RAPPORT dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni

15.5.2023 - (2022/2075(INI))

Kumitat Speċjali dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni (INGE 2)
Rapporteur: Sandra Kalniete

Proċedura : 2022/2075(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0187/2023
Testi mressqa :
A9-0187/2023
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni

(2022/2075(INI))

Il-Parlament Ewropew

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2022 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni[1](minn hawn ’il quddiem ir-“rapport INGE 1”),

 wara li kkunsidra s-segwitu tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2022,

 wara li kkunsidra l-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża - Għal Unjoni Ewropea li tipproteġi liċ-ċittadini, il-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, approvata mill-Kunsill fil-21 ta’ Marzu 2022 u mill-Kunsill Ewropew fl-24 ta’ Marzu 2022,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2022 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar l-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir[2],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2022 bit-titolu “Ir-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt – Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea” (COM(2022)0500),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Marzu 2022 dwar l-ispazju jiċkien tas-soċjetà ċivili fl-Ewropa[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar is-suspetti ta’ korruzzjoni mill-Qatar u l-ħtieġa usa’ ta’ trasparenza u responsabbiltà fl-istituzzjonijiet Ewropej[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2016 dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn pajjiżi terzi[5],

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2019 lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar l-analiżi tas-segwitu mogħti mis-SEAE sentejn wara r-Rapport tal-PE dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn pajjiżi terzi[6],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2021 bit-titolu “Il-Media tal-Ewropa fid-Deċennju Diġitali: Pjan ta’ Azzjoni b’Appoġġ għall-Irkupru u t-Trasformazzjoni[7],–  wara li kkunsidra l-Artikoli dwar ir-Responsabbiltà tal-Istati għal Atti Internazzjonalment Illegali,

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidral-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014[8],

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2022 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati jew abbużivi (”Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”) (COM(2022)0177),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Diċembru 2020 dwar il-pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-Demokrazija (COM(2020)0790),

 wara li kkunsidra l-proposta tas-16 ta’ Settembru 2022 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas komuni għas-servizzi tal-media fis-suq intern (l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media) u li jemenda d-Direttiva 2010/13/UE (COM(2022)0457),

 wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, u b’mod partikolari l-proposti 27 u 37 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni msaħħaħ tal-2022,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar suq uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali)[9],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE[10] (Direttiva CER);

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ottubru 2022 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ ikkoordinat mill-Unjoni biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika (COM(2022) 0551),

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 2021 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku (COM(2021)0731) u l-emendi għaliha, adottati mill-Parlament fit-2 ta’ Frar 2023[11],

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 2021 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (COM(2012)0734),

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2020 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (COM(2020)0823) (id-Direttiva NIS2),

 wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 05/2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) tad-29 ta’ Marzu 2022 bit-titolu “Ċibersigurtà tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE - Il-livell ta’ tħejjija b’mod ġenerali mhuwiex proporzjonat mat-theddid”,

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Marzu 2022 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-Unjoni (COM(2022)0122),

 wara li kkunsidra l-ftehim interistituzzjonali tal-20 ta’ Mejju 2021 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea dwar reġistru obbligatorju ta’ trasparenza[12],

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-Istati Uniti u l-UE tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija tal-5 ta’ Diċembru 2022,

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-QEA dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2021,

 wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew tal-Istandards għall-Organizzazzjonijiet Indipendenti tal-Verifika tal-Fatti, ippubblikat min-Network Ewropew tal-Istandards tal-Verifika tal-Fatti f’Awwissu 2022,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport (ta’ nofs it-terminu) tal-Kumitat Speċjali dwar l-Indħil Barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni, u t-tisħiħ tal-integrità, it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont fil-Parlament Ewropew (ING2) (A9-0187/2023),

A. billi fid-9 ta’ Marzu 2022 il-Parlament adotta riżoluzzjoni li tistabbilixxi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu abbażi tar-rapport tal-ewwel kumitat speċjali dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni; billi fost ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, dan ir-rapport appella għall-adozzjoni ta’ strateġija kkoordinata kontra l-indħil barrani; billi l-Kummissjoni pproduċiet dokument li jsegwi dawn ir-rakkomandazzjonijiet, li jissuġġerixxi, fost affarijiet oħra, li strateġija de facto bħal din diġà teżisti fil-forma ta’ diversi tipi ta’ koordinazzjoni interistituzzjonali;

B. billi l-Parlament Ewropew huwa l-uniku korp elett direttament fost l-istituzzjonijiet tal-UE u jinsab fuq quddiem nett fid-diskussjonijiet politiċi tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-indħil barrani, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u t-theddid ibridu fid-demokraziji tagħna, inkluż fl-istituzzjonijiet tal-UE; billi l-avvenimenti reċenti enfasizzaw li l-Parlament huwa fil-mira ta’ kampanji varjati u aggressivi ta’ ndħil barrani;

C. billi fid-diskors tagħha ta’ Settembru 2022 dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President tal-Kummissjoni ħabbret li l-Kummissjoni se tippreżenta pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija, ippjanat li jiġi adottat fit-tieni kwart tal-2023; billi dan il-pakkett ikun jinkludi proposta leġiżlattiva għall-protezzjoni tad-demokraziji minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi li jeżerċitaw attivitajiet fl-UE li jistgħu jaffettwaw l-opinjoni pubblika u l-isfera demokratika, rieżami tal-azzjonijiet skont il-pjan ta’ azzjoni għad-demokrazija Ewropea (EDAP) u miżuri biex jiġu żgurati elezzjonijiet siguri u reżiljenti, inkluż, fost l-oħrajn, il-miżuri taċ-ċibersigurtà fil-proċessi elettorali;

D. billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna mexxew b’mod konġunt eżerċizzju konġunt bit-titolu “Riżoluzzjoni Integrata tal-UE għall-202” immirat lejn l-ittestjar tar-rispons tal-UE għal kampanji ibridi;

E. billi l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna bdiet bħala gwerra ta’ informazzjoni ppjanata bir-reqqa u mwettqa b’mod aggressiv segwita minn invażjoni militari fuq skala sħiħa fl-24 ta’ Frar 2022; billi r-Russja tuża firxa ta’ metodi differenti ta’ ndħil, inkorporati fi strateġija akbar biex tagħmel ħsara, tħawwad, tbeżża’, iddgħajjef u taqsam l-Istati Membri tal-UE u l-viċinat tagħha; billi l-Istati Uniti u r-Renju Unit mexxew kampanji ta’ komunikazzjoni effettivi ta’ “konfutazzjoni antiċipata” qabel l-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja fl-Ukrajna, li involvew l-użu pubbliku mingħajr preċedent ta’ intelliġenza affidabbli disponibbli biex tiġi miġġielda n-narrattiva tal-Kremlin u kixfu l-gideb tal-Gvern Russu u l-atturi relatati; billi r-Russja ilha snin twettaq kampanji ta’ diżinformazzjoni, attakki ċibernetiċi, qbid tal-eliti u attakki fil-konfront tagħhom bil-għan li tikteb mill-ġdid l-istorja f’tentattiv biex tħejji l-bażi għall-invażjoni tagħha tal-Ukrajna biex tirfidha;

 F. billi s-servizzi tal-Parlament huma mistennija jagħmlu sforzi sinifikanti biex isegwu r-rakkomandazzjonijiet adottati fid-9 ta’ Marzu 2022, b’mod partikolari meta jħejju għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2024; billi t-task force tal-Parlament dwar id-diżinformazzjoni ngħatat il-kompitu li tikkoordina l-ħidma ta’ diversi Direttorati Ġenerali tal-Parlament Ewropew u li tikkoopera ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE fuq għadd ta’ azzjonijiet imwettqa b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin: l-għarfien tas-sitwazzjoni, il-bini tar-reżiljenza, il-konfutazzjoni minn qabel tad-diżinformazzjoni u l-kontribut għal spazju ta’ informazzjoni b’saħħtu, u l-mitigazzjoni;

G. billi l-Parlament qed jappoġġja b’mod proattiv id-demokrazija parlamentari f’għadd ta’ pajjiżi mhux tal-UE, inkluż permezz tal-azzjonijiet tal-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet (DEG); billi l-viċinat immedjat tal-UE huwa partikolarment importanti f’dan ir-rigward;

H. billi l-pajjiżi tal-adeżjoni tal-UE qed jiffaċċjaw sfidi li jirriżultaw minn indħil barrani malinn u kampanji ta’ diżinformazzjoni; billi l-iżviluppi tal-passat urew li n-nuqqas ta’ tkabbir għandu spiża strateġika serja; billi l-Balkani tal-Punent huma żona ta’ kompetizzjoni strateġika u ġeopolitika u xi wħud mill-pajjiżi tagħhom huma suxxettibbli għal destabbilizzazzjoni, li thedded is-sigurtà u l-istabbiltà tal-kontinent tagħna; billi l-pajjiżi terzi qed jisfruttaw dawn il-vulnerabbiltajiet, inkluż permezz ta’ investimenti strateġiċi u kampanji ta’ diżinformazzjoni; billi l-istabbiltà, is-sigurtà u r-reżiljenza demokratika tal-pajjiżi tal-adeżjoni huma marbuta b’mod inseparabbli mas-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza demokratika tal-UE stess;

I. billi l-għan ta’ dawk il-kampanji ta’ ndħil fil-Balkani tal-Punent huwa li jinfluwenzaw b’mod negattiv l-orjentazzjoni u l-istabbiltà Ewro-Atlantiċi li qed jikbru ta’ pajjiżi individwali, u b’hekk ibiddlu l-orjentazzjoni tar-reġjun kollu kemm hu; billi r-Russja qed tuża l-influwenza tagħha fis-Serbja f’tentattiv biex tiddestabilizza u tindaħal fi stati sovrani ġirien: fil-Bożnija permezz tar-Repubblika Srpska; fil-Montenegro permezz tas-sentimenti favur is-Serbja tal-pajjiż kif ukoll tal-Knisja Ortodossa Serba; u fil-Kosovo bl-isfruttament u bl-instigar tat-tilwim eżistenti fit-Tramuntana tal-Kosovo; billi r-Russja għalhekk għad għandha influwenza notevoli fil-Balkani tal-Punent, bis-setgħa li tindaħal fit-tentattivi reġjonali ta’ rikonċiljazzjoni, integrazzjoni u riforma lejn id-demokratizzazzjoni;

J. billi inizjattivi bħall-proġett RADAR iffinanzjat mill-UE, mit-Trans European Policy Studies Association (TEPSA, konsorzju pan-Ewropew ta’ istituti ta’ riċerka u universitajiet ewlenin), għandhom l-għan li jżidu l-għarfien taċ-ċittadini dwar id-diżinformazzjoni u jipprovdu pjattaforma pubblika għad-dibattitu, u l-proġett għandu enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ sabiex jagħti s-setgħa lill-opinjonijiet tagħhom, isaħħaħ l-involviment tagħhom fis-soċjetà ċivili u jtejjeb l-edukazzjoni tagħhom dwar il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu fil-media;

K. billi huwa meħtieġ approċċ olistiku, li jinkludi s-soċjetajiet tagħna b’mod ġenerali, meta jiġu edukati u mħarrġa ċ-ċittadini Ewropej ta’ kull età, inkluż taħriġ speċifiku għan-nies fl-età tax-xogħol u fl-iskejjel biex jidentifikaw u jkunu reżiljenti kontra operazzjonijiet prospettivi ta’ diżinformazzjoni u manipulazzjoni tal-informazzjoni; billi għandha tiġi stabbilita strateġija biex b’mod preventiv jintwerew il-vidjos u l-kontenut tal-utenti tal-internet dwar it-tattiċi wara d-diżinformazzjoni, li għandhom il-potenzjal li jagħmluhom aktar konxji u reżiljenti għal miżinformazzjoni u diżinformazzjoni u jżidu r-reżiljenza ta’ gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni; billi l-għarfien pubbliku u d-djalogu kostanti mal-media huma kritiċi f’dan ir-rigward; billi l-karatteristika ċentrali tas-suċċess tal-komunikazzjoni kontra d-diżinformazzjoni hija l-fiduċja fl-istituzzjonijiet li jikkomunikaw;

L. billi l-antisemitiżmu kontemporanju jieħu ħafna forom, inkluż diskors ta’ mibegħda online u t-tfaċċar (mill-ġdid) ta’ teoriji ġodda ta’ komplott, u billi l-UE, fil-qafas tal-istrateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u s-sostenn tal-ħajja Lhudija (2021-2030), stabbiliet l-impenn tagħha għal futur ħieles mill-antisemitiżmu fl-UE u lil hinn minnha;

M. billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) għandhom rwol essenzjali bħala gwardjani, huma essenzjali għall-bini ta’ reżiljenza demokratika minn ġewwa u għall-protezzjoni tad-demokrazija, u jappoġġjaw il-ġlieda kontra ksur tal-istat tad-dritt, filwaqt li jikkontribwixxu b’mod attiv għat-trawwim tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali fil-prattika; billi, b’mod speċifiku, l-OSĊ għandhom rwol importanti fl-identifikazzjoni u fil-ġlieda kontra l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi; billi l-OSĊ għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-awtoregolamentazzjoni, li jippermetti l-ħolqien ta’ standards tal-industrija biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni, b’mod partikolari f’oqsma fejn kwalunkwe azzjoni tal-Istat tista’ toħloq nuqqas ta’ fiduċja; billi meta l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili fil-proċessi demokratiċi tissaħħaħ aktar, id-demokrazija kollha kemm hi tissaħħaħ aħjar kontra r-riskju ta’ ndħil barrani;

N. billi l-OSĊ, il-gruppi ta’ riflessjoni, l-aġenziji ta’ konsultazzjoni, il-fondazzjonijiet u l-kumpaniji nfushom mhumiex ħielsa milli jesperjenzaw tali ndħil u, f’xi każijiet, jistgħu jservu bħala l-veikolu, l-għodda jew il-vettur ta’ ndħil minn atturi malizzjużi, inklużi atturi ta’ pajjiżi terzi, jisponsorjaw jew jinstigaw direttament l-indħil barrani u jinfluwenzaw lil dawk li jfasslu l-politika; billi t-trasparenza hija kruċjali biex jiġi żgurat li dawn l-atturi ma jsirux u ma jintużawx bħala mezzi għall-indħil barrani u għalhekk iridu jiġu osservati u skrutinizzati regoli ċari għall-influwenza tagħhom; billi xi Stati Membri tal-UE ppruvaw jimplimentaw mekkaniżmi biex jiskrinjaw il-finanzjament governattiv barrani għall-OSĊ, speċjalment mir-Russja u miċ-Ċina;

O. billi l-appoġġ tal-UE għall-OSĊ permezz tal-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV), żied l-isforzi biex jiġu appoġġjati l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari lil dawk iżgħar u lokali li qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet partikolari; billi ċerti Stati Membri, permezz tal-programmi nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, ipprovdew finanzjament għall-bini tal-kapaċitajiet għall-verifika tal-fatti u għall-indirizzar tad-diżinformazzjoni;

P. billi, minkejja ċerti riżorsi finanzjarji disponibbli, inklużi proġetti ta’ suċċess mill-fondi u mill-programmi tal-UE, b’mod ġenerali l-finanzjament tal-OSĊ u tal-media huwa fframmentat, ibbażat fuq proġetti u spiss jiġi minn pajjiżi mhux tal-UE; billi l-proċeduri ta’ applikazzjoni għall-finanzjament għandhom ikunu trasparenti u aċċessibbli; billi l-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li n-nuqqas ta’ strateġija koerenti tal-UE dwar il-litteriżmu fil-media li tinkludi l-indirizzar tad-diżinformazzjoni u l-frammentazzjoni tal-azzjonijiet tal-UE jdgħajjef l-impatt tal-proġetti tal-litteriżmu fil-media, u li ħafna minn dawn il-proġetti ma wrewx skala u firxa suffiċjenti;

Q. billi l-ġurnaliżmu ibbażat fuq il-fatti għandu rwol ewlieni f’soċjetà demokratika, filwaqt li jirrispetta l-prinċipji tal-verità, tal-akkuratezza, tal-imparzjalità, tal-onestà u tal-indipendenza; billi l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni huma drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, kif ukoll mill-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; billi s-sensazzjonaliżmu tal-media għandu effett detrimentali fuq l-affidabbiltà tal-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku u x-xenarju tal-media;

R. billi l-informaturi, il-ġurnalisti, l-OSĊ, l-attivisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed jiffaċċjaw dejjem aktar intimidazzjoni, sorveljanza intrużiva u hacking fastidju u theddid, inklużi theddid legali u litigazzjoni abbużiva; billi għandhom jiġu appoġġjati mill-UE u mill-istituzzjonijiet tagħha; billi l-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs), inklużi dawk mibdija mill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi kontra ċittadini tal-UE jew entitajiet ibbażati fl-UE, huma theddida serja għad-demokrazija u għad-drittijiet fundamentali bħal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, peress li huma mezz li bih il-ġurnalisti u l-attivisti kif ukoll l-atturi usa’ tas-soċjetà ċivili ma jitħallewx jitkellmu dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku u jiġu ppenalizzati talli jagħmlu dan, u b’hekk ikollhom effett ta’ deterrent fuq il-vuċijiet kritiċi reali jew potenzjali kollha;

S. billi fl-UE, hemm każijiet ta’ ġurnalisti li l-eżistenza u l-ħajja tagħhom huma mhedda bħala riżultat tar-riċerka tagħhom f’suġġetti ta’ interess pubbliku; billi s-setgħat barranin huma ssuspettati li jindaħlu fl-Unjoni u estendew miżuri repressivi għat-territorji fl-Unjoni sabiex isikktu lill-ġurnalisti li jixtiequ jirrapportaw u jiddenunzjaw atti kriminali; billi eżempju ta’ dan huwa l-istrateġija ta’ fastidju ġudizzjarju li qed tiġi eżerċitata mir-Renju tal-Marokk kontra l-ġurnalist Spanjol Ignacio Cembrero; billi xi ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li ngħataw ażil fl-UE għadhom il-mira ta’ persekuzzjoni, fastidju, vjolenza u tentattivi ta’ qtil; billi l-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sigurtà tagħhom u li jkunu jistgħu jkomplu l-ħidma tagħhom;

T. billi t-tnaqqis tal-effettività ta’ manipulazzjoni malizzjuża ta’ informazzjoni, u b’mod partikolari l-effetti tagħha fuq il-funzjonament tal-proċessi demokratiċi, huwa kwistjoni ta’ interess pubbliku; billi d-diżinformazzjoni tnaqqas il-kapaċità taċ-ċittadini li jieħdu deċiżjonijiet infurmati u li jipparteċipaw fil-proċessi demokratiċi b’mod liberu; billi din is-sitwazzjoni hija intensifikata mill-iżvilupp rapidu ta’ tipi ġodda ta’ media; billi skont l-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media tal-2022, l-ebda pajjiż ma jinsab f’riskju baxx għall-indikatur tal-“vijabbiltà tal-media”, li jirrifletti t-theddid ekonomiku eżistenti għall-pluraliżmu tal-media; billi l-istabbiliment tal-media tal-aħbarijiet li joperaw fi swieq iżgħar, inklużi l-media lokali, il-media reġjonali u l-media speċjalizzata, jiffaċċjaw sfidi addizzjonali peress li għandhom dħul limitat, u qed isiru inqas vijabbli bil-mudelli ta’ negozju kummerċjali attwalment użati, u ma jistgħux iħaddnu mudelli ġodda bl-istess mod kif jistgħu jagħmlu l-istabbilimenti tal-media li joperaw fi swieq akbar; billi, barra minn hekk, xi Stati Membri, li r-Russja tqis taħt l-isfera ta’ influwenza tagħha, huma aktar esposti għar-riskji ġeopolitiċi li jirriżultaw mill-indħil tal-Kremlin fl-ispazju tal-informazzjoni tagħhom;

U. billi l-promozzjoni tal-indipendenza u l-pluraliżmu tal-media u l-litteriżmu fil-media fl-indirizzar tad-diżinformazzjoni hija waħda mill-proposti taċ-ċittadini li jinsabu fir-rapport finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, ippubblikat fid-9 ta’ Mejju 2022, li fih iċ-ċittadini talbu speċifikament li l-UE tindirizza t-theddid għall-indipendenza tal-media permezz tal-istabbiliment ta’ standards minimi madwar l-UE, kif ukoll li tiddefendi u tappoġġja media ħielsa, pluralistika u indipendenti, li ssaħħaħ il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-indħil barrani, u li tiżgura l-protezzjoni tal-ġurnalisti; billi r-rapport finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa kien fih ukoll sejħiet għall-istabbiliment ta’ korp tal-UE inkarigat mill-indirizzar u l-indirizzar tad-diżinformazzjoni u l-indħil immirati, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċibersigurtà u l-leġiżlazzjoni u l-linji gwida għall-pjattaformi online u għall-kumpaniji tal-media soċjali biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet tad-diżinformazzjoni;

V. billi l-integrità tas-suq intern għas-servizzi tal-media tista’ tiġi kompromessa u l-polarizzazzjoni tas-soċjetà mħeġġa mill-fornituri tal-media li jinvolvu ruħhom b’mod sistematiku f’diżinformazzjoni, inklużi l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil ta’ fornituri tas-servizzi tal-media kkontrollati mill-Istat iffinanzjati minn ċerti pajjiżi mhux tal-UE, bħaċ-Ċina, ir-Russja u t-Turkija; billi ambjent tal-media kkonċentrat ħafna u kkontrollat mill-gvern jista’ jwassal għal awtokrazija informattiva, fejn l-istat jew l-atturi barranin bi skopijiet malinni jistgħu faċilment jeżerċitaw influwenza permezz tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni;

W. billi ċ-Ċina investiet kważi EUR 3 biljun f’ditti tal-media Ewropej matul l-aħħar 10 snin, mingħajr rispons adegwat mill-UE u mill-Istati Membri tagħha; billi l-eżempju taċ-Ċina jista’ jiġi segwit minn stati oħra b’ideoloġiji politiċi awtoritarji simili, li jinvolvu riskji konsiderevoli għall-integrità tad-demokraziji Ewropej u l-indħil minn pajjiżi oħra fl-affarijiet domestiċi tal-UE; billi għadd ta’ Istituti Confucius immexxija mill-Istat Ċiniż, li jxerrdu l-propaganda u jindaħlu f’istituzzjonijiet akkademiċi, għadhom qed jiffunzjonaw fl-UE; billi l-media Ċiniża tax-xandir tirrappreżenta u xxerred l-ideoloġija tal-Partit Komunista Ċiniż (CCP); billi l-kontijiet Ċiniżi tal-bots qed isiru dejjem aktar attivi fil-media soċjali u fin-networking soċjali, u jaqdu l-ħtiġijiet tal-awtoritajiet Ċiniżi;

X. billi reċentement EU DisinfoLab skopriet operazzjoni enormi mmirata lejn l-istituzzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari fi Brussell u f’Ġinevra u li taqdi l-interessi tal-Indja, li tinvolvi mijiet ta’ strumenti tal-media foloz u għexieren ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi organizzati mill-gvern;

Y. billi huma biss xi Stati Membri tal-UE li għandhom stabbiliti mekkaniżmi ta’ skrinjar għall-investimenti fil-media barranija; billi huwa fl-interess pubbliku li wieħed ikun jaf dwar l-istrutturi tas-sjieda benefiċjarja tal-istrumenti tal-media;

Z. billi għad fadal nuqqasijiet strutturali importanti li jiffaċilitaw il-manipulazzjoni tal-informazzjoni permezz ta’ pjattaformi online; billi l-mudelli ta’ negozju tal-pjattaformi online huma bbażati fuq data personali, algoritmi li jwasslu kontenut u reklamar estremi u diviżivi, fejn aktar involviment ifisser aktar dħul mir-reklamar, u l-ispinta għall-impenn tippremja opinjonijiet diviżivi u estremi għad-detriment ta’ informazzjoni bbażata fuq il-fatti; billi l-pjattaformi online huma għalhekk imfassla b’mod li jgħin biex jiġu amplifikati t-teoriji ta’ komplott u d-diżinformazzjoni; billi dawn il-pjattaformi globali online kellhom ukoll impatt ta’ tfixkil kbir fuq il-vijabbiltà ekonomika tas-settur tal-media Ewropew, peress li jiddominaw is-suq tar-reklamar, u b’hekk kellhom impatt fuq il-mudelli ta’ negozju tal-media;

