RAPPORT dwar l-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment - rapport annwali 2023
5.2.2024 - (2023/2229(INI))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: David Cormand
PR_INI
WERREJ
Paġna
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
NOTA SPJEGATTIVA
ANNESS: ENTITAJIET JEW PERSUNI LI R-RAPPORTEUR IRĊIEVA KONTRIBUT MINGĦANDHOM
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
VOTAZZJONI FINALI B’SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment - rapport annwali 2023
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 174, 175, 177, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Protokoll Nru 5 tat-Trattati dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 41 sa 43 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-BEI tas-7 ta’ Ottubru 2016 li tesprimi l-approvazzjoni tar-ratifika tal-Ftehim ta’ Pariġi mill-UE,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività tal-Evalwazzjoni tal-Operazzjonijiet tal-BEI tal-2022 u l-Programm ta’ Ħidma 2023-2025, ippubblikati fit-3 ta’ Marzu 2023,
– wara li kkunsidra l-Proċeduri tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti tal-Grupp tal-BEI, ippubblikati fit-13 ta’ Novembru 2018,
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-BEI intitolata “EIB energy lending policy” (politika tal-BEI dwar is-self fis-settur tal-enerġija), ippubblikata fit-8 ta’ Mejju 2023,
– wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali tal-Bank Klimatiku 2021-2025 tal-Grupp tal-BEI, adottat mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI fil-11 ta’ Novembru 2020, u l-istrateġija klimatika tal-BEI tal-15 ta’ Novembru 2020,
– wara li kkunsidra l-Pjan Operazzjonali 2023-2025 tal-Grupp tal-BEI, ippubblikat fit-2 ta’ Frar 2023,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-BEI dwar l-Investiment 2022/2023 intitolat “Resilience and renewal in Europe” (Reżiljenza u tiġdid fl-Ewropa) ippubblikat fit-28 ta’ Frar 2023,
– wara li kkunsidra r-rapport ta’ attività 2022 tal-Grupp tal-BEI intitolat “Secure Europe” (Ewropa Sigura), ippubblikat fit-2 ta’ Frar 2023,
– wara li kkunsidra l-ħarsa ġenerali lejn l-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali 2023 tal-BEI, ippubblikata fit-2 ta’ Frar 2023,
– wara li kkunsidra l-Qafas Ambjentali tal-BEI ippubblikat fl-14 ta’ Novembru 2022,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-2022 tal-Grupp tal-BEI dwar il-Governanza Korporattiva, ippubblikat fit-8 ta’ Settembru 2023,
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-BEI tad-29 ta’ Novembru 2023 intitolata “EIB Global Strategic Roadmap: EU Finance for a Sustainable Future” (Pjan Direzzjonali Strateġiku tal-BEI Globali: Finanzjament tal-UE għal Futur Sostenibbli),
– wara li kkunsidra l-approċċ tal-BEI Globali għal tranżizzjoni ġusta u reżiljenza ġusta, ippubblikat fis-27 ta’ Novembru 2023,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta’ Divulgazzjoni dwar il-Ġestjoni tar-Riskju 2022 tal-Grupp tal-BEI, ippubblikat fid-9 ta’ Awwissu 2023,
– wara li kkunsidra l-Istħarriġ tal-BEI dwar il-Klima 2022-2023,
– wara li kkunsidra l-Qafas ta’ Sostenibbiltà Ambjentali u Soċjali tal-Grupp tal-BEI intitolat “The EIB Group Environmental and Social Policy” (Il-Politika Ambjentali u Soċjali tal-Grupp tal-BEI) adottat fit-2 ta’ Frar 2022,
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-BEI tal-10 ta’ Frar 2023 intitolata “EIB Global – partnership, people, impact” (BEI Globali – sħubija, persuni, impatt),
– wara li kkunsidra l-approċċ tal-BEI fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, ippubblikat fis-6 ta’ Frar 2023,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-BEI tad-29 ta’ Ġunju 2023 intitolat “EIB Group activities in EU cohesion regions 2022” (L-attivitajiet tal-Grupp tal-BEI fir-reġjuni ta’ koeżjoni tal-UE 2022),
– wara li kkunsidra l-istrateġija tal-Grupp tal-BEI dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa u l-pjan ta’ azzjoni dwar il-ġeneru,
– wara li kkunsidra l-kodiċi ta’ kondotta għall-persunal tal-Grupp tal-BEI, ippubblikat fit-3 ta’ Frar 2023,
– wara li kkunsidra l-kodiċi ta’ kondotta tal-Kumitat tal-Verifika tal-Grupp tal-BEI, ippubblikat fit-30 ta’ Novembru 2021,
– wara li kkunsidra l-kodiċi ta’ kondotta tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Grupp tal-BEI, ippubblikat fl-14 ta’ Ottubru 2021,
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-BEI tas-27 ta’ Novembru 2023 intitolata “EIB Group PATH Framework – Version 1.2 November 2023 – Supporting counterparties on their pathways to align with the Paris Agreement” (Il-Qafas PATH tal-Grupp tal-BEI – Verżjoni 1.2 ta’ Novembru 2023 – Appoġġ lill-kontropartijiet fil-perkorsi tagħhom biex jallinjaw ruħhom mal-Ftehim ta’ Pariġi),
– wara li kkunsidra l-Pakkett ta’ Solidarjetà tal-BEI għall-Ukrajna, approvat mill-Bord tal-BEI fl-4 ta’ Marzu 2022,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2020 intitolata “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna” (COM(2020)0380),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2020 intitolata “Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” (COM(2020)0381),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Mejju 2021 intitolata “Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija”, (COM(2021)0400),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Frar 2023 intitolata “Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti” (COM(2023)0062),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1229 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 dwar il-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku taħt il-mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta[2],
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku bejn il-Kummissjoni, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Bank Ewropew tal-Investiment, li daħal fis-seħħ f’Novembru 2021,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Ombudsman Ewropew tat-22 ta’ Lulju 2016 lill-President tal-BEI dwar kwistjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess u t-tweġiba tal-President tal-BEI tal-31 ta’ Jannar 2017,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew maħruġa fl-20 ta’ Novembru 2023 fil-Kawża 2252/2022/OAM,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew maħruġa fil-21 ta’ April 2022 fil-Kawża 1251/2020/PB,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew maħruġa fis-27 ta’ Lulju 2022 fil-Kawża 1016/2021/KR,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0031/2024),
A. billi l-Grupp tal-BEI jikkonsisti mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) u huwa l-akbar istituzzjoni finanzjarja multilaterali fid-dinja u wieħed mill-akbar fornituri ta’ finanzjament għall-klima, li jopera fis-swieq kapitali internazzjonali u li joffri termini kompetittivi lill-klijenti u kundizzjonijiet favorevoli biex jiġu appoġġjati l-politiki u l-proġetti tal-UE kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll barra minnha;
B. billi skont l-Artikolu 309 tat-TFUE, il-BEI għandu l-kompitu li jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-UE;
C. billi sabiex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-UE, huma meħtieġa investimenti ta’ EUR 1 triljun fis-sena fl-UE; billi l-BEI jista’ jgħin biex inaqqas id-distakk bl-inklużjoni ta’ kapital privat;
D. billi mill-2021 sal-2027, il-garanzija ta’ EUR 26,2 biljun ta’ InvestEU, bi proviżjonament mill-qafas finanzjarju multiannwali u min-NextGenerationEU, mistennija timmobilizza aktar minn EUR 372 biljun f’investiment privat u pubbliku addizzjonali fl-Ewropa, prinċipalment għall-infrastruttura sostenibbli, ir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u l-investiment u l-ħiliet soċjali;
Ħarsa ġenerali lejn il-politiki u l-operazzjonijiet
1. Itenni r-rwol importanti li għandu l-BEI bħala l-bank pubbliku tal-UE u bħala l-unika istituzzjoni finanzjarja internazzjonali li tappartjeni kompletament lill-Istati Membri, iggwidata kompletament mill-politiki tal-UE u soġġetta għall-istandards legali tal-UE bil-għan li tappoġġja l-irkupru soċjali u ekonomiku u timmira l-investimenti meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni;
2. Japprezza l-fatt li l-BEI dejjem lest li jadatta u jirrivitalizza lilu nnifsu f’konformità mal-bidliet fir-rekwiżiti tal-politika tal-UE, filwaqt li jirrispetta l-għanijiet fit-tul tiegħu;
3. Itenni t-talba tiegħu għal żieda fil-kapital sabiex il-BEI ikun jista’ jipprovdi aktar appoġġ finanzjarju ripagabbli fit-tul u strumenti innovattivi; jinnota li dan huwa meħtieġ għal tkabbir sostenibbli inklużiv u ġust li jappoġġja investimenti ewlenin fl-ekonomija reali li altrimenti ma jsirux u li għandhom il-potenzjal li jimmassimizzaw il-kisbiet fl-innovazzjoni f’oqsma ta’ politika ewlenin tal-UE bħad-diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika; jinnota li dawn l-investimenti għandhom jgħinu biex jiġu mitigati r-restrizzjonijiet fuq il-kompetittività bħal prezzijiet għoljin tal-enerġija, diskrepanzi fil-ħiliet u investimenti insuffiċjenti fl-innovazzjoni u f’teknoloġiji ġodda, u jgħinu fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU; jistenna li l-BEI jiżgura li l-finanzjament tiegħu jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq u jevita l-effetti ta’ esklużjoni u li jwassal għal impatti li jistgħu jitkejlu, mingħajr ma jikkomprometti l-attraenza ġenerali tal-offerta finanzjarja tiegħu;
4. Jisħaq li l-BEI jeħtieġlu jżomm il-klassifikazzjoni tal-kreditu AAA tiegħu u jżomm il-fiduċja sħiħa tas-swieq kapitali fl-attivitajiet tiegħu;
5. Jinnota li l-finanzjament tal-BEI għandu rwol dejjem aktar importanti fil-kuntest tal-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi sinifikanti li jirriżultaw mill-kriżi tal-COVID-19 segwita mill-invażjoni tal-Ukrajna, b’mod partikolari l-inflazzjoni, ir-rati tal-imgħax għoljin u l-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi; jinnota wkoll ir-rwol akbar li għandu l-finanzjament tal-BEI fil-kuntest ta’ perspettiva ekonomika diffiċli u żieda fil-kompetizzjoni globali, li wkoll għandhom impatt fuq il-proġetti li għaddejjin;
6. Jemmen li l-BEI jista’ jagħmel aktar biex itejjeb il-bilanċ settorjali u biex jadatta ruħu għad-diversità reġjonali tal-UE sabiex iżid l-attraenza tal-fondi tiegħu; jistieden lill-BEI jindirizza n-nuqqasijiet sistemiċi li jipprevjenu lil ċerti reġjuni jew pajjiżi milli jibbenefikaw bis-sħiħ mill-attivitajiet finanzjarji tiegħu, filwaqt li jirrispettaw in-natura xprunata mid-domanda tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-BEI; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk id-distribuzzjoni ġeografika tal-finanzjament fil-qafas tal-InvestEU hijiex ibbilanċjata, speċjalment fir-rigward ta’ Stati Membri iżgħar;
7. Jistieden lill-BEI jappoġġja proġetti li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, u li jsaħħu l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi f’konformità mal-istandards ambjentali u soċjali; jistieden lill-BEI jespandi r-rwol tiegħu fil-valutazzjoni u fl-indirizzar tad-diskrepanzi fl-investiment fl-infrastruttura u l-protezzjoni soċjali, bħall-akkomodazzjoni soċjali affordabbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, il-kura tas-saħħa pubblika, l-utilitajiet, it-trasport pubbliku, it-trasport sostenibbli, il-kultura u l-edukazzjoni, filwaqt li jiżgura l-addizzjonalità u l-komplementarjetà ma’ fondi pubbliċi oħra u ma’ mutwanti kummerċjali; jistieden lill-BEI jżid il-ponderazzjoni tal-benefiċċji soċjali fl-evalwazzjonijiet tal-proġetti sabiex jipprovdi soluzzjonijiet affordabbli fit-tul, fil-kuntest ta’ kriżi tal-għoli tal-ħajja u l-isfidi għall-familji fl-Unjoni Ewropea li ġejjin mill-perspettiva ekonomika ġenerali; jitlob lill-BEI jsaħħaħ it-teħid tar-riskju għal proġetti li jipprovdu servizzi essenzjali b’benefiċċji fit-tul ċari u li jistgħu jitkejlu; jistieden lill-BEI jagħti prijorità finanzjarja lill-proġetti li jinvolvu persuni vulnerabbli jew emarġinati, speċjalment żgħażagħ, u proġetti mmexxija miċ-ċittadini, kull meta jkun possibbli;
Il-bank klimatiku tal-UE: azzjoni klimatika u objettivi ta’ sostenibbiltà ambjentali
8. Jieħu nota tas-sejbiet fir-rapport ta’ investiment tal-BEI 2022/2023 bit-titolu “Resilience and renewal in Europe” (Reżiljenza u tiġdid fl-Ewropa), li janalizza l-investiment fl-azzjoni klimatika madwar l-UE u d-diskrepanzi fl-investiment f’diversi setturi; jieħu wkoll nota tal-Pjan Operazzjonali 2023-2025 tal-Grupp tal-BEI li jikkonferma l-allinjament tal-BEI mal-prijoritajiet politiċi tal-UE u l-impenn tiegħu li jżid l-ambizzjoni tiegħu għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodu għall-valutazzjoni tad-diskrepanza fil-finanzjament ekoloġiku fl-UE u biex tivvaluta r-rwol potenzjali tal-BEI fit-tnaqqis ta’ din id-diskrepanza fil-finanzjament;
9. Ifakkar li l-BEI huwa l-akbar emittent ta’ bonds ekoloġiċi f’diversi muniti fid-dinja; jirrimarka li żieda fil-proporzjon ta’ bonds iddenominati f’euro tkompli ssaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro;
10. Ifakkar li t-tranżizzjoni ekoloġika trid tkun inklużiva u ġusta, li l-investimenti ekoloġiċi jridu jkunu vijabbli u jistenna li l-BEI, għalhekk, jimmobilizza s-self, l-istrumenti finanzjarji, l-assistenza teknika u s-servizzi konsultattivi tiegħu biex jappoġġja liċ-ċittadini u lin-negozji li qed jiffaċċjaw sfidi soċjoekonomiċi li jirriżultaw mill-isforzi tagħhom biex jiksbu newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2025; jistieden lill-BEI jappoġġja proġetti li jagħtu aċċess affordabbli għal enerġija rinnovabbli, akkomodazzjoni u servizzi pubbliċi, inizjattivi mmexxija mill-komunità u proġetti żgħar b’enfażi partikolari fuq il-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku bħala prijorità;
11. Jilqa’ l-fatt li l-BEI diġà laħaq il-mira tiegħu li jiddedika mill-inqas nofs ir-riżorsi tiegħu għall-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali u li jinsab fit-triq it-tajba biex jilħaq il-mira tiegħu li jappoġġja EUR 1 triljun f’investimenti ekoloġiċi sal-2030; jistenna li r-rieżami tal-Pjan Direzzjonali tal-Bank Klimatiku fl-2024 iġib lill-BEI f’konformità sħiħa mal-perkors ta’ 1,5 gradi u mal-mira tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, filwaqt li jiżgura tranżizzjoni ġusta għal kulħadd; jemmen li l-punt ta’ riferiment għandu jkun l-aktar prattiki bankarji pubbliċi ambizzjużi; itenni l-appell tiegħu li tiġi inkluża valutazzjoni soda ta’ alternattivi b’intensità anqas qawwija ta’ karbonju u tal-emissjonijiet tal-“ambitu 3” għal kull proġett;
12. Jilqa’ l-Allinjament ta’ Pariġi tal-kontropartijiet (PATH) u jistenna l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu kemm fir-rigward tal-massimizzazzjoni tat-tnaqqis fl-emissjonijiet kif ukoll fir-rigward tat-tisħiħ tar-reżiljenza għall-klima; jieħu nota tar-rispons tal-BEI għas-sitwazzjoni tal-enerġija ta’ emerġenza fl-UE billi jadatta l-PATH; jistenna li l-eżenzjonijiet mogħtija fl-ambitu tal-qafas PATH b’appoġġ għar-REPowerEU jkunu eċċezzjonali, temporanji u kompletament iġġustifikati sabiex tkun tista’ titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika u tintemm id-dipendenza tal-Ewropa fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili, inkluż mir-Russja; jilqa’, f’dan il-kuntest, iż-żieda fl-appoġġ tal-BEI għal REPowerEU b’EUR 45 biljun f’self u finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma għal proġetti fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, il-grilji u l-ħżin, l-infrastruttura tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi, u t-teknoloġiji rivoluzzjonarji matul is-snin li ġejjin;
13. Ifakkar li l-klijenti korporattivi kollha tal-finanzjament tal-BEI huma kuntrattwalment mitluba li joħolqu u jippubblikaw strateġija kredibbli tal-allinjament ta’ Pariġi (“pjanijiet ta’ dekarbonizzazzjoni”), li tinkludi miri ta’ tnaqqis kwantitattivi li jevolvu tal-emissjonijiet ta’ nofs it-terminu u għażliet fuq perjodu ta’ żmien itwal sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; jistenna li l-BEI jevalwa b’mod sistematiku l-kredibbiltà ta’ dawn il-pjanijiet, billi japplika kriterji ta’ dekarbonizzazzjoni kompatibbli mal-mira ta’ 1,5 gradi qabel ma jiffirma kwalunkwe impenn finanzjarju ġdid; itenni l-appell tiegħu biex il-BEI jaħdem biss ma’ intermedjarji finanzjarji li għandhom pjan ta’ dekarbonizzazzjoni kredibbli, inklużi miri għal żmien qasir li huma kompatibbli mal-perkors ta’ 1,5 gradi u li se jiġu stabbiliti malajr kemm jista’ jkun u sa mhux aktar tard mill-2025; jisħaq li tali rekwiżiti ġodda ma jridux ikunu għad-detriment tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament;
14. Jisħaq fuq ir-rwol ewlieni li kellu l-BEI biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni ġusta; jistieden lill-BEI jnaqqas l-ammont minimu ta’ self għal proġetti individwali jew skemi ta’ self li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ġusta; iħeġġeġ lill-BEI jintensifika l-kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali u reġjonali biex jipprovdi finanzjament immirat; jistieden lill-BEI jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f’dan il-kuntest; jilqa’ l-involviment tal-BEI fil-Mekkaniżmu tal-UE għal Tranżizzjoni Ġusta sabiex jindirizza l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti u biex jiġġenera opportunitajiet ġodda għal żvilupp sostenibbli f’reġjuni eliġibbli;
15. Jistieden lill-BEI jadatta l-attivitajiet tiegħu ta’ tneħħija tar-riskji sabiex jidderieġi l-finanzjament privat lejn proġetti li għandhom livell għoli ta’ addizzjonalità u jikkontribwixxu għal tranżizzjoni ġusta, mingħajr ma jipperikolaw il-vijabbiltà kummerċjali tal-portafoll tiegħu; jistieden lill-BEI jitgħallem mill-implimentazzjoni ta’ prodotti bħall-fondi għall-klima u l-infrastruttura, inkluża r-rilevanza tal-ekwità intermedjata u l-ħtieġa li jittejbu l-proporzjonijiet tar-riskju u l-gwadanji fi proġetti ta’ infrastruttura ekoloġika fuq skala iżgħar;
16. Jilqa’ l-investiment fuq skala akbar fl-idroġenu; jinsisti li r-rwol tal-idroġenu huwa li jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika billi jnaqqas l-emissjonijiet minn setturi industrijali diffiċli sabiex jitrażżnu; jistenna li tiġi żgurata l-addizzjonalità sabiex tiġi evitata d-devjazzjoni tar-riżorsi mill-elettriku rinnovabbli eżistenti skont l-att delegat rilevanti[3]; jinsab imħasseb dwar l-impatt potenzjali tal-proġetti tal-idroġenu fuq il-provvista tal-ilma f’ċerti reġjuni kif ukoll fuq il-bijodiversità; jistieden lill-BEI jsaħħaħ l-għarfien espert konsultattiv tiegħu għall-ekosistema u s-suq tal-idroġenu tal-UE;
17. Jissottolinja li l-politika ambjentali u soċjali tal-BEI ssaħħaħ l-impenn għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Qafas Globali tal-Bijodiversità għal wara l-2020, b’mod partikolari r-rekwiżit li l-proġetti ffinanzjati ma jikkawżaw l-ebda ħsara sinifikanti lill-bijodiversità u lill-ekosistemi; jilqa’ l-bidla minn “ebda telf nett” għal “ebda telf” tal-bijodiversità; jirsisti għall-applikazzjoni sħiħa tal-politika ambjentali u soċjali tal-BEI, b’mod partikolari fi proġetti tal-enerġija rinnovabbli; iħeġġeġ lill-BEI jallinja bis-sħiħ il-politika ambjentali u soċjali tiegħu mal-Qafas Globali tal-Bijodiversità għal wara l-2020;
18. Jilqa’ l-ewwel prinċipji komuni għal finanzjament pożittiv għan-natura ppubblikati mill-BEI flimkien ma’ Banek Multilaterali tal-Iżvilupp oħra fil-COP28; jistenna li l-BEI jkompli jinvolvi ruħu b’mod aktar attiv f’investimenti pożittivi għan-natura u li jsaħħu l-bijodiversità u f’setturi bl-akbar kobenefiċċji tal-bijodiversità, bħall-ġestjoni tal-ilma, is-sanitazzjoni, il-forestrija u l-oċean, bl-ogħla livell ta’ integrità u ta’ assigurazzjonijiet speċjalment fir-rigward tad-drittijiet tal-komunitajiet lokali u bl-integrazzjoni tat-tagħlimiet meħuda mill-Faċilità ta’ Finanzjament tal-Kapital Naturali; jistenna li l-BEI jżid il-finanzjament għal soluzzjonijiet għat-tnaqqis tat-tniġġis mill-plastik;
19. Jistenna sforzi msaħħa biex in-natura tiġi integrata fl-analiżijiet u l-operazzjonijiet li jivvalutaw ir-riskju finanzjarju tat-telf tal-bijodiversità fil-livell tal-kontroparti; jistenna li elementi pożittivi għan-natura jkunu sistematikament inkorporati fi proġetti ta’ infrastruttura fuq skala kbira, speċjalment għal investimenti urbani; iwissi kontra proġetti li jikkontribwixxu għal objettivi klimatiċi li jwasslu għall-qerda tal-bijodiversità;
20. Jieħu nota tan-negozjati li għaddejjin bħalissa għat-tpartit tad-dejn għan-natura; jinsab imħasseb dwar l-adegwatezza tal-iżvilupp u l-konservazzjoni ta’ dan it-tpartit u l-kostijiet għoljin tat-tranżazzjonijiet tagħhom, speċjalment billi eżempji preċedenti wrew li dan it-tħassib huwa validu; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ livelli għoljin ta’ trasparenza u sjieda tal-pajjiż;
21. Jistenna li l-BEI jkompli japplika standards stretti dwar it-trattament xieraq tal-annimali u leġiżlazzjoni applikabbli, inkluż għal attivitajiet ta’ tnissil u għalf fit-trobbija tal-ħut, abbażi tal-ogħla standard stabbilit mill-istituzzjonijiet finanzjari tal-UE u multilaterali;
22. Jenfasizza li s-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima kritika (CRMs) hija kruċjali għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, għas-settur tad-difiża u għall-bażi industrijali tal-UE b’mod ġenerali; ifakkar fir-rwol li għandu l-BEI fl-Alleanza tal-Materja Prima tal-UE u l-għan tal-Unjoni li ssir aktar awtonoma fir-rigward tal-provvista tas-CRM; jenfasizza l-importanza ta’ approċċ ta’ ekonomija ċirkolari għas-CRM, ibbażat fuq ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid, sabiex titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq pajjiżi terzi u tingħata spinta lill-awtonomija strateġika tagħha; jistieden, għalhekk, lill-BEI jinvesti aktar fis-settur tas-CRM biex isaħħaħ ir-reżiljenza fil-materja prima b’enfasi partikolari fuq ir-riċiklaġġ tal-materja prima sekondarja, u jrawwem soluzzjonijiet tal-ekonomija ċirkolari biex jgħin fid-diversifikazzjoni tal-provvista;
Appoġġ għall-innovazzjoni, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, l-industrija u d-diġitalizzazzjoni
23. Ifakkar li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tal-Ewropa; ifakkar li t-23 miljun SME tal-UE jammontaw għal 99 % tan-negozji kollha, jipprovdu madwar tliet kwarti tal-impjiegi kollha u jiġġeneraw aktar minn 50 % tal-valur miżjud kollu prodott min-negozji tal-UE; jissottolinja li l-appoġġ għall-SMEs huwa objettiv ewlieni għall-BEI; jirrimarka li l-kriżi tal-enerġija u l-konsegwenzi tal-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna joħolqu aktar sfidi għall-SMEs, kif jagħmlu wkoll il-prezzijiet tal-materja prima dejjem jogħlew u ż-żidiet fir-rati ta’ interess;
24. Ifakkar li fl-2022, il-Grupp tal-BEI pprovda finanzjament li kien jammonta għal investiment totali ta’ EUR 16,35 biljun għall-SMEs u għall-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja; jinnota li skont il-valutazzjoni tal-Grupp tal-BEI, l-operazzjonijiet tal-Grupp tal-BEI li jipprovdu appoġġ għad-dejn lill-SMEs ammontaw għal kważi EUR 20 biljun f’firem netti annwali bejn l-2010 u l-2020; jistieden lill-Grupp tal-BEI jirrifletti fuq modi biex jiffaċilita aktar l-appoġġ tiegħu lill-SMEs, b’mod partikolari għal proġetti ta’ finanzjament iżgħar;
25. Jenfasizza r-rwol tal-FEI fit-titjib tal-aċċess għall-finanzjament għal kumpaniji iżgħar, kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja u negozji ġodda tal-UE u b’hekk l-appoġġ tiegħu għall-intraprenditorija, it-tkabbir, l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, u l-impjiegi fl-Unjoni; jirrimarka li provvista stabbli tal-enerġija bi prezzijiet kompetittivi hija waħda mill-pedamenti għal politika industrijali ta’ suċċess, u b’mod partikolari għal SMEs ta’ suċċess; jistieden lill-Grupp tal-BEI jipprovdi kapital ta’ tkabbir addizzjonali sabiex l-SMEs ikunu jistgħu jespandu l-operazzjonijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-Grupp tal-BEI jżid l-appoġġ immirat lejn l-espansjoni tan-negozji ġodda Ewropej, inkluż permezz tat-teħid ta’ riskji akbar fl-iżborż ta’ kapital ta’ riskju biex jiġi żgurat li n-negozji ġodda Ewropej ikunu jistgħu jespandu fi ħdan l-Ewropa aktar milli barra minnha;
26. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-FEI jiffoka b’mod qawwi fuq proġetti li joħolqu u jżommu impjiegi ta’ kwalità għolja, inklużi proġetti mmirati biex jindirizzaw il-problema dejjem tikber tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, bħall-hekk imsejjaħ mudell ta’ apprendistat doppju li wera li kien effettiv u ta’ suċċess f’xi Stati Membri, bil-għan li jinħolqu impjiegi siguri u ta’ kwalità għolja;
27. Jirrikonoxxi li l-SMEs spiss jissieltu ma’ riżorsi amministrattivi limitati u jiffaċċjaw kostijiet tas-self akbar minn korporazzjonijiet kbar minħabba termini ta’ self bankarju inqas favorevoli u jqis li huwa essenzjali li jiġu offruti lilhom għodod ta’ finanzjament li huma sempliċi u faċilment aċċessibbli; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Grupp tal-BEI, għalhekk, ifassal il-programmi tiegħu b’mod li jissimplifika l-proċeduri amministrattivi filwaqt li jipprovdi l-assistenza teknika meħtieġa u l-finanzjament adegwat għas-servizzi ta’ konsulenza, u b’hekk itejjeb l-aċċessibbiltà tagħhom għall-SMEs;
28. Itenni t-talba tiegħu lill-Grupp tal-BEI biex jikkomplementa l-isforzi biex jitfasslu soluzzjonijiet xprunati mid-data, b’enfasi partikolari fuq il-kompetittività tal-SMEs, u biex jiffoka l-investiment tiegħu f’dan il-qasam fuq it-tnaqqis tad-distakki diġitali kemm fi ħdan l-UE kif ukoll bejn l-UE u reġjuni oħra tad-dinja teknoloġikament aktar avvanzati; jistieden lill-Grupp tal-BEI jżid l-investimenti fid-diġitalizzazzjoni, fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji mill-aktar avvanzati bħall-IA, u fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema li huma essenzjali għal bażi industrijali b’saħħitha;
L-Ukrajna
29. Jilqa’ l-inizjattiva tal-UE għall-Ukrajna mnedija mill-BEI f’Marzu 2023 biex tiffinanzja r-rikostruzzjoni u l-irkupru fl-Ukrajna, maħsuba bħala skema temporanja li se tippermetti l-involviment kontinwu tal-BEI fil-pajjiż filwaqt li jiġi stabbilit l-appoġġ mistenni tal-UE fuq terminu medju; ifakkar, f’dan il-kuntest, fl-importanza tal-baġit tal-UE bħala l-garanti għall-attività tal-BEI meta din tinvolvi l-għoti ta’ self barra mill-UE għall-implimentazzjoni ta’ programmi tal-UE; jappella għal żieda fil-garanziji mogħtija lill-BEI mill-baġit tal-UE sabiex il-BEI jkun jista’ jkompli joffri operazzjonijiet vitali fis-settur pubbliku u privat fl-Ukrajna u jwessa’ l-attivitajiet tiegħu fin-Nofsinhar Globali; jilqa’ l-fatt li l-azzjonijiet kollha tal-BEI fl-Ukrajna huma ggwidati mill-prijoritajiet għall-irkupru soċjali, ekonomiku u ambjentali u r-rikostruzzjoni f’konformità mal-prinċipji ta’ “nibnu mill-ġdid aħjar” u se jkunu allinjati bis-sħiħ mal-pjan li jmiss għall-Ukrajna; jilqa’ l-komponent tal-assistenza teknika biex jiġu żgurati l-aħjar tħejjija u implimentazzjoni tal-proġetti, kif ukoll miżuri għall-bini tal-kapaċità; jistenna li t-tielet “Rapid Damage and Needs Assessment” (Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u l-Ħtiġijiet) li jmiss imwettqa mill-Bank Dinji f’koordinazzjoni mal-Kummissjoni, il-BEI u l-Gvern Ukren se tidentifika ħtiġijiet li żdiedu b’mod sinifikanti; jilqa’ l-isforzi tal-BEI biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jinvestiga l-frodi u l-korruzzjoni fir-rigward tal-proġetti tiegħu fl-Ukrajna;
30. Jissottolinja l-fatt li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kellha wkoll impatt fuq ir-reġjuni fl-UE u kkawżat impatti ekonomiċi sinifikanti, speċjalment fil-pajjiżi tal-fruntiera tal-Lvant tal-UE u l-viċinat tagħha, kif ukoll kriżi umanitarja severa; jisħaq li l-bidliet fil-ktajjen tal-provvista u fir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi kkawżati mill-gwerra għandhom jitqiesu fl-ippjanar tal-investiment futur; jappella lill-BEI biex iqis is-sitwazzjoni ġeopolitika u l-investimenti meħtieġa fil-pajjiżi l-aktar esposti, inklużi l-infrastruttura u l-ġestjoni tal-fruntieri;
31. Ifakkar li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna hija bidla radikali, peress li biddlet b’mod fundamentali l-ambjent tas-sigurtà Ewropew u tirrikjedi żieda fl-istat tat-tħejjija fir-rigward tad-difiża u, għalhekk, investimenti suffiċjenti; jenfasizza l-ħtieġa li jsir l-aktar użu effettiv tal-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tal-BEI; jistieden lill-BEI jsaħħaħ l-appoġġ tiegħu għall-Inizjattiva Strateġika għas-Sigurtà Ewropea u għall-industrija tad-difiża Ewropea, inklużi l-SMEs, b’mod partikolari biex jikkontribwixxi għall-appoġġ kontinwu għall-Ukrajna;
BEI Globali
32. Jistenna li l-attivitajiet tal-BEI Globali jibqgħu allinjati mal-interessi strateġiċi tal-UE u mal-objettivi tal-politika esterna; jilqa’ l-involviment tal-BEI fl-inizjattiva Global Gateway, li se tappoġġja prinċipalment l-investimenti fl-infrastruttura u fl-SMEs, u b’hekk tikkontribwixxi għall-objettiv tal-UE li ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha; jistenna li l-BEI Globali jiżgura li l-investimenti jkunu addizzjonali, joħolqu impatti pożittivi fit-tul u jkunu ta’ benefiċċju għall-komunitajiet riċevituri b’mod ċar, billi jissalvagwardjaw il-wirt naturali u kulturali, isaħħu r-reżiljenza għall-klima, joħolqu impjiegi lokali, jgħollu l-istandards tal-għajxien u jtaffu l-faqar; jemmen li l-partijiet ikkonċernati tal-pajjiżi riċevituri, bħall-awtoritajiet pubbliċi, is-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali jeħtieġ li jkunu involuti fid-deċiżjoni dwar il-proġetti tal-Global Gateway u fl-implimentazzjoni tagħhom; ifakkar, barra minn hekk, li s-suċċess tal-BEI Globali jiddependi fuq livell adegwat ta’ persunal ibbażat fuq il-post, inklużi ħaddiema lokali;
33. Jinnota li, minn mindu twaqqfet il-fergħa l-ġdida għall-iżvilupp, il-BEI Globali għamel użu rekord mit-tieqa għall-investiment iddedikata li pprovda l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali-Ewropa Globali, u din forniet aktar minn EUR 10 biljun fl-2022, primarjament b’appoġġ għall-Ukrajna u l-Global Gateway; jieħu nota tal-pjan direzzjonali strateġiku tal-BEI Globali u l-aspettattiva li dan se jiffaċilita mill-inqas terz tat-EUR 300 biljun f’investimenti li għandhom jiġu ġġenerati sa tmiem l-2027; jilqa’ l-mira għall-2025 li aktar minn 50 % tas-self annwali jmur lejn investiment fl-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali; jistenna li l-finanzjament jikkontribwixxi għal tranżizzjoni inklużiva u ġusta globalment; barra minn hekk, jistenna li l-BEI Globali jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-mira tal-UE ta’ 85 % tal-azzjonijiet esterni ġodda kollha li jappoġġjaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri sal-2025; jilqa’ l-progress li sar fir-rigward tal-istabbiliment tal-Fond Global Gateway taħt il-garanzija tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus, li mistenni jiffinanzja investimenti tas-settur privat b’impatt għoli u jipprovdi finanzjament tal-ekwità u tad-dejn għal proġetti ta’ infrastruttura b’impatt għoli, enerġija nadifa u żvilupp uman madwar id-dinja; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta’ konsultazzjonijiet inklużivi u sinifikattivi mal-partijiet ikkonċernati li huma affettwati mill-operazzjonijiet tiegħu; jappella għal aktar appoġġ għal proġetti b’bankabbiltà limitata u redditu pubbliku għoli, u biex jitnaqqas l-ammont minimu ta’ self għal proġetti individwali, b’mod partikolari f’pajjiżi inqas żviluppati;
34. Itenni t-talba tiegħu lill-BEI Globali biex jillimita l-operazzjonijiet ta’ taħlit għall-oqsma fejn jistgħu jżidu l-valur għall-ekonomija lokali filwaqt li jevita l-esklużjoni tal-kapital privat u biex jiżgura li l-finanzjament imħallat ma jintużax għal servizzi pubbliċi essenzjali, b’mod partikolari s-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali; ifakkar li l-għanijiet tal-politika tal-iżvilupp tal-UE, u b’mod partikolari l-għan li jissaħħaħ l-aċċess universali u affordabbli għall-kura tas-saħħa, għandhom jiggwidaw l-investimenti tal-BEI f’dan il-qasam, biex jiġu żgurati eżiti tas-saħħa aħjar għal kulħadd, u b’mod partikolari għan-nisa;
35. Jinsab imħasseb dwar il-livelli tad-dejn li qed jiżdiedu b’mod rapidu u l-kostijiet ogħla tas-self f’ekonomiji emerġenti u li qed jiżviluppaw, b’madwar 60 % tal-pajjiżi b’introjtu baxx li diġà jinsabu f’dejn pubbliku eċċessiv jew f’riskju għoli ta’ dejn eċċessiv[4]; jenfasizza r-rwol importanti tal-BEI u ta’ istituzzjonijiet multilaterali oħra fl-għoti ta’ finanzjament fuq termini konċessjonali biex jittaffew il-piżijiet tad-dejn mhux sostenibbli;
36. Huwa tal-fehma li l-BEI Globali għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-prinċipji stabbiliti fid-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effettività tal-Għajnuna u l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Akkra (sjieda, allinjament, armonizzazzjoni, ġestjoni għar-riżultati u obbligu ta’ rendikont reċiproku); jinsab partikolarment imħasseb, f’dan il-kuntest, dwar kunflitt ta’ interess bejn l-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni u l-finanzjament għall-iżvilupp tal-BEI Globali u dwar l-impatt fuq l-addizzjonalità tal-iżvilupp tal-investimenti affettwati tal-BEI Globali;
37. Jieħu nota tan-nota ta’ informazzjoni tal-BEI li tiġbor fil-qosor l-approċċ tiegħu għad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar lill-BEI dwar l-importanza tal-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-proċeduri ta’ diliġenza dovuta tiegħu, it-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ankraġġ tal-impenn ġenerali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-operat f’konformità sħiħa mal-Artikolu 2 tat-TFUE; itenni t-talba tiegħu għal regoli ċari u vinkolanti biex jikkomplementaw in-nota ta’ informazzjoni li tiġbor fil-qosor l-approċċ tal-BEI Globali għad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari dwar il-valutazzjoni u d-diżimpenn; jesprimi tħassib partikolari dwar il-fatt li, mill-2015, il-BEI ma rrikjediex li l-promoturi tal-proġetti jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt awtonomi fuq id-drittijiet tal-bniedem; għalhekk jistieden lill-BEI jipprovdi strateġija dwar id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll valutazzjonijiet u evalwazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem tal-programmi tiegħu, inkluż tas-sitwazzjoni reali fil-prattika fil-pajjiżi riċevituri, biex jiżgura li l-komunitajiet lokali jiġu kkonsultati u li d-dritt għal kunsens liberu, minn qabel u infurmat jiġi rispettat b’mod sistematiku; jistieden lill-BEI, barra minn hekk, biex jiżviluppa politiki speċifiċi dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u protokolli biex jirrispondi għar-riskji ta’ rappreżalji; jissottolinja li għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi biex jinkludu popli indiġeni, nisa, persuni b’diżabbiltà u gruppi vulnerabbli oħra fil-konsultazzjonijiet;
38. Itenni l-appell tiegħu lill-BEI biex jiżgura li l-operazzjonijiet tiegħu jkunu ta’ benefiċċju għan-nisa u l-bniet u għall-avvanz tal-emanċipazzjoni ekonomika u l-impjiegi tan-nisa; jemmen li l-BEI jista’ jkompli jżid is-self mikrofinanzjarju lin-negozji mmexxija min-nisa, li għadhom jiffaċċjaw diskriminazzjoni fl-aċċess għall-finanzi;
39. Jitlob lill-BEI jikkollabora ma’ istituzzjonijiet bilaterali u multilaterali oħra biex jiżviluppa u japplika metodoloġiji komuni għall-analiżi tal-impatt tal-iżvilupp, bil-għan li jiġu żgurati impatti pożittivi u valur miżjud fit-tul;
Trasparenza u governanza
40. Ifakkar li l-fondi tal-BEI huma flus pubbliċi u li l-użu tagħhom għandu dejjem ikun soġġett għal skrutinju pubbliku u obbligu ta’ rendikont; jirrikonoxxi li l-BEI huwa kklassifikat bħala “ġust” fuq l-Indiċi tat-Trasparenza tal-Investiment Dirett Barrani tal-2023; jistieden lill-BEI jippubblika b’mod proattiv u fil-ħin, informazzjoni aktar dettaljata dwar il-proġetti, inklużi r-raġunament u l-kuntest għall-proġetti, filwaqt li jispjega kif dawn jallinjaw ruħhom mal-għanijiet tal-politika tal-UE u javvanzawhom, u jistenna li l-BEI jillimita n-nuqqas ta’ divulgazzjoni għall-eċċezzjonijiet applikabbli elenkati fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001[5] u r-Regolament (KE) Nru 1367/2006[6]; iħeġġeġ lill-BEI jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew tal-20 ta’ Novembru 2023 mill-Kawża 2252/2022/OAM u tal-21 ta’ April 2022 mill-Kawża 1251/2020/PB biex jippermetti valutazzjoni sinifikattiva tal-aspetti ambjentali u soċjali tal-proġetti li qed jikkunsidra għall-finanzjament;
41. Jappella għal aktar obbligu ta’ rendikont tal-BEI lejn l-istituzzjonijiet tal-UE, speċjalment lejn il-Parlament, peress li t-trasparenza hija waħda mill-pedamenti tad-demokrazija; jistieden lill-BEI, għalhekk, iżid ir-rappurtar tiegħu lill-Parlament rigward id-deċiżjonijiet tiegħu, il-progress miksub u l-impatt tal-attivitajiet ta’ self tiegħu, notevolment permezz ta’ djalogi strutturati regolari bejn il-Parlament u l-BEI; itenni t-talba tiegħu biex jiġi stabbilit ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-BEI sabiex jittejjeb l-aċċess għad-dokumenti u d-data tal-BEI u jissaħħaħ l-obbligu ta’ rendikont demokratiku, inkluża l-kapaċità li jitressqu mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub lill-BEI kif diġà previst għall-Bank Ċentrali Ewropew;
42. Itenni l-istedina tiegħu lill-BEI biex isaħħaħ il-politika tiegħu kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, inkluż billi jastjeni milli jiffinanzja benefiċjarji jew intermedjarji finanzjarji li għandhom rekord negattiv bil-provi; jistieden lill-BEI jinforza l-miżuri ta’ prevenzjoni u valutazzjonijiet tat-taxxa regolari fil-konfront tal-ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx, kif ukoll fil-konfront tal-frodi tat-taxxa u fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar illegali u aggressiv tat-taxxa;
43. Iħeġġeġ lill-viċi presidenti tal-BEI biex jevitaw li jkunu involuti fi proposti għal proġetti minn pajjiżhom; jistieden lill-BEI jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Ombudsman tas-27 ta’ Lulju 2022 mill-Kawża 1016/2021/KR u tal-31 ta’ Ottubru 2023 mill-Kawża 611/2022/KR fir-rigward tal-attivitajiet tal-ex membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija tiegħu; jistieden lill-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-BEI jippubblikaw il-laqgħat skedati tagħhom mal-partijiet ikkonċernati esterni u jtenni t-talba tiegħu li jiġi ppubblikat b’mod sistematiku l-kontenut tal-laqgħat tal-korpi governattivi tal-BEI biex tkompli tittejjeb it-trasparenza;
44. Jinnota li l-BEI għamel progress fil-kisba ta’ forza tax-xogħol aktar ibbilanċjata bejn il-ġeneri, għalkemm in-nisa għadhom sottorappreżentati f’pożizzjonijiet għolja u f’oqsma ewlenin ta’ attività; jiddispjaċih li l-BEI ma laħaqx il-miri tiegħu dwar il-ġeneru stabbiliti għan-nisa f’diversi livelli fl-istrateġija tiegħu stess dwar id-diversità u l-inklużjoni għall-2018-2021; jistieden lill-Bank, għalhekk, iżid l-isforzi tiegħu biex jikseb bilanċ aħjar bejn il-ġeneri fil-funzjonijiet kollha u b’mod partikolari fil-pożizzjonijiet għolja u maniġerjali, filwaqt li jżomm ukoll bilanċ ġeografiku; jistieden lill-BEI jkompli jsaħħaħ id-diversità u l-inklużjoni;
°
° °
45. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment.
NOTA SPJEGATTIVA
Ir-rapport annwali għas-sena 2023 (li jalterna mal-Kumitat ECON) dwar l-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment jittratta l-prestazzjoni tal-BEI u l-kisbiet tal-Grupp tal-BEI, skont l-obbligi tiegħu marbuta mat-trattati, biex irawwem politika ta' integrazzjoni tal-UE u l-politiki orizzontali ewlenin tal-UE u jikkontribwixxi għalihom.
Ir-rapport jiffoka fuq l-evalwazzjoni tal-attivitajiet ta’ finanzjament ewlenin tal-BEI b’enfasi speċjali fuq l-iżvilupp tal-Bank Klimatiku tal-UE, fuq ir-rispons għall-kriżijiet tal-gwerra fl-Ukrajna, l-attività tal-BEI Globali u l-kisbiet fl-oqsma ta’ politika ewlenin. Ir-rapport jittratta wkoll il-governanza, it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont tal-BEI, bi skrutinju strett tal-kwistjonijiet relatati ma’ kunflitti ta’ interess u rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman.
Il-Bank Ewropew tal-Investiment ilu jistinka biex jagħmel it-tranżizzjoni lejn il-Bank Klimatiku tal-UE u impenja ruħu li jżid il-finanzjament għall-klima tiegħu. Madankollu, għas-sena 2022, il-BEI kiseb livell totali ta’ finanzjament ekoloġiku ta’ EUR 36,5 biljun, li kien jirrappreżenta 58% tal-volumi totali ta’ finanzjament u li qabeż il-mira oriġinali ta’ finanzjament ekoloġiku ta’ 50 % mistenni sal-2025. Filwaqt li l-Grupp tal-BEI għadu ma ħabbarx ir-riżultati u ċ-ċifri għall-2023, huwa mistenni li l-Bank baqa’ fit-triq it-tajba mis-sena preċedenti. Ir-rapport jagħmel diversi rakkomandazzjonijiet ta’ politika għall-politiki ta’ self li jeħtieġ li jsiru u/jew jiġu implimentati sabiex verament ikun il-Bank Klimatiku tal-UE kif ukoll il-kontribut għar-rieżami tal-Pjan Direzzjonali dwar il-Klima u biex jissaħħaħ il-kontribut tal-investiment biex jitwaqqaf jew jitreġġa’ lura t-telf tal-bijodiversità u l-protezzjoni tan-natura.
Il-BEI Globali għandu rwol ewlieni fl-espansjoni tal-BEI barra mill-UE u b’hekk il-kontribut tiegħu għall-eżekuzzjoni tal-għanijiet tal-politiki barranin u ta’ żvilupp tal-UE u huwa allinjat bis-sħiħ mal-politiki tal-UE dwar il-klima u l-ambjent.
ANNESS: ENTITAJIET JEW PERSUNI LI R-RAPPORTEUR IRĊIEVA KONTRIBUT MINGĦANDHOM
F’konformità mal-Artikolu 8 tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura, ir-rapporteur jiddikjara li rċieva kontribut mill-entitajiet jew il-persuni li ġejjin fit-tħejjija tar-rapport, sal-adozzjoni tiegħu fil-kumitat:
Entità u/jew persuna |
# Counter Balance# |
# Oxfam Europe# |
Il-lista ta’ hawn fuq hija mfassla taħt ir-responsabbiltà esklużiva tar-rapporteur.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
24.1.2024 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
26 1 2 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Rasmus Andresen, Olivier Chastel, David Cormand, Katalin Cseh, Pascal Durand, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Alexandra Geese, Vlad Gheorghe, Andrzej Halicki, Eero Heinäluoma, Niclas Herbst, Moritz Körner, Joachim Kuhs, Pierre Larrouturou, Janusz Lewandowski, Siegfried Mureşan, Andrey Novakov, Dimitrios Papadimoulis, Karlo Ressler, Bogdan Rzońca, Nils Torvalds, Nils Ušakovs |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Ana Collado Jiménez |
|||
Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Paolo Borchia, Sara Cerdas, Andor Deli, Matjaž Nemec, Domènec Ruiz Devesa |
VOTAZZJONI FINALI B’SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
26 |
+ |
ECR |
Bogdan Rzońca |
PPE |
Ana Collado Jiménez, José Manuel Fernandes, Andrzej Halicki, Niclas Herbst, Janusz Lewandowski, Siegfried Mureşan, Andrey Novakov, Karlo Ressler |
Renew |
Olivier Chastel, Katalin Cseh, Vlad Gheorghe, Moritz Körner, Nils Torvalds |
S&D |
Sara Cerdas, Pascal Durand, Eider Gardiazabal Rubial, Eero Heinäluoma, Pierre Larrouturou, Matjaž Nemec, Domènec Ruiz Devesa, Nils Ušakovs |
The Left |
Dimitrios Papadimoulis |
Verts/ALE |
Rasmus Andresen, David Cormand, Alexandra Geese |
1 |
- |
ID |
Joachim Kuhs |
2 |
0 |
ID |
Paolo Borchia |
NI |
Andor Deli |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1.
- [2] ĠU L 274, 30.7.2021, p. 1.
- [3] Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1184 tal-10 ta’ Frar 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi metodoloġija tal-Unjoni li tistipula regoli dettaljati għall-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika. ĠU L 157, 20.6.2023, p. 11.
- [4] Rapport tal-Bank Dinji, “Global Economic Prospects” (Prospetti Ekonomiċi Globali), Jannar 2024, https://www.worldbank.org/en/publication/global-economic-prospects.
- [5] Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.
- [6] Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali. ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13.