RAPPORT Is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: prijoritajiet soċjali u tal-impjieg għall-2023
7.3.2023 - (2022/2151(INI))
Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Estrella Durá Ferrandis
PR_INI
WERREJ
Paġna
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
NOTA SPJEGATTIVA
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: prijoritajiet soċjali u tal-impjieg għall-2023
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 9 u 149 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2022 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2023 (COM(2022)0780),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2022 għal Rapport Konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar l-Impjiegi (COM(2022)0783),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2022 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (COM(2022)0782),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2022 bit-titolu "Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2023" (COM(2022)0781),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2022 dwar l-Abbozz ta' Pjanijiet Baġitarji għall-2023: Valutazzjoni Ġenerali (COM(2022)0900),
– wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR), ipproklamat mill-Kunsill, mill-Parlament u mill-Kummissjoni f'Novembru 2017,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2022 dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE (COM(2022)0583),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol ta' Novembru 2021 dwar Labour Shortages and Surpluses (In-nuqqas u l-eċċess ta' ħaddiema),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0051/2023),
A. billi r-rapport konġunt dwar l-impjiegi għall-2023 isaħħaħ l-enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u l-EPSR, f'konformità mal-impenji tal-Pjan ta' Azzjoni tal-EPSR ta' Marzu 2021 u mad-Dikjarazzjoni ta' Porto mill-Mexxejja tal-UE tat-8 ta' Mejju 2021; billi l-implimentazzjoni tiegħu għandha ssaħħaħ l-ispinta tal-Unjoni lejn tranżizzjoni ekoloġika, diġitali u ġusta u tikkontribwixxi għall-kisba ta' konverġenza soċjali u ekonomika 'l fuq; billi ħafna valutazzjonijiet tas-Semestru Ewropew imwettqa mill-Kummissjoni jissuġġerixxu li l-livell ta' konformità mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu kien baxx, parzjalment minħabba l-infurzabbiltà limitata tiegħu, inkluż fi kwistjonijiet ta' politika soċjali;
B. billi stħarriġ tal-Eurofound[1] juri li għadhom qed jiġu rrapportati sfidi tal-għoli tal-ħajja fl-Istati Membri kollha tal-UE, fejn 48 % tar-rispondenti qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja; billi l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kkawżat kriżijiet umanitarji, enerġetiċi u ekonomiċi fl-UE u aggravat l-inugwaljanzi eżistenti; billi l-azzjonijiet skont l-EPSR jgħinu biex jinħolqu opportunitajiet ta' impjiegi ta' kwalità għolja u sistemi ta' protezzjoni soċjali ġusti, u dan huwa kruċjali għat-titjib tar-reżiljenza futura;
C. billi, filwaqt li l-qgħad fl-UE baqa' stabbli b'rata ta' 6 % f'Awwissu 2022, il-kumpaniji tal-UE qed jitħabtu biex isibu l-impjegati bil-ħiliet meħtieġa; billi d-disponibbiltà ta' persunal imħarreġ u maniġers b'esperjenza hija l-aktar problema importanti għal kwart tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) tal-UE, li min-naħa tagħhom jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha tal-UE[2];
D. billi stħarriġ tal-Ewrobarometru wera li l-inugwaljanzi soċjali huma l-aktar tħassib serju tan-nies fl-UE u dawn l-inugwaljanzi ġew aggravati bil-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll bi problemi strutturali oħra; billi l-inugwaljanzi għoljin fl-introjtu jista' jkollhom effetti ta' ħsara fuq it-tkabbir ekonomiku u jimminaw il-koeżjoni soċjali; billi ż-żieda kontinwa tal-għoli tal-ħajja u l-inflazzjoni eżaġerata, stimulati minn żidiet enormi fil-prezz tal-enerġija, tal-fjuwil, tal-ikel u tal-oġġetti essenzjali madwar l-Ewropa, qed joħolqu kriżi ekonomika u soċjali; billi anke qabel il-pandemija, 78 % tan-nies fl-UE xtaqu li l-gvernijiet nazzjonali tagħhom jagħmlu aktar biex inaqqsu l-inugwaljanzi fl-introjtu[3]; billi r-rieżami li jmiss tal-qafas ta' governanza ekonomika jirrappreżenta opportunità unika biex jiġi appoġġat l-investiment soċjali;
E. billi l-faqar, inkluż il-faqar fost dawk li jaħdmu, għadu sfida għal ħafna Stati Membri; billi l-ħaddiema b'kuntratti temporanji jiffaċċjaw riskju ħafna ogħla ta' faqar fost dawk li jaħdmu milli dawk b'kuntratti permanenti; billi l-faqar fost dawk li jaħdmu tela' minn 8,5 % fl-2010 għal 9 % fl-2019 fl-UE iżda baqa' stabbli bejn l-2020 u l-2021 minħabba l-intervent ta' politika rapidu matul il-pandemija; billi l-faqar fost dawk li jaħdmu għandu jiġi mmonitorjat mill-qrib, b'mod speċjali fid-dawl tal-impatt negattiv reċenti tal-inflazzjoni fuq il-pagi reali; billi l-livelli tal-pagi reali għadhom taħt il-livell tas-sena tal-kriżi 2009 f'ħafna pajjiżi tal-UE; billi l-profitti tal-kumpaniji u d-dividendi mħallsa laħqu livelli rekord fit-tieni kwart tal-2022; billi l-gruppi vulnerabbli u l-ħaddiema b'introjtu baxx qed jintlaqtu l-aktar, iżda l-istandards tal-għajxien tal-klassi medja wkoll qed jiddeterjoraw b'rata mgħaġġla;
F. billi għall-persuni f'impjieg, ir-riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-UE kien ta' 11.1 % fl-2021; billi aktar minn 8 % tan-nies għadhom jiddedikaw aktar minn 40 % tal-introjtu disponibbli tagħhom għall-akkomodazzjoni, u ftit li xejn sar progress fit-tnaqqis tan-numru ta' persuni mingħajr dar madwar l-Istati Membri tal-UE; billi s-sistemi ta' protezzjoni soċjali jinsabu taħt pressjoni kbira biex jimmitigaw l-impatt soċjali tal-kriżi u jiżguraw kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti għal kulħadd kif ukoll aċċess għal servizzi essenzjali bħas-saħħa, l-edukazzjoni u l-akkomodazzjoni; billi s-servizzi soċjali f'xi Stati Membri għadhom żviluppati b'mod mhux uniformi u mhux ugwali madwar l-UE, u jiffaċċjaw nuqqas ta' finanzjament u nuqqas ta' standards ta' kwalità;
G. billi t-tibdil fil-klima u l-qerda ambjentali aggravaw l-inugwaljanzi peress li jaffettwaw b'mod sproporzjonat lill-foqra u lill-gruppi l-aktar vulnerabbli; billi patt ekoloġiku ffukat fuq l-investimenti biex issir it-tranżizzjoni lejn ekonomija dekarbonizzata u newtrali għall-klima, għandu jmur id f'id mal-investiment fin-nies li ma jifilħux għall-bidla; billi jeħtieġ li jiġi żgurat futur sostenibbli għal kulħadd;
H. billi, skont l-aħħar rapport tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), it-tibdil fil-klima, it-tisħin globali u t-telf tal-bijodiversità qed jaċċelleraw b'mod esponenzjali, kif muri bl-avvenimenti estremi u drammatiċi tat-temp reċenti madwar id-dinja; billi n-nies fl-Ewropa qed iħossu l-effetti tal-kriżi klimatika u l-avvenimenti estremi tat-temp ikkawżati mit-tibdil fil-klima dejjem b'aktar intensità; billi l-miri tad-dekarbonizzazzjoni tal-2030 żdiedu biex tintlaħaq in-newtralità karbonika sal-2050; billi ż-żieda fl-isforzi ta' mitigazzjoni u adattament qed twassal għal trasformazzjoni profonda tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol Ewropej u nazzjonali;
