RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, fir-rigward tal-Ftehim dwar is-sussidji għas-sajd
22.3.2023 - (14557/2022) – C9‑0404/2022 – 2022/0364(NLE)) - ***
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Bernd Lange
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, fir-rigward tal-Ftehim dwar is-sussidji għas-sajd
(14557/2022) – C9‑0404/2022 – 2022/0364(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (14557/2022),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Protokoll li jemenda l-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, Ftehim dwar is-Sussidji għas-Sajd (14558/2022),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9‑0404/2022),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4), u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għas-Sajd,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0068/2023),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.
NOTA SPJEGATTIVA
Wara aktar minn għoxrin sena ta’ negozjati, il-membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ikkonkludew il-Ftehim dwar is-Sussidji għas-Sajd matul it-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Ġunju 2022. Dan it-trattat ġdid jistabbilixxi għall-ewwel darba sett vinkolanti ta’ regoli globali għat-trażżin ta’ sussidji dannużi, previsti mill-gvernijiet għas-settur tas-sajd, li huma fattur ewlieni fit-tnaqqis mifrux tal-istokkijiet tal-ħut tad-dinja. 35 % tal-istokkijiet tal-ħut kollha huma kkunsidrati bħala mistada b’mod eċċessiv.[1] Il-Ftehim jieħu l-forma ta' protokoll għall-Ftehim ta’ Marrakesh li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, billi jdaħħal il-Ftehim dwar is-Sussidji għas-Sajd fil-Ftehim ta’ Marrakesh wara l-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens.
Il-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji għas-Sajd huwa l-ewwel ftehim kummerċjali multilaterali li qatt sar li fil-qalba tiegħu tinsab is-sostenibbiltà ambjentali, u huwa biss it-tieni ftehim multilaterali li ntlaħaq fid-WTO sa mill-bidu tiegħu, insegwitu tal-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Kummerċ konkluż fl-2013.
Huwa wkoll l-ewwel mira tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) tan-NU li ser tintlaħaq kompletament permezz ta’ ftehim multilaterali. Il-Mira SDG 14.6 tistabbilixxi l-għan li jiġu pprojbiti ċerti forom ta’ sussidji tas-sajd li jikkontribwixxu għal kapaċità żejda u sajd eċċessiv, u li jiġu eliminati s-sussidji li jikkontribwixxu għal sajd illegali, mhux regolat u mhux irrappurtat, u li ma jiġux introdotti sussidji ġodda bħal dawn, filwaqt li jiġi rikonoxxut li trattament speċjali u differenzjali xieraq u effettiv għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati għandu jkun parti integrali min-negozjati tad-WTO dwar is-sussidji tas-sajd.
Għaldaqstant, il-Ftehim dwar is-Sajd fih diversi dixxiplini importanti, inkluż projbizzjonijiet fuq li jingħataw jew jinżammu s-sussidji għas-sajd għal:
bastimenti jew operaturi involut f’sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għas-sajd IUU;
sajd jew attivitajiet relatati mas-sajd fir-rigward ta’ stokkijiet li huma mistada żżejjed; kif ukoll
sajd jew attivitajiet relatati mas-sajd fl-ibħra miftuħa mhux regolati.
Il-valur globali tas-sajd IUU huwa stmat bejn 10 u 20 biljun euro fis-sena. Bejn 11 u 26 miljun tunnellata ta’ ħut jinqabdu illegalment kull sena, ammont li jikkorrispondi għal mill-inqas 15 % tal-qabdiet kollha fid-dinja[2].
Minbarra d-dixxiplini dwar dawn it-tipi ta’ sussidji għas-sajd dannużi, il-Ftehim jinkludi rekwiżiti robusti ta’ trasparenza ddedikati għat-tisħiħ tan-notifiki tal-Membri tad-WTO dwar is-sussidji għas-sajd u li jippermettu sorveljanza effettiva tal-implimentazzjoni tal-obbligi fil-Ftehim.
Il-Ftehim dwar is-Sussidji għas-Sajd jirrikjedi wkoll li l-Membri tad-WTO jagħtu attenzjoni speċjali u jeżerċitaw trażżin xieraq meta jagħtu sussidji lil bastimenti tas-sajd li ma jkunux qed itajru l-bandiera ta’ dak il-Membru, billi l-prattika ta’ bastimenti li jtajru bnadar ta’ konvenjenza hija marbuta mal-possibbiltà ta’ attività illegali, inkluż l-użu ta’ xogħol furzat. Dispożizzjoni simili tirrikjedi li l-Membri għandhom joqogħdu attenti b’mod speċjali u jeżerċitaw kontroll xieraq meta jagħtu sussidji għas-sajd jew għal attivitajiet relatati mas-sajd fir-rigward ta’ stokkijiet ta’ ħut mhux evalwati, li jaf ikun ta’ ħsara u jista’ jwassal għal sajd eċċessiv.
Trattament speċjali u differenzjali ġie inkorporat ukoll fil-ftehim. Għall-projbizzjonijiet fuq sussidji li jikkontribwixxu għal sajd IUU kif ukoll sussidji fir-rigward ta’ stokkijiet mistada b’mod eċċessiv, jeżistu arranġamenti speċjali għall-pajjiżi membri l-anqas żviluppati u li qed jiżviluppaw.
L-ebda ftehim dwar dixxiplini għal sussidji li jikkontribwixxu għas-sajd eċċessiv
Madankollu, minkejja negozjati avvanzati, fl-aħħar minuta ma kienx possibbli li jintlaħaq ftehim dwar dixxiplini addizzjonali dwar is-sussidji għas-sajd li jikkontribwixxu għal kapaċità żejda u sajd eċċessiv. Ir-Rapporteur jiddeplora bil-qawwa l-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet ma ġewx inklużi diġà f’dan l-istadju, u jinkoraġġixxi lill-Membri tad-WTO jħaffu n-negozjati tagħhom biex jikkonkludu wkoll din il-parti, bħala pass kruċjali biex tinkiseb is-sostenibbiltà tal-oċeani. B’dan il-mod, jenħtieġ li jingħata marġni suffiċjenti ta’ flessibbiltà fl-għamla ta’ Trattament Speċjali u Differenzjali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li jiġi żgurat li l-ftehim jibqa’ robust u ma jiddgħajjafx permezz ta' esklużjonijiet. Il-ftehim attwali fil-fatt ser jiskadi, sakemm ma jiġux adottati dixxiplini aktar komprensivi fi żmien erba’ snin wara li jkun daħal fis-seħħ.
Il-mekkaniżmu ta’ finanzjament
Il-Ftehim fih ukoll il-Mekkaniżmu ta’ Finanzjament għas-Sajd, biex jipprovdi lill-pajjiżi membri li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati (LDC) b’assistenza teknika dedikata u bini ta’ kapaċità għall-fini tal-implimentazzjoni tad-dixxiplini skont il-Ftehim. Dan ser jaċċetta kontribuzzjonijiet volontarji u ser jiġi amministrat mid-WTO f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra. Ir-Rapporteur iqis li dan huwa parti importanti fl-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-ftehim, u jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea diġà kkommettiet EUR 1 miljun għall-fond u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikkontribwixxu wkoll.
Id-dħul fis-seħħ
Il-Ftehim dwar is-Sussidji għas-Sajd ser jidħol fis-seħħ meta jkun ġie aċċettat minn żewġ terzi tal-Membri tad-WTO. Għaldaqstant huwa ta’ importanza kbira li l-Membri kollha jħaffu l-proċess ta’ ratifika, sabiex il-ftehim jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun.
ITTRA TAL-KUMITAT GĦAS-SAJD (15.3.2023)
Is-Sur Bernd Lange
President
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
BRUSSELL
Suġġett: Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim ta’ Marrakesh li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (2022/0364(NLE))
Sur President,
Fir-rigward tal-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija hawn fuq, il-Koordinaturi tal-Kumitat għas-Sajd adottaw, fl-14 ta’ Marzu 2023, permezz ta’ proċedura bil-miktub, il-pożizzjoni li qiegħed nibgħatlek.
Nixtieq li l-Kumitat INTA jqis dan kemm jista’ jkun fil-proposta futura tiegħu.
Dejjem tiegħek,
Pierre Karleskind
SUĠĠERIMENTI
Fid-dawl tat-tħejjija tar-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA) dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim ta’ Marrakesh li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (2022/0364(NLE)), il-Kumitat għas-Sajd adotta fl-14 ta’ Marzu 2023, permezz ta’ proċedura bil-miktub, il-pożizzjoni li ġejja:
A. billi n-negozjati tad-WTO dwar is-sussidji tas-sajd tnedew fl-2001 matul il-Konferenza Ministerjali ta’ Doha (MC4), b’mandat biex jiġu “ċċarati u mtejba” d-dixxiplini eżistenti tad-WTO dwar is-sussidji tas-sajd, aktar tard mandat elaborat matul il-Konferenza ta’ Ħong Kong tal-2005 biex jiġi inkluż appell għall-projbizzjoni ta’ ċerti forom ta’ sussidji tas-sajd li jikkontribwixxu għall-kapaċità żejda fis-sajd u s-sajd eċċessiv[3];
B. billi l-ħames “Prospettiva Globali tal-Bijodiversità” tan-Nazzjonijiet Uniti, maħruġa f’Settembru 2020, ħadet att li aktar minn 34 % tal-istokkijiet tal-ħut tal-baħar tad-dinja qed jinqabdu lil hinn mil-limiti bijoloġikament sostenibbli tagħhom, u dan kompla xejra li fl-1974 kienet biss 10 %;
C. billi rapport tal-2017 tal-Bank Dinji bit-titolu “The Sunken Billions Revisited” kellu estimu li t-telf ekonomiku mis-sajd eċċessiv kien USD 83 biljun;
D. billi studju tal-2018[4] kellu estimu li fl-2018 is-sussidji globali għas-sajd kienu USD 35.4 biljun, li minnhom is-sussidji li jsaħħu l-kapaċitajiet ammontaw għal USD 22.2 biljun; billi l-akbar ħames entitajiet politiċi li jissussidjaw (iċ-Ċina, l-UE, l-Istati Uniti, ir-Repubblika tal-Korea u l-Ġappun) jirrappreżentaw 58 % tat-total;
E. billi l-mira 14.6[5] tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) tan-NU hija li jiġu pprojbiti ċerti forom ta’ sussidji tas-sajd sal-2020 li jikkontribwixxu għal kapaċità żejda u sajd eċċessiv u li jiġu eliminati s-sussidji li jikkontribwixxu għal sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat (IUU), u li ma jiġux introdotti sussidji ġodda bħal dawn, filwaqt li jiġi rikonoxxut li trattament speċjali u differenzjali xieraq u effettiv għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati jenħtieġ li jkun parti integrali min-negozjati tad-WTO dwar is-sussidji tas-sajd; billi ċ-Ċina m’għandhiex titqies bħala pajjiż li qed jiżviluppa jew l-anqas żviluppat;
1. Jilqa’, b’mod ġenerali, li ntlaħaq kunsens globali rigward il-Ftehim dwar is-Sussidji tas-Sajd (“il-Ftehim”) permezz tal-emendar tal-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;
2. Jenfasizza l-importanza ta’ regoli globali sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għas-sajjieda tal-UE u biex tissaħħaħ il-ġlieda globali kontra s-sajd IUU;
3. Jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata l-kompetittività tas-settur tal-UE vis-à-vis l-operaturi ta’ pajjiżi terzi u jenfasizza l-importanza tal-isforzi tal-UE minquxa fil-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) f’dan ir-rigward;
4. Jilqa’ l-fatt li l-Ftehim jipprojbixxi l-għoti jew iż-żamma ta’ sussidji lill-operaturi tal-bastimenti involuti f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għas-sajd IUU;
5. Jilqa’ l-fatt li l-Ftehim jipprojbixxi l-għoti jew iż-żamma ta’ sussidji għas-sajd jew attivitajiet relatati mas-sajd ’il barra mill-ġurisdizzjoni ta’ Membru kostali jew kostali mhux Membru u barra mill-kompetenza ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd rilevanti.
6. Jindika li l-Ftehim kellu jistabbilixxi qafas vinkolanti li jixpruna t-tneħħija gradwali ta’ sussidji dannużi mill-membri kollha tad-WTO u jwettaq l-SDG 14.6;
7. Jisħaq fuq li l-SDGs iridu jkunu l-linja bażi għall-approċċ tal-Unjoni fir-rigward ta’ sussidji dannużi fis-settur tas-sajd;
8. Jirrimarka li l-flotta tal-UE f’dan ir-rigward diġà tikkonforma ma’ standards soċjali, ambjentali u sanitarji għoljin;
9. Jissottolinja l-importanza ewlenija tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tad-data u ta’ analiżi tad-data fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ rapportar u ta’ notifika, li jirfdu d-dixxiplini previsti tas-sussidji tas-sajd tad-WTO u l-flessibbiltajiet relatati, kif ukoll għal dimostrazzjonijiet mis-sussidjar tal-Membri, sabiex il-miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd ta’ akkumpanjament jiġu implimentati u jkunu effettivi biex l-istokkijiet tas-sajd rilevanti jinżammu ogħla mil-livelli bijoloġikament sostenibbli;
10. Iħeġġeġ f’dan ir-rigward ukoll l-importanza li jitneħħew kwalunkwe lakuni fid-data, kemm ambjentali kif ukoll ekonomika, li hija meħtieġa biex jiġu żgurati l-monitoraġġ u l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-Ftehim;
11. Iqis dan il-Ftehim bħala pass importanti iżda madankollu jesprimi tħassib dwar l-implimentazzjoni tiegħu speċjalment fir-rigward tar-rapportar trasparenti u l-kondiviżjoni tad-data min-nazzjonijiet tas-sajd globali, bħaċ-Ċina, il-Korea t’Isfel, it-Tajwan u t-Turkija;
12. Jappella lill-Kummissjoni biex, skont il-politika żero tal-UE dwar is-sajd IUU, tiżgura t-trasparenza u l-implimentazzjoni sħiħa tal-ambizzjoni;
13. Jenfasizza li, fir-rigward tat-trasparenza dwar is-sussidji tas-sajd u s-sajd IUU, huma meħtieġa aktar sforzi fil-livell globali;
14. Jissottolinja l-ħtieġa ta’ dipendenza fuq l-aħjar evidenza xjentifika sabiex jiġi ddeterminat jekk stokk ta’ ħut huwiex mistad iżżejjed jew soġġett għal sajd żejjed jew li l-miżuri ta’ ġestjoni ta’ akkumpanjament humiex effettivi biex l-istokkijiet tas-sajd rilevanti jinżammu ogħla mil-livelli bijoloġikament sostenibbli; jirrimarka f’dan ir-rigward li d-WTO mhijiex korp li huwa adattat biex jagħmel tali determinazzjonijiet; jissottolinja għaldaqstant il-ħtieġa ta’ dipendenza fuq mekkaniżmi oħra previsti fi strumenti internazzjonali, bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) u l-Ftehim tan-NU dwar il-Ħażniet ta’ Ħut; jenfasizza f’dan ir-rigward ir-rwol kruċjali tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO);
15. Iħeġġeġ lill-UE tippromwovi t-tkomplija fil-pront tan-negozjati fid-WTO biex tirrieżamina d-dispożizzjonijiet u r-regoli ta’ dan il-Ftehim qabel il-Konferenza Ministerjali tad-WTO li jmiss u tallinjahom mal-SDGs;
16. Jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jirrakkomanda l-approvazzjoni tal-Ftehim.
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu |
Protokoll li Jemenda l-Ftehim ta’ Marrakesh li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ |
|||
Referenzi |
14557/2022 – C9-0404/2022 – 2022/0364(NLE) |
|||
Data tal-konsultazzjoni jew tat-talba għal approvazzjoni |
5.12.2022 |
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
INTA 12.12.2022 |
|
|
|
Kumitati mitluba jagħtu opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
DEVE 12.12.2022 |
PECH 12.12.2022 |
|
|
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni |
DEVE 30.11.2022 |
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Bernd Lange 30.11.2022 |
|
|
|
Eżami fil-kumitat |
1.3.2023 |
|
|
|
Data tal-adozzjoni |
21.3.2023 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
33 0 2 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Anna-Michelle Asimakopoulou, Tiziana Beghin, Geert Bourgeois, Jordi Cañas, Daniel Caspary, Arnaud Danjean, Paolo De Castro, Markéta Gregorová, Roman Haider, Christophe Hansen, Heidi Hautala, Danuta Maria Hübner, Danilo Oscar Lancini, Bernd Lange, Margarida Marques, Gabriel Mato, Emmanuel Maurel, Alessandra Mussolini, Samira Rafaela, Catharina Rinzema, Inma Rodríguez-Piñero, Katarína Roth Neveďalová, Ernő Schaller-Baross, Sven Simon, Dominik Tarczyński, Mihai Tudose, Kathleen Van Brempt, Marie-Pierre Vedrenne, Jörgen Warborn, Iuliu Winkler, Jan Zahradil |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Marek Belka, Jérémy Decerle, Seán Kelly, Javier Moreno Sánchez |
|||
Data tat-tressiq |
22.3.2023 |
|||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
33 |
+ |
ECR |
Geert Bourgeois, Dominik Tarczyński, Jan Zahradil |
ID |
Roman Haider |
NI |
Tiziana Beghin, Ernő Schaller-Baross |
PPE |
Anna-Michelle Asimakopoulou, Daniel Caspary, Arnaud Danjean, Christophe Hansen, Danuta Maria Hübner, Seán Kelly, Gabriel Mato, Alessandra Mussolini, Sven Simon, Jörgen Warborn, Iuliu Winkler |
Renew |
Jordi Cañas, Jérémy Decerle, Samira Rafaela, Catharina Rinzema, Marie-Pierre Vedrenne |
S&D |
Marek Belka, Paolo De Castro, Bernd Lange, Margarida Marques, Javier Moreno Sánchez, Inma Rodríguez-Piñero, Katarína Roth Neveďalová, Mihai Tudose, Kathleen Van Brempt |
Verts/ALE |
Markéta Gregorová, Heidi Hautala |
0 |
- |
|
|
2 |
0 |
ID |
Danilo Oscar Lancini |
The Left |
Emmanuel Maurel |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] Ir-rapport SOFIA 2022 tal-FAO
- [2] https://journals.plos.org/plosone/article?id=10.1371/journal.pone.0004570
- [3] https://www.wto.org/english/tratop_e/rulesneg_e/fish_e/fish_e.htm
- [4] https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0308597X19303677
- [5] https://unstats.un.org/sdgs/metadata/?Text=&Goal=14&Target=14.6