AA. billi minkejja li ssaħħaħ il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni, għad hemm ħafna problemi strutturali, bħan-nuqqas ta’ regoli vinkolanti u d-dispożizzjoni li permezz tagħha l-kumpaniji jistgħu jagħżlu l-impenji tagħhom stess, li fl-aħħar mill-aħħar tfixkel is-suċċess tal-Kodiċi ta’ Prattika bħala għodda;

AB. billi t-teknoloġiji tal-intelliġenza artifiċjali (IA) ġenerattiva li qed jevolvu malajr jista’ jkollhom konsegwenzi potenzjalment gravi li jistgħu jippermettu lil atturi bi skopijiet malizzjużi jipproduċu u jxerrdu aktar kontenut ta’ diżinformazzjoni, orħos u b’veloċità akbar; billi jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ effetti partikolarment devastanti minn pajjiżi madwar id-dinja li ma għandhomx riżorsi biex jindirizzaw din l-isfida;

AC. billi l-proposta tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku għandha l-għan li tindirizza dawn il-problemi strutturali fil-kuntest tar-reklamar politiku;

AD. billi l-pjattaformi żviluppaw diversi inizjattivi biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni online, filwaqt li fasslu kampanji ta’ “konfutazzjoni antiċipata” biex tinforma lill-utenti dwar il-perikli tad-diżinformazzjoni, billi twissi minn qabel dwar asserzjonijiet foloz magħmula permezz ta’ kampanji ta’ diżinformazzjoni u ta’ miżinformazzjoni mwettqa minn atturi bi skopijiet malizzjużi, u tiċħadhom; billi l-effett ta’ dawn l-inizjattivi ma jistax jiġi evalwat bis-sħiħ minħabba n-nuqqas ta’ analiżijiet indipendenti jew istituzzjonalizzati minn riċerkaturi b’aċċess sħiħ għad-data;

AE. billi l-kontenut bil-lingwa mhux Ingliża għadu mhux immonitorjat b’mod sostanzjali peress li l-pjattaformi għadhom ma jimpjegawx għadd suffiċjenti ta’ reviżuri u ta’ dawk li jikkontrollaw il-fatti li jistgħu jwettqu l-kompiti rispettivi tagħhom f’lingwi oħra, speċjalment b’lingwi iżgħar f’pajjiżi affettwati serjament minn diżinformazzjoni; billi l-pjattaformi online għandhom jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali għaċ-ċittadini, bħal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni;

AF. billi sa mill-akkwiżizzjoni ta’ Twitter minn Elon Musk, il-kumpanija introduċiet politika ta’ miżinformazzjoni dwar il-kriżi, li skontha l-kumpanija tieħu azzjoni b’reazzjoni għal tweets li fihom allegazzjonijiet foloz jew qarrieqa dwar l-użu tal-forza u tal-armi, u li twieġeb billi tagħti prijorità lil tweets minn kontijiet tal-media affiljati mal-Istat u tqiegħed avviż ta’ twissija li tweet kiser il-politika tal-kumpanija dwar il-miżinformazzjoni f’każ ta’ kriżi, iżda dan l-approċċ ġie kkanċellat parzjalment fit-23 ta’ Novembru 2022; billi l-kumpanija keċċiet il-persunal tad-dipartimenti kollha responsabbli għall-identifikazzjoni, għall-klassifikazzjoni jew għar-rispons għad-diżinformazzjoni, inklużi l-maġġoranza tal-moderaturi tal-kontenut u tat-timijiet speċifiċi għall-pajjiż, u reġgħet introduċiet aktar minn 60,000 kont li qabel kienu nstabu li kisru r-regoli tal-pjattaforma billi qasmu diżinformazzjoni, involvew ruħhom f’fastidju jew f’abbuż, jew wettqu scams; billi mill-akkwiżizzjoni, kien hemm żieda ta’ kontenut abbużiv ta’ madwar 40 %; billi kien hemm sospensjonijiet ripetuti u intollerabbli tal-kontijiet tal-ġurnalisti u tal-media mingħajr ġustifikazzjoni konkreta;

AG. billi r-rapporti tal-media dwar id-dokumenti interni qajmu mistoqsijiet dwar in-newtralità politika tal-isforzi tal-kumpanija biex timplimenta l-politiki tagħha kontra l-indħil barrani u d-diżinformazzjoni fl-elezzjoni presidenzjali tal-Istati Uniti tal-2020, u jekk dawk l-isforzi jwasslux ukoll għal forma ta’ ndħil fid-dibattitu soċjali politiku u usa’ madwar l-elezzjoni, billi l-għexieren ta’ emails interni wrew li l-metodi maħsuba biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni u d-diskors ta’ mibegħda kienu qed jintużaw mill-partijiet ewlenin fl-Istati Uniti biex jikkontrollaw l-elettorat; billi għadu mhux ċar kif Twitter se tiżviluppa fil-futur qarib, minħabba d-dikjarazzjonijiet u d-deċiżjonijiet meħuda mill-maniġment superjuri l-ġdid tagħha;

AH. billi d-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni dwar is-saħħa huma theddida serja għas-saħħa pubblika peress li jnaqqsu l-fiduċja pubblika fix-xjenza, fl-istituzzjonijiet pubbliċi, fl-awtoritajiet u fil-persunal mediku, kif ukoll jiġġeneraw ostilità lejhom, u tavvanza t-teoriji tal-konspirazzjoni; billi tali diżinformazzjoni tista’ tkun ta’ theddida għall-ħajja meta tiskoraġġixxi lin-nies milli jfittxu trattamenti medikament rakkomandati, inkluż tilqim, jew tippromwovi trattamenti foloz; billi, matul il-pandemija tal-COVID-19, l-ammont ta’ kontenut relatat mal-COVID-19 li ma ġiex indirizzat wara li ġie vverifikat bil-fatti u nstab li kien jikkonsisti f’miżinformazzjoni jew diżinformazzjoni ammonta għal 20 % bil-Ġermaniż u bl-Ispanjol, 47 % bil-Franċiż, u 84 % bit-Taljan; billi l-lingwi iżgħar kellhom impatt saħansitra akbar;

AI. billi n-networks ta’ bots u kontijiet foloz fuq il-pjattaformi tal-media soċjali jintużaw minn atturi bi skopijiet malizzjużi biex jimminaw il-proċessi demokratiċi; billi Meta neħħiet żewġ networks li joriġinaw miċ-Ċina u mir-Russja talli kisru l-politika tagħha kontra mġiba mhux awtentika kkoordinata; billi n-network li joriġina mir-Russja u li huwa magħmul minn aktar minn 60 sit web impersonalizza siti web leġittimi ta’ organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet fl-Ewropa u ppubblika artikli oriġinali li kkritikaw lill-Ukrajna, appoġġja lir-Russja u sostna li s-sanzjonijiet tal-Punent fuq ir-Russja se jkollhom l-effett oppost; billi saru sejbiet simili minn EU DisinfoLab fl-investigazzjoni Doppelgänger tiegħu; billi dan huwa biss parti żgħira u l-pjattaformi online iridu kontinwament joqogħdu attenti u jtejbu l-politiki tagħhom ta’ moderazzjoni tal-kontenut;

AJ. billi hemm nuqqas ta’ sorveljanza fuq pjattaformi bħal Reddit u Telegram, fejn id-diżinformazzjoni tinfirex l-aktar mhux ikkontrollata; billi Spotify jospita podcasts li jkun fihom kontenut ta’ miżinformazzjoni u ta’ diżinformazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tad-diżinformazzjoni dwar il-vaċċini; billi xi wħud minnhom għandhom sa 11-il miljun semmiegħ għal kull episodju; billi l-kumpanija rrifjutat li tieħu kwalunkwe azzjoni kontra l-kontijiet li jxandru l-podcasts peress li ma għandha l-ebda politika ta’ diżinformazzjoni; billi l-UE bdiet diversi investigazzjonijiet rigward TikTok, dwar it-trasferiment tad-data taċ-ċittadini tal-UE lejn iċ-Ċina u dwar reklamar immirat lejn il-minorenni;

AK. billi l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA)[13] daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 2022 u se japplika mis-17 ta’ Frar 2024; billi dan jarmonizza bis-sħiħ ir-regoli applikabbli għas-servizzi intermedjarji fis-suq intern, u fih dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għal pjattaformi online kbar ħafna (VLOPs) u għal magni tat-tiftix online kbar ħafna (VLOSEs) fir-rigward ta’ riskji sistemiċi bħad-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni;

AL. billi d-DSA joħloq obbligi għall-VLOPs u għall-VLOSEs biex iwettqu valutazzjonijiet annwali tar-riskju u jieħdu miżuri ħalli jimmitigaw ir-riskji li jirriżultaw mit-tfassil u mill-użu tas-servizzi tagħhom; billi xi dispożizzjonijiet tad-DSA għandhom jiġu estiżi għal pjattaformi iżgħar, li fuqhom id-diżinformazzjoni tibqa’ tkompli tinfirex mingħajr xkiel;

AM. billi d-DSA jikklassifika d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-elezzjoni bħala riskji sistemiċi;

AN. billi l-algoritmi mfassla biex ikunu ta’ benefiċċju għall-mudelli ta’ negozju tal-pjattaformi għandhom rwol kruċjali fl-amplifikazzjoni ta’ narrattivi foloz u qarrieqa, u joħolqu bżieżaq ta’ filtri li jillimitaw jew ifixklu l-informazzjoni disponibbli għall-utenti individwali; billi l-pjattaformi għadhom ma għamlux biżżejjed biex jiġġieldu dan; billi l-iżvilupp, l-ittestjar u l-funzjonament tal-algoritmi għadhom nieqsa mit-trasparenza;

AO. billi l-pjattaformi tal-media soċjali jintużaw bħala għodod, pereżempju, biex ixerrdu l-propaganda Russa li tfittex li tiġġustifika l-invażjoni tal-Ukrajna minn Vladimir Putin, u biex irawmu movimenti politiċi antidemokratiċi fil-Balkani; billi l-IA, permezz tal-użu malizzjuż ta’ mudelli lingwistiċi kbar (LLM), bħal ChatGPT, qed issir għodda dejjem aktar importanti użata biex tinxtered il-propaganda u d-diżinformazzjoni, iżda se tkun kruċjali wkoll biex jiġu skoperti u miġġielda b’mod aktar effettiv in-narrattivi manipulati; billi hemm bżonn li jiġu żviluppati teknoloġiji diġitali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

AP. billi l-Kummissjoni stabbiliet Ċentru Ewropew għat-Trasparenza Algoritmika, li huwa parti miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, u huwa magħmul prinċipalment minn inġiniera u xjenzati fil-qasam tad-data ddedikati għall-istudju tal-algoritmi;

AQ. billi l-koordinaturi tas-servizzi diġitali, li huma awtoritajiet indipendenti maħtura minn kull Stat Membru, għandhom rwol u funzjoni importanti u huma responsabbli għas-superviżjoni u l-infurzar tad-DSA fl-Istati Membri;

AR. billi hemm riskju ta’ dipendenza ekonomika, iżda wkoll spjunaġġ u sabotaġġ, filwaqt li kumpaniji barranin jiksbu influwenza fuq l-infrastruttura kritika tal-UE; billi l-kumpaniji Ċiniżi tat-tbaħħir kisbu maġġoranza jew interessi mdaqqsa f’aktar minn 20 port Ewropew, pereżempju ċ-China Merchants Group fi Franza u COSCO fil-portijiet ta’ Piraeus, Antwerp, Bilbao, Genoa, Hamburg, Rotterdam, Valencia u Zeebrugge; billi r-rapport INGE 1 appella għal qafas regolatorju u ta’ infurzar aktar b’saħħtu biex jiġi żgurat l-investiment dirett barrani (IDB), filwaqt li jiġi mblukkat l-effett detrimentali fuq is-sigurtà tal-UE;

AS. billi l-atturi barranin, b’mod predominanti ċ-Ċina u r-Russja, iżda wkoll l-Iran, qed jippruvaw b’mod attiv jinfiltraw l-infrastruttura u l-ktajjen tal-provvista kritiċi Ewropej biex jisirqu l-informazzjoni u/jew l-għarfien permezz ta’ spjunaġġ, sabiex jiksbu vantaġġ kompetittiv jew billi jwettqu sabotaġġ ta’ partijiet minn dawn l-infrastrutturi ħalli jxekklu l-funzjonament tagħhom; billi l-istess imġiba malinna tmur flimkien ma’ proġetti ekonomiċi u ta’ infrastruttura f’pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE; billi theddida dejjem akbar għaċ-ċittadini Ewropej tinsab ukoll fil-possibbiltà ta’ spjunaġġ u ġbir ta’ informazzjoni permezz ta’ apparat domestiku ta’ kuljum;

AT. billi d-dipendenza tal-UE mir-Russja għall-enerġija ħolqot diffikultajiet enormi għas-sigurtà tal-enerġija tagħha wara li r-Russja bdiet il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna; billi proġetti ta’ “kapital korrużiv” minn atturi barranin fl-Istati Membri, bħall-impjant tal-enerġija nukleari Paks fl-Ungerija, jirriskjaw li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet politiċi; billi minkejja l-okkupazzjoni u l-annessjoni illegali mir-Russja ta’ partijiet tal-Ukrajna fl-2014, ħafna pajjiżi tal-UE żiedu d-dipendenza tagħhom mill-gass mir-Russja; billi xi wħud minn dawn il-pajjiżi dan l-aħħar naqqsu d-dipendenza tagħhom għal kważi 0 %;

AU. billi l-programmi ta’ investiment għall-introduzzjoni tal-5G bħas-CEF2 Digital, kif ukoll il-Programm 6G tal-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti, jistgħu jappoġġjaw is-sovranità teknoloġika u jnaqqsu d-dipendenzi mill-fornituri barranin f’dan il-qasam billi jibnu infrastruttura sigura tal-5G kif ukoll kapaċitajiet teknoloġiċi 6G; billi l-iżvilupp ta’ infrastruttura teknoloġika kritika għall-ekonomija Ewropea għandu jkun riżervat għall-manifatturi u l-iżviluppaturi Ewropej jew għal dawk minn pajjiżi li jaħsbuha bl-istess mod;

AV. billi l-awtoritajiet nazzjonali ta’ xi Stati Membri saħħew l-approċċ tagħhom fil-ġlieda kontra t-theddid barrani għall-infrastruttura kritika, bħall-ispjunaġġ u s-sabotaġġ;

AW. billi d-diżinformazzjoni u manipulazzjoni oħra tal-informazzjoni jxekklu d-dibattitu pubbliku dwar l-elezzjonijiet u proċessi demokratiċi oħra u jistgħu jipprevjenu liċ-ċittadini milli jagħmlu għażliet infurmati jew jiskoraġġuhom totalment milli jipparteċipaw fil-ħajja politika; billi d-diżinformazzjoni fil-kampanji politiċi hija theddida diretta għall-kompetizzjoni politika demokratika ġusta; billi dawn il-kwistjonijiet jippreżentaw sfida għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2024;

AX. billi lejliet l-elezzjonijiet Ewropej tal-2024 hija mistennija żieda fl-indħil u fl-attività ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni; billi l-elezzjonijiet Ewropej huma fundamentali għall-funzjonament tal-proċessi demokratiċi tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jippromwovu l-istabbiltà u l-leġittimità tagħha; billi għalhekk l-integrità demokratika tal-Unjoni trid tiġi difiża, inkluż billi jiġi pprevenut it-tixrid tad-diżinformazzjoni u l-influwenza barranija bla bżonn fuq l-elezzjonijiet Ewropej; billi l-proposta dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku tista’ tagħti kontribut billi tistabbilixxi projbizzjoni fuq l-isponsors tar-reklamar politiku li ġejjin minn pajjiżi mhux tal-UE;

AY. billi l-elezzjonijiet ħielsa u ġusti huma l-pedament tal-pajjiżi demokratiċi, u huma meħtieġa proċessi elettorali indipendenti u trasparenti biex jitrawmu ambjent elettorali kompetittiv u l-fiduċja taċ-ċittadini fl-integrità elettorali; billi l-integrità sistemika tal-proċessi elettorali hija stabbilita wkoll fl-oqfsa legali u istituzzjonali li jirregolaw kif jitwettqu l-elezzjonijiet, inklużi l-korpi ta’ ġestjoni elettorali; billi l-kwalità u s-saħħa ta’ dawn l-oqfsa u l-istituzzjonijiet demokratiċi huma essenzjali għall-integrità elettorali ta’ kwalunkwe pajjiż; billi l-pjattaformi soċjali online huma strumenti dejjem aktar importanti fit-teħid tad-deċiżjonijiet elettorali;

AZ. billi l-indħil fil-proċessi elettorali jista’ jseħħ b’modi differenti, kemm diretti kif ukoll indiretti, bħal, fost l-oħrajn, operazzjonijiet frodulenti bil-voti, l-imblukkar ta’ daħliet għal postijiet tal-votazzjoni jew l-isfurzar fiżiku biex wieħed jivvota, id-distribuzzjoni ta’ informazzjoni distorta dwar il-kandidati, il-manipulazzjoni tad-dati tal-elezzjoni jew bidliet fihom, u kampanji ta’ diżinformazzjoni fuq il-media soċjali;

BA. billi r-reġimi awtoritarji saru aktar effettivi fl-adozzjoni jew fl-evitar ta’ normi u istituzzjonijiet li jappoġġjaw il-libertajiet bażiċi, u fil-provvista ta’ għajnuna lil oħrajn li jixtiequ jagħmlu l-istess; billi dawn ir-reġimi żiedu u sfruttaw il-polarizzazzjoni, permezz ta’ proxies f’pajjiżi terzi u fl-UE, u ppruvaw ifixklu l-politika nazzjonali biex jippromwovu l-mibegħda, il-vjolenza u s-setgħa bla rażan; billi l-indħil barrani fil-proċessi elettorali spiss ma jkollux biss l-għan li jinfluwenza r-riżultati elettorali speċifiċi iżda li jdgħajjef jew jeqred il-fiduċja fit-tul taċ-ċittadini fil-leġittimità tal-istituzzjonijiet demokratiċi tagħhom kif ukoll il-proċessi demokratiċi tagħhom;

BB. billi l-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-integrità tal-elezzjonijiet Ewropej;

BC. billi n-network Ewropew ta’ kooperazzjoni dwar l-elezzjonijiet għandu rwol kruċjali biex tiġi żgurata l-integrità tal-elezzjonijiet fl-Unjoni Ewropea; billi dan in-network ġie stabbilit mis-servizzi tal-Kummissjoni mas-servizzi rilevanti tal-Istati Membri;

BD. billi l-finanzjament barra l-UE ta’ attivitajiet u persuni politiċi fl-Unjoni Ewropea qabel u wara l-24 ta’ Frar 2022, b’mod partikolari mir-Russja, għadu qed jiġi żvelat mill-ġurnalisti u l-esperti, ipoġġi f’riskju l-integrità tal-funzjonament demokratiku tal-Istati Membri tal-UE u jirrikjedi investigazzjoni bir-reqqa biex dawk il-kompliċi jinżammu responsabbli; billi El País żvelat l-involviment tal-Kunsill Nazzjonali tar-Reżistenza tal-Iran fil-finanzjament ta’ movimenti politiċi tal-lemin estrem fl-UE; billi r-Russja u l-Iran, flimkien ma’ pajjiżi oħra bħall-Venezwela, għandhom għan komuni li jdgħajfu l-istati demokratiċi;

BE. billi l-leġiżlaturi bħalissa qed jinnegozjaw il-proposta dwar ir-reklamar politiku li għandha l-għan li tikkomplementa d-DSA, tindirizza il-frammentazzjoni dannuża li teżisti bħalissa f’dan il-qasam u tgħin biex issaħħaħ id-demokraziji tagħna fl-Ewropa u l-proċessi demokratiċi tagħna, tippermetti liċ-ċittadini jieħdu deċiżjoni edukata matul elezzjoni jew referendum permezz ta’ proċess miftuħ u tipproteġi liċ-ċittadini tal-UE minn diżinformazzjoni, aħbarijiet foloz, tekniki ta’ reklamar politiku mhux ċari u ndħil barrani b’mod ġenerali; billi l-leġiżlaturi għandhom jilħqu ftehim dwar il-proposta mill-aktar fis possibbli sabiex jiżguraw li r-regoli l-ġodda jkunu stabbiliti qabel l-elezzjonijiet Ewropej fl-2024;

BF. billi fl-ewwel nofs tal-2021 biss, l-ammont ta’ attakki ċibernetiċi rreġistrati li saru fuq l-istituzzjonijiet tal-UE kien l-istess daqs l-ammont ta’ attakki ċibernetiċi li saru matul is-sena 2020 kollha[14]; billi l-każijiet ta’ attakki fuq l-istituzzjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali żdiedu wara l-aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna, kif muri minn attakk ċibernetiku li laqat lill-Parlament Ewropew matul is-sessjoni plenarja ta’ Novembru 2022, li għalaq is-sit web wara votazzjoni dwar riżoluzzjoni biex ir-Russja tiġi ddikjarata bħala stat sponsor tat-terroriżmu;

BG. billi l-UE żiedet b’mod sinifikanti l-isforzi u l-investimenti tagħha fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà, inkluż permezz tal-programmi tal-UE Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali; billi għad hemm ħtieġa ta’ ċibersigurtà aktar effiċjenti appoġġjata mill-finanzjament rilevanti; billi infrastruttura taċ-ċibersigurtà b’saħħitha tista’ tnaqqas l-ispejjeż tal-inċidenti ċibernetiċi; billi l-valutazzjoni tal-impatt tal-att propost dwar ir-reżiljenza ċibernetika tistma li l-inizjattiva tista’ twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż minn inċidenti li jaffettwaw lin-negozji ta’ madwar EUR 180 sa 290 biljun[15]; billi l-Kummissjoni damet biex tieħu miżuri b’reazzjoni għall-hacking taċ-ċittadini tal-UE fl-Unjoni Ewropea bi spyware minn pajjiżi terzi, inklużi figuri prominenti bħal kapijiet ta’ stat jew kummissarji; billi bħalissa ma hemm l-ebda pjan ta’ azzjoni stabbilit biex jipprevjeni l-hacking taċ-ċittadini tal-UE ġo fiha minn persuni li joperaw barra mill-UE;

BH. billi l-Kunsill dan l-aħħar adotta d-Direttiva NIS2 biex jiżgura livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni; billi d-Direttiva NIS2 stabbiliet in-Network tal-UE ta’ Organizzazzjoni ta’ Kollegament f’każ ta’ Ċiberkriżijiet (CyCLONe tal-UE), li se jsaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi tal-informazzjoni; billi livell xieraq ta’ ċibersigurtà jista’ jinkiseb biss permezz tal-kooperazzjoni ta’ diversi atturi mis-setturi pubbliċi u privati; billi l-UE għadha qed tiffaċċja dipendenzi kbar fil-qasam taċ-ċibersigurtà;

BI. billi d-difiża ċibernetika tal-Ukrajna tirrikjedi l-azzjoni u l-kooperazzjoni tas-sħab kollha; billi l-korporazzjonijiet tal-IT tal-Punent ipprovdew assistenza lill-Ukrajna fl-identifikazzjoni tal-vulnerabbiltajiet fl-infrastruttura tagħha; billi hemm nuqqas ta’ kapaċitajiet tekniċi fl-UE biex jiġu identifikati vulnerabbiltajiet fl-infrastruttura kritika tagħha; billi l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ sħab fil-mira, bħall-Istati Uniti, ir-Renju Unit, l-Ukrajna u t-Tajwan, huma kruċjali għat-titjib tal-kapaċità tal-UE li tattribwixxi attakki;

BJ. billi l-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti ġiet stabbilita fl-2021 biex tippermetti lill-atturi Ewropej isawru l-istandards globali tas-6G; billi l-kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri rigward l-implimentazzjoni tas-sett ta’ għodod ċibernetiċi 5G għadha għaddejja fil-qafas tal-grupp ta’ kooperazzjoni tan-Networks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni (NIS); billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri kkonkludiet li minn meta ġie adottat is-sett ta’ għodod 5G, sar progress fit-tisħiħ tas-sigurtà tan-networks 5G bil-maġġoranza tal-Istati Membri japplikaw jew fil-proċess li japplikaw restrizzjonijiet fuq il-bejjiegħa b’riskju għoli, iżda li l-ebda waħda mill-miżuri mressqa mhija legalment vinkolanti, li jfisser li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda setgħa li tinforzahom;

BK. billi kien hemm każijiet ta’ pajjiżi terzi li jittrasportaw migranti u persuni li jfittxu l-ażil lejn il-fruntiera esterna tal-UE bħala parti mill-istrateġiji ibridi tagħhom ta’ ndħil barrani biex jisfidaw lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, bħal fil-ħarifa tal-2021 mill-Belarussja kontra l-Polonja, il-Litwanja u l-Latvja; billi dawn it-tentattivi ta’ ndħil ibridu jieħdu wkoll il-forma ta’ tixrid ta’ diżinformazzjoni billi jippolarizzaw is-soċjetajiet tal-UE u jimminaw il-valuri u d-drittijiet fundamentali Ewropej;

BL. billi l-migranti, il-minoranzi u d-dijaspora spiss jintużaw minn atturi barranin, li jorganizzaw kampanji ta’ diżinformazzjoni biex jisfruttaw u jamplifikaw preġudizzji negattivi dwar il-migrazzjoni biex jinbnew tensjonijiet fi ħdan is-soċjetajiet Ewropej, bħal meta d-dijaspora Ukrena tkun il-vittma ta’ kampanji ta’ diżinformazzjoni Russi mmirati; billi l-pjattaformi għandhom rwol ewlieni fit-tixrid ta’ tali informazzjoni;

BM. billi l-Ewropa qed tara għadd dejjem akbar ta’ movimenti kontra l-ġeneru, immirati speċifikament lejn is-saħħa sesswali u riproduttiva, id-drittijiet tan-nisa u l-persuni LGBTIQ+; billi tali movimenti jipproliferaw id-diżinformazzjoni sabiex ireġġgħu lura l-progress fid-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi dawn il-movimenti ġew irrapportati li jirċievu miljuni ta’ euro f’finanzjament barrani, kemm pubbliku kif ukoll privat, inkluż mir-Russja u mill-Istati Uniti;

BN. billi din l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti u tal-minoranzi fil-fruntieri esterni tal-UE tenfasizza l-importanza li jkun hemm sistema effettiva u integrata ta’ ġestjoni tal-fruntieri u li jiġu applikati miżuri operazzjonali, finanzjarji u diplomatiċi biex jibqgħu reżiljenti;

BO. billi l-Parlament jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li se tippermetti lill-Istati Membri jaġixxu b’mod aktar effettiv u kkoordinat;

BP. billi l-kampanji Russi ta’ diżinformazzjoni u ta’ propaganda jinfluwenzaw ukoll l-opinjoni indiretta li tifforma fl-Ewropa billi jiffukaw fuq id-dijaspora li titkellem bir-Russu fl-Ewropa u fil-pajjiżi ġirien; billi l-Istati Membri għandu jkollhom rwol ewlieni fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ sorsi tal-aħbarijiet ibbażati fuq il-fatti għall-gruppi tal-popolazzjoni li jitkellmu bir-Russu, sabiex tiġi miġġielda n-narrattiva favur il-Kremlin; billi l-kampanji Russi ta’ diżinformazzjoni u ta’ propaganda huma mifruxa wkoll f’diversi pajjiżi post-Sovjetiċi, inkluż fl-Asja Ċentrali;

BQ. billi l-uffiċċju tal-prosekutur federali Belġjan fetaħ investigazzjoni dwar suspetti ta’ ħasil tal-flus, korruzzjoni u parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali li toriġina minn pajjiżi terzi; billi mid-9 ta’ Diċembru 2022 ’il quddiem saru diversi arresti u perkwiżizzjonijiet fi Brussell, li affettwaw kemm Membri attwali u preċedenti tal-Parlament Ewropew, kif ukoll il-persunal; billi dawn l-allegazzjonijiet jeħtieġ li jiġu segwiti minn miżuri effettivi mill-Parlament u mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jingħalqu l-lakuni għall-indħil barrani, kif ukoll biex jiżdiedu t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont sabiex tiġi protetta l-integrità tal-istituzzjonijiet;

BR. billi l-fiduċja fl-integrità tal-Parlament u fl-istat tad-dritt hija tal-akbar importanza għall-funzjonament tad-demokrazija Ewropea; billi huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-proċessi demokratiċi ma jinħatfux minn interessi privati u esterni u li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu rispettati bis-sħiħ; billi l-kapaċità tar-rappreżentanti tal-interessi u tal-gruppi li jinfluwenzaw il-proċess deċiżjonali fil-Parlament bis-saħħa ta’ argumenti hija element essenzjali tad-demokrazija Ewropea;

BS. billi r-rapport INGE I diġà enfasizza li hemm nuqqas serju ta’ regoli legalment vinkolanti rigward il-lobbjar u l-infurzar tar-reġistru tal-lobbjar ta’ interessi tal-UE, u li l-politiċi Ewropej u l-ħaddiema taċ-ċivil ta’ livell għoli preċedenti spiss jiġu impjegati jew maħtura b’co-option minn kumpaniji nazzjonali jew privati kkontrollati mill-Istat; billi dan jagħmilha prattikament impossibbli li jiġi rintraċċat il-lobbjar li ġej minn barra l-UE;

BT. billi l-qbid tal-eliti minn interessi barranin, iffaċilitat min-nuqqas ta’ restrizzjoni ta’ “revolving doors” bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-pajjiżi awtokratiċi b’riskju għoli ta’ ndħil dannuż kontra l-interessi demokratiċi tal-Unjoni, ikompli jirrappreżenta forma sinifikanti ta’ ndħil barrani fil-funzjonament demokratiku tal-Unjoni Ewropea u jista’ jitqies bħala kwistjoni relatata mal-korruzzjoni;

BU. billi ċ-Ċina u r-Russja imponew sanzjonijiet fuq ir-riċerkaturi u l-istituzzjonijiet tar-riċerka Ewropej minħabba l-kitbiet jew il-fehmiet tagħhom;

BV. billi hemm bżonn ta’ aktar ċarezza dwar l-influwenza barranija permezz ta’ rappreżentanti ta’ interess fil-livell tal-UE, speċjalment f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), konsulenzi, fondazzjonijiet, gruppi ta’ riflessjoni u kumpaniji privati; billi dan ma għandux jipprevjeni l-attivitajiet normali ta’ sensibilizzazzjoni tal-ambaxxati; billi l-għadd ta’ persunal tal-ambaxxati Russi qed jonqos madwar l-Ewropa, filwaqt li qed ikompli jiżdied f’Budapest, u dan juri li l-Ungerija hija suxxettibbli għall-attivitajiet tal-intelligence Russi;

BW. billi l-lobbjar f’isem l-interessi barranin, speċjalment meta jikkonċerna kumpaniji f’setturi strateġiċi u l-gvernijiet tagħhom, jista’ jiftaħ il-bieb għal indħil barrani fl-istituzzjonijiet tagħna; billi r-Reġistru tat-Trasparenza ssaħħaħ b’mod sinifikanti wara ftehim interistituzzjonali; billi t-tisħiħ tar-rekwiżiti ta’ trasparenza għall-OSĊ, il-konsulenzi, il-fondazzjonijiet, il-gruppi ta’ riflessjoni u l-kumpaniji privati jista’ jaqdi l-għan li jidentifika l-indħil barrani;

BX. billi kien hemm diversi każijiet ta’ intimidazzjoni u kampanji ta’ fastidju ostili kontra l-Membri tal-Parlament Ewropew organizzati u kkoordinati minn pajjiżi barranin; billi pajjiżi bħar-Russja, iċ-Ċina u l-Iran daħħlu projbizzjonijiet fuq id-dħul u sanzjonijiet fuq Membri u korpi individwali tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti tal-Istati Membri, minħabba l-kritika tagħhom għall-politiki rispettivi dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-gvernijiet;

BY. billi xi stati awtoritarji qed jakkużaw b’mod falz liċ-ċittadini Ewropej li wettqu reati jew offiżi u qed iżommuhom fil-ħabs sabiex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-Istati Membri tal-UE; billi ċ-ċittadini bħalissa qed jinżammu u jiġu kkundannati fl-Iran mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni, inkluż iċ-ċittadin Belġjan Olivier Vandecasteele, iċ-ċittadin Żvediż Ahmadreza Djalali u seba’ ċittadini Franċiżi;

BZ. billi f’Marzu 2022, l-UE imponiet sanzjonijiet fuq l-organizzazzjonijiet tal-propaganda Russa, Russia Today (RT) u Sputnik, u ssospendiet temporanjament l-attività tax-xandir tagħhom, kif ukoll ordnat lill-fornituri tal-aċċess għall-internet u lill-magni tat-tiftix jimblukkaw l-aċċess u lill-magni tat-tiftix biex ineħħu l-indiċi tal-kontenut tagħhom; billi mill-adozzjoni tad-disa’ pakkett ta’ sanzjonijiet, operaturi satellitari bħal Eutelsat ta’ Franza u SES tal-Lussemburgu waqfu milli jipprovdu servizzi tax-xandir fl-UE lil RT u lil Sputnik; billi Eutelsat 36B għadu jxandar programmi mill-pjattaformi Russi Trikolor u NTV plus fit-territorji Ukreni okkupati mir-Russja; billi SES baqa’ jxandar RT News fl-Indja, fil-Messiku u fl-Afrika t’Isfel; billi operaturi nazzjonali oħra tas-satellita bħal Hellas Sat u Hispasat, kif ukoll il-kanali nazzjonali Ungeriżi, għadhom ixandru kanali televiżivi sanzjonati; billi RT France u RT News għadhom disponibbli online; billi l-propaganda Russa spiss tiġi amplifikata minn diversi strumenti tal-media internazzjonali b’firxa wiesgħa ħafna f’ċerti reġjuni tad-dinja;

CA. billi f’kontradizzjoni ċara mas-sanzjonijiet imposti mill-UE, is-Serbja, pajjiż kandidat tal-UE, saret post ta’ kenn sikur għal xi kumpaniji Russi li qed ifittxu jevitaw jew li jegħlbu s-sanzjonijiet imposti mill-UE, peress li minn Lulju 2022, Belgrad beda jospita diversi uffiċċji ta’ RT (li qabel kienet Russia Today), li nediet is-servizz tal-aħbarijiet online tagħha fis-Serbja;

CB. billi l-kriminalizzazzjoni tal-indħil barrani għandha timmira u tistigmatizza din l-imġiba malinna; billi bħalissa ma hemm l-ebda projbizzjoni ġenerali fuq l-indħil barrani fl-UE, li jfisser li l-awturi jistgħu jinvolvu ruħhom fih mingħajr biża li jeħlu ta’ għemilhom, sakemm l-imġiba tagħhom ma tirriżultax f’reat eżistenti; billi skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE, abbażi tal-iżviluppi fil-kriminalità, il-Kunsill jista’ jadotta deċiżjoni li tidentifika oqsma oħra ta’ kriminalità partikolarment serja b’dimensjoni transfruntiera; billi hemm il-ħtieġa li jiġu imposti sanzjonijiet u li jitqiegħdu restrizzjonijiet fuq l-awturi ta’ ndħil barrani biex dawn ma jitħallewx jieħdu azzjonijiet futuri;

CC. billi l-Kummissjoni pproponiet li tarmonizza r-reati kriminali u l-pieni għall-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE; billi għadd ta’ Stati Membri kkunsidraw li jestendu l-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew sabiex ikopru dan il-ksur;

CD.  billi l-UE diġà żviluppat diversi biċċiet importanti ta’ leġiżlazzjoni biex tiġġieled il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin (FIMI) bi skopijiet malinni; billi hemm il-periklu li l-oqfsa regolatorji tal-UE għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni jistgħu jiġu kkupjati u jistgħu jintużaw b’mod selettiv minn pajjiżi (awtoritarji) oħra għat-trażżin tal-libertà tal-media u tal-libertà tal-espressjoni; billi evalwazzjoni tal-effettività u l-impatt tal-istrumenti eżistenti fuq it-tisħiħ tar-reżiljenza tas-soċjetà ma saritx kif suppost fil-livell tal-UE; billi evalwazzjoni bħal din tkompli ttejjeb l-orjentazzjoni tal-politiki u l-għodod futuri biex jiġu indirizzati l-indħil barrani u t-theddid ibridu;

CE. billi, wara t-tkabbir ekonomiku u l-espansjoni politika tagħha fix-xena globali, iċ-Ċina qed tipprova timmassimizza t-tixrid tal-propaganda tagħha barra mill-pajjiż, ixxerred narrattivi pożittivi rigward il-pajjiż filwaqt li fl-istess ħin tipprova trażżan ilħna kritiċi; billi ċ-Ċina qed tieħu kontroll tal-kanali tradizzjonali kollha ta’ informazzjoni tal-media fl-Afrika, li għadhom l-aktar għodod użati tal-kontinent biex tiġi aċċessata l-informazzjoni; billi r-Russja qed tespandi wkoll l-operazzjonijiet ta’ diżinformazzjoni tagħha fl-Afrika; billi l-Grupp Wagner huwa involut direttament f’dawk l-operazzjonijiet; billi dawk l-operazzjonijiet jistgħu jipperikolaw is-sikurezza taċ-ċittadini Ewropej u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni mal-Istati sħab Afrikani;

CF. billi l-UE qed tieħu rwol ewlieni fil-ħidma tal-Kumitat ad hoc tan-NU dwar iċ-Ċiberkriminalità, taħt it-tielet Kumitat tan-NU, bil-għan li tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u proċedurali tal-persuni suspettati;

CG. billi s-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-perikli tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil f’pajjiżi oħra fid-dinja żdiedet mill-pandemija tal-COVID-19; billi n-NU pproponew diversi inizjattivi biex tissaħħaħ il-governanza fl-isfera diġitali u tinħoloq aktar koerenza fost l-istati membri tan-NU, bħall-“Kodiċi ta’ Kondotta Globali għall-promozzjoni tal-integrità tal-informazzjoni pubblika” u l-Patt Diġitali Globali;

CH. billi f’diskussjonijiet mal-Kumitat Speċjali ING2, rappreżentant ta’ xi pjattaformi u partijiet ikkonċernati oħra rreaġixxew b’mod pożittiv għall-istabbiliment ta’ standards globali, u b’mod partikolari standards Ewropej u, meta possibbli, tranżatlantiċi, fil-ġlieda kontra l-FIMI;

CI. billi l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) / tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) ta’ suċċess huma fost l-aħjar kampanji ta’ komunikazzjoni strateġika mill-UE f’pajjiżi mhux tal-UE;

CJ. billi l-Kunsill approva l-Forum Strateġiku f’Marzu 2022; billi l-Kumpass Strateġiku jiddeskrivi li sal-2024, il-missjonijiet u l-operazzjonijiet kollha tal-PSDK/PESK għandhom ikunu mgħammra b’għodod u riżorsi ta’ komunikazzjoni strateġiċi suffiċjenti biex jiġġieldu l-FIMI; billi huwa meħtieġ proċess ta’ modernizzazzjoni u professjonalizzazzjoni fil-komunikazzjoni tal-missjonijiet, inkluż inizjattivi ta’ appoġġ għall-ġlieda kontra l-vulnerabbiltajiet minħabba diżinformazzjoni; billi t-Task Force tal-Komunikazzjoni Strateġika tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (StratCom) żiedet il-kooperazzjoni tagħha mal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK biex tgħinhom jidentifikaw, janalizzaw u jifhmu l-kampanji tal-FIMI;

Strateġija kkoordinata tal-UE kontra l-indħil barrani

1. Jissottolinja li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna uriet ir-rabtiet bejn it-tentattivi ta’ manipulazzjoni barranija tal-informazzjoni u t-theddid għall-UE u l-viċinat immedjat tagħha, il-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, kif ukoll għas-sigurtà u l-istabbiltà globali; jinnota li l-gwerra fuq skala sħiħa tar-Russja fl-Ukrajna għamlet l-effetti tal-indħil tar-Russja fil-proċessi demokratiċi, li beda ħafna qabel l-invażjoni u huwa bbażata fuq ir-reviżjoniżmu storiku, saħansitra aktar ovvji;

2. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE sabiex jiġu limitati l-opportunitajiet għal indħil permezz tad-dipendenza tal-UE f’setturi strateġiċi bħall-enerġija, it-teknoloġija diġitali u s-saħħa; jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Kunsill u ta’ istituzzjonijiet oħra f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ REPowerEU u tal-Aġenda Diġitali tal-UE;

3. Jieħu nota tas-segwitu tal-Kummissjoni għall-ewwel rakkomandazzjonijiet adottati mill-Parlament fid-9 ta’ Marzu 2022; itenni, madankollu, l-appell tiegħu għal strateġija kkoordinata tal-UE biex jiġi indirizzat l-indħil barrani, filwaqt li jitqiesu kemm il-kumplessità kif ukoll in-natura multidimensjonali tat-theddid, abbażi ta’ analiżi ġeopolitika artikulata u multipolari; iqis li din l-istrateġija tas-soċjetà kollha għandha tinkludi miżuri biex jiġu infurzati aħjar id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-indħil barrani, jinħoloq punt fokali għall-investigazzjoni u r-reazzjonijiet strateġiċi biex jiġi miġġieled l-indħil barrani, u jiġi żgurat il-finanzjament għal attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni u jinżammu l-proċessi demokratiċi; jemmen li din l-istrateġija għandha tiġbor flimkien u toħloq sinerġiji bejn l-isforzi iżolati, l-istrateġiji, il-pjanijiet ta’ azzjoni, il-pjanijiet direzzjonali u l-proġetti sottostanti u l-flussi ta’ finanzjament; jemmen li għandha tistabbilixxi l-għanijiet strateġiċi, il-mandati meħtieġa u l-kapaċitajiet operazzjonali, bħall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar it-theddid u l-attribuzzjoni teknika, l-għodod leġiżlattivi u diplomatiċi, bħal leġiżlazzjoni ġdida, normi, għodod, attribuzzjoni politika, sanzjonijiet, u kontromiżuri oħra, kif ukoll rekwiżiti għall-bini tal-kapaċitajiet, bħall-finanzjament addizzjonali tal-aġenziji tal-UE u l-OSĊ li jikkontribwixxu għal dawn l-isforzi b’indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex jiġi żgurat li jinkisbu skala u firxa suffiċjenti tar-riżultati;

4. Jilqa’ f’dan ir-rigward it-tħabbira mill-President tal-Kummissjoni ta’ pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija; ifakkar fid-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li tqis bir-reqqa r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat INGE u ING2 li jiġi żviluppat Pakkett robust dwar id-Difiża tad-Demokrazija flimkien ma’ leġiżlazzjoni biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu fl-UE;

5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri kollha meħuda biex l-UE tiġi protetta mill-indħil barrani u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni jeħtieġ li jinkludu salvagwardji b’saħħithom u determinati għad-drittijiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-opinjoni;

6. Huwa tal-fehma li l-isforzi biex wieħed jgħaddi minn approċċ anjostiku għall-pajjiż li jittratta l-isforzi kollha tal-influwenza barranija bl-istess mod, irrispettivament mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, għal approċċ ibbażat fuq ir-riskju bbażat fuq kriterji oġġettivi għandhom jingħataw kunsiderazzjoni bir-reqqa, b’mod simili għad-Direttiva 2015/8499[16], u t-tagħlimiet meħuda minn pajjiżi oħra; jemmen li l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju jiffunzjona bħala wieħed mill-elementi kostitwenti ta’ approċċ f’livelli li jinforma l-politiki u l-kontromiżuri kontra l-indħil barrani, ineħħi l-kumplessità legali bla bżonn, u juża l-kapaċitajiet u r-riżorsi limitati, mil-livell operazzjonali sa dak ta’ politika, b’mod aktar effiċjenti billi jqis il-fattur stess li huwa l-aktar importanti fl-evalwazzjoni u fir-rispons għall-influwenza barranija, jiġifieri l-pajjiż sors tiegħu; jemmen ukoll li dan l-approċċ għandu jinkludi sett ċar ta’ sanzjonijiet potenzjali, u għalhekk jiffunzjona bħala forma ta’ deterrent għat-trasgressuri u bħala ingranaġġ lejn atturi malizzjużi emerġenti li jistgħu jiżdiedu mal-lista; iqis li l-kriterji potenzjali jistgħu jinkludu: (a) l-involviment f’attivitajiet ta’ ndħil barrani, (b) programm ta’ serq ta’ proprjetà intellettwali mmirat kontra l-UE u l-Istati Membri tagħha, (c) leġiżlazzjoni li ġġiegħel lill-atturi nazzjonali mhux statali jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ intelligence, (d) ksur konsistenti tad-drittijiet tal-bniedem, (e) politika reviżjonista lejn l-ordni legali internazzjonali eżistenti, (f) infurzar ta’ ideoloġija awtoritarja b’mod ekstraterritorjali; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jippreżentaw rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-introduzzjoni ta’ dan l-approċċ u jgħadduhom lill-Kunsill lill-Kunsill għall-approvazzjoni;

7. Iqis li l-UE, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, għandha żżid il-komunikazzjoni strateġika tagħha dwar il-ġlieda kontra u l-konfutazzjoni, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni billi tirrapporta b’mod wiesa’ l-operazzjonijiet li għaddejjin hekk kif iseħħu (konfutazzjoni), b’mod partikolari fin-Nofsinhar Globali; jappella għat-tisħiħ u l-investiment ulterjuri fil-kapaċitajiet tal-UE għall-konfutazzjoni minn qabel; ifakkar fl-eżempji stabbiliti mill-Ukrajna u mit-Tajwan fil-konfutazzjoni u fil-konfutazzjoni minn qabel ta’ manipulazzjonijiet ta’ informazzjoni u fil-ħtieġa li wieħed jibni fuq it-tagħlimiet meħuda mill-esperjenza tagħhom; ifakkar bl-istess mod li sabiex il-manipulazzjoni tal-informazzjoni tiġi rrapportata minn qabel jew malajr, jeħtieġ li jkun hemm qafas għall-kondiviżjoni rapida tal-informazzjoni pprovduta mis-soċjetà ċivili u mill-kumpaniji privati;

8. Jappoġġja l-appell pubbliku tal-Viċi President Věra Jourová f’Tallinn f’Jannar 2023[17] biex jiġu estiżi l-kanali ta’ komunikazzjoni indipendenti għall-kelliema Russi; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jsegwu bi proposti u miżuri konkreti skont dan;

9. Jikkundanna l-fenomenu perikoluż tad-diżinformazzjoni bi ħlas, fejn il-fornituri joffru servizzi ta’ diżinformazzjoni lill-atturi governattivi u mhux governattivi, pereżempju fuq id-dark web, li jindika listi ta’ servizzi u prezzijiet; jiddeplora li dan it-tip ta’ servizz intuża biex jipprova jimmina l-proċessi elettorali, fost ħafna użi oħra;

10. Jitlob li tiġi stabbilita struttura tal-UE bil-kompitu li tanalizza d-data statistika, tikkoordina proġetti ta’ riċerka u tipproduċi rapporti biex iżżid l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-kondiviżjoni, l-attribuzzjoni u l-kontromiżuri tal-intelligence dwar it-theddid fir-rigward tal-FIMI, inkluż l-involviment tas-servizz ta’ azzjoni esterna tal-UE, u li sservi bħala punt ta’ referenza u ċentru ta’ għarfien speċjalizzat biex tiffaċilita u trawwem l-iskambju operazzjonali bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, u l-aġenziji tal-UE; iqis li din l-istruttura għandha tiġi ffinanzjata mill-baġit tal-UE u tieħu l-forma ta’ Ċentru għall-Integrità tal-Informazzjoni li jikkollabora mal-istituzzjonijiet kollha tal-UE fl-użu tal-għodod kollha disponibbli biex tiġi evitata d-duplikazzjoni;

11. Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-fatt li l-indħil barrani, inkluża d-diżinformazzjoni, huwa theddida għas-sigurtà nazzjonali u transfruntiera; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri sabiex tali attivitajiet ikunu jistgħu jiġu miġġielda b’mod effettiv; jitlob li l-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiġi emendat biex jinkludi l-indħil barrani;

12. Jitlob lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE jikkunsidraw li jistabbilixxu l-korpi parlamentari tagħhom stess inkarigati mis-sorveljanza tal-azzjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-demokrazija tagħhom mill-indħil barrani u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni, u jistabbilixxu skambji regolari dwar dawn is-suġġetti;13.  Jinnota b’interess il-konklużjoni tal-eżerċizzju konġunt EU Integrated Resolve tal-2022, li kellu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tirrispondi għal kriżi kumplessa u ibrida kemm b’dimensjoni interna kif ukoll b’dimensjoni esterna; jesprimi, madankollu, dispjaċir għall-fatt li l-Parlament ma kienx involut f’dan l-eżerċizzju u jistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jinvolvu lill-Parlament fl-istruttura tal-eżerċizzji kollha ta’ dan it-tip;