I. billi l-inflazzjoni għolja madwar l-UE, b'żidiet rapidi fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel, qed tpoġġi piż fuq l-unitajiet domestiċi u l-SMEs, u qed tolqot lill-persuni l-aktar vulnerabbli u bl-inqas introjtu; billi ż-żidiet rapidi fil-prezzijiet u l-kundizzjonijiet tas-suq tal-enerġija qed jaggravaw il-faqar enerġetiku, li għalih kienu diġà esposti aktar minn 50 miljun ruħ fl-UE fl-2019, qabel il-bidu tal-pandemija; billi skont il-projezzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) l-inflazzjoni se tibqa' għolja fl-2023 ('il fuq mill-mira tiegħu ta' 2 %) u l-BĊE mistenni jkompli jgħolli r-rati tal-imgħax fix-xhur li ġejjin; billi l-kriżi tal-għoli tal-ħajja u d-distorsjonijiet fis-suq tal-akkomodazzjoni, bħaż-żieda fil-finanzjalizzazzjoni, għandhom implikazzjonijiet negattivi fuq l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet tal-akkomodazzjoni, bir-riskju li tkompli tiżdied il-problema ta' persuni mingħajr dar;
J. billi l-UE teħtieġ strateġija industrijali li tagħmel il-bażi industrijali tagħha aktar reżiljenti, soċjalment effettiva u sostenibbli mill-aspett ambjentali; billi tranżizzjoni soċjalment ġusta u l-futur tal-industrija jeħtieġu investiment pubbliku enormi; billi tali strateġija hija kruċjali biex jiġi żgurat ir-rispett tal-objettivi klimatiċi, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi; billi l-istrateġija industrijali tal-UE trid timxi id f'id ma' strateġija tax-xogħol; billi kwalunkwe mudell ta' produzzjoni ġust u sostenibbli għandu jpoġġi lill-ħaddiema u lit-trade unions, kif ukoll l-interessi u l-għarfien espert dejjiemi tal-ħaddiema, proprju fil-qalba tal-iżvilupp tiegħu biex jiżgura l-funzjonament demokratiku tiegħu;
K. billi, jekk tkun regolata tajjeb, l-ekonomija diġitali l-ġdida, inkluża l-intelliġenza artifiċjali (IA), għandha l-potenzjal li tkun ta' benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi billi ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u tippreserva l-impjiegi u fl-istess ħin toħloq opportunitajiet ġodda ta' impjiegi ta' kwalità, filwaqt li trawwem il-prosperità u tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli, robusta u reżiljenti;
L. billi skont l-Eurofound, 20 % tal-impjiegi fl-Ewropa kienu ta' "kwalità ħażina" fl-2017, u dan poġġa s-saħħa fiżika jew mentali tal-ħaddiema f'riskju akbar; billi skont l-OECD, l-inċertezza finanzjarja u n-nuqqas ta' sigurtà tal-impjiegi huma fatturi ta' riskju assoċjati ma' saħħa mentali ħażina; billi l-investiment f'impjiegi fit-tul ta' kwalità huwa essenzjali għall-ġlieda kontra s-saħħa mentali ħażina fost il-ħaddiema;
M. billi l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat il-ħtieġa ta' aktar viġilanza u investiment fl-Istati Membri kollha biex jiġi żgurat li jkunu mħejjija b'mod adegwat biex jindirizzaw kriżijiet tas-saħħa futuri u jkunu jistgħu wkoll jippreservaw il-kwalità tal-kura għall-mard u l-kundizzjonijiet l-oħra kollha; billi għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli;
N. billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandhom ikunu fil-qalba tal-istrateġija annwali għat-tkabbir sostenibbli tal-2023;
O. billi l-ħaddiema tas-sengħa, l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja huma ta' importanza ewlenija biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni sostenibbli u ġusta tal-ekonomija Ewropea; billi l-programmi ta' titjib tal-ħiliet, ta' taħriġ mill-ġdid u ta' taħriġ għandhom ikunu disponibbli għall-ħaddiema kollha, inklużi dawk b'diżabilità, u għandhom ikunu adattati wkoll għall-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-ħaddiema;
P. billi l-ħaddiema għandhom id-dritt għal livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom, b'post tax-xogħol aċċessibbli u ambjent li jikkonforma mal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-istandards dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali u jikkontribwixxi għaliha;
1. Jenfasizza l-fatt li l-azzjoni politika rapida u kkoordinata tal-UE matul il-pandemija tal-COVID-19 immitigat l-iskossi ekonomiċi u pproteġiet lill-popolazzjoni mill-aktar konsegwenzi negattivi tal-kriżi; jemmen li, għalkemm il-konsegwenzi mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna joħolqu sfidi ekonomiċi, soċjali u ġeopolitiċi multipli ġodda għall-ekonomija u s-soċjetà tal-UE, sfidi soċjali oħra li ilhom aktar fit-tul, bħall-faqar, l-esklużjoni soċjali, l-emerġenzi klimatiċi u tal-bijodiversità u l-inugwaljanzi qed ikomplu jikbru u jridu jiġu indirizzati wkoll;
2. Japprova l-ambizzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jikkoordinaw aktar mill-qrib ir-risponsi politiċi tal-UE biex jimmitigaw il-piż fuq terminu qasir tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u tal-ikel, l-inflazzjoni, it-tfixkil fil-katina tal-provvista, inkluż in-nuqqas ta' mediċini, iż-żieda fil-livelli tad-dejn u ż-żieda fil-kostijiet tas-self, inkluż is-self ipotekarju, għall-unitajiet domestiċi u n-negozji Ewropej, speċjalment l-SMEs u l-imprendituri; jinsisti li l-Unjoni Ewropea teħtieġ mudell tal-enerġija li jiżgura aċċess universali għal sorsi tal-enerġija dekarbonizzati u li jtemm il-faqar enerġetiku; jenfasizza l-fatt li l-investiment soċjali huwa essenzjali biex jingħata lok għal żvilupp sostenibbli fuq terminu medju u twil u li s-sistemi ta' benesseri nazzjonali għandhom funzjoni essenzjali ta' stabbilizzazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta' Fond tal-UE għas-Sovranità sabiex jiġi żgurat, fost affarijiet oħra, li l-Istati Membri kollha jkollhom il-flessibbiltà biex jindirizzaw l-isfidi soċjali, klimatiċi u ambjentali;
3. Jisħaq li wħud mill-għanijiet ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli jridu jkunu li tiġi żgurata trasformazzjoni soċjoekoloġika inklużiva tal-ekonomiji tagħna, jiġu evitati l-iżbilanċi soċjali, ekonomiċi u ambjentali billi jiġi miġġieled il-faqar, jitnaqqsu l-inugwaljanzi, u jinħolqu impjiegi deċenti b'pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, filwaqt li jiġi żgurat l-allinjament mal-SDGs u l-EPSR;
4. Jinsab imħasseb li 21.7 % tal-popolazzjoni tal-UE tinsab f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, fejn in-nisa u l-adulti żgħażagħ huma aktar suxxettibbli li jkunu f'riskju; jinnota li l-mira ewlenija li l-faqar jitnaqqas bi 15-il miljun persuna mhux se tintlaħaq mingħajr ma jiġu indirizzati dawk l-aktar vulnerabbli; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżviluppaw modi mmirati ta' appoġġ għall-persuni qiegħda fit-tul u dawk mingħajr dar, kif ukoll il-persuni li jħabbtu wiċċhom ma' diversi ostakli u forom ta' diskriminazzjoni; jisħaq li huwa meħtieġ introjtu minimu adegwat biex in-nies jinħarġu mill-faqar; jissottolinja li l-problema tal-persuni mingħajr dar hija waħda mill-aktar forom estremi ta' esklużjoni soċjali u li l-Pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra l-kondizzjoni ta' persuni mingħajr dar hija għodda essenzjali bl-objettiv finali li ttemm il-problema tal-persuni mingħajr dar sal-2030; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw strateġiji nazzjonali ambizzjużi, b'finanzjament nazzjonali u tal-UE adegwat, ibbażati fuq il-prinċipju tal-akkomodazzjoni l-ewwel biex jippromwovu l-prevenzjoni tal-problema ta' persuni mingħajr dar u jipprovdu aċċess għal akkomodazzjoni adegwata, sikura u affordabbli għal kulħadd; jisħaq li l-kriżi tal-għoli tal-ħajja tagħmel l-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal, tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ Imsaħħa u tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità fil-livell nazzjonali saħansitra aktar importanti; jistieden lill-Kummissjoni tkun aktar attiva fil-ġlieda kontra l-faqar, speċjalment il-faqar fost it-tfal u l-faqar fost dawk li jaħdmu; jistieden lill-Kummissjoni tistinka favur monitoraġġ dettaljat tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għat-Tfal fl-Istati Membri kollha;
