RAPPORT dwar il-ħatra proposta ta’ Ildikó Gáll-Pelcz għall-kariga ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri
25.5.2023 - (C9‑0126/2023 – 2023/0803(NLE))
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Ryszard Czarnecki
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-ħatra proposta ta’ Ildikó Gáll-Pelcz bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri
(C9‑0126/2023 – 2023/0803(NLE))
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9‑0126/2023),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 129 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9‑0197/2023),
A. billi, bl-ittra tat-3 ta’ April 2023, il-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar il-ħatra ta’ Ildikó Gáll-Pelcz għall-kariga ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri;
B. billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; billi, fil-qafas ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kumitat irċieva mill-kandidat curriculum vitae kif ukoll it-tweġibiet tagħha għall-kwestjonarju miktub li kien indirizzat lilha;
C. billi dan il-Kumitat imbagħad, fl-24 ta’ Mejju 2023, ipproċeda b’seduta ta’ smigħ tal-kandidat, li matulha din għamlet stqarrija preliminari, u wara wieġbet għall-mistoqsijiet li saru mill-membri tal-Kumitat;
1. Jagħti opinjoni negattiva dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta’ Ildikó Gáll-Pelcz għall-kariga ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri u jitlob lill-Kunsill biex jirtira l-proposta tiegħu u biex jippreżenta waħda ġdida lill-Parlament;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta’ informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.
ANNESS 1: CURRICULUM VITÆ TA’ ILDIKÓ GÁLL-PELCZ
ESPERJENZA
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
Membru 2017 –
Kamra IV (Regolamentazzjoni tas-swieq u ekonomija kompetittiva) (2017 –)
Kumitat għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar (Kamra III – Azzjoni esterna, sigurtà u ġustizzja) (2021 – 2022)
President tal-Kumitat tal-Awditjar Intern (2019 – 2020)
Membru tal-Kumitat tal-Awditjar Intern (2018 – 2019)
Task Force ta’ Prospettiva (2018 – 2019)
Kumitat ta’ Tmexxija K2 (proġett ta’ rinnovazzjoni tal-QEA) (2019 –)
Rapporti ppubblikati:
- Rapport annwali dwar l-Impriżi Konġunti tal-UE għas-sena finanzjarja (2017, 2018, 2019, 2020, 2021)
- BORD UNIKU TA’ RIŻOLUZZJONI Rapport dwar kwalunkwe obbligazzjoni kontinġenti li tinħoloq b’riżultat tat-twettiq mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, il-Kunsill jew il-Kummissjoni tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament għas-sena finanzjarja (2018)
- Kummerċ elettroniku: ħafna mill-isfidi relatati mal-ġbir tal-VAT u tad-dazji doganali għad iridu jiġu riżolti (2019)
- Riskji, sfidi u opportunitajiet fir-rispons tal-politika ekonomika tal-UE għall-kriżi tal-COVID-19 (2020)
- TDI: funzjonament tajjeb tas-sistema għall-protezzjoni tan-negozji tal-UE minn importazzjonijiet li jkunu oġġett ta’ dumping u ta’ sussidji (2020)
- L-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-taxxa fl-UE: sies sod, xquq fl-implimentazzjoni (2021)
- Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tal-UE: ma hemmx protezzjoni sħiħa (2022)
- Statistika Ewropea: Potenzjal għal aktar titjib tal-kwalità (2022)
Rapporti li għaddejjin bħalissa:
Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati, Bliet Intelliġenti, Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza - Trasformazzjoni diġitali, Kompetizzjoni tat-Taxxa Dannuża, Pagamenti Diġitali, Imblukkar ġeografiku, Rapport annwali dwar l-Impriżi Konġunti tal-UE għas-sena finanzjarja 2022
PARLAMENT EWROPEW
Viċi President 2014 – 2017
President tal-Kumitat tal-Awditjar 2014 – 2017
Membru 2010 – 2017
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) (2010 – 2017)
Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IMCO) (2014 – 2017)
Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (FEMM) (2010 – 2017)
Kumitat ta’ Inkjesta dwar il-Kejl tal-Emissjonijiet fis-Settur Awtomobilistiku (EMIS) (2016 – 2017)
Kumitat ta’ Inkjesta dwar il-Ħasil tal-Flus, l-Evitar tat-Taxxa u l-Evażjoni tat-Taxxa (PANA) (2016 – 2017)
Kumitat Speċjali dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta’ natura jew effett simili (TAXE2) (2015 – 2017)
Kumitat Speċjali dwar id-Deċiżjonijiet tat-Taxxa u Miżuri Oħra ta’ Natura jew Effett Simili (TAXE) (2015)
Kumitat Speċjali għall-Kriżi Finanzjarja Ekonomika u Soċjali (CRIS) (2010 – 2011)
ASSEMBLEA NAZZJONALI UNGERIŻA
Viċi Speaker 2009 – 2010
Membru 2006 – 2010
Kumitat għall-Affarijiet tal-UE (2006 – 2010)
President tal-Kumitat ta’ Inkjesta għall-Investigazzjoni tal-użu tal-fondi tal-UE (2008 – 2010)
UNIVERSITÀ TA’ MISKOLC
Direttur tal-Istitut tax-Xjenza Kummerċjali, Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija tan-Negozju, Professur Assoċjat 2000 – 2010
Viċi Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija tan-Negozju, Professur Assoċjat, Assistent Professur, Lettur 1992 – 2000
Viċi Direttur, Ċentru tal-Kompjuters 1989 – 1992
Inġinier tar-Riċerka, tas-Sistemi u ta’ Coding 1985 – 1989
KWALIFIKI, LAWRJI AKKADEMIĊI
Abilitazzjoni (2016)
“Nieħdu vantaġġ mill-potenzjal tas-Suq Uniku”
Ph.D. (1997)
“Żieda fl-effiċjenza ekonomika bl-użu ta’ metodi analitiċi u ta’ ppjanar avvanzati għall-proċessi tan-negozju”
Dr Univ (1997)
“Ir-rwol tas-sistemi ta’ informazzjoni dwar il-kontabbiltà fl-operat tal-kumpaniji”
Inġinier speċjalizzat fl-Ekonomija, Università ta’ Miskolc (1991)
Inġinier Mekkaniku Kkwalifikat, Fergħa tad-Disinn tal-Proċess tal-Università Teknika tal-Industrija Peżanti, Miskolc (1985)
ĦILIET LINGWISTIĊI
Ungeriż (Profiċjenza nattiva)
Ingliż (Profiċjenza professjonali fix-xogħol)
Ġermaniż (Profiċjenza limitata fix-xogħol)
Russu (Profiċjenza limitata fix-xogħol)
KWALIFIKI
Espert tat-Taxxa Kwalifikat dwar it-Tassazzjoni Internazzjonali (2004)
Awditur Kwalifikat u Konsulent tat-Taxxa (1996)
Kontabilista Kwalifikat (1993)
ANNESS 2: TWEĠIBIET TA’ ILDIKÓ GÁLL-PELCZ GĦALL-MISTOQSIJIET
Qadi tad-dmirijiet: tagħlimiet meħuda u impenji futuri
1. X’inhuma l-kisbiet ewlenin tiegħek fil-kariga ta’ membru tal-QEA? X’kienu l-ikbar diffikultajiet?
Il-kisbiet ewlenin tiegħi bħala membru tal-QEA jinkludu l-introduzzjoni u l-iżvilupp kontinwu tar-rapport annwali konsolidat uniku dwar l-Impriżi Konġunti, li għandhom rwol ewlieni fl-avvanz u l-aċċelerazzjoni tal-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi madwar l-Unjoni f’oqsma importanti. Dan l-iżvilupp mhuwiex sostitut tad-dikjarazzjonijiet ta’ aċċertament separati preċedenti, iżda espansjoni tal-fokus tal-awditjar biex jinkludi kwistjonijiet orizzontali u jippermettilna nipproponu azzjonijiet li għandhom jittieħdu, li jikkontribwixxu sena b’sena għat-titjib viżibbli tal-prestazzjoni tal-Impriżi Konġunti. Dan il-prodott innovattiv, issa standardizzat, intlaqa’ tajjeb kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Impriżi Konġunti nfushom.
Matul il-mandat tiegħi, kont ixxurtjata biżżejjed biex inkun membru ta’ diversi kumitati f’mumenti kruċjali tal-eżistenza tagħhom u b’hekk parti mill-iżviluppi ewlenin. Pereżempju, kont waħda mill-erba’ membri tat-Task Force ta’ Prospettiva li poġġa l-bażi għall-integrazzjoni tal-prospettiva fil-ħidma tal-QEA, l-istabbiliment tal-istrateġija pluriennali 2020+, it-tnedija tal-proċess ta’ trasformazzjoni diġitali tal-awditi finanzjarji tagħna, u fl-aħħar mill-aħħar wassal għall-adozzjoni tal-Istrateġija tal-QEA għall-2021–2025.
Kont membru u mbagħad President tal-Kumitat tal-Awditjar Intern, li witta t-triq għar-reviżjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, bl-ispeċifikazzjoni ulterjuri tar-rwoli u r-responsabbiltajiet, li issa huma ppreżentati f’lista biex jiġu żgurati l-kompletezza u t-trasparenza.
Fl-aħħar nett, kont ukoll membru tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar meta l-Qorti kienet bdiet l-awditi tagħha tan-Next Generation EU/Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-proposta tiegħi li jinħatar il-President tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar bħala l-Membru responsabbli għat-twettiq tal-ħidma kollha ta’ rieżami tal-kwalità għall-kompiti relatati man-Next Generation EU/Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġiet appoġġata b’mod unanimu mill-kollegi tiegħi u wasslet għal proċess ta’ rieżami aktar konsistenti u koerenti.
Fir-rigward tad-diffikultajiet, għandi x-xorti li ma esperjenzajt l-ebda diffikultà personalment, possibbilment ukoll minħabba l-mentalità pożittiva tiegħi u l-kapaċità tiegħi li nara l-isfidi bħala opportunitajiet għat-tagħlim, it-tkabbir u t-titjib.
2. X’inhuma t-tagħlimiet ewlenin meħuda fil-qasam ta’ kompetenzi tiegħek / ir-riżultati miksuba fid-dmirijiet u l-kompiti tal-awditjar tiegħek?
Kont membru rapporteur għal diversi rapporti finanzjarji u dwar il-prestazzjoni:
- Rapport Annwali dwar l-Impriżi Konġunti tal-UE għas-sena finanzjarja 2017, 2018, 2019, 2020, u 2021
(ara mistoqsija 1)
- Rapport speċjali 12/2019 dwar “Kummerċ elettroniku: ħafna mill-isfidi relatati mal-ġbir tal-VAT u tad-dazji doganali għad iridu jiġu riżolti”
Permezz ta’ dan ir-rapport aħna għamilna rakkomandazzjonijiet li jistgħu jgħinu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw aħjar l-isfidi bħal kontrolli insuffiċjenti tal-UE għall-prevenzjoni tal-frodi u għad-detezzjoni tal-abbuż, jew infurzar ineffettiv tal-ġbir tal-VAT.
- Rapport Analitiku 06/2020 dwar “Riskji, sfidi u opportunitajiet fir-rispons tal-politika ekonomika tal-UE għall-kriżi tal-COVID-19”
Permezz ta’ dan ir-rapport analitiku, aħna identifikajna opportunitajiet li diġà għenu biex issir riflessjoni fuq titjib permanenti fil-kapaċità baġitarja tal-UE biex tirreaġixxi għal xokkijiet ekonomiċi kbar u biex ittaffi d-diverġenza ekonomika li tirriżulta fl-Istati Membri tagħha, kif ukoll dwar il-potenzjal li jiġu promossi l-prijoritajiet tal-UE bħall-iżvilupp sostenibbli u d-diġitalizzazzjoni.
- Rapport speċjali 17/2020 dwar “TDI: funzjonament tajjeb tas-sistema għall-protezzjoni tan-negozji tal-UE minn importazzjonijiet li jkunu oġġett ta’ dumping u ta’ sussidji”
Permezz ta’ dan ir-rapport aħna għamilna rakkomandazzjonijiet li għandhom jgħinu fis-sensibilizzazzjoni dwar l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ, jiddokumentaw xi kontrolli aħjar, u jtejbu l-effettività kumplessiva tal-politika.
- Rapport speċjali 03/2023 dwar “L-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-taxxa fl-UE: sies sod, xquq fl-implimentazzjoni”
Permezz ta’ dan ir-rapport aħna għamilna rakkomandazzjonijiet li għandhom jgħinu lill-Kummissjoni ttejjeb il-kopertura tal-qafas leġiżlattiv tal-UE, u tiżviluppa monitoraġġ u gwida, u l-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-informazzjoni li jirċievu.
- Rapport speċjali 06/2022 dwar “Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tal-UE: ma hemmx protezzjoni sħiħa”
Permezz ta’ dan ir-rapport aħna għamilna rakkomandazzjonijiet li għandhom jgħinu biex jitlesta u jiġi aġġornat il-qafas regolatorju, jiġu vvalutati l-arranġamenti ta’ governanza u l-metodoloġija għad-determinazzjoni tat-tariffi, u jittejbu s-sistemi tal-indikazzjonijiet ġeografiċi. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna għandhom jgħinu wkoll lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea jtejjeb il-qafas ta’ responsabbiltà tiegħu u s-sistemi ta’ finanzjament, kontroll u evalwazzjoni tiegħu.
Fuq nota sekondarja, dan ir-rapport rebaħ il-Premjijiet tal-Lingwa Ċara annwali tal-QEA fl-2023 għall-aħjar titlu, l-aħjar sommarju eżekuttiv, u l-aħjar konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet.
- Rapport speċjali 26/2022 dwar “Statistika Ewropea: Potenzjal għal aktar titjib tal-kwalità”
Permezz ta’ dan ir-rapport aħna għamilna rakkomandazzjonijiet li għandhom jgħinu biex jiġu ssodisfati aħjar il-ħtiġijiet tal-utenti, jiġu indirizzati l-lakuni fid-data f’oqsma statistiċi importanti bħax-xogħol, in-negozju, jew is-saħħa, u tingħata prijorità lill-finanzjament tal-UE għal proġetti innovattivi.
- Rapport speċjali 13/2023 dwar “Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati – Programm doganali solidu b’potenzjal mhux sfruttat u implimentazzjoni irregolari”
Permezz ta’ dan ir-rapport aħna għamilna rakkomandazzjonijiet li diġà għamlu impatt pożittiv biex jgħinu lill-Kummissjoni ttejjeb il-qafas regolatorju u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu. Ir-rakkomandazzjonijiet ġew indirizzati fil-ħin għall-pubblikazzjoni tal-Pakkett ta’ Riforma Doganali fis-17 ta’ Mejju.
Fir-rigward tar-rapporti tiegħi li għaddejjin bħalissa, dawn jinkludu bliet intelliġenti, kompetizzjoni tat-taxxa dannuża, trasformazzjoni diġitali tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, pagamenti diġitali, imblukkar ġeografiku, kif ukoll ir-rapport annwali dwar l-Impriżi Konġunti tal-UE għas-sena finanzjarja 2022.
3. X’valur miżjud tista’ toffri lill-QEA fit-tieni mandat tiegħek u/jew b’mod partikolari fil-qasam li tkun responsabbli għalih? Tixtieq tibdel il-qasam ta’ responsabbiltà tiegħek? X’jimmotivak?
Il-potenzjal tiegħi li nwassal aktar valur miżjud lill-QEA fit-tieni terminu jibni fuq l-aħħar sitt snin, jiġifieri fehim ġenwin tal-modus operandi tal-istituzzjoni, inklużi l-operazzjonijiet, il-proċessi u l-mandat. Minn dejjem kont involuta b’mod attiv fil-fażijiet kollha tal-awditi taħt ir-responsabbiltà tiegħi, li jikkostitwixxi esperjenza u għarfien espert li għandhom jiġu sfruttati.
Filwaqt li jien ġeneralment miftuħa għall-bidla, nippreferi li ma nibdilx il-qasam ta’ responsabbiltà tiegħi, peress li nqis li l-esperjenza, l-għarfien u l-ħila esperta tiegħi jistgħu jagħtu l-aktar riżultati fil-Kamra IV, fejn inħoss sinċerament li xogħli jagħmel impatt pożittiv skont ir-rikonoxximent tal-kollegi, tal-partijiet awditjati u tal-partijiet ikkonċernati.
F’termini ta’ motivazzjoni, diġà hemm sens qawwi ta’ dmir u responsabbiltà biex jinqdew l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha. Din il-motivazzjoni hija mirfuda mix-xewqa li nibni fuq l-esperjenza miksuba matul l-ewwel mandat tiegħi u li nikkontribwixxi aktar biex nitfa’ dawl fuq oqsma fejn il-ġestjoni finanzjarja tal-UE tista’ tittejjeb.
4. Kif tiżgura li tilħaq l-objettivi tal-awditjar ippjanati tiegħek f’kompitu tal-awditjar? Ġieli kont fis-sitwazzjoni fejn ma stajtx twettaq il-kompitu tal-awditjar, u għal liema raġunijiet? Kif topera f’sitwazzjonijiet kontroversjali bħal dawn?
Fil-każ tal-awditi li għalihom jien membru rapporteur, l-ilħuq tal-objettivi tal-awditjar ippjanati huwa possibbli bis-saħħa ta’ ppjanar u tħejjija bir-reqqa, parteċipazzjoni attiva kemm tiegħi kif ukoll tal-kabinett tiegħi fid-diversi fażijiet tax-xogħol tal-awditjar, u impenn kostruttiv mal-entitajiet awditjati tagħna fl-ispirtu tal-approċċ ħieles minn kwalunkwe sorpriża.
Għall-kompiti tal-awditjar tiegħi, ma ltqajniex ma’ kontroversji jew sfidi li setgħu jwaqqfuna milli nlestu l-kompitu tal-awditjar. Hija l-prattika normali tiegħi li nipparteċipa bis-sħiħ fil-fażijiet kollha tal-awditu, mill-analiżi tal-kwistjoni sat-tfassil tal-konklużjonijiet u l-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Kooperazzjoni tajba fi ħdan u barra t-tim tal-awditjar, laqgħat regolari u ad hoc dwar is-sitwazzjoni attwali, u feedback mill-partijiet kollha kkonċernati jagħmluha possibbli li jiġu identifikati u indirizzati l-problemi qabel ma jkunu jistgħu jimmaterjalizzaw ruħhom.
5. Jekk tiġi kkonfermata mill-ġdid għat-tieni mandat u ipotetikament, jekk tiġi eletta Dekan ta’ Awla tal-QEA, kieku inti kif tmexxi x-xogħol biex tiddefinixxi l-prijoritajiet tagħha? Tista’ tagħtina żewġ jew tliet eżempji ta’ oqsma li għandu jsir enfasi fuqhom fil-ġejjieni?
Bħala Dekan, persuna tkun responsabbli mhux biss għall-koordinazzjoni tal-ħidma tal-Kamra u għad-definizzjoni tal-prijoritajiet tagħha, iżda wkoll għall-iżgurar li dawn il-prijoritajiet ikunu allinjati mal-objettivi usa’ tal-QEA.
Minn naħa waħda, hija meħtieġa kopertura bbilanċjata tal-oqsma tematiċi rilevanti (bil-parteċipazzjoni attiva kemm tal-Membri kif ukoll tal-awdituri f’diskussjonijiet strateġiċi dwar il-portafoll tal-awditjar attwali u futur tal-Kamra, kif ukoll kontribut minn isfel għal fuq dwar it-tfassil tal-approċċ ta’ ħidma li għandu jiġi segwit) u, min-naħa l-oħra, tali kopertura jeħtieġ li tibqa’ flessibbli sabiex tkun tista’ takkomoda kwalunkwe kwistjoni urġenti (bħall-pandemija tal-COVID-19, il-gwerra fl-Ukrajna, jew il-kriżi tal-enerġija) li tista’ tirriżulta fi kwalunkwe ħin. F’dan is-sens, il-fatt li nkunu aktar iffukati, u effiċjenti għal xi wħud mill-awditi tagħna jista’ jirrikjedi li fl-istadji ta’ programmazzjoni u ta’ ppjanar ikun hemm kamp ta’ applikazzjoni tal-awditjar definit aħjar u/jew imnaqqas, filwaqt li suġġetti tal-awditjar akbar jistgħu jinqasmu wkoll f’awditi sekwenzjali iżgħar u aktar rapidi.
Xi eżempji ta’ oqsma strateġiċi fejn nara li hemm bżonn ta’ fokus partikolari, użat permezz tal-approċċ ta’ programmazzjoni pluriennali tagħna, ikopru inizjattivi ġodda bħall-ġestjoni tan-Next Generation EU u suġġetti trażversali, bħal teknoloġiji ġodda u t-tibdil fil-klima.
6. Kieku kellek timmaniġġja l-għażla ta’ kompiti tal-awditjar fid-dawl tat-tħejjija tal-programm ta’ ħidma annwali tal-QEA, fuq liema bażi tagħmel l-għażla tiegħek minn fost il-lista ta’ prijoritajiet mibgħuta mill-Parlament u/jew mill-Kumitat CONT?
X’tagħmel jekk prijorità politika ma tikkorrispondix għall-valutazzjoni tar-riskju tal-QEA dwar l-attivitajiet tal-Unjoni?
L-immaniġġjar tal-għażla tal-kompiti tal-awditjar jeħtieġ approċċ bir-reqqa u sistematiku għall-identifikazzjoni u l-indirizzar tar-riskji l-aktar sinifikanti fil-ħin u b’mod effettiv. Għal dan l-għan, il-QEA tqis firxa ta’ fatturi, inkluż il-kontribut ipprovdut mill-PE permezz tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, u l-programm ta’ ħidma annwali tagħna huwa stabbilit b’indipendenza sħiħa, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju proprja tal-QEA tal-attivitajiet tal-Unjoni, u d-disponibbiltà tar-riżorsi.
Aħna rċevejna 131 proposta minn 20 kumitat għall-programm ta’ ħidma tagħna għall-2023, u 77 proposta minn 18-il kumitat għall-programm ta’ ħidma tagħna għall-2024. Għall-2023, 64 % tal-kompiti tal-awditjar li għadhom kif żdiedu kienu relatati ma’ proposti li saru permezz tal-KPK, li fil-fehma tiegħi jirrifletti bilanċ tajjeb bejn il-valutazzjoni tar-riskju tagħna stess u x-xewqat tal-Parlament.
Madankollu, nista’ nara t-twettiq ta’ awditu separat dwar prijoritajiet politiċi urġenti bħala għażla miftuħa.
Il-ġestjoni tal-portafoll, metodi ta’ ħidma u riżultati
7. Il-produzzjoni ta’ rapporti ta’ kwalità għolja, robusti u f’waqthom hija kruċjali:
– Kieku inti kif tiżgura li d-data użata f’awditu tkun affidabbli u li s-sejbiet ikunu aġġornati?
Evidenza xierqa għall-awditjar hija prerekwiżit għall-awditi tagħna. Il-QEA tiddependi fuq firxa ta’ sorsi għad-data tagħha, inkluża data pprovduta mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri, u huwa kruċjali li tiġi vverifikata l-preċiżjoni u l-kompletezza ta’ din id-data, biex jiġi żgurat li s-sejbiet tagħna jkunu bbażati fuq informazzjoni affidabbli. Dan huwa ggarantit minn proċeduri interni b’saħħithom għall-kontroll tal-kwalità, li jirriżultaw mill-fehim tas-sorsi tad-data u l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe żball jew inkonsistenza potenzjali.
L-iżgurar li s-sejbiet tagħna ma jkunux skaduti jirrikjedi li nibqgħu aġġornati mal-aħħar xejriet u żviluppi fl-oqsma li aħna nawditjaw. Jeħtieġ ukoll li nkunu preparati biex nadattaw l-approċċ tal-awditjar tagħna b’rispons għal informazzjoni ġdida jew ċirkostanzi li qed jinbidlu. Pereżempju, il-QEA rreaġixxiet malajr ħafna għall-kriżi tal-COVID-19 billi ħarġet żewġ rapporti analitiċi f’waqthom u rilevanti, wieħed dwar ir-rispons ekonomiku (li għalih kont membru rapporteur), u wieħed dwar ir-rispons għas-saħħa, li identifika mhux biss l-isfidi eżistenti, iżda wkoll l-opportunitajiet sottostanti. Permezz ta’ tqabbil, jekk il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tista’ tkun mudell għal strumenti futuri, l-awditi reattivi rapidi jistgħu jkunu wkoll mudell għar-rispons tal-QEA għall-awditjar ta’ tali strumenti.
– Kieku inti kif ittejjeb il-kwalità u l-pertinenza tar-rakkomandazzjonijiet?
Ix-xogħol tal-awditjar tagħna huwa maħsub biex iżid il-valur. Fil-każ tal-awditi li għalihom jien membru rapporteur, aħna kontinwament nimmiraw lejn rakkomandazzjonijiet li jipprovdu suġġerimenti rilevanti, prattiċi u kosteffettivi biex jirrimedjaw id-dgħufijiet. Meta kont membru tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar, aħna rriflettejna dwar il-benefiċċji potenzjali tal-introduzzjoni ta’ tipoloġija ta’ rakkomandazzjonijiet, pereżempju skont il-livell li japplikaw għalih (eż., operazzjonali, maniġerjali, u strateġiċi). Tipoloġija bħal din tista’ tiċċara s-suġġett tar-rakkomandazzjonijiet u tista’ tgħin lill-partijiet ikkonċernati jidentifikaw liema jinteressawhom l-aktar.
Nara wkoll is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet, kemm fil-livell tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri, bħala element kruċjali, mhux biss minħabba li jipprovdilna feedback dwar jekk l-entitajiet awditjati tagħna implimentawx l-azzjonijiet rakkomandati, iżda jagħti wkoll inċentiv lil dawk l-entitajiet awditjati tagħna biex jirreaġixxu b’mod adegwat għar-rakkomandazzjonijiet tagħna, u jgħinna nidentifikaw l-oqsma u s-suġġetti li għalihom nistgħu nżidu l-aktar valur.
8. L-għan tar-riforma tal-QEA huwa li tiġi stabbilita relazzjoni ta’ obbligu ta’ rendikont aktar b’saħħitha bejn it-tim tal-awditjar u l-membru rapporteur:
– Meta tqis l-esperjenza tiegħek, taħseb li r-rwol ta’ membru huwa li jkun aktar involut fil-ħidma tal-awditjar?
Iva, naħseb - u dan urietu l-esperjenza tiegħi - li l-involviment tal-membri jista’ jwassal għal fehim aktar profond tal-proċess tal-awditjar u jippermettilhom jipprovdu għarfien u perspettivi siewja lit-timijiet tal-awditjar. Billi nkunu involuti fil-proċess tal-ippjanar, nistgħu niżguraw li l-approċċ tal-awditjar ikun allinjat mal-prijoritajiet strateġiċi tal-QEA. Lil hinn milli ninvolvu ruħna fi djalogu kostruttiv mat-tim tal-awditjar u nipprovdu feedback dwar l-approċċ u s-sejbiet tal-awditjar, aħna bħala membri nistgħu nipprovdu wkoll għarfien dwar l-iżviluppi politiċi u leġiżlattivi rilevanti u nikkondividu l-għarfien u l-esperjenza mix-xogħol preċedenti tagħna.
– Kieku inti tibdel il-mod kif taħdem ma’ tim tal-awditjar? Jekk iva, kif?
Le, kieku ma nibdilx il-mod kif naħdem mat-timijiet tal-awditjar tiegħi. L-involviment tiegħi fl-awditu, li jsegwi approċċ kollaborattiv u kostruttiv, huwa esperjenza ta’ sodisfazzjon u ta’ valur għalija, u jibgħat sinjal qawwi dwar ħidma flimkien għat-tim. Dan jippermetti wkoll il-monitoraġġ tal-awditu matul il-proċess kollu.
9. Xi jkunu s-suġġerimenti tiegħek għat-titjib u l-modernizzazzjoni ulterjuri tal-funzjonament, il-programmazzjoni u x-xogħol (iċ-ċiklu ta’ awditjar) tal-QEA? Wara l-ewwel mandat tiegħek, tista’ tagħtina aspett pożittiv tal-ħidma tal-QEA, u wieħed negattiv?
Filwaqt li l-QEA għamlet progress sinifikanti fit-titjib taċ-ċiklu tal-awditjar tagħha, bl-introduzzjoni tal-programmazzjoni tax-xogħol pluriennali tagħna, dejjem hemm lok għal aktar modernizzazzjoni tal-ħidma u l-proċessi tagħna. Pereżempju, nara potenzjal enormi fid-diġitalizzazzjoni, peress li t-tħaddin ta’ teknoloġiji ġodda u għodod analitiċi tad-data jista’ jgħinna nissimplifikaw aktar ix-xogħol tal-awditjar tagħna u ntejbu l-aċċessibbiltà tar-rapporti tal-awditjar tagħna.
Wieħed mill-aktar aspetti pożittivi u viżibbli tal-ħidma tagħna huwa li jagħmel differenza għall-aħjar. Ir-rapporti tal-awditjar tagħna mhumiex biss rispettati ħafna mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri, iżda r-rakkomandazzjonijiet tagħna wasslu għal titjib sinifikanti fil-ġestjoni u l-użu tal-fondi tal-UE.
Aspett negattiv jista’ jkun li r-rapporti tagħna xi drabi jiġu kkritikati minħabba li huma tekniċi wisq u diffiċli biex jinftiehmu minn dawk li mhumiex esperti. Biex nindirizzaw din il-kwistjoni, nistgħu nikkunsidraw l-iżvilupp ta’ formati aktar faċli għall-utent u aċċessibbli għar-rapporti tal-awditjar tagħna, bħal rapporti ta’ sinteżi jew infografika, biex ngħinu l-komunikazzjoni tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħna b’mod aktar effettiv lil udjenza usa’.
10. Skont it-Trattat, il-Qorti hija meħtieġa li tassisti lill-Parlament fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ kontroll tiegħu fuq l-implimentazzjoni tal-baġit sabiex jittejbu kemm is-sorveljanza pubblika tal-infiq ġenerali, kif ukoll il-valur tiegħu għall-flus:
– Bl-esperjenza tal-ewwel mandat tiegħek, kif tista’ tittejjeb aktar il-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri u l-Parlament Ewropew (Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) dwar l-awditjar tal-baġit tal-UE?
Il-QEA tqis lill-Kumitat CONT bħala punt ta’ kuntatt ewlieni fi ħdan il-Parlament u għandna l-għan li naħdmu flimkien b’rispett reċiproku tar-rwol ta’ xulxin. Naħseb li aħna sħab tajbin ħafna fl-iżgurar tar-responsabbiltà u t-trasparenza fl-użu tal-fondi tal-UE billi naħdmu flimkien mill-qrib u b’hekk ningranaw il-forzi u l-għarfien espert rispettivi tagħna.
Din il-kooperazzjoni hija diġà definita minn laqgħat regolari bejn iż-żewġ istituzzjonijiet, il-kondiviżjoni tas-sejbiet u r-rapporti tal-awditjar rilevanti, jew l-involviment tal-Kumitat CONT fil-proċess tal-ippjanar tal-awditjar tal-QEA. Fir-rigward tal-proċedura ta’ kwittanza, id-djalogu u r-responsabbiltà meħtieġa - li huma kruċjali, milqugħa tajjeb u fl-interess taċ-ċittadini tagħna - iseħħu fil-limiti stabbiliti mit-Trattati u l-leġiżlazzjoni applikabbli u b’kunsiderazzjoni xierqa għall-indipendenza tagħna.
– Bl-istess mod, kif jistgħu jissaħħu r-relazzjonijiet bejn il-QEA u l-istituzzjonijiet tal-awditjar nazzjonali?
Lil hinn mill-iskambji regolari tagħna mal-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri fil-qafas tal-Kumitat ta’ Kuntatt tal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tal-UE, it-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet tal-awditjar nazzjonali jista’ jinvolvi l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn il-QEA u l-istituzzjonijiet tal-awditjar nazzjonali, l-għoti ta’ appoġġ ta’ taħriġ lill-istituzzjonijiet tal-awditjar nazzjonali, u l-esplorazzjoni ta’ opportunitajiet għal awditi konġunti, jew kollaborazzjoni f’oqsma speċifiċi tal-awditjar.
Billi jaħdmu flimkien aktar mill-qrib, il-QEA u l-istituzzjonijiet tal-awditjar nazzjonali jistgħu jtejbu l-kwalità u l-effettività tax-xogħol tal-awditjar tagħhom u jipprovdu sorveljanza aktar komprensiva u integrata tal-baġit tal-UE. Dan jista’ jgħin biex jiġu identifikati u indirizzati kwistjonijiet u riskji fi stadju bikri, u b’hekk jittejbu l-ġestjoni u l-użu tal-fondi tal-UE.
Fil-każ tiegħi, pereżempju, għandna skambji kostruttivi ħafna ma’ diversi awtoritajiet nazzjonali fil-fażijiet preparatorji tar-rapporti tagħna, filwaqt li niddiskutu prattiki tajbin u sfidi possibbli fl-oqsma tematiċi rilevanti.
11. Kif se tappoġġa lill-Parlament biex jirnexxilu jqassar il-proċedura ta’ kwittanza? X’azzjonijiet jistgħu jittieħdu min-naħa tiegħek?
Il-QEA hija impenjata biex tissodisfa l-iskadenzi tal-kwittanza stabbiliti mil-leġiżlatur. Aħna nistinkaw biex nippreżentaw ir-rapporti annwali tagħna saħansitra aktar kmieni fejn possibbli, mingħajr ma nikkompromettu l-kwalità tax-xogħol tal-awditjar tagħna. Il-ħeffa tal-proċess tiddependi wkoll fuq l-entità awditjata, u jekk nirċevux informazzjoni ta’ sostenn, bħal rapporti finanzjarji, fil-ħin. Jeħtieġ ukoll li nagħtu biżżejjed attenzjoni lill-approvazzjoni tal-osservazzjonijiet preliminari tagħna mal-entitajiet awditjati tagħna u lill-proċess ta’ wara l-awditu, inkluża t-traduzzjoni.
Filwaqt li t-tqassir ta’ din il-proċedura huwa ta’ sfida, dejjem appoġġajt is-simplifikazzjoni tagħha, u ninsab kuntenta li l-QEA diġà ħadet azzjonijiet viżibbli għal dan l-għan. Is-sena l-oħra, aħna ppubblikajna r-rapport annwali tagħna fit-13 ta’ Ottubru, u din is-sena se nippubblikawh qabel, fis-6 ta’ Ottubru, li huwa aktar minn xahar qabel l-iskadenza legali (15 ta’ Novembru).
Indipendenza u integrità
12. X’garanziji ta’ indipendenza tista’ tagħti lill-Parlament Ewropew, u kif tista’ tiżgura li kwalunkwe attività li wettaqt, qiegħda twettaq jew li se twettaq ma tqajjimx dubji dwar it-twettiq ta’ dmirijietek fil-QEA?
Il-garanzija tal-indipendenza li nista’ nagħti lill-Parlament Ewropew hija l-ewwel mandat tiegħi bħala Membru tal-QEA. Matul l-aħħar sitt snin, urejt l-indipendenza, l-integrità u l-imparzjalità tiegħi permezz ta’ xogħli.
Jien naqbel bis-sħiħ mal-konformità mal-valuri etiċi ewlenin tal-QEA, u nirrispetta bis-sħiħ il-Kodiċi ta’ Kondotta tagħna, li jipprojbixxi lill-Membri milli jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe attività li tista’ tikkomprometti l-indipendenza tagħhom.
13. Kieku inti kif tittratta irregolarità ewlenija jew saħansitra każ ta’ frodi u/jew korruzzjoni li jinvolvi persuni fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħek? Kont f’din is-sitwazzjoni fil-mandat attwali?
Bħala Membru tal-QEA, huwa kruċjali li tinżamm l-imparzjalità u l-integrità meta jiġu ttrattati kwalunkwe irregolarità, frodi, jew każ ta’ korruzzjoni li jistgħu jinqalgħu b’rabta mal-fondi tal-UE. Fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda differenza jekk tali irregolarità jew każ ta’ frodi jinvolvux persuni fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħi jew fi kwalunkwe Stat Membru ieħor. Jien nirrapporta kwalunkwe każ bħal dan li nsir naf bih. Ma kontx f’din is-sitwazzjoni matul il-mandat attwali tiegħi.
14. L-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interess jista’ jiskatta riskju għar-reputazzjoni tal-QEA. Kif timmaniġġja kwalunkwe kunflitt ta’ interess?
Kieku jien niżvela kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali u nitlob li niġi rekużata kif meħtieġ minn kompitu tal-awditjar jew minn kwalunkwe proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet relatat miegħu.
15. Inti involuta f’xi proċedimenti legali? Jekk iva, ta’ liema tip?
Le, m’iniex.
16. X’impenji speċifiċi int lesta li tieħu f’termini ta’ trasparenza mtejba, aktar kooperazzjoni u segwitu effettiv għall-pożizzjonijiet tal-Parlament u t-talbiet għall-awditjar?
Se nkompli ninvolvi ruħi b’mod attiv mal-Kumitat CONT u ma’ kumitati rilevanti oħra biex niżgura li l-prijoritajiet tal-awditjar tal-QEA jallinjaw ruħhom mal-ħtiġijiet u t-tħassib tal-Parlament, filwaqt li tiġi promossa l-indipendenza tagħna bħala gwardjan tal-UE. Dan ikun jinvolvi laqgħat regolari mal-Membri tal-PE, skambju ta’ informazzjoni dwar l-ippjanar tal-awditjar u r-riżultati, u ħidma flimkien fuq inizjattivi konġunti.
Barra minn hekk, se nappoġġa s-simplifikazzjoni tal-istruttura tar-rapporti ta’ segwitu tagħna u se ninkludi t-tweġibiet kollha meħtieġa filwaqt li nipprovdi spjegazzjonijiet dettaljati u konkreti dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament.
Mistoqsijiet oħra
17. Se tirtira l-kandidatura tiegħek għal tiġdid tal-mandat jekk l-opinjoni tal-Parlament dwar il-ħatra tiegħek għall-kariga ta’ Membru tal-QEA ma tkunx favorevoli?
Iva, peress li huwa essenzjali għall-ħidma tiegħi li l-Parlament ikollu fiduċja fija. Il-Parlament ta opinjoni professjonali favorevoli dwar il-ħatra tiegħi sitt snin ilu, u nittama li l-qadi ta’ dmirijieti matul l-ewwel mandat jipprovdi lill-Parlament bażi soda biex itenni din l-opinjoni għat-tiġdid tal-mandat tiegħi.
18. Il-ħatra għall-kariga ta’ Membru tal-QEA tirrikjedi attenzjoni u dedikazzjoni sħiħa lill-istituzzjoni nnifisha u li tiġi żgurata fiduċja fl-Unjoni fost iċ-ċittadini tagħha:
– X’inhuma l-fehmiet tiegħek dwar l-aħjar mod kif tittieħed responsabbiltà għal dawn id-dmirijiet professjonali?
Bħala Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, huwa essenzjali li jkun hemm impenn sħiħ għar-rwol u r-responsabbiltajiet tal-pożizzjoni. Dan jinvolvi fehim ċar tal-missjoni tal-istituzzjoni, għarfien dwar il-ħidma tal-Unjoni Ewropea, u impenn għall-ogħla standards ta’ professjonaliżmu, etika u integrità.
Il-membri tal-QEA għandhom dejjem jaġixxu fl-aħjar interess tal-UE u taċ-ċittadini tagħha, filwaqt li jiżguraw li r-riżorsi pubbliċi jintużaw b’mod effettiv u effiċjenti. Għandna naħdmu wkoll biex intejbu l-viżibbiltà tal-istituzzjoni, nikkomunikaw ir-riżultati tal-awditi tagħna, u ninvolvu ruħna mal-pubbliku u mal-partijiet ikkonċernati biex nibnu l-fiduċja.
– X’inhuma l-arranġamenti personali attwali tiegħek f’termini ta’ għadd ta’ jiem ta’ preżenza fil-Lussemburgu? Tippjana li tibdel dawn l-arranġamenti?
F’termini ta’ arranġamenti personali, ngħix il-Lussemburgu, u m’iniex qed nippjana li nibdel dawn l-arranġamenti.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
24.5.2023 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
13 13 0 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Olivier Chastel, Ilana Cicurel, Ryszard Czarnecki, José Manuel Fernandes, Luke Ming Flanagan, Daniel Freund, Monika Hohlmeier, Jean-François Jalkh, Joachim Kuhs, Alin Mituța, Jan Olbrycht, Markus Pieper, Sándor Rónai, Eleni Stavrou, Lara Wolters |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Maria Grapini, Hannes Heide, Niclas Herbst, David Lega, Ryszard Antoni Legutko, Marian-Jean Marinescu, Mikuláš Peksa, Sabrina Pignedoli, Ramona Strugariu, Viola von Cramon-Taubadel |
|||
Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Attila Ara-Kovács |