14. Jinkoraġġixxi t-tipi kollha ta’ kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-Istituzzjonijiet differenti tal-UE inkarigati mill-attivitajiet operazzjonali dwar il-monitoraġġ u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, bħal dik li teżisti bejn it-task force tal-PE dwar id-Diżinformazzjoni, bħal dik eżistenti bejn it-task force tal-Parlament dwar id-Diżinformazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni u t-taqsima StratCom tas-SEAE bis-Sistema ta’ Twissija Rapida tiegħu; jilqa’ l-involviment tas-SEAE u tal-Kummissjoni mal-Parlament biex jaġġornawh regolarment dwar żviluppi sinifikanti fix-xenarju ta’ theddid tal-FIMI, speċjalment meta dan jikkonċerna l-elezzjonijiet tal-UE; jissuġġerixxi l-istabbiliment ta’ Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Membri tal-Parlament Ewropew u għall-membri tal-parlamenti nazzjonali biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni dwar il-pjattaformi online u tiġi pprevenuta l-kondiviżjoni tad-diżinformazzjoni;

15. Jilqa’ l-faċilitazzjoni mis-SEAE ta’ Ċentru għall-Kondiviżjoni tal-Informazzjoni u l-Analiżi (ISAC) biex jiġu żviluppati metodoloġija u qafas komuni għall-ġbir u l-kondiviżjoni tal-intelligence u l-evidenza sistematiċi dwar it-theddid u fl-aħħar mill-aħħar jiġi pprovdut għarfien aħjar tas-sitwazzjoni; jenfasizza l-progress li sar mis-SEAE dwar qafas analitiku komuni u metodoloġija dwar l-FIMI kif deskritt fl-EDAP u jissottolinja kif, bħala parti mill-ISAC, tali protokoll ta’ sors miftuħ, kollaborattiv u interoperabbli biex jappoġġja l-għarfien tas-sitwazzjoni jista’ jikkontribwixxi għal kollaborazzjoni aktar mill-qrib fost l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi (EUIBAs), l-Istati Membri, il-pjattaformi tal-media soċjali, l-aġenziji tal-aħbarijiet, u l-atturi tas-soċjetà ċivili; jitlob li jiġi allokat biżżejjed finanzjament lejn l-iżvilupp kontinwu, l-involviment tas-soċjetà, u l-bini tal-kapaċitajiet li jikkontribwixxi għall-adozzjoni wiesgħa ta’ dan il-mudell b’firxa u skala sinifikanti madwar l-Unjoni;

16. Jitlob li jkun hemm korp permanenti fil-Parlament Ewropew biex jiżgura approċċ trażversali ħalli jiġi ssorveljat u miġġieled b’mod effettiv l-indħil barrani;

Reżiljenza

17. Jappella għal sforz kollettiv mill-istituzzjonijiet tal-UE, mill-Istati Membri, mill-pajjiżi sħab, mis-soċjetà ċivili, mid-dinja tan-negozju u mill-media indipendenti biex titqajjem kuxjenza soċjali u istituzzjonali u jsir investiment fl-edukazzjoni dwar id-diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil barrani u kif din tiġi miġġielda, b’mod olistiku;

18. Jissottolinja li l-UE jeħtiġilha titgħallem mill-esperjenza u l-għarfien espert tal-Ukrajna, tat-Tajwan u ta’ pajjiżi oħra fil-ġlieda kontra l-indħil u l-aggressjoni barranin u tkompli l-kooperazzjoni mill-qrib ma’ tali pajjiżi f’dan il-qasam; jinnota madankollu l-kuntest differenti li fih jopera t-Tajwan;

19. Jilqa’ l-fatt li l-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali (EDMO), network indipendenti għal dawk li jivverifikaw il-fatti, għar-riċerkaturi akkademiċi u għal partijiet ikkonċernati oħra, dalwaqt se jkollu ċentri li jkopru l-Istati Membri kollha tal-UE, u b’hekk isaħħaħ il-missjoni tiegħu fl-identifikazzjoni u fl-analiżi ta’ kampanji ta’ diżinformazzjoni, miżinformazzjoni u kontenut ieħor maħluq minn pajjiżi terzi b’intenzjoni propagandistika ċara, u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ litteriżmu fil-media u attivitajiet oħra li jappoġġjaw il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa potenzjali ta’ qafas legali fl-UE jew fl-Istati Membri biex tiġi żgurata verifika tal-fatti ta’ kwalità;

20. Itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex jinkludu l-litteriżmu fil-media u dak diġitali, l-edukazzjoni ċivika, l-istorja Ewropea komuni, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, il-ħsieb kritiku u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni pubblika fil-kurrikuli tal-iskejjel u tal-universitajiet, b’mod parallel mal-isforzi ġenerali biex titqajjem sensibilizzazzjoni fost l-adulti, inklużi l-anzjani, u l-isforzi biex jitnaqqsu d-distakki diġitali bbażati fuq l-età, il-ġeneru u l-istatus soċjoekonomiku; jappella għal strateġija miftiehma tal-UE dwar il-litteriżmu fil-media bi proġetti li joħolqu riżultati tanġibbli bi skala sinifikanti li jilħqu l-Unjoni kollha; jinkoraġġixxi l-kondiviżjoni tal-Linji Gwida tal-UE għal-Litteriżmu fil-Media mal-pajjiżi kandidati, tradotti f’lingwi nazzjonali, biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni u jiġi promoss il-litteriżmu diġitali permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ; jitlob lill-Istati Membri, f’dan ir-rigward, jikkunsidraw l-iżvilupp u d-distribuzzjoni, fi ħdan l-istituzzjonijiet edukattivi, ta’ materjali edukattivi mmirati lejn kategoriji ta’ età differenti li minnhom it-tfal u ż-żgħażagħ jistgħu jitgħallmu kif jinfurmaw lilhom infushom kif suppost u kif jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tal-informazzjoni; jappella għall-ħolqien ta’ osservatorju tal-influwenzi barranin u l-impatt tagħhom fuq l-edukazzjoni għolja u r-riċerka;

21. Jenfasizza l-importanza tat-tifkira storika u tar-riċerka dwar ir-reġimi totalitarji, bħal dwar ir-reġim Sovjetiku, u dibattitu pubbliku trasparenti u bbażat fuq il-fatti dwar ir-reati ta’ reġimi bħal dawn sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-soċjetajiet tagħna kontra d-distorsjonijiet u l-manipulazzjonijiet tal-istorja; itenni l-importanza tal-OSĊ, bħal Memorial, li jaħdmu fil-qasam tat-tifkira tal-istorja, b’mod partikolari fir-rigward tal-istorja Ewropea reċenti, li hija l-mira ta’ diżinformazzjoni u ta’ reviżjoniżmu sistematiċi mir-Russja fl-isforzi tagħha biex tiġġustifika l-indħil u l-aggressjoni kontinwi tagħha;

22. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa Pakkett effettiv dwar id-Difiża tad-Demokrazija, filwaqt li tqis l-esperjenza unika tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u l-proposti finali, inklużi l-inizjattivi biex tissaħħaħ id-demokrazija tagħna minn ġewwa, billi titrawwem kultura ċivika ta’ involviment demokratiku u parteċipazzjoni attiva miċ-ċittadini f’kull ħin, inkluż barra mill-perjodu elettorali;

23. Jissottolinja l-ħtieġa li l-amministrazzjonijiet pubbliċi, fil-livelli kollha, ikollhom taħriġ speċifiku dwar l-identifikazzjoni u l-ġlieda kontra l-atti ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ndħil u jenfasizza li dan it-taħriġ għandu jkun sensittiv għall-ġeneru; itenni l-appell lill-EUIBAs u lill-awtoritajiet nazzjonali biex ikomplu u jsaħħu azzjonijiet simili ta’ taħriġ u għarfien tas-sitwazzjoni kurrenti peress li t-theddid ibridu huwa persistenti u mifrux u dejjem aktar immirat biex jinfluwenza l-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden lill-EUIBAs jistabbilixxu taħriġ interistituzzjonali biex jippromwovu r-reżiljenza ġenerali tal-EUIBAs b’mod ġenerali;

24. Jistieden lill-EUIBAs u lill-awtoritajiet nazzjonali jadottaw qafas ta’ komunikazzjoni dedikat li jkun fih miżuri biex jiġu identifikati malajr l-indħil barrani u tentattivi biex tiġi mmanipulata l-isfera tal-informazzjoni sabiex jiġu pprevenuti u miġġielda tali tentattivi; jilqa’ r-rwol tas-SEAE, ta’ StratCom CoE u ta’ Hybrid CoE tan-NATO bħala sħab importanti fl-iżvilupp ta’ aktar għarfien tas-sitwazzjoni u ta’ risponsi addizzjonali għall-ġlieda kontra l-FIMI;

25. Itenni l-appell tiegħu lis-SEAE biex jibni l-għarfien espert tiegħu dwar il-komunikazzjoni strateġika u d-diplomazija pubblika, li tirrikjedi mandat imsaħħaħ u l-allokazzjoni ta’ aktar riżorsi lid-diviżjoni tal-Komunikazzjoni Strateġika tiegħu u għall-gruppi ta’ ħidma tiegħu, b’mod partikolari, billi jsegwi approċċ ibbażat fuq ir-riskju u billi titqies l-aggressjoni mir-Russja li għaddejja bħalissa kontra l-Ukrajna u l-gwerra ibrida u l-propaganda li ġejjin kemm minn atturi statali kif ukoll minn atturi mhux statali Russi, kif ukoll l-impatt ta’ dik il-gwerra ibrida fuq il-pajjiżi kandidati tal-UE fil-Balkani tal-Punent, u fuq il-Moldova u pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant; jisħaq li d-djalogu maċ-ċittadini huwa indispensabbli sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-prijoritajiet tal-politika barranija u ta’ sigurtà tal-UE; jirrikonoxxi u jfaħħar il-ħidma fuq is-sit web u l-bażi tad-data EUvsDisinfo, u jappella għal aktar espansjoni ta’ din il-pjattaforma b’finanzjament xieraq;

26. Jinnota l-ħtieġa urġenti li jiżdiedu l-isforzi biex jiġu miġġielda l-kampanji malinni tal-FIMI li għandhom l-għan li jillimitaw il-kapaċitajiet tal-pajjiżi kandidati u tal-kandidati potenzjali tal-UE li jallinjaw progressivament mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) tal-UE; jilqa’ l-kontribut tas-SEAE fl-appoġġ tal-kapaċità istituzzjonali u t-trasparenza tas-sjieda tal-media, speċifikament fil-Balkani tal-Punent, filwaqt li jqis is-sitwazzjoni fraġli tas-sigurtà u r-riskju ta’ effetti konsegwenzjali; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi miġġielda b’mod proattiv il-propaganda tal-atturi bi skopijiet malinni fir-reġjun, li għandha l-għan li ddgħajjef l-interessi u l-valuri tal-UE;

27. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ għall-isforzi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-FIMI, peress li wrew li huma effettivi fis-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji assoċjati mal-informazzjoni u d-diżinformazzjoni trażmessi permezz tal-media soċjali, b’mod partikolari, u wrew ukoll li huma effettivi fil-każ tal-media tradizzjonali, peress li ħafna OSĊ joperaw fil-livell lokali, u għalhekk huma eqreb lejn il-miri tad-diżinformazzjoni u jafu aħjar kif jikkomunikaw magħhom; jemmen li l-kumpaniji tat-teknoloġija u tal-media għandhom jikkollaboraw mal-OSĊ, li jistgħu jipprovdu għarfien espert dwar kuntesti politiċi u kulturali, sabiex ifasslu strateġiji ħalli jimmitigaw ir-riskji ta’ ndħil fil-proċessi elettorali;

28. Jitlob li jkun hemm disponibbli finanzjament suffiċjenti u sostenibbli, b’mod ċar u trasparenti, għall-ġurnalisti investigattivi u għall-OSĊ li jkun proporzjonat mal-isforzi tagħhom biex iqajmu kuxjenza, jesponu l-isforzi biex jinterferixxu fil-proċessi demokratiċi u jinnewtralizzaw l-impatt tagħhom;

29. Jitlob l-allokazzjoni, it-tisħiħ u l-ingranaġġ ta’ sorsi pubbliċi għall-OSĊ rilevanti, kif ukoll għal sforzi biex jiżdied il-finanzjament privat bħall-iffaċilitar ta’ konferenza tad-donaturi; jitlob li titnieda inizjattiva konġunta li tiġbor flimkien il-fondi u l-programmi tal-UE, inkluż il-pakkett li jmiss dwar id-Difiża tad-Demokrazija, flimkien ma’ organizzazzjonijiet finanzjarji, donaturi bilaterali u benefiċjarji, sabiex jissaħħu l-armonizzazzjoni u l-kooperazzjoni fl-investimenti għar-reżiljenza demokratika u l-ġlieda kontra l-FIMI, u li dan il-qafas ta’ investiment għandu jipprovdi għotjiet imfassla apposta, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti u mmonitorjati għal verifikaturi tal-fatti indipendenti, ġurnalisti investigattivi, akkademiċi, gruppi ta’ riflessjoni u OSĊ involuti fiż-żieda tal-għarfien tas-sitwazzjoni (bħar-riċerka, l-investigazzjoni, u l-identifikazzjoni tal-oriġini tal-manipulazzjoni u l-indħil tal-informazzjoni, l-iżvilupp tal-kooperazzjoni fil-qasam kif ukoll l-iżvilupp u l-operazzjonalizzazzjoni tal-metodoloġiji tal-ISAC u l-għodod b’sors miftuħ biex tiġi indirizzata l-isfida tal-FIMI) u jinkludu miżuri għall-promozzjoni tal-litteriżmu fil-media, dak diġitali u tal-informazzjoni, kif ukoll attivitajiet oħra ta’ bini tar-reżiljenza u appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta’ sejħiet għal proposti annwali jew biannwali għal proposti li jkopru finanzjament pluriennali fit-tul;

30. Jenfasizza li huwa essenzjali li l-informaturi, il-ġurnalisti u professjonisti oħra tal-media jkunu garantiti l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jikkontribwixxu għal dibattitu pubbliku miftuħ, liberu, imparzjali u ġust, li huwa vitali għad-demokrazija u aspett ewlieni biex jgħin lis-soċjetà tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil; jenfasizza l-ħtieġa ta’ tagħmir sigur u kriptaġġ qawwi, b’sors miftuħ, minn tarf sa tarf biex jiġu protetti l-kunfidenzjalità u l-integrità tal-komunikazzjonijiet bejn il-ġurnalisti u s-sorsi tagħhom;

31. Jilqa’ l-proposta kontra l-SLAPP[18], li tikkonsisti fi proposta għal Direttiva u rakkomandazzjoni, biex tittejjeb il-protezzjoni tal-ġurnalisti, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-OSĊ minn proċedimenti abbużivi tal-qorti; jilqa’ wkoll l-analiżi li wettqet il-Kummissjoni fir-Rapport tagħha dwar l-Istat tad-Dritt tal-2022 dwar it-theddid eżistenti kontra s-sikurezza tal-ġurnalisti fl-UE u t-theddid legali u l-proċedimenti abbużivi tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika; jenfasizza ż-żieda fis-sorveljanza ta’ spyware tal-ġurnalisti u tal-OSĊ fl-UE bħala mezz biex jiġu intimidati u ffastidjati; jisħaq fuq il-ħtieġa li din id-dimensjoni tiġi inkluża fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt;

32. Ifakkar li servizzi tal-media indipendenti, pluralistiċi u ta’ kwalità huma antidotu b’saħħtu għall-FIMI; ifakkar f’dak ir-rigward fil-Journalism Trust Initiative, stabbilita minn Reporters mingħajr fruntieri, li għandha l-għan li tistabbilixxi standards industrijali; itenni l-appell tiegħu għal programm permanenti tal-media tal-aħbarijiet u tar-rivisti tal-UE; iqis li l-libertà u l-pluraliżmu tal-media jridu jiġu protetti u promossi wkoll fl-ambjent online, b’mod partikolari fir-rigward tad-disponibbiltà ta’ kontenut awdjoviżiv fuq pjattaformi online;

33. Jinnota l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni tinvolvi wkoll gazzetti u stazzjonijiet tal-aħbarijiet tradizzjonali; jitlob b’mod partikolari li l-istazzjonijiet tal-aħbarijiet ikunu aktar trasparenti dwar il-profil tal-esperti li jistiednu fuq is-settijiet tagħhom;

34. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media[19] (EMFA) bl-għan li jiġi stabbilit qafas komuni fil-livell tal-UE biex jiggarantixxi l-pluraliżmu u l-indipendenza fis-suq intern għas-servizzi tal-media billi jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi kontra l-indħil politiku fid-deċiżjonijiet editorjali u kontra s-sorveljanza, kif ukoll jiżgura finanzjament adegwat tal-istrumenti tal-media tas-servizz pubbliku, it-trasparenza tas-sjieda tal-media, u l-protezzjoni tal-kontenut tal-media online; iħeġġeġ li jiġu stabbiliti wkoll miżuri għall-protezzjoni tal-media u tal-ħaddiema tagħha, speċjalment meta jkunu mmirati minn setgħat barranin li jfittxu li jimminaw id-dritt għall-informazzjoni; jissottolinja li d-dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza b’mod partikolari għadhom jirrikjedu titjib sostanzjali biex jiġi żgurat li ma jilleġittimizzawx l-użu ta’ spyware kontra individwi, b’mod partikolari l-ġurnalisti, u b’hekk jimminaw id-drittijiet fundamentali minflok ma jsaħħuħhom;

35. Jilqa’ l-ħolqien propost, fil-qafas tal-proposta tal-EMFA, ta’ Bord Ewropew ġdid għas-Servizzi tal-Media li jlaqqa’ flimkien l-awtoritajiet nazzjonali tal-media, li għandu jkollu rwol sinifikanti fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, inklużi l-indħil barrani u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni; jinnota, b’mod partikolari, li wieħed mill-kompiti proposti tal-bord huwa l-koordinazzjoni ta’ miżuri nazzjonali dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media minn fornituri stabbiliti barra mill-UE li jimmiraw lejn udjenzi fl-UE u li jistgħu jippreżentaw riskju għas-sigurtà pubblika; jirrakkomanda li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant jiġu inklużi fil-mandat tal-bord f’dan ir-rigward; iħeġġeġ li l-Bord Ewropew għas-Servizzi tal-Media jeħtieġlu jkun indipendenti mill-Kummissjoni u mill-gvernijiet tal-Istati Membri, kemm f’termini ta’ organizzazzjoni kif ukoll ta’ finanzjament tiegħu, sabiex ikun jista’ jaħdem b’mod oġġettiv u politikament indipendenti;

36. Jilqa’, b’rabta mal-EMFA, il-proposti għall-monitoraġġ indipendenti tas-suq intern għas-servizzi tal-media, li jinkludu data dettaljata u analiżi kwalitattiva tar-reżiljenza tas-swieq tal-media tal-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji tal-FIMI; jilqa’ l-proposta li jiġi organizzat djalogu strutturat bejn il-pjattaformi u s-settur tal-media biex tiġi mmonitorjata l-konformità tal-pjattaformi ma’ inizjattivi awtoregolatorji; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-EMFA jew kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra attwali jew futura dwar il-media jew it-teknoloġija ma tinkludix eżenzjonijiet speċjali minn regoli orizzontali dwar il-moderazzjoni tal-kontenut li jagħtu karta bajda lil dawk li jxerrdu diżinformazzjoni;

37. Jappella għall-istabbiliment ta’ “klawżoli mera” fejn il-ftuħ tal-ispazju Ewropew tal-informazzjoni għal pajjiżi terzi jkun proporzjonat mal-aċċess tal-media Ewropea f’dawn il-pajjiżi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa sistema regolatorja madwar l-UE biex tipprevjeni lill-kumpaniji tal-media li huma taħt il-kontroll editorjali ta’ gvernijiet barranin jew li huma proprjetà ta’ pajjiżi barranin b’riskju għoli milli jakkwistaw kumpaniji tal-media Ewropej; dan għandu japplika b’mod predominanti għal pajjiżi mhux demokratiċi jew ta’ riskju għoli li fihom l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-media ma jitħallewx joperaw liberament, jew huma taħt pressjoni li jċaqilqu l-kopertura tagħhom favur il-gvernijiet nazzjonali; dawn l-isforzi għandhom ikunu bbażati fuq bażi ta’ data komuni biex jiġu ffaċilitati l-prevenzjoni u/jew il-prosekuzzjoni armonizzati madwar l-Unjoni Ewropea; jissuġġerixxi li sistema regolatorja bħal din tista’ tkun ibbażata fuq mekkaniżmi eżistenti ta’ skrinjar tal-IDB biex jiġu pprevenuti d-duplikazzjonijiet; jinkoraġġixxi l-inklużjoni fl-EMFA tad-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza tas-sjieda tal-media li bħalissa jinsabu fir-rakkomandazzjonijiet;

38. Jissottolinja li ż-żieda fiċ-ċaħda tat-tibdil fil-klima tista’ tkun marbuta ma’ tħaddin usa’ tat-teoriji ta’ komplott fid-diskors pubbliku li huwa bbażat fuq il-ħolqien deliberat ta’ kontrorealtà u r-rifjut tax-xjenza, u li jinkludi ideat foloz dwar kollox mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna għall-vaċċini kontra l-COVID-19; jenfasizza r-rwol tal-atturi barranin fit-tixrid tad-diżinformazzjoni dwar it-tibdil fil-klima u l-politika tal-UE dwar il-klima, li qed jimmina l-appoġġ pubbliku u qed jintuża wkoll fin-narrattivi tal-atturi domestiċi li jisfruttaw id-diżinformazzjoni dwar il-klima għall-finijiet politiċi tagħhom stess;

39. Jappoġġja l-appell magħmula minn esperti ewlenin dwar il-klima fis-27 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 27) biex il-kumpaniji tat-teknoloġija jindirizzaw il-problema dejjem tikber tad-diżinformazzjoni, u b’mod partikolari biex jaċċettaw definizzjoni universali ta’ miżinformazzjoni u diżinformazzjoni dwar il-klima li tinkludi r-rappreżentazzjoni ħażina tal-evidenza xjentifika u l-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet foloz, jimpenjaw ruħhom għall-għan li ma jippubblikaw l-ebda reklamar li jinkludi l-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni dwar il-klima u l-greenwashing, u jikkondividu r-riċerka interna dwar it-tixrid tal-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni dwar il-klima u l-greenwashing fuq il-pjattaformi tagħhom;

40. Jistieden lill-pjattaformi jieħdu miżuri biex itejbu t-trasparenza u jipprevjenu u jipprojbixxu t-tqegħid ta’ reklamar li jippromwovi ċ-ċaħda tat-tibdil fil-klima u japplikawhom għat-teoriji ta’ komplott u għad-diżinformazzjoni; jirrikonoxxi li hemm ħtieġa urġenti li jiġi demonetizzat it-tixrid tal-ekonomija tad-diżinformazzjoni marbuta mat-tibdil fil-klima;

41. Jinnota bi tħassib li ħafna mill-aktar amplifikaturi bi trazzjoni għolja taċ-ċaħda tat-tibdil fil-klima u l-attakki fuq l-azzjoni klimatika għandhom status “verifikat” fuq diversi pjattaformi tal-media soċjali, inkluż Twitter, li jippermettilhom ixerrdu l-miżinformazzjoni u diżinformazzjoni taħt dan l-istatus privileġġat lil miljuni ta’ segwaċi u li tali amplifikaturi spiss ikunu bbażati barra mill-Unjoni Ewropea; jistieden lil Twitter jimplimenta kontrolli aktar stretti meta jbigħ il-marki “blue check” tiegħu;

Indħil permezz ta’ pjattaformi online

42. Ifakkar li l-mudell ta’ negozju tal-pjattaformi online għadu jibbaża fuq ir-reklamar ibbażat fuq data personali u algoritmi mhux trasparenti fejn aktar involviment jissarraf f’aktar dħul mir-reklamar, u li dan l-involviment jiġi ġġenerat minn algoritmi li jippremjaw opinjonijiet polarizzati u estremi għad-detriment ta’ informazzjoni bbażata fuq il-fatti u b’hekk joħolqu riskji sinifikanti ta’ manipulazzjoni tad-data; jisħaq li r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data[20] (GDPR), id-DSA, il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni u r-Regolament li ġej dwar it-Trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku joħolqu salvagwardji addizzjonali kontra tali prattiki abbużivi u manipulattivi; ifakkar fl-appoġġ għall-miżuri kollha għall-projbizzjoni tal-mikroimmirar għar-reklamar politiku, b’mod partikolari iżda mhux limitat għal dawk ibbażati fuq data personali sensittiva;

43. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-kumpaniji tat-teknoloġija jaħdmu flimkien u jinvestu aktar riżorsi fl-iżvilupp ta’ rimedji regolatorji u teknoloġiċi għad-diżinformazzjoni li taħdem bl-IA;

44. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li pjattaformi akbar, bħal Meta, Google, YouTube, TikTok jew Twitter, għadhom mhumiex qed jagħmlu biżżejjed biex jiġġieldu b’mod attiv id-diżinformazzjoni, u saħansitra qed jagħtu s-sensja lill-persunal minkejja talbiet kostanti mir-regolaturi, mis-soċjetà ċivili u anke internament mill-persunal tal-kumpaniji responsabbli għall-integrità; ifakkar li l-pjattaformi jeħtiġilhom ikollhom biżżejjed persunal biex jiżguraw aġġornamenti regolari għall-għodod ta’ moderazzjoni sabiex jiġi pprevenut kontenut dannuż li jevita l-politika ta’ moderazzjoni tagħhom; ifakkar li l-kampanji ta’ diżinformazzjoni u ta’ ndħil jibbażaw ħafna fuq il-koordinazzjoni bejn il-pjattaformi ta’ diżinformazzjoni u ta’ mikroimmirar; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-UE tiddependi minn kumpaniji mhux tal-UE biex tgħin fil-preżervazzjoni tal-integrità tal-elezzjonijiet Ewropej; hekk kif l-approċċ awtoregolatorju tal-CoP ma kienx biżżejjed, iħeġġeġ lill-pjattaformi kollha, inklużi dawk iżgħar, iżidu l-koordinazzjoni tagħhom biex jidentifikaw aħjar il-kampanji u jipprevjenu t-tixrid tagħhom;

45. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-kumpaniji tal-media soċjali mhumiex qed jirrispettaw ir-responsabbiltajiet tagħhom u qed juru ineffiċjenti fl-identifikazzjoni ta’ miżinformazzjoni u diżinformazzjoni dwar il-pjattaformi tagħhom u qed jeħduha bil-mod biex ineħħuha meta jagħmlu dan; jilmenta li din l-inattività mill-pjattaformi online hija espressjoni ta’ nuqqas ta’ regoli vinkolanti fil-qafas regolatorju Ewropew; ifakkar li l-mudell ta’ negozju tal-pjattaformi jimplika li għandhom aċċess għad-data rilevanti; jesprimi dispjaċir għall-fatt li spiss jaġixxu biss meta ċ-ċittadini, ir-riċerkaturi jew il-media jindikaw kontenut speċifiku; jitlob lill-pjattaformi biex jagħtu prijorità lill-informazzjoni bbażata fuq il-fatti li ġejja minn sorsi affidabbli;

46. Jistieden lill-pjattaformi jallokaw persunal, riżorsi u kapaċità aktar kwalifikati biex jimmonitorjaw u jimmoderaw il-kontenut u l-imġiba dannużi fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, fil-lingwi lokali u fid-djaletti, u jħeġġeġ lill-pjattaformi biex iżidu l-finanzjament u jtejbu l-integrazzjoni ta’ uffiċjali akkreditati ta’ partijiet terzi li jikkontrollaw il-fatti fil-lingwi kollha tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jiġi indirizzat il-kontenut dannuż;

47. Jinnota li huwa wkoll ta’ dispjaċir kbir li l-pjattaformi teknoloġiċi l-kbar ma joffrux servizz lill-klijenti bejn bniedem u ieħor fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE;

48. Jiddenunzja l-passi lura ta’ Twitter fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni mill-bidla fis-sjieda tiegħu; jiddeplora, b’mod partikolari, il-fatt li Twitter naqqas b’mod sinifikanti n-numru ta’ persunal responsabbli għat-tfixkil tad-diżinformazzjoni, inkluż dak responsabbli għall-moderazzjoni tal-kontenut globali, id-diskors ta’ mibegħda u l-fastidju online; jiddeplora l-introduzzjoni mill-ġdid reċenti ta’ kontijiet sospiżi mingħajr valutazzjoni xierqa u b’mod partikolari l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontijiet vjolenti tal-lemin u pubblikament faxxisti, inklużi dawk li jiċħdu l-eżitu tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-Istati Uniti fl-2020; jirrifjuta bil-qawwa d-deċiżjoni ta’ Twitter li tieqaf tinforza l-politika tagħha kontra d-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19;

49. Jinnota li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna enfasizzat in-nuqqas ta’ punti ta’ kuntatt għall-awtoritajiet biex jirrapportaw diżinformazzjoni u kontenut illegali; jiddeplora li l-ġestjoni ta’ Meta spiss ittrasferiet ir-responsabbiltà għall-moderazzjoni tal-kontenut lit-tim tas-sigurtà bbażat fl-Istati Uniti; huwa mħasseb mill-fatt li hemm biss żewġ rappreżentanti ta’ Meta fil-pajjiżi Baltiċi, li jfisser li ma hemmx biżżejjed riżorsi biex jiġi mmoderat il-kontenut, li jwassal għal żbalji bħall-projbizzjoni ta’ kontijiet leġittimi;

50. Iqis li huwa inkwetanti li l-gruppi ta’ diżinformazzjoni dwar is-saħħa, estremisti politiċi u fundamentalisti reliġjużi bħat-Talibani setgħu jiksbu status “verifikat” b’marka ta’ verifika billi jissottoskrivu għal “Twitter Blue”; jistieden lil Twitter jemenda l-politika tiegħu sabiex jipprevjeni l-impersonazzjoni, il-falsifikazzjoni jew l-asserzjonijiet qarrieqa ta’ għarfien espert;

51. Ifakkar li Twitter huwa firmatarju tal-Kodiċi ta’ Prattika msaħħaħ dwar id-Diżinformazzjoni, u li bidla fis-sjieda ma għandux ikollha impatt fuq l-impenji tal-pjattaforma skont il-Kodiċi; ifakkar lil Twitter li l-kumpanija jeħtiġilha tirrispetta r-regolamenti rilevanti kollha tal-Unjoni Ewropea, inkluż id-DSA; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiżguraw li Twitter jirrispetta l-istandards u r-regoli tal-UE u japplikaw sanzjonijiet xierqa jekk il-kumpaniji tat-teknoloġija jonqsu milli jikkonformaw mal-istandards tal-UE;

52. Jistieden lill-pjattaformi jiffaċilitaw l-aċċess sħiħ, b’mod partikolari għar-riċerkaturi, għad-data li tirfed is-sejbiet u jżommu repożitorju tal-affarijiet li jkunu tneħħew biex jgħinu lir-riċerkaturi f’investigazzjonijiet futuri, kif ukoll biex jgħinu lil kumpaniji oħra tat-teknoloġija, lill-gvernijiet demokratiċi u lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jieħdu azzjoni xierqa; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dan iseħħ fil-qafas tad-DSA u tal-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni u tirrikjedi li l-pjattaformi jispjegaw għaliex qiesu li mhuwiex teknikament fattibbli li jiġi pprovdut aċċess għad-data;

53. Jilqa’ d-dispożizzjonijiet tad-DSA li jirrikjedu li l-VLOPs u l-VLOSEs jipprovdu informazzjoni dwar l-algoritmi, li jirrikjeduhom jispjegaw kif jaħdmu sabiex ikun possibbli li jiġi vvalutat l-impatt tagħhom fuq l-elezzjonijiet u proċessi demokratiċi oħra, u li jieħdu l-miżuri meħtieġa ta’ mitigazzjoni tar-riskju; jistieden lill-firmatarji tal-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni biex jirrispettaw bis-sħiħ l-impenji tagħhom; jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta’ impenji vinkolanti għall-firmatarji tal-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni; jappella għall-adozzjoni rapida tal-CoP bħala kodiċi ta’ kondotta fl-ambitu tad-DSA, inklużi awditi li jivvalutaw il-konformità kif stabbilit fl-Artikolu 28, u li l-Kummissjoni tikkunsidra liema proposti jew aġġornamenti leġiżlattivi ġodda huma meħtieġa biex timtela l-lakuna fil-konformità, kif ukoll tipprevedi l-possibbiltà ta’ sospensjoni temporanja jew permanenti ta’ pjattaformi li sistematikament jonqsu milli jikkonformaw mal-impenji tagħhom fl-ambitu tal-CoP;

54. Huwa mħasseb li xi atturi li s-servizzi tagħhom jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-tixrid tad-diżinformazzjoni mhumiex firmatarji tal-CoP, bħal Apple, Amazon, Odysee, Patreon, GoFundMe, u Telegram; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati rilevanti li fadal biex jiffirmaw u jikkonformaw bis-sħiħ mal-CoP u jieħdu sehem fit-task force tagħha; jitlob li jiġi stabbilit qafas legali sabiex jiġi żgurat livell minimu ta’ impenji għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni dwar dawn is-servizzi; huwa mħasseb dwar il-fatt li Telegram ma tikkoopera xejn ma’ dawk li jfasslu l-politika f’pajjiżi demokratiċi u ma kinitx lesta li taħdem mal-OSĊ;

55. Jilqa’ l-fatt li l-atturi kollha fl-ekosistema tar-reklamar online huma impenjati li jikkontrollaw u jillimitaw it-tqegħid ta’ reklamar fuq kontijiet u siti web li jxerrdu d-diżinformazzjoni jew iqiegħdu r-reklamar maġenb kontenut ta’ diżinformazzjoni, kif ukoll li jillimitaw it-tixrid ta’ reklamar li fih diżinformazzjoni, u li dan l-impenn jestendi wkoll għar-reklamar politiku; jenfasizza, madankollu, li għad ma hemmx biżżejjed data biex jiġi kkonfermat jekk il-miżuri meħuda humiex qed iġibu r-riżultati; jesprimi dispjaċir li dan il-mudell ta’ negozju u l-algoritmi ta’ rakkomandazzjoni li jirfduh jibqgħu faċilitaturi kruċjali tat-tixrid tad-diżinformazzjoni u tal-kontenut falz, qarrieqi u inċendjarju; huwa mħasseb dwar ir-rieda tal-pjattaformi li jużaw il-pretest tal-“għoti ta’ setgħa” lill-utenti bħala mod kif ir-responsabbiltà tiġi ttrasferita għal-limitazzjoni tat-tqegħid ta’ reklamar fuq kontijiet u siti web li jxerrdu d-diżinformazzjoni fuqhom; billi din ir-responsabbiltà għandha taqa’ fuq il-pjattaformi, peress li għandhom id-data u l-għarfien rilevanti, sakemm l-azzjonijiet tagħhom jibqgħu trasparenti u d-data tkun disponibbli għar-riċerkaturi; huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ trasparenza fis-suq tal-għodod għall-protezzjoni tal-marka li jindirizzaw ir-riskji relatati mal-immaġni, peress li dawn l-għodod spiss jibbażaw fuq algoritmi li nstabu li jikkategorizzaw ħażin il-mezzi tal-aħbarijiet leġittimi u affidabbli;

56. Huwa mħasseb dwar l-użu ta’ filmati maħluqa bl-użu ta’ logħob tal-kompjuter biex tinxtered id-diżinformazzjoni dwar l-invażjoni Russa tal-Ukrajna u kunflitti armati oħra; jistieden lill-istrumenti tal-media jkunu aktar viġilanti dwar kontenut bħal dan u jiżviluppaw mezzi effettivi għat-tneħħija tiegħu mill-pjattaformi tagħhom; huwa mħasseb li l-kumpaniji tal-logħob tal-vidjo u online bbażati fir-Russja, inklużi dawk li jipproduċu logħob tal-mobile, għadhom qed joperaw liberament fis-swieq Ewropej u jistgħu jintużaw biex ixerrdu diżinformazzjoni u propaganda;

 

57. Jappella għall-adozzjoni rapida tal-CoP kontra d-diżinformazzjoni bħala Kodiċi ta’ Kondotta (KtK) fl-ambitu tal-mekkaniżmu koregolatorju tad-DSA, filwaqt li jitqies li s-suċċess tagħha se jiddependi minn infurzar strett fil-każ ta’ firmatarji bi prestazzjoni batuta permezz ta’ awditi obbligatorji skont l-Artikolu 28 tad-DSA; jappella għall-armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi differenti ta’ appell mill-utenti u l-impenji dwar il-moderazzjoni żejda kif ukoll il-moderazzjoni insuffiċjenti;

58. Ifakkar li l-awtoritajiet tal-Istat għandhom kontijiet fuq il-pjattaformi tal-media soċjali inklużi kontijiet użati għall-finijiet ta’ kontroll u għall-monitoraġġ tax-xejriet ta’ diżinformazzjoni; jinnota li, sakemm dawn il-kontijiet ma jinvolvux ruħhom f’interazzjonijiet ma’ utenti oħra, dawn għandhom jiġu identifikati bħala sikuri u ma għandhomx jitneħħew mill-pjattaformi;

59. Jitlob lill-individwi u lill-entitajiet ġuridiċi biex ikunu jistgħu jfittxu lill-pjattaformi għal nuqqas ta’ azzjoni meta ma jitneħħewx l-miżinformazzjoni jew id-diżinformazzjoni, b’mod partikolari meta jkunu fil-mira tagħha;

60. Jappoġġja l-istabbiliment ta’ aġenziji indipendenti ta’ klassifikazzjoni tal-pjattaformi biex jinfurmaw lill-pubbliku dwar il-prattiki tal-pjattaformi sabiex in-nies ikunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata meta jirreġistraw biex jużawhom;

Infrastruttura kritika u setturi strateġiċi

61. Jilqa’ d-Direttiva CER maqbula reċentement, ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex tissaħħaħ l-infrastruttura kritika, u d-Direttiva NIS2; jilqa’ l-espansjoni tagħha biex tkopri l-infrastruttura kritika fil-qasam tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ikel; jemmen li l-attakki reċenti, bħas-sabotaġġ ta’ infrastruttura kritika u ż-żieda fl-attakki ċibernetiċi juru l-ħtieġa li tiġi evalwata l-leġiżlazzjoni eżistenti ladarba tiġi implimentata fl-Istati Membri u jistieden lill-Kummissjoni tressaq, jekk ikun meħtieġ, proposti msaħħa addizzjonali, li għandhom jinkludu l-bini tar-reżiljenza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu biex jiġġieldu l-indħil barrani u d-diżinformazzjoni; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri kollha jaġġornaw malajr l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għas-sigurtà u jwettqu testijiet tal-istress fuq l-infrastruttura kritika tagħhom biex jidentifikaw punti dgħajfa; itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu biex tiġi estiża l-lista ta’ entitajiet kritiċi ħalli tinkludi l-infrastruttura diġitali elettorali u s-sistemi edukattivi;

62. Huwa mħasseb dwar id-dipendenza tal-UE minn atturi barranin u teknoloġiji barranin fl-infrastrutturi kritiċi u fil-ktajjen tal-provvista; jirrimarka l-vulnerabbiltajiet li ħoloq l-IDB li qed jintużaw bħala għodda ġeopolitika; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa leġiżlazzjoni vinkolanti ambizzjuża dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista tal-ICT li tinkludi fatturi ta’ riskju mhux tekniċi, b’segwitu għall-proposta tal-Kunsill, u qafas regolatorju aktar b’saħħtu għar-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-IDB[21]; jemmen li l-qafas regolatorju aktar b’saħħtu b’linji gwida għal aktar armonizzazzjoni tal-prattiki nazzjonali ta’ skrinjar tal-IDB għandu jinkludi l-prevenzjoni tal-akkwist ta’ kumpaniji kritiċi f’setturi vitali jew kumpaniji tal-media minn partijiet barranin li huma taħt il-kontroll dirett jew indirett ta’ pajjiżi b’riskju għoli u li ż-żieda ta’ investiment ’il barra għandha titqies għall-inklużjoni taħt l-ambitu tal-istrument; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu reġistri tat-trasparenza tas-sjieda; jemmen li l-Kummissjoni, soġġetta għas-superviżjoni mill-Kunsill, għandha tkun tista’ timblokka l-IDB li jista’ jkun ta’ detriment jew li jmur kontra l-proġetti u l-programmi tal-UE jew interessi oħra tal-UE; jissottolinja li fil-Balkani tal-Punent, l-investimenti ta’ dan it-tip jistgħu jdaħħlu lill-pajjiżi f’nases tad-dejn, u dan ikompli jiddestabilizza r-reġjun;

63. Jinnota li minkejja dawn il-mekkaniżmi ta’ skrinjar tal-FDI, kumpaniji Ċiniżi bħal Nuctech ingħataw kuntratti f’infrastruttura kritika Ewropea, li wasslu għal riskji marbuta mas-sigurtà; jistieden għalhekk lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jeskludu l-użu ta’ tagħmir u software minn manifatturi bbażati f’pajjiżi b’riskju għoli, b’mod partikolari ċ-Ċina u r-Russja, bħal TikTok, ByteDance Huawei, ZTE, Kaspersky, NtechLab jew Nuctech; jistieden lis-setturi vitali u lil setturi sensittivi oħra jeskludu l-użu ta’ hardware u ta’ software minn pajjiżi b’riskju għoli li jistgħu jintużaw biex jheddu l-kunfidenzjalità, l-integrità u d-disponibbiltà tad-data u tas-servizzi; ifakkar li kwalunkwe software li jopera f’ċirkwit magħluq jibqa’ vulnerabbli meta jsiru kontrolli ta’ rutina jew meta jiġi aġġornat; iqis li l-applikazzjoni TikTok, proprjetà tal-konglomerat Ċiniż ByteDance, tikser il-qafas Ewropew għall-privatezza tad-data, u dan jagħmilha riskju potenzjali u sors ta’ diżinformazzjoni sostnut miċ-Ċina; jilqa’ d-deċiżjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE li jirrestrinġu l-użu ta’ TikTok fuq apparat korporattiv; jirrakkomanda l-projbizzjoni ta’ TikTok fil-livelli kollha tal-gvern nazzjonali u fl-istituzzjonijiet tal-UE;

64. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti u żviluppati alleanzi teknoloġiċi ma’ sħab demokratiċi biex tingħata spinta lill-awtonomija strateġika u titnaqqas id-dipendenza tal-UE minn atturi barranin b’riskju għoli u t-teknoloġiji tagħhom kif ukoll biex jissaħħu l-kapaċitajiet industrijali tal-UE f’oqsma teknoloġiċi ewlenin, bħall-intelliġenza artifiċjali, is-semikondutturi, il-cloud u teknoloġiji avvanzati oħrajn;

65. Huwa mħasseb dwar il-vulnerabbiltajiet u ż-żieda fl-attakki fuq kejbils u pipelines taħt il-baħar, li jindikaw b’mod partikolari s-sabotaġġ tal-pipeline tal-gass tan-Nord Stream f’Settembru 2022; jemmen li l-IDB f’kejbils u f’pipelines taħt il-baħar joħloq riskju addizzjonali għas-sigurtà; jilqa’ l-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea (EMSA) u jitlob lill-Kummissjoni taġġorna lill-Parlament dwar il-progress biex jittejbu l-fehim u r-reżiljenza tal-protezzjoni tal-infrastruttura taħt il-baħar, jittejbu l-koordinazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, jitmexxew ’il quddiem il-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ flimkien mal-industrija, jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ rispons, u biex din il-kwistjoni tiġi inkorporata fl-aspetti kollha tal-azzjoni esterna;

 

66. Huwa mħasseb dwar ir-rivelazzjonijiet ta’ kif l-eliti politiċi fl-Istati Membri tal-UE, pereżempju fil-Ġermanja, mexxew ’il quddiem l-aġenda ta’ Gazprom u esprimew appoġġ kostanti għall-provvisti tal-gass mir-Russja; jinnota bi tħassib l-impatt tal-isforzi ta’ lobbjar minn stati barranin u minn atturi korporattivi b’interess fil-produzzjoni u fl-użu kontinwi tal-fjuwils fossili fl-UE fuq il-proċessi tat-tfassil tal-politika; ifakkar f’dan ir-rigward is-sejbiet tiegħu fir-rapport INGE 1; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-REPowerEU biex tiġi ttrasformata s-sistema tal-enerġija tal-UE, u b’hekk tintemm id-dipendenza tagħha mill-fjuwils fossili Russi; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kummissjoni jwaqqfu l-importazzjonijiet kollha tal-fjuwils fossili fl-UE minn reġimi awtokratiċi u jimxu lejn sovranità tal-enerġija sostenibbli;

67. Huwa mħasseb dwar ir-rabtiet mill-qrib bejn l-Ungerija u r-Russja, fejn ir-Russja qed teżerċita l-influwenza tagħha permezz tal-ingranaġġ tagħha fis-settur tal-enerġija; jesprimi dispjaċir li l-Ungerija ma ħaditx passi sinifikanti biex tnaqqas id-dipendenza enerġetika tagħha mir-Russja; jemmen li jeħtieġ li jsir aktar biex tiġi żgurata awtonomija miftuħa u strateġika fis-settur tal-enerġija; jitlob li jiġi aċċellerat l-użu tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li tiġi mminimizzata kwalunkwe dipendenza ulterjuri miċ-Ċina;

 

68. Jilqa’ l-att propost reċentement dwar il-materja prima kritika[22]; jemmen li l-att propost huwa essenzjali biex jiġu żgurati l-ktajjen tal-provvista Ewropej meħtieġa biex l-att propost dwar iċ-ċipep Ewropej ikun[23] ta’ suċċess; jenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jinstabu ftehimiet kummerċjali ma’ demokraziji li għandhom l-istess fehma fl-iżgurar tal-provvista ta’ riżorsi strateġiċi;

L-indħil matul il-proċessi elettorali

69. Jilqa’ l-ħidma li saret mill-APPF f’dan ir-rigward, speċjalment fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra pagamenti finanzjarji pprojbiti minn pajjiżi mhux tal-UE fis-sistema politika tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-koleġiżlaturi jtejbu s-sett ta’ għodod tal-APPF u jippermettu t-traċċar effettiv tad-donazzjonijiet lill-pagatur aħħari, u b’hekk jevitaw li l-projbizzjoni tiġi evitata bl-użu ta’ intermedjarji, b’mod partikolari billi jagħtu mandat lill-APPF biex tikseb informazzjoni direttament mill-istituzzjonijiet bankarji tad-donaturi kif ukoll billi jipprovdu sistema ta’ notifiki awtomatiċi għal tranżazzjonijiet suspettużi mill-unitajiet tal-intelligence finanzjarja fl-Istati Membri lill-APPF; jistieden ukoll lill-Istati Membri jsaħħu s-salvagwardji legali li jipprevjenu li l-partiti nazzjonali tal-partiti politiċi Ewropej jirċievu pagamenti minn oriġini mhux mill-UE fil-livell nazzjonali, li mbagħad jintużaw bħala kontribuzzjonijiet għall-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet Ewropej; jilqa’ wkoll il-kuntatti operazzjonali li l-APPF diġà stabbiliet mal-istituzzjonijiet u l-aġenziji kompetenti tal-UE kif ukoll mal-Istati Membri biex jiġġieldu b’mod effettiv it-tentattivi ta’ użu ta’ data personali għal finijiet elettorali; jistieden lill-Istati Membri jkomplu jtejbu l-kooperazzjoni mal-APPF billi jagħmlu punti ta’ kuntatt speċjalizzati disponibbli u operazzjonali fl-awtoritajiet kompetenti għall-protezzjoni tad-data u għaċ-ċibersigurtà elettorali;

70. Jilqa’ l-inizjattivi li ttieħdu fi ħdan in-network Ewropew ta’ kooperazzjoni dwar l-elezzjonijiet inklużi l-pjanijiet konġunti ta’ reżiljenza; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi bis-sħiħ lill-Parlament fl-attivitajiet tan-network kif ukoll tal-APPF; iqis li għandhom jiġu stabbiliti networks simili mal-parlamenti nazzjonali fl-Istati Membri; iqis ukoll li l-parlamenti tal-Istati Membri u l-awtoritajiet elettorali għandhom jagħmlu aktar biex jinfurmaw lill-pubbliku dwar ir-riskji ta’ ndħil fil-proċessi elettorali nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tfassal kodiċi ta’ prattika tajba dwar il-media soċjali applikabbli għar-rappreżentanti u l-awtoritajiet pubbliċi, bil-għan li jiġu stabbiliti standards ta’ kondotta komuni, filwaqt li jitqies li l-politiċi u l-gvernijiet xi drabi jirrikorru għal diżinformazzjoni biex jinkoraġġixxu l-ostilità ideoloġika;

