikolari l-għanijiet Nru 1, 4, 5, 8 u 16 tagħha,

 wara li kkunsidra l-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari tad-19 ta' Diċembru 2018 u l-Patt Globali dwar ir-Rifuġjati tal-2018,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-24 ta' Marzu 2022 dwar il-konsegwenzi umanitarji tal-aggressjoni kontra l-Ukrajna,

 wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-31 ta' Awwissu 2022 dwar it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta tan-NU dwar l-Ukrajna waqt l-51 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-23 ta' Settembru 2022,

 wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp tal-1994, u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħha,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dinjità tal-Bniedem fir-rigward tal-Applikazzjoni tal-Bijoloġija u l-Mediċina (STKE Nru 164), adottati fl-4 ta' April 1997, u l-protokolli tagħhom, dwar Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (STKE Nru 197), adottata fis-16 ta' Mejju 2005, u dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali (STKE Nru 201), adottata fil-25 ta' Ottubru 2007,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul) tal-11 ta' Mejju 2011, li mhux l-Istati Membri kollha rratifikawha,

 wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 6 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali dwar l-Abolizzjoni tal-Piena tal-Mewt,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fis-16 ta' Marzu 2022 dwar il-waqfien tas-sħubija tal-Federazzjoni Russa fil-Kunsill tal-Ewropa,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukrajna tat-30 u l-31 ta' Mejju 2022,

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 tas-7 ta' Diċembru 2020 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem[2],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali[3],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2021 dwar il-prijoritajiet tal-UE fin-NU matul is-76 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, Settembru 2021-Settembru 2022,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Jannar 2022 dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-2022,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2022 dwar il-prijoritajiet tal-UE fin-NU matul is-77 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, Settembru 2022-Settembru 2023,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni tat-25 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024" (JOIN(2022)0005) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Novembru 2020 dwarha,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-25 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru (Gender Action Plan, GAP) III – Aġenda ambizzjuża għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fl-azzjoni esterna tal-UE" (JOIN(2020)0017),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2021 dwar strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (COM(2021)0142),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2021 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità 2021–2030" (COM(2021)0101).

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, adottati mill-Kunsill fl-14 ta' Ġunju 2004,

 wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali[4], kif aġġornata fl-2009,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, kif aġġornati mill-Kunsill fit-12 ta' April 2013,

 wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà u tar-reliġjon jew it-twemmin, adottati mill-Kunsill fl-24 ta' Ġunju 2013,

 wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill fl-24 ta' Ġunju 2013,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline, kif adottati mill-Kunsill fit-12 ta' Mejju 2014,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għan-nondiskriminazzjoni fl-azzjoni esterna, kif adottati mill-Kunsill fit-18 ta' Marzu 2019,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem b'rabta mal-ilma tax-xorb sikur u s-sanità, kif adottati mill-Kunsill fis-17 ta' Ġunju 2019,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida riveduti għall-politika tal-UE lejn pajjiżi terzi dwar it-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, kif adottati mill-Kunsill fis-16 ta' Settembru 2019,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida riveduti tal-UE dwar id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi sħab/terzi, kif approvati mill-Kunsill fit-22 ta' Frar 2021,

 wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Awwissu 2022 dwar il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2012 bit-titolu "L-għeruq ta' demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni" (COM(2012)0492),

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 (COM(2022)0071),

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dwar il-projbizzjoni ta' prodotti magħmulin b'xogħol furzat fis-suq tal-Unjoni (COM(2022)0453),

 wara li kkunsidra r-rapport tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà bit-titolu "Rapport Annwali tal-2021 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja",

 wara li kkunsidra l-inizjattiva strateġika tal-Ombudsman Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar kif il-Kummissjoni tiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-ftehimiet kummerċjali internazzjonali,

 wara li kkunsidra l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tiegħu li ngħata lil Alexey Navalny fl-2021, politiku ewlieni Russu, avukat u attivista kontra l-korruzzjoni miżmum fir-Russja minn Jannar 2021,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2018 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-popli indiġeni fid-dinja, inkluż il-ħtif tal-art[5],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2019 dwar il-Linji Gwida tal-UE u l-mandat tal-Mibgħut Speċjali tal-UE dwar il-promozzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin barra l-UE[6],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2020 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2021 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar diliġenza dovuta korporattiva u obbligu ta' rendikont korporattiv[8],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-politika barranija tal-UE dwar il-migrazzjoni[9],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq id-drittijiet tal-bniedem u r-rwol tad-difensuri tal-ambjent f'din il-kwistjoni[10],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2021 dwar ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE)[11],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ġdid ta' kriminalità elenkat fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE[12],

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2022 lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem[13],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2022 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni – rapport annwali 2021[14], u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar rapporti annwali preċedenti,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' April 2022 dwar il-protezzjoni tal-UE tat-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaħarbu minħabba l-gwerra fl-Ukrajna[15],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-3 ta' Mejju 2022 dwar il-persekuzzjoni tal-minoranzi minħabba t-twemmin jew ir-reliġjon[16],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Mejju 2022 lejn strateġija tal-UE għall-promozzjoni tal-edukazzjoni għat-tfal fid-dinja: il-mitigazzjoni tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19[17],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2022 dwar l-impatt tal-gwerra kontra l-Ukrajna fuq in-nisa[18],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2022 dwar il-ġlieda kontra l-impunità għad-delitti tal-gwerra fl-Ukrajna[19],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang, inklużi x-Xinjiang police files[20],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar strument kummerċjali ġdid biex jiġu pprojbiti l-prodotti magħmula bix-xogħol furzat[21],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2021 bit-titolu "Theddid globali għad-dritt għall-abort: il-possibbiltà li l-Qorti Suprema tirrevoka d-dritt għall-abort fl-Istati Uniti"[22] u tas-7 ta' Lulju 2022 dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti biex tabolixxi d-drittijiet tal-abort fl-Istati Uniti u l-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-abort u s-saħħa tan-nisa, inkluż fl-UE[23],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt (magħrufa bħala riżoluzzjonijiet ta' urġenza) adottati f'konformità mal-Artikolu 144 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu mill-2019, u b'mod partikolari dawk adottati fl-2021 u fl-2022,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0298/2022),

A. billi l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-TUE; billi l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha stess, u li hi għandha l-għan li tippromwovi fil-bqija tad-dinja, kif minqux fl-Artikolu 21 tat-TUE;

B. billi protezzjoni u difiża effettivi tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll tad-dinjità tal-bniedem, iridu jitqiegħdu fil-qalba tal-politiki esterni kollha tal-UE inklużi l-iżvilupp, il-kummerċ, is-sigurtà u d-difiża, il-migrazzjoni, il-viċinat u t-tkabbir;

C. billi l-konsistenza bejn il-politiki interni u esterni tal-UE hija parti indispensabbli minn politika kredibbli u effettiva tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

D. billi l-Unjoni temmen u tappoġġja bis-sħiħ il-multilateraliżmu, ordni globali abbażi tar-regoli li huwa bbażat fuq l-osservanza tad-dritt internazzjonali u l-proċessi demokratiċi, u s-sett ta' valuri, prinċipji u normi universali, inklużi dawk stabbiliti fil-Karta tan-NU, li jiggwidaw lill-Istati Membri tan-NU u r-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom;

E. billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur fundamentali tal-UE; billi d-dritt għal trattament ugwali u l-libertà mid-diskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għandu jiġi rrispettat bis-sħiħ; billi d-dritt għall-integrità tal-persuna huwa fundamentali skont l-Artikolu 3 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u approċċ intersezzjonali għandhom għaldaqstant jiġu implimentati u integrati bħala prinċipju orizzontali fl-attivitajiet u l-politiki kollha tal-UE;

F. billi ż-żieda fl-awtoritarjaniżmu, fil-liberaliżmu, il-populiżmu u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja thedded l-ordni globali bbażata fuq ir-regoli u l-valuri u l-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-Unjoni; billi skont l-Indiċi tad-Demokrazija tal-2021, inqas minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja (45,7 %) issa tgħix f'"xi tip ta'" demokrazija u aktar minn 37 % tgħix taħt tmexxija awtoritarja;

G. billi t-terroriżmu għadu wieħed mill-akbar theddidiet għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali u huwa ksur ċar tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

H. billi l-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal ostakli fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, bħala konsegwenza tal-istrumenti u l-politiki stabbiliti bl-iskuża li jnaqqsu t-tixrid tal-virus, u f'ħafna każijiet dawk l-istrumenti u l-politiki kienu marbuta mat-telf tal-prinċipji demokratiċi tal-istat f'għadd ta' stati;

I. billi l-emerġenzi ambjentali, inklużi dawk li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima u d-deforestazzjoni, iwasslu għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jaffettwaw mhux biss lin-nies fil-viċinanza immedjata tagħhom, iżda wkoll lill-umanità kollha kemm hi; billi f'dawn l-aħħar snin kien hemm żieda fil-qtil, attakki u forom oħra ta' vjolenza kontra persuni li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-aċċess tan-nies għall-art u r-riżorsi naturali tagħhom; billi t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali huma żewġ sfidi urġenti u interkonnessi li jirfdu kemm l-iżvilupp sostenibbli kif ukoll it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem globalment;

J. billi l-kriżi tal-enerġija, flimkien mal-kriżi tal-produzzjoni li qed tiffaċċja l-Ewropa, tista' żżid il-faqar u l-vulnerabbiltà fl-Ewropa, b'impatt potenzjalment detrimentali fuq id-drittijiet tal-bniedem;

K. billi l-ksur tad-drittijiet għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, inkluż id-dritt li wieħed jemmen jew li ma jemminx, li wieħed iħaddan opinjonijiet teistiċi, anjostiċi jew atei, li wieħed ibiddel jew iħalli r-reliġjon tiegħu u li wieħed jesprimi l-fidi tiegħu pubblikament, iwassal għal sitwazzjonijiet ta' oppressjoni, kunflitt u gwerra madwar id-dinja;

Xejriet ġenerali u sfidi globali għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem

1. Jafferma mill-ġdid l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità inerenti ta' kull bniedem; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-impenn qawwi tiegħu li jindirizza l-isfidi għad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan l-UE u mad-dinja kollha u jtenni d-dmir tal-UE u l-Istati Membri tagħha li jimirħu biex ikunu mexxejja globali fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u d-demokrazija f'konformità mal-valuri fundaturi tal-Unjoni;

2. Jinsisti li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u d-dinjità ta' kull bniedem trid tkun il-pedament tal-politika esterna tal-Unjoni; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Unjoni, għal dak il-għan, taħdem għal impenn ambizzjuż kontinwu biex il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem issir parti ċentrali mill-politiki kollha tal-UE b'mod issimplifikat u biex tissaħħaħ il-konsistenza bejn il-politiki interni u esterni tal-UE f'dan il-qasam;

3. Ifakkar li l-pjan ta' azzjoni tal-UE 2020–2024 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija għandu jintuża bħala pjan direzzjonali tal-prijoritajiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u għalhekk għandu jkun fiċ-ċentru tal-politiki esterni kollha tal-UE; jisħaq li huwa importanti li l-Istati Membri jieħdu s-sjieda tal-pjan ta' azzjoni tal-UE u jirrapportaw pubblikament dwar l-azzjoni tagħhom taħt dan il-pjan; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali, lill-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jinvolvu ruħhom mal-awtoritajiet fil-livell tal-Istati Membri dwar il-kontribut tagħhom għat-twettiq tal-politika esterna tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem; jappella lill-Parlament ikun involut fir-rieżami u l-aġġornament futuri tal-Kunsill ta' kwalunkwe waħda mil-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u li l-implimentazzjoni tagħhom tiżgura t-trasparenza;

4. Jinsab imħasseb ferm dwar it-theddid serju għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija mad-dinja kollha, filwaqt li jinnota li n-numru ta' demokraziji kompla jonqos u dak ta' reġimi awtoritarji kiber u li kważi 75 % tal-popolazzjoni tad-dinja esperjenzaw deterjorament fis-sitwazzjoni tal-bniedem f'pajjiżhom fis-sena li għaddiet; jissottolinja bi tħassib il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali f'numru dejjem jikber ta' postijiet madwar id-dinja, kif ukoll l-impunità mifruxa għal dan il-ksur;

5. Jiddeplora l-fatt li minkejja l-ħtieġa li wieħed jikkonċentra fuq ir-reazzjonijiet għat-theddid ikkawżat mit-tibdil fil-klima u l-irkupru mill-impatt negattiv tal-pandemija tal-COVID-19 permezz tas-solidarjetà globali, xi mexxejja awtoritarji, minbarra li mmaniġġjaw b'mod ħażin il-pandemija u r-riżorsi globali, intensifikaw ir-repressjoni tagħhom tal-oppożizzjoni politika, id-dissens, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi organizzazzjonijiet immexxija mill-komunità u bbażati fuq it-twemmin, u l-media indipendenti, kif ukoll komplew ikabbru u jespandu l-kunflitti interni u internazzjonali eżistenti u qanqlu oħrajn ġodda b'effetti devastanti fuq id-drittijiet tal-bniedem; jiddeplora d-diversi każijiet li fihom il-mexxejja awtoritarji użaw b'mod ħażin l-effetti tal-pandemija biex jiġġustifikaw l-issikkar tal-politiki ripressivi tagħhom;

6. Jenfasizza l-importanza li l-UE u l-Istati Membri tagħha jaġixxu b'mod konsistenti flimkien, b'mod partikolar f'fora multilaterali, biex jindirizzaw l-isfidi globali għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u li tinżamm konsistenza fil-politiki interni u esterni; huwa tal-fehma li ż-żamma tar-regola tal-unanimità għal ċerti deċiżjonijiet tal-UE dwar il-politika barranija, inklużi s-sanzjonijiet kontra t-trasgressuri tad-drittijiet tal-bniedem, tostakola l-azzjoni deċiżiva meħtieġa minħabba ċ-ċirkostanzi ġeopolitiċi li qed jinbidlu, u għalhekk għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid;

7. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jintensifikaw l-isforzi tagħhom madwar id-dinja kollha biex jappoġġjaw id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, f'dan ir-rigward, kemm individwalment kif ukoll f'kooperazzjoni ma' sħab internazzjonali tal-istess fehma, ifixklu tentattivi inaċċettabbli biex idgħajfu l-istituzzjonijiet demokratiċi u d-drittijiet universali tal-bniedem u jnaqqsu l-ispazju għas-soċjetà ċivili u r-rwol tagħha; jafferma mill-ġdid il-valur tal-multilateraliżmu bħala strument biex jintlaħaq dan l-għan; jisħaq fuq l-importanza li t-tħassib dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem jitqiegħed fil-qalba tar-relazzjonijiet diplomatiċi tal-UE mal-kontropartijiet kollha, b'mod partikolari ma' pajjiżi meqjusa bħala sħab strateġiċi; jisħaq, barra minn hekk, fuq l-importanza li l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jitqiegħdu fil-qalba tal-attività parlamentari tal-UE, inkluż billi s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem jiġi aġġornat għal kumitat awtonomu; jinnota t-tnedija fis-26 ta' Awwissu 2022 ta' proġett pilota biex tiġi stabbilita akkademja diplomatika Ewropea;

8 Itenni li l-impenn ambizzjuż u r-retorika tal-politika barranija tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem jeħtieġu li hija tmexxi b'eżempju sabiex tevita li ddgħajjef il-kredibbiltà tagħha meta topponi t-tnaqqis demokratiku globali; jappella lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, inkluż is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), jiżguraw li l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE u tal-Istati Membri qed jiġu implimentati b'mod konsistenti fil-politika barranija u ta' sigurtà komuni tal-UE; iħeġġiġhom, f'dan ir-rigward, jagħmlu użu mill-għodod diplomatiċi kollha, kemm privatament kif ukoll pubblikament, u kemm bilateralment kif ukoll f'fora multilaterali, biex iqajmu kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi sħab; itenni t-talba tiegħu lill-UE biex tagħti attenzjoni partikolari biex tivvaluta u tipprevjeni kwalunkwe ksur marbut mal-politiki, il-proġetti u l-finanzjament tagħha stess, inkluż mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, f'pajjiżi terzi u biex toħloq mekkaniżmu għall-ilmenti għal individwi jew gruppi li d-drittijiet tagħhom setgħu ġew miksura mill-attivitajiet tal-UE f'dawn il-pajjiżi;

Il-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna

9. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-gwerra ta' aggressjoni illegali, mhux ġustifikata u mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll l-involviment tal-Belarussja li jippermetti lir-Russja tniedi attakki fatali kontra l-Ukrajna mit-territorju tagħha; jesprimi, f'dan ir-rigward, in-niket profond tiegħu għat-tbatija tal-bniedem u jikkundanna l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-forzi armati Russi u l-alleati tagħhom fl-Ukrajna;

10. Jilqa' l-isforzi konġunti tal-UE, l-Istati Membri tagħha u s-soċjetà ċivili b'reazzjoni għall-gwerra; jilqa', barra minn hekk, is-solidarjetà murija minn għadd kbir ta' pajjiżi lejn l-Ukrajna, kif enfasizzat mill-pożizzjoni tagħhom matul is-sessjonijiet u l-voti tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-gwerra illegali fl-Ukrajna; itenni l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi diplomatiċi tal-UE lejn l-istati li astjenew minn jew ivvutaw kontra r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-2 ta' Marzu 2022 dwar l-aggressjoni kontra l-Ukrajna u r-riżoluzzjonijiet li segwew dwar il-kwistjoni sabiex tiġi spjegata s-serjetà tal-aggressjoni tar-Russja u l-ħtieġa ta' rispons unanimu mill-komunità internazzjonali kontra dan il-ksur flagranti tad-dritt internazzjonali; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħtu lill-poplu Ukren l-appoġġ li jeħtieġ biex jiddefendi l-libertà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali; jilqa' s-sanzjonijiet mingħajr preċedent imposti fil-kuntest tal-gwerra u jitlob li dawn jiġu implimentati b'mod koordinat; jistieden, barra minn hekk, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw l-isforzi u jsaħħu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russi indipendenti bl-għan li jgħinu biex jitqiegħdu l-pedamenti ta' demokrazija futura fir-Russja;

11. Jikkundanna bil-qawwa u huwa mħasseb ferm dwar l-atroċitajiet, id-delitti tal-gwerra u l-ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi l-vjolenza sesswali, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u t-tortura u l-qtil ta' persuni ċivili u priġunieri tal-gwerra, imwettqa mill-forzi armati Russi u l-prokuri tagħhom fil-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; iħeġġeġ li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li dawk li wettqu delitti tal-gwerra u ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna jiġu identifikati u jinżammu responsabbli malajr kemm jista' jkun u biex jiġu pprovduti rimedji effettivi għad-danni mġarrba miċ-ċivili Ukreni; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ikomplu joffru l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-partijiet ikkonċeranti, il-miżuri u l-mekkaniżmi rilevanti għal dan il-għan, inklużi l-prosekuturi, l-investigaturi u l-ġudikatura Ukreni, il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), il-Kummissjoni ta' Inkjesta tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u investigazzjonijiet nazzjonali taħt il-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali; jilqa', f'dan ir-rigward, il-fatt li l-UE pprovdiet appoġġ lill-kapaċitajiet ta' investigazzjoni tal-QKI biex tgħinha żżid l-investigazzjonijiet tagħha dwar delitti tal-gwerra mwettqa fl-Ukrajna; jisħaq fuq l-importanza li jinġabru u jiġu ppreservati malajr l-evidenza ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità u jilqa' l-isforzi tas-soċjetà ċivili għal dan il-għan; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi l-assistenza kollha meħtieġa f'dan il-proċess, inkluż finanzjament mill-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI-Ewropa Globali), u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom f'dan il-proċess huma stess kull meta jkunu f'pożizzjoni li jagħmlu dan; jilqa' l-mandat emendat tal-Missjoni ta' Konsulenza tal-UE għall-Ukrajna u l-proposta tal-Kummissjoni biex testendi l-mandat tal-Eurojust biex tappoġġja l-ġlieda kontra l-impunità f'kull sitwazzjoni; jitlob li tittieħed deċiżjoni infurmata dwar l-aktar soluzzjonijiet xierqa biex jinżammu responsabbli l-individwi u l-entitajiet responsabbli li ffaċilitaw il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u d-delitti tal-gwerra mwettqa fit-territorju tal-Ukrajna, li għandhom jinkludu l-attivar tal-prosekuzzjoni tad-delitti ta' agressjoni f'qorti internazzjonali mwaqqfa apposta jew taħt il-ġudikatura tal-QKI;

12. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jużaw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jappoġġjaw il-ġlieda biex tinħeles l-Ukrajna mill-okkupanti tagħha u jagħtu għajnuna lin-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna u jfittxu appoġġ fl-Istati Membri tal-UE; jinnota li 8,8 miljun Ukren u Ukrena daħlu fl-UE mill-bidu tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li minnhom 4 miljun huma rreġistrati taħt protezzjoni temporanja jew skemi nazzjonali simili ta' protezzjoni fl-Ewropa; jilqa' l-espressjonijiet kollha ta' solidarjetà u assistenza murija lill-poplu Ukren miċ-ċittadini tal-UE, inkluż l-involviment tagħhom fl-għajnuna umanitarja, u jilqa' l-iskattar tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja[24] sabiex tipprovdi protezzjoni u drittijiet immedjati għall-Ukreni spostati li jaslu fl-UE; jissottolinja l-importanza ta' finanzjament imsaħħaħ għall-pajjiżi ospitanti, inkluż enfasi akbar fuq l-aċċess għall-edukazzjoni, l-opportunitajiet ekonomiċi, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-integrazzjoni fis-soċjetajiet ospitanti; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu appoġġjati, fost l-oħrajn, dawk il-vittmi ta' vjolenza sesswali, abbażi tal-ġeneru u riproduttiva;

13. Jiddenunzja r-rilokazzjoni u d-deportazzjoni furzati tat-tfal Ukreni, inkluż minn istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa, lejn il-Federazzjoni Russa u t-territorji okkupati mir-Russja fl-Ukrajna u l-adozzjoni furzata tagħhom mill-familji Russi; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu appoġġ biex dawn it-tfal jiġu lokalizzati u jingħaqdu mill-ġdid mal-familji jew il-kustodji legali tagħhom;

14. Jissottolinja li l-gwerra ta' aggressjoni illegali, mhux ġustifikata u mhux provokata kontra l-Ukrajna kellha impatt tremend fuq is-sigurtà globali tal-ikel, peress li l-Ukrajna hija l-ħames l-akbar esportatur taċ-ċereali fid-dinja;

15. Jesprimi tħassib serju dwar is-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari fl-Ukrajna, li huma f'periklu kostanti ta' bumbardamenti militari; jappella lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jistabbilixxu żoni ta' sikurezza madwar dawn l-installazzjonijiet nukleari;

It-titjib tal-politiki, l-istrumenti u d-diplomazija tal-UE biex jipproteġu u javvanzaw id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja

NDICI – Ewropa Globali u l-programm tematiku tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija

16. Jappella lill-UE tirrifletti dwar kif tippromwovi u l-aħjar tapplika approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fl-istrumenti u l-istrateġiji kollha tal-UE sabiex issaħħaħ il-politika barranija tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u sabiex tadatta u tifforma s-sitwazzjoni ġeopolitika li qed tevolvi; jenfasizza li l-NDICI – Ewropa Globali, inkluż il-programm tematiku tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, huwa wieħed mill-għodod ewlenin għad-dispożizzjoni tal-UE biex ittejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja u tgħin biex trawwem soċjetajiet reżiljenti, inklużivi u demokratiċi, filwaqt li tiġġieled kontra l-influwenza tar-reġimi awtoritarji; jisħaq li l-involviment tal-atturi tas-soċjetà ċivili lokali huwa essenzjali biex jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-pajjiżi tagħhom u jtenni t-talba tiegħu biex dawn jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ fl-attivitajiet esterni rilevanti kollha tal-UE; jilqa', f'dan ir-rigward, l-assistenza imprezzabbli li bħalissa qed tingħata lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-attivisti mad-dinja kollha fl-ambitu tal-programm tematiku dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija tal-NDICI — Ewropa Globali u fl-ambitu tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija; jenfasizza l-importanza li l-NDICI – Ewropa Globali jkun involut fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija ma' sħab strateġiċi internazzjonali u lokali, fost l-oħrajn, permezz ta' missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali mill-UE; jissottolinja r-rwol tal-Parlament fil-proċess ta' programmazzjoni tal-istrument u jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jaqsmu l-informazzjoni rilevanti kollha fil-ħin sabiex il-Parlament ikun jista' jaqdi r-rwol tiegħu kif minqux fit-trattati, b'mod partikolari waqt djalogi ġeopolitiċi ta' livell għoli mal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jinvolvu ruħhom fi djalogu mal-Parlament biex jiżguraw titjib f'dan ir-rigward;

17. Jenfasizza l-importanza ta' ppjanar fit-tul u appoġġ kontinwu għal proġetti u inizjattivi fl-ambitu tal-NDICI — Ewropa Globali, b'mod partikolari fir-rigward tar-reġjuni affettwati minn kunflitti, gwerer u diżastri naturali; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jintegraw l-appoġġ għad-demokrazija bħala prijorità trasversali fil-programmi tematiċi u ġeografiċi kollha tal-NDICI - Ewropa Globali;

18. Itenni t-talba tiegħu għal aktar trasparenza fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet ta' finanzjament fl-ambitu tal-NDICI - Ewropa Globali u għal kjarifika dwar il-mekkaniżmu u l-kriterji għas-sospensjoni ta' tali ftehimiet f'każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tal-prinċipji demokratiċi jew tal-istat tad-dritt, kif ukoll f'każijiet gravi ta' korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni toqgħod strettament lura milli tuża l-appoġġ baġitarju għall-gvernijiet ta' pajjiżi terzi bħala modalità operattiva f'pajjiżi li qed jaraw ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

Ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem

19. Jappoġġja bis-sħiħ il-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għad-Drittijiet tal-Bniedem fid-difiża u l-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja permezz ta' impenn ma' pajjiżi terzi u kooperazzjoni ma' sħab tal-istess fehma, u r-rwol importanti tiegħu fit-titjib tal-effettività tal-politiki tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE permezz ta' sforzi biex tiżdied il-koerenza tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa għal kooperazzjoni mill-qrib bejn ir-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem u RSUE oħra dwar pajjiżi u reġjuni sabiex tittejjeb aktar din il-konsistenza, u jitlob viżibilità akbar għar-rwol tar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem; jenfasizza l-importanza li r-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem ikompli jikkoopera ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi n-NU u r-Rapporteurs Speċjali tagħha maħtura mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u ma' rappreżentanti ta' jew mibgħuta minn pajjiżi oħra responsabbli għad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lir-RSUE jinvolvi ruħu aktar pubblikament fir-rigward tad-difensuri individwali tad-drittijiet tal-bniedem u jikkoopera mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ibbażati fl-UE u fil-pajjiżi; jissottolinja l-importanza tar-RSUE f'sitwazzjonijiet nazzjonali u reġjonali li jinvolvu ruħhom mal-awtoritajiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u każijiet individwali; iħeġġeġ lir-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem jagħmel sforzi diplomatiċi biex isaħħaħ l-appoġġ tal-UE għad-dritt umanitarju internazzjonali u l-ġustizzja internazzjonali;

20. Itenni li l-ħatra tar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandha tkun soġġetta għal seduta ta' smigħ minn qabel fil-Parlament; jirrakkomanda l-istabbiliment ta' qafas li permezz tiegħu r-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem ikun responsabbli lejn il-Parlament għall-kisba tal-għanijiet stabbiliti fil-programm ta' ħidma tar-RSUE fil-bidu tal-mandat tagħhom u għandu jagħti rapport fuq bażi regolari dwar il-progress lejn dawk l-għanijiet; jenfasizza li, għalkemm il-Parlament iżomm il-kooperazzjoni mas-SEAE, imsaħħa permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE[25] u d-dikjarazzjoni tal-2010 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar ir-responsabilità politika, jeħtieġ li jissaħħaħ aktar il-qafas għar-relazzjonijiet interistituzzjonali bejn il-Parlament u s-SEAE, inklużi d-delegazzjonijiet tiegħu, dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li s-SEAE jeħtieġ li jinvolvi lill-Parlament fl-iżvilupp ta' noti ta' gwida għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE, bħal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-mekkaniżmi tal-UE dwar id-diliġenza dovuta u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fost l-oħrajn, f'pajjiżi terzi;

21. Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-isfidi li jinqalgħu fil-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-ġestjoni tar-relazzjonijiet esterni tal-UE fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' ż-żieda fil-koordinazzjoni fost id-delegazzjonijiet tal-UE u l-kwartieri ġenerali tas-SEAE u d-Direttorat Ġenerali għas-Sħubijiet Internazzjonali fir-rigward ta' każijiet individwali urġenti li jappartjenu għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

Mibgħut Speċjali tal-UE għall-promozzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin barra l-UE

22. Jinnota b'dispjaċir li l-kariga tal-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-promozzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin barra l-UE baqgħet vakanti għal aktar minn sena; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iwettqu valutazzjoni malajr, trasparenti u komprensiva tal-effikaċja u l-valur miżjud tal-pożizzjoni tal-Mibgħut Speċjali, inkluż f'termini tal-pożizzjoni istituzzjonali tiegħu, biex jipprovdu lill-Mibgħut Speċjali b'riżorsi umani u finanzjarji adegwati, u biex jappoġġjaw b'mod adegwat il-mandat istituzzjonali, il-kapaċità u d-dmirijiet tal-Mibgħut Speċjali; jitlob li l-Mibgħut Speċjali l-ġdid jinħatar mill-aktar fis possibbli abbażi tal-valutazzjoni; itenni t-talbiet tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura t-trasparenza fin-nomina, il-mandat, l-attivitajiet u l-obbligi ta' rappurtar tal-Mibgħut Speċjali; ifakkar li d-dmirjiet tal-Mibgħut Speċjali għandhom jiffokaw fuq il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza, ir-reliġjon u t-twemmin, u d-drittijiet għan-nuqqas ta' twemmin, l-apostasija u t-tħaddin tal-fehmiet atei; jenfasizza li l-Mibgħut Speċjali għandu jagħti wkoll attenzjoni partikolari għall-konverżjoni furzata, l-użu ħażin tal-liġijiet dwar il-blasfemija u s-sitwazzjoni ta' dawk li ma jemmnux li jinsabu f'riskju;

23. Jirrakkomanda li l-Mibgħut Speċjali jaħdem mill-qrib u b'mod komplementari mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jappella, barra minn hekk, li l-Mibgħut Speċjali jkollu konsultazzjonijiet regolari mal-Parlament u jikkoopera mal-kummissarji, il-mibgħuta u l-ambaxxaturi tal-Istati Membri responsabbli għall-promozzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin sabiex jikkoordinaw l-azzjonijiet;

Djalogi tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u kuntatti bilaterali oħra ma' pajjiżi terzi

24. Jissottolinja li djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi jikkostitwixxu opportunità fejn issir enfasi fuq l-isfidi tad-drittijiet tal-bniedem u jitlob li dawn jitwettqu abbażi ta' approċċ ibbażat fuq ir-riżultati, jiġu riveduti ta' spiss u jiġu sfruttati għall-potenzjal sħiħ tagħhom; itenni l-appell tiegħu biex id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ikunu bbażati sa mill-bidu fuq sett ċar ta' punti ta' referenza li jippermettu li tiġi mmonitorjata l-effettività tagħhom; jitlob li s-SEAE jwettaq sistematikament u jikkomunika dwar l-evalwazzjonijiet tal-eżiti tad-djalogi u jsegwihom kif xieraq; jisħaq li, sabiex ikunu effettivi, id-djalogi ma jridux jintużaw bħala għodda waħedha, iżda minflok għandhom jiġu integrati fis-sett komprensiv ta' attivitajiet tal-UE, inklużi dawk relatati mal-politika ta' kummerċ tal-UE, mal-pajjiżi terzi kkonċernati, ħalli b'hekk id-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem tiġi ssimplifikata u jissaħħu l-messaġġi mwassla fid-djalogi; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jitqajmu każijiet individwali, b'mod partikolari dawk enfasizzati mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet tiegħu u r-rebbieħa u l-finalisti tal-Premju Sakharov li jinsabu f'riskju, fil-kuntest ta' djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u li jiġu żgurati segwitu adegwat u rappurtar lill-Parlament dwar l-azzjoni meħuda f'dawn il-każijiet;

25. Jenfasizza l-importanza ta' konsultazzjoni sistematika, ġenwina, aċċessibbli u inklużiva mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-partijiet ikkonċernati kollha matul il-proċess kollu ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem;

26. Jilqa' t-tkomplija tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi li jirriżultaw minn kuntest aktar favorevoli għall-involviment; huwa tal-fehma li, fejn ma jiġi rrappurtat l-ebda progress tanġibbli wara sensiela ta' djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ġara f'għadd ta' każijiet, l-UE għandha taġġusta l-għanijiet tagħha, inkluż fir-rigward tat-tmexxija usa' tar-relazzjonijiet bilaterali;

Delegazzjonijiet tal-UE

27. Iqis li huwa tal-akbar importanza li tittieħed kull azzjoni possibbli biex titqajjem kuxjenza dwar il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-delegazzjonijiet tal-UE u jħeġġeġ lid-delegazzjonijiet kollha jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa ta' dawn il-Linji Gwida; itenni, f'dan ir-rigward, it-talba tiegħu lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-"punti fokali" tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi biex jagħmlu ħidma aktar involuta billi jipprovdu appoġġ regolari lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-rebbieħa u l-finalisti tal-Premju Sakharov f'riskju, u billi jindirizzaw bir-reqqa suġġetti u każijiet individwali mqajma fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; jappella lill-uffiċjali fid-delegazzjonijiet tal-UE jqajmu każijiet ta' oppressjoni u persekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-oppożizzjoni demokratika u tal-attivisti tas-soċjetà ċivili lill-awtoritajiet tal-istat, u jekk l-individwi affettwati jkunu detenuti, jimmonitorjaw is-sitwazzjonijiet tagħhom, iżuruhom fil-ħabs, jattendu l-proċeduri tal-proċess tagħhom u jqajmu l-każijiet tagħhom fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-UE twettaq mal-pajjiżi kkonċernati;

28. Jiġbed l-attenzjoni għall-każijiet li fihom il-missjonijiet tal-Istati Membri tal-UE u d-delegazzjonijiet tal-UE ħadu approċċi differenti dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi, għalkemm l-Istati Membri tal-UE jikkondividu impenn komuni dwar din il-kwistjoni; jissottolinja li l-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE, bħad-delegazzjonijiet tal-UE, għandu jkollhom rwol dejjem akbar fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll fl-appoġġ tas-soċjetà ċivili f'pajjiżi terzi; jappella lid-delegazzjonijiet tal-UE jistabbilixxu gruppi ta' ħidma dwar id-drittijiet tal-bniedem li jlaqqgħu flimkien is-servizzi rilevanti tal-ambaxxati tal-Istati Membri u tad-delegazzjonijiet tal-UE, u jikkooperaw mill-qrib mar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi terzi kkonċernati;

Ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (GHRSR – l-Att Magnitsky tal-UE)

29. Jilqa' l-fatt li r-Reġim Globali tas-Sanzjonijiet tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE qed jintuża dejjem aktar bħala għodda essenzjali li ssaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur globali tad-drittijiet tal-bniedem permezz tal-użu ta' sanzjonijiet immirati mill-Kunsill; jitlob li l-miżuri restrittivi li diġà ġew adottati jiġu implimentati b'mod effettiv, sħiħ u koordinat, u għall-adozzjoni ta' miżuri addizzjonali jekk ikun meħtieġ; jappella lill-UE tagħmel użu aktar dinamiku ta' din l-għodda bħala komponent integrali tal-politika barranija tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem; jitlob l-applikazzjoni rigoruża, konsistenti u uniformi ta' miżuri restrittivi fl-Istati Membri kollha u l-monitoraġġ tagħhom bħala prekundizzjoni għall-kredibbiltà u l-effettività tal-azzjoni esterna tal-UE; jappella lill-UE taħdem ma' sħab tal-istess fehma biex tħeġġeġ lil aktar pajjiżi jadottaw reġimi ta' sanzjonijiet u tikkoordina l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi mmirati b'mod konġunt sabiex tiġi massimizzata l-effettività tagħhom fil-livell globali; jilqa' l-impenn tal-President tal-Kummissjoni fid-Diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2022 li tippreżenta miżuri biex taġġorna l-qafas leġiżlattiv tal-UE għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li tinkludi l-korruzzjoni fil-GHRSR tal-UE, li huwa konformi mal-pożizzjoni tal-Parlament, sabiex jiġu mmirati b'mod effettiv il-faċilitaturi ekonomiċi u finanzjarji ta' dawk li jabbużaw mid-drittijiet tal-bniedem; itenni t-talba tiegħu għall-introduzzjoni ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill u l-implimentazzjoni ta' sanzjonijiet taħt il-GHRSR; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħmlu ħilithom biex jinkorporaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament għal sanzjonijiet immirati futuri, kif stipulat fir-riżoluzzjonijiet tiegħu u bnadi oħra;

30. Jilqa' l-elenkar li sar fl-2021 fl-ambitu tal-GHRSR tal-UE; jistieden lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lis-SEAE jiżviluppaw strateġija biex itejbu l-interazzjoni bejn il-GHRSR tal-UE u r-reġimi ta' sanzjonijiet ġeografiċi, b'mod partikolari billi jsir użu aħjar mill-GHRSR tal-UE biex jiġi indirizzat il-ksur li ma jistax ikun marbut direttament ma' stat, pereżempju f'każijiet fejn merċenarji jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'territorji barra mill-kontroll tal-gvern jew f'każijiet transfruntiera, bħat-traffikar tal-bnedmin;

31. Jesprimi tħassib serju dwar u jikkundanna l-politiki deliberati ta' xi pajjiżi ta' arrest, detenzjoni arbitrarja u prosekuzzjoni tal-barranin, inklużi ċittadini tal-UE, fuq akkużi foloz għal skopijiet ta' propaganda, biex il-priġunieri jintużaw bħala strument ta' negozjar u skambju internazzjonali jew bħala mezz biex issir pressjoni politika; jisħaq li l-implimentazzjoni ta' politika bħal din jikkostitwixxi att ta' teħid ta' ostaġġi skont it-tifsira tal-Konvenzjoni Internazzjonali Kontra t-Teħid ta' Hostaġġi; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jipprevjenu tali atti u jwissu liċ-ċittadini tal-UE, speċjalment dawk b'ċittadinanza doppja, dwar ir-riskju li jiġu arrestati meta jżuru ċerti pajjiżi; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra l-applikazzjoni ta' miżuri restrittivi skont il-GHRSR tal-UE għal persuni jew entitajiet responsabbli għall-arrest arbitrarju jew id-detenzjoni ta' ċittadini tal-UE bħala "ostaġġi statali";

Il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem

32. Jisħaq li l-korruzzjoni ddgħajjef serjament il-governanza demokratika, ixxekkel it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem mad-dinja kollha, tiffaċilita u tipperpetwa l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt u taffettwa b'mod sproporzjonat l-individwi u l-gruppi l-aktar vulnerabbli u emarġinati fis-soċjetà; jitlob li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tkun parti mill-isforzi u l-politiki kollha tal-UE għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, billi tkun ifformulata strateġija globali dedikata kontra l-korruzzjoni, inklużi programmi taħt l-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE u jittejjeb ir-rwol ta' skrutinju tal-Parlament; jissottolinja l-akbar importanza li l-UE u l-Istati Membri tagħha jmexxu bl-eżempju billi jiġġieldu l-korruzzjoni marbuta ma' atturi bbażati fl-UE, japplikaw l-ogħla standards ta' trasparenza għall-finanzjament estern tagħhom u billi jżidu l-appoġġ tagħhom għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-attivisti u l-ġurnalisti investigattivi involuti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

33. Jappella lill-UE taħdem biex tipproponi l-ħolqien ta' sett ta' standards kontra l-korruzzjoni li jkunu applikabbli b'mod uniformi mad-dinja kollha, biex tippromwovi l-istabbiliment ta' korpi effettivi kontra l-korruzzjoni u l-adozzjoni ta' oqfsa regolatorji robusti u biex tindirizza ġurisdizzjonijiet ta' segretezza u rifuġji fiskali; jinkoraġġixxi l-promozzjoni tal-kooperazzjoni fost l-UE, l-Istati Membri tagħha, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari fil-livelli ġudizzjarji, tal-infurzar tal-liġi u tal-intelligence, bl-għan li jiġu skambjati l-aħjar prattiki u għodod effettivi fl-azzjoni biex tiġi indirizzata u evitata l-korruzzjoni; jitlob li ssir ħidma favur il-ħolqien ta' qorti internazzjonali kontra l-korruzzjoni taħt is-superviżjoni tan-NU;

Klawsoli tad-drittijiet tal-bniedem fi ftehim internazzjonali

34. Itenni t-talba tiegħu biex jiġu inklużi klawsoli robusti dwar id-drittijiet tal-bniedem fi ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi terzi, appoġġjati minn sett ċar ta' punti ta' referenza u proċeduri li għandhom jiġu segwiti fil-każ ta' ksur; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jirriflettu b'mod attiv dwar kif jiżguraw li l-klawsoli tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali eżistenti jiġu infurzati b'mod effettiv u li jsir il-monitoraġġ tagħhom; jisħaq li l-UE għandha tirreaġixxi malajr u b'mod deċiżiv għal ksur persistenti tal-klawsoli tad-drittijiet tal-bniedem minn pajjiżi terzi, inkluż billi tissospendi l-ftehimiet rilevanti jekk għażliet oħra jirriżultaw ineffettivi; jenfasizza li r-rieżami tal-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP) tal-UE, il-proċess leġiżlattiv li għaddej bħalissa għal regolament ġdid dwar is-SĠP u r-rieżami tal-implimentazzjoni mill-pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP tal-konvenzjonijiet internazzjonali relatati mad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tax-xogħol, joffru opportunità biex jissaħħaħ l-impenn favur ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi kkonċernati;

35. Jistieden lill-Kummissjoni, meta tinnegozja ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) ma' pajjiżi terzi, biex titlobhom jirratifikaw il-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin relatati mad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol u l-ambjent, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali; jisħaq li r-ratifika ta' dawn il-konvenzjonijiet minn pajjiżi terzi idealment għandha sseħħ qabel ma jiġu konklużi n-negozjati tal-FTA, sabiex il-konformità ma' dawn il-konvenzjonijiet tkun elevata għal aspett essenzjali tal-FTAs u li jkun hemm qbil dwar klawżoli ddedikati; jitlob, barra minn hekk, li l-klawżoli sostantivi inklużi fil-FTAs jipprevedu li l-Istati Parti jeħtiġilhom jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem kif iddikjarat fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dritt konswetudinarju u l-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom huma parti;

36. Jisħaq fuq l-importanza u jitlob għat-titjib sostanzjali tal-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibilità (VIS) ex ante u ex post; jisħaq li l-objettiv tal-VIS għandu jkun li jiġi żgurat li l-ftehim li qed jiġi nnegozjat, fil-klawżoli dettaljati u fformulati tiegħu, jipprovdi biżżejjed għodod biex jiġu evitati impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem; jirrakkomanda li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu parti mit-tmexxija tal-VIS, li l-valutazzjonijiet jitwettqu minn esperti tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol u li jitqies il-kontribut mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

Attivitajiet ta' appoġġ għad-demokrazija

37. Jenfasizza li s-sena 2022 hija l-10 anniversarju mid-deċiżjoni tal-Parlament li jeżerċita tmexxija politika biex jimpenja ruħu għal avvanz kbir fl-attivitajiet tiegħu ta' appoġġ għad-demokrazija, li huwa implimenta permezz ta' Approċċ Komprensiv ta' Appoġġ għad-Demokrazija mill-2014; jilqa', b'mod partikolari, l-appoġġ tiegħu għall-bini tal-kapaċità għall-parlamenti sħab, il-medjazzjoni u t-trawwim ta' kultura ta' djalogu u kompromess, inkluż fost mexxejja politiċi żgħażagħ, kif ukoll għall-għoti tas-setgħa lin-nisa parlamentari, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lir-rappreżentanti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-media ħielsa; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssegwi u żżid l-attivitajiet tagħha f'dawn l-oqsma u ssaħħaħ il-finanzjament u l-assistenza għall-korpi u l-aġenziji tal-UE, kif ukoll organizzazzjonijiet oħra bbażati fuq għotjiet, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni; jissottolinja li fil-kuntest attwali ta' tensjonijiet globali akbar u repressjoni f'numru dejjem jikber ta' pajjiżi, appoġġ dirett għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u nies li jesprimu opinjonijiet kritiċi u li ma jaqblux huwa tal-akbar importanza;

38. Jisħaq fuq l-importanza tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-UE u l-kontribut tal-Parlament għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-metodoloġija tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tikkunsidra li taġġorna l-metodoloġija tal-osservazzjoni tal-elezzjonijiet biex tirrifletti l-iżviluppi tal-aħħar għoxrin sena; iħeġġeġ lill-pajjiżi terzi jimplimentaw fil-prattika r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-UE bl-għan li jtejbu l-organizzazzjoni u l-ambjent għal proċessi elettorali futuri u b'hekk iżidu t-trasparenza u l-legalità tagħhom sabiex itejbu l-istandards demokratiċi tal-istati kkonċernati; jisħaq fuq l-importanza li jiżdied l-appoġġ tal-UE għall-osservaturi elettorali lokali, b'mod partikolari f'termini ta' protezzjoni; itenni t-talba tiegħu lill-UE biex tikkollabora mill-qrib mal-organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali, bħall-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE, il-Kunsill tal-Ewropa u l-organizzazzjonijiet l-oħra li approvaw id-Dikjarazzjoni ta' Prinċipji għall-Osservazzjoni Internazzjonali tal-Elezzjonijiet;

Il-multilateraliżmu u l-ħidma tal-UE f'livell multilaterali

39. Jafferma mill-ġdid li l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja tirrikjedi kooperazzjoni internazzjonali b'saħħitha f'livell multilaterali; jissottolinja r-rwol partikolarment importanti tan-NU u tal-korpi tagħha bħala l-forum ewlieni li jrid ikun kapaċi javvanza b'mod effettiv l-isforzi għall-paċi u għas-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jappoġġjaw il-ħidma tan-NU, kemm politikament kif ukoll finanzjarjament, inklużi l-korpi kollha tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, b'mod partikolari l-korpi tat-trattati u l-proċeduri speċjali; jistieden lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, għal dan il-għan, jipprovdi riżorsi xierqa mill-baġit tan-NU u jħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-kontribuzzjonijiet volontarji tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jagħmlu ħilithom biex jitkellmu b'vuċi waħda kemm fin-NU kif ukoll f'fora multilaterali oħra, u b'dan il-mod jippromwovu l-ogħla standards dwar id-drittijiet tal-bniedem; ifakkar fl-obbligi tal-istati membri kollha tan-NU li jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha, kif minquxa fil-Karta Fundatriċi tan-Nazzjonijiet Uniti u fir-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU; jiddeplora l-fatt li żewġ membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU huma responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem li jammonta għal delitti tal-gwerra u saħansitra ġenoċidju; jistieden lill-istati membri tan-NU jżommu milli jieħdu passi lura li jdgħajfu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq ir-responsabbiltà tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li jindirizza l-ksur serju kollu tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja; jiddeplora l-fatt li għadd ta' membri tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU wrew nuqqas sfaċċat ta' rispett għall-obbligi tagħhom b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem, għandhom rekord ikkonfermat ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u naqsu milli jikkooperaw mal-mekkaniżmi tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem; jappella, f'dan ir-rigward, għal riforma fundamentali tal-kriterji għall-membri tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; jistieden lis-SEAE jibda u jmexxi sforz lejn pożizzjoni koordinata tal-UE u tal-Istati Membri dwar is-sħubija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li tippromwovi trasparenza akbar fil-proċess elettorali, b'mod partikolari billi tagħmel il-voti tal-Istati Membri tal-UE pubbliċi u tipprovdi r-raġuni wara dak il-vot, trawwem proċess ġenwinament kompetittiv billi tiżgura li t-tliet blokok reġjonali li l-Istati Membri tal-UE huma membri tagħhom jippreżentaw aktar kandidati milli siġġijiet, u tipprovdi akkontabbiltà għall-kandidati billi tiskrutinizza l-wegħdiet volontarji tagħhom u r-rekords ta' kooperazzjoni mal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, il-korpi tat-trattati u l-proċeduri speċjali tan-NU;

40. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kollha kontra d-detenturi ta' mandat ta' proċedura speċjali tan-NU u kontra l-indipendenza tal-mandati tagħhom; jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab demokratiċi tal-UE jopponu b'mod deċiżiv dawn it-tentattivi u jippromulgaw il-miżuri kollha possibbli biex jgħinu bl-għan li jipprovdu spazji sikuri u miftuħa għall-individwi u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jinteraġixxu man-NU, mar-rappreżentanti tagħha u mal-mekkaniżmi tagħha; jenfasizza l-ħidma tal-kummissjonijiet ta' inkjesta u tal-missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni tan-NU, li qed jintużaw dejjem aktar biex jirrispondu għal sitwazzjonijiet li jinvolvu ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u għall-ġlieda kontra l-impunità;

41. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri jappoġġjaw it-tisħiħ tas-sistemi reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz ta' assistenza finanzjarja u kondiviżjoni ta' esperjenzi transreġjonali; jenfasizza, b'mod partikolari, ir-rwol kritiku tal-korpi ta' monitoraġġ u tal-mekkaniżmi ġudizzjarji stabbiliti taħt dawn is-sistemi reġjonali u l-komplementarjetà tagħhom mas-sistema tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU;

42. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri jmexxu l-isforzi f'fora multilaterali biex jippromwovu l-adozzjoni ta' definizzjoni tat-terroriżmu li tkun rikonoxxuta universalment, filwaqt li jżommu f'moħħhom l-objettiv li jiġġieldu kontra din il-pjaga; jitlobhom ikomplu jmexxu l-isforzi, fil-kuntest tat-Tmien Rieżami tal-Istrateġija Globali tan-NU Kontra t-Terroriżmu fl-2023, biex idaħħlu lingwaġġ qawwi li jirrikonoxxi l-impatt negattiv li l-użu ħażin tal-liġijiet u tal-politiki kontra t-terroriżmu kellu fuq l-ispazju ċiviku u jħeġġeġ lill-istati kollha jieħdu l-passi meħtieġa biex jirriformaw jew iħassru l-leġiżlazzjoni tagħhom kontra t-terroriżmu biex jiżguraw li din ma jkollhiex impatt negattiv fuq is-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jappella lill-UE u lill-Istati Membri jmexxu l-isforzi fil-fora tan-NU biex jistabbilixxu djalogu kostruttiv mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jiżguraw li jkunu involuti b'mod sinifikanti fl-istadji kollha tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni tal-politiki kontra t-terroriżmu;

43. Jinsab imħasseb ħafna dwar l-attakki dejjem jiżdiedu minn reġimi awtoritarji kontra l-ordni globali bbażata fuq ir-regoli, li jagħmlu dan billi jisfidaw u jirrelattivizzaw l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem, jaffermaw li huma strument ta' eġemonija kulturali użata mill-pajjiżi tal-Punent, jgħawru d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem billi jinterpretawh mill-ġdid, u jikkompromettu l-funzjonament tal-korpi u tal-mekkaniżmi tan-NU biex iżommu lill-istati akkontabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq li l-UE jeħtiġilha ssostni d-difiża tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem bħala prijorità ewlenija, u għal dan il-għan, tmexxi patt u taħdem f'alleanza ma' demokraziji oħra u ma' sħab tal-istess fehma biex issaħħaħ l-organizzazzjonijiet multilaterali u tiddefendi l-ordni globali bbażata fuq ir-regoli kontra setgħat awtoritarji dejjem jikbru; jissottolinja li l-effettività mnaqqsa tal-korpi tan-NU ġġib magħha kostijiet reali f'termini ta' kunflitti, ħajjiet mitlufa u tbatija umana, u ddgħajjef serjament il-kapaċità ġenerali tal-pajjiżi li jindirizzaw l-isfidi globali; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lis-sħab tal-istess fehma jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex ireġġgħu lura din it-tendenza;

44. Jissottolinja l-ħtieġa li jitwettaq rieżami imparzjali, ġust u trasparenti tal-applikazzjonijiet għal status konsultattiv fil-Kunsill Ekonomiku u Soċjali (ECOSOC) tan-NU minn organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs); jappella li jittieħdu passi biex jiġi stabbilit siġġu għall-Unjoni stess f'kull forum multilaterali, inkluż il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, flimkien mas-siġġu permanenti li diġà jeżisti ta' wieħed mill-Istati Membri fuq il-Kunsill tas-Sigurtà, li jsaħħaħ il-kapaċità tal-UE li taġixxi, kif ukoll il-konsistenza u l-kredibbiltà tagħha fid-dinja; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipparteċipaw fid-dibattitu ġenerali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u jħeġġeġ lill-membri tal-ECOSOC ikomplu jindirizzaw l-ostakli mhux ġustifikati li l-NGOs jiffaċċjaw biex jiksbu l-akkreditazzjoni ECOSOC tagħhom, b'mod partikolari dawk li l-applikazzjonijiet tagħhom ilhom pendenti għal żmien twil ħafna;

Is-sostenn tad-dritt umanitarju internazzjonali

45. Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' rispett dejjem jikber għad-dritt umanitarju internazzjonali u għad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikoli fil-kunflitti li għaddejjin madwar id-dinja; jissottolinja bħala tal-akbar importanza l-fatt li l-aġenziji ta' għajnuna umanitarja u l-organizzazzjonijiet tal-karità jkunu jistgħu jipprovdu assistenza sħiħa, f'waqtha u mingħajr xkiel lill-popolazzjonijiet vulnerabbli kollha u jistieden lill-partijiet kollha f'kunflitti armati jipproteġu l-popolazzjonijiet ċivili u l-ħaddiema umanitarji, mediċi, tal-media u fil-qasam edukattiv; jappella għall-ħolqien sistematiku ta' kurituri umanitarji f'reġjuni involuti fi gwerra u f'sitwazzjonijiet ta' ġlied sabiex iċ-ċivili f'riskju jkunu jistgħu jaħarbu l-kunflitt, u jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe attakk fuqhom;

46. Ifakkar li d-dritt umanitarju internazzjonali għandu jiggwida l-politiki tal-UE b'rabta ma' sitwazzjonijiet ta' okkupazzjoni jew annessjoni ta' territorju u jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata l-konsistenza tagħhom fir-rigward ta' dawk is-sitwazzjonijiet; jenfasizza r-responsabbiltà tal-kumpaniji bbażati fl-UE li japplikaw l-aktar politiki stretti ta' diliġenza dovuta fil-konfront ta' kwalunkwe attività ekonomika jew finanzjarja fit-territorji kkonċernati jew magħhom, u li jiżguraw konformità stretta mad-dritt internazzjonali u mal-politika ta' sanzjonijiet tal-UE meta applikabbli;

Il-ġlieda kontra l-impunità u t-tisħiħ tal-ġustizzja kriminali internazzjonali

47. Jisħaq fuq ir-rabta bejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-impunità mifruxa u n-nuqqas ta' akkontabbiltà fir-reġjuni u fil-pajjiżi milquta mill-kunflitti; jilqa' b'sodisfazzjon il-kontribut kontinwu tal-QKI għall-ġlieda kontra l-impunità; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu lill-QKI b'appoġġ suffiċjenti biex tkun tista' twettaq il-ħidma tagħha; itenni l-kundanna tiegħu tal-isforzi kontinwi biex jiġu kompromessi l-leġittimità u l-ħidma tal-QKI; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jikkontrattakkawhom u jirrispondu għat-theddid u għas-sanzjonijiet kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u x-xhieda li jikkooperaw mal-QKI; jisħaq fuq ir-rwol vitali tal-QKI fit-twettiq ta' investigazzjonijiet ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jikkooperaw mal-QKI fil-ġlieda u fil-prevenzjoni ta' tali delitti; jilqa' l-appoġġ kontinwu tal-UE u tal-Istati Membri tagħha għall-QKI u jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jabbinaw dan l-impenn mal-finanzjament sostenibbli meħtieġ biex issir ġustizzja fis-sitwazzjonijiet kollha li jispiċċaw quddiem il-QKI;

48. Jappella lill-UE tappoġġja lill-Prosekutur tal-QKI fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni tal-awturi suspettati b'delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u, possibbilment, ġenoċidju billi tipprovdi appoġġ politiku, tiġbor kwalunkwe evidenza fil-pussess tagħha u tagħmilha disponibbli, inklużi intelligence, informazzjoni u data minn sorsi miftuħa, immaġnijiet bis-satellita u komunikazzjonijiet interċettati, u tipprovdi riżorsi umani u finanzjarji adegwati għall-baġit ġenerali tal-QKI sabiex l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha jiġu protetti bis-sħiħ;

49. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinkoraġġixxu lill-pajjiżi sħab jirratifikaw it-Trattat ta' Ruma u b'hekk jespandu l-ġuriżdizzjoni tal-QKI; jappella lill-UE taġixxi f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali[26], filwaqt li żżomm pożizzjoni b'saħħitha dwar id-delitt ta' aggressjoni skont l-appell tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-17 ta' Lulju 2014 dwar id-delitt tal-aggressjoni[27];

50. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa pjan ta' azzjoni tal-UE komprensiv dwar il-ġlieda kontra l-impunità, li għandu jinkludi, fost l-oħrajn, kapitoli dwar ir-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-impunità u l-protezzjoni tagħhom fis-sitwazzjonijiet kollha li jeħtiġuha, u dwar miżuri għall-ġlieda kontra l-impunità għall-vjolenza sesswali abbażi tal-ġeneru, inkluż ksur b'rabta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR) f'kuntesti ta' kunflitt; jappella lill-UE u lis-sħab internazzjonali tagħha jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti kollha rilevanti biex jiġġieldu l-impunità, inkluż l-appoġġ għal ġuriżdizzjoni universali fil-livell nazzjonali, tribunali speċjali fil-livell nazzjonali u internazzjonali inkluż għad-delitt ta' aggressjoni, kif ukoll biex jistabbilixxu kooperazzjoni flessibbli u mekkaniżmi ta' finanzjament biex jiġbru u janalizzaw malajr l-evidenza tad-delitti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dawn l-istrumenti jiġu applikati b'mod koordinat u komplementari ma' strumenti oħra rilevanti tal-UE u tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa programm biex tibni l-kapaċità kemm tal-Istati Membri kif ukoll ta' pajjiżi terzi biex japplikaw il-prinċipju ta' ġuriżdizzjoni universali fis-sistemi legali domestiċi tagħhom;

Progress favur l-abolizzjoni universali tal-piena tal-mewt u l-prevenzjoni tat-tortura u forom oħra ta' trattament ħażin

51. Itenni l-oppożizzjoni ta' prinċipju tiegħu għall-piena tal-mewt, li hija kastig krudili, inuman u degradanti u hija irriversibbli; jisħaq li l-UE trid tkun kostanti hi u tfittex li tilħaq l-għan tagħha tal-abolizzjoni universali tal-piena tal-mewt bħala objettiv ewlieni tal-politika barranija tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiddefendu l-abolizzjoni fil-fora internazzjonali kollha u jippromwovu l-akbar appoġġ possibbli għal din il-pożizzjoni; jinkoraġġixxi l-isforzi kontinwi tal-korpi tan-NU dwar l-abolizzjoni universali tal-piena tal-mewt, f'konformità mar-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU; jikkundanna bil-qawwa l-infurzar, fid-dinja kollha, tal-liġijiet dwar il-blasfemija li jimplikaw il-possibbiltà tal-piena tal-mewt f'każ ta' kundanna; itenni li l-libertà li wieħed jagħżel ir-reliġjon tiegħu, inkluż li jkun jemmen jew ma jemminx, tibqa' dritt fundamentali tal-bniedem li ma jistax jiġi kkastigat bil-mewt jew bi kwalunkwe trattament degradanti; jistieden lill-pajjiżi kollha li għadhom ma għamlux dan biex jabolixxu l-piena tal-mewt jew jistabbilixxu moratorju immedjat bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni tagħha; jistieden, barra minn hekk, lill-pajjiżi kkonċernati jnaqqsu l-lista tad-delitti jew tar-reati punibbli bil-mewt; jappella li jkun hemm trasparenza fir-rigward tas-sentenzi tal-mewt u tal-eżekuzzjonijiet f'pajjiżi li ma jiżvelawx din l-istatistika;

52. Jikkundanna kwalunkwe inċident ta' tortura, trattament inuman jew degradanti, għajbien furzat, detenzjonijiet arbitrarji u qtil illegali u jiddeplora l-fatt li dawn għadhom komuni f'ħafna pajjiżi; jinnota bi tħassib kbir it-tendenza ta' żieda fil-każijiet ta' tortura mad-dinja kollha u l-impunità mifruxa għal min iwettaq tali tortura; jirrikonoxxi r-rwol importanti li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għandhom fil-ġlieda kontra t-tortura u forom oħra ta' trattament ħażin;

Nirrispondu għall-isfidi globali tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija

Ir-rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u l-irkupru minnha

53. Jinsab imħasseb ħafna dwar il-konsegwenzi negattivi fit-tul tal-pandemija tal-COVID-19 kemm fuq l-istat ġenerali tad-demokrazija kif ukoll tad-drittijiet tal-bniedem mad-dinja kollha; jenfasizza l-impatt avvers sproporzjonat fuq gruppi fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi nisa, tfal, persuni b'diżabilità, persuni li jgħixu b'ċertu mard kroniku, l-anzjani, persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru, mhux binarji, intersesswali u queer (LGBTIQ), persuni foqra, persuni li jagħmlu parti minn minoranzi etniċi, ta' twemmin u reliġjużi, rifuġjati u migranti, u persuni li jinsabu l-ħabs jew f'detenzjoni; jinsab imħasseb ukoll dwar id-dewmien u l-ostakli fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u ż-żieda konsegwenti f'każijiet ta' tqala mhux intenzjonata, vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, aborti mhux sikuri, u mwiet materni u tat-trabi tat-twelid; jinnota b'dispjaċir l-użu ta' miżuri ta' prevenzjoni tal-COVID-19 bħala skuża biex jiġu miċħuda ż-żjarat minn membri tal-familja jew avukati f'faċilitajiet ta' detenzjoni u biex jiġu miksura d-drittijiet tad-detenuti; ifaħħar ir-rwol li kellhom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti, li xi drabi saħansitra rriskjaw ħajjithom stess, fir-rappurtar jew fit-tentattiv li jipprevjenu ksur tad-drittijiet tal-bniedem matul il-pandemija;

54. Itenni li t-tgawdija tal-ogħla standard ta' saħħa li jista' jinkiseb u l-aċċess universali għall-kura tas-saħħa huma fost id-drittijiet fundamentali ta' kull bniedem mingħajr distinzjoni; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw id-difiża ta' dawn id-drittijiet, speċjalment f'pajjiżi u reġjuni fejn is-servizzi tas-saħħa huma l-aktar skarsi u jħeġġeġ lill-pajjiżi biex jagħmlu progress fl-iffaċilitar tal-aċċess għas-servizzi tas-saħħa; jasserixxi li l-UE għandha tkompli tiffinanzja l-iżvilupp u l-provvista globali tal-vaċċini kontra l-COVID-19, tipprovdi edukazzjoni dwar il-benefiċċji tat-tilqim u żżid id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tat-tilqim sabiex jiġi evitat mard li jista' jiġi evitat bil-vaċċini;

55. Itenni li l-libertà personali, il-libertà ta' għaqda, il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon u tat-twemmin u l-libertà tal-espressjoni huma pedamenti tad-demokrazija; jinsab imħasseb ħafna bl-użu dejjem jikber ta' teknoloġiji ta' sorveljanza tal-massa, b'mod partikolari minn reġimi awtoritarji, biex inaqqsu dawn il-libertajiet, li żdiedu aktar taħt il-pretest ta' miżuri ta' prevenzjoni tal-COVID-19; jappella għal projbizzjoni stretta u effettiva fuq il-bejgħ ta' teknoloġiji ta' sorveljanza tal-massa; jappella għal rispons akbar għall-infiltrazzjoni tal-massa tad-diżinformazzjoni u t-teoriji ta' komplott fi ħdan l-isfera diġitali, imwettqa fil-biċċa l-kbira iżda mhux esklużivament minn reġimi awtoritarji, kif ukoll minn atturi mhux statali;

Id-drittijiet tan-nisa, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

56. Jikkundanna l-fatt li s'issa l-ebda pajjiż fid-dinja għadu ma kiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jissottolinja l-persistenza ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u diskriminazzjoni intersezzjonali mifruxa f'kull reġjun tad-dinja; jissottolinja li n-nisa u l-bniet jibqgħu jisfaw il-vittmi ewlenin fi kriżijiet vjolenti u li l-vjolenza sesswali, abbażi tal-ġeneru u riproduttiva għadha għaddejja f'ħafna postijiet madwar id-dinja, u tintuża b'mod partikolari f'kunflitti armati bħala arma tal-gwerra; jisħaq li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti, il-ġurnalisti u l-avukati nisa ġew immirati b'mod partikolari, u li dawn jiffaċċjaw fastidju u intimidazzjoni online li qed jiżdiedu b'rata mgħaġġla kif ukoll theddid u attakki kontinwi;

57. Jenfasizza bi tħassib kbir iż-żieda fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru u dik domestika u jiddeplora r-rigressi b'rabta mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati kemm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll f'dawk żviluppati; itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġjaw bis-sħiħ id-dritt tan-nisa għall-integrità fiżika, għad-dinjità u għal teħid awtonomu ta' deċiżjonijiet u biex jiġġieldu b'mod effettiv il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, minkejja l-isforzi tal-UE, in-nisa għadhom minoranza f'pożizzjonijiet ta' tmexxija, jaqilgħu inqas mill-irġiel għall-istess responsabbiltajiet u pożizzjonijiet u l-kapaċitajiet u l-ħiliet tagħhom huma sottovalutati jew kompromessi minħabba l-ġeneru tagħhom;

58. Jappella lill-UE u lis-sħab internazzjonali tagħha biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem min-nisa, mill-bniet u minn gruppi vulnerabbli, u biex jiżguraw opportunitajiet indaqs għal kulħadd; jappella għall-eradikazzjoni mad-dinja kollha tal-liġijiet u tal-prattiki li jipprevjenu lin-nisa milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, b'mod partikolari d-drittijiet għall-edukazzjoni, ix-xogħol u l-parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u pubbliċi; jiddeplora sitwazzjonijiet fejn nisa u unitajiet domestiċi mmexxija min-nisa, b'mod partikolari f'żoni ta' kriżi umanitarja, ma jingħatawx aċċess għal għajnuna umanitarja u servizzi essenzjali minħabba li l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jinsistu li dawn is-servizzi jiġu pprovduti minn ħaddiema nisa, filwaqt li fl-istess ħin jillimitaw l-aċċess tan-nisa għall-impjiegi; jistieden lill-istati li għadhom ma għamlux dan biex jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul;

59. Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe użu ta' żwieġ prekoċi u furzat, arrest domiċiljari, stupru u trattament degradanti ieħor kontra n-nisa; jistieden lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem jindirizzaw il-kwistjoni taż-żwieġ prekoċi u furzat;

60. Ifakkar lill-istati fl-obbligu tagħhom li jiggarantixxu aċċess għal servizzi komprensivi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, inklużi metodi kontraċettivi moderni, abort sikur u legali, kura tas-saħħa materna, ta' qabel it-twelid u ta' wara t-twelid, riproduzzjoni assistita u aċċess għall-edukazzjoni u informazzjoni dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, inkluż edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità, mingħajr ebda forma ta' diskriminazzjoni; jappella biex id-drittijiet u l-protezzjonijiet legali jissaħħu aktar u biex jitneħħew l-ostakli għall-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati b'mod globali; itenni t-talba tiegħu li d-dritt għal abort sikur u legali jiġi inkluż fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; jilqa' l-pubblikazzjoni tal-linji gwida aġġornati tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa li jipprovdu rakkomandazzjonijiet ewlenin għas-sistemi tas-saħħa biex jipprovdu kura għall-abort; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw u jippromwovu bis-sħiħ is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, inkluż l-aċċess għall-abort, f'relazzjonijiet multilaterali u bilaterali f'konformità mad-dritt u l-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

61. Jappella għal sforzi aktar koordinati biex jiġi eliminat l-użu tal-vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra u tiġi miġġielda l-impunità għal dawk li jkunu wettqu tali vjolenza; jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-isforzi biex il-prattika tal-mutilazzjoni ġenitali femminili tiġi eradikata kompletament mad-dinja kollha; jappella għal impenn u appoġġ aktar b'saħħithom min-naħa tal-UE għall-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa f'pajjiżi terzi fl-isforzi kollha tagħha għall-prevenzjoni u għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, kif ukoll għaż-żamma tal-paċi, l-għajnuna umanitarja u l-operazzjonijiet ta' rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti, il-ġustizzja tranżizzjonali u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-riformi demokratiċi, b'enfasi partikolari fuq id-drittijiet tan-nisa li jsofru ostilità, diskriminazzjoni jew stigmatizzazzjoni, li huma tqal jew li għadhom kemm welldu, jew li huma qiegħda jew jinsabu fi stat ta' faqar;

62. Itenni l-ħtieġa ta' azzjoni robusta biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-GAP III; jappella lill-UE, kif stabbilit fil-GAP III, tindirizza b'mod qawwi l-intersezzjonalità billi tiżviluppa politika għall-ġlieda kontra l-forom multipli ta' diskriminazzjoni li jiffaċċjaw il-miljuni ta' nisa u bniet li huma vittmi ta' ksur tad-drittijiet fuq il-bażi ta' kasta kif ukoll ta' drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, inklużi l-abbuż u l-vjolenza sesswali, l-ispostament, ix-xogħol furzat u/jew ta' jasar, il-prostituzzjoni u t-traffikar;

63. Itenni l-kundanna tiegħu fir-rigward tal-prattika kummerċjali tal-maternità surrogata, fenomenu globali li jesponi lin-nisa mad-dinja kollha għall-isfruttament u għat-traffikar tal-bnedmin filwaqt li b'mod partikolari huwa dirett lejn nisa finanzjarjament u soċjalment vulnerabbli; jenfasizza l-impatt sever ta' din il-prattika fuq in-nisa, id-drittijiet tan-nisa, is-saħħa tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u jissottolinja l-implikazzjonijiet transfruntieri tagħha; jappella għal qafas legali Ewropew biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi negattivi tal-maternità surrogata kummerċjali;

64. Jikkundanna l-abort selettiv skont is-sess, kif ukoll id-diskriminazzjoni li tirriżulta minn din il-prattika, li n-nisa u l-bniet jiffaċċjaw b'mod partikolari;

65. Jikkundanna l-leġiżlazzjoni, il-politiki u l-prattiki li jippermettu l-għażla tat-tfal abbażi ta' sess, razza, diżabilità jew kwalunkwe raġuni oħra;

Id-drittijiet tat-tfal

66. Jappella għal approċċ sistematiku u konsistenti għall-promozzjoni u għad-difiża tad-drittijiet tat-tfal fil-politiki esterni kollha tal-UE; jappella għal aktar sforzi koordinati biex jiġu protetti d-drittijiet tat-tfal f'sitwazzjonijiet ta' kriżi jew ta' emerġenza u jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dan is-suġġett; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-għadd dejjem jikber ta' tali sitwazzjonijiet ta' kriżi madwar id-dinja, flimkien mal-effetti fit-tul tal-pandemija tal-COVID-19, wasslu għal għadd dejjem akbar ta' ksur tad-drittijiet tat-tfal madwar id-dinja, inklużi vjolenza, żwieġ prekoċi u furzat, abbuż sesswali inklużi l-mutilazzjoni ġenitali, it-traffikar, is-separazzjoni furzata tat-tfal minn mal-ġenituri tagħhom u viċeversa f'każijiet ta' skjavitù moderna, it-tħaddim tat-tfal, ir-reklutaġġ ta' suldati tfal, nuqqas ta' aċċess għall-edukazzjoni u għall-kura tas-saħħa, il-malnutrizzjoni u l-faqar estrem; jisħaq li l-effetti sproporzjonati u fit-tul tal-insigurtà tal-ikel fuq it-tfal, li taffettwa direttament mhux biss is-saħħa u l-iżvilupp tagħhom iżda wkoll l-edukazzjoni tagħhom, kif ukoll iżżid il-prattika skandaluża taż-żwieġ tat-tfal; jenfasizza l-għadd li għadu kbir ta' tfal madwar id-dinja mġiegħla jaħdmu f'kundizzjonijiet ġeneralment perikolużi f'postijiet li diffiċli jintlaħqu bħax-xaftijiet tal-minjieri, fl-estrazzjoni ta' materja prima, inklużi minerali rari, fl-industrija u fl-agrikoltura; jisħaq li l-2021 kienet is-Sena Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tat-Tħaddim tat-Tfal u jfakkar fil-politika tal-UE ta' tolleranza żero għal din il-prattika; jistieden lill-pajjiżi li fadal li ma rratifikawx il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal biex jagħmlu dan bħala kwistjoni ta' urġenza;

67. Jiddeplora l-immirar kontinwu tat-tfal bħala għodda tal-gwerra; itenni li minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom, il-minorenni spiss ikunu minn tal-ewwel li jsofru l-vjolenza f'territorji mifnija bil-gwerra, speċjalment fir-rigward ta' rappreżalji etniċi minn tribujiet, gruppi u etniċitajiet fi gwerra bejniethom; jikkundanna r-reklutaġġ furzat ta' tfal taħt l-età f'żoni ta' gwerra, kif ukoll l-istrumentalizzazzjoni tagħhom u l-immirar tal-vjolenza sesswali fil-konfront tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa li jinħolqu mogħdijiet għar-riintegrazzjoni u għall-kumpens għat-tfal li d-drittijiet tagħhom ikunu ġew miksura u li l-aġenda tan-NU dwar it-tfal u l-kunflitt armat trid tiġi integrata fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE; jistieden lill-Istati Membri kkonċernati jiżguraw il-protezzjoni tat-tfal li huma ċittadini ta' dawn l-Istati Membri u li jinsabu l-ħabs jew detenuti f'pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tiġġieled l-impunità għad-delitti tal-gwerra kontra t-tfal, issaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha ma' organizzazzjonijiet u NGOs umanitarji ffukati fuq it-tfal u tissalvagwardja d-drittijiet tat-tfal meta tikkoopera u tissieħeb ma' pajjiżi terzi;

68. Jisħaq li d-dritt għall-edukazzjoni bata minn rigressi partikolari, bi tfixkil mingħajr paragun fl-edukazzjoni minħabba l-COVID-19 iżda wkoll minħabba estremiżmu reliġjuż u diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru kontra l-bniet; jesprimi tħassib rigward it-tkeċċija ta' adolexxenti tqal mill-iskejjel; ifakkar li kull tifel u tifla għandhom id-dritt għal edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità li tkun nondiskriminatorja, ibbażata fuq l-evidenza, xjentifikament akkurata u adatta għall-età u li tindirizza normi dannużi abbażi tal-ġeneru; jappella lill-UE żżid il-ħidma tagħha biex tipprovdi aċċess għall-edukazzjoni, inklużi modi innovattivi biex jiġu evitati l-ostakli imposti mill-awtoritajiet nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jżidu l-appoġġ tagħhom għal pajjiżi terzi biex jgħinuhom jadattaw għall-isfidi li ffaċċjaw matul il-pandemija tal-COVID-19 fil-qasam tal-edukazzjoni; jisħaq li l-appoġġ jista' jieħu l-forma ta' allokazzjoni ta' finanzjament miżjuda permezz tal-NDICI – Ewropa Globali, iżda jista' jinkludi wkoll il-forniment ta' bini tal-kapaċità u l-aħjar prattiki bbażati fuq it-tagħlimiet meħuda permezz tad-delegazzjonijiet tal-UE mad-dinja kollha; jenfasizza li l-ambjent internazzjonali li qed jinbidel jista' jirrikjedi soluzzjoni finanzjarja li tippermetti rispons minn diversi donaturi biex tiġi koperta d-diskrepanza dejjem akbar fil-finanzjament biex jintlaħaq l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 4 tan-NU, li għandu l-għan li jiżgura edukazzjoni ta' kwalità inklużiva u ekwa u jippromwovi opportunitajiet ta' apprendiment tul il-ħajja għal kulħadd;

69. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jżommu finanzjament robust għall-edukazzjoni permezz tal-istrumenti ta' finanzjament estern kollha tal-UE, f'konformità mal-parametru referenzjarju ta' 10 % fuq l-edukazzjoni fl-NDICI – Ewropa Globali; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jappoġġjaw ukoll lill-gvernijiet ta' pajjiżi terzi fil-bini u fl-iżvilupp ulterjuri ta' sistemi edukattivi aktar b'saħħithom reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru u inklużivi; ifakkar li l-aċċess tan-nisa għall-edukazzjoni ġie stabbilit bħala dritt fundamentali min-NU; jemmen li ż-żieda fl-aċċess tal-bniet għall-edukazzjoni u l-appoġġ għall-parteċipazzjoni tan-nisa fl-edukazzjoni u f'karrieri fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika bħala kwistjoni ta' prijorità għandhom ikunu mira politika ċentrali għall-UE; jinsisti, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li l-bniet ikunu jistgħu jispiċċaw l-edukazzjoni tagħhom u jkollhom aċċess għal informazzjoni u servizzi adatti għall-età, mingħajr diskriminazzjoni u preġudizzji relatati mal-ġeneru u b'opportunitajiet indaqs biex jilħqu l-potenzjal tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-ostakli relatati mal-ġeneru għall-edukazzjoni, bħal liġijiet, politiki u normi soċjokulturali dannużi li jipprevjenu lill-bniet milli jkomplu l-edukazzjoni f'każ ta' tqala, żwieġ jew maternità; iħeġġeġ l-indirizzar tal-istereotipi tas-sessi u n-normi soċjokulturali dannużi permezz tal-edukazzjoni, u l-prevenzjoni tal-vjolenza permezz ta' edukazzjoni sensittiva għall-ġeneru;

Id-drittijiet tal-anzjani

70. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiżviluppaw mogħdijiet ġodda biex isaħħu d-drittijiet tal-anzjani; jissottolinja l-isfidi għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-anzjani, inklużi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, il-faqar, il-vjolenza, in-nuqqas ta' protezzjoni soċjali, il-kura tas-saħħa u servizzi essenzjali oħra kif ukoll l-ostakli għall-impjiegi; jissottolinja l-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU dwar it-Tixjiħ rigward strument legalment vinkolanti biex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ta' nies akbar fl-età u jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkunsidraw li jipprovdu appoġġ attiv għal dak il-ħidma;

Id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità

71. Jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija tal-UE 2021-2030 għad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità bħala għodda biex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabilità u d-drittijiet tagħhom mad-dinja kollha, b'mod partikolari l-faqar u d-diskriminazzjoni, iżda wkoll problemi bl-aċċess għall-edukazzjoni, għall-kura tas-saħħa u għall-impjiegi u għall-parteċipazzjoni fil-ħajja politika; jappella għal implimentazzjoni sistematika interna u esterna ta' din l-istrateġija; jissottolinja li d-dmir tal-indukrar tal-persuni b'diżabilità spiss jiġġarrab mill-familji tagħhom, b'mod partikolari min-nisa, u jappella lill-UE tassisti lill-pajjiżi terzi fl-iżvilupp ta' politiki ta' appoġġ għal dawk li jindukraw lill-persuni b'diżabilità;

72. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jippromwovu drittijiet ugwali għall-persuni b'diżabilità permezz ta' azzjoni esterna tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa ta' djalogu strutturat mal-organizzazzjonijiet tal-persuni b'diżabilità, fil-pajjiżi sħab biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sinifikanti tagħhom u l-involviment b'suċċess tagħhom fl-ippjanar, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tal-istrumenti ta' finanzjament estern tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali jiġu mħeġġa jimplimentaw riformi biex itejbu s-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabilità u jistieden lill-Kummissjoni tassistihom fl-iżvilupp ta' proċess strutturat għall-konsultazzjoni ma' persuni b'diżabilità u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom; jappella biex id-delegazzjonijiet tal-UE jiġu pprovduti b'investiment, taħriġ u bini tal-kapaċità sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità dwar l-azzjoni umanitarja u l-kooperazzjoni internazzjonali;

L-intolleranza, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni

73. Jenfasizza l-oppożizzjoni u l-kundanna tiegħu għall-intolleranza, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' razza, etniċità, nazzjonalità, klassi soċjali, diżabilità, kasta, reliġjon, twemmin, età, sess, orjentazzjoni sesswali jew identità tal-ġeneru, li f'ħafna mir-reġjuni tad-dinja jwasslu għal qtil u persekuzzjoni, b'mod speċjali f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt; jisħaq li r-razziżmu, id-diskriminazzjoni, il-ksenofobija, il-persekuzzjoni reliġjuża u l-intolleranza relatata għadhom problema kbira mad-dinja kollha, liema problema twassal għal ksur tad-drittijiet fl-isferi kollha tal-ħajja, inkluż l-aċċess għall-edukazzjoni, għall-kura tas-saħħa, għax-xogħol u għall-aċċess għall-ġustizzja, u li dawn il-kwistjonijiet ġew aggravati aktar mill-pandemija tal-COVID-19; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ikunu minn ta' quddiem fil-ġlieda globali kontra l-antisemitiżmu u jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija tal-UE għal dan il-għan; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lid-delegazzjonijiet tal-UE jiżviluppaw, f'kollaborazzjoni mal-Istati Membri u b'kontribut mill-Parlament, strateġiji lokali speċifiċi biex jgħinu fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' kasta fil-pajjiżi l-aktar affettwati minnha, fi djalogu mar-rappreżentanti lokali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jistednuhom għal konsultazzjonijiet li jirriżultaw minn ftehimiet jew strumenti tal-UE, inklużi djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem;

74. Jirrakkomanda li l-Parlament jindirizza d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' kasta fil-kumitati (il-Kumitati għall-Affarijiet Barranin, għall-Iżvilupp u għall-Kummerċ Internazzjonali u s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem) u fid-delegazzjonijiet rilevanti kollha tiegħu, jaħtar persuna li tkun il-punt fokali dwar id-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' kasta u, meta jżur pajjiżi affettwati mill-kwistjoni, jikkonsulta ma' organizzazzjonijiet tad-Daliti, iqajjem il-punt rigward id-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' kasta mal-kontropartijiet tal-Parlament u mal-awtoritajiet u jorganizza seduta ta' smigħ biex jiġu rieżaminati l-azzjonijiet u l-progress tal-UE bħala parti mill-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali;

Minoranzi nazzjonali, etniċi u lingwistiċi

75. Jiddeplora l-fatt li ħafna pajjiżi, minkejja l-impenji tagħhom li jipproteġu l-minoranzi, qed isegwu politiki ta' assimilazzjoni furzata tal-minoranzi nazzjonali, etniċi u lingwistiċi billi jinjoraw id-drittijiet tagħhom; jenfasizza li l-minoranzi ma għandhomx isiru mira jew strument ta' xi tensjoni jew kunflitt militari; ifakkar fl-obbligi tal-istati bbażati fuq trattati u ftehimiet internazzjonali li jipproteġu d-drittijiet ta' dawn il-minoranzi fit-territorji rispettivi tagħhom; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi sħab tal-UE biex jirrispettaw id-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali, etniċi u lingwistiċi, inklużi l-kulturi, il-lingwi, ir-reliġjonijiet, it-tradizzjonijiet u l-istorja tagħhom sabiex jippreservaw id-diversità u l-identità lingwistika u kulturali; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu appoġġ attiv għal dawn il-pajjiżi sħab għal dan il-għan; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi mad-dinja kollha, inkluż fil-programmi tematiċi dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija tal-NDICI – Ewropa Globali;

Id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ

76. Jikkundanna bil-qawwa l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-diskriminazzjoni, l-istigmatizzazzjoni, id-detenzjoni arbitrarja, it-tortura, il-persekuzzjoni u l-qtil, li l-persuni LGBTIQ madwar id-dinja qed ikomplu jiffaċċjaw; jemmen li l-prattiki u l-atti ta' vjolenza kontra individwi fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali, tal-identità tal-ġeneru jew tal-espressjoni tal-ġeneru jew tal-karatteristiċi sesswali reali jew ipperċepiti tagħhom ma għandhomx jibqgħu mhux ikkastigati u jridu jiġu eradikati; jisħaq li persuni LGBTIQ u d-difensuri tagħhom madwar id-dinja jibqgħu jiffaċċjaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi diskriminazzjoni, stigmatizzazzjoni, persekuzzjoni, vjolenza u qtil; jappella lill-UE żżid l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-persuni LGBTIQ ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem tagħhom kemm internament kif ukoll esternament, u jkollha rwol ewlieni fid-difiża tal-protezzjoni tagħhom fil-politiki esterni tagħha; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija 2020-2025 dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ bħala l-għodda tal-UE għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-persuni LGBTIQ madwar id-dinja; jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE jmexxu bl-eżempju billi jiddefendu b'mod proattiv id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ madwar id-dinja u billi japplikaw bir-reqqa u b'mod konsistenti l-linji gwida tal-UE fil-politika barranija kollha tal-UE biex jippromwovu u jipproteġu t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni LGBTIQ;

Il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-media u d-dritt għall-informazzjoni

77. Jissottolinja l-akbar importanza tal-libertà tal-espressjoni – kemm online kif ukoll offline – u tal-aċċess għal informazzjoni affidabbli għad-demokrazija u għal spazju ċiviku ta' suċċess; jesprimi tħassib serju dwar il-limitazzjonijiet dejjem akbar fuq id-drittijiet għall-privatezza, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-informazzjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, u l-ksur tagħhom, imposti minn atturi statali u mhux statali f'ħafna pajjiżi madwar id-dinja, b'mod partikolari għall-ġurnalisti, permezz taċ-ċensura jew tal-ħtieġa ta' awtoċensura u l-abbuż tal-liġijiet dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ħasil tal-flus, il-malafama u l-korruzzjoni, li jservu biex isikktu lill-ġurnalisti, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jiddenunzja l-użu ta' terminoloġija wiesgħa żżejjed li tippermetti lill-awtoritajiet jiddikjaraw għadd kbir ta' atti bħala illegali u jikkriminalizzaw ħidma leġittima b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem, u n-nuqqas ta' salvagwardji suffiċjenti tad-drittijiet tal-bniedem f'ħafna minn dawn il-biċċiet ta' leġiżlazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt għal proċess ġust; jiddenunzja, barra minn hekk, l-użu ta' teknoloġiji bħal spyware biex jippersegwitaw lill-ġurnalisti jew ifixklu jew jikkontrollaw xogħolhom; jesprimi tħassib serju, barra minn hekk, dwar is-sikurezza fiżika tal-ġurnalisti, l-attakki kontrihom, inkluż il-qtil ekstraġudizzjarju u d-detenzjonijiet arbitrarji, u l-fatt li s'issa fl-2022 inqatlu aktar minn 61 ġurnalist u ħaddiem tal-media;

78. Jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja l-libertà tal-espressjoni u tiżgura l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni permezz tal-internet bħala mezz biex tinkiseb il-libertà tal-kelma; jikkundanna r-repressjonijiet brutali u l-użu tal-forza, il-fastidju, id-detenzjoni arbitrarja u l-qtil ekstraġudizzjarju kontra dimostranti paċifiċi f'għadd ta' pajjiżi terzi;

79. Jappella lill-UE tappoġġja media kredibbli u sorsi ta' informazzjoni li jikkontribwixxu għall-akkontabbiltà tal-awtoritajiet u għat-tranżizzjonijiet demokratiċi; jesprimi tħassib dwar l-użu mifrux ta' kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs) biex jissikktu l-ġurnalisti, l-attivisti, it-trejdjunjonisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ambjentali, mad-dinja kollha; jissottolinja li din il-prattika tkompli tirrestrinġi l-ispazju għas-soċjetà ċivili u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, f'kuntest fejn l-ispazju ċiviku ilu jiċkien kontinwament għal diversi snin u l-awtoritajiet pubbliċi u l-atturi privati qed jattakkaw dejjem aktar id-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni u għal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda; jilqa', f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva mmirata lejn il-protezzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem minn proċedimenti abbużivi tal-qorti u SLAPPs;

80. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE, f'koordinazzjoni mal-Istati Membri, jiżviluppaw strateġija biex jindirizzaw l-użu mifrux ta' SLAPPs kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-attivisti u t-trejdjunjonisti mad-dinja kollha; jistieden ulterjorment lill-Kummissjoni u lis-SEAE jinkludu gwida dwar modi kif tiġi pprovduta protezzjoni effettiva għall-vittmi ta' SLAPPs, inkluż permezz ta' assistenza finanzjarja biex jiġu koperti t-tariffi legali, f'tali strateġija; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jiddokumentaw is-SLAPPs u jinkluduhom fl-attivitajiet ta' monitoraġġ, rappurtar u valutazzjoni tagħhom; iħeġġeġ lil-leġiżlaturi minn pajjiżi terzi jfasslu liġijiet bl-istess objettiv, bħala parti minn inizjattivi ġenerali mmirati lejn l-appoġġ u s-salvagwardja tal-libertà tal-espressjoni, inklużi l-libertà u l-pluraliżmu tal-media;

81. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiffinanzja proġetti biex tassisti lill-ġurnalisti fi kwistjonijiet legali u prattiċi, inkluż barra l-UE, permezz tal-pjan ta' azzjoni għad-demokrazija Ewropea; jappella lill-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex tassisti lill-ġurnalisti fil-mira mad-dinja kollha u tiżgura s-sikurezza tagħhom, inkluż billi tipprovdi rifuġju sikur u mezzi biex ikomplu l-ħidma tagħhom f'każ li jkollhom jitilqu mill-post ta' residenza tagħhom u billi taħdem mill-qrib mal-pajjiżi sħab dwar din il-kwistjoni, speċjalment fil-qafas tal-ftehimiet ta' sħubija tal-UE ma' pajjiżi terzi; jilqa' r-rwol li għandhom programmi bħal Media4Democracy u l-attivitajiet iffinanzjati mill-UE tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija għal dan il-għan;

82. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà akkademika u żieda, mad-dinja kollha, fil-każijiet ta' akkademiċi ċċensurati u mibgħuta l-ħabs, liema sitwazzjoni għandha konsegwenzi importanti fuq id-dritt għall-edukazzjoni; jappella lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi diplomatiċi u l-protezzjoni u l-appoġġ ta' emerġenza tagħhom permezz ta' involviment bilaterali u multilaterali fir-rigward ta' theddid jew attakki fuq il-libertà akkademika minn atturi statali u mhux statali; jappella lill-UE tiżgura appoġġ kontinwu ta' livell għoli għall-Kampus Globali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, bħala eżempju ewlieni tal-appoġġ tal-UE għall-edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem mad-dinja kollha;

Id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin

83. Jinnota li s-sena 2021 fakkret l-40 anniversarju tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni Abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin; ifakkar li l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin hija dritt fundamentali ta' kull bniedem u tapplika għall-persuni kollha b'mod indaqs; jinnota bi tħassib serju li d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, li wieħed ikollu twemmin, li ma jemminx, jew li jidentifika bħala ateu jew anjostiku, inkluż id-dritt li juri konvinzjonijiet reliġjużi jew mhux reliġjużi permezz tal-espressjoni, tat-tagħlim u tal-prattika u d-dritt li wieħed jibdel jew jabbanduna r-reliġjon tiegħu, għadu jinkiser f'ħafna pajjiżi madwar id-dinja; jisħaq fuq l-impatt negattiv tal-pandemija tal-COVID-19, peress li xi gvernijiet għadhom jużawha bħala skuża għal aktar prattiki diskriminatorji inkluż il-vjolenza kontra l-minoranzi reliġjużi u sitwazzjonijiet fejn dawn jingħataw tort minkejja li ma jkollhomx ħtija; jikkundanna l-vjolenza kontra persuni li jagħmlu parti minn minoranzi u l-persekuzzjoni tagħhom abbażi tat-twemmin jew tar-reliġjon tagħhom; jiddeplora l-fatt li dan jaffettwa ħafna komunitajiet reliġjużi u ta' twemmin, kif ukoll gruppi ta' persuni li huma atei, umanisti, anjostiċi jew li ma jidentifikaw ruħhom mal-ebda reliġjon; josserva bi tħassib kbir li organizzazzjonijiet mhux reliġjużi, sekulari u umanisti qed jiffaċċjaw persekuzzjoni dejjem akbar, inklużi mewġiet bla preċedent ta' inċitament għall-vjolenza kontrihom, mibegħda u qtil, f'għadd ta' pajjiżi;

84. Jiddenunzja l-attakki kontra għadd kbir ta' individwi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili talli qajmu dubji dwar twemmin reliġjuż, ikkritikawh jew issatirizzawh b'mod paċifiku u jfakkar li l-espressjoni ta' opinjonijiet kritiċi dwar ir-reliġjon hija espressjoni leġittima tal-libertà tal-ħsieb jew tal-kreazzjoni artistika;

85. Jesprimi ulterjorment tħassib dwar l-użu ħażin u l-istrumentalizzazzjoni tar-reliġjon biex titrawwem l-intolleranza jew jiġu kompromessi d-drittijiet tal-bniedem, bħad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ u d-drittijiet tan-nisa, jiġifieri s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, kif ukoll id-drittijiet tat-tfal għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon;

86. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jipproteġu d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin, iqajmu dawn il-kwistjonijiet fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u jaħdmu bil-mekkaniżmi u mal-kumitati rilevanti tan-NU; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jimplimentaw programmi ambizzjużi biex jiddefendu dan id-dritt mad-dinja kollha, inkluż billi jinkoraġġixxu u jappoġġjaw l-isforzi internazzjonali biex tinġabar evidenza ta' delitti ta' atroċità għal raġunijiet ta' twemmin jew reliġjon, billi l-awturi tar-reati jitressqu l-qorti, jingħataw sentenzi kriminali effettivi u l-vittmi jiġu kkumpensati; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jaħdmu ma' pajjiżi terzi biex jadottaw miżuri għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra r-reati ta' mibegħda fil-politiki esterni kollha tal-UE; jistieden lis-SEAE u lid-delegazzjonijiet tal-UE, meta xieraq, jinkludu organizzazzjonijiet ibbażati fuq it-twemmin fid-djalogi tagħhom mas-soċjetà ċivili sabiex ifasslu l-politiki tad-drittijiet tal-bniedem għall-kuntesti reliġjużi u kulturali speċifiċi għall-pajjiż, minħabba r-rwol ta' xi organizzazzjonijiet ibbażati fuq it-twemmin fir-rispons għall-kriżijiet umanitarji, fost l-oħrajn; josserva li l-popolazzjoni li ma tidentifika mal-ebda reliġjon ma għandhiex tiġi traskurata fil-qafas tal-politika tal-UE dwar il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon u tat-twemmin; jappella għal evalwazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE tal-2013 dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, kif previst fl-Artikolu 70 tagħhom;

Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

87. Jappoġġja bil-qawwa l-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jenfasizza r-riskji li jiffaċċjaw fl-isforzi tagħhom biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, inkluż it-theddid kontrihom u kontra l-familji tagħhom, il-fastidju u l-vjolenza; jikkundanna l-fatt li mijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem inqatlu minħabba xogħolhom, li l-maġġoranza tagħhom kienu difensuri ambjentali; jilqa' l-isforzi tal-UE biex tappoġġja lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'xogħolhom, inkluż il-mekkaniżmu ProtectDefenders.eu; jappella biex tali sforzi jiġu intensifikati sabiex jiġu mmitigati r-riskji dejjem akbar li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jiffaċċjaw madwar id-dinja, inklużi d-detenzjoni arbitrarja u l-priġunerija, l-attakki verbali u fiżiċi, il-fastidju u r-restrizzjonijiet legali u t-theddid jew ir-repressjoni tranżnazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jissospendu t-trattati ta' estradizzjoni attivi kollha ma' pajjiżi fejn is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem hija inkompatibbli mal-obbligi internazzjonali ta' non-refoulement tal-Istati Membri;

88. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jindirizzaw b'mod attiv it-tentattivi leġiżlattivi jew amministrattivi biex jingħalaq l-ispazju għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw viżjoni strateġika ta' livell għoli biex jiġġieldu l-attakki globali li qed jiżdiedu kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz tal-adozzjoni ta' konklużjonijiet b'saħħithom tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE li jistabbilixxu strateġija kollettiva ta' livell għoli għal azzjoni globali tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jimplimentaw bis-sħiħ l-impenji politiċi tagħhom dwar il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju, bħal dawk inklużi fil-pjan ta' azzjoni tal-UE 2020-2024 għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u fil-Linji Gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw ukoll b'mod attiv l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' sistemi ta' protezzjoni xierqa u effettivi għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'riskju jew f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, inkluż permezz ta' konsultazzjoni sinifikanti magħhom u abbażi ta' analiżijiet tar-riskju komprensivi u kwalitattivi, filwaqt li jiġi żgurat li tali mekkaniżmi jkunu olistiċi u b'riżorsi xierqa, jivvalutaw u jimmaniġġjaw ir-riskji b'mod preventiv u jibnu pjanijiet ta' protezzjoni li verament jirrispondu għall-ħtiġijiet ta' protezzjoni tal-individwi, tal-intrapriżi kollettivi u tal-komunitajiet; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, b'mod partikolari r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-ambaxxaturi tal-UE, ikunu aktar attivi fil-pubblikazzjoni ta' dikjarazzjonijiet pubbliċi u forom oħra ta' involviment politiku pubbliku u privat b'appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju u dawk li ntefgħu l-ħabs għal perjodi twal, kif ukoll fl-għajnuna biex iwettqu żjarat il-ħabs għal dawn tal-aħħar u fil-faċilitazzjoni ta' żjarat esterni mill-familji tagħhom; jinsisti li s-SEAE u d-delegazzjonijiet tal-UE jagħtu attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tar-rebbieħa u tal-finalisti tal-Premju Sakharov li jinsabu f'riskju u li jieħdu azzjoni determinata, f'koordinazzjoni mal-Istati Membri u mal-Parlament, biex jiżguraw il-benessri, is-sikurezza jew il-liberazzjoni tagħhom; jistieden lis-SEAE jirrapporta lura regolarment dwar l-azzjoni meħuda rigward il-każijiet tar-rebbieħa u l-finalisti tal-Premju Sakharov li jinsabu detenuti, jiffaċċjaw restrizzjonijiet fuq il-libertajiet tagħhom jew li għadu mhux magħruf fejn jinsabu;

89. Jesprimi tħassib dwar l-ostakli li jiltaqgħu magħhom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem mad-dinja kollha biex ikollhom aċċess għal viżi tal-UE umanitarji u/jew għal żmien qasir; ifakkar fl-importanza ta' din l-għodda essenzjali ta' sigurtà u protezzjoni li tippermetti li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikollhom aċċess għal rifuġji sikuri meta jkun meħtieġ, jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet eżistenti għal mistrieħ u solliev, jibbenefikaw minn programmi ta' rilokazzjoni temporanja u jwettqu attivitajiet ta' promozzjoni, mobilizzazzjoni u networking internazzjonali essenzjali fit-territorju tal-UE; jappella għal skema fl-UE kollha biex jinħarġu viżi umanitarji għal żmien qasir għar-rilokazzjoni temporanja tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju, kif ukoll politika tal-UE aktar koordinata rigward il-ħruġ mill-Istati Membri ta' viżi ta' emerġenza għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jappella lill-UE tiżviluppa politika aktar prevedibbli, koordinata u konsistenti dwar il-viżi għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li tippermetti protokolli flessibbli u reattivi, inkluż f'sitwazzjonijiet kritiċi;

90. Jiddeplora l-forom varji ta' projbizzjonijiet u limitazzjonijiet fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-attivitajiet tagħhom, bħal-liġijiet, inklużi l-liġijiet kontra t-terroriżmu, li l-għan tagħhom huwa li jċekknu l-ispazju tas-soċjetà ċivili u jsikktu l-ilħna kuntrarji jew il-promozzjoni ta' organizzazzjonijiet sponsorjati minn gvernijiet ta' pajjiżi terzi (NGOs organizzati mill-gvern (GONGOs)); jiddeplora l-adozzjoni mifruxa tal-hekk imsejħa liġijiet dwar l-aġenti barranin f'ħafna pajjiżi, li jġiegħlu lill-individwi u lill-entitajiet li jirċievu finanzjament minn barra l-pajjiż jirreġistraw lilhom infushom bħala aġenti barranin; jesprimi tħassib partikolari dwar l-użu ta' dawn il-liġijiet biex jistigmatizzaw u jirrestrinġu l-ħidma tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz tar-restrizzjoni tad-dritt ta' aċċess għall-finanzjament; jappella lill-UE taħdem mal-kontropartijiet sabiex tikseb ir-revoka jew ir-reviżjoni ta' tali liġijiet u jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-UE, b'mod partikolari s-SEAE f'koordinazzjoni mal-Kummissjoni, jiżviluppaw strateġija koordinata għal dan il-għan;

91. Jiddeplora l-fatt li d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem jiffaċċjaw vjolenza abbażi tal-ġeneru u jbatu minn nuqqas ta' aċċess għal riżorsi adegwati u mekkaniżmi ta' protezzjoni; jirrifjuta l-fatt li d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tad-drittijiet tan-nisa jibqgħu jiġu attakkati sesswalment, mhedda, intimidati, kriminalizzati u saħansitra maqtula; jiddeplora, barra minn hekk, il-fatt li d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fuq is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati jisfaw partikolarment fil-mira mad-dinja kollha, u jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkundannaw pubblikament u privatament l-attakki u t-theddid kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu f'dan il-qasam u jiżguraw b'mod proattiv rappreżentanza adegwata tad-difensuri tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fil-konsultazzjonijiet tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tappoġġja politikament u finanzjarjament lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet fl-oqsma kollha;

Il-migranti u r-rifuġjati

92. Jafferma mill-ġdid id-drittijiet tal-bniedem inaljenabbli tal-migranti, tar-rifuġjati u tal-persuni spostati bil-forza, li jridu jiġu riflessi fil-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil u fil-kooperazzjoni tagħha ma' pajjiżi terzi f'dan il-qasam; jisħaq li l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha biex tirrikonoxxi u tiżviluppa modi kif tindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-ispostament furzat, b'mod partikolari tan-nisa, tat-tfal, ta' minoranzi etniċi, reliġjużi u ta' twemmin u ta' persuni b'diżabilità, li huma fost dawk l-aktar vulnerabbli, filwaqt li tibni r-reżiljenza tal-komunitajiet ta' oriġini tal-migranti u tgħinhom joffru lill-membri tagħhom il-possibbiltà li jgawdu ħajja deċenti u sikura fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-politiki dwar il-migrazzjoni u l-ażil jiġu ġestiti b'mod irregolat mill-prinċipji tas-solidarjetà, tal-bilanċ u tal-kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn il-pajjiżi; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw lill-pajjiżi li jospitaw il-biċċa l-kbira tar-rifuġjati, kif ukoll lill-pajjiżi ta' tranżitu u lill-pajjiżi ta' oriġini; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-finanzjament Ewropew relatat mal-migrazzjoni, it-taħriġ jew forom oħra ta' appoġġ lil pajjiżi terzi ma jiffaċilitawx direttament jew indirettament it-twettiq ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u lanqas ma jsaħħu jew jipperpetwaw l-impunità għal tali ksur; itenni li l-kooperazzjoni u l-involviment mill-qrib ma' pajjiżi terzi jibqgħu essenzjali għall-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti u tat-traffikar ta' bnedmin; jisħaq b'mod partikolari fuq il-ħtieġa li tiġi estiża l-ġlieda kontra l-gruppi tal-kriminalità organizzata li jinvolvu ruħhom fit-traffikar ta' bnedmin, li għandha tkun strettament konformi mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq, f'dan ir-rigward, li t-tixrid ta' informazzjoni u l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin huma kruċjali; jappella biex l-operazzjonijiet umanitarji ffinanzjati mill-UE jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal u ta' gruppi oħra vulnerabbli u jiżguraw il-protezzjoni tagħhom waqt li jkunu qed jiġu spostati; jikkundanna f'dan ir-rigward it-tqegħid ta' tfal migranti f'ċentri ta' detenzjoni, speċjalment meta jkunu separati mill-ġenituri jew mill-kustodji legali tagħhom; jissottolinja l-importanza li jiġi żviluppat qafas effettiv ta' perkorsi sikuri u legali lejn l-UE u jilqa', f'dan ir-rigward, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-attrazzjoni tal-ħiliet u t-talent lejn l-UE, inkluż l-iżvilupp ta' Sħubiji ta' Talent ma' pajjiżi sħab;

93. Ifakkar fl-impenn tiegħu għad-drittijiet tar-rifuġjati, kif previst mil-liġijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u r-rifuġjati, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha; ifakkar fl-obbligi tal-Istati li jipproteġu lir-rifuġjati u jirrispettaw id-drittijiet tagħhom skont id-dritt internazzjonali rilevanti; jiddeplora l-għadd ta' mwiet ta' migranti li jseħħu tul ir-rotot migratorji u pushbacks illegali bi ksur tad-dritt internazzjonali; ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha, fl-azzjonijiet esterni u ekstraterritorjali tagħhom, fil-ftehimiet u fil-kooperazzjoni fl-oqsma tal-migrazzjoni, tal-fruntieri u tal-ażil, għandhom jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, inkluż id-dritt għall-ħajja, il-libertà u d-dritt li jfittxu l-ażil, permezz tal-valutazzjoni individwali tal-applikazzjonijiet għall-ażil u l-prinċipju ta' non-refoulement; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li l-Istati Membri jmexxu bl-eżempju billi jirrispettaw b'mod strett l-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali dwar ir-rifuġjati, u jżidu b'mod sostanzjali l-assistenza tagħhom lil dawk li qed jaħarbu mir-repressjoni jew il-gwerra, il-kapaċità ta' akkoljenza tagħhom u l-wegħdiet ta' risistemazzjoni tagħhom;

94. Jappella lill-UE u l-Istati Membri tagħha jkunu kompletament trasparenti dwar l-allokazzjoni ta' fondi lil pajjiżi terzi għall-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta' migrazzjoni; itenni l-appelli tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura valutazzjonijiet tar-riskju ex ante trasparenti mwettqa minn korpi u esperti indipendenti tal-UE dwar l-impatt ta' kwalunkwe kooperazzjoni formali, informali jew finanzjarja tal-UE ma' pajjiżi terzi fuq id-drittijiet tal-migranti, tar-rifuġjati u tal-persuni spostati bil-forza, u biex tqis bis-sħiħ dawn il-valutazzjonijiet, kif ukoll il-mekkaniżmi ta' monitoraġġ, biex tevalwa l-impatt tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fuq id-drittijiet tal-bniedem; jinnota bi tħassib li l-għadd ta' nies spostati bil-forza madwar id-dinja bħala riżultat ta' persekuzzjoni, kunflitt, vjolenza, ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew avvenimenti li jfixklu serjament l-ordni pubblika laħaq id-89 miljun bla preċedent sal-aħħar tal-2021, li 36,5 miljun minnhom kienu tfal; ifakkar li r-rifuġjati u l-migranti, speċjalment migranti mingħajr dokumenti, jiffaċċjaw ostakli fl-aċċess għall-kura tas-saħħa madwar id-dinja, li l-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru hija okkorrenza frekwenti matul l-ispostamenti, u li f'ħafna sitwazzjonijiet, is-superstiti tal-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru ma jirċevux il-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva essenzjali li jeħtieġu; jisħaq, f'dan il-kuntest, li l-azzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali huma aktar essenzjali minn qatt qabel biex tiġi żgurata l-protezzjoni tar-rifuġjati;

Il-popli indiġeni

95. Jinnota b'dispjaċir li l-popli indiġeni għadhom jiffaċċjaw diskriminazzjoni u persekuzzjoni mifruxa u sistematiċi madwar id-dinja, inklużi spostamenti furzati; jikkundanna l-arresti arbitrarji u l-qtil tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-art li jiddefendu d-drittijiet tal-popli indiġeni; ifakkar li l-popli indiġeni jiżvolġu rwol importanti fil-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u fil-konservazzjoni tal-bijodiversità; iħeġġeġ lill-gvernijiet isegwu politiki ta' żvilupp u ambjentali li jirrispettaw id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, u li jkunu jinkludu popli indiġeni u popolazzjonijiet lokali, f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU; itenni t-talba tiegħu lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-sħab tagħhom fil-komunità internazzjonali biex jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa għar-rikonoxximent, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-popli indiġeni, inkluż fir-rigward tal-lingwi, tal-artijiet, tat-territorji u tar-riżorsi tagħhom, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, b'mod partikolari fir-rigward tal-kunsens liberu, minn qabel u infurmat; jirrakkomanda li l-UE u l-Istati Membri tagħha jinkludu referenzi għall-popli indiġeni u d-drittijiet li jinsabu fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni fl-oqfsa rilevanti u emerġenti għad-diliġenza dovuta; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jinħoloq mekkaniżmu ta' lmentar biex jitressqu lmenti dwar il-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-popli indiġeni li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-atturi Statali u dawk mhux Statali; jirrakkomanda li l-pajjiżi li għadhom ma għamlux dan biex jirratifikaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol Nru 169 tas-27 ta' Ġunju 1989 dwar il-Popli Indiġeni u Tribali;

Il-gwerer u l-kunflitti madwar id-dinja u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem

96. Jinsab imħasseb serjament dwar il-persistenza tal-pjaga tal-gwerer u l-kunflitti militari madwar id-dinja; jisħaq li l-għadd kbir ta' theddid għad-drittijiet tal-bniedem ikkawżat minn gwerer u kunflitti moderni madwar id-dinja llum; jissottolinja li minbarra l-Istati Parti nfushom, tali kunflitti spiss jinvolvu atturi mhux Statali inklużi kumpaniji privati militari u tas-sigurtà kif ukoll organizzazzjonijiet terroristiċi; jisħaq li l-konsegwenzi umanitarji diżastrużi ta' dawn il-kunflitti u l-impatt devastanti tagħhom fuq iċ-ċivili, li huma mmirati direttament, ikollhom isofru ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, u ħafna drabi ma jkollhom l-ebda aċċess jew aċċess limitat għall-ġustizzja jew rimedji legali; jappella lill-UE tkompli tiżviluppa u timplimenta għodod li jippermettulha tirreaġixxi malajr u b'mod effiċjenti għal tali kunflitti, inkluż billi tindirizza l-kawżi ewlenin tagħhom, tinvesti fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fl-isforzi ta' medjazzjoni, tfittex u żżomm spazju għal soluzzjonijiet politiċi, toħloq alleanzi ma' pajjiżi u organizzazzjonijiet reġjonali tal-istess fehma, tipprovdi aktar appoġġ finanzjarju u tekniku u persunal għal missjonijiet ċivili u operazzjonijiet militari għaż-żamma tal-paċi, u tippromwovi inizjattivi għall-bini tal-fiduċja bejn il-belliġerenti; jappella lill-UE biex tgħin ittemm it-twettiq ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u biex tipprovdi assistenza lill-vittmi;

97. Jikkundanna ż-żieda fil-ksur tal-kostituzzjonijiet demokratiċi fid-dinja; itenni t-tħassib tiegħu dwar it-theddida kkawżata minn kolpi ta' stat militari għad-detriment tal-ħajjiet ċivili, is-sigurtà u l-paċi; jisħaq li l-ħtieġa li tissaħħaħ l-akkontabbiltà u tiġi miġġielda l-impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-delitti tal-gwerra li twettqu bħala riżultat ta' bidliet vjolenti fir-reġim;

98. Itenni li l-kriżijiet umanitarji jintensifikaw l-isfidi relatati mal-kura tas-saħħa u jfakkar li f'żoni ta' kriżi, il-gruppi vulnerabbli bħar-rifuġjati, in-nisa u l-bniet huma partikolarment esposti għall-vjolenza sesswali, il-mard trażmess sesswalment, l-isfruttament sesswali, l-istupru bħala arma tal-gwerra u t-tqala mhux mixtieqa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu prijorità għolja lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri u s-saħħa sesswali u riproduttiva fir-rispons tagħhom għall-għajnuna umanitarja, inkluż f'termini ta' taħriġ għall-atturi umanitarji u finanzjament futur; jappella lill-UE tadotta perspettiva sensittiva għall-ġeneru biex tifhem kif il-kunflitti jaffettwaw lin-nisa u l-komunità LGBTIQ u li tintegraha fl-isforzi kollha għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, kif ukoll fiż-żamma tal-paċi, fl-għajnuna umanitarja u fl-operazzjonijiet ta' rikostruzzjoni wara l-kunflitti, il-ġustizzja tranżitorja u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-riformi demokratiċi;

99. Itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex jgħinu fit-trażżin tal-kunflitti armati u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew tad-dritt umanitarju internazzjonali billi jirrispettaw b'mod strett id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tat-Trattat tan-NU dwar il-Kummerċ tal-Armi dwar l-Esportazzjoni u l-Valutazzjoni tal-Esportazzjoni u tal-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi[28], inkluż billi jirrifjutaw kwalunkwe trasferiment ta' armi u tagħmir ta' sorveljanza li jirriżulta fir-riskju li l-atturi importaturi jistgħu jwettqu jew jiffaċilitaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew tad-dritt umanitarju internazzjonali;

Id-dritt għall-ikel u s-sigurtà tal-ikel

100. Itenni li d-dritt li wieħed ikun ħieles mill-ġuħ huwa dritt tal-bniedem; jissottolinja t-tħassib serju tiegħu dwar l-isfidi għad-dritt għall-ikel u s-sigurtà tal-ikel u l-affordabbiltà tal-ikel f'ħafna pajjiżi madwar id-dinja; jappella lill-UE, lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali immedjatament biex iżidu l-isforzi tagħhom biex iwaqqfu t-tendenza ta' nuqqasijiet serji tal-ikel li qed jitfaċċaw; jissottolinja li filwaqt li s-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-ikel hija pprattikata minn diversi kawżi, din ġiet aggravata minn ħafna kunflitti li seħħew madwar id-dinja, inklużi l-kunflitti attwali f'pajjiżi li huma esportaturi globali kbar ta' prodotti tal-ikel primarji, b'konsegwenzi tremendi f'diversi żoni tad-dinja; jikkundanna bil-qawwa l-użu u t-theddida tal-insigurtà tal-ikel bħala strument politiku tal-gwerra;

101. Jenfasizza bi tħassib il-fatt li l-isfond reliġjuż, ta' twemmin jew etniku jista' jintuża bħala fattur diskriminatorju fid-distribuzzjoni tal-ikel u l-għajnuna umanitarja fil-kuntest tal-insigurtà tal-ikel u l-kriżijiet umanitarji; jappella lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-Kummissjoni biex iressqu din il-kwistjoni għall-attenzjoni tal-gvernijiet tal-pajjiżi terzi kkonċernati;

It-tibdil fil-klima u l-ambjent

102. Jissottolinja li d-drittijiet tal-bniedem, ambjent b'saħħtu u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima huma dipendenti fuq xulxin; jilqa' l-progress lejn ir-rikonoxximent tad-dritt għal ambjent nadif, san u sostenibbli, kif stabbilit fir-Riżoluzzjoni 76/300 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU; jisħaq li l-apprezzament tiegħu għall-ħidma essenzjali mwettqa mid-difensuri ambjentali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-difensuri tal-art u tal-ilma, il-ġurnalisti, il-ġurnalisti investigattivi, l-informaturi, l-avukati u l-attivisti indiġeni, biex jippreservaw u jissalvagwardjaw l-ambjent minkejja t-theddid ta' vjolenza kontrihom u r-riskju għal ħajjithom; jirrikonoxxi, barra minn hekk, ir-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll tal-popli indiġeni għax-xogħol imprezzabbli tagħhom fil-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent;

103. Jisħaq li t-tibdil fil-klima jipperikola t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għas-sigurtà tal-ikel, l-ilma tajjeb għax-xorb, is-sanità, is-saħħa u l-akkomodazzjoni xierqa, kif ukoll id-drittijiet tal-komunitajiet lokali; jirrifjuta l-isfruttament illegali tar-riżorsi naturali, li jikkostitwixxi sfida kbira għas-sostenibbiltà u għall-ambjent; jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, għar-riskji ppreżentati mit-tibdil fil-klima għall-paċi u s-sigurtà, peress li l-insigurtà tal-ikel u l-iskarsezza tal-ilma jistgħu jwasslu għal kompetizzjoni fir-rigward tar-riżorsi naturali u mbagħad għal instabbiltà u kunflitti fi ħdan u bejn l-Istati; jisħaq li l-bijodiversità u d-drittijiet tal-bniedem huma interkonnessi u interdipendenti, u jfakkar fl-obbligi tal-Istati fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem li jipproteġu l-bijodiversità li tali drittijiet jiddependu minnha, inkluż billi jipprevedu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini f'deċiżjonijiet relatati mal-bijodiversità u jipprovdu aċċess għal rimedji effettivi f'każijiet ta' telfien u degradazzjoni tal-bijodiversità;

104. Jappella lill-UE tfittex li tiġġieled l-effetti tal-kriżi klimatika globali, fost l-oħrajn billi tintroduċi azzjonijiet ta' politika effettivi u sostenibbli, u biex tikkonforma mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iżidu l-kontribut tagħhom għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità globalment, b'mod partikolari billi jiżguraw li l-oġġetti importati mill-UE jiġu prodotti skont id-drittijiet tal-bniedem protetti taħt id-dritt internazzjonali, inklużi d-drittijiet tal-popli indiġeni, u ma jikkontribwixxux għall-qerda ta' ekosistemi naturali jew għall-ħsara lilhom, b'mod partikolari għall-foresti primarji u primordjali, bl-użu ta' approċċ ibbilanċjat li ma jagħmilx ħsara lill-pajjiżi terzi; jenfasizza li l-pajjiżi l-anqas żviluppati huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, peress li jsibuha l-aktar diffiċli li jifilħu għall-impatti devastanti tiegħu, minkejja li jipproduċu kwantitajiet iżgħar ta' gassijiet serra fil-konfront ta' pajjiżi aktar sinjuri;

In-negozju, il-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem

105. Jenfasizza li l-ftehimiet kummerċjali spiss joffru l-possibbiltà li l-UE taħdem ma' pajjiżi terzi biex tindirizza s-sitwazzjoni domestika tagħhom billi tipprovdi xi kundizzjonijiet li jservu biex itejbu l-istandards tal-għajxien, kif ukoll jippermettu għall-kundizzjonalità biex titjieb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dawk il-pajjiżi; jinnota, madankollu, li f'xi każijiet ftit li xejn kien hemm titjib fil-pajjiżi kkonċernati; jirrimarka li attivitajiet kummerċjali eċċessivi u ta' sfruttament spiss ikollhom effetti detrimentali fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi; ifakkar li l-klawżoli sostantivi inklużi fil-ftehimiet kummerċjali jipprevedu li l-Istati Parti jeħtiġilhom jirrispettaw, jipproteġu u jrawmu d-drittijiet tal-bniedem kif iddikjarat fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dritt konswetudinarju u l-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom huma parti;

106. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkundannaw, bl-aktar mod qawwi, ir-repressjonijiet kontra s-soċjetà ċivili, b'mod partikolari meta jseħħu f'pajjiżi li magħhom l-UE kkonkludiet ftehimiet ta' kummerċ ħieles, u jinvolvu ruħhom b'mod effettiv mal-awtoritajiet nazzjonali f'dawk il-pajjiżi, inkluż fl-ogħla livell, biex jiżguraw li s-soċjetà ċivili tkun tista' taġixxi liberament, tipparteċipa fl-affarijiet pubbliċi u timmonitorja u tiddokumenta l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles; jappella lill-UE tindirizza kwalunkwe ksur tal-impenji tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles, inklużi dawk stabbiliti fil-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u fil-klawżoli tal-elementi essenzjali tal-ftehimiet ta' sħubija u kooperazzjoni; jafferma li, f'każijiet ta' ksur serju jew mifrux, l-UE għandha tiskatta klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem, li jipprevedu kundizzjonalità ddedikata u miżuri adegwati fuq din il-bażi, inkluż l-istabbiliment ta' korp ta' monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem iddedikat biex jivvaluta r-rispett tal-impenji tad-drittijiet tal-bniedem skont l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles u biex jipprovdi rakkomandazzjonijiet lill-partijiet;

107. Jappella lill-UE tagħmel użu konsistenti mill-klawżoli fil-ftehimiet kummerċjali li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, inklużi monitoraġġ u infurzar aktar mill-qrib tal-impenji tad-drittijiet tal-bniedem, u tuża l-potenzjal sħiħ tal-kundizzjonalità dwar id-drittijiet tal-bniedem biex tagħti aċċess preferenzjali għas-suq tagħha lil pajjiżi terzi; jitlob, b'mod partikolari, rabta aktar mill-qrib bejn it-trattament preferenzjali u l-progress dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-Regolament aġġornat dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP+); jappella għal aktar trasparenza matul il-passi kollha tal-proċedura għall-għoti tal-istatus ta' SĠP+, inkluż involviment imtejjeb mas-soċjetà ċivili u għal segwitu ta' kwalunkwe ksur possibbli; jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat b'mod adegwat dwar kwistjonijiet f'dan il-qasam; jappella lill-partijiet involuti fin-negozjar tal-ftehimiet tal-UE jew fl-istabbiliment jew fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet tal-UE ma' pajjiż terz biex jeżaminaw il-possibbiltà li jestendu stedina permanenti bilaterali biex josservaw l-elezzjonijiet rispettivi tagħhom; jisħaq li din il-possibbiltà għandha tiġi indirizzata wkoll fi ftehimiet diġà eżistenti; itenni l-appelli tiegħu biex il-Kummissjoni twettaq b'mod sistematiku valutazzjonijiet tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem iffukati fuq ir-riskji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem qabel ma tagħti kwalunkwe reġim preferenzjali lil pajjiż u biex tinvestiga u twieġeb malajr għal kwalunkwe ksur, inkluża r-revoka tal-istatus SĠP+ jekk dan ikun iġġustifikat; jissottolinja l-ħtieġa ta' riżorsi adegwati u proċeduri ċari biex jitwettqu kif xieraq il-valutazzjonijiet tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem u tiġi mmonitorjata l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jitlob, f'dan ir-rigward, li d-delegazzjonijiet tal-UE kkonċernati jirċievu żieda fir-riżorsi umani biex jikkontribwixxu għal dawn il-valutazzjonijiet u l-monitoraġġ tal-UE tal-aċċess preferenzjali għall-kummerċ għas-suq tal-UE skont l-iskema SĠP+;

108. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva bħala pass lejn it-trawwim ta' mġiba korporattiva responsabbli fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, tax-xogħol u dawk ambjentali; jenfasizza l-importanza li l-kumpaniji azzjonarji jinżammu responsabbli permezz ta' mekkaniżmi ġudizzjarji, inkluża r-responsabbiltà ċivili; jenfasizza li r-rekwiżiti tad-direttiva fir-rigward tar-rappurtar dwar l-istrateġiji ta' sostenibbiltà u diliġenza dovuta għandhom japplikaw għall-impriżi kbar kollha u għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju li huma elenkati pubblikament jew li joperaw f'reġjuni tad-dinja u setturi ekonomiċi ta' riskju għoli; jitlob l-inklużjoni fid-direttiva ta' artikolu speċifiku dwar il-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari tal-persuni affettwati u tal-komunitajiet lokali, tat-trade unions, tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

109. Jikkundanna l-forom kollha ta' xogħol furzat u skjavitù moderna; jenfasizza li skont l-aħħar rapport "Global Estimates of Modern Slavery" (Stimi globali tal-iskjavitù moderna), bejn l-2016 u l-2021, 2,7 miljun persuna oħra kienu soġġetti għal xogħol furzat, b'massimu ta' 17,3 miljun persuna fis-settur privat biss; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-projbizzjoni ta' prodotti magħmula b'xogħol furzat fis-suq tal-Unjoni; jenfasizza wkoll li l-pandemija tal-COVID-19 aggravat din ix-xejra; jisħaq li l-kriżi rriżultat ukoll f'deterjorament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għal ħafna ħaddiema, li f'xi każijiet wasslet għal xogħol furzat; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jmexxu azzjonijiet f'fora multinazzjonali biex jeqirdu x-xogħol furzat u l-iskjavitù moderna; ifakkar lill-Istati Membri dwar il-ħtieġa ta' prosekuzzjoni u li jikkundannaw dawn l-attivitajiet imwettqa kemm fil-pajjiżi ta' oriġini kif ukoll fi gruppi b'mobilità internazzjonali; itenni l-appell tiegħu li l-pajjiżi kollha jimplimentaw bis-sħiħ il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE li għadhom ma adottawx il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar id-drittijiet tan-negozju biex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha li jipparteċipaw b'mod kostruttiv u attiv fil-ħidma tal-grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ tan-NU dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u li jadottaw mandat ta' negozjar għal dan l-għan; iqis li dan huwa pass neċessarju 'l quddiem fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

110. Jikkundanna l-prattika dejjem tikber minn Stati awtoritarji li jospitaw avvenimenti sportivi jew kulturali enormi sabiex isaħħu l-leġittimità internazzjonali tagħhom filwaqt li jrażżnu ulterjorment id-dissens domestiku; jappella lill-UE u lill-Istati Membri jidħlu fi djalogu mal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, mal-atturi korporattivi u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar il-modi għall-parteċipazzjoni tagħhom f'avvenimenti bħal dawn; jitlob l-iżvilupp ta' qafas ta' politika tal-UE dwar l-isport u d-drittijiet tal-bniedem;

Id-drittijiet tal-bniedem u t-teknoloġiji diġitali

111. Jisħaq li d-drittijiet tal-bniedem iridu jinkludu bis-sħiħ l-isfera diġitali u jridu jiġu protetti mill-użu illegali tat-teknoloġija, jew minn atturi Statali jew mhux Statali li jipprovdu jew jibbenefikaw minn dawn it-teknoloġiji; jissottolinja r-riskji maħluqa mit-teknoloġiji diġitali, inkluża l-intelliġenza artifiċjali, għal-libertà personali, għad-dritt għall-privatezza u għad-demokrazija b'mod ġenerali u jikkundanna r-rwol tat-teknoloġiji diġitali fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari permezz tas-sorveljanza, il-monitoraġġ, il-fastidju u l-limitazzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni; jisħaq fuq it-theddid li l-kampanji ta' diżinformazzjoni, flimkien ma' għodod diġitali, joħolqu; jisħaq wkoll li t-theddida speċifika li t-teknoloġiji diġitali ġodda joħolqu għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-esponenti tal-oppożizzjoni, il-ġurnalisti u oħrajn fil-kontroll, fir-restrizzjoni u fil-imminar tal-attivitajiet tagħhom; jitlob sforzi aktar intensivi biex jiġi stabbilit qafas legali globali komprensiv dwar it-teknoloġiji diġitali, li għandu jieħu vantaġġ mill-kisbiet possibbli li tali teknoloġiji jistgħu joffru għall-benesseri tal-bniedem, filwaqt li jiġu rispettati b'mod strett id-drittijiet tal-bniedem; jinsisti fuq l-importanza ta' ċiberspazju miftuħ, liberu, stabbli u sigur, li jirrispetta l-valuri fundamentali tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt; jappoġġja bil-qawwa n-normi volontarji u mhux vinkolanti dwar l-imġiba responsabbli tal-Istat fiċ-ċiberspazju, li jinkludu r-rispett għall-privatezza u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; jitlob l-adozzjoni rapida tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) bħala għodda effettiva biex jiġi żgurat li l-IA tintuża għal dan l-għan, b'enfasi speċjali fuq l-IA b'riskju għoli; jitlob li l-ekonomija tal-attenzjoni – użata minn, fost l-oħrajn, il-pjattaformi tal-media soċjali – tiġi inkluża fil-kamp ta' applikazzjoni tal-IA b'riskju għoli sabiex il-gruppi vulnerabbli jiġu protetti milli jkunu fil-mira tad-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-opinjoni pubblika;

112. Jiddeplora l-prattiki minn reġimi awtoritarji, fost l-oħrajn, li jillimitaw l-aċċess taċ-ċittadini għall-internet, inklużi l-blackouts tal-internet matul l-assemblej u l-protesti pubbliċi; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, f'kooperazzjoni ma' pajjiżi demokratiċi oħra, jinvestu fir-riċerka u t-teknoloġija li jippermettu aċċess globali għall-internet mingħajr xkiel u bi prezzijiet raġonevoli; jappella lill-UE tiffinanzja riċerka dwar modi diġitali effettivi biex tiffiltra u tiġġieled it-tixrid diġitali tal-aħbarijiet foloz, id-diżinformazzjoni u l-propaganda malizzjuża;

°

° °

113. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tat-78 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kapijiet ta' Delegazzjoni tal-UE.

ANNESS I

KAŻIJIET INDIVIDWALI MQAJMA MILL-PARLAMENT EWROPEW BEJN JANNAR 2022 U NOVEMBRU 2022

 

PAJJIŻ

 

Individwu

SFOND

AZZJONI MEĦUDA MILL-PARLAMENT

Il-BELARUSSJA

 

Siarhei Tsikhanouski, Mikola Statkevich, Viktar Babaryka, Maryia Kalesnikava, Maksim Znak, Ihar Losik, Artsyom Sakau, Uladzimir Tsyhanovich u Dzmitry Papou

Siarhei Tsikhanouski, Mikola Statkevich, Viktar Babaryka, Maryia Kalesnikava, Maksim Znak, Ihar Losik, Artsyom Sakau, Uladzimir Tsyhanovich u Dzmitry Papou huma avversarji u attivisti politiċi, li ġew arrestati u detenuti, wara l-moviment ta' protesta fil-Belarussja fl-2021.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2022, il-Parlament Ewropew:

 

- Jiddenunzja l-fatt li l-proċessi motivati politikament isiru bil-bibien magħluqa u mingħajr proċess xieraq tal-liġi, u b'hekk jinkisru l-obbligi u l-impenji internazzjonali tal-pajjiż, u dan jirriżulta f'sentenzi ħorox u mhux ġustifikati mogħtija lill-mexxejja tal-oppożizzjoni, b'mod partikolari lil Siarhei Tsikhanouski, Mikola Statkevich, Viktar Babaryka, Maryia Kalesnikava, Maksim Znak, Ihar Losik, Artsyom Sakau, Uladzimir Tsyhanovich u Dzmitry Papou.

 

IL-BRAŻIL

 

Dom Philips u Bruno Pereira

 

Fil-5 ta' Ġunju 2022, il-ġurnalist Brittaniku Dom Phillips, kontributur għall-gazzetta The Guardian, u l-espert indiġenu Brażiljan Bruno Pereira, ex impjegat taċ-ċivil fil-Fondazzjoni Nazzjonali Indjana (Funai), sparixxew fil-Wied ta' Javari, bejn il-komunità tax-xmara ta' São Rafael u l-belt ta' Atalaia do Norte fl-Istat tal-Amazonas fit-Tramuntana tal-Brażil. Huma nqatlu u l-katavri tagħhom ġew skoperti fil-15 ta' Ġunju 2022.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2022, il-Parlament Ewropew:

 

- Jikkundanna bil-qawwa l-qtil brutali ta' difensuri ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll ta' popli indiġeni fil-Brażil, l-aktar reċentement il-qtil tal-ġurnalist Dom Phillips u tal-attivista Bruno Pereira;

- Jistieden lill-awtoritajiet Brażiljani jwettqu investigazzjoni eżawrjenti, imparzjali u indipendenti dwar dawn l-assassinji u jiżguraw konformità sħiħa mad-drittijiet ta' proċess ġust f'kull ħin.

 

IL-KAMBODJA

 

Kem Sokha, Sam Rainsy u Mu Sochua

 

Kem Ley u Sin Khon

Kem Sokha kien il-President tal-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja (Cambodia National Rescue Party - CNRP), partit tal-oppożizzjoni fil-Kambodja. Fit-3 ta' Settembru 2017, huwa ġie arrestat u mbagħad ġie akkużat bi tradiment. Fl-10 ta' Novembru 2019, Kem Sokha nħeles mid-detenzjoni domiċiljari.

Sam Rainsy kien il-President preċedenti tas-CNRP u Mu Sochua kienet il-Viċi President tal-partit. F'Marzu 2021, disa' mexxejja anzjani tas-CNRP, inkluż Sam Rainsy, instabu ħatja in absentia ta' "tentattiv ta' reat" u "attakk" skont il-Kodiċi Kriminali, u ġew ikkundannati għal 25 sena ħabs.

 

L-attivisti politiċi Kem Ley u Sin Khon inqatlu u l-każijiet tagħhom ma ġewx spjegati.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2022, il-Parlament Ewropew:

 

- Jikkundanna x-xoljiment tas-CNRP u jtenni t-talba tiegħu biex l-akkużi kontra Kem Sokha, Sam Rainsy, Mu Sochua u uffiċjali oħra tal-oppożizzjoni jitneħħew immedjatament;

- Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kambodjani jeħilsu minnufih lill-priġunieri minħabba t-twemmin kollha, kif ukoll lill-priġunieri detenuti talli wettqu l-ħidma leġittima tagħhom jew eżerċitaw id-drittijiet tagħhom, inklużi l-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti ambjentali u t-trejdjunjonisti; jistieden lill-awtoritajiet Kambodjani jwettqu investigazzjonijiet indipendenti dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' fastidju, intimidazzjoni, arrest arbitrarju u atti ta' vjolenza u tortura kontra membri tal-partiti tal-oppożizzjoni u atturi tas-soċjetà ċivili, u jressqu lill-awturi tar-reati quddiem il-ġustizzja;

- Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kambodjani jiżguraw li l-allegazzjonijiet kollha ta' qtil ekstraġudizzjarju jiġu investigati minnufih u b'mod imparzjali, inklużi l-każijiet ta' Sin Khon u Kem Ley, u li l-awturi tar-reati jiġu mħarrka; jistieden lill-awtoritajiet Kambodjani jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprevjenu u jwaqqfu tali qtil.

 

IĊ-ĊINA, HONG KONG

 

Joshua Wong, Sze-yiu Koo, Albert Ho, Martin Lee, Margaret Ng, Kok Tsz-lun, Chow Hang-tung u Lee Cheuk-yan

 

Gui Minhai

Joshua Wong, Sze-yiu Koo, Albert Ho, Martin Lee, Margaret Ng, Kok Tsz-lun, Chow Hang-tung u Lee Cheuk-yan huma personalitajiet prominenti favur id-demokrazija, li ġew ikkundannati għall-involviment paċifiku tagħhom fi protesti f'Hong Kong fl-2021.

Gui Minhai huwa ċittadin Svediż u residenti ta' Hong Kong, imwieled fiċ-Ċina, li għeb u ġie detenut fiċ-Ċina kontinentali f'post mhux żvelat. Bħala bejjiegħ tal-kotba, huwa ġie kkundannat minn qorti għal għaxar snin ħabs talli "pprova b'mod illegali l-intelligence barra l-pajjiż".

 

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2022, il-Parlament Ewropew:

 

- Jistieden lill-Gvern ta' Hong Kong jeħles lill-priġunieri politiċi kollha f'Hong Kong;

- Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet u li jitwaqqgħu l-akkużi kollha li hemm kontra d-dimostranti paċifiċi kollha ta' Hong Kong arrestati f'dawn l-aħħar snin, li sempliċement eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni jew drittijiet tal-bniedem oħra, bħal Joshua Wong, Koo Sze-yiu, Martin Lee, Albert Ho, Margaret Ng u Kok Tsz-Lun, b'ċittadinanza doppja Ċiniża u Portugiża, u, għalhekk, ċittadin tal-UE, li fl-2020 ġie kkundannat f'Shenzhen għal seba' xhur ħabs talli allegatament ipprova jaħrab minn Hong Kong fuq dgħajsa u bħalissa qed jistenna li jiġi pproċessat waqt li jinsab f'detenzjoni f'Hong Kong;

- Jikkundanna l-kawżi li għaddejjin bħalissa, inklużi dawk tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Chow Hang-tung, Lee Cheuk-yan u Albert Ho;

- Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-bejjiegħ tal-kotba Żvediż, Gui Minhai, li jinsab il-ħabs fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

 

Joseph Zen

Il-Kardinal Joseph Zen serva bħala s-sitt isqof tal-knisja Kattolika ta' Hong Kong. Huwa ppromwova d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, filwaqt li influwenza l-moviment favur id-demokrazija. Fil-11 ta' Mejju 2022, huwa ġie arrestat u mbagħad inħeles fuq pleġġ.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2022, il-Parlament Ewropew:

 

- Jikkundanna l-arresti tal-Kardinal Joseph Zen, wieħed mill-aktar difensuri b'saħħithom tal-moviment favur id-demokrazija tal-belt, u tal-erba' fiduċjarji l-oħra tal-Fond 612 ta' Għajnuna Umanitarja f'Hong Kong, li jikkostitwixxu attakk fuq il-libertajiet garantiti mil-Liġi Bażika ta' Hong Kong, inkluża l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, b'mod partikolari wara l-għeluq ta' aktar minn 60 grupp tas-soċjetà ċivili, u huma sintomatiċi tal-isforzi kontinwi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina biex teqred b'mod sistematiku l-aħħar fdalijiet tal-awtonomija u l-libertajiet ta' Hong Kong u biex trażżan il-moviment favur id-demokrazija;

- Jemmen li l-arrest huwa turija ċara tal-intenzjoni ddikjarata ta' John Lee Ka-Chiu li jopponi l-vuċijiet kritiċi kollha b'mod aktar qawwi u li jkompli jintensifika r-repressjoni.

 

L-EĠITTU

 

Mohamed ‘Oxygen' Ibrahim, Mohamed Adel, Alaa Abdel Fattah, Ibrahim Metwally Hegazy, Mohamed El Baqer, Hoda Abdelmoniem, Ezzat Ghoneim, Ahmed Amasha, Abdel Moneim Aboul Fotouh, Mohamed El Kassas, Ziad Abu El Fadl, Aisha El Shater, Mohamed Abo Houraira, Manal Agrama, Marwa Arafa, Hala Fahmy, Safaa El Korbagy, Tawfik Ghanim, Seif Thabit, Safwan Thabit, Sherif al Rouby, Anas El-Beltagy, Ahmed Douma, Mohamed Adel Fahmy, Nermin Hussein, Haneen Hossam, Mawadda el-Adham, Ismail Iskandarani, Seif Fateen, Hisham Genena, Omar Mohammed Ali, Aymen Moussa, Omar el Hout, Ahmed Moussa Abd El Khaleq u Ahmed Fayez

 

Giulio Regeni

Mohamed ‘Oxygen' Ibrahim, Mohamed Adel, Alaa Abdel Fattah, Ibrahim Metwally Hegazy, Mohamed El Baqer, Hoda Abdelmoniem, Ezzat Ghoneim, Ahmed Amasha, Abdel Moneim Aboul Fotouh, Mohamed El Kassas, Ziad Abu El Fadl, Aisha El Shater, Mohamed Abo Houraira, Manal Agrama, Marwa Arafa, Hala Fahmy, Safaa El Korbagy, Tawfik Ghanim, Seif Thabit, Safwan Thabit, Sherif al Rouby, Anas El-Beltagy, Ahmed Douma, Mohamed Adel Fahmy, Nermin Hussein, Haneen Hossam, Mawadda el-Adham, Ismail Iskandarani, Seif Fateen, Hisham Genena, Omar Mohammed Ali, Aymen Moussa, Omar el Hout, Ahmed Moussa Abd El Khaleq u Ahmed Fayez huma difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati, ġurnalisti u bloggers li ġew arrestati u detenuti talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni.

 

Giulio Regeni, kien student Taljan ta' dottorat, li wettaq riċerka fil-Kajr dwar l-iżvilupp ta' trade unions indipendenti u kellu kuntatt ma' avversarji politiċi. Huwa għeb fil-25 ta' Jannar 2016 wara li telaq mid-dar tiegħu fil-Kajr. Il-katavru tiegħu nstab fit-3 ta' Frar 2016 maġenb triq fil-periferija tal-Kajr. Instab li kien ġie soġġett għal swat qawwi u għal diversi forom ta' tortura. L-awtoritajiet Eġizzjani fixklu l-progress fl-investigazzjoni u l-kxif tal-verità dwar il-ħtif, it-tortura u l-qtil ta' Giulio Regeni.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2022, il-Parlament Ewropew:

 

- Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jeħilsu minnufih lil Mohamed "Oxygen" Ibrahim, Mohamed Adel, Alaa Abd El-Fattah, u t-tliet avukati li fl-2020 irċevew il-premju tad-drittijiet tal-bniedem tal-Kunsill tal-Għaqdiet Ewropej tal-Avukati Ibrahim Metwally Hegazy, Mohamed El Baqer u Hoda Abdelmoniem, kif ukoll lil Ezzat Ghoneim, Ahmed Amasha, Abdel Moneim Aboul Fotouh, Mohamed El Kassas, Ziad Abu El Fadl, Aisha El Shater, Mohamed Abo Houraira, Manal Agrama, Marwa Arafa, Hala Fahmy, Safaa El Korbagy, Tawfik Ghanim, Seif Thabit, Safwan Thabit, Sherif al Rouby, Anas El-Beltagy, Ahmed Douma, Mohamed Adel Fahmy, Nermin Hussein, Haneen Hossam, Mawadda el-Adham, Ismail Iskandarani, Seif Fateen, Hisham Genena, Omar Mohammed Ali, Aymen Moussa, Omar el Hout, Ahmed Moussa Abd El Khaleq u Ahmed Fayez, fost ħafna oħrajn detenuti inġustament; jisħaq li dawk in-nisa u l-irġiel huma difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, attivisti paċifiċi, politiċi, influencers nisa tal-media soċjali jew negozjanti Eġizzjani li rrifjutaw li jbigħu l-assi tagħhom lill-militar;

- Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lid-difensur tad-drittijiet tal-bniedem u attivist paċifiku Brittaniku-Eġizzjan Alaa Abd El-Fattah, li ngħata l-premju Deutsche Welle u Reporters Mingħajr Fruntieri; li ġie detenut arbitrarjament għall-biċċa l-kbira ta' dawn l-aħħar għaxar snin fuq akkużi mhux sostanzjati, għat-talbiet paċifiċi u leġittimi tiegħu għal aktar drittijiet u libertajiet, u l-każ tiegħu assolutament mhuwiex wieħed iżolat, u li jippermettulu jitlaq minnufih lejn ir-Rejnu Unit; jenfasizza li kemm il-Kanċillier tal-Ġermanja Olaf Scholz kif ukoll il-President Franċiż Emmanuel Macron talbu l-ħelsien tiegħu;

- Itenni l-akbar kundanna tiegħu tal-użu mifrux tat-tortura mill-apparat tas-sigurtà tal-Eġittu; ifakkar li r-rivoluzzjoni tal-Eġittu tal-25 ta' Jannar 2011 bdiet bħala protesta pubblika kontra l-impunità tal-pulizija wara t-tortura u l-qtil tal-blogger Khaled Said, fost l-oħrajn; iħeġġeġ lill-Eġittu jikkoopera bis-sħiħ mal-investigazzjoni tal-awtoritajiet Taljani dwar il-qtil tal-istudent Taljan tal-PhD Giulio Regeni, li ġie ttorturat sal-mewt minn uffiċjali tas-sigurtà fl-2016;

- Jikkundanna bl-aktar mod qawwi t-tortura għall-mewt tal-ekonomista Ayman Hadhoud, li miet fil-5 ta' Marzu 2022 wara li kien ġie furzat jgħib u nżamm arrestat minn uffiċjali tas-sigurtà wara l-kritika tiegħu dwar il-politiki ekonomiċi, u jiddeplora bil-qawwa n-nuqqas ta' kwalunkwe awtopsja indipendenti u investigazzjoni kredibbli mill-Prosekuzzjoni Pubblika tal-Eġittu;

- Iħeġġeġ lill-Eġittu jeħles lill-ġurnalisti kollha, 21 b'kollox, li bħalissa jinsabu l-ħabs sempliċement talli għamlu xogħolhom, kif dokumentat mir-Reporters Mingħajr Fruntieri u mill-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti; jissottolinja d-dritt tal-Eġizzjani kollha li jkollhom aċċess għall-informazzjoni mingħajr iċ-ċensura tal-gvern tagħhom; jinnota d-deċiżjoni, meħuda taħt pressjoni fil-bidu tal-konferenza COP27, li jingħata aċċess għal xi siti web ta' NGOs tad-drittijiet tal-bniedem u gazzetti indipendenti bħal Medium, Mada Masr jew Human Rights Watch; jisħaq, madankollu, li tali siti web għandhom dejjem jibqgħu aċċessibbli għall-Eġizzjani anke wara l-konferenza; iħeġġeġ għalhekk lill-awtoritajiet Eġizzjani jeħilsu lill-ġurnalisti kollha li kienu detenuti minn Novembru 2022 'il quddiem: Khaled Abdelwahab Radwan, Ahmed Fayez, Alaa Abdelfattah, Ismail Alexandrani, Mohamed Ibrahim (magħruf ukoll bħala Mohamed Oxygen), Ahmed Allaam, Hamdi al-Zaeem, Tawfik Ghanem, Rabie al-Sheikh, Adallah Shusha, Khaled Sahloob, Bahaa al-Din Ibrahim Nemat Allah, Hisham Abdel Aziz, Mohamed Said Fahmy, Badr Mohamed Badr, Raouf Ebeid, Mostafa Saad, Mohamed Mostafa Moussa, Mahmoud Saad Diab u Amr Shnin.

 

IL-GEORGIA

 

Nika Gvaramia

Fis-16 ta' Mejju 2022, Nika Gvaramia, direttur tal-istazzjon televiżiv Mtavari, ġie kkundannat għal tliet snin u nofs ħabs għal akkużi dubjużi ta' ħasil tal-flus, tixħim u falsifikazzjoni ta' dokumenti relatati mal-attivitajiet preċedenti tiegħu bħala direttur ta' Rustavi 2 TV. Is-sentenza ġiet perċepita b'mod mifrux fil-Georgia bħala tentattiv biex jissikket leħen kritiku tal-gvern attwali.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2022, il-Parlament Ewropew:

 

- Jikkundanna s-sentenza ta' Nika Gvaramia, id-direttur tal-istazzjon televiżiv ewlieni favur l-oppożizzjoni Mtavari, fis-16 ta' Mejju 2022, li enfasizzat in-nuqqas ta' fiduċja persistenti fis-sistema ġudizzjarja tal-Georgia; japprova s-sejħa minn Reporters mingħajr fruntieri għal rieżami tal-kundanna ta' Nika Gvaramia; jenfasizza, għal darb'oħra, il-ħtieġa urġenti li l-gvern ġenwinament javvanza r-riforma tal-ġudikatura permezz ta' proċess wiesa' u inklużiv bejn il-partiti bil-għan li tiżdied l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, f'konformità mal-impenji meħuda bħala sieħeb assoċjat tal-UE.

 

L-IRAN

 

Ahmadreza Djalali

 

Narges Mohammadi

 

Mehdi Mahmoudian

 

Nasrin Sotoudeh

 

Ahmadreza Djalali huwa tabib, lekċerer u riċerkatur Iranjan-Svediż. Huwa ġie arrestat f'April 2016 u kkundannat għall-mewt fuq akkużi ta' spjunaġġ u tradiment.

 

Narges Mohammadi huwa difensur tad-drittijiet tal-bniedem, li f'Mejju 2016 ġie kkundannat għal 16-il sena ħabs talli stabbilixxa u mexxa "moviment tad-drittijiet tal-bniedem li jikkampanja għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt".

 

Mehdi Mahmoudian huwa difensur tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalist politiku u blogger, li serva sentenza ta' ħabs ta' ħames snin (2009–2014) fuq akkużi ta' "ribelljoni kontra r-reġim" għar-rwol tiegħu fid-dokumentazzjoni tal-ilmenti ta' stupru u abbuż tad-detenuti fiċ-Ċentru ta' Detenzjoni ta' Kahrizak.

 

Nasrin Sotoudeh hija avukata tad-drittijiet tal-bniedem, li ġġieldet għad-drittijiet tan-nisa, it-tfal, l-LGBTI, il-priġunieri, il-minoranzi reliġjużi, il-ġurnalisti u l-artisti, kif ukoll dawk li qed jiffaċċjaw il-piena tal-mewt. Fl-2012, ingħatat il-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew. Fl-2018, ġiet arrestata talli rrappreżentat nisa li pprotestaw kontra l-liġi obbligatorja tal-Iran dwar il-hijab. F'Marzu 2019, hija ngħatat sentenza ta' 38 sena ħabs, flimkien ma' 148 daqqa ta' frosta. Fis-7 ta' Novembru 2020, hija nħelset temporanjament mill-ħabs, wara strajk tal-ġuħ ta' sitt ġimgħat.

 

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2022, il-Parlament Ewropew:

 

- Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jwaqqgħu immedjatament l-akkużi kollha kontra Dr Ahmadreza Djalali, u jeħilsuh u jikkumpensawh, u jieqfu milli jheddu lill-familja tiegħu fl-Iran u fl-Iżvezja;

- Itenni l-appell tiegħu lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Istati Membri tal-UE biex jagħmlu ħilithom kollha biex jipprevjenu l-eżekuzzjoni ta' Dr Ahmadreza Djalali;

- Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jeħilsu lill-priġunieri politiċi kollha, inklużi lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari lid-difensur prominenti tad-drittijiet tal-bniedem Narges Mohammadi, lill-ġurnalist politiku Mehdi Mahmoudian, li reċentement ġie kkundannat għal seba' xhur oħra ħabs b'rabta mal-ħidma tiegħu kontra l-piena tal-mewt, u lir-rebbieħa tal-Premju Sakharov Nasrin Sotoudeh.

 

Masha Amini

Mahsa Amini kienet mara Kurda-Iranjana ta' 22 sena li ġiet arrestata f'Tehran mill-pulizija "tal-moralità" tal-Iran talli allegatament naqset milli tosserva l-liġi li tobbliga x-xedd tal-velu. Skont xhieda li raw b'għajnejhom, il-pulizija "tal-moralità" xeħtu lil Mahsa Amini f'vann tal-pulizija u sawtuha waqt li kienet qed tiġi ttrasferita lejn iċ-ċentru tad-detenzjoni ta' Vozara f'Tehran, fejn ftit ħin wara daħlet f'koma u mietet fis-16 ta' Settembru 2022, fi sptar fil-qrib waqt li kienet qed tinżamm f'detenzjoni mill-pulizija.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2022, il-Parlament Ewropew:

 

- Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-mewt ta' Mahsa Jina Amini wara l-arrest vjolenti, l-abbuż u t-trattament ħażin tagħha mill-pulizija tal-"moralità" tal-Iran; jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familja u lill-ħbieb tagħha u lill-familji ta' dawk kollha li nqatlu matul il-protesti reċenti fl-Iran;

- Jistieden lill-Gvern Iranjan jippermetti investigazzjoni imparzjali u effettiva minn awtorità kompetenti indipendenti tal-mewt traġika ta' Mahsa Jina Amini u tal-allegazzjonijiet ta' tortura u ta' trattament ħażin.

 

IL-KAŻAKISTAN

 

Bekizhan Mendygaziyev, Erulan Amirov, Igor Chuprina, Ruslan Ginatullin, Yerzhan Yelshibayev, Saltanat Kusmankyzy, Baurzhan Jussupov, Nataliya Dauletiyarova, Rinat Batkayev, Yerbol Yeskhozin, Askar Kayyrbek, Ulasbek Akhmetov, Askhat Zheksebayev, Kairat Klyshev, Noyan Rakhimzhanov, Abai Begimbetov u Raigul Sadyrbayeva

Bekizhan Mendygaziyev, Erulan Amirov, Igor Chuprina, Ruslan Ginatullin, Yerzhan Yelshibayev, Saltanat Kusmankyzy, Baurzhan Jussupov, Nataliya Dauletiyarova, Rinat Batkayev, Yerbol Yeskhozin, Askar Kayyrbek, Ulasbek Akhmetov, Askhat Zheksebayev, Kairat Klyshev, Noyan Rakhimzhanov, Abai Begimbetov u Raigul Sadyrbayeva huma avversarji jew attivisti politiċi, li ġew detenuti talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2022, il-Parlament Ewropew:

 

- Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Każakistan jeħles minnufih lid-dimostranti u lill-attivisti miżmuma f'detenzjoni arbitrarja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Każakistan jeħilsu minnufih u jirriabilitaw bis-sħiħ il-priġunieri politiċi kollha, inklużi Bekizhan Mendygaziyev, Erulan Amirov, Igor Chuprina, Ruslan Ginatullin, Yerzhan Yelshibayev, Saltanat Kusmankyzy, Baurzhan Jussupov, Nataliya Dauletiyarova, Rinat Batkayev, Yerbol Yeskhozin, Askar Kayyrbek, Ulasbek Akhmetov, Askhat Zheksebayev, Kairat Klyshev, Noyan Rakhimzhanov, Abai Begimbetov u Raigul Sadyrbayeva;

- Jitlob lill-awtoritajiet ineħħu l-miżuri li jobbligaw l-arrest preventiv, id-detenzjoni domiċiljari u r-restrizzjonijiet fuq il-libertà imposti fuq l-attivisti tas-soċjetà ċivili.

 

IL-MESSIKU

 

María de Lourdes Maldonado López, Margarito Martínez, José Luis Gamboa, Heber López Vásquez u Roberto Toledo

Maria de Lourdes Maldonado López, ġurnalista tax-xandir u Margarito Martínez, fotografu freelance, inqatlu b'tiri f'Tijuana, fl-Istat ta' Baja California f'Jannar 2022. José Luis Gamboa, ġurnalist u editur ta' siti web tal-aħbarijiet ġarrab daqqiet ta' sikkina u miet f'Veracruz, fl-10 ta' Jannar 2022.  Heber López Vásquez inqatel b'tiri, f'Salina Cruz, fl-Istat ta' Oaxaca, fl-10 ta' Frar 2022. Roberto Toledo, operatur tal-kamera u editur tal-vidjow għas-siti web tal-aħbarijiet, inqatel b'tiri f'Zitácuaro, fl-Istat ta' Michoacán, fil-31 ta' Jannar 2022.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2022, il-Parlament Ewropew:

 

- Jikkundanna t-theddid, il-fastidju u l-qtil ta' ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Messiku, inklużi d-difensuri ambjentali u l-popli u l-komunitajiet indiġeni; jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw il-każijiet ta' qtil fil-pront, bir-reqqa u b'mod indipendenti u imparzjali u, fil-każ tal-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-media, bi qbil mal-protokoll approvat għall-investigazzjoni ta' reati kontra l-libertà tal-espressjoni;

Jesprimi s-simpatija, is-solidarjetà u l-kondoljanzi l-aktar profondi tiegħu lill-vittmi u l-familji tagħhom kollha; itenni t-tħassib tiegħu dwar il-klima ta' insigurtà u ostilità li jiffaċċjaw id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti u jappoġġjahom b'sens ta' solidarjetà.

 

IL-MJANMAR

 

Win Myint u Aung San Suu Kyi

 

Htet Htet Khine, Sithu Aung Myint, Nyein Nyein Aye, Maung Maung Myo, Thurin Kyaw, Hanthar Nyein, Than Htike Aung, Ye Yint Tun, Tu Tu Tha, Soe Yarzar Tun u Aung San Lin

Win Myint serva bħala l-għaxar president ta' Mynamar u Aung San Suu Kyi bħala Kunsillier tal-Istat

mill-2016 sal-2021. Huma tneħħew mill-kariga fil-kolp ta' stat militari tal-2021, u mbagħad ingħataw sentenzi twal ta' ħabs.

 

Htet Htet Khine, Sithu Aung Myint, Nyein Nyein Aye, Maung Maung Myo, Thurin Kyaw, Hanthar Nyein, Than Htike Aung, Ye Yint Tun, Tu Tu Tha, Soe Yarzar Tun u Aung San Lin huma ġurnalisti u ħaddiema tal-media li ġew arrestati u detenuti wara kolp ta' stat militari fl-2021.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2022, il-Parlament Ewropew:

- Jitlob it-tmiem immedjat tal-istat ta' emerġenza illegali fil-pajjiż, ir-restawr tal-gvern ċivili, ir-ritorn lejn triq li twassal għad-demokrazija u l-ftuħ rapidu tal-parlament bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti eletti kollha tiegħu; jappoġġja l-isforzi tal-Gvern ta' Unità Nazzjonali (NUG) fit-triq lejn futur paċifiku u demokratiku;

- Jistieden lill-ġunta militari teħles mingħajr kundizzjonijiet lill-President Win Myint, lill-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi u lill-persuni l-oħrajn kollha li ġew arrestati fuq is-saħħa ta' akkużi bla bażi, tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet leġittimi, tirrispetta l-istat tad-dritt u l-libertà tal-media, u ttemm minnufih l-attakki militari, l-attakki mill-ajru u l-vjolenza kontra l-popolazzjoni tal-Myanmar;

- Iħeġġeġ lill-ġunta militari twaqqa' l-akkużi kollha motivati politikament kontra membri tal-istampa u l-ħaddiema tal-media, u teħles mingħajr kundizzjonijiet lill-ġurnalisti kollha detenuti inġustament, inklużi Htet Htet Khine, Sithu Aung Myint, Nyein Nyein Aye, Maung Maung Myo, Thurin Kyaw, Hanthar Nyein, Than Htike Aung, Ye Yint Tun, Tu Tu Tha, Soe Yarzar Tun u Aung San Lin; jistieden lill-ġunta tipprovdi l-kura medika meħtieġa lil Sithu Aung Myint li l-istat ta' saħħa tiegħu huwa kawża ta' tħassib kbir.

 

IN-NIKARAGWA

 

Hugo Torres

 

Manuel Salvador García

Hugo Torres kien wieħed mill-mexxejja tar-rivoluzzjoni Sandinista fl-1970 u ġenerali rtirat tal-Forzi Armati tan-Nikaragwa. Avversarju politiku, huwa miet fil-ħabs fi Frar, wara tmien xhur f'detenzjoni minħabba tradiment.

 

Il-Patri Manuel Salvador García, huwa qassis li ġie kkundannat għal sentejn ħabs għat-theddid li allegatament għamel b'sikkina kontra ħames persuni.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2022, il-Parlament Ewropew:

 

- Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli r-repressjoni sistematika fil-konfront tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni, it-trażżin tal-atturi tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-media, ħaddiema oħra tal-media, ġurnalisti, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, studenti u membri tal-Knisja Kattolika, fost l-oħrajn, u l-korruzzjoni persistenti tal-uffiċjali tar-reġim tan-Nikaragwa;

- Jikkundanna bil-qawwa l-mewt ta' Hugo Torres fil-ħabs;

- Jikkundanna l-arrest ta' Patri Manuel Salvador García, li ilu f'arrest preventiv mill-1 ta' Ġunju 2022, u jitlob il-ħelsien immedjat tiegħu;

- Jikkundanna d-detenzjoni abbużiva, in-nuqqas ta' garanziji proċesswali u l-kundanni illegali ta' priġunieri politiċi fin-Nikaragwa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jirristabbilixxu l-garanziji għall-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet ċivili u politiċi għaċ-ċittadini Nikaragwani kollha, iwaqqfu l-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika, l-istampa u s-soċjetà ċivili, jeħilsu minnufih u bla kundizzjonijiet lil dawk miżmuma arrestati minn April 2018 'l hawn, jannullaw il-proċedimenti legali kontrihom u jippermettu r-ritorn sikur tar-rifuġjati u l-eżiljati kollha lejn djarhom.

 

Rolando Álvarez 

L-Isqof Rolando Álvarez kellu rwol importanti bħala medjatur fid-Djalogu Nazzjonali tal-2018 u talab b'mod kostanti għal djalogu paċifiku u raġunat fin-Nikaragwa.

Fid-19 ta' Awwissu 2022, huwa ġie arrestat mir-residenza tiegħu u allegatament ittieħed f'Managua u tqiegħed taħt detenzjoni domiċiljari fid-dar tal-ġenituri tiegħu.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2022, il-Parlament Ewropew:

 

- Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli r-repressjoni u l-arrest ta' membri tal-Knisja Kattolika Rumana fin-Nikaragwa, b'mod partikolari l-arrest tal-Isqof Rolando Álvarez;

- Iħeġġeġ lir-reġim tan-Nikaragwa jtemm immedjatament ir-repressjoni u jerġa' jistabbilixxi r-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem, fosthom il-libertà tal-espressjoni, tar-reliġjon u tat-twemmin;

- Jitlob il-ħelsien immedjat u inkondizzjonat ta' dawk kollha arrestati arbitrarjament, inklużi l-Isqof Álvarez u dawk miżmuma miegħu, u li l-proċedimenti legali kollha kontrihom, inklużi s-sentenzi li ngħataw, jiġu annullati.

 

IL-FILIPPINI

 

Leila De Lima

Leila De Lima hija politika, avukata u difensur tad-drittijiet tal-bniedem, li serviet bħala senatur tal-Filippini mill-2016 sal-2022. Hija ġiet arrestata u detenuta għal allegati akkużi relatati mal-korruzzjoni u t-traffikar tad-droga.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2022, il-Parlament Ewropew:

 

- Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet tal-Filippini biex itemmu l-fastidju politiku tas-Senatur Leila De Lima, biex jordnaw il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tagħha, u biex iħarrku fi proċessi ġusti lil dawk li nstabu responsabbli għad-detenzjoni arbitrarja tagħha u għal ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontriha, bħal attakki abbażi tal-ġeneru u ksur tad-dritt tagħha għal proċess ġust.

 

IR-RUSSJA

 

Alexei Navalny

 

 

 

 

 

 

Alexei Navalny huwa politiku, avukat, blogger u attivist ewlieni tal-oppożizzjoni Russa kontra l-korruzzjoni. Huwa ngħata prominenza internazzjonali talli organizza dimostrazzjonijiet kontra l-President Russu Putin u l-gvern tiegħu, fejn ħareġ għall-kariga u appoġġja riformi kontra l-korruzzjoni. F'Awwissu 2020, ġie vvelenat u qatta' xhur sħaħ jirkupra f'Berlin. Huwa ġie arrestat mar-ritorn tiegħu f'Moska f'Jannar 2021 u minn dak iż-żmien, ġie detenut f'kolonja penali ta' sigurtà għolja. Huwa għamel strajk tal-ġuħ twil lejn l-aħħar ta' Marzu 2021 biex jipprotesta kontra n-nuqqas ta' aċċess tiegħu għall-kura medika.

 

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' April 2022, il-Parlament Ewropew:

 

- Jikkundanna bil-qawwa l-priġunerija tar-rebbieħ tal-Premju Sakharov, Alexei Navalny, u jtenni t-talba tiegħu għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tiegħu, kif ukoll tal-mijiet ta' ċittadini Russi oħra li ġew detenuti mingħajr motivi iżda sempliċement talli kellhom il-kuraġġ li jipprotestaw favur id-demokrazija u l-paċi jew biex itejbu d-drittijiet tagħhom, inklużi d-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda paċifika; - Jistieden lill-awtoritajiet Russi jtejbu l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet u fil-faċilitajiet ta' detenzjoni sabiex jissodisfaw l-istandards internazzjonali; iqis li s-sitwazzjoni umanitarja, ta' saħħa u ta' sikurezza ta' Alexei Navalny tikkostitwixxi tħassib prijoritarju għall-UE; jistieden lill-awtoritajiet Russi jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxu bis-sħiħ id-drittijiet tiegħu matul id-detenzjoni illegali tiegħu;

- Jikkundanna l-fatt li l-proċess kontra Alexei Navalny ma rrispettax id-dritt tiegħu għal proċess ġust u jtenni t-talba tiegħu għal investigazzjoni trasparenti u mingħajr dewmien dwar l-avvelenament ta' Alexei Navalny.

 

IT-TAĠIKISTAN

 

Ulfatkhonim Mamadshoeva, Daleri Imomali, Abdullo Ghurbati, Manuchehr Kholiknazarov, Faromuz Irgashov, Khursand Mamadshoev, Chorshanbe Chorshanbiev u Amriddin Alovatshoev

 

Ulfatkhonim Mamadshoeva, Daleri Imomali, Abdullo Ghurbati, Manuchehr Kholiknazarov, Faromuz Irgashov, Khursand Mamadshoev, Chorshanbe Chorshanbiev u Amriddin Alovatshoev huma avukati, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti li ġew arrestati u detenuti wara l-protesti fir-reġjun Awtonomu Gorno-Badakhshan f'Mejju 2022.

 

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2022, il-Parlament Ewropew:

 

- Jistieden lill-awtoritajiet tat-Taġikistan jeħilsu minnufih lil dawk li ġew detenuti b'mod arbitrarju u jwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom, kif ukoll iwaqqfu l-persekuzzjoni politika tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sostenituri influwenti tad-dimostranti, inklużi Ulfatkhonim Mamadshoeva, Daleri Imomali, Abdullo Ghurbati, Manuchehr Kholiknazarov, Faromuz Irgashov, Khursand Mamadshoev, Chorshanbe Chorshanbiev u Amriddin Alovatshoev.

 

IT-TURKIJA

 

Osman Kavala

 

Mücella Yapıcı, Can Atalay, Tayfun Kahraman, Ali Hakan Altınay, Yiğit Ali Ekmekçi, Çiğdem Mater Utku u Mine Özerden

 

Osman Kavala huwa filantropista u difensur prominenti tad-drittijiet tal-bniedem li f'April 2022 ġie kkundannat għal għomor il-ħabs mingħajr libertà kondizzjonali, għal akkużi li pprova jwaqqa' l-gvern.

 

L-arkitett Mücella Yapıcı, l-avukat Can Atalay, il-pjanifikatur tal-belt Tayfun Kahraman, id-direttur tal-Iskola Ewropea tal-Politika ta' Boğaziçi Ali Hakan Altınay, il-fundatur tal-Università Bilgi ta' Istanbul Yiğit Ali Ekmekçi, il-produttur tal-films Çiğdem Mater Utku u l-produttur tal-films dokumentarji Mine Özerden ġew ikkundannati għal 18-il sena ħabs fuq l-istess akkużi.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2022, il-Parlament Ewropew:

 

- Jikkundanna, bl-aktar mod qawwi possibbli, is-sentenza reċenti tat-13-il Qorti Kriminali Għolja ta' Istanbul li imponiet sentenza ta' għomor il-ħabs aggravata fuq Osman Kavala wara aktar minn erba' snin u nofs ta' detenzjoni inġusta, illegali u illeġittima u inqas minn tliet xhur wara li l-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa nieda proċedimenti ta' ksur kontra t-Turkija talli rrifjutat li timplimenta s-sentenza legalment vinkolanti tal-QEDB; jemmen li huwa nstab ħati fuq akkużi mhux ġustifikati, għall-iskop ulterjuri li jsikktuh bħala difensur tad-drittijiet tal-bniedem u li jiskoraġġixxu l-vuċijiet kritiċi fit-Turkija;

- Jikkundanna bl-istess mod l-għoti ta' sentenzi lill-koakkużati Mücella Yapıcı, Can Atalay, Tayfun Kahraman, Ali Hakan Altınay, Yiğit Ali Ekmekçi, Çiğdem Mater Utku u Mine Özerden;

- Jitlob li l-ħelsien immedjat u mingħajr kondizzjonijiet ta' Osman Kavala f'konformità mas-sentenza tal-2019 tal-QEDB, li l-akkużi kollha kontrih jitneħħew immedjatament u li d-drittijiet u l-libertajiet tiegħu jiġu ggarantiti bis-sħiħ, kif ukoll il-ħelsien immedjat tas-seba' koakkużati l-oħra fil-każ; jikkundanna l-fatt li Osman Kavala ġie kontinwament imċaħħad mil-libertà tiegħu minn Ottubru 2017 u jistieden lit-Turkija taġixxi f'konformità mal-obbligi internazzjonali u nazzjonali tagħha;

- Jesprimi solidarjetà sħiħa ma' Osman Kavala, il-bqija tal-akkużati fil-proċess Gezi u l-familji tagħhom.

 

 

ANNESS II

LISTA TAR-REBBIEĦA TAL-PREMJU SAKHAROV U TAL-FINALISTI FIL-ĦABS U MĊAĦĦDA MIL-LIBERTÀ

 

 

Is-sena tal-għoti tal-Premju Sakharov

Isem u kunjom

Rebbieħ / Finalist

Pajjiż

Sitwazzjoni (Detenzjoni / arrest domiċiljari / ħelsien temporanju)

Tul tas-sentenza tal-ħabs

Data tal-bidu tad-detenzjoni

2021

Alexei Navalny

Rebbieħ

 

Ir-Russja

Detenzjoni

 

3,5 + 9 snin

Jannar 2021

(l-aktar riċenti)

2020

Siarhei Tsikhanouski

Maryia Kalesnikava

Mikola Statkevich

Ale Bialiatski

 

Rebbieħ

Rebbieħa

Rebbieħ

Rebbieħ

Il-Belarussja

 

Detenzjoni

Detenzjoni

Detenzjoni

Detenzjoni

Mhux magħruf

Mhux magħruf

Mhux magħruf

Mhux magħruf

 

29 ta' Mejju 2020

7 ta' Settembru 2020

31 ta' Mejju 2020 (l-aktar reċenti)

15 ta' Lulju 2021

2020

Porfirio Sorto Cedillo, José Avelino Cedillo, Orbin Naún Hernández, Kevin Alejandro Romero, Arnold Javier Aleman, Ever Alexander Cedillo, Daniel Marquez u Jeremías Martínez Díaz

Finalisti

Il-Honduras

Detenzjoni

Mhux magħruf

1 ta' Settembru 2019, rilaxxati fl-24 ta' Frar 2022, wara deċiżjoni mill-Qorti Suprema tal-Honduras

2019

Ilham Tohti

Rebbieħ

Iċ-Ċina

Detenzjoni

Mhux magħruf

23 ta' Settembru 2014

2018

Nasser Zefzafi

 

Finalist

Il-Marokk

Detenzjoni

20 sena

5 ta' April 2019

2017

Dawit Isaak

Finalist

L-Eritrea

Detenzjoni incommunicado

Mhux magħruf

23 ta' Settembru 2001

2015

Raif Badawi

Rebbieħ

L-Arabja Sawdija

Detenzjoni

10 snin

Rilaxxat fil-11 ta' Marzu 2022, għadu taħt projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar ta' 10 snin

 

2012

Nasrin Sotoudeh

 

 

 

 

Jafar Panahi

Rebbieħa

 

 

 

 

Rebbieħ

L-Iran

 

 

 

 

L-Iran

Detenzjoni, b'waqfien mediku temporanju minn Lulju 2021

 

Detenzjoni

38 sena

 

 

 

 

6 snin

6 ta' Marzu 2019 (l-aktar reċenti)

 

 

 

imġiegħel fl-11 ta' Lulju 2022 jiskonta sentenza ta' 10 snin ħabs

2011

Razan Zaitouneh

Rebbieħa

Is-Sirja

Inħatfet fl-2013. Preżunzjonijiet ta' detenzjoni u mewt.

 

9 ta' Diċembru 2013

 

ANNESS III

LISTA TA' RIŻOLUZZJONIJIET

 

 

Lista ta' riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament Ewropew matul is-sena 2022 u relatati direttament jew indirettament mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja

 

Pajjiż/Reġjun

Data ta' adozzjoni fil-plenarja

Titolu

L-Afrika

Il-Burkina Faso+

17.02.2022

Il-kriżi politika fil-Burkina Faso

Il-Burkina Faso

20.10.2022

Is-sitwazzjoni fil-Burkina Faso wara l-kolp ta' stat

Iċ-Chad+

15.12.2022

It-trażżin mill-ġunta militari ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi fiċ-Chad

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

24.11.2022

L-ispostament furzat tal-persuni bħala konsegwenza tal-kunflitt dejjem jikber fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tal-Lvant

L-Etjopja+

6.10.2022

Is-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem reċenti fit-Tigray, l-Etjopja, b'mod partikolari dik tat-tfal

Is-Sudan+

20.01.2022

Il-kriżi politika fis-Sudan

L-Uganda/it-Tanzanija+

15.09.2022

Il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uganda u fit-Tanzanija b'rabta mal-investimenti fi proġetti tal-fjuwils fossili

L-Afrika tal-Punent u s-Saħel

5.05.2022

Theddidiet għall-istabbiltà, is-sigurtà u d-demokrazija fl-Afrika tal-Punent u fir-reġjun Afrikan tas-Saħel

Il-Kontinent Amerikan

Il-Brażil+

7.07.2022

Is-sitwazzjoni tad-difensuri indiġeni u ambjentali fil-Brażil, inkluż il-qtil ta' Dom Philips u Bruno Pereira

Il-Gwatemala+

7.04.2022

Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Gwatemala

Il-Haiti+

6.10.2022

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Haiti, b'mod partikolari fir-rigward tal-vjolenza minn gruppi organizzati

Il-Messiku+

10.03.2022

Is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Messiku

In-Nikaragwa+

9.06.2022

L-istrumentalizzazzjoni tal-ġustizzja bħala strument ta' repressjoni fin-Nikaragwa

In-Nikaragwa+

15.09.2022

In-Nikaragwa, b'mod partikolari l-arrest tal-Isqof Rolando Álvarez

L-Asja

L-Afganistan

7.04.2022

Is-sitwazzjoni fl-Afganistan, b'mod partikolari s-sitwazzjoni dwar id-drittijiet tan-nisa

L-Afganistan+

24.11.2022

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan, speċjalment id-deterjorament tad-drittijiet tan-nisa u l-attakki fuq l-istituzzjonijiet edukattivi

Il-Kambodja+

5.05.2022

It-trażżin kontinwu tal-oppożizzjoni politika fil-Kambodja

Iċ-Ċina+

5.05.2022

Rapporti dwar il-kontinwazzjoni tat-teħid ta' organi fiċ-Ċina

Iċ-Ċina+

9.06.2022

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang, inklużi x-Xinjiang police files

Iċ-Ċina+

15.12.2022

It-trażżin mill-gvern Ċiniż tal-protesti paċifiċi madwar ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Iċ-Ċina, Hong Kong+

20.01.2002

Ksur tal-libertajiet fundamentali f'Hong Kong

Iċ-Ċina, Hong Kong+

7.07.2022

L-arrest tal-Kardinal Zen u l-fiduċjarji tal-fond mutwu 612 f'Ħong Kong

Il-Każakistan+

20.01.2022

Is-sitwazzjoni fil-Każakistan

Il-Myanmar+

10.03.2022

Myanmar, sena wara l-kolp ta' stat

Il-Myanmar+

6.10.2022

Ir-repressjoni tal-libertà tal-media fil-Myanmar, b'mod partikolari l-każijiet ta' Htet Htet Khine, Sithu Aung Myint u Nyein Nyein Aye

Il-Korea ta' Fuq+

7.04.2022

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi reliġjużi

Il-Filippini+

17.02.2022

L-iżviluppi reċenti fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini

It-Taġikistan+

7.07.2022

Is-sitwazzjoni fil-Provinċja Awtonoma ta' Gorno-Badakhshan tat-Taġikistan

L-Ewropa u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant

L-Armenja/l-Ażerbajġan+

10.03.2022

Il-qerda tal-wirt kulturali fin-Nagorno-Karabakh

Il-Belarussja

19.05.2022

Il-prosekuzzjoni tal-oppożizzjoni u d-detenzjoni ta' mexxejja tat-trade unions fil-Belarussja

Il-Belarussja+

24.11.2022

Ir-repressjoni kontinwa tal-oppożizzjoni demokratika u tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja

Il-Georgia+

9.06.2022

Il-ksur tal-libertà tal-media u tas-sikurezza tal-ġurnalisti fil-Georgia

It-Turkija+

5.05.2022

Il-każ ta' Osman Kavala fit-Turkija

Ir-Russja+

7.04.2022

Żieda fir-repressjoni fir-Russja, inkluż il-każ ta' Alexey Navalny

L-Ukrajna/ir-Russja

1.03.2022

L-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

L-Ukrajna/ir-Russja+

15.09.2022

Ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-deportazzjoni furzata ta' ċivili Ukreni lejn ir-Russja u tal-adozzjoni furzata ta' tfal Ukreni fir-Russja

L-Ukrajna/ir-Russja

7.04.2022

L-eskalazzjoni min-naħa tar-Russja tal-gwerra ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna

L-Ukrajna/ir-Russja

6.10.2022

Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Marzu 2022: inklużi l-aħħar żviluppi tal-gwerra kontra l-Ukrajna u s-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja u l-implimentazzjoni tagħhom

L-Ukrajna

7.04.2022

Protezzjoni tal-UE tat-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaħarbu minħabba l-gwerra fl-Ukrajna

L-Ukrajna

5.05.2022

L-impatt tal-gwerra kontra l-Ukrajna fuq in-nisa

L-Ukrajna

19.05.2022

Il-ġlieda kontra l-impunità għad-delitti tal-gwerra fl-Ukrajna

L-Ukrajna

20.10.2022

Solidarjetà kulturali mal-Ukrajna u mekkaniżmu konġunt ta' rispons f'każ ta' emerġenza għall irkupru kulturali fl-Ewropa

Il-Lvant Nofsani

Il-Bahrain+

15.12.2022

Il-każ tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Abdulhadi Al-Khawaja fil-Bahrain

L-Eġittu

24.11.2022

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu

L-Iran+

17.02.2022

Il-piena tal-mewt fl-Iran

L-Iran

6.10.2022

Il-mewt ta' Mahsa Amini u r-repressjoni tad-dimostranti favur id-drittijiet tan-nisa fl-Iran

Iżrael/il-Palestina

14.12.2022

Prospettivi għas-soluzzjoni msejsa fuq il-koeżistenza ta' żewġ Stati għal Iżrael u l-Palestina

Il-Qatar

24.11.2022

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fil-Qatar

Kwistjonijiet trażversali

Id-drittijiet tax-xogħol

9.06.2022

Strument kummerċjali ġdid biex jiġu pprojbiti l-prodotti magħmula bix-xogħol furzat

Il-minoranzi

3.05.2022

Il-persekuzzjoni tal-minoranzi minħabba t-twemmin jew ir-reliġjon

Id-dritt tat-tfal

3.05.2022

Strateġija tal-UE għall-promozzjoni tal-edukazzjoni għat-tfal fid-dinja

Id-dritt għall-ilma

5.10.2022

L-aċċess għall-ilma bħala dritt tal-bniedem – id-dimensjoni esterna

Id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

17.02.2022

Il-prijoritajiet tal-UE għas-66 sessjoni tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus tan-Nisa

9.06.2022

Theddid globali għad-dritt għall-abort: il-possibbiltà li l-Qorti Suprema tirrevoka d-dritt għall-abort fl-Istati Uniti

7.07.2022

Deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti biex tabolixxi d-drittijiet tal-abort fl-Istati Uniti u l-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-abort u s-saħħa tan-nisa fl-UE

 

+ Riżoluzzjoni ta' urġenza, skont l-Artikolu 144, PE RP


 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAD-DRITTIJIET TAN-NISA U L-UGWALJANZA BEJN IS-SESSI (8.11.2022)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni – rapport annwali 2022

(2022/2049(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Robert Biedroń

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

 wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u, b'mod partikolari, il-prinċipji 2, 3, 11 u 17 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħha,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika ("il-Konvenzjoni ta' Istanbul") tal-11 ta' Mejju 2011,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2022 dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti biex tabolixxi d-drittijiet tal-abort fl-Istati Uniti u l-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-abort u s-saħħa tan-nisa, inkluż fl-UE[29],

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-osservazzjonijiet ġenerali tal-Kumitat għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

 wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħha,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2020 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE[30],

 wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2021,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' April 2022 dwar il-protezzjoni tal-UE tat-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaħarbu minħabba l-gwerra fl-Ukrajna[31],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2022 dwar l-impatt tal-gwerra kontra l-Ukrajna fuq in-nisa[32],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-25 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru (Gender Action Plan, GAP) III – Aġenda ambizzjuża għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fl-azzjoni esterna tal-UE" (JOIN(2020)0017),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2022 dwar id-diskriminazzjoni intersezzjonali fl-Unjoni Ewropea: is-sitwazzjoni soċjoekonomika tan-nisa ta' dixxendenza Afrikana, tal-Lvant Nofsani, Latino-Amerikana u Asjatika[33],

A. billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur fundamentali tal-UE; billi d-dritt għal trattament ugwali u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("il-Karta"), u għandu jiġi rrispettat bis-sħiħ; billi d-dritt għall-integrità tal-persuna huwa fundamentali skont l-Artikolu 3 tal-Karta; billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u approċċ intersezzjonali għandhom għaldaqstant jiġu implimentati u integrati bħala prinċipju orizzontali fl-attivitajiet u l-politiki kollha tal-UE;

B. billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija fundamentali għall-iżvilupp ta' soċjetajiet ħielsa u ekwi; billi d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa, tal-bniet u tal-persuni mhux binarji għadhom mhumiex iggarantiti fid-dinja kollha u l-ispazju għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, speċjalment l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa, femministi u ta' bażi, qed jiċkien f'ħafna pajjiżi;

C. billi l-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha għandhom dimensjoni tal-ġeneru ċara, peress li jaffettwaw lin-nisa u lill-irġiel b'mod differenti madwar id-dinja kollha; billi l-pandemija aggravat l-inugwaljanzi strutturali eżistenti bejn il-ġeneri; billi l-konsegwenzi tagħha jaffettwaw b'mod sproporzjonat il-ħajjiet ta' persuni minn gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa, il-persuni ta' kulur, il-persuni LGBTIQA+, il-persuni b'diżabilità, il-persuni akbar fl-età u oħrajn, pereżempju billi ma jkunux jistgħu jaċċessaw servizzi essenzjali tas-saħħa u tal-kura, inklużi servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR) u appoġġ għall-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru;

D. billi minn mindu bdiet il-pandemija, il-vjolenza kontra n-nisa żdiedet; billi aktar minn 45 % tan-nisa rrappurtaw li huma jew mara li jafu esperjenzaw forma ta' vjolenza mill-2019 'l hawn u 65 % tan-nisa rrappurtaw li esperjenzawha tul ħajjithom; billi globalment, 245 miljun mara u tifla ta' 15-il sena jew aktar ġew soġġetti għal vjolenza sesswali u/jew fiżika mwettqa minn sieħeb intimu fit-12-il xahar preċedenti; billi aktar minn 4 minn kull 10 nisa jħossuhom aktar fil-periklu minn qabel fi spazji pubbliċi u mara minn kull tnejn iħossuhom fil-periklu meta jimxu waħedhom billejl; billi 6 nisa minn kull 10 jgħidu li jaħsbu li l-fastidju sesswali fi spazji pubbliċi żdied;

E. billi qed isseħħ reazzjoni oppressiva kontra d-drittijiet tan-nisa u tal-persuni LGBTIQA+ fid-dinja kollha;

F. billi kien hemm rigress deplorevoli fir-rigward tal-aċċess tan-nisa għal abort sikur u legali f'xi Stati Membri; billi l-aċċess għall-SRHR, inkluż abort sikur u legali, huwa dritt fundamentali; billi l-kriminalizzazzjoni, id-dewmien u t-tiċħid tal-aċċess għall-SRHR jikkostitwixxu forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi dawn ir-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet ma jnaqqsux l-għadd ta' aborti, iżda jġiegħlu biss lin-nies jivvjaġġaw jew jirrikorru għal abort mhux sikur, u jagħmluhom ukoll vulnerabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni kriminali, u jaffettwaw lill-persuni li ma jkollhomx riżorsi u informazzjoni; billi kważi l-imwiet kollha li jirriżultaw minn abort mhux sikur iseħħu f'pajjiżi fejn l-abort huwa ristrett ħafna; billi fl-24 ta' Ġunju 2022 il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti ddeċidiet li tannulla d-deċiżjoni Roe vs Wade, u b'hekk temmet id-dritt kostituzzjonali federali għall-abort fl-Istati Uniti, u ppermettiet lill-istati jipprojbixxu l-abort fi kwalunkwe stadju tat-tqala filwaqt li tiftaħ il-possibbiltà ta' projbizzjonijiet sħaħ tal-abort; billi minn dakinhar, għadd jikber ta' stati fl-Istati Uniti u fid-dinja kollha ddeċidew jipprojbixxu jew jillimitaw id-dritt għall-abort;

G. billi n-nisa affettwati mir-razziżmu, in-nisa minn kuntesti soċjoekonomiċi żvantaġġati, in-nisa minn minoranzi, in-nisa b'diżabilità, in-nisa migranti u l-persuni LGBTIQA+ jiffaċċjaw ksur addizzjonali u multiplu tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom; billi ħafna drabi ma jitħallewx jipparteċipaw b'mod sħiħ u effettiv fil-ħajja ekonomika, soċjali u politika; billi n-nisa soġġetti għal tipi ta' diskriminazzjoni intersezzjonali fid-dinja kollha jiffaċċjaw ostakli multipli fl-aċċess għas-suq tax-xogħol formali, u b'hekk jibqgħu vulnerabbli għad-diskriminazzjoni, il-faqar, l-isfruttament ekonomiku, l-esklużjoni soċjali u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inklużi l-fastidju sesswali u t-trattament ħażin; billi jiffaċċjaw razziżmu u diskriminazzjoni fl-aċċess għall-kura tas-saħħa, is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza u servizzi oħra, u jiġu mċaħħda mid-drittijiet tal-bniedem tagħhom; billi l-Afrofobija, l-anti-Żingariżmu, l-antisemitiżmu u l-Iżlamofobija huma forom mifruxa ta' razziżmu fid-dinja kollha;

H. billi fid-dinja kollha, ir-reliġjon u l-ideoloġija jintużaw kontra d-drittijiet tan-nisa u l-bniet u kontra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b'mod ġenerali; billi n-nisa, il-bniet u l-persuni LGBTIQA+ jesperjenzaw vjolenza u diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru li jimpedixxu l-kapaċità tagħhom li jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem tagħhom, u billi dawn jitwettqu minn atturi statali u mhux statali li jużaw "ġustifikazzjonijiet" reliġjużi għall-azzjonijiet tagħhom; billi n-nisa li jesprimu r-reliġjon u t-twemmin tagħhom permezz tal-ilbies jew l-apparenza fiżika tagħhom isiru ħafna aktar spiss vittmi tal-vjolenza u d-diskriminazzjoni;

I. billi bejn l-2021 u l-2022[34], total ta' 14-il ġurnalista mara nqatlu madwar id-dinja, u dan jirrappreżenta żieda miċ-ċifra mogħtija għall-2020; billi filwaqt li kull sena jinqatlu aktar ġurnalisti rġiel, in-nisa ġeneralment jesperjenzaw aktar fastidju online u sesswali, u jkunu fil-mira b'mod aktar frekwenti f'dan ir-rigward; billi n-nisa qed jinvolvu ruħhom fil-politika f'numri rekord madwar id-dinja, billi joħorġu għall-elezzjonijiet u billi jivvutaw; billi f'ħafna pajjiżi, din iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika hija akkumpanjata minn reazzjoni vjolenti; billi l-vjolenza fiżika, morali u ċibernetika kontra n-nisa fil-politika toħloq ostakli perikolużi għall-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċessi politiċi; billi l-attivisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-mexxejja soċjali nisa jiffaċċjaw vjolenza li qed taggrava madwar id-dinja kollha;

J. billi għadd sinifikanti ta' nisa jservu fil-forzi armati Ukreni fi rwoli ta' kumbattiment u mhux ta' kumbattiment; billi aktar minn 22,8 % tal-armata Ukrena huma nisa; billi mill-inqas 12-il miljun ruħ telqu minn djarhom minn mindu bdiet l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, u l-biċċa l-kbira tagħhom huma nisa u tfal; billi l-gwerer u l-kunflitti armati jkollhom impatt fuq in-nisa b'modi speċifiċi, inklużi dawk li jiffaċċjaw diskriminazzjoni intersezzjonali, u jaggravaw l-inugwaljanzi li diġà jeżistu; billi n-nisa u l-bniet ikunu partikolarment f'riskju matul kriżijiet umanitarji u ta' spostament, peress li jibqgħu jkunu b'mod sproporzjonat vittmi ta' diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru u ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, u jiċċaħħdu mill-aċċess għall-kura tas-saħħa u għal servizzi oħra; billi l-istupru u l-vjolenza sesswali jintużaw bħala arma tal-gwerra; billi l-ispostamenti tal-massa u l-flussi ta' rifuġjati li jirriżultaw mill-gwerer u l-kunflitti armati jwasslu għal żieda qawwija fit-traffikar tal-bnedmin; billi n-nisa u t-tfal mhux akkumpanjati huma l-vittmi ewlenin tat-traffikanti li spiss jabbużaw mis-sitwazzjoni vulnerabbli tagħhom;

K. billi t-tibdil fil-klima qed jikkomprometti t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem u jżid l-inugwaljanzi eżistenti bejn il-ġeneri; billi n-nisa u l-bniet huma affettwati aktar mit-tibdil fil-klima b'riżultat tal-fatt li m'għandhomx aċċess indaqs għar-riżorsi, għall-edukazzjoni, għall-poter politiku, għall-opportunitajiet ta' impjieg u għad-drittijiet għal art meta mqabbla mal-irġiel kif ukoll b'riżultat tan-normi soċjali u kulturali eżistenti bħar-rwol tagħhom bħala indukraturi ewlenin u, spiss, bħala dawk li jipprovdu l-ilma, l-ikel u l-fjuwil; billi l-problemi ambjentali – ikkawżati u aggravati mit-tibdil fil-klima – attwalment huma responsabbli għaż-żieda fil-migrazzjoni furzata u għat-tnawwir sussegwenti tad-drittijiet tal-bniedem;

L. billi l-protezzjoni tan-nisa u l-bniet u ta' persuni vulnerabbli oħra mill-vjolenza u d-diskriminazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-edukazzjoni, l-informazzjoni u s-servizzi tas-saħħa, inkluż l-SRHR, hija partikolarment importanti għall-iżgurar tat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom; billi l-ksur tal-SRHR, bħall-isterilizzazzjoni furzata, l-abort furzat, it-tqala furzata, il-kriminalizzazzjoni tal-abort, iċ-ċaħda jew id-dewmien ta' abort sikur u/jew ta' kura ta' wara abort, l-abbuż u t-trattament ħażin tan-nisa u l-bniet li jfittxu informazzjoni dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva, l-oġġetti u s-servizzi, il-mutilazzjonijiet ġenitali femminili u l-vjolenza ġinekoloġika u ostetrika huma forom ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru li, skont iċ-ċirkustanzi, jistgħu jikkostitwixxu tortura jew trattament, krudili, inuman jew degradanti;

M. billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru tikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li tikkomprometti l-istabbiltà u s-sigurtà soċjali, is-saħħa pubblika, l-opportunitajiet ta' edukazzjoni u ta' impjieg tan-nisa, u l-benesseri u l-prospettivi ta' żvilupp tat-tfal u tal-komunitajiet;

1. Jisħaq li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur fundamentali tal-UE u wieħed mill-prinċipji komuni u fundamentali tagħha; jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata ugwaljanza vera bejn il-ġeneri, għall-persuni kollha, fid-dinja kollha; jenfasizza r-rwol tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-iżgurar tat-tgawdija ugwali tad-drittijiet fundamentali u l-aċċess sussegwenti għas-servizzi bħall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, ix-xogħol deċenti, l-akkomodazzjoni u l-kura; jilqa' l-fatt li l-isforzi biex jiġu avvanzati d-drittijiet tan-nisa u l-bniet kisbu aktar prominenza fid-dinja kollha; jinnota, madankollu, li sa issa l-ebda pajjiż fid-dinja ma kiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jiddispjaċih għall-fatt li l-progress ġenerali fid-drittijiet tan-nisa huwa ferm inqas mill-impenji tal-pajjiżi tan-NU inklużi fil-Konvenzjoni ta' Beijing tal-1995; itenni t-talba tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom li javvanzaw lejn politika estera u ta' sigurtà femminista li tinvolvi viżjoni trasformattiva tal-ġeneru u biex jiżguraw li l-għanijiet u l-impenji kollha tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Ġeneru III jiġu implimentati bis-sħiħ mill-Istati Membri, id-delegazzjonijiet tal-UE u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE;

2. Jenfasizza li n-nisa LGBTIQA+, il-migranti nisa u n-nisa affettwati mir-razziżmu, in-nisa b'diżabilità u n-nisa akbar fl-età, fost oħrajn, jiffaċċjaw diskriminazzjoni intersezzjonali; jitlob li l-azzjoni interna u esterna tal-UE tqis l-identitajiet u d-diskriminazzjoni intersezzjonali, u tirrikonoxxi li n-nisa u l-bniet fid-diversità kollha tagħhom, kif ukoll il-persuni mhux binarji, huma affettwati b'mod differenti mill-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, peress li dawn huma aggravati minn forom oħra ta' oppressjoni; jappella għal protezzjoni aħjar tan-nisa minn gruppi vulnerabbli, bħan-nisa LGBTIQA+, in-nisa b'diżabilità, in-nisa affettwati mir-razziżmu, in-nisa akbar fl-età u n-nisa miż-żoni rurali; jappella għall-integrazzjoni sistematika ta' perspettiva tal-ġeneri u tal-intersezzjonalità fil-politika estera u ta' sigurtà komuni u fil-politiki tal-migrazzjoni, tat-tkabbir, tal-kummerċ u tal-iżvilupp tal-UE; jappella għal kapitoli speċifiċi għall-ġeneru fil-ftehimiet futuri kollha tal-UE dwar il-kummerċ u l-investiment; jiddispjaċih ħafna, f'dan ir-rigward, dwar in-nuqqas ta' dimensjoni intersezzjonali fil-Patt Ġdid tal-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil;

3. Huwa mħasseb ħafna dwar iż-żieda fl-inugwaljanzi bejn il-ġeneri li jirriżultaw mill-kriżijiet suċċessivi madwar id-dinja kollha; jinnota bi tħassib iż-żieda allarmanti fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru fid-dinja kollha matul il-kriżijiet; jissottolinja li l-effetti konsegwenzjali tal-pandemija tal-COVID-19 qed ikomplu jaggravaw l-inugwaljanzi eżistenti, filwaqt li jaffettwaw b'mod sproporzjonat il-ħajja tal-gruppi emarġinati, u jipprevjenu, b'mod partikolari, l-aċċess għall-abort u l-kontraċezzjoni, it-trattament tal-fertilità, l-ittestjar għall-HIV u l-infezzjonijiet trażmessi sesswalment, l-iskrinjar għal kanċers fis-sistema riproduttiva, l-edukazzjoni dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet u l-kura tas-saħħa materna;

4. Jissottolinja li n-nisa u l-bniet jeħtieġu aċċess kontinwu għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati matul il-kunflitti u l-ispostament, inkluż l-aċċess għal twelid sikur, servizzi ta' ppjanar tal-familja, abort legali u sikur jew il-ġestjoni klinika tal-istupru; jitlob li jsiru disponibbli fondi għall-forniment ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva essenzjali u li jsalvaw il-ħajja, f'konformità mal-Pakkett ta' Servizzi Inizjali Minimi tan-NU;

5. Jenfasizza li kwalunkwe kunflitt, bħall-gwerra fl-Ukrajna, joħloq opportunità għat-traffikanti tal-bnedmin biex jisfruttaw il-vulnerabbiltà tan-nies; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffaċilitaw komunikazzjoni u taħriġ transfruntiera aħjar biex jiżguraw li t-traffikanti tal-bnedmin, li jużaw il-fruntieri bħala lakuni biex jisfruttaw aktar il-vittmi tagħhom, li l-maġġoranza l-kbira tagħhom huma nisa, jiġu indirizzati b'mod aktar effiċjenti; jappella għal politika proattiva ta' perkorsi ta' migrazzjoni legali sostenibbli, trasparenti u aċċessibbli; jappella għal kampanji ta' informazzjoni effiċjenti, sabiex il-persuni li jkunu qed jaħarbu minn kunflitt u/jew minn diffikultà ma jkunux suxxettibbli li jaqgħu fil-ktajjen tat-traffikar; jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru bħala arma tal-gwerra u jisħaq li dan jikkostitwixxi delitt tal-gwerra; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-għadd dejjem jikber ta' rapporti ta' traffikar tal-bnedmin, vjolenza sesswali, sfruttament, stupru u abbuż li jiffaċċjaw in-nisa u t-tfal li jaħarbu mill-Ukrajna; jitlob li tittieħed azzjoni deċiżiva biex tintemm il-vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra u tintemm l-impunità ta' dawk ħatja ta' dawn l-azzjonijiet, u li titqajjem kuxjenza dwar is-sitwazzjoni u d-diskriminazzjoni speċifiċi esperjenzati mit-tfal f'sitwazzjoni ta' gwerra;

6. Jiddeplora ż-żieda kbira fl-għadd ta' persuni maqbuda fl-iskjavitù moderna; jappella għal approċċ iċċentrat fuq il-vittmi u ċċentrat fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-ġlieda kontra dan id-delitt; jenfasizza d-dimensjoni tal-ġeneru tat-traffikar tal-bnedmin, li 65 % tal-vittmi tiegħu huma nisa u bniet, u li 92 % minn dawn jiġu ttraffikati għall-isfruttament sesswali; jappella għal azzjoni koordinata li tiffoka fuq ir-rikonoxximent tal-vittmi u r-riintegrazzjoni effettiva tagħhom fis-soċjetà, peress li l-inugwaljanza ekonomika u bejn il-ġeneri hija wieħed mill-ixpruni ewlenin tal-vittimizzazzjoni;

7. Jenfasizza l-użu tat-theddid u l-vjolenza fil-konfront ta' ġurnalisti jew politiċi nisa, kif ukoll nisa involuti fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar fir-responsabbiltà primarja tal-Istat li jiżgura u jżomm ambjent sikur għal dawn in-nisa esposti pubblikament u li jipproteġihom mit-theddid u l-attakki; jitlob li jsiru investigazzjonijiet fil-pront dwar l-intimidazzjoni, it-theddid, il-vjolenza u abbużi oħra kontra dawn in-nisa;

8. Jisħaq li n-nisa u l-bniet minn minoranzi etniċi, reliġjużi u ta' twemmin huma saħansitra aktar vulnerabbli għall-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru; jikkundanna bil-qawwa d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra n-nisa minn minoranzi madwar id-dinja, bħan-nisa Romani; iqis li d-dritt għall-edukazzjoni, id-drittijiet soċjali u d-dritt għall-kura tas-saħħa qatt m'għandhom jitnaqqsu jew jitneħħew; huwa mħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni tal-minoranza Ujgura u jikkundanna l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem bħad-detenzjoni arbitrarja, it-tortura, it-trattament ħażin, inkluż it-trattament mediku furzat, il-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, li jistgħu jikkostitwixxu delitti internazzjonali;

9. Jistieden lill-pajjiżi ospitanti u ta' tranżitu kollha li jilqgħu r-rifuġjati jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u tal-bniet, u jiżguraw li servizzi, proċeduri ta' riferiment u mekkaniżmi ta' lment ikunu disponibbli minnufih fi ħdan il-komunitajiet f'lingwi u f'formati aċċessibbli għall-gruppi kollha; jappella għal aċċess sostnut għal servizzi tas-saħħa essenzjali u li jsalvaw il-ħajja fl-Ukrajna, kif ukoll aċċess garantit għas-servizzi SRHR, b'mod partikolari l-kontraċezzjoni ta' emerġenza jew il-kura f'każ ta' abort għas-superstiti tal-istupru; iħeġġeġ l-integrazzjoni rapida fil-pajjiżi ospitanti tan-nisa u t-tfal li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna jew mill-kunflitti armati; ifakkar fis-sitwazzjoni diffiċli u l-ostakli għall-persuni transġeneru li qed jaħarbu mill-gwerer u l-kunflitti armati; jisħaq li l-persuni transġeneru li d-dokumenti tal-identità tagħhom ma jikkorrispondux għall-identità tagħhom għandhom jitħallew jaqsmu l-fruntieri u jgħaddu minn punti ta' kontroll interni u ma jistgħux jiġu esklużi mill-miżuri ta' protezzjoni ċivili; jisħaq li r-rifuġjati transġeneru għandhom diffikultajiet ta' aċċess għal trattamenti ormonali; jissottolinja li tali trattamenti u mediċini speċifiċi oħra għal persuni transġeneru u intersesswali huma kklassifikati bħala essenzjali mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u għalhekk għandhom jiġu inklużi fil-pakketti ta' għajnuna umanitarja;

10. Jisħaq li l-preżenza u l-kontribut tan-nisa huma partikolarment importanti fi żmien ta' kriżi; ifakkar fl-impenn tal-UE favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, u fil-ħtieġa tar-rappreżentanza ugwali tan-nisa u l-irġiel fit-tmexxija u fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

11. Jirrikonoxxi l-kuraġġ u s-saħħa tas-suldati nisa Ukreni, li qed jiddefendu lil pajjiżhom f'numri kbar, u n-nisa Ukreni kollha li jipprovdu appoġġ u assistenza fuq il-post, kif ukoll dawk li ddeċidew li jaħarbu mill-pajjiż biex jipproteġu lill-familji tagħhom; jitlob lill-UE tiżgura l-integrazzjoni ta' perspettiva tal-ġeneru fir-rispons tagħha għall-gwerra ta' aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, filwaqt li żżid ir-rwol tan-nisa fl-għajnuna umanitarja u fl-operazzjonijiet ta' rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitt, il-ġustizzja tranżizzjonali u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li r-Russja tinżamm responsabbli għall-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem kontra n-nisa u l-bniet, inklużi, iżda mhux biss, il-każijiet kollha ta' vjolenza sesswali u stupru; jappella għal azzjoni deċiżiva biex tintemm il-vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra, għall-protezzjoni u l-għajnuna għall-vittmi u biex jiżdied l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja; jafferma mill-ġdid ir-Riżoluzzjoni 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li tiddikjara li l-istupru u forom oħra ta' vjolenza sesswali jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità jew delitti tal-gwerra;

12. Jiddeplora r-reġim ostili tat-Taliban fl-Afganistan u l-oppressjoni kontinwa tan-nisa u l-bniet f'ħafna pajjiżi fid-dinja; jisħaq li matul dawn l-aħħar 12-il xahar, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tan-nisa u l-bniet żdied b'mod sproporzjonat fl-Afganistan, minkejja l-wegħdiet inizjali li jiġi ggarantit id-dritt għax-xogħol u għall-edukazzjoni għan-nisa u l-bniet; ifakkar fis-sinifikat partikolari tal-edukazzjoni tal-bniet wara li t-Talibani ħadu l-poter f'idejhom fl-Afganistan; jikkundanna l-fatt li t-Taliban qed jeskludi b'mod sistematiku lin-nisa u l-bniet mill-ħajja pubblika u mill-parteċipazzjoni politika; jilqa' l-fatt li l-UE stabbiliet mill-ġdid preżenza minima f'Kabul, filwaqt li tiżgura l-għoti ta' assistenza u tagħti prijorità lill-involviment dirett mal-poplu Afgan, inkluż permezz tal-Forum tal-Mexxejja Nisa Afgani, li għandu l-għan li jiżgura li n-nisa Afgani jkollhom vuċi fil-fora internazzjonali;

13. Huwa mħasseb u ddispjaċut ħafna dwar il-mewt ta' Mahsa Amini fis-16 ta' Settembru 2022 wara li l-pulizija tal-"moralità" sawtuha, apparentement talli ma libsitx il-ħiġab kif suppost; jappella għal investigazzjoni fil-pront, imparzjali u effettiva minn awtorità kompetenti indipendenti; huwa mħasseb dwar ir-reazzjoni repressiva u l-użu tal-forza mill-Gvern Iranjan kontra n-nies li jipprotestaw favur id-drittijiet u l-ugwaljanza tan-nisa; jiddeplora l-attakki kontinwi fuq in-nisa, inkluż il-każ tal-climber Elnaz Rekabi, li għebet wara kompetizzjoni reċenti; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali kollha ma jibqgħux jattakkaw, jagħtu fastidju u jżommu f'detenzjoni lin-nisa li ma jirrispettawx ir-regoli tal-ħiġab; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mad-dimostranti fl-Iran; jafferma mill-ġdid id-dritt tan-nisa madwar id-dinja għall-awtonomija fiżika u l-libertà tal-espressjoni, inkluż id-dritt li jagħżlu l-ilbies tagħhom, ħielsa mill-indħil tal-Istat, mill-koerċizzjoni u mill-biża' mill-vjolenza;

14. Jiddenunzja l-fatt li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija waħda mill-aktar forom mifruxa ta' vjolenza fid-dinja; jirrimarka li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija forma ta' diskriminazzjoni u ksur tad-drittijiet fundamentali, kif ukoll ir-riżultat tal-istereotipi marbuta mal-ġeneru u l-inugwaljanzi strutturali u istituzzjonali; jissottolinja l-importanza li jiġi applikat approċċ ibbażat fuq il-ġeneru, intersezzjonali u ċċentrat fuq il-vittmi għall-politiki u għall-miżuri kollha biex tiġi indirizzata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-istereotipi dannużi mit-tfulija bikrija, peress li dawn huma wieħed mill-fatturi ewlenin li jixprunaw il-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, fiżika, sesswali, psikoloġika u ekonomika, inklużi l-vjolenza domestika, l-isfruttament sesswali, il-fastidju sesswali, l-istalking, il-mobbing, it-traffikar tal-bnedmin, iż-żwieġ tat-tfal u ż-żwieġ furzat, l-isterilizzazzjoni furzata, l-abort furzat, il-femminiċidju, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, il-vjolenza tal-"unur" u l-qtil tal-"unur", l-istupru bħala arma ta' dominazzjoni u ta' gwerra, u l-vjolenza ċibernetika; jissottolinja li dawn il-forom kollha ta' vjolenza jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità; huwa mħasseb ħafna dwar iż-żieda fil-fenomenu tal-femminiċidju fl-Ewropa u madwar id-dinja kollha; jitlob lill-UE u lill-atturi globali jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet speċifikament; jilqa' u jinkoraġġixxi l-isforzi u l-investimenti tal-UE flimkien mas-sħab internazzjonali tagħha bl-għan tal-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru;

15. Jisħaq li l-effetti dannużi tat-tibdil fil-klima u tad-degradazzjoni tal-ekosistema qed jiġġarrbu b'mod sproporzjonat mill-foqra, b'mod partikolari n-nisa fid-diversità kollha tagħhom u miż-żgħażagħ, kif ukoll mill-popli indiġeni u komunitajiet oħra li jiddependu mir-riżorsi naturali u/jew fqar, u jitlob lill-UE timpenja ruħha favur approċċi progressivi fir-rigward tal-ġeneru sabiex tittrasforma kemm l-azzjoni interna kif ukoll dik esterna; jitlob lill-UE u lill-atturi globali kollha jadottaw rispons sensittiv għall-ġeneru, inkluża perspettiva intersezzjonali, għall-kriżijiet, speċjalment il-kriżijiet tal-enerġija u tal-klima li għaddejjin bħalissa, u jiżguraw li jiġu implimentati fondi u miżuri mmirati għal dak l-għan, kif ukoll jiggarantixxu l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fid-diversità kollha tagħhom fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell internazzjonali, nazzjonali u lokali; jenfasizza l-għargħar devastanti li qed iseħħ madwar id-dinja, inkluż dak li dan l-aħħar ikkawża ħsarat enormi fil-Pakistan, li wassal għall-ispostament ta' kważi 8 miljun ruħ u għall-mewt ta' aktar minn elf ruħ, u jisħaq fuq l-impatt akbar tiegħu fuq in-nisa minħabba d-disparitajiet eżistenti bejn il-ġeneri; jinnota bi tħassib li n-nisa huma 14-il darba aktar probabbli li jmutu meta jseħħ diżastru naturali;

16. Jenfasizza li l-Konvenzjoni ta' Istanbul hija l-aktar strument komprensiv fl-Ewropa biex jiġu miġġielda forom speċifiċi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri kollha li fadal jirratifikaw bis-sħiħ il-Konvenzjoni ta' Istanbul, li tirrappreżenta mezz ewlieni biex tissawwar Ewropa li tikkonfronta u tindirizza l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u toffri mekkaniżmi ta' prevenzjoni biex jitnaqqas l-għadd ta' vittmi fil-futur; jistieden lill-Kunsill jikkonkludi l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul mingħajr dewmien; iħeġġeġ lill-Istati mhux tal-UE jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, itejbu d-drittijiet tan-nisa u jiġġieldu bil-qawwa kontra l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jitlob lill-UE u lill-Kunsill tal-Ewropa jkomplu jħeġġu lill-istati jissieħbu fil-konvenzjoni sabiex jiġġieldu u jeliminaw għalkollox il-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jikkundanna t-tentattivi f'ċerti Stati biex jiġu revokati l-miżuri diġà meħuda għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul u tal-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa; huwa mħasseb dwar l-irtirar tat-Türkiye mill-konvenzjoni; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw l-integrazzjoni sħiħa tal-konvenzjoni fid-direttiva futura tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jappella għall-identifikazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ġdid ta' kriminalità elenkat fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE; jenfasizza l-ħtieġa li l-vittmi jiġu pprovduti b'riparazzjonijiet effettivi u ta' dispożizzjonijiet legali adegwati; jitlob li l-konvenzjoni tintuża bħala standard minimu fir-rigward tal-eradikazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru madwar id-dinja;

17. Jikkundanna l-azzjonijiet tal-movimenti, ir-reġimi u r-reliġjonijiet kontra l-ġeneru u kontra n-nisa li sistematikament jattakkaw id-drittijiet tan-nisa u tal-persuni LGBTIQA+; iħeġġeġ lill-UE u lill-atturi globali jirrifjutaw kwalunkwe tentattiv ulterjuri biex jitreġġgħu lura l-kisbiet fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza u d-dritt għall-awtodeterminazzjoni tan-nisa u l-kontroll sħiħ fuq ġisimhom; huwa mħasseb li l-movimenti kontra l-ġeneru fl-UE huma ffinanzjati sew minn atturi barranin; jitlob li ssir analiżi bir-reqqa ta' din il-kwistjoni u li jiġi żgurat li l-flus Ewropej, kif ukoll id-donazzjonijiet barranin, ma jiffinanzjawx organizzazzjonijiet li qed jattakkaw attivament l-ugwaljanza u jippruvaw jirrestrinġu d-drittijiet tal-oħrajn; jiddispjaċih dwar ir-rigress fl-SRHR u jistieden lill-komunità internazzjonali ġġedded l-appoġġ tagħha għall-SRHR, inkluż l-aċċess għal abort sikur u legali, edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità adatta għall-età u bbażata fuq l-evidenza, kura komprensiva tal-ippjanar tal-familja, inklużi l-kontraċezzjoni u informazzjoni imparzjali, u kura qabel it-twelid, matul it-twelid u wara t-twelid kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw l-istrateġija għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri b'mod koerenti kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha, u jieħdu azzjonijiet effettivi u konkreti biex jiġġieldu kontra r-rigressjoni fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

18. Jistieden lill-atturi globali jqisu r-riskju akbar u l-isfidi speċifiċi ffaċċjati mill-persuni LGBTIQA+, li huma partikolarment vulnerabbli u spiss vittmi ta' diskriminazzjoni u vjolenza, u jipprevjenu, jinvestigaw u jikkastigaw atti ta' vjolenza u delitti ta' mibegħda kontrihom; japprezza r-rikonoxximent tal-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet tal-persuni LGBTIQA+ fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Ġeneru III; jappella għall-implimentazzjoni tal-Linji gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI); jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-vjolenza, id-diskriminazzjoni u l-istigmatizzazzjoni kontra l-persuni LGBTIQA+; jistieden lill-atturi globali jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-identità tal-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali fl-ebda ċirkostanza ma jkunu l-bażi għal pieni kriminali;

19. Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza kontra l-persuni LGBTIQA+ u l-persuni ta' ġeneru mhux konformi, inklużi l-istigmatizzazzjoni, id-detenzjoni arbitrarja, it-tortura – kemm fiżika kif ukoll mentali – il-persekuzzjoni u l-qtil, u l-inċitament għall-vjolenza kontrihom; jitlob li tiġi rispettata l-awtonomija tal-ġisem tal-persuni kollha, b'mod partikolari bil-projbizzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali intersesswali, l-hekk imsejħa prattiki ta' "terapija ta' konverżjoni" u l-isterilizzazzjoni furzata tal-persuni transġeneru bħala prekundizzjoni biex jingħataw rikonoxximent legali tal-ġeneru; itenni li l-liġijiet dwar ir-rikonoxximent tal-ġeneru għandhom jiġu adottati f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, biex b'hekk ir-rikonoxximent tal-ġeneru jkun aċċessibbli, affordabbli, amministrattiv, rapidu u bbażat fuq l-awtodeterminazzjoni; jiddeplora l-fatt li l-persuni transġeneru u l-persuni ta' ġeneru divers għadhom jiffaċċjaw diskriminazzjoni u diffikultajiet fir-rigward tar-rikonoxximent legali tal-ġeneru; jappella għall-abolizzjoni tal-prattika dannuża tal-isterilizzazzjoni li għadha prevalenti bħala kundizzjoni għar-rikonoxximent legali tal-ġeneru;

20. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-SRHR fl-azzjonijiet esterni u interni tagħhom, inkluż fil-fora multilaterali u bilaterali; huwa mħasseb ħafna dwar ir-rigress globali fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-SRHR, inkluż fl-UE; jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti li treġġa' lura s-sentenza Roe vs Wade, id-deċiżjoni ta' Ottubru 2020 tat-Tribunal Kostituzzjonali Pollakk u d-deċiżjoni ħarxa reċenti tal-Gvern Ungeriż li jġiegħel lil dawk li jridu jagħmlu abort jisimgħu it-taħbit tal-qalb tal-fetu; jitlob li dawn jitreġġgħu lura minnufih; jikkundanna tentattivi kontinwi oħra biex jiġi stigmatizzat u mnaqqas l-aċċess għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva; jikkundanna t-theddid, l-attakki u l-pieni kollha fil-konfront tal-attivisti li jgħinu lin-nisa jkollhom aċċess għall-kontraċezzjoni jew l-abort; jenfasizza l-importanza li jingħata l-eżempju billi l-SRHR jiġu inkorporati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġati l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili globalment li jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġustizzja riproduttiva;

21. Jitlob li l-SRHR isiru parti integrali mill-promozzjoni tal-UE tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja; jappella għal aċċess universali għas-servizzi tal-SRHR, kif ukoll għall-affordabbiltà u l-aċċessibbiltà taċ-ċentri tas-saħħa tal-SRHR b'mod partikolari, inklużi l-ippjanar komprensiv tal-familja, il-kontraċezzjoni u l-informazzjoni imparzjali, il-kura qabel it-twelid, matul it-twelid u wara t-twelid, kif ukoll il-kura tal-HIV u l-aċċess għal edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità adatta għall-età u bbażata fuq l-evidenza, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha; jafferma mill-ġdid li ċ-ċaħda tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet u s-servizzi relatati komprensivi, ta' kwalità u affordabbli hija forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jenfasizza li l-attivisti tad-drittijiet tan-nisa jiffaċċjaw fastidju u theddid vjolenti għall-azzjonijiet tagħhom, speċjalment fuq il-pjattaformi tal-media soċjali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġati l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa, involuti fil-promozzjoni tal-SRHR, speċjalment fil-komunitajiet emarġinati, li l-ħidma tagħhom għadha mhedda mill-ispazju li qed jiċkien irriżervat għas-soċjetà ċivili;

22. Jiddeplora l-fatt li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għadhom qed jiffaċċjaw żieda fl-attakki, inklużi fastidju ġudizzjarju, kampanji ta' malafama u reati ta' mibegħda; jistieden lill-mexxejja tal-UE jippromwovu u jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u tal-persuni LGBTIQA+, u jipproteġuhom minn attakki u theddid minn atturi statali u mhux statali; jitlob l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġijiet kontra s-SLAPPs, kif ukoll il-prosekuzzjoni effettiva ta' mġiba diskriminatorja u tolleranza żero għad-diskors ta' mibegħda u d-delitti ta' mibegħda; jissottolinja t-talbiet tiegħu lill-UE biex tqis it-theddid, il-ħtiġijiet u l-isfidi speċifiċi għall-ġeneru li jiffaċċjaw id-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem, u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jiggarantixxu l-aċċess tagħhom għal mekkaniżmi speċifiċi ta' protezzjoni, kif ukoll jipprovdu appoġġ politiku u appoġġ finanzjarju dirett akbar; jikkundanna t-theddid, l-attakki u l-pieni kontra l-attivisti li jgħinu lin-nisa jkollhom aċċess għall-abort jew għall-kontraċezzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġati l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili involuti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u speċjalment fil-ġustizzja riproduttiva;

23. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-istereotipi dannużi mit-tfulija bikrija permezz ta' edukazzjoni ta' kwalità; jissottolinja li l-aċċess għall-edukazzjoni huwa importanti biex jinkisbu l-ħiliet, ix-xogħol deċenti u l-impjiegi tal-futur, kif ukoll biex jitkissru l-istereotipi u l-preġudizzji marbuta mal-ġeneru, inkluż f'oqsma tipikament iddominati mill-irġiel; ifakkar li l-opportunitajiet indaqs għall-aċċess għall-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija huma prerekwiżit biex jiġi żgurat li n-nisa u l-bniet ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem tagħhom; jitlob li x-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika jiġu promossi u mħeġġa minn età bikrija biex jiġi żgurat li l-bniet u n-nisa ma jkunux fi żvantaġġ inġust meta aktar tard ifittxu impjieg fis-setturi xjentifiċi u tekniċi; jitlob b'mod aktar globali lill-UE tippromwovi l-opportunitajiet indaqs għall-aċċess għall-edukazzjoni madwar id-dinja; iħeġġeġ bil-qawwa lill-UE, inkluż permezz tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, biex tikkumbatti ċ-ċaħda terribbli tal-edukazzjoni tal-bniet, li tirrappreżenta ksur tad-drittijiet tal-bniedem tat-tfal;

24. Jisħaq li s-saħħa mentali hija parti integrali mid-dritt għas-saħħa u l-benesseri, u li hemm differenzi fil-modi kif il-kundizzjonijiet tas-saħħa mentali jaffettwaw lill-irġiel u lin-nisa; jenfasizza s-sinifikat tal-adozzjoni ta' approċċ sensittiv għall-ġeneru għar-riċerka dwar il-mard mentali u t-trattament tiegħu, kif ukoll tal-integrazzjoni tas-saħħa mentali b'mod ġenerali, u ta' strateġiji ta' komunikazzjoni effettivi biex jiġu indirizzati l-istereotipi marbuta mal-ġeneru fir-rigward tas-saħħa mentali; jappella għall-ġbir u l-analiżi ta' data diżaggregata skont il-ġeneru fis-settur tal-kura tas-saħħa sabiex jitnaqqsu d-disparitajiet fil-kwalità tat-trattament offrut lill-irġiel u lin-nisa, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji ewlenin tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet fundamentali, u tiġi rispettata l-leġiżlazzjoni nazzjonali; ifakkar li d-dijanjożi li ssir tard, it-trattament inadegwat u n-nuqqas ta' nisa inklużi fl-istudji huma kollha kwistjonijiet prevalenti għall-aċċess għal kura tas-saħħa ta' kwalità għan-nisa.

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

25.10.2022

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

2

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Christine Anderson, Simona Baldassarre, Robert Biedroń, Vilija Blinkevičiūtė, Annika Bruna, Maria da Graça Carvalho, Margarita de la Pisa Carrión, Frances Fitzgerald, Heléne Fritzon, Lina Gálvez Muñoz, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Radka Maxová, Karen Melchior, Andżelika Anna Możdżanowska, Johan Nissinen, Maria Noichl, Pina Picierno, Samira Rafaela, Evelyn Regner, Eugenia Rodríguez Palop, María Soraya Rodríguez Ramos, Sylwia Spurek, Elissavet Vozemberg-Vrionidi

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Gwendoline Delbos-Corfield, Lena Düpont, Pierrette Herzberger-Fofana, Aušra Maldeikienė, Kira Marie Peter-Hansen, Susana Solís Pérez

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jakop G. Dalunde, Martin Hojsík, Johan Nissinen

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

28

+

ECR

Johan Nissinen

PPE

Isabella Adinolfi, Maria da Graça Carvalho, Lena Düpont, Frances Fitzgerald, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Aušra Maldeikienė, Elissavet Vozemberg-Vrionidi

RENEW

Martin Hojsík, Karen Melchior, Samira Rafaela, María Soraya Rodríguez Ramos, Susana Solís Pérez, Irène Tolleret

S&D

Robert Biedroń, Vilija Blinkevičiūtė, Heléne Fritzon, Lina Gálvez Muñoz, Radka Maxová, Maria Noichl, Pina Picierno, Evelyn Regner

THE LEFT

Eugenia Rodríguez Palop

VERTS/ALE

Jakop G. Dalunde, Gwendoline Delbos-Corfield, Pierrette Herzberger-Fofana, Kira Marie Peter-Hansen, Sylwia Spurek

 

2

-

ECR

Margarita de la Pisa Carrión

ID

Christine Anderson

 

3

0

ECR

Andżelika Anna Możdżanowska

ID

Simona Baldassarre, Annika Bruna

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjonijiet

 

 

 


 

 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

30.11.2022

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

2

8

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alexandrov Yordanov, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Susanna Ceccardi, Włodzimierz Cimoszewicz, Anna Fotyga, Giorgos Georgiou, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Dietmar Köster, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Leopoldo López Gil, Antonio López-Istúriz White, Pedro Marques, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Matjaž Nemec, Tonino Picula, Giuliano Pisapia, Thijs Reuten, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Jacek Saryusz-Wolski, Mounir Satouri, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Jordi Solé, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans, Viola von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Isabel Wiseler-Lima

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Attila Ara-Kovács, Loucas Fourlas, Christophe Grudler, Georgios Kyrtsos, Katrin Langensiepen, Alessandra Moretti, Juozas Olekas, Paulo Rangel, Tom Vandenkendelaere, Mick Wallace

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Clare Daly, Margarita de la Pisa Carrión, Nicolaus Fest, Gilles Lebreton, Costas Mavrides, Luisa Regimenti

 


 

 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

47

+

NI

Fabio Massimo Castaldo

PPE

Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Loucas Fourlas, Sunčana Glavak, Andrius Kubilius, David Lega, Leopoldo López Gil, Antonio López-Istúriz White, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Paulo Rangel, Luisa Regimenti, Radosław Sikorski, Tom Vandenkendelaere, Isabel Wiseler-Lima

RENEW

Petras Auštrevičius, Klemen Grošelj, Christophe Grudler, Georgios Kyrtsos, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans

S&D

Attila Ara-Kovács, Włodzimierz Cimoszewicz, Raphaël Glucksmann, Dietmar Köster, Pedro Marques, Costas Mavrides, Sven Mikser, Alessandra Moretti, Matjaž Nemec, Juozas Olekas, Tonino Picula, Giuliano Pisapia, Thijs Reuten, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Andreas Schieder

VERTS/ALE

Reinhard Bütikofer, Katrin Langensiepen, Mounir Satouri, Jordi Solé, Viola von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz

 

2

-

ID

Nicolaus Fest, Gilles Lebreton

 

8

0

ECR

Anna Fotyga, Margarita de la Pisa Carrión, Jacek Saryusz-Wolski

ID

Susanna Ceccardi

PPE

Miriam Lexmann

THE LEFT

Clare Daly, Giorgos Georgiou, Mick Wallace

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Jannar 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza