RAPPORT dwar il-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem
17.2.2023 - (2021/2204(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Hannah Neumann
PR_INI
WERREJ
Paġna
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-NU,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt u r-Responsabbiltà ta' Individwi, Gruppi u Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jħarsu d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali Universalment Rikonoxxuti (id-Dikjarazzjoni dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem),
– wara li kkunsidra l-attivitajiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 3 u 21 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Linji Gwida dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem (minn hawn 'il quddiem imsejħa wkoll "il-Linji Gwida"), adottati f'Ġunju 2004 u riveduti fl-2008, għat-tieni nota ta' gwida dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida, approvata fl-2020, u għal-Linji Gwida riveduti tal-UE dwar id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi sħab/terzi, adottati f'Diċembru 2001 u riveduti fl-2021,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin tal-24 ta' Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Ġunju 2014 fl-għaxar anniversarju tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009[1],
– wara li kkunsidra l-qafas strateġiku tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija tal-2012, u l-pjan ta' azzjoni tal-UE 2020–2024 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, kif stabbilit fil-komunikazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni tal-25 ta' Marzu 2020 (JOIN(2020)0005), adottata mill-Kunsill fit-18 ta' Novembru 2020,
– wara li kkunsidra s-sett ta' għodod tal-Kummissjoni tal-2021 dwar approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għas-sħubijiet internazzjonali, kif stabbilit fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tagħha tat-30 ta' Ġunju 2021 bit-titolu "Applying the Human Rights Based Approach to international partnerships – An updated Toolbox for placing rights-holders at the centre of EU's Neighbourhood, Development and International Cooperation" (SWD(2021(0179), (L-applikazzjoni tal-Approċċ Ibbażat fuq id-Drittijiet tal-Bniedem għal sħubijiet internazzjonali - Sett ta' għodod aġġornat biex id-detenturi tad-drittijiet jitpoġġew fiċ-ċentru tal-politika ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali tal-UE),
– wara li kkunsidra l-linji gwida speċifiċi għall-azzjonijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fiż-żjarat tagħhom f'pajjiżi terzi,
– wara li kkunsidra l-Istatut tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb, adottat mill-Konferenza tal-Presidenti fil-15 ta' Mejju 2003 u modifikat fl-14 ta' Ġunju 2006,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-politika barranija tal-UE dwar il-migrazzjoni[2],
– wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari tiegħu tal-24 ta' Awwissu 2022 bit-titolu "Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem – Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea",
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-indikatur 16.10.1 tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, li jirreferi għan-numru ta' każijiet verifikati ta' qtil, ħtif, għajbien sfurzat, detenzjoni arbitrarja u tortura ta' ġurnalisti, persunal assoċjat tal-midja, trejdunjonisti u avukati tad-drittijiet tal-bniedem fit-12-il xahar preċedenti,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar il-politiki tal-UE favur id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq id-drittijiet tal-bniedem u r-rwol tad-difensuri tal-ambjent f'din il-kwistjoni[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2021 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar diliġenza dovuta korporattiva u obbligu ta' rendikont korporattiv[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2022 dwar l-eżitu tar-rieżami tal-Kummissjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' 15-il Punt dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli[6],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2022 lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2022 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru III[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt (magħrufa bħala "riżoluzzjonijiet ta' urġenza") f'konformità mal-Artikolu 144 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2022 bit-titolu "Id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni – rapport annwali 2021"[9], u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar rapporti annwali preċedenti,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0034/2023),
A. billi d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tiddefinixxi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) bħala individwi jew gruppi li jaġixxu biex jippromwovu, jipproteġu jew jistinkaw għall-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali permezz ta' mezzi paċifiċi;
B. billi d-DDB huma alleati essenzjali fl-isforzi tal-UE biex tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u tipprevjeni l-kunflitti madwar id-dinja; billi huwa għalhekk fl-interess ewlieni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li jappoġġjaw il-ħidma tagħhom u jipproteġuhom;
C. billi l-Linji Gwida, adottati fl-2004 u riveduti fl-2008, gradwalment saru l-qafas ta' referenza għall-istituzzjonijiet tal-UE, id-delegazzjonijiet tal-UE, il-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri u l-mexxejja tal-UE biex jippromwovu u jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tad-DDB u biex jipproteġu d-DDB f'riskju ta' attakki u theddid minn atturi statali u mhux statali; billi l-Parlament talab b'mod konsistenti implimentazzjoni xierqa u kkoordinata tal-Linji Gwida; billi l-Istati Membri, flimkien mal-istituzzjonijiet tal-UE, għandhom jimplimentaw il-Linji Gwida, li jinkludu firxa ta' impenji speċifiċi, bħal rappurtar regolari, koordinazzjoni u azzjoni b'appoġġ għad-DDB;
D. billi azzjoni konsistenti u koerenti tal-UE biex tappoġġa u tipproteġi d-DDB jista' jkollha impatt sinifikanti meta l-missjonijiet tal-Istati Membri u d-delegazzjonijiet tal-UE jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom, notevolment fir-rigward ta' każijiet individwali kemm b'mod bilaterali u f'fora multilaterali;
E. billi l-adozzjoni tal-qafas strateġiku tal-2012 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija u t-tliet pjanijiet ta' azzjoni suċċessivi pprovdew viżjoni, prinċipji u miżuri azzjonabbli għall-appoġġ tal-UE għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem globalment u għall-implimentazzjoni tal-Linji Gwida;
F. billi l-UE żviluppat firxa wiesgħa ta' strumenti biex tappoġġja lid-DDB, minn għodod ta' koordinazzjoni għal għajnuna finanzjarja; billi l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) qabel kien l-istrument finanzjarju ewlieni tal-UE użat biex jappoġġja lid-DDB, inkluż kemm permezz ta' għotjiet ta' emerġenza kif ukoll permezz tal-mekkaniżmu ta' protezzjoni tad-DDB tal-UE, ProtectDefenders.eu; billi l-EIDHR ġie sostitwit minn programm tematiku dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija bħala parti mill-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali (NDICI); billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt huwa objettiv trasversali fl-NDICI kollu u huwa promoss ukoll permezz tal-ħidma tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija;
G. billi aktar minn EUR 186 miljun ġew allokati taħt l-EIDHR bħala appoġġ għad-drittijiet tal-bniedem u d-DDB f'sitwazzjonijiet li fihom kienu l-aktar f'riskju matul il-perjodu 2014–2020; billi ammont indikattiv ta' EUR 326 miljun ġie allokat taħt il-programm tematiku tal-NDICI dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija biex jappoġġja lid-DDB u jiġġieled l-ispazju li qed jiċkien għas-soċjetà ċivili matul il-perjodu attwali 2021–2027; billi l-inizjattiva ProtectDefenders.eu ġiet allokata madwar EUR 35 miljun ta' finanzjament tal-UE u appoġġat madwar 55 000 DDB mill-2015, inklużi 8 700 fl-2021; billi madwar 1 600 DDB ġew appoġġati taħt l-iskema separata ta' għotjiet ta' emerġenza tal-UE mill-2010;
H. billi l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp jimpenja lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jimplimentaw approċċ għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha u għalhekk anke lil dawk li jiddefenduhom;
I. billi l-UE, bħala attur ekonomiku b'saħħtu, għandha l-kapaċità li tinfluwenza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-DDB madwar id-dinja billi tintegra b'mod konsistenti approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-politiki kollha tagħha; billi r-rieżami tal-politika kummerċjali tal-2021 jimpenja lill-UE biex tieħu pożizzjoni aktar assertiva fid-difiża tal-interessi u l-valuri tagħha, b'mod partikolari l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; billi r-rieżami tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD) jipprevedi aktar monitoraġġ tal-impenji tat-TSD fil-ftehimiet kummerċjali, rwol imsaħħaħ għas-soċjetà ċivili u infurzar imtejjeb ta' dawn il-ftehimiet;
J. billi r-reġim globali l-ġdid tas-sanzjonijiet tal-UE tad-drittijiet tal-bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE) jippermetti lill-UE tiġġieled kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja; billi d-destin tad-DDB għandu jkun dimensjoni integrali tal-monitoraġġ globali tal-UE tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, inkluż fir-rigward tal-impożizzjoni ta' sanzjonijiet; billi l-użu ta' din l-għodda jista' jissaħħaħ billi ssir soġġetta għal votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata;
K. billi l-Parlament talab ripetutament lill-UE tindirizza atti ta' korruzzjoni kbira minn individwi u entitajiet permezz ta' sanzjonijiet; billi d-DDB involuti f'attivitajiet kontra l-korruzzjoni qed jiġu attakkati dejjem aktar għall-ħidma tagħhom; billi l-Kunsill u l-Kummissjoni bdew ħidma għas-sanzjonar ta' individwi u entitajiet responsabbli għal reati ta' korruzzjoni;
L. billi l-implimentazzjoni konsistenti, effettiva u effiċjenti tal-Linji Gwida hija saħansitra aktar importanti fil-kuntest globali attwali ta' tnaqqis tad-demokrazija, id-deterjorament tad-drittijiet tal-bniedem, it-tnaqqis fl-ispazju tas-soċjetà ċivili, il-kollass tal-klima u r-riskji akbar għad-DDB maħluqa minn fatturi bħas-sorveljanza diġitali u l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19;
M. billi kien hemm żieda sostanzjali fl-għadd, il-firxa u s-severità tal-attakki fuq id-DDB u l-familji u l-avukati tagħhom f'dawn l-aħħar snin; billi skont l-Organizzazzjoni Dinjija Kontra t-Tortura, 331 DDB inqatlu fl-2020; billi l-analiżi globali ppubblikata mill-organizzazzjoni mhux governattiva (NGO) Front Line Defenders irrapportat li 358 DDB inqatlu f'35 pajjiż fl-2021 biss, u peress li s-sottorappurtar huwa komuni, iċ-ċifra attwali mhijiex magħrufa u x'aktarx li tkun ħafna ogħla; billi fl-2020 inqatlu 227 difensur ambjentali u aktar minn nofs dawk l-omiċidji seħħew fi tliet pajjiżi biss, il-Kolombja, il-Messiku u l-Filippini, skont l-NGO Global Witness; billi għadd kbir ta' DDB jinsabu mhedda u attakkati minħabba li qajmu tħassib dwar l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-operazzjonijiet kummerċjali, inkluż fil-kuntest ta' proġetti kbar ta' żvilupp li jaffettwaw l-aċċess għall-art u l-għajxien; billi f'dawn l-aħħar snin, il-maġġoranza tad-DDB immirati u/jew maqtula minn atturi statali u mhux statali kienu qed jaħdmu fuq id-drittijiet tal-art, tal-ilma, tal-ambjent u tal-popli indiġeni;
N. billi l-gvernijiet awtoritarji, iżda wkoll għadd inkwetanti ta' pajjiżi demokratiċi li ilhom stabbiliti madwar id-dinja, inkluż fi ħdan l-UE, qed jadottaw dejjem aktar tipi ġodda ta' tattiċi u miżuri restrittivi kontra d-DDB sabiex jiċċensuraw il-ħidma tagħhom u jsikktuhom u jagħtuhom fastidju; billi tali miżuri jinkludu kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, politiki governattivi restrittivi, kampanji ta' malafama, diskriminazzjoni u intimidazzjoni jew vjolenza, inklużi qtil, ħtif, arrest arbitrarju u detenzjoni; billi klima ta' impunità għall-ksur imwettaq kontra d-difensuri f'diversi pajjiżi tad-dinja hija prevalenti f'għadd ta' pajjiżi madwar id-dinja;
O. billi d-DDB qed jiġu attakkati dejjem aktar minn reġimi awtoritarji ta' pajjiżi terzi permezz ta' ambaxxati, missjonijiet diplomatiċi u persunal, uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u prokuri oħra fit-territorji tal-Istati Membri tal-UE fejn ikunu sabu kenn jew ażil;
P. billi d-DDB nisa jiffaċċjaw theddid speċifiku għall-ġeneru u huma aktar f'riskju li jiġu soġġetti għal ċerti forom ta' vjolenza u ksur ieħor, preġudizzju, esklużjoni u repudjazzjoni mill-kontropartijiet maskili tagħhom, u jbatu minn nuqqas ta' aċċess għal riżorsi adegwati u mekkaniżmi ta' protezzjoni; billi l-biċċa l-kbira tal-każijiet sottorappurtati huma relatati ma' dawk li jiffaċċjaw ostakli speċifiċi għall-ġeneru jew speċifiċi għall-orjentazzjoni sesswali;
Q. billi l-attakki kontra d-DDB qed jimmiraw dejjem aktar lill-familji u l-komunitajiet tagħhom;
R. billi gruppi u kategoriji oħra ta' difensuri li huma partikolarment esposti għal attakki u ksur tad-drittijiet tal-bniedem jinkludu ġurnalisti, dawk li jaħdmu biex jippromwovu d-drittijiet ċivili u politiċi, b'mod partikolari dawk li jinvestigaw jew jiddefendu vittmi ta' delitti tal-istat, għajbien sfurzat jew tortura, dawk li jaħdmu biex jippromwovu d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, b'mod partikolari d-drittijiet kollettivi, bħad-dritt għall-ikel u l-aċċess għar-riżorsi naturali, inklużi t-trejdjunjonisti, dawk li jaħdmu għad-drittijiet tal-komunità, id-drittijiet tal-minoranzi etniċi u reliġjużi, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, id-drittijiet tal-popli indiġeni u d-drittijiet tal-persuni LGBTQI +, u dawk li jiġġieldu kontra l-korruzzjoni;
S. billi mezzi dejjem aktar sofistikati, inklużi teknoloġiji ġodda, qed jintużaw biex jippersegwitaw lid-DDB; billi d-DDB huma wkoll ristretti u kultant ikunu fil-mira diretta ta' politiki, leġiżlazzjoni u proċeduri deskritti bħala miżuri ta' "sigurtà", li spiss ikunu akkumpanjati minn stigmatizzazzjoni u akkużi ta' terroriżmu;
Valutazzjoni ġenerali tal-qafas tal-politika tal-UE b'appoġġ għad-DDB
1. Ifaħħar u jirringrazzja lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem għall-ħidma kuraġġuża u kruċjali tagħhom fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u tal-pjaneta; jirrikonoxxi li jridu jagħmlu xogħolhom f'ċirkostanzi dejjem aktar diffiċli u li qed jevolvu u spiss b'sagrifiċċju personali elevat għalihom, għall-familji tagħhom u għall-komunitajiet tagħhom;
2. Jilqa' l-qafas ta' politika tal-UE b'appoġġ għad-DDB, li żviluppa matul l-aħħar għoxrin sena bil-Linji Gwida fil-qalba tiegħu; jissottolinja l-impatt sinifikanti tal-Linji Gwida fiż-żieda tas-sensibilizzazzjoni u l-fehim tar-rwol tad-DDB bħala sħab indispensabbli għall-politika barranija u tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE, u fil-konċentrazzjoni u t-tisħiħ tal-isforzi biex tingħata prijorità u tiġi ssimplifikata l-protezzjoni tad-DDB fl-azzjoni esterna tal-UE kollha;
3. Jenfasizza l-ħidma imprezzabbli fuq quddiem b'appoġġ għad-DDB minn għadd ta' delegazzjonijiet tal-UE u missjonijiet tal-Istati Membri f'pajjiżi terzi, u l-appoġġ finanzjarju sostanzjali u li qed jiżdied, inkluża assistenza diretta, ipprovdut lid-DDB mill-Kummissjoni taħt id-diversi strumenti;
4. Iqis, madankollu, li l-applikazzjoni ġenerali tal-Linji Gwida mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-Kummissjoni u l-Istati Membri kienet irregolari, fil-biċċa l-kbira ffokat fuq miżuri reattivi, nieqsa minn implimentazzjoni ġenerali konsistenti tal-istrateġija u kkaratterizzata minn viżibbiltà insuffiċjenti tal-azzjoni tal-UE u l-kanali ta' appoġġ għad-DDB; jemmen li d-dimensjoni tad-DDB għad trid tiġi integrata fl-azzjoni esterna kollha tal-UE b'mod sistematiku u konsistenti, inklużi d-dokumenti ta' politika tal-pajjiżi, reġjonali u tematiċi tal-UE u fil-livelli rilevanti kollha tal-impenn diplomatiku u tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, sal-ogħla livelli;
5. Jitlob lill-UE biex tkompli ssaħħaħ il-qafas ta' politika tagħha għad-DDB permezz ta' azzjoni kontinwa, konkreta, konsistenti u effettiva, b'mod partikolari fir-relazzjonijiet tagħha ma' reġimi awtoritarji u f'postijiet fejn l-UE u l-Istati Membri għandhom ftehimiet ta' assoċjazzjoni, kummerċ, investiment jew kooperazzjoni jew fejn għandhom interessi sostanzjali kummerċjali, tal-enerġija, tas-sigurtà, migratorji u oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-appoġġ finanzjarju tagħhom lid-DDB ikun akkumpanjat ukoll minn impenn politiku sostnut tal-UE ma' pajjiżi terzi;
6. Jitlob li l-Linji Gwida jirreferu għar-reġim globali ta' sanzjonijiet tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem u li l-attakki sistematiċi fuq id-DDB iwasslu biex individwi u entitajiet jiġu elenkati taħt dan ir-reġim; itenni t-talba tiegħu biex jiġi emendat ir-reġim globali attwali tal-UE ta' sanzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem billi jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu biex jinkludi atti ta' korruzzjoni jew alternattivament biex titressaq proposta leġiżlattiva biex jiġi adottat reġim tematiku ġdid kontra atti serji ta' korruzzjoni;
Team Europe (Tim Ewropa) – naħdmu flimkien għall-impatt massimu
7. Jitlob lill-UE timplimenta approċċ awtentiku ta' Team Europe għad-DDB, tħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom mhumiex attivi fuq kwistjonijiet tad-DDB biex jiżviluppaw strateġija u qafas ta' politika apposta, jgħaqqdu l-forzi fuq il-fronti diplomatiċi u ta' finanzjament u flimkien jiffurmaw koalizzjoni wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati governattivi u mhux governattivi, filwaqt li jippromwovu u jsegwu wkoll l-istess approċċ fir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom;
8. Jemmen li tali approċċ, li permezz tiegħu l-istituzzjonijiet u l-atturi kollha tal-UE, inkluż ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll l-Istati Membri, jaħdmu flimkien fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida, ikun effettiv biex jgħin fil-ġlieda kontra r-rigress globali tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;
9. Jilqa' l-isforzi minn bosta delegazzjonijiet tal-UE u missjonijiet tal-Istati Membri biex jagħtu viżibilità u rikonoxximent lid-DDB, b'mod partikolari billi jistabbilixxu gruppi ta' ħidma lokali dwar id-drittijiet tal-bniedem b'persunal minn missjonijiet tal-UE, jilħqu b'mod proattiv u jagħmlu laqgħat regolari magħhom, billi jagħmlu żjarat sistematiċi fuq il-post f'żoni fejn id-DDB huma f'riskju (bħal fil-Messiku u l-Kolombja), jiżviluppaw rosters ta' diplomatiċi għall-monitoraġġ tal-provi (pereżempju fir-Russja), jirrikonoxxu l-kontribuzzjonijiet pendenti mad-DDB permezz ta' premjijiet annwali (pereżempju fl-Uganda u l-Ħonduras), jipprovdu appoġġ ta' emerġenza lid-DDB, jisfidaw il-liġijiet li jikkriminalizzaw lid-DDB u jappoġġaw l-iżvilupp ta' networks ta' protezzjoni tad-DDB; jenfasizza, bħala eżempju tal-aħjar prattika, l-inizjattiva innovattiva #DefendamosLaVida mnedija mid-delegazzjonijiet tal-UE u l-missjonijiet tal-Istati Membri fil-Kolombja u, l-aktar reċentement, fil-Messiku;
10. Madankollu, jiddispjaċih għall-fatt li, minħabba n-natura volontarja tal-Linji Gwida, l-intensità u l-kwalità tal-impenn tad-delegazzjonijiet tal-UE mad-DDB ivarjaw b'mod konsiderevoli minn pajjiż għall-ieħor u fil-prattika huma dipendenti ħafna fuq il-kuntest politiku lokali jew id-dedikazzjoni tal-individwu u r-rieda politika tal-ambaxxatur jew tal-persunal speċifiku tal-UE inkwistjoni, jew tal-uffiċjali fis-SEAE u l-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni; jitlob għal aktar konsistenza u approċċ ġenerali strateġiku f'dan ir-rigward u għal impenn personali sod mill-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR) u l-uffiċċju tiegħu biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti tal-Linji Gwida fid-delegazzjonijiet kollha, b'mod partikolari fil-pajjiżi fejn id-DDB huma l-aktar f'riskju; jistenna li l-ambaxxaturi kollha tal-UE u tal-Istati Membri jiżguraw li l-missjonijiet tagħhom jintegraw b'mod effettiv l-appoġġ lid-DDB fil-ħidma tagħhom ta' kuljum;
11. Jitlob lill-UE żżid il-kapaċità istituzzjonali tagħha, kemm fi Brussell kif ukoll fid-delegazzjonijiet tagħha, sabiex tkun tista' tirrispondi b'mod adegwat għall-ambjent dejjem jiddeterjora li qed jiffaċċjaw id-DDB; jitlob li jkun hemm aktar persunal, fejn xieraq, iddedikat biex jittratta l-għoti ta' għotjiet żgħar, b'mod partikolari fil-qasam tal-assistenza ta' emerġenza, u għal aktar appoġġ diplomatiku fuq il-post; jinsisti wkoll fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità umana u finanzjarja tad-delegazzjonijiet tal-UE biex jipproteġu lid-DDB u jikkoordinaw mal-Istati Membri, bħala kompitu ewlieni ta' kull missjoni, b'mod partikolari f'pajjiżi fejn l-ispazju għas-soċjetà ċivili qed jiċkien; jenfasizza l-importanza li l-bini tad-delegazzjonijiet tal-UE jservi bħala post sikur għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem biex dawn ikun jistgħu jiltaqgħu, b'mod partikolari f'ambjenti ostili;
12. Iqawwi qalbu grazzi għar-rapporti ta' koordinazzjoni mtejba bejn id-delegazzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni tad-DDB, b'mod partikolari permezz tal-prattika tal-kondiviżjoni tal-piżijiet u d-diplomazija pubblika konġunta; jibqa' mħasseb, madankollu, li inqas minn nofs l-Istati Membri huma involuti b'mod attiv f'dan il-qasam fil-prattika, peress li ħafna jiddependu fuq id-delegazzjonijiet tal-UE għall-protezzjoni tad-DDB, u li l-involviment selettiv jibqa' n-norma; jiddispjaċih għall-fatt li ftit Stati Membri biss adottaw il-linji gwida nazzjonali tagħhom stess dwar id-DDB; jistieden lill-Istati Membri jieħdu passi aktar attivi biex jiksbu impenn usa' u aktar konsistenti dwar il-protezzjoni tad-DDB u jistabbilixxu d-dokumenti ta' politika tagħhom stess dwar id-DDB, f'konformità ma' dawk tal-UE;
13. Jilqa' t-taħriġ regolari dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż dwar il-politika tad-DDB, għall-membri tal-persunal li jaħdmu bħala punti fokali kemm fis-sezzjonijiet politiċi kif ukoll ta' kooperazzjoni tad-delegazzjonijiet tal-UE; madankollu, huwa mħasseb bir-rapporti li s-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tal-Linji Gwida għadhom mhux adegwati; jitlob li dan it-taħriġ isir obbligatorju u li jiġi estiż; jissuġġerixxi li wieħed jaħseb dwar l-inkorporazzjoni tal-impenji tal-UE u tal-Istati Membri dwar id-DDB fil-profili tal-impjiegi tal-membri tal-persunal rilevanti tas-SEAE, tad-delegazzjonijiet tal-UE u tal-missjonijiet tal-Istati Membri, bil-ħsieb li jiġi żgurat approċċ sistematiku dwar id-DDB, sabiex l-għarfien u l-prattiki għall-protezzjoni tad-DDB jiġu istituzzjonalizzati, li b'hekk jevita approċċ dipendenti fuq il-persuni u jimminimizza l-effetti tar-rotazzjoni tal-persunal;
14. Jitlob għal aktar involviment pubbliku mill-VP/RGħ, ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u r-rappreżentanti nazzjonali rilevanti tal-Istati Membri għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fir-rigward ta' DDB individwali; iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Kummissarji jimpenjaw ruħhom li jiltaqgħu sistematikament mad-DDB matul iż-żjarat tagħhom barra mill-pajjiż u li jgħollu fl-ogħla livell is-sitwazzjoni mwiegħra tad-DDB li jkunu qed jiġu attakkati, inklużi dawk ippersegwitati, intimidati, detenuti arbitrarjament jew sfurzati jaħarbu minn pajjiżhom, b'mod partikolari permezz ta' dikjarazzjonijiet pubbliċi meta jkun xieraq; jistieden lir-rappreżentanti speċjali tal-UE f'sitwazzjonijiet ta' pajjiż u reġjonali jinvolvu ruħhom mal-awtoritajiet nazzjonali speċifikament dwar id-DDB;
15. Jenfasizza l-importanza li jkomplu jitkissru s-silos fir-relazzjonijiet esterni tal-UE; jilqa' ż-żieda fil-koordinazzjoni bejn id-delegazzjonijiet tal-UE, il-kwartieri ġenerali tas-SEAE u d-Direttorat Ġenerali għas-Sħubijiet Internazzjonali fir-rigward ta' każijiet tad-DDB urġenti u sitwazzjonijiet ta' kriżi li jaffettwaw lid-DDBs b'mod sinjifikanti; jitlob koordinazzjoni mtejba dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem mad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ u d-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni, fost direttorati ġenerali oħra, kif ukoll ma' aġenziji rilevanti tal-UE, bħall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil;
Enfasi akbar fuq il-ħtiġijiet ta' prevenzjoni u finanzjament
16. Jilqa' l-kontribuzzjoni finanzjarja sostanzjali u li qed tiżdied b'mod kostanti tal-UE għall-appoġġ tad-DDB madwar id-dinja, li tagħmilha d-donatur ewlieni f'dan ir-rigward, kif ukoll l-isforzi tagħha biex iżżid it-trasparenza, il-flessibbiltà u l-iżvilupp ta' diversi programmi biex jappoġġaw id-drittijiet tal-bniedem u l-attivitajiet u l-bżonnijiet tad-DDB, inkluż il-ħidma tad-DDB meta jkunu eżiljati; jenfasizza r-rwol uniku tal-mekkaniżmu ProtectDefenders.eu mmexxi mis-soċjetà ċivili fl-għoti ta' appoġġ prattiku imprezzabbli għad-DDB f'riskju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel enfasi akbar fuq il-komunikazzjoni ta' dawn l-isforzi pubblikament; jitlob bidla kwalitattiva lejn approċċ aktar olistiku u fit-tul immirat lejn is-sigurtà integrali ta' komunitajiet sħaħ li mmobilizzaw biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jiffaċilitaw u jiffinanzjaw networks lokali u reġjonali u laqgħat ta' DDB meta jkunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, jitgħallmu mill-istrateġiji, is-suċċessi u l-aħjar prattiki ta' xulxin, u jibnu alleanzi; jilqa' l-ħidma tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija u jenfasizza l-importanza li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jsaħħu l-attivitajiet tagħhom billi jużaw strumenti ta' appoġġ finanzjarju flessibbli biex jappoġġjaw l-attivitajiet u l-ħtiġijiet tal-attivisti;
17. Iwissi dwar il-prevalenza ta' bosta organizzazzjonijiet mhux governattivi organizzati mill-gvern li jippreżentaw ruħhom bħala organizzazzjonijiet leġittimi tas-soċjetà ċivili u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jevitaw kwalunkwe promozzjoni jew appoġġ ta' jew kwalunkwe forma ta' assoċjazzjoni ma' dawn l-organizzazzjonijiet;
18. Jikkundanna ż-żieda fl-attakki fuq il-familji, il-komunitajiet u l-avukati tad-DDB madwar id-dinja; jenfasizza li dawn l-attakki jseħħu wkoll fl-eżilju u għandhom l-għan, fost l-oħrajn, li jikkawżaw uġigħ, biża', ansjetà u sens ta' vulnerabbiltà sabiex il-vittmi jiġu umiljati u degradati u tinkiser ir-reżistenza fiżika u morali tagħhom; itenni, għaldaqstant, l-importanza li jintużaw l-għotjiet ta' emerġenza tal-Kummissjoni, ProtectDefenders.eu u l-faċilità ta' kriżi biex jiżdiedu l-protezzjoni u l-appoġġ għal dawn il-membri tal-familja, filwaqt li jitqiesu l-unitajiet tal-familja differenti li jeżistu, u l-avukati tad-DDB;
19. Jissottolinja l-ħtieġa li jsir aktar investiment fil-protezzjoni ġenerali fit-tul u l-benesseri psikosoċjali tad-DDB u tal-familji tagħhom, inkluż billi jittieħed approċċ aktar preventiv sabiex jiġu antiċipati problemi serji, bħal attakki, minbarra l-implimentazzjoni ta' miżuri reattivi ffukati fuq l-individwi;
20. Jissottolinja l-importanza li l-protezzjoni tad-DDB titqiegħed fil-qalba tal-impenn politiku tal-UE ma' pajjiżi terzi u tal-aġenda diplomatika għalihom billi tallinja l-azzjonijiet esterni kollha tal-UE f'pajjiżi terzi mal-azzjonijiet tagħha biex tipproteġi lid-DDB u tippromwovi l-ħidma tagħhom; jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprijoritizzaw:
– l-identifikazzjoni sistematika ta' alleati ewlenin fi ħdan awtoritajiet u istituzzjonijiet ta' pajjiżi terzi;
– appoġġ finanzjarju akbar għall-istabbiliment u t-tisħiħ ta' istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jimpenjaw u jipproteġu d-DDB u jaġixxu b'mod indipendenti;
– it-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni u l-politiki domestiċi dwar id-DDB, f'konformità mal-qafas tan-NU dwar id-DDB, u l-oqfsa leġiżlattivi u ta' politika bl-iskop li jiġu stabbiliti programmi ta' protezzjoni nazzjonali għad-DDB;
– il-promozzjoni ta' kampanji, networks u strutturi nazzjonali biex jirrikonoxxu l-kontribut imprezzabbli tad-DDB għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u biex jappoġġaw b'mod effettiv il-protezzjoni tad-DDB;
– l-isfida sistematika ta' liġijiet li jikkriminalizzaw jew jirrestrinġu l-ħidma leġittima tad-DDB, u/jew jintużaw ta' spiss biex jagħtu fastidju u jintimidaw lid-DDB, inklużi kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika;
– l-isforzi biex iħeġġu lill-gvernijiet jiddedikaw biżżejjed fondi għall-protezzjoni tad-DDB u li ma jinterferixxux mal-finanzjament minn sorsi esterni;
– assistenza biex jiġu żviluppati mekkaniżmi indipendenti biex tiġi indirizzata l-klima ta' impunità għal ksur imwettaq kontra d-DDB, inkluż permezz ta' investigazzjoni ta' lmenti ta' theddid jew ksur kontra d-DDB fil-pront u b'mod effettiv;
– l-għoti ta' taħriġ għal uffiċjali tal-gvern, inklużi uffiċjali tal-pulizija, militari u uffiċjali oħra tas-sigurtà, kif ukoll membri tal-ġudikatura, dwar ir-rwol leġittimu tad-DDB u d-drittijiet tagħhom;
– il-promozzjoni ta' taħriġ għad-DDB dwar kwistjonijiet bħar-rappurtar dwar abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u attakki fuq DDB, mekkaniżmi legali lokali u internazzjonali għall-protezzjoni kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u drittijiet proċedurali, inkluż meta d-DDB jiffaċċjaw akkużi kriminali għall-attivitajiet leġittimi tagħhom;
– l-iżvilupp ta' strateġija biex issir ħidma għall-ħelsien ta' DDB detenuti arbitrarjament jew dawk f'detenzjoni fit-tul, biex jiġu ffaċilitati żjarat regolari mir-rappreżentanti tal-UE u tal-Istati Membri lid-DDB fil-ħabs u biex jingħata appoġġ lill-familji u lill-qraba ta' dawn id-detenuti;
21. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex toqgħod lura strettament milli tipprovdi appoġġ baġitarju lill-gvernijiet ta' pajjiżi terzi responsabbli għal ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u r-ripressjoni tad-DDB; jistieden lill-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, iżżid l-assistenza tagħha lill-awtoritajiet ġenwinament impenjati li jistabbilixxu ambjent abilitanti għad-DDB; ifakkar fit-talba tiegħu għal trasparenza akbar fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet ta' finanzjament fl-ambitu tal-NDICI;
22. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, inklużi l-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, kif ukoll banek u veikoli oħra tal-iżvilupp u tal-investiment, jiżviluppaw approċċ li fih il-finanzjament jingħata biss lil entitajiet li jimplimentaw politika tad-drittijiet tal-bniedem soda u mmonitorjata b'mod strett u li jadottaw pożizzjoni ta' tolleranza żero dwar it-theddid jew il-vjolenza kontra d-DDB, inklużi l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatti negattivi fl-operazzjonijiet, il-ktajjen tal-valur u r-relazzjonijiet kummerċjali, il-prevenzjoni, il-mitigazzjoni jew il-waqfien ta' impatti negattivi u l-għoti ta' rimedju;
23. Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-missjonijiet tal-Istati Membri jibnu djalogu ġenwin u komprensiv mad-DDB f'pajjiżi terzi, li jkopri l-finanzjament, il-metodi għad-djalogu u l-ħtieġa għal azzjoni diplomatika, u jipprovdi, fejn possibbli, il-finanzjament ewlieni għall-attivitajiet tagħhom;
24. Jenfasizza l-importanza li jingħaqdu l-forzi mal-aġenziji u l-Proċeduri Speċjali tan-NU, b'mod partikolari r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-DDB; jitlob segwitu akbar mill-UE u l-Istati Membri dwar ir-rakkomandazzjonijiet relatati mad-DDB li saru permezz tal-Eżami Perjodiku Universali; jitlob lill-UE tipprovdi appoġġ finanzjarju u politiku għall-mekkaniżmi ta' protezzjoni reġjonali eżistenti għad-DDB, inkluż ir-Rapporteur Speċjali tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU dwar id-difensuri ambjentali, il-Ftehim ta' Escazú u l-mekkaniżmi reġjonali Inter-Amerikani, Afrikani u tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-DDB; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-missjonijiet tal-Istati Membri f'Ġinevra u fi New York jieħdu azzjoni effettiva b'reazzjoni għar-ritaljazzjoni minn pajjiżi terzi kontra d-DDB għall-kooperazzjoni tagħhom mal-korpi tan-NU u jiffaċilitaw l-akkreditazzjoni u l-interazzjoni tad-DDB ma' fora multilaterali; jistieden ukoll lill-missjonijiet tal-UE f'Ġinevra u fi New York biex ikollhom rwol ewlieni fil-promozzjoni u d-difiża tal-kisbiet tad-drittijiet tal-bniedem f'fora multilaterali, inkluż billi jmorru lura kontra attakki fuq id-definizzjoni ta' DDB u billi jintegraw u jissalvagwardjaw il-lingwaġġ ewlieni dwar ir-rwol tad-DDB, kemm fir-riżoluzzjonijiet tematiċi kif ukoll f'dawk speċifiċi għall-pajjiż fin-NU; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, għal dan l-għan, jiżguraw li dawn l-isforzi jingħataw prijorità konsistenti fil-konklużjonijiet annwali tal-Kunsill dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-kollaborazzjoni prattika dwar każijiet ta' DDB bejn id-delegazzjonijiet tal-UE, il-missjonijiet tal-Istati Membri u pajjiżi terzi tal-istess fehma;
Gruppi ġodda ta' difensuri, sfidi ġodda, soluzzjonijiet ġodda
25. Jilqa' l-isforzi reċenti tad-delegazzjonijiet tal-UE u tal-missjonijiet tal-Istati Membri f'xi pajjiżi terzi biex jilħqu lill-attivisti li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tradizzjonali tad-DDB; iħeġġeġ lill-UE ssegwi approċċ wiesa' għad-DDB, b'mod partikolari billi tinvolvi ruħha ma' u ssaħħaħ l-appoġġ għad-DDB lokali u ta' bażi, speċjalment DDB emarġinati u vulnerabbli, bħad-difensuri tad-drittijiet indiġeni, dawk li joperaw barra miż-żoni urbani ewlenin jew f'żoni remoti u dawk minn gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa, li kollha jinsabu f'riskju akbar li jesperjenzaw vjolenza u restrizzjonijiet; jitlob lill-UE tieħu vantaġġ mit-teknoloġiji online, fejn possibbli u filwaqt li żżomm f'moħħha s-sigurtà diġitali, u ssaħħaħ il-koordinazzjoni dwar l-isforzi u r-riżorsi tal-missjonijiet tal-UE biex ikun hemm konnessjoni ma' DDB aktar marġinalizzati;
26. Jisħaq fuq il-ħtieġa li titwettaq implimentazzjoni speċifika għall-ġeneru tal-Linji Gwida u l-ħtieġa għal mekkaniżmi ta' protezzjoni b'perspettiva intersezzjonali u tal-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni tipprijoritizza l-aċċess tad-DDB nisa għal mekkaniżmi u riżorsi ta' protezzjoni, u tipprovdi aktar finanzjament lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu d-drittijiet tan-nisa u l-bniet b'mod partikolari is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati;
27. Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jappoġġjaw lid-DDB nisa u jadottaw, bħala anness għal-Linji Gwida, sett ta' għodod li jipprovdi passi prattiċi li għandhom jittieħdu biex l-UE tkun tista' tissodisfa aħjar it-theddid, il-ħtiġijiet u l-isfidi speċifiċi għall-ġeneru tad-DDB nisa madwar id-dinja;
28. Jenfasizza li l-UE għandha tindirizza l-protezzjoni klimatika bħala kwistjoni integrali tad-drittijiet tal-bniedem taħt il-politika tagħha dwar id-DDB u ssaħħaħ l-azzjoni tagħha b'appoġġ għal dawk li jiddefendu l-klima u l-ambjent, speċjalment dawk id-difensuri tad-drittijiet ambjentali u tal-popli indiġeni li huma l-aktar f'riskju; jenfasizza l-ħtieġa li l-kwistjonijiet relatati mad-DDB jiġu integrati fid-diplomazija u l-assistenza tal-UE dwar il-klima, inkluż billi jiġi promoss l-involviment ġenwin tad-DDB fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' programmi, proġetti u skemi ta' kooperazzjoni dwar il-klima u billi jiġu indirizzati b'mod vokali r-restrizzjonijiet fuq il-parteċipazzjoni effettiva tagħhom u l-attivitajiet ta' monitoraġġ;
29. Jilqa' l-ħruġ ta' sejħiet għal proposti ddedikati għall-appoġġ lid-difensuri tad-drittijiet tal-LGBTQI+ u jinkoraġġixxi lill-missjonijiet tal-UE jżidu l-monitoraġġ u l-appoġġ tagħhom għall-attivisti li jiddefendu d-drittijiet tal-LGBTQI+ bħala parti integrali mill-politika tad-DDB tal-UE;
30. Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw it-theddid kontra d-DDB u l-attakki kontrihom minn atturi governattivi u mhux governattivi, inklużi negozji jew gruppi li jaġixxu f'isimhom, gruppi kriminali u gruppi armati, kif ukoll theddid f'kuntesti ta' kunflitt u tranżizzjoni; jissottolinja li dejjem hija r-responsabbiltà tal-istat li jiżgura s-sikurezza tad-DDB u l-kapaċità tagħhom li jaħdmu f'ambjent favorevoli, inkluż meta t-theddid u r-ritaljazzjoni jiġu minn atturi mhux statali;
31. Jitlob lill-UE tintegra l-vjolenza kontra d-DDB fil-politika tagħha ta' ġestjoni tal-kriżijiet u tipprovdi rispons ta' protezzjoni effettiv lid-DDB meta jkunu fil-bżonn; jitlob lill-UE, f'dan ir-rigward, tislet tagħlimiet mir-rispons Ewropew insipidu għall-ħtiġijiet ta' evakwazzjoni tad-DDB Afgani u l-familji tagħhom wara t-teħid tal-kontroll tat-Talibani; jistieden, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni tirreaġixxi b'mod aktar mgħaġġel fi kriżijiet li jiġru ħesrem fejn il-ħtiġijiet tad-DDB ikunu kemm urġenti kif ukoll enormi sew billi tissupplimenta l-finanzjament għal inizjattivi bħal ProtectDefenders.eu kif ukoll billi torjenta mill-ġdid il-finanzjament tal-pajjiżi u l-isforzi diplomatiċi biex tgħin ir-rilokazzjoni tad-DDB; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkunsidraw lid-DDB bħala atturi u sħab ewlenin fi kwalunkwe rispons effettiv u sostenibbli li jseħħ wara l-kunflitt;
32. Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprijoritizzaw il-ġlieda kontra l-użu ħażin tat-teknoloġija ta' sorveljanza biex idgħajfu l-ħidma tad-DDB, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali soda; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-inizjattivi relatati mal-iżvilupp u t-tixrid ta' teknoloġiji tas-sigurtà diġitali biex tingħata s-setgħa lid-DDB billi jiġu pprovduti b'mekkaniżmi siguri ta' ġbir, kriptaġġ u ħżin li jevitaw il-monitoraġġ minn gvernijiet ripressivi, attakki ċibernetiċi u fastidju online;
33. Jemmen li, fid-dawl tan-numru mdaqqas u dejjem jikber ta' theddid u attakki li d-DDB iħabbtu wiċċhom magħhom li jqajmu tħassib dwar l-impatti ħżiena fuq id-drittijiet tal-bniedem ta' xi operazzjonijiet tan-negozji, l-UE għandha tintegra b'mod koerenti l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tad-DDB, b'mod partikolari r-rappreżentanti tat-trade unions u d-difensuri tal-art, id-drittijiet tal-popli indiġeni u l-ambjent, fid-direttiva dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva u fil-ftehimiet u l-istrumenti ta' kummerċ, ta' investiment u ta' kooperazzjoni tagħha, bħall-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi; jitlob lill-UE tagħmel użu aktar konsistenti u akbar mill-klawżoli fil-ftehimiet ta' kummerċ u ta' investiment li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk fuq monitoraġġ aktar mill-qrib u infurzar adegwat tal-impenji tad-drittijiet tal-bniedem, u tuża b'mod sħiħ il-kundizzjonalità dwar id-drittijiet tal-bniedem biex tagħti aċċess preferenzjali għas-suq tagħha lil pajjiżi terzi; iqis, barra minn hekk, li attakki sistematiċi u mifruxa kontra d-DDB għandhom iwasslu għall-iskattar ta' dawn il-klawżoli jew tal-ftehim qafas ġenerali mal-pajjiż partikolari, u fil-każ ta' nuqqas ċar tal-awtoritajiet nazzjonali li jtejbu s-sitwazzjoni, iqis li l-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa, inklużi dawk li jwasslu għas-sospensjoni tal-ftehim rilevanti;
34. Jissottolinja r-rwol tal-gruppi konsultattivi domestiċi (DAGs) fil-monitoraġġ tal-impenji tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD commitments) fil-ftehimiet kummerċjali; jinsab imħasseb dwar rapporti li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet ambjentali twaqqfu mill-gvernijiet tas-sħab kummerċjali preferenzjali milli jservu fi gruppi konsultattivi domestiċi; jitlob li jiġu allokati biżżejjed riżorsi finanzjarji u assistenza teknika lill-Gruppi Konsultattivi Domestiċi biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b'mod xieraq;
35. Jitlob lill-UE tallinja l-istrateġiji tagħha tad-DDB mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u mal-istandards internazzjonali l-oħra f'dan il-qasam; jissottolinja li d-delegazzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lill-involviment mal-komunità kummerċjali, b'mod partikolari l-kumpaniji Ewropej u s-sussidjarji tagħhom barra mill-pajjiż, sabiex jipproteġu lid-DDB li jaħdmu fuq kwistjonijiet relatati mal-art, l-estrazzjoni, il-manifattura u setturi oħra li jinvolvu riskju għoli jew rapporti numerużi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-attivitajiet tagħhom u jimmonitorjaw l-attivitajiet kummerċjali tagħhom b'mod komprensiv; jinsisti, f'dan il-kuntest, li d-delegazzjonijiet tal-UE għandhom jiffaċilitaw u jappoġġjaw l-aċċess tad-DDB għal rimedju ġudizzjarju fl-UE għall-ksur tad-drittijiet tagħhom;
36. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżguraw li d-DDB, b'mod partikolari dawk li jaħdmu fuq ix-xogħol u d-drittijiet tan-nisa, ikunu involuti b'mod konsistenti fil-mekkaniżmi ta' monitoraġġ tas-soċjetà ċivili marbuta mal-ftehimiet rilevanti tal-UE; jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li d-DDB ikunu protetti mir-riskji li jiffaċċjaw meta jikxfu ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
37. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-riskji ta' rappreżalji u ritaljazzjoni u riskji oħra li jikkonċernaw ksur kontra d-DDB li jaħdmu fuq kwistjonijiet kummerċjali u tax-xogħol jiġu inklużi fil-fażi tal-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji tal-proċessi ta' diliġenza dovuta tal-kumpaniji; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kumpaniji jinvolvu ruħhom b'mod sistematiku mad-DDB u jiggarantixxu l-parteċipazzjoni sikura tagħhom;
38. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-integrazzjoni tal-mekkaniżmi ta' protezzjoni u prevenzjoni għad-DDB fi ħdan proġetti, programmi u skemi ta' investiment settorjali, tal-anqas fl-oqsma l-aktar f'riskju għad-DDB, bħall-proġetti tal-art u ambjentali, l-industriji estrattivi, il-manifattura u oqsma oħra ta' riskju, u fil-politiki kollha relatati mas-sigurtà; jinsisti fuq l-importanza li l-Parlament iwettaq ir-rwol ta' sorveljanza tiegħu f'dan ir-rigward;
39. Jenfasizza l-fenomenu li qed jiżdied ta' theddid transnazzjonali kontra d-DDB mill-awtoritajiet nazzjonali jew mill-prokuri tagħhom, inkluż fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidentifikaw u jindirizzaw dan it-theddid fi ħdan l-UE bħala prijorità u bħala aspett integrali tal-Linji Gwida; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu lid-DDB barranin li jirrisjedu fl-UE b'mezzi finanzjarji u mezzi oħra xierqa, inklużi mekkaniżmi ta' protezzjoni ddedikati, taħriġ u programmi dwar iċ-ċibersigurtà u l-fastidju ċibernetiku, sabiex ikunu jistgħu jkomplu l-ħidma tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem mill-bogħod u mingħajr biża' ta' ritaljazzjoni; jitlob li jiġu pprovduti aktar taħriġ u riżorsi lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri tal-UE biex jiġu ffaċilitati r-rappurtar, l-investigazzjonijiet u l-attribuzzjoni ta' dawn l-attakki transnazzjonali, u jitlob li dawk responsabbli jiġu sanzjonati; jissottolinja li l-uffiċjali u l-aġenti ta' pajjiżi terzi li jagħtu fastidju lid-DDB fl-UE, kif ukoll lill-faċilitaturi lokali, kemm individwi kif ukoll entitajiet, għandhom jiġu mħarrka, esposti u sanzjonati;
40. Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga b'mod partikolari fir-rigward ta' każijiet ta' pajjiżi terzi li jippersegwitaw lid-DDB fl-Istati Membri tal-UE billi joperaw missjonijiet barranin illegali li jirrappreżentaw lill-awtoritajiet domestiċi tagħhom mingħajr l-għarfien jew il-kunsens tal-awtoritajiet tal-Istati Membri;
Viżi u kenn – għodda importanti ta' protezzjoni
41. Jinnota t-titjib tal-appoġġ tal-UE għar-rilokazzjoni tad-DDB f'riskju u l-adozzjoni tal-aħjar prattiki f'xi Stati Membri; jinnota b'dispjaċir il-fatt li ħafna DDB u l-familji tagħhom għadhom qed jaraw ir-rilokazzjoni urġenti jew it-talbiet għal viża tagħhom miċħuda;
42. Jenfasizza li l-viżi huma għodda ewlenija ta' protezzjoni u li, sabiex tgħin b'mod effettiv lid-DDB f'riskju, il-Kummissjoni għandu jkollha rwol proattiv fl-istabbiliment ta' skema ta' viżi għal dħul multiplu fl-UE kollha għad-DDB; jemmen li, b'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi 1) proċeduralment, billi jiżguraw li l-proċessi tal-ambaxxati u tal-konsulati tagħhom ikunu rapidi, komprensibbli, aċċessibbli u li jistgħu jinkisbu, u 2) strutturalment, billi joħolqu kategorija speċifika fil-Kodiċi tal-UE dwar il-Viżi għad-DDB[10] f'riskju u jinkludu struzzjonijiet dedikati fil-Manwal tal-Kodiċi dwar il-Viżi tal-UE[11] dwar l-għoti ta' proċeduri ta' faċilitazzjoni lid-DDB u lill-membri tal-familja tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa li r-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet tal-viża jsiru inqas stretti għad-DDB li jeħtieġu evakwazzjoni ta' emerġenza; jitlob li jsiru sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-uffiċjali tal-Istati Membri dwar il-ħtiġijiet u l-isfidi partikolari tal-applikazzjonijiet mid-DDB;
43. Jistieden lill-punti fokali tad-drittijiet tal-bniedem tad-delegazzjonijiet tal-UE biex jidentifikaw u jressqu ħtiġijiet partikolari ta' rilokazzjoni ta' emerġenza mal-missjonijiet tal-Istati Membri u jagħmlu rakkomandazzjonijiet fuq il-kwistjoni; jemmen li l-għoti ta' spazju għal "perjodu ta' riflessjoni" jista' jgħin lid-DDB jevitaw ir-riskji; jistieden lis-SEAE jirrapporta lura kull sena dwar l-għadd ta' viżi ta' emerġenza maħruġa mill-Istati Membri tal-UE lid-DDB;
44. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-provvista tagħhom ta' protezzjoni temporanja u kenn għad-DDB f'riskju u l-familji tagħhom; jenfasizza l-inizjattivi f'xi Stati Membri u jinkoraġġixxi aktar sforzi dwar ir-rilokazzjoni, b'mod partikolari permezz tal-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali; jilqa' l-għadd dejjem jikber ta' inizjattivi ta' kenn fil-livell lokali madwar l-UE; jitlob li d-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni jistabbilixxi assistenza speċjali għal appoġġ prattiku biex jiffaċilita s-soġġorn temporanju, ix-xogħol u l-mobilità tad-DDB u l-familji tagħhom fl-UE; jistieden lid-delegazzjoni rilevanti tal-UE ssegwi s-sitwazzjoni tar-ritorn u tas-sigurtà tad-DDB jekk dawn jirritornaw lejn pajjiżhom;
45. Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi b'terminu qasir għal dħul multiplu għal dawk id-DDB li jfittxu li jivvjaġġaw lejn l-Ewropa għal skopijiet ta' promozzjoni jew taħriġ professjonali;
46. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-involviment attiv u l-konsultazzjoni mad-DDB li diġà rrilokaw lejn l-UE dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' rilokazzjoni, għajnuna u inizjattivi reġjonali tad-DDB, skont ir-realtajiet u l-ħtiġijiet speċifiċi li jiffaċċjaw id-DDB f'pajjiżi terzi;
Is-sorveljanza tal-Parlament Ewropew u l-appoġġ prattiku għad-DDB madwar id-dinja
47. Itenni l-impenn tiegħu li jkollu rwol ewlieni fit-tfassil u t-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE b'appoġġ għad-DDB, b'mod partikolari permezz tar-riżoluzzjonijiet u d-dibattiti ta' urġenza plenarji tiegħu, il-ħidma tas-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem (DROI), speċifikament ir-rapporti u s-seduti ta' smigħ, il-missjonijiet tiegħu lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali u l-Premju Sakharov annwali tiegħu, inkluża l-ħidma li saret flimkien mal-Komunità tal-Premju Sakharov; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol tal-Membri tal-PE individwali li jressqu sitwazzjonijiet ta' tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem u dawk li jinvolvu lid-DDB li jiġu attakkati għall-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, b'mod partikolari permezz ta' mistoqsijiet parlamentari, dokumenti ta' opinjoni u avvenimenti pubbliċi; iqis li l-involviment parlamentari mad-DDB u l-atturi tas-soċjetà ċivili huwa dimensjoni indispensabbli tal-ħidma tiegħu dwar l-affarijiet esterni;
48. Jissottolinja li hija meħtieġa aktar trasparenza dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida biex jittejjeb l-għarfien fost id-DDB, tiġi żgurata sorveljanza parlamentari effettiva u jiġu pprovduti viżibilità u protezzjoni akbar u aċċess ċar, eħfef u aktar dirett għall-punti fokali tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE fid-delegazzjonijiet tal-UE, tad-dokumenti tal-UE marbuta mal-Linji Gwida, b'mod partikolari n-nota ta' gwida tal-2020, l-istrateġiji lokali dwar id-DDB, u l-informazzjoni ċara dwar il-finanzjament għal proġetti u programmi għad-DDB;
49. Jisħaq li, bħala membru integrali ta' Team Europe, il-Parlament għandu jkun integrat bis-sħiħ fil-politika tal-UE dwar id-DDB, inkluż permezz ta' djalogu regolari, meta meħtieġ f'ambjent kunfidenzjali, dwar kwistjonijiet ewlenin u żviluppi ta' politika b'rabta mal-Linji Gwida, kif ukoll permezz tal-Kummissjoni u l-Istati Membri li jaġixxu malajr fuq it-talbiet tiegħu biex jibdew sanzjonijiet immirati għal repressjoni severa kontra d-DDB; jissuġġerixxi li t-tħassib u r-rakkomandazzjonijiet espressi fir-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu jiġu inklużi fl-istrateġiji lokali;
50. Jiddeċiedi li jsaħħaħ il-promozzjoni u l-protezzjoni tiegħu tad-DDB, b'mod partikolari permezz ta':
– l-adozzjoni ta' qafas ta' politika ġdid tal-Parlament Ewropew dwar l-appoġġ għad-DDB, li jintegra l-appoġġ għad-DDB matul ix-xogħol tiegħu u jkun ibbażat fuq approċċ ta' "la tagħmilx ħsara", li jippromwovi l-użu sikur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fl-interazzjonijiet tiegħu mad-DDB, li tiġi żgurata parteċipazzjoni sigura fil-laqgħat Ewropej u li jirreaġixxi għal ritaljazzjoni wara l-interazzjonijiet tad-DDB mal-korpi u l-fora tiegħu;
– l-involviment aktar sistematiku mad-DDB mill-korpi rilevanti kollha tagħha, b'mod partikolari d-delegazzjonijiet interparlamentari u l-kumitati għall-affarijiet esterni (Kumitat għall-Affarijiet Barranin, DROI, Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża, Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali), u l-President tiegħu;
– l-organizzazzjoni ta' laqgħa annwali mad-DDB minn kull delegazzjoni interparlamentari u l-kumitati tal-affarijiet esterni (u kumitati rilevanti oħra);
– il-ħatra minn kull delegazzjoni interparlamentari ta' punt fokali tad-drittijiet tal-bniedem fost il-membri tal-Bureau tagħha;
– l-inklużjoni sistematika mid-delegazzjonijiet jew kumitati interparlamentari fi ħdan il-missjonijiet tagħhom barra mill-UE ta' programm għall-interazzjoni ma' DDB/organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u, fejn rilevanti, il-produzzjoni ta' lista ta' DDB ta' tħassib (magħmula b'kollaborazzjoni ma' DROI u s-SEAE) u analiżi tas-sitwazzjoni ġenerali tad-DDB u l-interazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet lokali, li għandhom jiġu rrappurtati lura lil DROI;
– l-isforzi sistematiċi mill-missjonijiet tiegħu biex jiltaqa' ma' DDB detenuti b'mod arbitrarju u l-membri immedjati tal-familja tagħhom, jew biex iwettaq osservazzjoni ta' proċessi, meta jitqies ta' għajnuna għad-DDB u l-membri tal-familja tagħhom;
– żieda fin-numru ta' dikjarazzjonijiet pubbliċi u ammont ta' diplomazija privata u/jew pubblika mill-President tiegħu u l-President ta' DROI, f'assoċjazzjoni mal-president tad-delegazzjoni interparlamentari rilevanti, b'appoġġ għad-DDB, b'mod partikolari ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov, il-finalisti u msieħba f'riskju;
– struzzjonijiet lis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew biex jiġbor u jirreklama regolarment informazzjoni dwar is-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tad-DDB madwar id-dinja, inklużi dikjarazzjonijiet u rapporti mid-DDB;
51. Jimpenja ruħu li jtejjeb il-monitoraġġ ta' każijiet partikolari ta' DDB li ressaq, b'mod partikolari f'riżoluzzjonijiet ta' urġenza, laqgħat tal-kumitati u dikjarazzjonijiet;
52. Jiddeċiedi li jiżgura li r-riżoluzzjonijiet ewlenin tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza, jiġu tradotti fil-lingwi lokali tal-pajjiżi kkonċernati u ppubblikati u mqassma kif xieraq; jistenna li d-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi kkonċernati jagħmlu tali riżoluzzjonijiet disponibbli fuq is-siti web tagħhom u jagħtu segwitu sistematiku lill-awtoritajiet nazzjonali u jirrapportaw lura lill-Parlament; jitlob reviżjoni tal-Linji Gwida tal-2011 għad-delegazzjonijiet interparlamentari tal-Parlament Ewropew dwar il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fiż-żjarat tagħhom f'pajjiżi mhux tal-UE;
53. Jitlob koordinazzjoni aktar strateġika bejn l-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward ta' każijiet urġenti ta' DDB; huwa konvint li d-diplomazija parlamentari tista' tkun mekkaniżmu effettiv u komplementari għall-involviment ma' pajjiżi terzi dwar każijiet urġenti ta' DDB; jitlob li jkun hemm task force interistituzzjonali dwar id-DDB biex tikkoordina l-isforzi, b'mod partikolari fir-rigward ta' każijiet prijoritarji ta' DDB, li jkunu jinkludu l-Bureau Estiż tad-DROI, il-Kummissjoni, is-SEAE u l-President tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob li jissaħħaħ id-djalogu bejn is-Sottokumitat DROI u l-grupp ta' ħidma, inkluż permezz ta' laqgħa annwali;
54. Jinsisti li l-Kummissjoni tirrispetta l-ftehim interistituzzjonali u tipprovdi b'mod sistematiku tweġiba bil-miktub għar-riżoluzzjonijiet kollha tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin/DROI, inkluża din;
55. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' użu tal-Premju Sakharov mis-SEAE u l-Istati Membri bħala għodda għat-titjib tal-għajxien tad-DDB u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja; jistieden lill-missjonijiet tal-UE fil-pajjiżi ta' oriġini tar-rebbieħa tal-Premju Sakharov jinvolvu ruħhom b'mod aktar effettiv mar-rebbieħa, b'mod partikolari meta jkunu fil-periklu jew il-ħabs;
It-triq 'il quddiem: bidliet istituzzjonali u ta' politika meħtieġa
56. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' analiżi dettaljata u speċifika mis-SEAE u mill-Kummissjoni tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida sa mill-2008; jitlob għal valutazzjoni komprensiva tal-azzjoni tal-UE dwar id-DDB fil-qafas tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija 2020-2024, skedata għal Ġunju 2023; jitlob li dan ir-rieżami jinkludi l-identifikazzjoni u t-tixrid tal-aħjar prattiki mid-delegazzjonijiet tal-UE u l-missjonijiet tal-Istati Membri, u għal monitoraġġ kontinwu tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida, f'konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili;
57. Jissottolinja l-ħtieġa li l-Linji Gwida jiġu aġġornati fid-dawl tal-isfidi u r-riskji li qed jevolvu li jiffaċċjaw id-DDB, b'mod partikolari t-trasformazzjoni diġitali u t-theddid, kif ukoll biex jirriflettu aħjar il-gruppi tad-DDB fl-ambjent globali attwali, speċjalment dawk li jaħdmu fuq id-drittijiet tan-nisa u tal-komunità LGBTQI+, kif ukoll difensuri tad-drittijiet tal-art, ambjentali u indiġeni, u r-riskji speċifiċi li jiffaċċjaw dawn il-gruppi;
58. Jenfasizza li r-reviżjoni tal-Linji Gwida għandha tespandi wkoll l-ambitu tal-impenn tal-UE mad-DDB lil hinn mill-interlokuturi tradizzjonali fil-kapitali biex tinkludi individwi u gruppi f'żoni diffiċli biex jintlaħqu u rurali, u dawk li jaħdmu biex jiddefendu d-drittijiet tar-refuġjati u l-migranti; iqis li huwa ż-żmien li jingħata lok għal approċċ usa' u aktar innovattiv għall-kunċett ta' DDB li jinkludi gruppi aktar fluwidi u temporanji, inklużi l-informaturi;
59. Jitlob għal gwida dwar it-tfassil ta' azzjoni fl-ambjenti l-aktar ostili għad-DDB u dwar il-mezzi biex jiġu indirizzati kwistjonijiet strutturali jew sistemiċi tad-drittijiet tal-bniedem li għandhom jiġu inkorporati fil-Linji Gwida riveduti;
60. Jitlob għall-inklużjoni ta' taqsima speċifika fil-Linji Gwida dwar id-dimensjoni interna tal-azzjoni tal-UE dwar id-DDB, b'mod partikolari dwar il-viżi għad-DDB (u l-familji tagħhom) f'riskju immedjat u dwar ir-rilokazzjoni u l-kenn, kif ukoll dwar it-trattament ta' theddid transnazzjonali minn pajjiżi terzi kontra id-DDB; jitlob l-inklużjoni ta' taqsima speċifika fil-kapitolu dwar il-politika tad-DDB fir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija tal-Kunsill u tas-SEAE ddedikat għall-azzjoni tal-UE dwar din id-dimensjoni;
61. Jirrikonoxxi li d-diplomazija silenzjuża tista' tkun għodda effettiva biex tittejjeb is-sitwazzjoni ta' xi DDB f'pajjiżi terzi; madankollu, jenfasizza li l-atturi tal-UE jeħtieġ li jsemmgħu leħinhom dwar każijiet urġenti u serji u jsibu bilanċ xieraq bejn id-diplomazija privata u pubblika, b'mod partikolari meta d-diplomazija silenzjuża tkun uriet li ma kinitx effettiva; jinnota, f'dan ir-rigward, ir-rikors limitat mill-Kummissjoni għal dikjarazzjonijiet pubbliċi, li spiss jibqgħu fil-biċċa l-kbira dgħajfa fit-ton u jiffokaw primarjament fuq każijiet ta' profil għoli, skont il-livell u l-forum li fihom jitwettqu; jitlob li jiġu kkunsidrati strateġiji jew għażliet ta' komunikazzjoni alternattivi meta dikjarazzjoni tal-UE tiġi ostakolata, inkluż rikors possibbli għall-midja, il-midja soċjali jew fora oħra;
62. Jiddispjaċih għall-fatt li l-istrateġiji lokali tad-delegazzjonijiet tal-UE rari huma disponibbli pubblikament, u dan jagħmilha diffiċli li jiġi vvalutat jekk is-soċjetà ċivili lokali ġietx ikkonsultata u involuta fl-abbozzar tagħhom u sa liema punt;
63. Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jtejbu l-komunikazzjoni u t-trasparenza dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida, pereżempju billi jippubblikaw in-nota ta' gwida tal-2020, l-istrateġiji ta' implimentazzjoni lokali, dokumenti interni rilevanti oħra u l-lista sħiħa tal-punti fokali tad-delegazzjoni tal-UE u d-dettalji ta' kuntatt tagħhom;
64. Jitlob li jingħaqdu l-punti fokali tad-drittijiet tal-bniedem u d-DDB fid-delegazzjonijiet tal-UE u li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dawn l-interlokuturi għad-DDB u atturi oħra tas-soċjetà ċivili; jinsisti li l-kompiti tagħhom jiġu ċċarati u ddedikati esklużivament għad-dmirijiet tagħhom bħala punti fokali tad-drittijiet tal-bniedem;
65. Jinnota b'dispjaċir li d-delegazzjonijiet tal-UE mhumiex preżenti f'xi pajjiżi fejn id-DDB jiffaċċjaw riskji u periklu partikolari fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom; jirrikonoxxi li l-preżenza tad-delegazzjonijiet tal-UE f'tali pajjiżi terzi hija essenzjali għall-implimentazzjoni ta' dawn il-Linji Gwida u għal involviment effettiv f'każijiet individwali urġenti u serji ta' DDB u azzjonijiet lokali oħra; jistieden lis-SEAE jkompli jesplora l-possibbiltà li jistabbilixxi preżenza tal-UE fil-pajjiżi kollha bi tħassib serju dwar id-drittijiet tal-bniedem;
66. Jitlob għal monitoraġġ sistematiku u strateġiku tal-osservazzjoni tal-provi sabiex jittejbu l-viżibbiltà ġenerali u r-riżultati tal-osservazzjoni tal-provi mill-missjonijiet tal-UE, u biex jiġu adottati linji ta' azzjoni alternattivi biex jiġu appoġġati d-DDB fil-proċess fejn l-osservazzjoni tal-prova ma tkunx possibbli; jitlob li jiġu osservati l-proċessi mhux biss għal każijiet emblematiċi, iżda wkoll għal każijiet inqas viżibbli u inqas magħrufa kontra DDB kriminalizzati;
67. Jitlob li l-Linji Gwida jiġu tradotti fil-lingwi lokali ta' pajjiżi terzi u jkunu disponibbli pubblikament, b'mod aċċessibbli faċilment, fuq is-sit web ta' kull delegazzjoni tal-UE;
68. Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jikkonsultaw b'mod sistematiku lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u lid-DDB qabel kwalunkwe djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, biex il-konsultazzjoni tkun ġenwina, aċċessibbli u inklużiva u biex dawn l-interlokuturi jiġu infurmati minn hemm 'il quddiem; jistieden ukoll lis-SEAE u lill-Kummissjoni jinvolvu ruħhom f'approċċ aktar orjentat lejn ir-riżultati fir-rigward ta' każijiet individwali u jsegwu b'mod effettiv bejn is-sessjonijiet tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem; jitlob l-inklużjoni sistematika ta' segment tas-soċjetà ċivili fi kwalunkwe djalogu bilaterali jew reġjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; itenni l-ħtieġa ta' rispons sistematiku u sod tal-UE għal kwalunkwe att ta' tpattija kontra d-DDB li jseħħ wara li jkunu attendew avvenimenti tal-UE jew li jkun marbut mal-kuntatt mal-interlokuturi tal-UE;
69. Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill Affarijiet Barranin biex jifformula konklużjonijiet annwali li jqisu l-azzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri dwar id-DDB u jistabbilixxu impenji strateġiċi għad-DDB fl-ogħla livell; iqis li l-25 anniversarju tal-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-DDB huwa mument partikolarment opportun għall-Kunsill biex jafferma mill-ġdid pubblikament l-impenn tiegħu lejn id-DDB u jaġġorna l-politika tiegħu dwar il-kwistjoni;
70. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-Parlament, tadotta lista annwali ta' pajjiżi ffukati ta' tħassib serju fir-rigward tal-qagħda mwiegħra tad-DDB, li għandha tiġi modifikata skont l-iżviluppi fil-post, li, fost l-oħrajn, jippermettu għal: 1) rispons prattiku ta' Tim Ewropa kkoordinat bis-sħiħ fuq il-post; 2) aċċess akbar għar-riżorsi, b'mod partikolari taħt faċilità ta' finanzjament ta' Tim Ewropa, għall-protezzjoni ta' emerġenza u finanzjament fit-tul biex jiġi indirizzat il-kuntest istituzzjonali u strutturali usa' tad-drittijiet tal-bniedem; 3) monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem lokali msaħħaħ; 4) strateġiji ta' implimentazzjoni nazzjonali ddedikati; u 5) riżorsi addizzjonali fil-livelli tal-kwartieri ġenerali u ta' delegazzjoni;
°
° °
71. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
9.2.2023 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
50 3 6 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alexander Alexandrov Yordanov, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Anna Bonfrisco, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Susanna Ceccardi, Michael Gahler, Kinga Gál, Raphaël Glucksmann, Sandra Kalniete, Dietmar Köster, Ilhan Kyuchyuk, David Lega, Nathalie Loiseau, Leopoldo López Gil, Antonio López-Istúriz White, Lukas Mandl, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Matjaž Nemec, Gheorghe-Vlad Nistor, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Jordi Solé, Dominik Tarczyński, Hermann Tertsch, Harald Vilimsky, Viola von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Charlie Weimers, Isabel Wiseler-Lima, Salima Yenbou, Željana Zovko |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Attila Ara-Kovács, Malik Azmani, Vladimír Bilčík, Dacian Cioloş, Rasa Juknevičienė, Andrey Kovatchev, Georgios Kyrtsos, Erik Marquardt, Hannah Neumann, Juozas Olekas, Bert-Jan Ruissen |
|||
Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali |
François Alfonsi, Theresa Bielowski, Włodzimierz Cimoszewicz, Eero Heinäluoma, Gilles Lebreton, Javier Moreno Sánchez, Samira Rafaela, Thijs Reuten |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
50 |
+ |
NI |
Fabio Massimo Castaldo |
PPE |
Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Vladimír Bilčík, Michael Gahler, Rasa Juknevičienė, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, David Lega, Leopoldo López Gil, Antonio López‑Istúriz White, Lukas Mandl, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Gheorghe‑Vlad Nistor, Radosław Sikorski, Isabel Wiseler‑Lima, Željana Zovko |
Renew |
Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Dacian Cioloş, Georgios Kyrtsos, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Samira Rafaela, Salima Yenbou |
S&D |
Attila Ara‑Kovács, Theresa Bielowski, Włodzimierz Cimoszewicz, Raphaël Glucksmann, Eero Heinäluoma, Dietmar Köster, Sven Mikser, Javier Moreno Sánchez, Matjaž Nemec, Juozas Olekas, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Thijs Reuten, Isabel Santos, Andreas Schieder, Nacho Sánchez Amor |
Verts/ALE |
François Alfonsi, Reinhard Bütikofer, Erik Marquardt, Hannah Neumann, Jordi Solé, Thomas Waitz, Viola von Cramon‑Taubadel |
3 |
- |
ECR |
Hermann Tertsch |
ID |
Gilles Lebreton |
NI |
Kinga Gál |
6 |
0 |
ECR |
Bert‑Jan Ruissen, Dominik Tarczyński, Charlie Weimers |
ID |
Anna Bonfrisco, Susanna Ceccardi, Harald Vilimsky |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1.
- [2] ĠU C 15, 12.1.2022, p. 70.
- [3] ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 69.
- [4] ĠU C 15, 12.1.2022, p. 111.
- [5] ĠU C 474, 24.11.2021, p. 11.
- [6] Testi adottati, P9_TA(2022)0354.
- [7] ĠU C 342, 6.9.2022, p. 295.
- [8] ĠU C 347, 9.9.2022, p. 150.
- [9] ĠU C 342, 6.9.2022, p. 191.
- [10] Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi), (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).
- [11] Il-Manwal għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża u l-modifika ta' viżi maħruġa (Manwal tal-Kodiċi tal-Viża I) tat-28 ta' Jannar 2020 (C(2020)0395).