5. Jisħaq li s-servizzi pubbliċi ta' kwalità u ffinanzjati sew, inklużi s-servizzi soċjali, jikkontribwixxu għal valuri demokratiċi ewlenin bħar-rispett għad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem u għandhom rwol kruċjali biex jingħelbu l-kriżijiet; iwissi li l-persuni vulnerabbli mingħajr ebda aċċess jew b'aċċess limitat għal servizzi soċjali mmirati jsofru wkoll impatt negattiv fuq l-aċċess tagħhom għal servizzi pubbliċi importanti oħra, bħall-kura tas-saħħa jew it-taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà ta' reviżjoni tal-Qafas ta' Kwalità tal-UE għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex itejbu l-aċċess għal servizzi essenzjali ta' kwalità tajba, b'mod partikolari l-akkomodazzjoni, l-enerġija, it-trasport, l-ilma, is-sanità, is-servizzi finanzjarji u l-komunikazzjoni diġitali; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinkludi kunsiderazzjonijiet soċjali b'mod aktar effettiv fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u twessa' l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Ġenerali ta' Eżenzjoni ta' Kategorija fir-reviżjoni li jmiss tiegħu sabiex jikkontribwixxi għal aċċess aħjar għal oġġetti u servizzi essenzjali u għall-kwalità aħjar tagħhom;
6. Jissottolinja l-ħtieġa tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fis-Semestru Ewropew għal investiment f'benefiċċju adegwat kontra d-diżabilitajiet li jkun kompatibbli ma' forom oħra ta' introjtu, biex jitnaqqas ir-riskju ta' faqar li jħabbtu wiċċhom miegħu l-persuni b'diżabilità;
7. Jemmen li l-politiki tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jridu jkunu ankrati u integrati fil-fażijiet kollha tal-governanza ekonomika; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza soċjali fir-relazzjonijiet tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-femminilizzazzjoni tal-faqar fil-forom kollha tiegħu, b'mod partikolari billi jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol f'setturi femminilizzati; jitlob it-tisħiħ ta' politiki sensittivi għall-ġeneru fil-livell tal-UE, peress li dan huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-impatt tal-kriżi tal-għoli tal-ħajja ma jwessax l-inugwaljanza bejn il-ġeneri;
8. Jitlob proċess ta' Semestru Ewropew aktar demokratiku, fejn il-Parlament ikun involut mill-qrib, b'mod partikolari fl-istabbiliment tal-prijoritajiet tal-politika ekonomika u soċjali; iqis li proċess rivedut tas-Semestru Ewropew għandu jsegwi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja u għalhekk ikun miftiehem bejn il-Kunsill u l-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa arkitettura ta' governanza ekonomika fl-UE bbażata fuq is-solidarjetà, l-integrazzjoni, il-ġustizzja soċjali u l-konverġenza, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja, inkluża sistema edukattiva pubblika għal kulħadd, impjiegi ta' kwalità u żvilupp sostenibbli;
9. Jinsab imħasseb dwar l-effetti serji soċjali u fuq l-impjiegi tal-kriżi attwali, b'mod speċjali għaż-żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li kull żagħżugħ u żagħżugħa fl-Ewropa jkollhom aċċess għall-edukazzjoni, għal traineeships imħallsa u għas-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħtu prijorità lill-ġlieda kontra l-qgħad; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-Istrument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza (SURE) biex jingħata appoġġ lil skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar, lill-introjtu tal-ħaddiema u lil ħaddiema li, kieku, jingħataw is-sensja temporanjament minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, fost kawżi oħrajn, kif ukoll biex jiġu mmitigati l-iskossi asimetriċi;
10. Jappoġġa bidla lejn mudell ta' tkabbir sostenibbli, inklużiv u reżiljenti, li jappoġġa l-konverġenza soċjali 'l fuq u li jsaħħaħ l-iżvilupp sostenibbli u r-reżiljenza tal-ekonomija u tas-soċjetajiet tal-UE; jilqa' l-progress li sar dis-sena lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-EPSR, iżda għadu qed jistenna li jara implimentazzjoni sħiħa, inkluż tal-miri ewlenin rilevanti tiegħu għall-2030, protokoll ta' progress soċjali u l-promozzjoni ta' investimenti orjentati lejn il-futur iffokati fuq it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali ġusti, b'dimensjoni soċjali b'saħħitha, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
11. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-inizjattivi ta' finanzjament tal-UE futuri li jappoġġaw l-industrija u s-sovranità jiżguraw tkabbir fit-tul sostenibbli kif ukoll progress soċjali; iqis essenzjali li l-aspetti rilevanti li ġejjin jiġu integrati fi kwalunkwe strument ta' finanzjament futur:
- il-ġustizzja soċjali bħala prinċipju gwida sabiex l-UE ssir aktar reżiljenti għat-theddid dejjem jiżdied għas-saħħa u l-benesseri;
- enfasi qawwija fuq il-ħaddiema, b'tali mod li l-investimenti għandhom joħolqu impjiegi ta' kwalità tajba biex jelevaw il-klassijiet baxxi u medji u joħolqu benefiċċji tanġibbli għall-ħaddiema u l-komunitajiet li spiss jiġu injorati u jitħallew jibqgħu lura;
- ġustizzja ambjentali biex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-proġetti sabiex ikunu ta' benefiċċju għall-komunitajiet żvantaġġati li jintlaqtu b'mod sproporzjonat min-nuqqas ta' investiment fl-infrastruttura kritika, it-tniġġis u t-tibdil fil-klima;
12. Jieħu nota tal-proċess rivedut tas-Semestru Ewropew, b'kamp ta' applikazzjoni usa' u sorveljanza multilaterali msaħħa sabiex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-investimenti ewlenin filwaqt li tiġi żgurata l-istabbiltà fiskali u jitqiesu r-riformi u l-investimenti permezz tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (NRRPs), it-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn enerġija nadifa permezz ta' REPowerEU u l-SDGs tan-NU; iqis li r-regoli fiskali Ewropej għandhom jippermettu l-finanzjament u l-investiment pubbliku meħtieġa tat-tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija mingħajr emissjonijiet tal-karbonju, kif ukoll l-implimentazzjoni xierqa tal-prinċipji tal-EPSR; jisħaq li għalkemm hemm bżonn li jitnaqqas id-dejn pubbliku f'perjodu ta' żmien raġonevoli, l-Istati Membri iżgħar jew aktar midjuna jeħtieġu perkorsi ta' aġġustament individwali aktar flessibbli li jippermettulhom biżżejjed spazju fiskali biex iwettqu l-investimenti u r-riformi meħtieġa għal tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali soċjalment ġusti b'mod li ħadd ma jitħalla jibqa' lura; ifakkar lill-Istati Membri fl-impenn tagħhom li jwettqu riformi u jagħmlu investimenti li jikkontribwixxu għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, itaffu l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi, b'mod partikolari fuq il-gruppi vulnerabbli, u jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tal-EPSR permezz tal-NRRPs tagħhom; jenfasizza l-impenn tagħhom li jkomplu jsegwu din l-implimentazzjoni fil-livell tal-UE u dak nazzjonali sabiex inaqqsu l-inugwaljanzi, jiddefendu l-pagi deċenti, jiġġieldu l-esklużjoni soċjali u l-faqar, filwaqt li jiġi segwit l-objettiv tal-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u jiġu indirizzati r-riskji ta' esklużjoni soċjali, sabiex jitrawmu l-konverġenza ekonomika u soċjali 'l fuq u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja;
13. Ifakkar li s-Semestru Ewropew għandu jintegra iktar il-prinċipji tal-EPSR, inkluż il-prinċipju Nru 11 dwar il-kura tat-tfal u l-appoġġ għat-tfal; jenfasizza li d-disponibbiltà ta' servizzi b'xejn u ta' kwalità bħall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni, is-saħħa, kif ukoll l-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata u nutrizzjoni tajba għas-saħħa hija kundizzjoni neċessarja biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs u jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jinnota li l-indirizzar tal-faqar fost it-tfal jirrikjedi miżuri komprensivi u integrati ffinanzjati b'mod xieraq, flimkien mal-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal fil-livell nazzjonali; itenni t-talba tiegħu għal żieda fil-finanzjament tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal b'baġit iddedikat ta' mill-inqas EUR 20 biljun u biex l-Istati Membri jallokaw mill-inqas 5 % tal-fondi tal-FSE+ tagħhom għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u għall-promozzjoni tal-benesseri tat-tfal;
14. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu d-dimensjoni soċjali tas-Semestru Ewropew u l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod speċjali fid-dawl tar-rieżami tal-governanza ekonomika u d-diżattivazzjoni li ġejja tal-klawżola liberatorja; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-preżentazzjoni ta' strument għal qafas ta' konverġenza soċjali, biex jiġu mmonitorjati r-riskji ta' konverġenza soċjali, jiġi evitat li azzjonijiet politiċi jew skossi ekonomiċi oħra jkollhom effetti kollaterali soċjali negattivi fuq il-konverġenza soċjali 'l fuq, jiġu identifikati l-intoppi potenzjali għall-implimentazzjoni xierqa tal-EPSR u jiġu stabbiliti miri soċjali; jemmen li r-riskji ta' diverġenza soċjali għandhom jiġu inklużi fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u jitqiesu meta jkunu qed jiġu definiti mogħdijiet ta' aġġustament fiskali;
15. Jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment pubbliku u privat biex jissaħħaħ il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u jiġu appoġġati l-SMEs; jissottolinja l-importanza li jiġu żviluppati l-ħiliet u l-kwalifiki xierqa fil-forza tax-xogħol biex tkun tista' tiġi ssodisfata d-domanda għal ħaddiema tas-sengħa matul it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali; ikompli jappoġġa lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-impjegaturi u l-ħaddiema Ewropej billi trawwem u tħeġġeġ proċessi ta' djalogu soċjali u kopertura ta' negozjar kollettiv; jilqa' l-inklużjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tad-dispożizzjonijiet ta' djalogu soċjali u negozjar kollettiv fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż 2020-2021; jiddispjaċih li, filwaqt li d-djalogu soċjali ġie inkluż fi 15-il rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż (CSR) fl-2020, dan jidher biss f'żewġ CSRs fl-2022; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi n-negozjar kollettiv, id-demokrazija fuq il-post tax-xogħol, u d-djalogu soċjali matul is-Semestru Ewropew, u b'mod speċifiku fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, sabiex jiġu żgurati pagi diċenti permezz tan-negozjar kollettiv;
16. Jisħaq fuq l-importanza ta' valutazzjoni aħjar tal-impatt distributtiv ta' politiki u riformi eżistenti u ġodda mmonitorjati permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti ta' valutazzjoni tal-impatt distributtiv għall-programmi nazzjonali ta' riforma (PNR); jirrimarka li l-konsolidazzjoni fiskali tista' tkun ġusta u sostenibbli biss jekk l-impatt distributtiv tan-nefqa riallokata jew taċ-ċaqliq fid-dħul ikun ikkalibrat sew u jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali, ekonomiċi u reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi metodoloġija u għanijiet ċari f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità; ifakkar lill-Istati Membri fir-rekwiżiti li jinkludu fil-PNR spjegazzjoni ta' kif il-miżuri mistennija jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd u l-integrazzjoni ta' dawk l-objettivi;
17. Iqis li t-tabella ta' valutazzjoni soċjali riveduta tista' ma tkoprix b'mod adegwat l-20 prinċipju tal-EPSR; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tikkunsidra reviżjoni u titjib ulterjuri tat-tabella ta' valutazzjoni soċjali, bl-inklużjoni ta' indikaturi rilevanti, pereżempju b'rabta mal-benesseri soċjali, u diżaggregazzjoni tad-data skont fatturi differenti, bħall-ġeneru, l-età u l-introjtu, biex jiġu identifikati d-diverġenzi soċjali u l-impatt tal-politiki fuq gruppi differenti, b'mod partikolari dawk f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, permezz ta' valutazzjoni dinamika; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġu inklużi indikaturi li jirriflettu bis-sħiħ ix-xejriet u l-kawżi tal-inugwaljanza, bħal indikaturi dwar opportunitajiet indaqs, impjieg ta' kwalità tajba, distribuzzjoni tal-ġid, aċċess universali għal servizzi pubbliċi ta' kwalità tajba, inklużi l-enerġija, l-ilma u s-sanità, pensjonijiet adegwati, ir-rata ta' persuni mingħajr dar, skemi ta' introjtu minimu, mard okkupazzjonali (inklużi kundizzjonijiet tas-saħħa mentali) u benefiċċji tal-qgħad, kif ukoll indikaturi li jkejlu l-impatt soċjali tad-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima; ifakkar lill-Kummissjoni li l-indikatur "fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali" ma jaqbadx il-kawżi usa' u aktar kumplessi tal-inugwaljanzi;
18. Jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi orjentazzjonijiet għar-reviżjoni tal-qafas ta' governanza ekonomika biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn u jittejjeb it-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz tal-investiment u r-riformi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta liema nefqa u investiment huma meħtieġa biex jintlaħqu objettivi soċjoekonomiċi fit-tul u li huma meħtieġa biex ikun hemm konformità mal-istadji importanti tal-NRRP u tipproponi sistema ġdida għall-kalkoli tad-defiċit eċċessiv abbażi wkoll ta' din il-valutazzjoni sabiex jiżdiedu l-ġustizzja fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, ir-reżiljenza soċjali u l-implimentazzjoni tal-EPSR, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri; jemmen li s-sistemi fiskali għandhom jitfasslu b'tali mod li jnaqqsu l-inugwaljanzi, jippromwovu l-ġustizzja u jipproteġu lill-unitajiet domestiċi, u għandhom ikunu bbilanċjati sabiex is-sistemi jsiru aktar ġusti u aktar effiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri effettivi biex jiġġieldu l-evitar u l-frodi tat-taxxa bħala mezz importanti biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi ekonomiċi u jitjieb il-ġbir tad-dħul mit-taxxi fl-Istati Membri; ifakkar li rata tat-taxxa minima effettiva għal kumpaniji multinazzjonali kbar fl-Unjoni Ewropea tista' tikkontribwixxi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tad-dumping fiskali u tiżgura li l-korporazzjonijiet kollha jħallsu s-sehem ġust tagħhom ta' taxxa fuq il-profitti ġġenerati mill-attivitajiet tagħhom fl-UE;
19. Jinsab imħasseb dwar ix-xenarju ekonomiku attwali, it-tbassir għall-futur qrib u l-impatt li ż-żidiet fil-pagi taħt l-inflazzjoni jista' jkollhom fuq l-istandards tal-għajxien fl-UE; iqis li ż-żieda fil-kapaċità tal-akkwist hija wieħed mill-modi biex jiġi żgurat irkupru ekonomiku ulterjuri, iżda li b'mod ġenerali t-tkabbir fil-pagi mhux se jlaħħaq mal-inflazzjoni matul is-sena li ġejja, b'tali mod li l-ħaddiema se tonqsilhom il-kapaċità tal-akkwist; ifakkar li l-pagi deċenti huma għodda essenzjali li tgħin lill-unitajiet domestiċi jlaħħqu maż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija; jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-atti kompetittivi bbażati fuq pagi baxxi u standards tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena, u jimplimentaw malajr id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Pagi Minimi[4], sabiex, kif inhu rrakkomandat, il-pagi minimi jiżdiedu għal mill-inqas 60 % tas-salarju medjan gross ta' pajjiż jew 50 % tal-medja grossa; jistieden lill-Kummissjoni taħdem biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u timmonitorja s-sitwazzjoni tal-pagi minimi u tiżgura li s-salarji baxxi, u b'mod partikolari l-pagi minimi, jirriflettu l-għoli tal-ħajja li qed jiżdied; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw pagi minimi adegwati, bl-għan li jinkiseb standard tal-għajxien deċenti, jitnaqqas il-faqar fost il-ħaddiema u jiġu promossi l-koeżjoni soċjali u l-konverġenza soċjali 'l fuq, filwaqt li titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri; jisħaq li, sabiex jiġi estiż is-sehem tal-unitajiet domestiċi fil-faxxa tal-introjtu medju, dawn l-isforzi għandhom jiġu kkombinati ma' politiki li jwessgħu l-kopertura tan-negozjar kollettiv u jagħtu spinta lir-rati ta' sħubija fit-trade unions;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta r-reviżjoni possibbli tad-direttiva Ewropea dwar l-akkwist pubbliku sabiex issaħħaħ il-kopertura tan-negozjar kollettiv billi ġġiegħel lill-kumpaniji jikkonformaw mal-ftehimiet ta' negozjar kollettiv, inkluż it-tisħiħ tal-klawżola soċjali, u tiffavorixxi lill-kumpaniji li jirrispettaw id-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali, filwaqt li teskludi mis-sejħiet għall-offerti lil dawk il-kumpaniji li jkunu ġew issanzjonati minħabba l-involviment tagħhom fi prattiki ta' union-busting;
21. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw pagi deċenti u impjiegi ta' kwalità, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u jippromwovu saħħa fiżika u mentali tajba, b'mod partikolari permezz tas-sikurezza okkupazzjonali; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-importanza tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u d-dritt għall-iskonnessjoni, b'mod speċjali issa li l-linji bejn l-ambjenti professjonali u dawk privati qed isiru dejjem inqas ċari bl-iżvilupp tat-telexogħol; jilqa' l-ftehim bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar id-direttiva dwar it-trasparenza fil-pagi[5] u jitlob l-implimentazzjoni rapida tagħha; jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw ix-xogħol ta' valur ugwali skont kriterji newtrali għall-ġeneru oġġettivi;
22. Jilqa' l-ftehim dwar l-adozzjoni tal-Fond Soċjali għall-Klima bħala punt ta' tluq ambizzjuż biex jiġi indirizzat l-impatt li l-estensjoni tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq se jkollha fuq il-mikrointrapriżi, l-utenti tat-trasport u l-unitajiet domestiċi vulnerabbli; jissottolinja li l-objettiv ġenerali huwa li jikkontribwixxi għal tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika fejn ħadd ma jitħalla jibqa' lura; jitlob aktar għodda biex jiġu indirizzati l-impatt mhux ugwali tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali fuq gruppi ta' introjtu differenti kif ukoll il-konsegwenzi soċjali tat-trasformazzjoni tas-soċjetajiet tagħna lejn in-newtralità klimatika; jenfasizza l-urġenza li jiġu adottati strumenti li jippermettu lill-partijiet kollha tas-soċjetà jgawdu l-benefiċċji ta' ekonomija newtrali għall-klima, u li jipproteġu lill-mikrointrapriżi, lill-utenti tat-trasport u lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli kemm mill-impatt tat-tibdil fil-klima kif ukoll min dak tat-tniġġis; jinsisti li l-politiki u l-objettivi soċjali u ambjentali jridu jiġu integrati fuq bażi ugwali ma' dawk ekonomiċi; huwa konvint, f'dan ir-rigward, li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir huwa skadut u la joffri l-flessibbiltà u lanqas l-arkitettura meħtieġa biex jiġi stabbilit qafas ġdid għall-governanza tal-iżvilupp sostenibbli u l-progress soċjali fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja d-dritt għas-saħħa u għal ambjent tajjeb għas-saħħa fil-livell tal-UE, peress li dan id-dritt huwa essenzjali kemm biex jiġi żgurat it-twettiq tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet fundamentali l-oħrajn kif ukoll biex tinkiseb tranżizzjoni inklużiva;
23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu fuq il-Fond Soċjali għall-Klima u jistabbilixxu s-sisien għall-iżvilupp ta' skemi ta' protezzjoni soċjali ekoloġiċi fil-livell nazzjonali bl-appoġġ tal-UE, sabiex issaħħu r-reżiljenza soċjali kontra l-impatti tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali billi jindirizzaw l-effetti sekondarji tal-politiki ekoloġiċi fuq l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u jiżguraw li l-komunitajiet milquta jkunu ppreparati bis-sħiħ għal suq tax-xogħol ġdid; jirrimarka li għal dawn l-iskemi jistgħu jiġu kkunsidrati l-aspetti li ġejjin:
a) protezzjoni tas-saħħa soċjali għall-persuni milquta minn avvenimenti assoċjati mat-tibdil fil-klima;
b) protezzjoni tal-qgħad ikkomplementata minn politiki tax-xogħol attivi għall-ħaddiema li jitilfu s-sigħat tax-xogħol jew l-impjieg tagħhom minħabba kundizzjonijiet klimatiċi estremi jew avvenimenti relatati, jew li jingħataw is-sensja minħabba l-għeluq tal-industriji b'intensità qawwija ta' karbonju;
c) programmi ta' xogħlijiet pubbliċi li jipprovdu appoġġ fi flus jew in natura u jikkontribwixxu għar-riabilitazzjoni tal-assi u tal-infrastruttura filwaqt li jtejbu l-ħiliet u l-impjegabbiltà tal-ħaddiema u jiżguraw li jkollhom l-għodod biex jintegraw ruħhom fi swieq tax-xogħol lokali jew ġodda;
d) benefiċċji ta' assistenza soċjali għall-persuni milquta minn skossi klimatiċi, li jappoġġaw l-introjtu u s-sigurtà alimentari tagħhom;
e) skemi ta' garanzija tal-impjiegi u taħriġ jew riorjentazzjoni professjonali li joħolqu opportunitajiet ġodda għall-ħaddiema u l-komunitajiet li ma jistgħux jibqgħu jaqilgħu l-għajxien tagħhom permezz tal-attivitajiet preċedenti tagħhom minħabba miżuri ta' protezzjoni ambjentali u li jiżguraw li jkunu għadhom jistgħu jiġu inklużi fis-suq tax-xogħol;
f) strateġiji ta' żvilupp tal-ħiliet u ta' antiċipazzjoni bl-objettivi li jtejbu l-ħiliet ġeneriċi, settorjali u speċifiċi għall-okkupazzjoni għall-ekonomija ekoloġika;
g) skemi ta' finanzjament li jappoġġaw lill-unitajiet domestiċi fir-rinnovazzjonijiet favur l-effiċjenza fl-enerġija sabiex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku;
24. Jisħaq li l-appoġġ għall-SMEs, inkluż it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi bla bżonn, huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jadattaw bis-sħiħ l-attivitajiet tagħhom għat-tranżizzjoni ekoloġika u jżommu l-forza tax-xogħol tagħhom, speċjalment fil-każ ta' negozji ġodda, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-ogħla livelli ta' protezzjoni tal-ħaddiema u tal-ambjent, u tingħata għajnuna lill-impjegaturi Ewropej biex jinvestu fit-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi direttiva biex tirregola l-kundizzjonijiet tat-telexogħol fl-UE kollha u tiżgura kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol u tal-impjieg fl-ekonomija diġitali; iqis li d-dritt għall-iskonnessjoni huwa essenzjali biex jiġi żgurat il-benesseri mentali tal-impjegati u ta' dawk li jaħdmu għal rashom, speċjalment il-ħaddiema nisa u l-ħaddiema f'forom mhux standard ta' xogħol, u għandu jiġi kkomplementat minn direttiva dwar ir-riskji psikosoċjali u l-benesseri fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, direttiva dwar l-istandards u l-kundizzjonijiet minimi biex jiġi żgurat li l-ħaddiema kollha jkunu jistgħu jeżerċitaw b'mod effettiv id-dritt tagħhom ta' skonnessjoni; jenfasizza li l-inizjattiva li ġejja tal-Kummissjoni dwar "approċċ komprensiv għas-saħħa mentali" li għandha tiġi ppubblikata f'Ġunju hija opportunità tajba biex jiġu mnedija dawn id-direttivi;
26. Jenfasizza li, f'sitwazzjoni meta l-popolazzjoni fl-età tax-xogħol qed tiċkien, huwa essenzjali li jkun hemm politiki li jġibu aktar nies fis-suq tax-xogħol; jemmen li l-integrazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol se jkollha impatt pożittiv fuq il-provvista tax-xogħol, se tnaqqas in-nuqqasijiet tal-ħaddiema, u se tappoġġa rati ogħla ta' impjieg[6]; jinnota, madankollu, li l-ħaddiema migranti għadhom qed jesperjenzaw trattament mhux ugwali u sfruttament tal-ħaddiema; jisħaq li l-ħaddiema migranti kollha għandhom ikunu protetti kontra l-isfruttament, inkluż, billi jiġi ggarantit l-aċċess effettiv tagħhom għall-ġustizzja u r-rimedju; iqis li dan għandu jiġi kkombinat ma' politiki oħra li jippermettu ħajja tax-xogħol aktar b'saħħitha, itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u jadattaw aħjar is-swieq tax-xogħol għall-ħtiġijiet li jinbidlu tal-ħaddiema tul ħajjithom;
27. Jitlob l-inklużjoni aħjar tal-gruppi vulnerabbli fis-Semestru Ewropew, l-implimentazzjoni ta' miżuri li jappoġġaw l-impjieg taż-żgħażagħ u tal-anzjani, u opportunitajiet aħjar għall-persuni b'diżabilità, kif ukoll għodod effiċjenti li jipprevjenu d-diskriminazzjoni; jisħaq fuq l-importanza ta' miżuri għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi inkluż it-tagħlim tal-lingwi bħala l-bażi għall-komunikazzjoni fl-oqsma kollha tal-operat tan-negozju, li jippermettu l-parteċipazzjoni fit-taħriġ vokazzjonali u t-taħriġ mill-ġdid biex jiġu żviluppati l-kompetenzi rilevanti;
28. Jisħaq li l-impjegaturi jeħtieġ li jrawmu r-rabtiet interġenerazzjonali fi ħdan il-kumpaniji u t-tagħlim interġenerazzjonali bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani, u viċi versa; jissottolinja li forza tax-xogħol akbar fl-età tista' tgħin lil negozju jiżviluppa prodotti u servizzi ġodda biex jadatta għall-ħtiġijiet ta' soċjetà li qed tixjieħ b'mod iktar kreattiv u produttiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu inċentivi biex jinkoraġġixxu t-trasferiment tal-għarfien bejn il-ġenerazzjonijiet u miżuri speċifiċi li jiffaċilitaw l-impjieg taż-żgħażagħ u t-tranżizzjoni ta' qabel l-irtirar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-impatti possibbli fuq iż-żgħażagħ fil-valutazzjonijiet tal-politiki, f'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;
29. Jinsab imħasseb dwar in-numru għoli ta' persuni li jitilqu kmieni mill-iskola, minħabba li dawn jinsabu f'riskju li jispiċċaw qiegħda u jkomplu jsaħħu ċ-ċiklu tal-faqar ġenerazzjonali, peress li, fl-2021, 11.4 % taż-żgħażagħ irġiel u 7.9 % taż-żgħażagħ nisa fl-UE telqu kmieni mill-edukazzjoni jew mit-taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina, flimkien mal-Istati Membri, mas-soċjetà ċivili u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet xierqa biex it-tfal u ż-żgħażagħ jibqgħu jmorru l-iskola; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-aċċess għaż-żgħażagħ għal traineeships u apprendistati mħallsa, ta' kwalità u inklużivi; jinsisti li ż-żgħażagħ jiksbu l-ewwel esperjenza ta' xogħol adegwata u ta' kwalità, u jingħataw opportunitajiet ta' titjib tal-ħiliet u kwalifiki jew kredenzjali ġodda; jikkundanna l-prattika ta' traineeships mhux imħallsa bħala forma ta' sfruttament tal-ħaddiema żgħażagħ, u ksur tad-drittijiet tagħhom, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'kollaborazzjoni mal-Parlament, u b'rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, itemmu t-traineeships mhux imħallsa u jipproponu qafas legali komuni biex tkun żgurata remunerazzjoni ġusta għat-traineeships u l-apprendistati sabiex jiġu evitati l-prattiki ta' sfruttament; jikkundanna l-prattika ta' kuntratti ta' żero sigħat u jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ lill-impjegaturi li jipprovdu traineeships u apprendistati liż-żgħażagħ b'diżabilità; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-istrumenti Ewropej eżistenti bħall-Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships u l-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi u tinkludi kriterji ta' kwalità għall-offerti magħmula liż-żgħażagħ, inklużi l-prinċipju ta' remunerazzjoni ġusta għat-trainees u l-interns, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, l-impjiegi sostenibbli u d-drittijiet soċjali;
30. Jinsab imħasseb dwar id-diskrepanzi bejn l-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) dwar il-politika tal-ħiliet u l-politiki implimentati fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, li jistgħu jkunu qed jikkawżaw ineffiċjenzi; jiġbed l-attenzjoni għall-evidenza stipulata fir-rapporti tas-Cedefop dwar l-użu insuffiċjenti tal-ħiliet, il-kwalifiki eċċessivi, id-domandi baxxi tal-ħiliet u l-kumplessità limitata f'ħafna impjiegi Ewropej u l-livell relattivament modest ta' domandi tal-ħiliet diġitali fl-Ewropa, peress li dan jista' jfixkel it-tranżizzjoni diġitali u jkollu impatt fuq il-kompetittività tal-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti u tikkoordina azzjonijiet politiċi li jikkontribwixxu biex jiżdied in-numru ta' impjiegi aktar kumplessi diġitalment u tiffaċilita t-tfassil ta' inċentivi li jagħtu spinta lit-titjib fil-ħiliet diġitali tal-ħaddiema; inklużi t-taħriġ u l-edukazzjoni tul il-ħajja; jenfasizza li tali inizjattivi għandhom ikunu mmirati wkoll lejn il-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq tax-xogħol għal kulħadd peress li 45 % tal-forza tax-xogħol tal-UE jemmnu li jeħtieġu għarfien u ħiliet ġodda minħabba t-teknoloġiji diġitali ġodda fuq il-post tax-xogħol tagħhom;
31. Ifakkar li l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità tajba u l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' żamma huma l-aħjar mod biex tiġi attirata forza tax-xogħol tas-sengħa u biex l-impjegaturi jiġu inċentivati ħalli jinvestu fil-ħaddiema tagħhom; jenfasizza li r-rapporti tas-Cedefop jenfasizzaw li d-diffikultajiet ta' reklutaġġ (inklużi dawk dovuti għall-ispariġġ fil-ħiliet) jirriflettu wkoll sa punt konsiderevoli kwalità ħażina tal-impjiegi, nuqqas ta' politika tar-riżorsi umani orjentata lejn in-nies u opportunitajiet ta' tfassil tax-xogħol mhux sfruttati; jistieden lill-Kummissjoni tikkontribwixxi għall-indirizzar tad-differenzi fil-kompetenzi li jeżistu fl-Ewropa u tirrevedi l-politiki tagħha ta' tiġdid u titjib tal-ħiliet fid-dawl tas-sejbiet tas-Cedefop; jenfasizza l-ħtieġa akuta ta' aktar appoġġ għat-taħriġ tul il-ħajja u r-riorjentazzjoni professjonali f'konformità mal-mira tal-2030 li mill-inqas 60 % tal-adulti kollha jsegwu taħriġ kull sena;
32. Jisħaq li l-antiċipazzjoni tas-suq tax-xogħol iwasslu għal ekonomiji iktar reżiljenti, u dan jirrikjedi politiki attivi tas-suq tax-xogħol, inklużi t-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet tal-ħaddiema, kif ukoll sistemi ta' protezzjoni soċjali b'saħħithom; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' ħaddiema rapportat f'ħafna okkupazzjonijiet, b'mod partikolari dawk relatati mal-kwalifiki tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika (STEM), mal-edukazzjoni u mal-kura tas-saħħa; jisħaq kemm fuq il-ħtieġa li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, peress li dan jgħin ukoll biex jittaffew in-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol, kif ukoll fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-programmi edukattivi tal-UE, filwaqt li jiġu appoġġati l-isforzi tal-impjegati u tal-għalliema biex iħarrġu l-ħiliet it-tajba;
33. Jitlob li l-istrateġija ekoloġika industrijali tal-UE tiżgura li l-impjiegi tal-futur mhux biss ikunu ekoloġiċi, iżda fuq kollox ikunu deċenti, imħallsa tajjeb, u bbażati fuq kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, b'saħħa u sikurezza okkupazzjonali, protezzjoni soċjali robusta u ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob ukoll li tiżgura li n-nies ikunu remunerati b'mod adegwat f'konformità mal-kwalifiki u l-kompetenzi ċċertifikati tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi biex titrawwem konverġenza soċjali u ekonomika kif ukoll biex jiġi evitat distakk dejjem akbar fl-appoġġ u l-investiment pubbliku minħabba l-kapaċitajiet fiskali differenti tal-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu tajjeb mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, u fondi u pjattaformi rilevanti oħra tal-UE, sabiex jiżguraw li l-impjiegi li qed jiġu eliminati b'mod gradwali b'riżultat tat-tranżizzjoni ekoloġika jiġu sostitwiti b'impjiegi ta' kwalità fl-istess oqsma; jenfasizza, f'dan is-sens, il-potenzjal tal-ekonomija ċirkolari kif ukoll ir-rwol li l-proċessi ta' akkwist pubbliku għandu jkollhom fil-promozzjoni tan-negozjar kollettiv u ta' kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin; jisħaq li politika ekoloġika industrijali tal-UE tista' ssir wieħed mis-sorsi ewlenin ta' ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa fis-snin li ġejjin, kemm fis-setturi emerġenti kif ukoll f'dawk tradizzjonali, b'riflessjoni tal-fatt li l-attivitajiet ekonomiċi sostenibbli jirrikjedu ħafna iktar ħaddiema mill-attivitajiet li jissostitwixxu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-pjan industrijali tal-UE jikseb tranżizzjoni ġusta u objettivi li jinkludu l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità b'kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u paga tajba, il-promozzjoni tan-negozjar kollettiv u l-aderenza mal-ftehimiet kollettivi;
34. Ifakkar fir-rwol kruċjali tas-sħab soċjali Ewropej, nazzjonali u settorjali fl-antiċipazzjoni tat-tibdil; jenfasizza l-ħtieġa li t-trade unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jiġu infurmati u kkonsultati mill-qrib fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, sabiex jiġu żgurati tranżizzjonijiet ġusti; jistieden lill-Istati Membri jikkonsultaw lis-sħab soċjali matul it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali (programmi nazzjonali ta' riforma pjanijiet ta' stabbiltà/konverġenza jew pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza); jisħaq fuq ir-rwol kritiku tan-negozjar kollettiv biex jiġu żgurati l-ogħla standards ta' saħħa u sikurezza okkupazzjonali, l-iżviluppi tal-ħiliet rilevanti u l-antiċipazzjoni strateġika tat-tibdil; jisħaq li d-drittijiet tal-bniedem Ewropej u internazzjonali jiggarantixxu li l-ħaddiema kollha jkollhom id-dritt li jorganizzaw, jiffurmaw u jissieħbu ma' trade union, jinvolvu ruħhom f'negozjar kollettiv, jieħdu azzjoni kollettiva biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jgawdu l-protezzjoni fl-ambitu tal-ftehimiet kollettivi; jistieden lill-Istati Membri jneħħu kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li tfixkel in-negozjar kollettiv, inkluż billi jiżguraw l-aċċess tat-trade unions għall-postijiet tax-xogħol għall-fini ta' organizzazzjoni, kondiviżjoni ta' informazzjoni u konsultazzjoni, sabiex tissaħħaħ ir-rappreżentanza tal-ħaddiema;
35. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
Is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika: l-aspetti tal-impjieg u dawk soċjali fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2023 huma partikolarment importanti meta jitqies il-kuntest taż-żieda fl-inflazzjoni u fl-għoli tal-ħajja minħabba l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Sena ilu biss, it-tħassib ewlieni tagħna kien il-kriżi soċjali u ekonomika li ġejja mill-pandemija tal-Covid-19, kif ukoll l-inugwaljanzi u l-iżbilanċi soċjali li setgħu nħolqu minħabba t-tibdil fil-klima u t-trasformazzjoni diġitali. Issa fl-2023, irridu nżidu mal-lista kuntest soċjali u ekonomiku fl-Ewropa fejn il-maġġoranza tal-familji mhux biss ma jifilħux iħallsu l-kontijiet tal-gass u tal-elettriku, iżda jridu jagħżlu bejn li jitimgħu lill-familji tagħhom jew li jsaħħnu djarhom. Barra minn hekk, iż-żieda fl-inflazzjoni u fil-prezzijiet tal-ikel u tal-enerġija qed taffettwa lill-gruppi l-aktar vulnerabbli, u dan qed iżid l-inugwaljanzi u jaggrava l-faqar – b'mod partikolari l-faqar enerġetiku. Barra minn hekk, iż-żidiet fil-pagi mhux qed iżommu l-pass mar-rati tal-inflazzjoni, u għalhekk il-faqar fost dawk li jaħdmu qed jiżdied sal-punt li l-ħaddiema qed jitilfu l-kapaċità tal-akkwist u qed jesperjenzaw kundizzjonijiet ta' għajxien li sejrin għall-agħar.
Fir-rapporti tas-Semestru Ewropew 2023, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-pagi minimi se jonqsu fi kważi kull Stat Membru, li l-faqar fost dawk li jaħdmu fl-UE ma naqasx fl-aħħar għaxar snin, li l-adegwatezza tal-introjtu minimu tnaqqset fil-maġġoranza tal-Istati Membri u li l-prezzijiet tal-akkomodazzjoni għadhom 'il fuq minn 40 % għal aktar minn 8 % tal-popolazzjoni filwaqt li bilkemm għamilna progress f'termini ta' rati ta' persuni mingħajr dar. Fl-istess ħin, it-tibdil fil-klima u l-qerda ambjentali jaggravaw l-inugwaljanzi u jaffettwaw b'mod sproporzjonat lill-foqra u lill-gruppi l-aktar vulnerabbli.
F'dan il-kuntest, jeħtieġ li jitqies il-fatt li t-tnaqqis tal-inugwaljanzi huwa r-responsabbiltà kondiviża tal-Unjoni u tal-Istati Membri. L-Artikolu 9 tat-TFUE jindika li "fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem". Minnu nnifsu, is-Semestru Ewropew, bħala mekkaniżmu ta' koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tal-UE, għandu jiffaċilita miżuri li jippermettu lill-Istati Membri jindirizzaw il-kriżi ekonomika u soċjali serja tal-lum. Dan se jiggarantixxi soċjetà Ewropea aktar ugwali u ġusta u waħda ta' konverġenza soċjali 'l fuq.
L-abbozz ta' rapport ippreżentat mir-rapporteur huwa bbażat fuq l-idea li l-miżuri meħtieġa f'dan il-kuntest jeħtieġu mudell ġdid ta' governanza ekonomika fl-UE. Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir attwali ma għadux japplika u ma joffrix il-flessibbiltà jew l-arkitettura meħtieġa biex tiġi stabbilita governanza ġdida tal-benesseri, l-iżvilupp sostenibbli u l-progress soċjali.
L-orjentazzjonijiet reċenti tar-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE proposti mill-Kummissjoni Ewropea jipprevedu pjanijiet ta' riforma fiskali adattati għaċ-ċirkostanzi ta' kull Stat Membru. Madankollu, l-miżuri tranżitorji ta' "għajnuna" mhumiex dak li hu meħtieġ. Minflok, neħtieġu miżuri strutturali fuq terminu medju u twil li jistabbilixxu mudell ġdid ta' governanza ekonomika bbażat fuq is-solidarjetà, il-ġustizzja soċjali u l-benesseri soċjali għaċ-ċittadini Ewropej kollha. L-objettivi tal-UE fuq terminu medju u twil biex tiżdied ir-reżiljenza ekonomika u soċjali għandu jkollhom bħala kumpass l-għanijiet tal-Unjoni kif iddikjarati fl-Artikolu 3 tat-TUE, u, b'mod partikolari, l-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa b'impjieg sħiħ u progress soċjali.
Biex isir dan, huwa essenzjali li jiġi mmodernizzat il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir attwali, b'qafas li jippermetti l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali sakemm jitqies meħtieġ sabiex jiġi ffaċilitat l-investiment pubbliku u bl-esklużjoni tal-investiment fis-sistemi ta' protezzjoni soċjali mill-kalkolu tad-defiċit (ir-"regola tad-deheb").
Li jitneħħew politiki fiskali bbażati fuq l-awsterità ma għadhiex għażla iżda pjuttost ħtieġa sabiex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti kif ukoll żvilupp progressiv u sostenibbli għaċ-ċittadini kollha. Ilna ngħixu għal ħafna snin fi kriżi strutturalment soċjoekonomika. L-uniku mod kif jitnaqqsu l-inugwaljanzi u l-faqar fl-UE huwa permezz ta' ridistribuzzjoni urġenti tal-ġid u investiment qawwi fis-sistemi ta' benesseri soċjali tagħna. L-investiment soċjali huwa essenzjali biex jippermetti tkabbir sostenibbli fil-perjodu medju u twil u s-sistemi nazzjonali ta' benesseri għandhom funzjoni essenzjali ta' stabbilizzazzjoni fihom.
Għal dik ir-raġuni, is-Semestru Ewropew għandu jinkludi dimensjoni soċjali b'saħħitha li tagħti lill-objettivi soċjali l-istess rilevanza bħall-objettivi ekonomiċi u ambjentali.
Neħtieġu proċess ta' Semestru li jiggarantixxi koerenza bejn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u l-objettivi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li jsegwi l-prinċipji kollha tal-Pilastru Soċjali u li jevalwa aħjar l-impatt distributtiv tal-politiki u r-riformi eżistenti u ġodda mmonitorjati. Proċess li jinkludi numru akbar ta' indikaturi soċjali li jirriflettu bis-sħiħ ix-xejriet u l-kawżi tal-inugwaljanza, l-impjiegi ta' kwalità, id-distribuzzjoni tal-ġid, l-aċċess għal servizzi pubbliċi ta' kwalità, l-adegwatezza tal-pensjonijiet, l-iskemi ta' introjtu minimu, u l-benefiċċji tal-qgħad. Fl-aħħar nett, neħtieġu Semestru li jinkludi indikaturi biex jitkejjel l-impatt soċjali tad-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima.
Xi wħud mis-sejħiet ewlenin min-naħa tar-rapporteur lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri fil-qafas tas-Semestru 2023 jinkludu:
- l-implimentazzjoni immedjata tad-direttiva dwar il-pagi minimi;
- mekkaniżmu SURE ta' natura permanenti;
- Direttiva dwar skemi ta' introjtu minimu u mhux biss rakkomandazzjoni;
- skema msaħħa ta' Garanzija Ewropea għat-Tfal b'finanzjament iddedikat ta' mill-inqas EUR 20 biljun;
- leġiżlazzjoni li tiggarantixxi l-aċċess għal servizzi essenzjali bħall-akkomodazzjoni, l-enerġija, it-trasport, l-ilma u l-iskart u projbizzjoni tal-iskonnessjonijiet tal-enerġija għall-gruppi vulnerabbli;
- il-ħolqien ta' pakkett ta' solidarjetà biex in-nies u l-SMEs jiġu megħjuna jlaħħqu maż-żieda fl-għoli tal-ħajja;
- regolament dwar Qafas ta' Konverġenza Soċjali biex jimmonitorja r-riskji ta' konverġenza soċjali, biex jipprevjeni l-effetti kollaterali soċjali negattivi tal-azzjonijiet politiċi jew l-iskossi ekonomiċi u biex jidentifika ħsarat potenzjali, kif ukoll biex jistabbilixxi l-miri soċjali obbligatorji li għandhom jintlaħqu;
- l-iżvilupp ta' skemi ta' protezzjoni soċjali ekoloġiċi fil-livell nazzjonali, sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza soċjali kontra l-impatt tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali.
Ir-rapporteur tappoġġa bidla lejn mudell ta' tkabbir sostenibbli, inklużiv u reżiljenti, li jsaħħaħ l-iżvilupp sostenibbli u r-reżiljenza tal-ekonomija tal-UE u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inklużi l-miri ewlenin rilevanti tiegħu għall-2030, Protokoll ta' Progress Soċjali u l-promozzjoni ta' investiment orjentat lejn il-futur iffukat fuq it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u soċjali ġusti. Fil-qosor, Ewropa b'perspettiva ekosoċjali b'saħħitha.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
1.3.2023 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
26 10 13 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
João Albuquerque, Marc Angel, Dominique Bilde, Vilija Blinkevičiūtė, Milan Brglez, Jordi Cañas, David Casa, Ilan De Basso, Margarita de la Pisa Carrión, Jarosław Duda, Estrella Durá Ferrandis, Lucia Ďuriš Nicholsonová, Loucas Fourlas, Elisabetta Gualmini, Agnes Jongerius, Irena Joveva, Radan Kanev, Ádám Kósa, Katrin Langensiepen, Miriam Lexmann, Elena Lizzi, Sara Matthieu, Jörg Meuthen, Max Orville, Kira Marie Peter-Hansen, Dragoş Pîslaru, Dennis Radtke, Elżbieta Rafalska, Guido Reil, Daniela Rondinelli, Mounir Satouri, Monica Semedo, Beata Szydło, Eugen Tomac, Romana Tomc, Nikolaj Villumsen, Marianne Vind, Maria Walsh, Stefania Zambelli, Tomáš Zdechovský |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Marc Botenga, Gheorghe Falcă, Lina Gálvez Muñoz, José Gusmão, Pierre Larrouturou, Antonius Manders, Samira Rafaela, Evelyn Regner, Marie-Pierre Vedrenne |
|||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
26 |
+ |
PPE |
David Casa |
Renew |
Jordi Cañas, Lucia Ďuriš Nicholsonová, Irena Joveva, Max Orville, Dragoş Pîslaru, Samira Rafaela, Monica Semedo, Marie-Pierre Vedrenne |
S&D |
João Albuquerque, Marc Angel, Vilija Blinkevičiūtė, Milan Brglez, Estrella Durá Ferrandis, Lina Gálvez Muñoz, Elisabetta Gualmini, Agnes Jongerius, Pierre Larrouturou, Evelyn Regner, Daniela Rondinelli |
The Left |
José Gusmão, Nikolaj Villumsen |
Verts/ALE |
Katrin Langensiepen, Sara Matthieu, Kira Marie Peter-Hansen, Mounir Satouri |
10 |
- |
ECR |
Margarita de la Pisa Carrión, Elżbieta Rafalska, Beata Szydło |
ID |
Dominique Bilde, Guido Reil |
NI |
Ádám Kósa, Jörg Meuthen |
PPE |
Radan Kanev, Miriam Lexmann, Tomáš Zdechovský |
13 |
0 |
ID |
Elena Lizzi, Stefania Zambelli |
PPE |
Jarosław Duda, Gheorghe Falcă, Loucas Fourlas, Antonius Manders, Dennis Radtke, Eugen Tomac, Romana Tomc, Maria Walsh |
S&D |
Ilan De Basso, Marianne Vind |
The Left |
Marc Botenga |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] Eurofound, The cost-of-living crisis and energy poverty in the EU: Social impact and policy responses – Background paper (Il-kriżi tal-għoli tal-ħajja u l-faqar enerġetiku fl-UE: Impatt soċjali u risponsi ta' politika – Dokument ta' sfond), 2022.
- [2] Eurostat, Key Figures on European Businesses (Ċifri ewlenin dwar in-negozji Ewropej), Edizzjoni 2022, p. 10.
- [3] Ewropa Soċjali: Stħarriġ tal-Ewrobarometru juri li l-Ewropej jappoġġaw politiki soċjali aktar b'saħħithom u aktar infiq soċjali.
- [4] Id-Direttiva (UE) 2022/2041 dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 275, 25.10.2022, p. 33).
-
[5] Il-proposta għal Direttiva għat-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta' trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta' infurzar (COM/2021/93 final).
- [6] https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Migrant_integration_statistics.