RAPPORT dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2022 dwar il-Montenegro

26.9.2023 - (2022/2202(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Tonino Picula


Proċedura : 2022/2202(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0277/2023
Testi mressqa :
A9-0277/2023
Testi adottati :


PR_INI

WERREJ

Paġna

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

NOTA SPJEGATTIVA

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

 



 

 MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW 

dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2022 dwar il-Montenegro

(2022/2202(INI))


Il-Parlament Ewropew,
 

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra[1], li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2010,

 wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-Montenegro għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Diċembru 2008,

 wara li kkunsidra l-ħames laqgħa tal-Konferenza mal-Montenegro dwar l-Adeżjoni fil-livell tad-deputati tat-30 ta’ Ġunju 2020 fi Brussell, li fiha nfetħu n-negozjati dwar l-aħħar kapitolu taħt eżami analitiku, il-Kapitolu 8 “politika tal-kompetizzjoni”,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Montenegro biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea (COM(2010)0670), id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 u s-17 ta’ Diċembru 2010 biex jingħata status ta’ pajjiż kandidat lill-Montenegro u d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta’ Ġunju 2012 biex jinfetħu n-negozjati ta’ adeżjoni mal-Montenegro,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Settembru 2021 li jistabbilixxi l-Istrument għall-assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III)[2],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Salonka tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2003,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-summits bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, li saru f’Sofia fis-17 ta’ Mejju 2018, f’Zagreb fis-6 ta’ Mejju 2020, fi Brdo pri Kranju fis-6 ta’ Ottubru 2021 u f’Tirana fis-6 ta’ Diċembru 2022,

 wara li kkunsidra l-Proċess ta’ Berlin varat fit-28 ta’ Awwissu 2014,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2020 intitolata “It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent” (COM(2020)0057),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2020 intitolata “Appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija” (COM(2020)0315),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2020 intitolata “Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent” (COM(2020)0641),

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Sofia dwar l-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent iffirmata mill-Montenegro fl-10 ta’ Novembru 2020,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2021 intitolata “Komunikazzjoni tal-2021 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE” (COM(2021)0644), akkumpanjata mid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni intitolat “Montenegro 2021 Report” (Rapport 2021 dwar il-Montenegro) (SWD(2019)0293),

 wara li kkunsidra l-ħarsa ġenerali u l-valutazzjoni għal kull pajjiż tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2021 dwar il-Programm ta’ Riformi Ekonomiċi tal-Montenegro u l-konklużonijiet konġunti tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija, adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2021,

 wara li kkunsidra l-Konferenzi Intergovernattivi ta’ Adeżjoni UE-Montenegro tat-22 ta’ Ġunju 2021 u tat-13 ta’ Diċembru 2021,

 wara li kkunsidra l-11-il Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Montenegro tal-14 ta’ Lulju 2022 f’Podgorica,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet adottati fl-okkażjoni tal-20 laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Montenegro, li saret fit-2 ta’ Diċembru 2021,

 wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Montenegro man-NATO fil-5 ta’ Ġunju 2017,

 wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 01/2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: L-appoġġ mogħti mill-UE għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent: minkejja l-isforzi li saru, jippersistu problemi fundamentali, tal-10 ta’ Jannar 2022,

 wara li kkunsidra d-diskors tal-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fl-okkażjoni tal-Forum GLOBSEC 2023 ta’ Bratislava fit-23 ta’Mejju 2023,

 wara li kkunsidra l-istatus tal-Montenegro bħala Parti Kontraenti fit-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija mill-1 ta’ Jannar 2007,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar il-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-Balkani tal-Punent[4],

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2022 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar l-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir[5],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Montenegro,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0277/2023),

A. billi t-tkabbir huwa l-aktar strument effikaċi tal-politika barranija tal-UE, li jinċentiva u jinkoraġġixxi r-riformi fundamentali, anki fil-qasam tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija, tad-drittijiet fundamentali u tal-libertà ta’ espressjoni u jirrappreżenta investiment strateġiku u ġeopolitiku, orjentat lejn il-futur, fil-paċi, fl-istabbiltà u fis-sigurtà fil-kontinent kollu, b’mod partikolari fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li wriet li n-nuqqas ta’ tkabbir iġib miegħu kost strateġiku enormi u jista’ jhedded is-sigurtà u l-istabbilità fl-Ewropa;

B. billi l-effikaċja tal-politika tat-tkabbir naqset konsiderevolment f’dawn l-aħħar snin minħabba nuqqas ta’ rieda politika ġenwina li jitmexxew ’il quddiem ir-riformi fundamentali min-naħa ta’ ċerti mexxejja politiċi tal-pajjiżi tat-tkabbir, kif ukoll minħabba dewmien min-naħa tal-UE biex iżżomm uħud mill-wegħdiet li għamlet; billi dan ħoloq art fertili għal atturi esterni malizzjużi fil-Balkani tal-Punent, b’mod partikolari r-Russja u ċ-Ċina;

C. billi l-impuls għat-tkabbir imqanqal mir-realtà ġeopolitika li nbidlet u mill-applikazzjonijiet ta’ adeżjoni mal-UE min-naħa ta’ ċerti pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant ġiegħel lill-UE tħaffef l-interventi tagħha f’dawk li huma r-riżultati li ilhom mistennija fil-konfront tal-Balkani tal-Punent; billi l-ġejjieni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jinsab fi ħdan l-UE;

D. billi l-mexxejja politiċi tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi tat-tkabbir jeħtieġu juru l-impenn ġenwin tagħhom fil-konfront tat-tkabbir fuq il-bażi tal-kriterji ta’ Copenhagen billi jieħdu miżuri konkreti u jagħmlu progress biex jagħtu ħajja ġdida lill-proċess kollu kemm hu, u jiżguraw il-kontinwità, il-konsistenza, il-kredibbiltà u l-impatt tiegħu;

E. billi kull pajjiż tat-tkabbir huwa ġġudikat fuq il-merti proprji tiegħu; billi r-rispett tal-kriterji tat-tkabbir, l-implimentazzjoni tar-riformi neċessarji, b’mod partikolari fil-qasam tal-“kwistjonijiet fundamentali”, ir-rispett tal-prinċipji tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-governanza tajba, l-allinjament mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE l-allinjament leġiżlattiv jiddeterminaw il-kalendarju u l-progress fil-proċess tal-adeżjoni;

F. billi l-UE tenniet l-impenn inekwivokabbli u bla riżervi tagħha fil-konfront tal-prospettiva ta’ adeżjoni tal-Montenegro mal-UE; billi kważi 80 % taċ-ċittadini Montenegrini huwa favur l-adeżjoni futura tal-pajjiż mal-UE;

G. billi l-Montenegro huwa l-pajjiż li l-aktar għamel passi ’l quddiem fil-proċess ta’ adeżjoni mal-UE, fil-fatt fetaħ it-33 kapitolu kollha taħt eżami analitiku tal-acquis tal-UE u għalaq proviżorjament tlieta; billi l-integrazzjoni tal-Montenegro fl-UE hija essenzjali għall-istabbiltà u għall-prosperità tal-Ewropa tax-Xlokk kollha;

H. billi l-Montenegro aċċetta li jadotta b’mod gradwali l-objettivi u l-politiki tal-Unjoni Ewropea matul il-proċess tan-negozjati;

I. billi l-Montenegro jibqa’ pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE u alleat tan-NATO; billi l-Montenegro huwa allinjat totalment mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE;

J. billi l-UE għadha s-sieħeb kummerċjali prinċipali u l-fornitur prinċipali ta’ investimenti u assistenza finanzjarja tal-Montenegro permezz tal-IPA III, tal-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent, tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – Ewropa Globali, u tal-assistenza makrofinanzjarja;

K. billi l-Montenegro jħabbat wiċċu ma’ sfidi li ġejjin mill-indħil barrani u minn kampanji ta’ diżinformazzjoni malizzjużi, anki mir-Russja;

Impenn favur l-adeżjoni mal-UE

1. Ifaħħar l-impenn fit-tul tal-Montenegro favur l-integrazzjoni fl-UE, mirfud minn livell għoli ta’ appoġġ pubbliku; itenni l-appoġġ tiegħu lill-Montenegro f’dan ir-rigward; jenfasizza li l-progress u r-ritmu ġenerali fin-negozjati jiddependu mir-rispett tal-parametri intermedji fil-qasam tal-istat tad-dritt; josserva li nfetħu t-33 kapitolu kollha taħt eżami analitiku, iżda jiddispjaċih li f’dawn l-aħħar sitt snin l-ebda kapitolu ma ngħalaq, u dan naqqas ir-ritmu tal-progress tal-Montenegro u laqat ħażin ir-riżultati pożittivi u l-istatus tiegħu bħala l-aktar pajjiż li mexa ’l quddiem fil-Balkani tal-Punent fit-triq tiegħu lejn l-adeżjoni mal-UE;

2. Itenni li r-ritmu tal-proċess tat-tkabbir jibqa’ marbut mal-kapaċità tal-pajjiżi individwali li jissodisfaw il-kriterji ta’ adeżjoni, iżda jiddependi wkoll mill-impenn tal-mexxejja politiċi fil-Balkani tal-Punent u fl-UE; jiddispjaċih f’dan ir-rigward bi kwalunkwe posponiment ripetut u riluttanza min-naħa tal-elit politika Montenegrina fil-poter biex imexxu ’l quddiem in-negozjati mal-UE;

3. Jiddispjaċih bil-fatt li t-tensjonijiet politiċi qawwijin u l-polarizzazzjoni, in-nuqqas li jinbena kunsens fuq kwistjonijiet ta’ interess nazzjonali u l-assenza ta’ djalogu bejn il-partiti kkawżaw dewmien fil-progress tar-riformi relatati mal-UE u tefgħu lill-Montenegro fi kriżi politika u istituzzjonali profonda; josserva li, bħala konsegwenza, anki l-proċess ta’ adeżjoni tal-Montenegro mal-UE staġna u ntilef l-impuls importanti biex isir progress sinifikanti;

4. Jieħu nota tar-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali ta’ Marzu u April 2023 u tal-elezzjonijiet parlamentari bikrija ta’ Ġunju 2023; jesprimi l-konvinzjoni soda tiegħu li l-Montenegro għandu bżonn gvern stabbli favur l-Ewropa u maġġoranza orjentata lejn l-UE; jinkoraġġixxi l-formazzjoni ta’ gvern stabbli u ġdid favur l-Ewropa, kapaċi u lest ikompli fit-triq tal-adeżjoni mal-UE mill-aktar fis possibbli; jinkoraġġixxi lill-President, lill-parlament il-ġdid u lill-gvern jikkonċentraw fuq ir-riformi essenzjali meħtieġa biex il-pajjiż jagħmel progress fl-integrazzjoni mal-UE, jiżgura li jiġu implimentati f’waqthom u b’mod korrett, jevita li tikber il-polarizzazzjoni politika u jastjeni milli juża lingwaġġ u retorika xewwiexa fid-diskussjonijiet politiċi; jibqa’ lest li jikkoopera mal-atturi politiċi kollha biex jappoġġa lill-pajjiż ħalli jżomm ir-rotta strateġika tiegħu;

5 Jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini kollha jikkollaboraw għall-ġejjieni Ewropew tal-pajjiż, billi jibagħtu messaġġ ċar liċ-ċittadini Montenegrini u jikkomunikaw mingħajr ambigwitajiet dwar ir-relazzjoni stretta tal-Montenegro mal-UE f’dan ir-rigward; jisħaq fuq il-bżonn urġenti ta’ stabbiltà politika, impenn u involviment kredibbli fil-bini tal-kunsens biex il-proċess ta’ riforma tal-UE, li bħalissa jinsab staġnat, jimxi ’l quddiem, b’mod partikolari f’dawk li huma r-riformi urġenti tal-istat tad-dritt; jissottolinja l-importanza tar-rispett kostanti tal-proċessi, tan-normi u tal-istandards demokratiċi;

6. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-aċċettazzjoni min-naħa tal-Montenegro tal-metodoloġija tat-tkabbir riveduta u jistieden lill-Montenegro jintensifika l-isforzi tiegħu biex jirrispetta l-parametri intermedji li fadal relatati mal-Kapitoli 23 u 24 u, imbagħad, fuq l-għeluq tal-kapitoli abbażi ta’ progress li jista’ jitkellel u riżultati tanġibbli;

7. Jilqa’ pożittivament il-fatt li l-Montenegro qed ikompli jallinja ruħu totalment mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE, anki mas-sanzjonijiet kollha adottati wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-appoġġ tiegħu favur ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti; jinkoraġġixxi lill-gvern futur jibqa’ impenjat f’dan ir-rigward;

8. Ifaħħar l-appoġġ materjali u umanitarju tal-Montenegro lill-Ukrajna, ta’ valur ogħla minn EUR 10 miljun, kif ukoll il-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja, li jagħti lill-persuni li jaħarbu mill-Ukrajna d-dritt li jibqgħu fil-Montenegro għal sena; ifakkar li l-Montenegro hu fost il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li jilqgħu fi ħdanhom l-akbar numru ta’ ċittadini Ukreni; jesprimi madankollu tħassib għall-fatt li numru dejjem akbar ta’ ċittadini Russi, inklużi l-oligarki, qed jieħdu residenza fil-Montenegro; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Montenegrini jiżguraw li l-pajjiż ma jsirx ċentru għall-entitajiet u għall-persuni li jixtiequ jaħarbu mis-sanzjonijiet;

9. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-involviment attiv tal-Montenegro fil-missjonijiet u fl-operazzjonijiet tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni tal-UE, pereżempju l-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea Operazzjoni Atalanta, kif ukoll fil-missjonijiet tan-NATO u f’missjonijiet internazzjonali u multilaterali oħra; jirrikonoxxi l-alleanza strateġika tal-Montenegro mal-UE u jikkundanna kull tentattiv min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti li jpoġġu f’dubju l-adeżjoni man-NATO;

10. Jibqa’ mħasseb serjament bl-atti ta’ ndħil barrani bi skopijiet ħżiena, bl-isforzi ta’ destabbilizzazzjoni, bit-theddid ibridu u bil-kampanji ta’ diżinformazzjoni minn atturi barranin fil-Montenegro li jippreżentaw lill-UE bħala sieħba inaffidabbli u diżinteressata u jimminaw il-progress tal-Montenegro fit-triq tiegħu lejn l-Ewropa, b’mod partikolari dawk li ġejjin mir-Russja, miċ-Ċina u mis-Serbja; jikkundanna l-isforzi tar-Russja biex tisfrutta t-tensjonijiet etniċi fil-Montenegro bil-għan li tqanqal il-kunflitti, tifred il-komunitajiet u xxerred informazzjoni qarrieqa bit-tentattiv li tiddestabbilizza r-reġjun tal-Balkani tal-Punent kollu kemm hu; josserva li l-istituzzjonijiet reliġjużi jistgħu jintużaw bħala strumenti ta’ influwenza esterna u jikkundanna lil kull indħil mhux xieraq min-naħa tal-Knisja Ortodossa Serba f’dan ir-rigward, inklużi t-tentattivi tagħha li tippromwovi d-diżinformazzjoni tar-Russja;

11. Jistieden lill-Montenegro jagħmel sforzi sinifikanti u sistemiċi biex jidentifika u jżarma l-fabbriki tad-diżinformazzjoni u jisħaq fuq l-importanza tal-libertà u tal-indipendenza tal-media, tal-ġurnaliżmu tal-kwalità u tat-titjib tal-litteriżmu medjatiku bħala elementi kruċjali fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; jikkundanna ċ-ċiberattakk mingħajr preċedent li seħħ f’Awwissu 2022 kontra l-infrastrutturi diġitali tal-Montenegro, kif ukoll l-attakki li saru fl-imgħoddi bħala tweġiba għall-adeżjoni tal-Montenegro man-NATO fl-2017; iħeġġeġ lill-Montenegro jżid attivament ir-reżiljenza tiegħu f’dan ir-rigward, f’kooperazzjoni stretta mal-UE, anki permezz tal-istrumenti ta’ ċibersigurtà ffinanzjati mill-UE, bħall-proġett ta’ Rispons Rapidu għaċ-Ċibersigurtà għall-Albanija, għall-Montenegro u għall-Maċedonja ta’ Fuq, u man-NATO; jilqa’ b’sodisfazzjon l-interess tal-Montenegro li jikkoopera mal-UE permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea; jitlob l-adozzjoni urġenti tal-istrateġija kontra t-theddid ibridu u tal-pjan ta’ azzjoni relatat, bi qbil mad-dokumenti strateġiċi tal-UE, inkluża l-politika tal-UE dwar iċ-ċiberdifiża tal-2022; jistieden lill-Kummissjoni tagħti assistenza teknika u finanzjarja f’dan ir-rigward;

12. Jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lid-delegazzjoni tal-UE fil-Montenegro jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex itejbu l-viżibbiltà tal-UE fil-pajjiż u jagħmlu kampanja ta’ komunikazzjoni attiva u effikaċi dwar l-importanza u l-vantaġġi ta’ sħubija mill-qrib bejn l-Montenegro u l-UE, inklużi dwar il-proġetti ffinanzjati mill-UE u l-ġejjieni Ewropew tal-Montenegro; jitlob li jitwessa’ l-monitoraġġ StratCom biex jikkonċentra fuq it-theddid ta’ diżinformazzjoni transfruntiera fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u fil-pajjiżi ġirien tagħhom; jenfasizza l-valur miżjud li jagħti l-involviment tal-għarfien espert lokali u reġjonali tas-settur privat u tas-soċjetà ċivili bil-għan li jingħataw risposti bbażati fuq provi fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u fl-identifikazzjoni bikrija tal-iżviluppi preokkupanti;

13. Jisħaq fuq il-bżonn ta’ rispett sħiħ tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri tal-Kummissjoni u tal-obbligi tal-Kummissjoni fl-ambitu tat-Trattati;

14. Jinkoraġġixxi lill-Montenegro jerġa’ jinvolvi ruħu fil-kooperazzjoni parlamentari permezz tal-Kumitat Parlamentari ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (KPSA); jiddispjaċih li tħassret il-laqgħa tal-KPSA bejn l-UE u l-Montenegro ta’ Diċembru 2022 minħabba n-nuqqas min-naħa tal-Montenegro li jsegwi l-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja fir-rigward tal-adozzjoni kontroversjali tal-Liġi dwar l-emendi tal-Liġi dwar il-President;

Demokrazija u stat tad-dritt

15. Jiddispjaċih bl-adozzjoni tal-liġi kontroversjali dwar l-emendi tal-Liġi dwar il-President tal-Parlament tal-Montenegro, f’Diċembru 2022, li qajmet direttament dubji dwar ir-rispett tal-kostituzzjonalità u l-istat tad-dritt, minkejja l-opinjoni urġenti tal-Kummissjoni ta’ Venezja u t-talbiet tal-UE kontra tali adozzjoni; jilqa’ pożittivament it-tnedija min-naħa tal-Qorti Kostituzzjonali tal-proċedura ta’ kontroll tal-kostituzzjonalità tal-liġi u d-deċiżjoni unanima reċenti tagħha li tirrevoka l-liġi; jisħaq fuq l-importanza li jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar kwistjonijiet relatati mad-dispożizzjonijiet ġuridiċi u mal-qagħda ġenerali tal-istat tad-dritt fil-pajjiż;

16. Jiddispjaċih bil-polarizzazzjoni profonda, bin-nuqqas ta’ djalogu, bl-isfiduċja u bil-bojkotts politiċi fi ħdan il-Parlament Montenegrin li ostakolaw serjament il-proċess leġiżlattiv; jistieden lill-fergħa leġiżlattiva u lill-fergħa eżekuttiva jsaħħu l-kooperazzjoni leali, anki f’dak li għandu x’jaqsam mal-proċess ta’ adeżjoni; jitlob li jissaħħu l-funzjonament u l-koordinament bejn l-istituzzjonijiet statali biex tinkiseb l-istabbiltà politika u jsir progress sostanzjali fir-riformi kruċjali marbuta mal-UE, b’mod partikolari r-riformi elettorali u ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;

17. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Montenegrini jimplimentaw u jadottaw il-miżuri neċessarji biex isaħħu l-indipendenza, l-integrità, l-effiċjenza, ir-responsabbiltà u l-professjonalità tal-ġudikatura u jiġġieldu kontra kwalunkwe forma ta’ ndħil politiku fis-sistema ġudizzjarja, bi qbil mal-prinċipji tal-istat tad-dritt u mal-istandards demokratiċi;

18. Jilqa’ pożittivament il-ħatra ta’ tliet imħallfin ġodda tal-Qorti Kostituzzjonali, li hija pass lejn ir-riżoluzzjoni tal-kriżi kostituzzjonali; jiddispjaċih bil-fatt li l-Qorti Kostituzzjonali tħalliet mingħajr kworum minn Settembru 2022; jistieden lill-parlament il-ġdid jagħti l-ogħla prijorità lill-ħatriet fil-ġudikatura, b’mod partikolari lill-ħatra tal-Prosekutur Suprem tal-Istat, kif ippropona l-Kunsill ta’ Prosekuzzjoni f’Mejju 2023, u tat-tliet membri tal-Kunsill Ġudizzjarju;

19. Jiddispjaċih bin-nuqqas ta’ progress rigward ir-riforma tal-qafas istituzzjonali u ġuridiku elettorali, li fih għad hemm lakuni u ambigwitajiet li jikkompromettu l-effikaċja tiegħu u jeħtieġ li jiġu indirizzati, fosthom, bħala eżempju, it-trasparenza fil-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-kampanji elettorali tagħhom, l-użu ħażin tal-fondi statali, il-vantaġġ istituzzjonali użat mill-partiti fil-poter biex jiksbu gwadann politiku u t-tħassib dwar l-akkuratezza tar-reġistru elettorali; jitlob li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet pendenti fformulati mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, anki bil-għan li tiġi riformata l-leġiżlazzjoni elettorali kollha bi qbil mal-istandards Ewropej; jieħu nota tal-ħidma li bdiet il-Kummissjoni Elettorali Statali biex iżżid it-trasparenza u timplimenta r-rakkomandazzjonijiet; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet ikomplu jsaħħu l-integrità, l-imparzjalità u r-responsabbiltà tal-Kummissjoni Elettorali Statali biex tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini; iħeġġeġ lill-Montenegro jagħti segwitu politiku u ġudizzjarju kredibbli, indipendenti u effikaċi lill-hekk imsejjaħ “każ tal-envelopp” ta’ allegati frodi elettorali;

20. Jitlob għal darb’oħra li l-elezzjonijiet lokali jsiru fl-istess ġurnata; jilqa’ favorevolment il-fatt li l-elezzjonijiet f’14-il muniċipalità saru fl-istess ġurnata f’Ottubru 2022; josserva, madankollu, li l-emendi tal-Liġi dwar il-Gvernijiet Lokali ġew ġġudikati inkostituzzjonali mill-Qorti Kostituzzjonali tal-Montenegro; jitlob li jkun hemm, f’dan ir-rigward, qafas ġuridiku sod, b’enfasi partikolari tkun biex jinkiseb bilanċ bejn il-ġeneri fost ir-rappreżentanti eletti, jiġifieri permezz tar-rappreżentanza ndaqs għall-kandidati nisa fil-listi elettorali, kif ukoll biex jitjiebu u jiġu infurzati r-regoli interni fis-seħħ f’dan ir-rigward;

21. Josserva li l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari tal-2023 kienu kompetittivi u mmexxija sewwa fuq livell ġenerali, u li l-kandidati setgħu jagħmlu kampanja liberament u gawdew minn opportunitajiet indaqs biex jilħqu lill-eletturi; jiddispjaċih, madankollu, li r-reġistrazzjoni tal-kandidati ma kinitx inklużiva u li ma ġewx indirizzati lakuni li ilhom żmien twil jeżistu fil-qafas ġuridiku u fir-regolamenti fil-qasam tal-finanzjament tal-kampanji; huwa mħasseb bil-vulnerabbiltà tal-media għall-influwenzi interni u esterni f’dak li għandu x’jaqsam mal-kopertura tal-kampanji u bl-allegazzjonijiet ta’ użu ħażin tar-riżorsi statali fil-perjodu preelettorali; jieħu nota tar-rekord minimu tal-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet parlamentari, li kienet 56,4 %;

22. Iħeġġeġ lill-Montenegro jħejji risposta kredibbli u effikaċi tal-ġustizzja kriminali għall-korruzzjoni; jieħu nota tat-titjib fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni u tat-tendenza pożittiva tax-xogħlijiet tal-Aġenzija għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u jinkoraġġixxi tisħiħ ulterjuri tal-integrità, tal-imparzjalità u tar-responsabbiltà tal-Aġenzija biex ittejjeb il-prestazzjonijiet tagħha u l-fiduċja taċ-ċittadini; jistieden lill-awtoritajiet jadottaw malajr strateġija nazzjonali koordinata għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’livell għoli u l-kriminalità organizzata, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni u mal-istandards tal-UE u jrawmu approċċ integrat għall-prevenzjoni u għar-repressjoni tal-korruzzjoni; jistieden lill-awtoritajiet jistabbilixxu li l-arrikkiment illeċitu huwa reat;

23. Josserva bi tħassib kbir l-azzjonijiet kriminali nazzjonali u internazzjonali gravi min-naħa tal-organizzazzjonijiet Montenegrini tal-kriminalità organizzata, magħrufa bħala “clans” u jitlob li ssir investigazzjoni kompluta dwar l-allegata rabta tagħhom mal-klassi diriġenti politika tal-pajjiż;

24. Josserva l-isforzi li saru fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata bis-saħħa ta’ modifiki leġiżlattivi u tal-arrest ta’ personalitajiet kruċjali; jieħu nota tal-akkużi gravi mressqa kontra esponenti ewlenin tas-sistema ġudizzjarja; josserva n-numru dejjem jikber ta’ kundanni definittivi, iżda jibqa’ mħasseb bit-tul eċċessiv tal-proċessi u bid-differimenti frekwenti; jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jintensifikaw l-investigazzjonijiet kriminali, iżidu n-numru ta’ esperti f’dan il-qasam, jiżguraw kooperazzjoni u monitoraġġ imsaħħa fis-sistema tal-ġustizzja kriminali u li jaqtgħu s-sentenzi f’waqthom, filwaqt li jiġi rispettat id-dritt għal proċess ġust, indipendenti u imparzjali u mħarsa d-drittijiet tal-imputati; jitlob li jkun hemm aktar allinjament mal-acquis tal-UE fil-qasam tal-konfiska tal-assi;

25. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi pożitivi li saru fil-qasam tal-kummerċ illeċitu, partikolarment tal-kuntrabandu ta’ sigaretti; josserva l-miżuri l-ġodda li ħabbar il-gvern f’Lulju 2022 li jipprojbixxu l-ħżin tat-tabakk fil-belt ta’ Bar; itenni l-importanza li jittieħdu aktar miżuri biex jindirizzaw il-kuntrabandu ta’ sigaretti fil-pajjiż, speċjalment fiż-żona ħielsa tal-Port ta’ Bar;

26. Iħeġġeġ lill-Montenegro jiżviluppa strateġija komprensiva biex jiġġieled it-traffikar tal-bnedmin u jipproteġi lill-vittmi kif ukoll jiżgura kooperazzjoni stretta mas-sħab reġjonali u internazzjonali; jilqa’ pożittivament il-kooperazzjoni li għaddejja bejn il-Montenegro u l-aġenziji tal-UE bħall-Europol u l-Eurojust u josserva l-importanza ta’ din il-kooperazzjoni biex tingħata assistenza lill-Montenegro ħalli jindirizza l-kriminalità transfruntiera, inkluż it-traffikar ta’ armi, drogi u bnedmin, u biex jiġġieled kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu;

27. Jilqa’ pożittivament l-adozzjoni tal-istrateġija l-ġdida għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika għall-perjodu 2022-2026, iżda jiddispjaċih bin-nuqqas ta’ progress fl-implimentazzjoni tagħha; jibqa’ mħasseb bil-fatt li r-rekwiżiti għar-reklutaġġ fuq bażi meritokratika, għall-kompetenzi u għall-indipendenza tal-uffiċjali pubbliċi saru anqas rigorużi, kif ukoll għat-telf ta’ persunal b’għarfien dwar il-proċess ta’ adeżjoni mal-UE; iħeġġeġ lill-Montenegro jindirizza b’mod effikaċi dawn in-nuqqasijiet, jottimizza l-amministrazzjoni statali, jimplimenta r-responsabbiltà maniġerjali u jiżgura t-trasparenza; jissottolinja l-importanza tar-reklutaġġ fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika abbażi tal-prinċipji tal-mertu, tal-kompetenza kif ukoll tad-depolitiċizzazzjoni tas-servizz pubbliku; għadu mħasseb bil-każijiet ta’ abbuż tal-uffiċċju;

28. Jilqa’ pożittivament it-tieni Assemblea taċ-Ċittadini fil-Montenegro u ż-żjara ta’ segwitu tal-parteċipanti tagħha fil-Parlament Ewropew;

Libertajiet fundamentali u drittijiet tal-bniedem

29. Jistieden lill-Montenegro jintensifika l-isforzi tiegħu biex jiġġieled kontra d-diskors ta’ mibegħda, il-fastidju online, li jħalli effetti sproporzjonati fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u fuq in-nisa, u r-rapportar politikament ikkundizzjonat u l-influwenza barranija fil-media Montenegrina; iħeġġeġ lill-politiċi u lill-personalitajiet pubbliċi jiddenunzjaw bis-saħħa kollha kwalunkwe messaġġ li jipprova jippolarizza s-soċjetà u jimmina l-fiduċja fil-media u n-normi demokratiċi fundamentali; ifakkar li episodji ta’ diskors ta’ mibegħda kontra l-minoranzi etniċi u sesswali, pereżempju l-episodji kontra l-persuni LGBTIQ+, huma problema li tqajjem tħassib serju; josserva wkoll il-progress b’ritmu limitat fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni;

30. Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-polarizzazzjoni politika profonda fil-panorama tal-media, għan-nuqqas ta’ indipendenza tax-xandar pubbliku (Radju u Televiżjoni tal-Montenegro – RTCG) u, b’mod partikolari, għall-volum dejjem akbar ta’ kampanji ta’ diżinformazzjoni barranin u interni li jħallu impatt negattiv fuq il-proċessi demokratiċi; josserva bi tħassib il-pressjoni li l-iżvilupp tal-kompetizzjoni medjatika reġjonali jeżerċita fuq is-suq lokali tal-media; jenfasizza l-bżonn tal-libertà u tal-indipendenza tal-media bħala elementi fundamentali ta’ demokrazija b’saħħitha; jistieden lill-awtoritajiet ta’ regolamentazzjoni tal-media u lill-partijiet ikkonċernati kollha jippromwovu u jsostnu l-inizjattivi li jinkoraġġixxu u jrawmu ġurnaliżmu bbilanċjat u imparzjali u r-rappreżentazzjoni ta’ perspettivi differenti, kif ukoll il-ġurnaliżmu investigattiv, bil-għan li jittaffa l-impatt tal-polarizzazzjoni politika;

31. Josserva l-evoluzzjoni tal-Istrateġija ta’ Żvilupp tal-RTCG u tal-Istrateġija ta’ Trasformazzjoni Diġitali għall-perjodu 2023-2027, li tirrikonoxxi r-rwol fundamentali tal-RTCG bħala s-sors prinċipali ta’ informazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet kollha jastjenu milli jieħdu kwalunkwe azzjoni amministrattiva, leġiżlattiva jew politika li tista’ tikkomprometti l-indipendenza editorjali, istituzzjonali jew finanzjarja tax-xandar pubbliku; jesprimi tħassib dwar l-elezzjoni tad-direttur ġenerali tal-RTCG bi ksur ta’ deċiżjoni definittiva ta’ qorti;

32. Jirrikonoxxi l-isforzi li saru biex tiġi kkompletata l-Istrateġija għall-Media tal-Montenegro 2022-2026 u jinsisti biex jiġu inklużi l-media u s-soċjetà ċivili fir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-media, bi qbil mal-istandards tal-UE; iħeġġeġ lill-Montenegro fl-aħħar jadotta ġabra ġdida ta’ liġijiet dwar il-media, b’mod partikolari liġi dwar il-media, liġi dwar il-media pubblika u liġi dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva;

33. Jilqa’ b’sodisfazzjon ċerti miżuri pożittivi li ttieħdu, bħall-introduzzjoni ta’ penali eħrex f’każ ta’ attakki u theddid fil-konfront ta’ ġurnalisti u l-ħolqien ta’ kummissjoni ad hoc għall-monitoraġġ tal-vjolenza kontra l-media u jitlob b’urġenza għal tiġdid tal-mandat tagħha; itenni, madankollu, il-bżonn ta’ implimentazzjoni effettiva tal-konklużjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet tagħha; jitlob aktar trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam mal-fajls ikklassifikati relatati mal-attakki fuq il-ġurnalisti nisa; iħeġġeġ lill-Montenegro jżid l-effikaċja tar-risposta ġuridika għat-theddid u għall-vjolenza fil-konfront tal-ġurnalisti u tal-professjonisti tal-media l-oħrajn, anki fir-rigwad ta’ każijiet tal-imgħoddi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jastjenu minn kwalunkwe attakk verbali jew pressjoni politika mhux xierqa fuq il-ġurnalisti u l-media indipendenti; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi rieżaminata l-investigazzjoni dwar l-omiċidju tal-ġurnalist Duško Jovanović u li jsir kuntatt ma’ esperti barranin biex jiġi żgurat li l-investigazzjoni tkun kompluta u effikaċi;

34. Iħeġġeġ lill-Montenegro jagħmel iċ-ċensiment tal-popolazzjoni, li ilu mistenni, u tal-alloġġi sal-aħħar ta’ din is-sena, bi qbil mal-istandards tal-UE u internazzjonali; jistenna li dan isir b’mod miftuħ u trasparenti mingħajr l-ebda ndħil politiku, u li l-minoranzi nazzjonali rikonoxxuti jingħaddu korrettament mingħajr biża’ ta’ intimidazzjoni jew prosekuzzjoni;

35. Jilqa’ pożittivament l-identità multietnika tal-pajjiż u jitlob aktar promozzjoni u rispett tal-lingwi kollha, tal-patrimonju kulturali kollu u tat-tradizzjonijiet kollha tal-komunitajiet lokali u tal-minoranzi nazzjonali; jiddispjaċih bil-fatt li l-polarizzazzjoni u l-firdiet fis-soċjetà saru aktar qawwijin; jenfasizza l-bżonn li jiġu protetti d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali kollha, inklużi d-drittijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi tagħhom, u jħeġġeġ it-tisħiħ, l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ oqfsa istituzzjonali u ġuridiċi f’dan ir-rigward, inkluża liġi ġdida kontra d-diskriminazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet jindirizzaw id-diskriminazzjoni intersettorjali li l-minoranzi jġarrbu permezz ta’ approċċ istituzzjonali sistemiku u effikaċi;

36. Jistieden lill-Montenegro jintensifika l-isforzi għall-użu mhux diskriminatorju tal-lingwi minoritarji fl-edukazzjoni u fl-ispazji medjatiċi ddedikati fi ħdan l-organi tal-istampa statali u lokali; jisħaq fuq l-importanza ta’ rappreżentanza ndaqs tal-minoranzi nazzjonali fil-media, fil-ġudikatura, fl-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi u fl-istituzzjonijiet pubbliċi; jenfasizza l-bżonn li jiġu protetti d-drittijiet politiċi tal-minoranzi nazzjonali kollha;

37. Jiddispjaċih bil-fatt li l-gruppi l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà, inklużi r-Rom u l-Eġizzjani, il-persuni b’diżabbiltà, il-persuni LGBTIQ+, huma suġġetti dejjem aktar għal diskriminazzjoni, diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda; jistieden lill-Montenegro jsaħħaħ il-miżuri kontra d-diskors ta’ mibegħda, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u jtejjeb l-aċċess tal-gruppi vulnerabbli għall-ġustizzja, għall-impjiegi, għall-alloġġi u għall-assistenza tas-saħħa; ifakkar fil-bżonn li tiġi implimentata bis-sħiħ u b’mod effikaċi l-istrateġija 2021-2025 għall-inklużjoni tar-Rom u tal-Eġizzjani; jiddeplora ż-żieda fil-vjolenza u fid-diskors ta’ mibegħda fil-konfront tal-persuni LGBTIQ+ u jistieden lill-Montenegro jadotta leġiżlazzjoni rilevanti biex jipproteġi bis-sħiħ lil drittijiethom, inkluża l-implimentazzjoni sħiħ tal-Liġi dwar l-Unjoni Omosesswali;

38. Jissottolinja l-identità multietnika tal-Bajja ta’ Kotor; jisħaq fuq il-fatt li l-prospettiva Ewropea tal-Montenegro hija minsuġa mill-qrib mal-protezzjoni tal-minoranzi u tal-patrimonju kulturali tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jistimolaw in-natura multietnika tal-istat, fosthom it-tradizzjonijiet u l-patrimonju kulturali tal-komunità Kroata fil-Bajja ta’ Kotor; jilqa’ pożittivament l-elezzjoni ta’ rappreżentant tal-minoranza Kroata fil-Parlament tal-Montenegro fl-aħħar elezzjonijiet;

39. Jinsab imħasseb biż-żieda fil-femminiċidji, bil-misoġinija espressa apertament, bil-vjolenza tal-ġeneru u bil-vjolenza fuq it-tfal; jibqa’ mħasseb bis-sessiżmu indirizzat lin-nisa fis-setturi tal-politika u tal-ħajja pubblika u jiddispjaċih li l-vjolenza fuq in-nisa tikkontribwixxi biex in-nisa ma jitħallewx jinvolvu ruħhom fil-ħajja politika; jinsab imħasseb bin-numru dejjem jonqos ta’ nisa Membri tal-Parlament;

40. Iħeġġeġ lill-Montenegro jimplimenta l-istandards tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, ivara kampanji ta’ sensibilizzazzjoni tal-opinjoni pubblika u jiżgura li tali reati jiġu investigati b’mod adegwat u li dawk responsabbli jkunu suġġetti għal prosekuzzjoni; jistieden lill-Montenegro jelimina kull forma ta’ diskriminazzjoni, jindirizza l-imġiba diskriminatorja radikata fil-fond fis-soċjetà, itejjeb l-aċċess għall-ġustizzja u jiżgura li jingħata segwitu aħjar u jiġu applikati aħjar id-drittijiet fil-proċedimenti relatati mal-vjolenza domestika, kif ukoll li jkun hemm prevenzjoni msaħħa tal-vjolenza domestika u protezzjoni msaħħa kontriha u sistemi ta’ appoġġ għall-vittmi; jistieden lill-Montenegro jistabbilixxi mekkaniżmi ta’ monitoraġġ perjodiċi biex jikkontrolla l-effikaċja tas-sistemi tad-dritt tal-familja għall-vittmi ta’ abbuż domestiku u jdaħħal mekkaniżmi ta’ monitoraġġ biex jivvaluta l-impatt tal-politiki u tal-proċeduri relatati mad-dritt tal-familja fuq il-gruppi emarġinati ta’ nisa;

41. Jesprimi tħassib għan-nuqqas ta’ progress u għall-kunflitti ta’ interessi fil-proċess ta’ abbozzar tal-emendi tal-Liġi dwar il-Protezzjoni mill-Vjolenza Domestika; josserva li l-Prosekutur tal-Istat, suspettat li kkommetta vjolenza domestika, ġie ddelegat mill-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni tal-Istat biex jipparteċipa fil-grupp ta’ ħidma tal-Ministeru għall-Ġustizzja għall-abbozzar tal-emendi tal-liġi;

42. Jiddispjaċih bil-prevalenza attwali tad-diskriminazzjoni kontra l-persuni b’diżabbiltà; jiddispjaċih bl-inkonsistenza bejn il-liġijiet nazzjonali u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà; jitlob l-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġiji bil-għan li jimtlew il-lakuni fid-difiża tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà fis-setturi u fil-politiki kollha, fosthom l-assistenza tas-saħħa, is-suq tax-xogħol u fil-proċedimenti amministrattivi u ġudizzjarji; jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li għaddejja r-riforma tas-Sistema Nazzjonali ta’ Determinazzjoni tad-Diżabbiltà; jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta’ strateġija ta’ deistituzzjonalizzazzjoni;

43. Josserva bi tħassib l-iffirmar tal-Ftehim Fundamentali mal-Knisja Ortodossa Serba f’kuntest ta’ kritika tas-soċjetà ċivili u ta’ nuqqas ta’ qbil fil-livell politiku rigward in-nuqqas ta’ konsultazzjonijiet inklużivi u trasparenza; huwa mħasseb bit-tentattivi tal-Knisja Ortodossa f’pajjiżi bħas-Serbja u l-Montenegro biex tippromwovi lir-Russja bħala protettriċi tal-hekk imsejħa valuri tal-familja tradizzjonali u biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-Istat u l-Knisja;

44. Jissottolinja r-rwol fundamentali li jiżvolġu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-funzjonament tad-demokraziji; jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jinvolvu aktar lis-soċjetà ċivili, flimkien ma’ esperti indipendenti u partijiet ikkonċernati lokali, fl-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni kruċjali, b’mod partikolari fir-riformi marbuta mal-aġenda ta’ riformi tal-UE u mal-proċess ta’ adeżjoni f’livell aktar ġenerali, billi jsaħħu l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u konsultazzjoni bejn il-kopri statali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; josserva li ddaħħlu regoli ta’ finanzjament għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, iżda numru limitat biss ta’ ministeri nieda sejħiet biex jikkonċedi għotjiet lil dawn l-organizzazzjonijiet; josserva bi tħassib azzjonijiet mhux xierqa min-naħa ta’ ċerti organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jiżguraw li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili joperaw fir-rispett tal-istandards demokratiċi u tal-valuri tal-UE; josserva, f’dan il-kuntest, li trasparenza sħiħa fir-rigward tal-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tkun kontribut importanti lejn garanzija ta’ trasparenza akbar; jiddeplora l-attakki verbali min-naħa ta’ uffiċjali statali fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

45. Jistieden lill-Montenegro jimplimenta b’urġenza u mingħajr riżervi r-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perjodiku Universali, tal-Kumitat kontra t-Tortura u tal-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament u Pieni Inumani jew Degradanti, bil-għan li tingħeleb il-klima ta’ impunità fil-pajjiż; iħeġġeġ, f’dan il-kuntest, lill-Montenegro jipprojbixxi l-istatut dwar il-preskrizzjoni tar-reati ta’ tortura u ta’ forom oħra ta’ maltrattament u jemenda d-definizzjoni ta’ tortura f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura; jistieden lill-awtoritajiet jiggarantixxu li jsiru investigazzjonijiet fil-pront u effikaċi fuq il-każijiet ta’ vjolenza min-naħa tal-pulizija u ta’ tortura fil-konfront tad-detenuti u jiżguraw li dawk responsabbli jagħtu kont ta’ għemilhom quddiem il-ġustizzja; jitlob li l-awturi tat-tortura jiġu sospiżi immedjatament mill-inkarigu suġġetti għal investigazzjoni u jaqalgħu penali proporzjonati għall-gravità ta’ azzjonijiethom, jekk misjuba ħatja;

46. Jieħu nota tal-iffirmar ta’ ftehim imsaħħaħ bejn l-UE u l-Montenegro dwar il-kooperazzjoni operattiva fil-ġestjoni tal-fruntieri mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), li daħal fis-seħħ proviżorjament fl-1 ta’ Lulju 2023; jinkoraġġixxi aktar kooperazzjoni bejn il-Montenegro u Frontex bil-għan li tissaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri, jiġu sostnuti l-proċeduri ta’ ażil, jiġi miġġieled il-kuntrabandu u jitjiebu l-proċessi ta’ riammissjoni;

Rikonċiljazzjoni, kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat

47. Josserva l-parteċipazzjoni attiva tal-Montenegro fil-kooperazzjoni reġjonali u jisħaq fuq l-importanza li jiġu indirizzati l-isfidi komuni, promossi relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat u inċentivati l-istabbiltà u l-iżvilupp reġjonali; ifaħħar lill-Montenegro talli jirrispetta d-drittijiet tal-minoranzi u ħa rwol pożittiv fir-relazzjonijiet reġjonali u jinkoraġġih jintensifika l-isforzi ta’ rikonċiljazzjoni tiegħu u jsib soluzzjonijiet għat-tilwim tal-imgħoddi;

48. Jissottolinja l-importanza ta’ kooperazzjoni ekonomika inklużiva li għandha tkun aċċettabbli għas-sitt pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, li tistabbilixxi kooperazzjoni li fiha kollha jkunu fuq livell pariġġ u li trawwem allinjament akbar man-normi u mal-acquis tal-UE; ifakkar, f’dan ir-rigward, fir-riżervi tiegħu fir-rigward tal-inizjattiva “Open Balkan” u josserva l-parteċipazzjoni tal-Montenegro bħala osservatur fis-summits ta’ Ġunju u ta’ Settembru;

49. Jilqa’ l-ftehimiet reċenti fil-kuntest tal-Proċess ta’ Berlin dwar il-libertà tal-moviment b’karti tal-identità, dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-edukazzjoni għolja, u dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali għal tobba, dentisti u arkitetti; jitlob l-adozzjoni u l-implimentazzjoni rapida tagħhom u jfaħħar ir-ratifika tagħhom min-naħa tal-Gvern Montenegrin; jisħaq fuq l-importanza li jiġu sfruttati bis-sħiħ l-inizjattivi reġjonali u intergovernattivi diġà eżistenti, b’mod partikolari l-Inizjattiva Adrijatika-Jonika, l-Inizjattiva tal-Ewropa Ċentrali, l-istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku-Joniku u l-Proċess ta’ Berlin, u li jinħolqu sinerġiji bejniethom;

50. Iħeġġeġ lill-Montenegro jintensifika l-isforzi tiegħu għall-identifikazzjoni, għall-prosekuzzjoni u għall-ikkastigar tad-delitti tal-gwerra u l-glorifikazzjoni tagħhom, kif ukoll jiċċara d-destin tal-persuni nieqsa; jistieden lill-Montenegro jinvestiga proattivament l-allegazzjonijiet kollha ta’ delitti tal-gwerra u jqajjem kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltà ta’ kmand, mal-għajnuna u mal-favoreġġjament; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni reġjonali effikaċi fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni fil-konfront ta’ persuni akkużati b’delitti tal-gwerra; ifaħħar il-kooperazzjoni kontinwa tal-Montenegro fl-ambitu tal-proċess tad-Dikjarazzjoni ta’ Sarajevo; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jirrieżaminaw il-każijiet tal-imgħoddi li ma kinux suġġetti għal prosekuzzjoni bi qbil mad-dritt umanitarju internazzjonali, kif ukoll mad-dritt nazzjonali, u jiżguraw li l-vittmi kollha u l-familjiari tagħhom jiksbu riżarċiment u/jew indennizz amministrattiv għat-tbatija tagħhom; jiddispjaċih bil-fatt li jippersistu ħafna problemi marbuta mal-integrazzjoni ekonomika u soċjali u mal-benesseri tagħhom;

51. Huwa mħasseb bl-adozzjoni, mill-Parlament Montenegrin xolt, tal-Liġi dwar il-Veterani u l-Protezzjoni tad-Diżabbiltajiet, li tippreskrivi selettivament il-kategorija tal-“vittmi ċivili tal-gwerra” u d-dritt tagħhom għal riżarċiment fi flus, minkejja l-fatt li l-liġi għadha ma daħlitx fis-seħħ;

52. Jistieden lill-Montenegro jirrispetta d-dispożizzjonijiet dwar is-suċċessjoni ta’ dik li kienet ir-Repubblika Soċjalista Federattiva tal-Jugoslavja, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżorsi militari;

53. Jistieden lill-Montenegro jieħu miżuri konkreti biex jirriżolvi t-tilwim bilaterali li ilu żmien twil b’mod kostruttiv u fi spirtu ta’ bon viċinat, inklużi l-kwistjonijiet mhux riżolti marbuta mad-demarkazzjoni tal-fruntieri mas-Serbja u mal-Kroazja, biex jinstab qbil mill-aktar fis possibbli matul il-proċess ta’ adeżjoni; jinkoraġġixxi l-promozzjoni ta’ inizjattivi transfruntieri, inkluż il-Programm ta’ Kooperazzjoni Transfruntiera kofinanzjat mill-UE bejn is-Serbja u l-Montenegro;

54. Itenni t-talba tiegħu biex jinfetħu l-arkivji li jikkonċernaw l-ex repubbliki tal-Jugoslavja u li jingħata l-aċċess għall-fajls tas-Servizzi Sigrieti tal-ex Jugoslavja u tas-Servizzi Sigrieti tal-Armata Popolari Jugoslava, bil-għan li ssir riċerka bir-reqqa u jiġu indirizzati d-delitti tal-epoka Komunista;

Riformi soċjoekonomiċi

55. Josserva b’sodisfazzjon is-surplus tal-baġit li ġie rrapportat għall-ewwel trimestru tal-2023 u l-previżjonijiet ta’ tkabbir ekonomiku għall-2024; jilqa’ pożittivament it-tnaqqis tar-rata tal-inflazzjoni, iżda josserva li għadha waħda mill-ogħla rati fl-Ewropa;

56. Jinkoraġġixxi lill-Montenegro jadatta l-istrateġija ta’ tkabbir ekonomiku tiegħu bil-għan li jagħti spinta lill-produttività u lill-kapital uman u jħaffef il-konverġenza mal-UE, kif issuġġerit mill-Bank Dinji u biex ikun għall-ġid tal-faxex kollha tas-soċjetà, inklużi l-gruppi emarġinati u vulnerabbli; itenni l-bżonn li jsiru aktar investimenti pubbliċi fis-sistema tal-edukazzjoni għal żvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli;

57. Josserva t-tnaqqis tad-dejn pubbliku tal-Montenegro, iżda jibqa’ mħasseb immens bil-vulnerabbiltajiet relatati mad-dejn; jistieden lill-Montenegro jieħu aktar azzjonijiet biex jiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u jiżviluppa miżuri li jnaqqsu l-ekonomija informali;

58. Jistieden lill-Montenegro jsaħħaħ il-politiki ekonomiċi fiskali tiegħu biex il-livelli ta’ dejn pubbliku tiegħu jġibhom allinjati mal-objettiv iffissat mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir tal-UE, u jiżgura li ma jaqbżux is-60 % tal-PDG; iħeġġeġ lill-Montenegro jsaħħaħ il-mekkaniżmu ta’ skrinjar tiegħu tal-investimenti barranin biex itejjeb is-sigurtà ekonomika, jipprevjeni l-indħil politiku u jindirizza l-kwistjonijiet ta’ governanza ħażina; jisħaq fuq l-importanza li titjieb is-sostenibbiltà tal-esportazzjonijiet tiegħu billi tonqos id-dipendenza eċċessiva mill-industriji estrattivi, bħall-mineral tar-ram u l-estrazzjoni tal-aluminju grezz;

59. Josserva ż-żieda fid-dejn pubbliku tal-Montenegro fil-konfront tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tal-kumpaniji barranin li jista’ jintuża bħala strument biex jiġu influwenzati d-deċiżjonijiet tiegħu fil-politika barranija, b’mod partikolari dawk relatati maċ-Ċina; jinnota ż-żieda fl-interess taċ-Ċina li tinvesti fil-Balkani tal-Punent u fi proġetti infrastrutturali għat-trasport fil-Montenegro bħala parti mill-Inizjattiva “Belt and Road” tagħha; josserva bi tħassib l-iffirmar ta’ memorandum ta’ qbil ma’ konsorzju Ċiniż biex tinbena awtostrada li tgħaqqad Budva u Tivat, fid-dawl tal-dejn preċedenti li għandu l-Montenegro maċ-Ċina, speċifikament self ta’ USD 1 biljun biex tinbena l-awtostrada Bar-Boljare; jistieden lill-awtoritajiet inaqqsu d-dipendenza ekonomika miċ-Ċina u jilqa’ pożittivament l-isforzi li saru dan l-aħħar biex jonqsu dawn il-vulnerabbiltajiet fiskali; jistieden lill-Montenegro jkompli juża l-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent u l-iniziativa “Global Gateway” tal-UE bil-għan li jsib alternattivi aktar ekoloġiċi u aktar trasparenti għall-finanzjament ta’ proġetti infrastrutturali;

60. jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jieħdu aktar miżuri biex jimplimentaw is-servizzi diġitali għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, jagħtu prijorità lill-iżvilupp ta’ servizzi elettroniċi għat-tranżazzjonijiet u jimplimentaw l-istrateġija għad-diġitalizzazzjoni fis-sistema edukattiva; jirrikonoxxi l-importanza li jsiru investimenti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u jiġu promossi t-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali fil-Montenegro;

61. Jilqa’ pożittivament id-deċiżjoni tal-Montenegro li jġib fi tmiemu l-programm taċ-ċittadinanza b’investiment tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2022; josserva li bejn l-2019 u l-2022 aktar minn 70 % ta’ dawn il-passaporti li nħarġu ngħata lil ċittadini tal-Federazzjoni Russa; jistieden lill-awtoritajiet jirrieżaminaw id-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-imgħoddi, speċjalment fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna; jissottolinja r-riskji għas-sigurtà, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus li tali sistemi jistgħu jġibu magħhom; jenfasizza, barra minn hekk, il-bżonn ta’ aktar allinjament mal-politika tal-UE fil-qasam tal-viżi;

62. Jinkoraġġixxi lill-Montenegro juża bl-aħjar mod il-fondi tal-UE disponibbli fl-ambitu tal-IPA III u tal-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent, inklużi l-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent u l-programm Erasmus+; jenfasizza li, bi qbil mal-kundizzjonalità tal-IPA III, il-finanzjamenti jridu jiġu modulati jew sospiżi f’każ ta’ regressjoni sinifikanti jew ta’ nuqqas persistenti ta’ progress dwar il-kwistjonijiet fundamentali;

63. Jistieden lill-UE u lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jistabbilixxu qafas għal kooperazzjoni effettiva mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE); jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-arranġamenti ġuridiċi u politiċi neċessarji biex testendi l-ġuriżdizzjoni tal-UPPE għall-fondi tal-UE ddestinati għall-Montenegro bħala pajjiż kandidat; jinkoraġġixxi lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jikkonkludu malajr arranġamenti ta’ ħidma bilaterali mal-UPPE sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni mill-qrib u l-prosekuzzjoni tal-użu ħażin tal-fondi tal-UE, inkluż permezz tas-sekondar ta’ uffiċjali nazzjonali ta’ kollegament għand l-UPPE;

64. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Speċjali Nru 1/2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, b’hekk tadatta l-investimenti tagħha relatati mal-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent, inkluż fil-Montenegro;

Enerġija, ambjent, bijodiversità, żvilupp sostenibbli u konnettività

65. Jilqa’ pożittivament il-pakkett ta’ appoġġ għall-enerġija tal-Kummissjoni għall-Balkani tal-Punent u jisħaq fuq l-importanza kbira li jiġu deżinjati fondi tal-pakkett ta’ appoġġ ta’ emerġenza biex jittaffew l-effetti tal-kriżi tal-enerġija u tiġi sostnuta t-tranżizzjoni tal-Montenegro lejn ekonomija effiċjenti mil-lat enerġetiku u bbażata fuq l-enerġija rinnovabbli, bi qbil mal-pjan REpowerEU;

66. Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija tas-suq tal-elettriku ġurnata bil-quddiem fil-Borża tal-Elettriku tal-Montenegro, li tagħmel is-suq aktar likwidu u trasparenti, għall-ġid kemm tal-konsumaturi kif ukoll tal-produtturi u tiggarantixxi prezzijiet ġusti, forniment ta’ elettriku aktar sikur u affidabbli u integrazzjoni akbar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli; jistieden lill-Montenegro jintegra ruħu aħjar mas-swieq enerġetiċi tal-Istati Membri tal-UE u jagħti spinta lill-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ effiċjenza enerġetika flimkien mal-aġevolazzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli, bil-għan li tiġi eliminata d-dipendenza mill-fjuwils fossili;

67. Jistieden lill-Montenegro jħaffef it-tranżizzjoni enerġetika sostenibbli tiegħu bi qbil mal-Ftehim ta’ Pariġi u mal-għanijiet ta’ dekarbonizzazzjoni tal-UE; jissottolinja li kull proġett ġdid fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli jrid jirrispetta l-acquis tal-UE fil-qasam tal-konċessjonijiet, tal-għajnuna mill-Istat u tal-ambjent; jistieden lill-awtoritajiet iħaffu l-proċess ta’ żvilupp tal-Pjan Territorjali Ġenerali tal-Montenegro, li għandu jiġi żviluppat abbażi tal-interess pubbliku b’mod trasparenti u japplika għall-proġetti enerġetiċi l-ġodda kollha; jenfasizza l-bżonn li jiġi traspost u implimentat b’mod effikaċi l-pakkett rivedut tal-enerġija nadifa għall-Ewropej kollha; jesprimi tħassib kbir dwar il-bidliet introdotti għal-Liġi dwar l-Emissjonijiet Industrijali u l-estensjoni konsegwenti tat-tħaddim tal-impjant elettriku tal-faħam ta’ Pljevlja, minkejja l-proċedura ta’ ksur li għaddejja mnedija mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija fid-dawl tal-ksur tad-Direttiva dwar l-impjanti kbar tal-kombustjoni fl-ambitu tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija; jistieden lill-Montenegro jsib rimedju għal dan mill-aktar fis possibbli; josserva l-bidu tar-rikostruzzjoni ekoloġika tal-impjant b’valur ta’ EUR 70 miljun;

68. Jieħu nota tal-iffirmar ta’ memorandum ta’ qbil bejn il-Montenegro u l-Istati Uniti, filwaqt li mexjin ’il quddiem ix-xogħlijiet għall-installazzjoni ta’ terminal tal-gass naturali likwifikat fil-port ta’ Bar; jistenna li l-Montenegro jimpenja ruħu li jiddiversifika l-provvista ta’ enerġija u jżid is-sigurtà enerġetika;

69. Jistieden lill-Montenegro jħaffef l-iżvilupp u tal-adozzjoni ta’ pjan nazzjonali għall-enerġija u l-klima koerenti u kredibbli, bi qbil mal-qafas tal-politika klimatika u enerġetika tal-UE; jinkoraġġixxi lill-Montenegro jadotta l-emendi tal-Liġi dwar il-Protezzjoni kontra l-Impatti Negattivi tat-Tibdil fil-Klima; jistieden lill-Montenegro jtejjeb il-prattiki ta’ ġestjoni tal-iskart u jipproteġi l-kwalità tal-ilma;

70. Jisħaq fuq l-importanza li l-investimenti infrastrutturali tal-Montenegro jkunu konformi mal-istandards tal-UE skont id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali biex jiġu rispettati r-regoli tal-UE fil-qasam tal-akkwist pubbliku u tal-għajnuna mill-Istat; jiddispjaċih ħafna bil-ħsara lir-Riżerva tal-Bijosfera tal-Baċir tax-Xmara Tara u lill-Park Nazzjonali Durmitor, sit ta’ patrimonju UNESCO, minħabba l-kostruzzjoni tal-awtostrada Bar-Boljare; itenni l-appell tiegħu lill-Montenegro biex jimplimenta miżuri ta’ rikwalifikazzjoni tas-sodda tax-xmara u jimmonitorja mill-qrib l-impatt ambjentali tal-kostruzzjoni tal-infrastrutturi tat-trasport;

71. Itenni t-talba tiegħu lill-Montenegro biex jieħu miżuri urġenti ħalli jikkonserva ż-żoni protetti b’mod effikaċi u jinkoraġġih ikompli jidentifika siti Natura 2000 potenzjali; jissottolinja l-bżonn li jiġi żgurat ir-rispett tad-Direttiva dwar il-Ħabitats u tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma meta jsiru investimenti ġodda li jistgħu jolqtu siti Natura 2000 jew Emerald potenzjali, fosthom il-Lag ta’ Skadar, Sinjajevina, Komarnica u siti oħrajn, jew li jistgħu jirriżultaw f’deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma; jaqsam it-tħassib serju li jesprimu ċ-ċittadini u l-attivisti ċiviċi Montenegrini skont liema l-Kanjon tax-Xmara Komarnica jaf tinqereb b’mod irreversibbli mill-kostruzzjoni ta’ diga għal impjant idroelettriku u jistieden lill-awtoritajiet jagħmlu analiżi dettaljata tal-kostijiet u tal-beneffiċji dwar il-fattibbiltà tal-proġett u tal-alternattivi eżistenti;

72. Jinkoraġġixxi lill-Montenegro jintensifika l-azzjoni dwar ir-riformi istituzzjonali u leġiżlattivi dwar il-kaċċa u s-sajd, b’enfasi partikolari fuq iż-żoni protetti u l-ispeċijiet protetti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Montenegrini, f’dan il-kuntest, jinfurzaw pieni effikaċi, dissważivi u proporzjonati għar-reati ambjentali kollha u jeliminaw il-korruzzjoni f’dan is-settur;

73. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim tas-Summit ta’ Tirana dwar it-tnaqqis tal-ispejjeż tar-roaming bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent mill-1 ta’ Ottubru 2023, bil-ħsieb li, minn hemm ’il quddiem, jitneħħew kompletament; jilqa’ pożittivament il-ftehim tat-3 ta’ Mejju 2023 bejn 38 operatur tat-telekomunikazzjoni tal-UE u tal-Balkani tal-Punent biex jitnaqqsu l-kostijiet tad-data roaming; jistieden lill-awtoritajiet, lill-atturi privati u lill-partijiet ikkonċernati kollha jaġevolaw il-ksib tal-objettivi maqbula bil-għan jintlaħaq tnaqqis sostanzjali tat-tariffi tar-roaming għall-iskambju tad-data;

°

° °

74. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Montenegro.



NOTA SPJEGATTIVA

L-impenn fit-tul tal-Montenegro favur l-adeżjoni futura mal-UE huwa mirfud minn appoġġ pubbliku qawwi u sod. Madankollu, f’dawn l-aħħar snin il-progress fir-riformi fundamentali tal-UE waqaf minħabba polarizzazzjoni u tensjonijiet politiċi qawwijin, li waslu fi kriżi politika u istituzzjonali profonda fil-pajjiż. Issa huwa importanti li titlesta malajr il-formazzjoni ta’ awtoritajiet pro-UE u li dawn jimpenjaw ruħhom fi djalogu kostruttiv biex isir progress sostanzjali fit-triq tal-Montenegro lejn l-UE. Dan ifisser b’mod partikolari progress fir-riformi fundamentali, speċjalment f’dawk relatati mal-istat tad-dritt, bil-għan li nipproċedu lejn l-għeluq ta’ kapitoli oħra tan-negozjati.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.9.2023

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

51

3

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alviina Alametsä, Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Anna Bonfrisco, Reinhard Bütikofer, Włodzimierz Cimoszewicz, Katalin Cseh, Michael Gahler, Giorgos Georgiou, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Dietmar Köster, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Leopoldo López Gil, Antonio López-Istúriz White, Thierry Mariani, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Alessandra Moretti, Javier Nart, Matjaž Nemec, Demetris Papadakis, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Thijs Reuten, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Mounir Satouri, Andreas Schieder, Jordi Solé, Hermann Tertsch, Hilde Vautmans, Anders Vistisen, Viola von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Isabel Wiseler-Lima, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Vladimír Bilčík, Angel Dzhambazki, Andrey Kovatchev, Georgios Kyrtsos, Carina Ohlsson, Juozas Olekas, Nikos Papandreou, Mick Wallace, Javier Zarzalejos

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Gheorghe Falcă, Dace Melbārde, Jan-Christoph Oetjen, Juan Ignacio Zoido Álvarez

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

51

+

ECR

Angel Dzhambazki, Hermann Tertsch

ID

Anna Bonfrisco

PPE

Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Vladimír Bilčík, Gheorghe Falcă, Michael Gahler, Sunčana Glavak, Andrey Kovatchev, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, Leopoldo López Gil, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Dace Melbārde, Isabel Wiseler-Lima, Javier Zarzalejos, Juan Ignacio Zoido Álvarez, Željana Zovko

Renew

Katalin Cseh, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Georgios Kyrtsos, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Jan-Christoph Oetjen, Hilde Vautmans

S&D

Włodzimierz Cimoszewicz, Raphaël Glucksmann, Dietmar Köster, Sven Mikser, Alessandra Moretti, Matjaž Nemec, Carina Ohlsson, Juozas Olekas, Demetris Papadakis, Nikos Papandreou, Tonino Picula, Thijs Reuten, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Andreas Schieder

Verts/ALE

Alviina Alametsä, Reinhard Bütikofer, Mounir Satouri, Jordi Solé, Viola von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz

 

3

-

ID

Thierry Mariani, Anders Vistisen

NI

Kostas Papadakis

 

3

0

The Left

Giorgos Georgiou, Manu Pineda, Mick Wallace

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Ottubru 2023
Avviż legali - Politika tal-privatezza