71. Jinnota li l-Parlament Ewropew stabbilixxa strateġija għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2024, li tinkludi enfasi fuq il-prevenzjoni u l-indirizzar tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni qabel l-elezzjonijiet mingħajr ma tindaħal fid-dibattiti politiċi jew soċjali usa’, b’rispett sħiħ għall-indipendenza tal-mandat tal-membri; jissottolinja li din l-istrateġija għandha tkun ibbażata fuq it-tisħiħ tal-miżuri eżistenti tal-Parlament, inklużi dawk li jinvolvu t-task force tal-Parlament dwar id-diżinformazzjoni, u jitlob għalhekk li jiġu allokati riżorsi addizzjonali ħalli jiġu implimentati d-diversi miżuri;

72. Jisħaq fuq l-importanza kbira li jiġu protetti s-sigurtà, ir-reżiljenza u l-affidabbiltà tal-infrastruttura elettorali, inklużi, fost affarijiet oħra, is-sistemi tal-IT, il-magni u t-tagħmir tal-votazzjoni, in-networks u l-proċeduri tal-uffiċċju elettorali, il-bażijiet tad-data tar-reġistrazzjoni tal-votanti u l-faċilitajiet tal-ħżin; jissottolinja li t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni qed isiru dejjem aktar prevalenti fil-ġestjoni elettorali u fil-proċessi demokratiċi; jinnota li sabiex jirrispondu b’mod effettiv għall-isfidi elettorali li qed jinħolqu, il-korpi ta’ ġestjoni elettorali jeħtieġ li jadottaw xejriet ta’ ħidma ġodda li jtejbu l-kapaċità tagħhom li jipprevjenu r-riskji u juru r-reżiljenza, anke f’ambjent diġitali kumpless; jitlob li l-Istati Membri tal-UE u l-gvernijiet lokali jiġu pprovduti b’sett ta’ għodod ta’ servizzi u għodod għall-ġlieda kontra l-FIMI; jinnota li meta jsiru l-elezzjonijiet, il-karti tal-vot għandu jkollhom rekord tal-karti verifikabbli u jkunu soġġetti għal awditi indipendenti biex jiġi żgurat li r-riżultati jkunu preċiżi; jenfasizza r-rwol fundamentali tal-osservazzjoni elettorali u tal-osservaturi indipendenti tal-elezzjonijiet;

Finanzjament bil-moħbi ta’ attivitajiet politiċi minn atturi u donaturi barranin

73. Itenni t-tħassib tiegħu dwar ir-rivelazzjonijiet regolari ta’ finanzjament Russu enormi ta’ partiti u persuni politiċi u eks-politiċi u uffiċjali f’għadd ta’ pajjiżi demokratiċi f’tentattiv ta’ ndħil u ksib ta’ influwenza fil-proċessi domestiċi tagħhom; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rabtiet tar-Russja ma’ diversi politiċi u partiti politiċi fl-UE u l-indħil wiesgħa tagħha fil-movimenti seċessjonisti fit-territorji Ewropej u fl-UE, bħal fil-Katalonja fejn l-awtoritajiet rilevanti huma mħeġġa jwettqu investigazzjoni komprensiva u jitlob liċ-Ċentru Ewropew ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda kontra t-Theddid Ibridu (Hybrid CoE) f’Helsinki biex iwettaq studju ta’ dan il-każ speċifiku;

74. Jieħu nota li n-network Ewropew ta’ kooperazzjoni dwar l-elezzjonijiet qed jimmappja l-finanzjament barrani fl-Istati Membri tal-UE u jesprimi l-interess tiegħu li jiġi infurmat dwar dawn l-isforzi; jitlob il-projbizzjoni ta’ finanzjament barrani minn pajjiżi barra l-UE; jistieden lin-network jidentifika standards komuni tal-UE dwar il-kampanji politiċi u l-finanzjament tal-partiti politiċi, inkluż dak minn pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk l-istandards li jagħlqu l-lakuni identifikati fir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport INGE 1 adottat fid-9 ta’ Marzu 2022 li jkunu japplikaw għal-liġijiet elettorali nazzjonali fl-Istati Membri kollha, inklużi l-mekkaniżmi ta’ infurzar; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw b’mod urġenti l-kwistjoni tad-donazzjonijiet minn pajjiżi terzi lil partiti politiċi nazzjonali, sabiex jagħlqu l-lakuni eżistenti fil-leġiżlazzjoni tagħhom;

75. Jieħu nota tan-negozjati leġiżlattivi li għaddejjin dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej; jistenna li dawn in-negozjati se jtejbu l-mandat tal-APPF b’mod partikolari biex jiżguraw li t-tranżazzjonijiet finanzjarji minn pajjiżi mhux tal-UE fis-sistema politika tal-UE jkunu limitati, trasparenti u soġġetti għal kontrolli aktar stretti u jirriżultaw f’qafas aġġornat, li għandu jsaħħaħ ir-rwol tal-partiti politiċi tal-UE fl-isfera demokratika Ewropea kif ukoll irażżan l-indħil minn setgħat barranin; itenni l-ħtieġa ta’ approċċ ibbilanċjat u proporzjonat li jippermetti lill-partiti politiċi minn pajjiżi terzi li jaħsbuha bl-istess mod, inklużi pajjiżi fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, dment li jkollhom drittijiet sħaħ ta’ rappreżentanza fihom, jipparteċipaw permezz ta’ sħubija u kontribuzzjonijiet, filwaqt li jkomplu jsaħħu t-trasparenza tal-finanzjament u t-teħid ta’ deċiżjonijiet u fl-istess ħin jillimitaw ir-riskju ta’ ndħil minn entitajiet barranin mhux demokratiċi jew minn stati b’riskju għoli;

76. Ifakkar li l-APPF għandha tingħata r-riżorsi meħtieġa, b’mod partikolari r-riżorsi umani u tal-IT, biex tkun tista’ twettaq il-kompiti attwali tagħha u kwalunkwe kompitu ġdid previst mil-leġiżlazzjoni, li jista’ jiġi implimentat b’mod effettiv biss b’persunal addizzjonali xieraq;

77. Jieħu nota tal-ħidma leġiżlattiva li għaddejja dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku; jenfasizza l-importanza ta’ dan ir-regolament propost li se jnaqqas it-tekniki ta’ reklamar politiku mhux trasparenti u jisħaq fuq il-ħtieġa li l-koleġiżlaturi jadottawh fi żmien xieraq qabel l-elezzjoni Ewropea fl-2024; ifakkar fix-xewqa tiegħu, f’dan ir-rigward, li jiġi pprojbit ix-xiri ta’ reklami minn atturi li jkunu ġejjin minn barra l-UE u ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u li tiġi ggarantita t-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni inkluż permezz ta’ tikkettar xieraq fir-rigward tax-xiri tar-reklamar politiku online minn atturi minn ġewwa l-UE; jissottolinja l-ħtieġa li l-partiti politiċi Ewropej ikunu jistgħu jagħmlu kampanja online u madwar l-UE kollha qabel l-elezzjonijiet Ewropej, filwaqt li jillimitaw ir-riskju ta’ ndħil barrani;

Iċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza fir-rigward ta’ attakki ċibernetiċi, b’rabta mal-proċessi demokratiċi

78. Huwa mħasseb dwar iż-żieda serja fl-attakki ċibernetiċi, b’mod partikolari l-attakk reċenti distribwit li jwaqqaf is-servizz (DDoS) kontra s-sit web tal-Parlament Ewropew fit-23 ta’ Novembru 2022, li għalih ġiet iddikjarata r-responsabbiltà minn grupp ta’ hackers favur il-Kremlin u l-hacking possibbli ta’ tliet MEPs u aktar minn ħamsin uffiċjal tal-Kummissjoni bis-software Pegasus; jitlob għalhekk li jissaħħu l-kapaċitajiet tar-reżiljenza u tal-protezzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE fil-qasam diġitali, b’mod partikolari qabel l-elezzjonijiet Parlamentari Ewropej;

79. Jilqa’ l-ftehim dwar id-Direttiva NIS2 u jemmen li din tindirizza kwistjoni tal-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw kooperazzjoni msaħħa u jaqsmu l-aħjar prattiki fil-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, speċjalment dwar iċ-ċibersigurtà għall-elezzjonijiet; jitlob li l-infrastruttura elettorali titqies bħala infrastruttura kritika; jemmen li hemm bżonn ta’ leġiżlazzjoni addizzjonali biex tiġi protetta b’mod effettiv is-sigurtà Ewropea tal-katina tal-provvista tal-ICT minn bejjiegħa riskjużi u biex ikun hemm protezzjoni mis-serq tal-proprjetà intellettwali permezz taċ-ċibersigurtà;

80. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal regoli ġodda biex tiġi stabbilita sigurtà komuni taċ-ċibersigurtà u tal-informazzjoni bejn l-EUIBAs; jilqa’, f’konformità mar-rapport speċjali tal-QEA ta’ Marzu 2022, il-ħolqien ta’ bord interistituzzjonali taċ-ċibersigurtà ġdid, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà, u l-promozzjoni ta’ valutazzjonijiet regolari tal-maturità u “iġjene ċibernetika”; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni effiċjenti, f’waqtha u mill-qrib bejn l-EUIBAs permezz ta’ strutturi eżistenti, bħall-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji Ewropej (CERT-UE) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA); jemmen li dawn l-istrutturi għandhom jissaħħu u li hija meħtieġa koordinazzjoni aktar effiċjenti; jistieden lil dawn il-korpi, l-aġenziji u l-Kummissjoni jinformaw regolarment lill-Parlament dwar il-konklużjonijiet u s-sejbiet futuri dwar iċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-informazzjoni fl-UE; jappella għal awditu sħiħ taċ-ċibersigurtà, biex jiġi ddeterminat jekk l-EUIBAs għandhomx biżżejjed kontroll fuq is-sigurtà tas-sistemi u tal-apparati tal-ICT tagħhom, inkluża valutazzjoni tar-riskju, tal-vulnerabbiltà u tat-theddid, appoġġjata minn ittestjar tal-penetrazzjoni, minn parti terza esterna ewlenija u vverifikata, meta dan ir-regolament jidħol fis-seħħ u kull sena wara dan, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti tas-sigurtà tal-informazzjoni tal-istituzzjonijiet; jemmen li r-riskji u l-vulnerabbiltajiet irrapportati jeħtieġ li jiġu mmitigati fl-aġġornamenti taċ-ċibersigurtà, u r-rakkomandazzjonijiet mill-valutazzjoni għandhom jiġu implimentati permezz tal-politiki rispettivi taċ-ċibersigurtà;

81. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-ENISA jidentifikaw korpi, aġenziji u organizzazzjonijiet Ewropej oħra eżistenti u ppjanati li jaħdmu fil-qasam taċ-ċibersigurtà u jipproponu soluzzjonijiet biex jimtlew lakuni potenzjali;

82. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jsaħħu l-kontrolli relatati maċ-ċibersigurtà fuq kanali strateġiċi ta’ komunikazzjoni (eż. kanali militari fi żminijiet ta’ gwerra u missjonijiet tal-PSDK);

83. Jirrikonoxxi li, fir-rigward taċ-ċiberattakki, hija meħtieġa prevenzjoni iżda din mhijiex biżżejjed; jemmen li rispons immirat b’mod preċiż huwa essenzjali fil-ġlieda kontra ċ-ċiberattakki; jemmen li l-UE għandha tindirizza ċ-ċiberattakki billi tikkunsidra l-aspetti li ġejjin:

a) il-ħtieġa ta’ żieda fir-rispons u r-reżiljenza kontra l-attakki ċibernetiċi;

b) il-ħtieġa ta’ flessibbiltà f’sitwazzjonijiet kritiċi, filwaqt li jiġu rrispettati l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

c) il-ħtieġa ta’ regolamenti komuni biex tiġi żgurata koordinazzjoni effiċjenti, jistieden għalhekk lill-Istati Membri jħaffu l-implimentazzjoni tad-Direttivi CER u NIS2;

d) il-ħtieġa li tiġi kondiviża l-informazzjoni fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom, b’mod partikolari fir-rigward tal-vulnerabbiltajiet tas-sigurtà, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jinħeba l-livell kritiku ta’ protezzjoni mill-kondiviżjoni tal-informazzjoni pubblika;

e) il-ħtieġa ta’ riċerka u investiment f’teknoloġiji ġodda li jżidu r-reżiljenza ċibernetika;

f) il-ħtieġa li jiġu involuti atturi bħall-OSĊ, is-settur privat u sħab oħra b’mod sikur u sostenibbli;

g) jitlob għalhekk lill-Istati Membri jadottaw pożizzjoni aktar proattiva u jespandu l-kapaċitajiet tagħhom fiċ-ċiberspazju abbażi tal-approċċi ta’ “involviment persistenti” u “difiża persistenti”, f’koordinazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u f’konsultazzjoni mal-kontropartijiet rilevanti tal-UE;

L-impatt tal-indħil fuq id-drittijiet tal-minoranzi u ta’ gruppi vulnerabbli oħra

84. Ifakkar li l-indħil barrani spiss ikun marbut ma’ objettivi politiċi li jmorru kontra l-UE u l-valuri demokratiċi tagħha, li jkopru ksur sfaċċat tad-drittijiet tal-bniedem, jillimitaw id-drittijiet tan-nisa u tal-komunitajiet LGBTIQ+, u li jrawmu l-mibegħda kontra l-minoranzi, il-migranti u l-persuni l-aktar vulnerabbli;

85. Jesprimi dispjaċir għall-istrumentalizzazzjoni politika tal-kwistjoni tal-migrazzjoni u l-użu tagħha f’kampanji ta’ ndħil u ta’ diżinformazzjoni; jitlob li tiġi żgurata l-ġestjoni effiċjenti tal-fruntiera esterna tal-UE f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali;

86. Huwa nkwetat li l-komunità LGBTIQ+ tibqa’ mira ta’ kampanji ta’ ndħil barrani u diżinformazzjoni; huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni tal-komunità LGBTIQ+ f’diversi Stati Membri, bħas-Slovakkja, l-Ungerija, u l-Polonja, u d-diżinformazzjoni mifruxa mill-media tal-Istat u mill-organizzazzjonijiet tal-lemin estrem dwar is-suġġett; jesprimi dispjaċir għall-fatt li d-diżinformazzjoni u d-diskors ta’ mibegħda kontra LGBTIQ+ kienu l-motivazzjoni primarja li wasslu għall-qtil ta’ żewġ żgħażagħ fis-Slovakkja f’Ottubru 2022; jitlob l-iżvilupp ta’ programmi fit-tul li jappoġġjaw organizzazzjonijiet lokali fil-livell lokali u inizjattivi taċ-ċittadini biex jgħinu fl-iżvilupp tar-reżistenza tal-popolazzjoni għall-estremiżmu tal-lemin;

87. Huwa mħasseb dwar it-tentattivi mid-diżinformazzjoni Russa li timmina l-appoġġ tas-soċjetà Ewropea għar-refuġjati Ukreni; jistieden lill-EUIBAs u lill-awtoritajiet nazzjonali biex jimmonitorjaw u jikkonfutaw id-diżinformazzjoni Russa dwar ir-refuġjati Ukreni u l-gwerra fl-Ukrajna;

88. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu s-sħubijiet mal-NGOs u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali li jaħdmu fil-qasam biex jimmonitorjaw it-tħaddim tat-tfal u jnaqqsu t-tixrid tad-diżinformazzjoni dwar il-kwistjoni (eż. it-tfal f’kunflitti armati);

89. Itenni l-appell tiegħu għal sistema li tagħmilha faċli li l-materjal jiġi kondiviż fil-lingwi reġjonali u minoritarji; jilqa’ f’dan ir-rigward l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-azzjoni pilota bit-titolu “l-Ugwaljanza Ewropea fil-Lingwi” (ELE); jemmen li jeħtieġ li jittieħdu miżuri addizzjonali biex jiġi żgurat rispons effettiv għall-indħil li jimmira lejn il-minoranzi; jitlob ukoll lill-UE u lill-Istati Membri jimplimentaw verifika tal-fatti aċċessibbli sabiex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni u jiġi pprovdut aċċess għall-informazzjoni fil-formati kollha possibbli għall-persuni b’diżabilità;

90. Itenni l-bżonn ta’ azzjoni mmirata, permezz ta’ qafas ġuridiku tal-UE armonizzat, kontra t-tixrid tad-diżinformazzjoni u d-diskors ta’ mibegħda dwar kwistjonijiet relatati mal-ġeneri, mal-persuni LGBTIQ+ u l-persuni Rom, minoranzi oħra, l-immigranti u r-rifuġjati u l-persuni b’diżabilità kif ukoll il-komunitajiet reliġjużi; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa u timplimenta strateġiji li jxekklu l-finanzjament ta’ gruppi kontra l-ġeneru, movimenti u individwi li jxerrdu b’mod attiv id-diżinformazzjoni jew jipparteċipaw f’manipulazzjoni tal-informazzjoni mmirata lejn il-persuni LGBTIQ+, id-drittijiet tan-nisa, il-minoranzi, ir-rifuġjati, il-persuni b’diżabilità u kwistjonijiet li jaffettwawhom, bl-għan li jaqsmu s-soċjetà;

91. Huma nkwetat dwar il-fatt li d-drittijiet tan-nisa qed jiġu mmirati speċifikament mid-diżinformazzjoni, b’mod partikolari d-diżinformazzjoni dwar is-saħħa, u mill-indħil barrani; jitlob investigazzjoni sħiħa dwar is-sorsi ta’ finanzjament tal-kampanji ta’ diżinformazzjoni abbażi tal-ġeneru; itenni l-appell tiegħu għall-ħolqien ta’ sistemi ta’ twissija bikrija li permezz tagħhom jistgħu jiġu rrapportati u identifikati kampanji ta’ diżinformazzjoni abbażi tal-ġeneru;

92. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri biex isaħħu l-mezzi tal-media indipendenti bil-lingwa Russa li huma faċilment aċċessibbli għall-komunitajiet li jitkellmu bir-Russu; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw kummentaturi indipendenti sabiex tiġi miġġielda l-influwenza tal-propaganda ta’ pajjiżi terzi fuq il-minoranzi fl-Ewropa;

Indħil minn atturi globali permezz tal-ħtif tar-riżorsi mill-elit, tad-dijaspori nazzjonali, tal-universitajiet u tal-avvenimenti kulturali

93. Jiddenunzja bl-aktar mod qawwi l-allegati tentattivi minn pajjiżi barranin, inklużi l-Qatar u l-Marokk biex jinfluwenzaw il-Membri, l-eks Membri u l-persunal tal-Parlament Ewropew permezz ta’ atti ta’ korruzzjoni, li jikkostitwixxu ndħil barrani gravi fil-proċessi demokratiċi tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi biex jittejbu t-trasparenza u l-integrità tal-istituzzjonijiet tal-UE, u biex jiġu miġġielda l-korruzzjoni, il-manipulazzjoni, l-influwenza u l-kampanji ta’ ndħil; itenni l-appell tiegħu biex jiġu stabbiliti regoli aġġornati dwar it-trasparenza u l-etika, li jidentifikaw il-finanzjament barrani għal lobbjar relatat mal-UE, inkluż il-finanzjament għal organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u regolamentazzjoni xierqa u l-monitoraġġ ta’ gruppi ta’ ħbiberija; itenni l-ħtieġa li tiġi sospiża minnufih il-ħidma kollha fuq fajls leġiżlattivi relatati mal-Qatar u l-Marokk, kif ukoll għall-aċċess ta’ punti ta’ aċċess ta’ rappreżentanti ta’ interessi taż-żewġ pajjiżi, sakemm l-investigazzjonijiet ġudizzjarji jipprovdu informazzjoni u kjarifika rilevanti u jevalwaw liema fajls setgħu ġew kompromessi bħala riżultat ta’ dan l-indħil barrani;

94. Jilqa’ l-estensjoni tal-mandat u tal-mandat aġġornat għall-Kumitat Speċjali dwar l-ING2 u jistenna li l-kumitat ING2 iħejji rapport li juri l-impatt li jidentifika n-nuqqasijiet fir-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-etika, l-integrità u l-korruzzjoni u jagħmel proposti għar-riformi biex tiġi miġġielda b’mod effettiv il-korruzzjoni u mezzi oħra użati minn atturi barranin biex jinfluwenzaw il-proċessi Ewropej tat-teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li jitqies li kwalunkwe rekwiżit ta’ divulgazzjoni potenzjali msaħħaħ għandu jitqies kontra l-ħtieġa li jiġu protetti ċerti individwi u gruppi vulnerabbli;

95. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-rakkomandazzjonijiet mir-rapport INGE 1 dwar l-introduzzjoni ta’ regoli ta’ trasparenza aktar stretti, l-immappjar tal-finanzjament barrani għal-lobbjar ta’ interessi relatata mal-UE, u l-iżgurar li dan jiddaħħal fir-rekords biex jippermetti l-identifikazzjoni ta’ finanzjament minn gvernijiet barranin, għadhom ma ġewx implimentati;

96. Ifakkar fl-impenji li ttieħdu mill-President tal-Kummissjoni matul id-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni rigward il-ħtieġa li jiġi aġġornat il-qafas leġiżlattiv tal-UE għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni; iqis li tali aġġornament għandu jimmira b’mod partikolari lejn il-kwistjoni tal-ħtif tar-riżorsi mill-elit permezz ta’ interessi barranin, ir-revolving doors u t-traffikar fl-influwenza sabiex l-aġenti barranin ma jitħallewx jindaħlu fis-sistema politika tal-UE; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tissikka r-regoli tagħha biex tipprevjeni tali qbid minn gvernijiet jew entitajiet awtokratiċi jew ta’ riskju għoli taħt il-kontroll tagħhom, biex tittratta l-kwistjoni tal-qbid tal-elit fir-rapporti annwali dwar l-istat tad-dritt; ifakkar fl-appelli ripetuti tal-Parlament għall-istabbiliment ta’ reġim ta’ sanzjonijiet permanenti ġdid iddedikat għall-immirar ta’ individwi u entitajiet responsabbli għall-korruzzjoni fuq skala kbira;

97. Jieħu nota tas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2022 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-37/2013[24], li tinvalida dispożizzjoni tal-ħames Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus[25], li fiha l-Istati Membri kellhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji għandha tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha għal kwalunkwe membru tal-pubbliku ġenerali; jisħaq li r-reġistri ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja huma għodda essenzjali għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għar-riċerkaturi, għall-investigaturi u għall-ġurnalisti biex jidentifikaw allegata korruzzjoni u allegati interessi kummerċjali illeċiti, u li r-restrizzjoni tal-aċċess għal dawk ir-reġistri tillimita severament il-monitoraġġ futur tas-sjieda vera mill-pubbliku ġenerali; iqis li din l-invalidazzjoni tillimita l-ħidma ta’ firxa wiesgħa ta’ professjonisti li jiġġieldu l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus; jistieden lill-Kummissjoni ssib modi xierqa biex tiżgura li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji tkun aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri skont id-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus bil-għan li tillimita l-użu tal-flus kontanti sabiex jiġi skoraġġut l-użu ta’ flus illeġittimi u b’hekk tiġi pprevenuta l-korruzzjoni; jesprimi dispjaċir għall-fatt li xi Stati Membri ħadu s-sentenza bħala pretest biex jissospendu totalment l-aċċess għar-reġistru;

98. Huwa tal-fehma li d-data dwar l-indħil barrani minn rappreżentanti ta’ interess fil-livell tal-UE għandha tkun disponibbli b’mod wiesa’ u ppreżentata b’mod ċar; jilqa’ l-bidliet introdotti mill-ftehim interistituzzjonali tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar reġistru ta’ trasparenza obbligatorju[26] f’dan ir-rigward; jirrakkomanda, madankollu, li tiddaħħal taqsima speċifika dwar l-influwenza barranija fir-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE jew li jiġi stabbilit reġistru tal-influwenza barranija; iqis li r-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE għandu jinkludi lista ta’ pajjiżi b’riskju għoli; jirrakkomanda rekwiżiti u inċentivi aktar b’saħħithom għar-reġistrazzjoni tas-setgħat barranin; iqis li hemm bżonn ta’ rekwiżiti mtejba ta’ reġistrazzjoni u divulgazzjoni għall-OSĊ, għall-konsulenzi, għall-aġenziji, għall-fondazzjonijiet, għall-gruppi ta’ riflessjoni u għall-kumpaniji privati li jirċievu finanzjament barrani;

99. Jistieden lis-Segretarjat tar-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE jipprojbixxi kwalunkwe entità b’relazzjonijiet diretti jew indiretti mal-Gvern tar-Russja skont id-deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2022 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna[27]; jitlob li l-istess miżuri jiġu applikati għall-Belarussja;

100. Itenni t-tħassib tiegħu dwar is-sħubijiet bejn l-universitajiet u l-entitajiet Ċiniżi, inklużi l-Istituti Confucius, iżda speċjalment dawk il-faċilitajiet ta’ riċerka relatati mal-kumpless militari Ċiniż, u r-riskju li jistgħu joħolqu għal-libertà akkademika u l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali; huwa mħasseb dwar is-sejbiet reċenti[28] li għadd konsiderevoli ta’ riċerkaturi Ewropej li jaħdmu fuq l-intelliġenza artifiċjali, it-teknoloġiji kwantistiċi, iċ-ċirkwiti integrati, ir-riċerka spazjali, ir-riċerka dwar materjali ġodda, in-newroxjenza u l-bijoteknoloġija qed jiġu ffinanzjati direttament mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lill-istituti tar-riċerka biex jirrieżaminaw dawk is-sħubijiet, u, meta l-allegat spjunaġġ jew indħil jiġi sostanzjat, jieħdu azzjoni biex jinfurzaw u jissalvagwardjaw is-sovranità ekonomika u politika Ewropea, inkluż permezz taċ-ċaħda ta’ finanzjament jew ir-revoka ta’ liċenzji ta’ istituti assoċjati; itenni li l-libertà akkademika hija valur fundamentali fi kwalunkwe soċjetà demokratika; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-mekkaniżmi eżistenti biex jipproteġu l-għarfien xjentifiku, industrijali u tekniku, u jestenduhom għall-istudji umanistiċi u x-xjenzi soċjali; jappella għal aktar trasparenza fil-finanzjament ta’ attivitajiet ta’ riċerka u l-appoġġ finanzjarju li jirċievu, b’mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta’ proċeduri ta’ diliġenza dovuta biex jiġi vvalutat jekk il-finanzjament barrani ta’ proġetti joħloqx theddida għas-sigurtà;

101. Jenfasizza li ċ-Ċina qed tipprova tgħaqqad ir-riċerka xjentifika ċivili u militari fil-qafas tal-programm ta’ integrazzjoni ċivili-militari; jitlob li tintemm minnufih il-kooperazzjoni eżistenti mal-istituzzjonijiet tar-riċerka li huma ffinanzjati direttament mill-militar Ċiniż jew li għandhom rabtiet miegħu, u li jqisu x’għarfien xjentifiku seta’ spiċċa għand ir-reġjun Ċiniż; jilqa’ l-pubblikazzjoni tal-linji gwida dwar l-indirizzar tal-indħil barrani fir-Riċerka u l-Innovazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, iżda jissuġġerixxi li jiġu applikati miżuri proporzjonati għall-istituzzjonijiet akkademiċi u tar-riċerka, u li tiġi żgurata aktar trasparenza fis-sħubijiet barranin; jesprimi tħassib dwar il-Liġi Ċiniża dwar l-Intelligence Nazzjonali, li tirrikjedi li r-riċerkaturi Ċiniżi fl-universitajiet tal-Punent jaqsmu l-għarfien tagħhom mal-Istat, u dwar id-dipendenza taċ-Ċina mill-ispjunaġġ bħala mezz biex tikseb l-għarfien biex tippromwovi l-għanijiet ekonomiċi u militari tagħha; jitlob impenji obbligatorji għal diliġenza u konformità akbar fil-kooperazzjoni akkademika mal-universitajiet u r-riċerkaturi Ċiniżi, u li kwalunkwe kooperazzjoni mal-universitajiet Ċiniżi tkun soġġetta għal valutazzjoni komprensiva tar-riskju għas-sigurtà;

102. Jesprimi tħassib dwar l-attivitajiet li għaddejjin tal-uffiċċji ta’ Russkiy Dom (is-Senat Russu) iffinanzjati mill-aġenzija federali Russa Rossotrudnichestvo li ġiet sanzjonata mill-UE, li l-proġetti qarrieqa tagħha jxerrdu d-diżinformazzjoni, il-propaganda u l-aġenda tal-Kremlin fost is-soċjetà ċivili tal-UE;

103. Jilqa’ l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ sett ta’ għodod dwar kif għandu jiġi mmitigat l-indħil barrani fir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex l-universitajiet u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka Ewropej jiġu megħjuna jidentifikaw u jipprevjenu l-indħil barrani filwaqt li jibqgħu miftuħa għas-sħubijiet; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi istituzzjonijiet akkademiċi u ta’ riċerka fil-Pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jikkoordinaw l-azzjonijiet f’dan il-qasam, b’mod partikolari biex iżidu r-rwol tal-uffiċjali tal-etika u tas-sigurtà fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa linji gwida għar-riċerka affidabbli u s-sigurtà tal-għarfien sabiex tappoġġja l-integrità tal-kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka mal-organizzazzjonijiet Ewropej; jenfasizza l-potenzjal f’reġistru jew f’bażi tad-data ta’ aġenti mhux attivi jew barranin possibbli minn stati b’riskju għoli fl-universitajiet u fl-organizzazzjonijiet ta’ riċerka Ewropej;

104. Jesprimi tħassib dwar rapporti reċenti dwar l-istabbiliment ta’ stazzjonijiet tal-pulizija barranin Ċiniżi fl-UE; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet tal-UE jinvestigaw l-allegata eżistenza ta’ dawn l-istazzjonijiet tal-pulizija u jieħdu azzjoni kkoordinata kontra kwalunkwe attività illegali assoċjata mad-Dipartiment tax-Xogħol tal-Front Magħqud taċ-Ċina fl-Ewropa; itenni li tali stazzjonijiet jikkostitwixxu theddida għas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati u tal-Unjoni b’mod ġenerali, u għalhekk għandhom jiġu pprojbiti; jistieden lill-Istati Membri jagħlquhom minnufih; jikkundanna l-prattika li l-persuni li jgħixu fl-Unjoni Ewropea jiġu mhedda, b’mod partikolari d-dijaspora Ċiniża u l-gruppi dissidenti politiċi, kif ukoll il-priġunerija ta’ qrabathom fiċ-Ċina sabiex il-persuni li jgħixu barra mill-pajjiż jiġu mġiegħla jirritornaw lejn iċ-Ċina;

105. Huwa mħasseb dwar l-allegazzjonijiet ta’ operazzjonijiet illegali tal-pulizija f’art barranija li jevitaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija bilaterali uffiċjali; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-hekk imsejħa stazzjonijiet tas-servizzi tal-pulizija barranin Ċiniżi fl-UE, li allegatament ipperswadew lil eluf ta’ persuni suspettati maħruba biex jirritornaw lejn iċ-Ċina, u tieħu l-passi xierqa f’dan ir-rigward; jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi u lill-ambaxxati Ċiniżi fl-Istati Membri tal-UE jaderixxu mal-proċeduri internazzjonali standard;

106. Jiddenunzja s-sinjali ta’ ndħil u persekuzzjoni tat-Turkija fil-konfront ta’ attivisti politiċi, mexxejja tal-oppożizzjoni u minoranzi fl-UE; jikkundanna l-proposta l-ġdida tat-Turkija dwar il-Liġi tad-Diżinformazzjoni, li toħloq theddida għal-libertà tal-kelma fil-pajjiż;

107. Jiddeplora t-tixrid tad-diżinformazzjoni u l-użu oppressiv tal-internet mir-reġim Iranjan biex jaħbi l-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, il-vjolenza kontra d-dimostranti u l-abbużi tal-poter; huwa mħasseb bl-indħil tal-organizzazzjonijiet Iżlamisti ispirati minn stati barranin;

108. Huwa mħasseb dwar l-influwenza dejjem akbar tal-attivitajiet tal-aġenziji tal-intelligence tal-istat awtoritarju barranin fl-UE, speċjalment fi Brussell; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet nazzjonali biex jirrieżaminaw u jaġġornaw l-oqfsa tagħhom kontra l-ispjunaġġ; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-modernizzazzjoni mħabbra mill-Gvern Belġjan tal-qafas kontra l-ispjunaġġ u jitlob aktar kapaċità għaċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (INTCEN) biex iwettaq il-mandat ta’ counterintelligence tiegħu u japprofondixxi l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni jkunu aktar viġilanti meta jeżaminaw il-persunal ta’ kumpaniji barranin, bħal TASS u COSCO, minn pajjiżi b’riskju għoli, meta japplikaw għal viżi għal xogħol; jistieden ukoll lill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni jsaħħu l-koordinazzjoni biex jagħmlu l-ivvjaġġar minn uffiċjali tal-intelligence barranin li jużaw identitajiet foloz aktar diffiċli;

109. Jesprimi tħassib dwar investigazzjoni reċenti ta’ New York Times li takkuża l-Moviment Imperjali Russu, grupp suprem, li organizza kampanja biex jintbagħtu pakketti splussivi lil ċittadini Spanjoli prominenti lejn tmiem l-2022, bl-għajnuna tal-GRU, is-servizz tal-intelliġenza militari Russu; iwissi dwar ir-riskju ta’ spjunaġġ fl-ajruporti Franċiżi bħal Strasburgu, Bordeaux, Brest, Quimper u Toulouse, li jużaw il-kumpanija Ċiniża tat-tagħmir Nuctech, marbuta mar-reġim Ċiniż u l-kumpless militari-industrijali tagħha, għall-iskrinjar tal-bagalji; jissottolinja li Nuctech hija preżenti f’26 mis-27 Stat Membru tal-UE, u jfakkar li l-Litwanja, l-Istati Uniti u l-Kanada pprojbew lill-kumpanija mill-kuntratti pubbliċi tagħhom;

 

110. Jistieden lill-partiti politiċi tal-UE jiżviluppaw rispons qawwi għad-diskors ta’ mibegħda u l-kampanji ta’ fastidju kontra l-Membri tal-Parlament; jistieden lill-amministrazzjoni tal-Parlament tiżviluppa proċedura istituzzjonalizzata li għandha tiġi stabbilita meta jseħħu tali kampanji kontra rappreżentanti eletti tal-UE;

Deterrenza, attribuzzjoni u kontromiżuri kollettivi, inklużi sanzjonijiet

111. Jilqa’ s-sanzjonijiet madwar l-UE kollha u l-kapaċità ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE li jaġixxu malajr biex jirrestrinġu temporanjament ix-xandir ta’ ċerti kanali ta’ propaganda wara l-gwerra ta’ aggressjoni mhux ġustifikata u illegali tar-Russja kontra l-Ukrajna u jissottolinja l-ħtieġa li jiġu żgurati implimentazzjoni konsistenti u nuqqas ta’ evażjoni ta’ dawk is-sanzjonijiet; jilqa’ l-allinjament ta’ ċerti pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali tal-UE ma’ dawn il-miżuri; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera aktar mill-qrib mal-Istati Membri dwar l-impożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet; jilqa’ s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Lulju 2022 fil-Kawża T-125/22 RT France[29], li fiha l-Qorti rrifjutat l-argument ta’ RT li l-projbizzjoni tax-xandir hija illegali, u għalhekk appoġġjat il-projbizzjoni tal-kontenut tax-xandir impost fuq RT France; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkludu x-xandir bis-satellita fil-pakketti ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja, l-“aġenzija tal-aħbarijiet” InfoRos affiljata mal-GRU, kif iddikjarat fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Mejju 2022[30] u jinkludu l-propagandisti prominenti kollha tal-Kremlin fil-listi tal-UE ta’ individwi sanzjonati; jesprimi dispjaċir għall-fatt li dawn il-kanali għadhom jistgħu jxerrdu n-narrattivi tagħhom taħt psewdonimi foloz jew permezz ta’ kanali oħra fl-Unjoni Ewropea; jikkundanna, b’mod speċjali, bis-sħiħ il-ftuħ ta’ uffiċċju ta’RT (li qabel kien Russia Today) f’Belgrad u t-tnedija tas-servizz tal-aħbarijiet online tiegħu bis-Serb, u b’hekk dan l-attur bi skopijiet malinni jitħalla jxerred id-diżinformazzjoni tiegħu fir-reġjun kollu; iħeġġeġ, f’dan il-kuntest, lill-awtoritajiet Serbi jallinjaw mad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sospensjoni tal-attivitajiet tax-xandir ta’ Sputnik u RT;

112. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u pieni għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni (COM(2022)0684) u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jingħata l-kompitu li jiżgura l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni konsistenti u uniformi ta’ tali reati fl-UE kollha; jitlob li l-INTCEN tal-UE jingħata aktar riżorsi biex ikun jista’ jagħti informazzjoni dwar is-sanzjonijiet tal-UE u jinfurzahom, kif ukoll biex itejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni forensika u jikkoordina l-politika ta’ attribuzzjoni b’mod aktar effettiv;

113. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fil-manipulazzjoni tas-sistemi ta’ identifikazzjoni awtomatika (AIS) biex tiġi mminata d-data tal-GPS u tiġi mmanipulata l-pożizzjoni tal-bastimenti, u b’hekk ċerti atturi jkunu jistgħu jevitaw is-sanzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni timponi protokolli ta’ sigurtà tal-AIS aktar stretti u jitlob l-inklużjoni ta’ teknoloġija ta’ spoofing tal-AIS fi ħdan ir-reġim tal-UE għall-kontroll tal-esportazzjoni b’użu doppju;

114. Itenni l-appell tiegħu li jiġu imposti spejjeż fuq dawk li jwettqu ndħil barrani permezz ta’ kapaċità qawwija ta’ attribuzzjoni; jieħu nota tar-riflessjoni li għaddejja bħalissa bbażata fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2022 rigward it-tħejjija ta’ sett ta’ għodod, li għandu jikkomplementa s-Sett ta’ Għodod tal-UE kontra Theddid Ibridu u s-Sett ta’ Għodod Ċibernetiċi, li jindirizzaw speċifikament l-attivitajiet li jinvolvu l-FIMI; jinnota li s-sett ta’ għodod tal-FIMI kien mistenni li jiġi introdott fil-ħarifa tal-2022; jemmen bis-sħiħ li dan is-sett ta’ għodod għandu jinkludi reġim speċifiku ta’ sanzjonijiet fuq l-FIMI kif ukoll miżuri biex tissaħħaħ il-kapaċità ta’ attribuzzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej u tal-gvernijiet nazzjonali; jinnota li dawn il-miżuri għandhom jinkludu linji gwida għas-sanzjonijiet nazzjonali kontra l-FIMI u għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri li jaġixxu b’mod ikkoordinat; jistieden lill-Istati Membri jiddiskutu l-possibbiltà ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata meta jissanzjonaw stati b’riskju għoli; jinnota li l-valur miżjud tas-Sett ta’ Għodod Ibridu u tas-Sett ta’ Għodod propost tal-FIMI, meta mqabbla mas-Sett ta’ Għodod Ċibernetiku, se jkun fil-ftehim tan-normi ta’ mġiba responsabbli tal-Istat li joffru interpretazzjoni msaħħa ta’ dak li jikkostitwixxi ksur tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, bħas-sovranità u n-nuqqas ta’ ndħil fl-affarijiet interni ta’ Stat Membru;

115. Itenni l-importanza tal-kapaċità tal-UE li tiddefendi lilha nnifisha minn attakki ta’ diżinformazzjoni u li tiġġieled l-indħil barrani; jitlob f’dak ir-rigward finanzjament suffiċjenti u li jiġu indirizzati l-lakuni possibbli fl-investiment u fil-leġiżlazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jaġġornaw, jekk ikun meħtieġ, l-oqfsa legali tagħhom biex jintroduċu bażi legali li fuqha jiġi ppenalizzat l-indħil barrani minn pajjiżi b’riskju għoli; jilqa’ l-introduzzjoni ta’ tali bażi legali fl-abbozz tal-kodiċi penali tal-Belġju, li se jippermetti protezzjoni aħjar tal-istituzzjonijiet Ewropej fit-territorju tiegħu;

116. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkunsidraw kif jiġġieldu d-diżinformazzjoni minn atturi individwali fl-UE, bħall-influwenzaturi fuq il-media soċjali jew il-politiċi li jippromwovu d-diżinformazzjoni f’isem stati b’riskju għoli, eċċ.; jenfasizza l-ħtieġa potenzjali li jiġi żviluppat reġim ta’ sanzjonijiet kontra l-awturi involuti fl-FIMI ġewwa l-UE;

Viċinat, kooperazzjoni globali, multilateraliżmu

117. Huwa mħasseb dwar it-tentattivi mir-Russja li timmanipula d-diskors dwar is-sigurtà globali tal-ikel u tal-enerġija, li ġew imtennija f’kanali oħra ta’ komunikazzjoni, inklużi prinċipalment kanali Ċiniżi u f’xi każijiet Al Jazeera, filwaqt li tefgħet il-ħtija fuq il-Punent għaż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel minħabba s-sanzjonijiet tiegħu fuq ir-Russja; jenfasizza li dawn in-narrattivi manipulati kisbu popolarità konsiderevoli, primarjament fin-Nofsinhar Globali u f’xi pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali; ifakkar li r-Russja hija unikament responsabbli għat-tfixkil tal-produzzjoni u l-kummerċ agrikolu tal-Ukrajna bħala riżultat tal-gwerra tagħha ta’ aggressjoni kontra l-pajjiż; jistieden għalhekk lis-SEAE jieħu miżuri addizzjonali biex jiġġieled it-tixrid ta’ narrattivi manipulati fin-Nofsinhar Globali, mifruxa mir-Russja u miċ-Ċina, inkluż billi jsaħħaħ l-għodod u r-riżorsi tad-diviżjoni StratCom tagħha u tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK/PESK tiegħu, u permezz ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni akbar mal-Istati Uniti u ma’ sħab oħra tal-istess fehma; jemmen li l-UE għandha taħdem mill-qrib mal-Ukrajna fil-ġlieda kontra narrattivi manipulati li ġejjin mir-Russja; jitlob, għalhekk, lill-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu appoġġ għas-sensibilizzazzjoni diplomatika tal-Ukrajna fin-Nofsinhar Globali; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-organizzazzjonijiet reġjonali min-Nofsinhar Globali, bħall-Unjoni Afrikana u l-ASEAN, għall-iskambju tal-aħjar prattiki għall-ġlieda kontra l-FIMI;

118. Ifakkar li ħafna kampanji ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ħafna mill-propaganda sponsorjata mill-Istat huma mmirati lejn pajjiżi li jagħmlu għażliet strateġiċi dwar il-proċessi ta’ riforma demokratika tagħhom u l-orjentazzjoni favur l-Ewropa tal-pajjiżi tagħhom; jissottolinja l-importanza ta’ komunikazzjoni proattiva, effettiva u trasparenti, u jappella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar komunikazzjoni strateġika ma’ organizzazzjonijiet u pajjiżi sħab biex jiġi miġġieled l-FIMI fil-pajjiżi ta’ adeżjoni u żoni strateġikament importanti bħall-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jemmen li l-UE għandha timpenja ruħha aktar mal-Istati Uniti fir-rigward tal-pajjiżi ġirien sabiex jinbnew soċjetajiet demokratiċi reżiljenti; ifakkar li l-istabbiltà ta’ dawn il-pajjiżi hija kwistjoni ta’ paċi u sigurtà;

119. Jappella għalhekk għal miżuri strateġiċi u proattivi biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu u jiġi pprevenut l-indħil ta’ pajjiżi terzi fil-proċessi politiċi, elettorali u demokratiċi oħra tal-pajjiżi ta’ adeżjoni; jitlob li jsiru sforzi biex tiżdied ir-reżiljenza ta’ dawn il-pajjiżi kontra l-kampanji tal-FIMI u biex il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali jiġu mħeġġa jieħdu passi deċiżivi biex jindirizzaw id-diżinformazzjoni manipulattiva, il-propaganda malinna u theddid ibridu ieħor;

120. Jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta’ progress li sar fil-proċess tat-tkabbir fil-Balkani tal-Punent u l-pass bil-mod kontinwu tiegħu, li wassal għal tnaqqis fl-appoġġ għall-UE u għal frustrazzjoni fost il-popolazzjoni tar-reġjun; jikkundanna t-tkomplija tat-tentattivi Russi biex jeżerċitaw influwenza fuq il-Balkani tal-Punent, li għandha tinftiehem bħala parti minn strateġija usa’ biex jiġi promoss l-awtoritarjaniżmu fl-Ewropa; josserva, barra minn hekk, li l-messaġġ favur ir-Russja qed jinfirex permezz tal-media Serba u Ungeriża fil-Balkani tal-Punent; huwa mħasseb dwar is-sejbiet reċenti li s-Serbja hija l-pajjiż l-aktar vulnerabbli għall-influwenza barranija malinna fil-Balkani tal-Punent, b’mod partikolari mir-Russja u ċ-Ċina, u li s-Serbja għadha ma implimentatx sanzjonijiet kontra r-Russja u għadha ma allinjatx ruħha mal-politika barranija tal-UE;

121. Jistieden lill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni li jmiss tagħha tal-GDPR biex tipprovdi ċarezza dwar jekk u kif il-GDPR għandu impatt fuq il-kondiviżjoni tad-data biex tiġi miġġielda l-manipulazzjoni tal-informazzjoni bejn l-atturi pubbliċi, privati u akkademiċi fl-UE u f’kooperazzjoni ma’ sħab tal-istess fehma;

122. Jemmen li l-istrateġija Global Gateway se tkun għodda ġeopolitika importanti fl-intensifikazzjoni tal-involviment u r-relazzjonijiet tal-UE mas-sħab min-Nofsinhar Globali, fir-rispons għall-influwenza taċ-Ċina, permezz tal-Inizjattiva tagħha “Belt and Road”, u ta’ pajjiżi oħra li mhumiex fl-UE bħar-Russja u l-Iran, il-bini tal-fiduċja ma’ pajjiżi mhux tal-UE u t-tisħiħ tal-fiduċja fost il-pajjiżi kandidati biex tissaħħaħ l-immaġni tal-UE fil-konfront tar-Russja u ċ-Ċina; jemmen li għandha tiġi indirizzata bħala proġett ġeopolitiku li jagħmel investimenti strateġiċi abbażi tal-ħtiġijiet tal-Ewropa għat-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika, permezz ta’ rabta qawwija mal-Att dwar il-Materja Prima Kritika u l-Att dwar iċ-Ċipep, u jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi ċarezza dwar il-prijoritajiet tal-inizjattiva Global Gateway; jemmen li huwa ta’ importanza kbira li wieħed jaġixxi bħala “Tim Ewropa” fl-implimentazzjoni tal-istrateġija, jiżgura skrutinju demokratiku xieraq, l-involviment sħiħ tal-Parlament u azzjoni kkoordinata bejn l-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-Istati Membri, kif ukoll mas-settur privat Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkooperaw mill-qrib u jikkoordinaw ma’ inizjattivi oħra ta’ konnettività li jinvolvu sħab tal-istess fehma, bħall-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel u t-Tajwan, biex jiżguraw li d-drittijiet fundamentali jiġu ssalvagwardjati;

123. Jappoġġja bis-sħiħ il-ħidma mwettqa mid-diviżjoni tal-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE, tat-Task Forces u tal-analiżi tal-informazzjoni u mit-task forces ġeografiċi tagħha; jemmen li jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni biex jiġi deskritt ix-xenarju tat-theddid fil-kuntest tal-atturi relatati mal-awtoritajiet Ċiniżi, kif ukoll fil-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE u lil hinn minnu; jilqa’, f’dan l-isfond, il-ħidma tas-SEAE dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tad-delegazzjonijiet tal-UE u tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK biex jirrispondu għall-FIMI, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab internazzjonali; jemmen, madankollu, li għandhom jiġu allokati aktar riżorsi għat-tisħiħ tal-ħidma tagħhom, kemm fi ħdan il-kwartieri ġenerali tas-SEAE kif ukoll f’dan il-qasam; jappella għal aktar bini tal-kapaċitajiet, inkluż taħriġ imfassal apposta għall-persunal tal-PSDK, żieda fil-kondiviżjoni tal-għarfien u fil-koordinazzjoni ma’ missjonijiet, operazzjonijiet u delegazzjonijiet oħra tal-UE, kollaborazzjoni aħjar mal-media u mas-soċjetà lokali u komunikazzjoni proattiva u reattiva fil-lingwi lokali;

124. Jilqa’ l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni stabbiliti mal-Istati Uniti, bħall-kooperazzjoni li għaddejja bħalissa bejn l-UE u l-Istati Uniti fi ħdan il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija (TTC); jinnota b’interess id-dikjarazzjoni konġunta wara t-TTC tal-5 ta’ Diċembru 2022 li tiddikjara b’mod partikolari li l-grupp ta’ ħidma 5 dwar il-Pjattaformi tal-Governanza tad-Data u t-Teknoloġija u l-grupp ta’ ħidma 6 dwar l-Użu Ħażin tat-Teknoloġija Li Jhedded is-Sigurtà u d-Drittijiet tal-Bniedem “qed jikkoordinaw biex jifhmu u jindirizzaw it-tixrid tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil mir-Russja, b’mod partikolari fil-kuntest tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u l-impatt tagħha fuq pajjiżi mhux tal-UE, b’mod partikolari fl-Afrika u fl-Amerka Latina”; jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tinforma b’mod regolari lill-Parlament dwar il-ħidma tat-TTC u jitlob sforzi kontinwi biex jiġu indirizzati sfidi komuni f’dawn l-oqsma; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lis-SEAE jintensifikaw aktar il-ħidma mal-Istati Uniti dwar il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u tal-għarfien operazzjonali, kif ukoll dwar l-iżvilupp ta’ definizzjonijiet u approċċi komuni;

 

125. Iqis inizjattivi bħat-TTC u l-Mekkaniżmu ta’ Rispons Rapidu (RRM) tal-G7, bħala pjattaformi importanti ta’ kooperazzjoni bejn sħab tal-istess fehma fl-iżvilupp ta’ għodod u fil-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki biex jiġi miġġieled l-FIMI; jistieden lill-UE tieħu t-tmexxija f’dawn l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni biex tiżgura li l-istandards globali jkunu qed jiġu żviluppati f’konformità mal-valuri Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jinkludu regolarment lill-Parlament, permezz tal-amministrazzjoni tiegħu, f’diskussjonijiet ma’ sħab tal-istess fehma u jidentifikaw oqsma fejn l-appoġġ tal-Parlament jista’ jżid il-valur fil-proċess; jappella għal kooperazzjoni aktar profonda bejn is-sħab demokratiċi, bħall-Istati Uniti, u l-promozzjoni ta’ kooperazzjoni akkademika sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn iċ-Ċina tiddomina l-iżvilupp tal-IA;

126. Jitlob li jkun hemm kuntatt imsaħħaħ u dirett bejn kumitati parlamentari speċjalizzati fir-relazzjonijiet transatlantiċi permezz tad-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi;

127. Jilqa’ l-Kodiċi ta’ Kondotta Globali tan-NU; iħeġġeġ lis-SEAE jibqa’ involut mill-qrib fil-proċess u jappella lil stati membri oħra tan-NU dwar l-importanza ta’ sensibilizzazzjoni komuni rigward l-isfidi globali u l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni intensiva; jemmen li l-Kodiċi ma għandux jiffoka biss fuq il-pjattaformi, iżda għandu jħares ukoll lejn atturi statali u mhux statali oħra; jistieden lill-pjattaformi jallokaw aktar riżorsi u kapaċità għall-monitoraġġ ta’ kontenut dannuż bil-lingwi lokali jew bid-djaletti; jistieden lill-pjattaformi jinkludu approċċi biex jimmitigaw ir-riskji mill-IA u minn teknoloġiji oħra; itenni l-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet fundamentali fi ħdan il-Kodiċi; jemmen li bidla fil-liġi internazzjonali se tkun diffiċli ħafna biex issir u jissuġġerixxi għalhekk li l-UE taħdem mill-qrib ma’ sħab tal-istess fehma biex tiżviluppa rispons internazzjonali għall-FIMI;

128. Huwa mħasseb dwar is-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali fil-proċess tan-NU tal-abbozzar ta’ konvenzjoni globali dwar iċ-ċiberkriminalità; jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżguraw li n-normi, id-drittijiet u l-valuri Ewropej jiġu rrispettati fil-proċess, inkluż billi jippromwovu l-Konvenzjoni ta’ Budapest bħala l-istandard globali; ifakkar fil-periklu li l-proċessi għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni jintużaw bħala pretest biex titrażżan il-libertà tal-media;

129. Ifakkar li l-isforzi kollha biex jiġi miġġieled l-indħil barrani għandhom jagħmlu ħilithom biex jirrispettaw l-OSĊ, id-deċiżjonijiet eżistenti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kif ukoll il-Karta tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, u ma għandhomx jiġu abbużati biex jiġġustifikaw u jilleġittimaw politiki restrittivi, li huwa tħassib li jestendi wkoll għall-Istati Membri tal-UE; jitlob li l-kriterji għas-sospensjoni jew ir-revoka ta’ ftehimiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE jiġu applikati b’mod aktar rigoruż, pereżempju fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, peress li l-applikazzjoni attwali ta’ dawk il-kriterji tesponi lill-UE għal influwenza barranija;

130. Jikkundanna t-tentattivi ta’ kumpaniji militari privati (PMCs), bħall-Grupp Wagner u gruppi armati oħra, il-milizji u l-proxies, inkluż l-Kadyrovites u n-Night Wolves, biex jinfluwenzaw il-proċessi demokratiċi f’diversi pajjiżi madwar id-dinja; jikkundanna l-messaġġi reċenti ta’ theddid u intimidazzjoni mibgħuta mill-Grupp Wagner lill-Parlament Ewropew; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jinkludu l-PMCs Russi fil-lista tat-terroristi tal-UE; jistieden lis-SEAE joħloq inizjattiva ma’ sħab tal-istess fehma biex jiġġieldu kontra gruppi ta’ atturi mhux statali malinni, bħal Wagner; jenfasizza li s-settijiet ta’ għodod eżistenti tal-UE għandhom jinkludu tweġibiet, bħal sanzjonijiet, għal finanzjament minn stati mhux tal-UE jew għal kooperazzjoni ma’ kumpaniji militari privati f’reġjuni vulnerabbli;

 

131. Jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni mill-qrib u kontinwa mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, b’mod partikolari l-Ukrajna u pajjiżi kandidati oħra, fil-bini tar-reżiljenza kontra attakki ibridi; jemmen li din il-kooperazzjoni potenzjali tista’ tieħu l-forma ta’ “Information Ramstein”, li tirrifletti l-Grupp ta’ Kuntatt għad-Difiża ta’ Ramstein, li jlaqqa’ flimkien esperti tal-media mill-Ukrajna, mill-UE u lil hinn minnha biex jiddiskutu t-tagħlimiet meħuda mir-reżiljenza Ukrena kontra l-gwerra tal-informazzjoni Russa u jiżviluppaw operazzjonijiet konġunti; iħeġġeġ ukoll lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex japprofondixxu l-kooperazzjoni mat-Tajwan fil-ġlieda kontra l-kampanji ta’ diżinformazzjoni u l-operazzjonijiet ta’ ndħil;

132. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jżidu l-kooperazzjoni ma’ sħab oħra tal-istess fehma dwar l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi biex jiġi indirizzat l-indħil elettorali, pereżempju mal-awtoritajiet elettorali tat-Tajwan, tal-Kanada, tal-Awstralja u tal-Brażil; jappella għal kooperazzjoni akbar man-NATO fil-bini tar-reżiljenza fost l-Istati Membri tal-UE u tan-NATO; jitlob lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri f’pajjiżi terzi jimmonitorjaw u jimmappjaw b’mod kostanti t-tekniki u l-atturi ta’ diżinformazzjoni fil-pajjiżi rispettivi fejn ikunu bbażati, li għalihom għandhom jirċievu r-riżorsi meħtieġa, u jgħinu lill-pajjiżi sħab jiżviluppaw u jsaħħu l-infrastrutturi elettorali kritiċi tagħhom, u li jiġu stabbiliti standards ambizzjużi li joffru interpretazzjoni mtejba tad-dritt internazzjonali eżistenti; iqis li huwa meħtieġ li jitwettaq taħriġ aġġornat għall-uffiċjali u d-diplomatiċi tal-UE dwar l-FIMI;

133. Itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li jiġu stabbiliti ċentri ta’ komunikazzjoni strateġiċi reġjonali barra mill-UE, mibdija mis-SEAE u b’finanzjament suffiċjenti; jemmen li dawn iċ-ċentri multilingwi għandhom isaħħu l-vuċi tal-UE fir-reġjuni prijoritarji (jiġifieri l-Balkani tal-Punent, l-Indo-Paċifiku, il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq (MENA), l-Amerka Latina, u l-Afrika tal-Punent u tal-Lvant), itejbu l-involviment tagħha fil-media reġjonali u fil-kampanji ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ diżinformazzjoni sponsorjati minn barranin li huma immirati lejn il-valuri u l-interessi tal-UE; jissottolinja li l-attivitajiet taċ-ċentri għandhom jipprovdu wkoll appoġġ lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri, joffru sinerġiji mal-fornituri tas-servizzi tal-media tal-UE preżenti f’dawn ir-reġjuni u jagħtu prijorità lill-ħidma mal-influwenzaturi tal-media u tal-opinjoni lokali;

134. Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jkomplu jaħdmu mill-qrib ma’ sħab tal-istess fehma fl-istabbiliment ta’ normi komuni ta’ mġiba u definizzjonijiet responsabbli tal-istat, u fl-iżvilupp ta’ għodod u leġiżlazzjoni għall-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin; jistieden lis-SEAE jsaħħaħ il-kooperazzjoni multilaterali u b’diversi partijiet ikkonċernati ma’ pajjiżi mhux tal-UE, mas-soċjetà ċivili u mal-industrija dwar il-ġlieda kontra l-FIMI permezz ta’ sħubijiet tal-istess fehma u fi djalogi u fora diplomatiċi internazzjonali filwaqt li jiżgura s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali meta jiżviluppa għodod kontra l-FIMI; jesprimi dispjaċir għall-fatt li xi Stati Membri tal-UE għadhom ma mlewx il-pożizzjonijiet ta’ esperti nazzjonali vakanti fi ħdan iċ-Ċentru Ibridu ta’ Eċċellenza tal-UE (Hybrid CoE); jistieden lill-Istati Membri jaħtru rappreżentanti u esperti nazzjonali għal Hybrid CoE;

135. Jissottolinja l-importanza tad-diplomazija u tal-missjonijiet parlamentari biex jiġu amplifikati l-isforzi ta’ konfutazzjoni u l-interessi strateġiċi tal-UE, u biex jikkomunikaw b’mod effettiv ma’ pajjiżi mhux tal-UE, speċjalment fl-Afrika u fir-reġjun MENA; jissottolinja l-valur kbir tal-inizjattivi meħuda mis-servizzi tal-Parlament u s-servizzi tiegħu fl-appoġġ tad-demokrazija parlamentari f’pajjiżi mhux tal-UE billi jsaħħu l-funzjonament demokratiku tal-parlamenti, il-medjazzjoni u d-djalogu parlamentari, jiġu osservati l-elezzjonijiet u jiġu involuti f’dibattiti mas-soċjetà ċivili;

136. Jenfasizza l-potenzjal li l-UE tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ komunità globali ta’ verifikaturi tal-fatti u standards ta’ kwalità globali għall-verifika tal-fatti ispirati mill-Kodiċi Ewropew ta’ Standards għall-Organizzazzjonijiet Indipendenti għall-Verifika tal-Fatti; iqis li huwa meħtieġ, barra minn hekk, li l-UE tappoġġja l-isforzi ta’ verifika tal-fatti fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi tat-tkabbir;

137. Jilqa’ l-appoġġ li jingħata permezz tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija, iżda jemmen li jeħtieġ li tittieħed aktar azzjoni mill-UE biex tappoġġja l-ġurnaliżmu indipendenti f’oqsma influwenzati minn atturi barranin bi skopijiet malinni, bħar-Russja u ċ-Ċina, kif ukoll biex tipprovdi appoġġ strateġiku u finanzjament strutturali għall-NGOs lokali, l-OSĊ, il-verifikaturi tal-fatti u l-media bbażati barra mill-UE, inkluż f’pajjiżi b’riskju għoli, il-pajjiżi tat-tkabbir u l-pajjiżi kandidati; itenni, għalhekk, l-appell tiegħu li jiġi stabbilit fond Ewropew għall-media demokratika biex jappoġġja l-ġurnaliżmu fit-tkabbir u fil-pajjiżi tal-Viċinat tal-UE u fil-pajjiżi kandidati; jinnota li ħafna ġurnalisti mill-Ukrajna ġew fl-UE flimkien mal-għadd dejjem jikber ta’ rifuġjati tal-gwerra u jitlob appoġġ imfassal apposta għall-ambjent tal-media tal-Ukrajna, li saritlu ħsara kbira mill-invażjoni Russa; jistieden lis-SEAE jinkludi dimensjoni parlamentari fl-inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ bini tal-kapaċitajiet tiegħu fil-pajjiżi tal-viċinat tal-UE biex jappoġġja lill-OSĊ u lill-media indipendenti;

138. Iqis li l-UE saret ċentru ewlieni għall-kmamar tal-aħbarijiet indipendenti mir-Russja u mill-Belarussja, peress li dawn il-pajjiżi qerdu l-media indipendenti fit-territorji tagħhom; jemmen li l-media indipendenti tista’ tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni mifruxa mill-Kremlin u fit-tul biex ir-Russja tissawwar bħala pajjiż aktar demokratiku fil-paċi mal-ġirien tagħha; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ strutturat fit-tul inkluż l-istabbiliment ta’ politika ffinanzjata biżżejjed li tipprovdi appoġġ ewlieni fit-tul għall-media u l-ġurnaliżmu indipendenti tar-Russja u tal-Belarussja fl-eżilju;

139. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jitbiegħdu minn approċċ anjostiku tal-pajjiżi lejn approċċ ibbażat fuq ir-riskju u ma joqgħodux lura milli jidentifikaw u jsemmu f’fora internazzjonali, bħan-NU, dawk il-pajjiżi li ppruvaw iwettqu ndħil barrani, sabiex pajjiżi oħra jsiru konxji tar-riskji ppreżentati mill-kwistjoni;

°

° °

140. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


NOTA SPJEGATTIVA

Kuntest

Atturi barranin malizzjużi jużaw manipulazzjoni tal-informazzjoni u tattiċi oħra biex jindaħlu fil-proċessi demokratiċi u għandhom l-għan li jdgħajfu l-governanza demokratika tal-pajjiżi fil-mira.

L-indħil barrani, id-diżinformazzjoni, u l-bosta attakki fuq id-demokrazija u t-theddid kontriha huma mistennija li jkomplu f’numri dejjem akbar u b’modi aktar sofistikati fit-tħejjija għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2024.

Kumitat speċjali INGE 1

Għalhekk, il-Parlament Ewropew saħħaħ ir-rwol tiegħu kontra l-indħil barrani u d-diżinformazzjoni: Wara d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Ġunju 2020, ġie stabbilit l-ewwel Kumitat Speċjali dwar l-Indħil Barrani fil-Proċessi Demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-Diżinformazzjoni (INGE 1). Il-Kumitat Speċjali ngħata l-kompitu li jfassal rapport li jkun fih sejbiet fattwali u rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu fil-ġlieda kontra l-indħil barrani u d-diżinformazzjoni.

Wara tmintax-il xahar ta’ xogħol – ikkaratterizzati minn 50 seduta ta’ smigħ b’aktar minn 130 persuna mistiedna, inklużi 5 Kummissarji (Věra Jourová, il-Viċi Presid;nt tal-Kummissjoni, Valuri u Trasparenza; Margaritis Schinas, il-Viċi President tal-Kummissjoni, Nippromwovu l-Istil ta’ Ħajja Ewropew; Thierry Breton, il-Kummissjarju għas-Suq Intern; Josep Borrell, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà; u ma’ Margrethe Vestager, il-Viċi President Eżekuttiv għal Ewropa Adattata għall-Era Diġitali u l-Kompetizzjoni), esperti, ġurnalisti, rappreżentanti minn gruppi ta’ riflessjoni, kif ukoll rappreżentanti minn Google, Facebook, YouTube, Twitter, żewġ informaturi ta’ Facebook u rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi – ir-Riżoluzzjoni tal-ewwel Kumitat Speċjali dwar l-Indħil Barrani fil-Proċessi Demokratiċi kollha tal-Unjoni Ewropea, inkluża d-Diżinformazzjoni ġiet adottata fid-9 ta’ Marzu 2022, ftit jiem biss wara li bdiet l-aggressjoni militari mhux ipprovokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna.

Ir-Riżoluzzjoni identifikat u mmappjat it-theddida tal-indħil barrani fil-forom kollha tagħha, inklużi d-diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni tal-pjattaformi tal-media soċjali u s-sistemi ta’ reklamar, iċ-ċiberattakki, it-theddid kontra l-ġurnalisti u l-fastidju fil-konfront tagħhom, il-finanzjament politiku bil-moħbi kif ukoll il-ħtif tal-assi mill-elit u l-ħatra mill-membri eżistenti. Din ipprovdiet kemm id-dijanjożi tal-vulnerabbiltajiet kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-UE għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-UE.

Kumitat Speċjali INGE 2

Wara d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-10 ta’ Marzu 2022, huwa stabbilixxa INGE 2, Kumitat Speċjali ġdid b’mandat rivedut. Il-Kumitat Speċjali l-ġdid INGE 2 ingħata r-responsabbiltajiet li jsegwi l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni INGE 1, u li jinvolvi ruħu fi djalogu ma’ dawk li jfasslu l-politika fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali sabiex jikkontribwixxu għar-reżiljenza istituzzjonali ġenerali kontra l-indħil barrani, it-theddid ibridu u d-diżinformazzjoni fit-tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej fl-2024. Mil-laqgħa kostituttiva tiegħu fit-12 ta’ Mejju 2022, ING2 għamel enfasi partikolari fuq l-indħil mir-Russja u miċ-Ċina, pereżempju fl-Ukrajna, u fil-każijiet distinti tal-Ungerija u ta’ Spanja (il-Katalonja); fil-kontinent Afrikan jew fil-pajjiżi tat-tkabbir, inklużi l-Balkani tal-Punent. Dan ħares ukoll lejn il-politika tal-ħtif tal-assi mill-elit u tar-revolving doors, u lejn it-tentattivi ta’ intimidazzjoni kontra l-Membri tal-Parlament Ewropew minn atturi barranin. Huwa kellu skambju ta’ fehmiet mas-Servizzi tal-Intelligence tal-Istati Membri tal-UE u mal-korpi parlamentari maħtura biex jistħarrġu u jissorveljaw l-attivitajiet ta’ dawn is-servizzi.

Il-laqgħat kollha tal-kumitat ġew organizzati f’kooperazzjoni mal-kumitati u d-delegazzjonijiet parlamentari permanenti, pereżempju mal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IMCO), mal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (CULT) u mal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE), mal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET), is-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża (SEDE), il-Kumitat għall-Iżvilupp (DEVE) u d-Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE (DACP), id-Delegazzjoni għall-Kumitat Parlamentari ta’ Kooperazzjoni UE-Russja (D-RU), id-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (D-CN).

Minn Mejju 2022, ING2 stieden mhux inqas minn 24 espert u dawk li jfasslu l-politika inkluża Věra Jourovà, il-Viċi President għall-Kummissjoni tal-Valuri u t-Trasparenza; Josep Borrell, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà; Audrey Tang, il-Ministru għall-Affarijiet Diġitali tat-Tajwan; jew Liubov Tsybulska, Fundatur taċ-Ċentru għall-Komunikazzjonijiet Strateġiċi u s-Sigurtà tal-Informazzjoni fi ħdan il-Ministeru tal-Kultura u l-Politika tal-Informazzjoni tal-Ukrajna.

Fl-aħħar nett, sabiex tingħata l-aħjar attenzjoni lill-bini tar-reżiljenza istituzzjonali u leġiżlattiva fit-tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej fl-2024, l-ING2 stabbilixxa kooperazzjoni mill-qrib ma’ StratCom tan-NATO f’Riga (il-Latvja), il-Hybrid CoE f’Helsinki (il-Finlandja), mal-gvern u l-awtoritajiet tal-Awstralja u mal-korpi rispettivi fin-NU fi New York.

Għalhekk, il-ħidma tat-tieni Kumitat Speċjali ssegwi bla xkiel mill-ewwel wieħed, u din ir-Riżoluzzjoni tal-INGE 2 għandha tkun komplementari għall-INGE 1. Għalhekk tinkludi rakkomandazzjonijiet u aġġornamenti dwar l-istrateġija kkoordinata tal-UE kontra l-indħil barrani; dwar il-bini tar-reżiljenza tal-UE; dwar l-indħil barrani permezz ta’ pjattaformi online; dwar l-infrastruttura kritika u s-setturi strateġiċi; dwar l-indħil matul il-proċessi elettorali; dwar il-finanzjament bil-moħbi ta’ attivitajiet politiċi minn atturi u donaturi barranin; dwar iċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza tal-proċessi demokratiċi; dwar l-impatt tal-indħil fuq id-drittijiet tal-minoranzi u ta’ gruppi diskriminati oħra; dwar id-deterrenza, l-imputazzjoni u l-kontromiżuri kollettivi, inklużi s-sanzjonijiet; dwar il-politika ta’ viċinat, il-kooperazzjoni globali u l-multilateraliżmu.

 

 

 

 

 

 


RAPPORT TAL-MINORANZA MRESSAQ MINN CLARE DALY F’ISEM IL-GRUPP TAX-XELLUG

 

It-tentattivi minn atturi esterni biex irażżnu l-proċessi demokratiċi fl-Ewropa huma reali u jirrikjedu attenzjoni, iżda ma għandhomx jiġu esaġerati u ma jistgħux jiġġustifikaw tbegħid mill-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali jew il-libertajiet politiċi. 

 

Dan ir-rapport huwa sintomatiku tat-tisħiħ tal-awtoritariżmu u l-kisba żejda tas-sigurtà nazzjonali min-naħa tal-partiti tal-klassi fil-gvern ġewwa l-UE. Huwa jħares lejn l-operat tas-soċjetà demokratika b’suspett, fejn l-eżerċizzju tal-libertajiet politiċi f’kull qasam tal-ħajja fl-Ewropa jitqies bħala sors potenzjali ta’ theddid “barrani” li qed jimmultiplika dejjem aktar.

 

Fost il-miżuri repressivi li jikkontempla hemm reġim ta’ ċensura delegata u proattiva tal-massa minn pjattaformi tat-teknoloġija bi sjieda privata (“moderazzjoni tal-kontenut”), kapaċitajiet ta’ propaganda tal-UE msaħħa (“komunikazzjoni strateġika”), l-invenzjoni ta’ reat ġdid ta’ “indħil barrani”, u l-użu ta’ sanzjonijiet kontra persuni u entitajiet akkużati b’diżinformazzjoni, inkluż fl-UE.

 

Tali miżuri x’aktarx jiksru l-obbligi tad-drittijiet fundamentali tal-UE. Jekk jiġu introdotti, dawn se jkun hemm abbuż minnhom. L-effetti usa’ tagħhom se jinkludu l-erożjoni tal-istat tad-dritt, it-tnaqqis tal-ispazju ċiviku, u effett dissważiv fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet demokratiċi. Ma għandhom l-ebda post f’soċjetà ħielsa u demokratika.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI  FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

26.4.2023

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Aurélia Beigneux, Vladimír Bilčík, Ioan-Rareş Bogdan, Anna Bonfrisco, Mercedes Bresso, Włodzimierz Cimoszewicz, Clare Daly, Anna Júlia Donáth, Daniel Freund, Raphaël Glucksmann, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, Nathalie Loiseau, Morten Løkkegaard, Benoît Lutgen, Lukas Mandl, Radka Maxová, Maite Pagazaurtundúa, Nacho Sánchez Amor, Andreas Schieder, Sabine Verheyen, Viola von Cramon-Taubadel, Javier Zarzalejos

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Reinhard Bütikofer, Laura Ferrara, Sandro Gozi, Pirkko Ruohonen-Lerner, Isabel Wiseler-Lima

Sostituti skont l-Artikolu 209(7) preżenti għall-votazzjoni finali

Grzegorz Tobiszowski

 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

27

+

ECR

Pirkko Ruohonen-Lerner, Grzegorz Tobiszowski

ID

Anna Bonfrisco

NI

Laura Ferrara

PPE

Vladimír Bilčík, Ioan-Rareş Bogdan, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, Benoît Lutgen, Lukas Mandl, Sabine Verheyen, Isabel Wiseler-Lima, Javier Zarzalejos

Renew

Anna Júlia Donáth, Sandro Gozi, Nathalie Loiseau, Morten Løkkegaard, Maite Pagazaurtundúa

S&D

Mercedes Bresso, Włodzimierz Cimoszewicz, Raphaël Glucksmann, Radka Maxová, Nacho Sánchez Amor, Andreas Schieder

Verts/ALE

Reinhard Bütikofer, Daniel Freund, Viola von Cramon-Taubadel

 

1

-

The Left

Clare Daly

 

1

0

ID

Aurélia Beigneux

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Mejju 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza