MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-appoġġ finanzjarju u militari kontinwu lill-Ukrajna mill-Istati Membri tal-UE
16.9.2024 - (2024/2799(RSP))
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Adam Bielan, Mariusz Kamiński, Rihards Kols, Michał Dworczyk, Sebastian Tynkkynen, Roberts Zīle, Assita Kanko, Charlie Weimers, Jadwiga Wiśniewska, Małgorzata Gosiewska, Ondřej Krutílek, Veronika Vrecionová
f’isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B10-0028/2024
B10‑0039/2024
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-appoġġ finanzjarju u militari kontinwu lill-Ukrajna mill-Istati Membri tal-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u dwar ir-Russja, b’mod partikolari dawk adottati minn meta seħħet l-invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna mir-Russja fi Frar 2022 u l-annessjoni tal-Krimea fid-19 ta’ Frar 2014,
– wara li kkunsidra l-Kunċett Strateġiku tan-NATO tal-2022,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi r-Russja, bl-appoġġ tad-dittatur Belarussu Aliaksandr Lukashenka, ilha mill-24 ta’ Frar 2022 twettaq gwerra ta’ aggressjoni fuq skala kbira illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna, bi ksur ċar tal-Karta tan-NU u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali, filwaqt li kompliet dak li bdiet fl-2014 bl-annessjoni tal-Krimea u sussegwentement meta okkupat partijiet tal-oblasts ta’ Donetsk u Luhansk;
B. billi l-Ukrajna, l-armata tagħha u ċ-ċittadini tagħha wrew determinazzjoni soda fid-difiża b’suċċess tal-pajjiż, minkejja li ġarrbu għadd kbir ta’ vittmi ċivili u militari; billi l-atroċitajiet imwettqa fit-territorji okkupati, kif ukoll l-attakki indiskriminati mill-forzi Russi fuq żoni residenzjali u infrastruttura ċivili, wasslu għal eluf ta’ vittmi ċivili, inklużi tfal, u ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem, u dan jirrifletti nuqqas ta’ rispett sfaċċat tad-dritt umanitarju internazzjonali; billi miljuni ta’ Ukreni għadhom qed jisfaw spostati kemm fl-Ukrajna kif ukoll barra minnha; billi din l-imġiba inumana mill-forzi Russi u mill-proxies tagħhom tikkostitwixxi delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità u titqies bħala ġenoċidju;
C. billi mill-24 ta’ Awwissu 2024, ir-Russja nediet l-akbar kampanja tagħha ta’ bumbardament mill-ajru kontra l-Ukrajna, li involviet għadd kbir ta’ missili ballistiċi u droni; billi dan l-attakk kellu fil-mira infrastruttura ċivili kritika, bħal sptarijiet, skejjel, universitajiet u kumplessi tal-akkomodazzjoni, f’tentattiv biex titkisser ir-reżiljenza tal-poplu Ukren; billi l-infrastruttura tal-enerġija ġiet immirata wkoll f’tentattiv biex titkisser il-grilja tal-enerġija integrata tal-pajjiż u jiġi destabbilizzat il-funzjonament tal-impjanti tal-enerġija nukleari li fadal, liema tentattiv jista’ jwassal għal aċċidenti simili għal Chernobyl qabel ix-xhur tal-ħarifa u tax-xitwa; billi s’issa nqatlu aktar minn mitt ruħ f’dawn l-attakki u madwar elf persuna sfaw midruba;
D. billi d-droni u l-missili Russi mmirati lejn l-Ukrajna qed jiksru dejjem aktar l-ispazju tal-ajru tal-UE u tan-NATO, u b’hekk qed ipoġġu f’riskju liċ-ċittadini fir-reġjuni tal-Lvant tal-alleanza;
E. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha s’issa kkontribwew aktar minn EUR 100 biljun f’assistenza finanzjarja, umanitarja, għar-rifuġjati u militari lill-Ukrajna, inkluż madwar EUR 40 biljun f’għajnuna militari b’EUR 21 biljun oħra li ġie rrappurtat li għandhom jiġu allokati sal-2025; billi l-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-UE b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine) ħarrġet aktar minn 55 000 membru tal-Forzi Armati Ukreni, inkluż kemm f’taħriġ dwar l-armi kkombinati kif ukoll f’taħriġ speċjalizzat; billi n-NATO se tiżgura kontribuzzjoni finanzjarja annwali lejn l-Ukrajna ta’ EUR 40 biljun;
F. billi f’Lulju, l-UE għamlet l-ewwel pagament regolari tagħha ta’ madwar EUR 4,2 biljun fl-ambitu tal-Faċilità għall-Ukrajna stabbilita reċentement; billi dan il-pagament isegwi l-pont preċedenti u appoġġ ta’ prefinanzjament li jammonta għal EUR 12-il biljun minn meta ġiet stabbilita l-faċilità f’Marzu 2024;
G. billi l-Grupp ta’ Kuntatt għad-Difiża tal-Ukrajna jikkonsisti f’aktar minn 50 pajjiż tal-istess fehma u kellu rwol ċentrali fil-koordinazzjoni tal-appoġġ militari internazzjonali, filwaqt li enfasizza l-importanza ta’ azzjoni kollettiva fid-difiża tad-demokrazija u tas-sovranità; billi b’kuntrast ma’ dan, ir-Russja qed tiġi appoġġjata minn assi tar-reġimi totalitarji l-aktar awtokratiċi u atroċi, bħall-Korea ta’ Fuq, l-Iran u s-Sirja;
H. billi n-NATO u l-alleati ewlenin tagħha, speċjalment l-Istati Uniti u r-Renju Unit, kellhom rwol kruċjali fil-koordinazzjoni u fit-tmexxija tal-isforzi biex l-Ukrajna tiġi appoġġjata mill-aspett militari, mhux biss bl-armi, bil-munizzjon u bit-tagħmir, iżda wkoll bl-intelligence u d-data; billi s-sħab tal-Punent introduċew ukoll restrizzjonijiet fuq l-użu tas-sistemi tal-armi tagħhom fl-attakki fuq bersalli fit-territorju Russu minħabba l-biża’ ta’ eskalazzjoni possibbli tal-gwerra; billi xi alleati għadhom jimponu restrizzjonijiet individwali fuq l-użu tal-armi kkonsenjati lill-Ukrajna kontra l-aggressur, u b’hekk jillimitaw il-kapaċità tal-Ukrajna li twaqqaf l-attakki kontra ċ-ċivili;
I. billi l-gwerra ta’ aggressjoni li tinsab għaddejja tkompli tikkonferma li l-Istati Uniti għadhom l-aktar pajjiż importanti għas-sigurtà Ewropea, hekk kif il-gwerra qed tkompli tiżvela nuqqasijiet profondi u inaċċettabbli fil-kapaċità tal-Ewropa li tiddefendi lilha nnifisha; billi dawn l-avvenimenti ssottolinjaw ir-rwol tal-Polonja bħala membru li jgawdi r-rispett tal-UE u tan-NATO u l-hub ewlieni biex jingħata appoġġ lill-Ukrajna; billi din il-gwerra ta’ attrizzjoni kontra pajjiż ta’ adeżjoni mal-UE ma biddlitx l-attitudni ta’ xi Stati Membri u alleati tan-NATO lejn l-issodisfar tar-rekwiżiti ta’ sigurtà ta’ din ir-realtà, kif deskritt fil-wegħda ta’ difiża tan-NATO;
J. billi d-deċiżjoni mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran li tipprovdi lir-Russja b’eluf ta’ droni Shahed kompliet issaħħaħ l-istatus tagħha bħala stat preokkupanti; billi r-Russja qed tkompli tirċievi appoġġ minn pajjiżi bħall-Korea ta’ Fuq u ċ-Ċina; billi, minn Awwissu 2023, il-Korea ta’ Fuq allegatament ikkonsenjat aktar minn żewġ miljuni u nofs unità ta’ munizzjon u armi oħra, liema fatt ikompli juri l-ostilità kostanti tagħha fil-konfront tal-liġijiet u tan-normi internazzjonali;
K. billi l-operazzjoni Kursk tal-Ukrajna u l-inkapaċità tar-Russja li taħtaf ir-reġjun kollu ta’ Donbas minkejja l-iskadenzi ta’ Putin u l-attakki massivi tat-truppi, juru li l-Ukrajna għandha forza ta’ ġlied b’kapaċità kbira u li, b’aktar provvisti tal-armi meħtieġa, tista’ tbiddel is-sitwazzjoni fir-rigward tal-okkupazzjoni tar-Russja;
1. Jafferma mill-ġdid il-pożizzjonijiet tiegħu dwar l-appoġġ kontinwu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u l-impenn sod tal-UE li tipprovdi appoġġ politiku, finanzjarju, ekonomiku, umanitarju, militari u diplomatiku għar-rebħa tal-Ukrajna; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu b’mod attiv biex iżommu u jiksbu l-usa’ appoġġ internazzjonali possibbli għall-Ukrajna;
2. Jissottolinja li, għaxar snin wara l-bidu tal-aggressjoni tar-Russja u aktar minn sentejn wara l-invażjoni fuq skala kbira tagħha, l-għanijiet tal-alleati tal-Punent tal-Ukrajna għadhom l-istess, u jinkludu l-kollass militari tal-forzi Russi u tal-proxies tagħhom fl-Ukrajna, li jippermetti lil Kiev tirrestawra bis-sħiħ l-integrità territorjali tagħha, tiżgura li r-Russja tħallas kumpens lill-Ukrajna għat-tbatija tremenda li kkawżat, tiżgura li l-imperjaliżmu Russu jinqered b’mod li qatt ma jirritorna u tressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli għall-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna u għad-delitti li wettqu, inkluż lil Vladimir Putin u lil Aliaksandr Lukashenka, kif ukoll kriminali tal-gwerra fir-rankijiet inferjuri tal-Gvern Russu, il-forzi armati Russi u l-proxies tagħhom;
3. Jirrikonoxxi li l-invażjoni Russa tal-Ukrajna għandha karatteristiki ġenoċidali kontra l-poplu Ukren, li jaqblu ma’ definizzjonijiet multipli, jekk mhux ma’ kollha, ta’ ġenoċidju kif deskritt fl-Artikolu II tal-Konvenzjoni dwar il-Ġenoċidju tal-1948;
4. Itenni li l-Ukrajna, bħala vittma ta’ aggressjoni, għandha dritt leġittimu għall-awtodifiża f’konformità mal-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU; ifakkar li l-assistenza militari sinifikanti, għalkemm għadha mhijiex biżżejjed, ipprovduta mill-UE, mill-Istati Uniti u minn sħab tal-istess fehma hija mfassla biex tippermetti lill-Ukrajna tiddefendi lilha nnifisha b’mod effettiv kontra stat aggressur u tistabbilixxi mill-ġdid kontroll sħiħ fuq it-territorju kollu tagħha rikonoxxut internazzjonalment;
5. Ifaħħar lill-Grupp ta’ Kuntatt għad-Difiża tal-Ukrajna għar-rwol vitali tiegħu fil-koordinazzjoni tal-appoġġ internazzjonali u jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom biex isaħħu l-kapaċitajiet tad-difiża tal-Ukrajna;
6. Jitlob li s-sħab tal-Punent kollha tal-Ukrajna jneħħu minnufih ir-restrizzjonijiet kollha fuq l-użu ta’ sistemi ta’ armi kkonsenjati għall-awtodifiża leġittima tal-Ukrajna f’konformità mal-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU, sabiex jippermettu attakki fuq bersalli leġittimi fit-territorju Russu; ifakkar li dawn ir-restrizzjonijiet unilaterali u diskriminatorji jfixklu l-kapaċità tal-Ukrajna li tiġġieled b’mod effettiv kontra l-attakki Russi fuq il-bliet u l-infrastruttura tagħha, u dan iżid l-għadd ta’ mwiet ċivili li diġà huwa xokkanti;
7. Jissottolinja l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tad-difiża tal-ajru, inkluż l-użu ta’ sistemi moderni ta’ difiża tal-ajru biex jiġu interċettati missili u droni Russi mmirati lejn l-Ukrajna, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni minn theddid li jestendi fl-ispazju tal-ajru tal-UE u tan-NATO; jilqa’ l-impenn minn konsorzju ta’ pajjiżi Ewropej, inklużi d-Danimarka, in-Netherlands, il-Belġju u n-Norveġja, li jfornu inġenji tal-ajru tal-ġlied F-16 lill-Ukrajna u jħarrġu lill-bdoti Ukreni, liema impenn juri bidla sinifikanti fl-appoġġ militari għall-Ukrajna u joffri lill-Forza tal-Ajru tal-Ukrajna pjattaforma robusta li tkun kapaċi twettaq diversi rwoli, inklużi s-superjorità tal-ajru, l-attakk fuq l-art u r-rikonjizzjoni;
8. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu minnufih lill-Ukrajna b’inġenji tal-ajru avvanzati oħra tar-raba’ ġenerazzjoni, jew aħjar, kif ukoll missili b’kapaċitajiet ta’ attakki fuq medda twila bħal Taurus, inklużi mezzi għall-manutenzjoni tagħhom, f’volum suffiċjenti u mingħajr restrizzjonijiet, biex isaħħu l-isforzi difensivi, l-interessi strateġiċi u operazzjonali, u l-kapaċitajiet ta’ deterrenza fit-tul tal-Ukrajna kontra l-aggressjoni Russa;
9. Ifakkar li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna hija parti minn sett usa’ ta’ objettivi kontra l-Punent u kontra d-demokrazija, is-sigurtà, l-interessi u l-valuri tagħna, kif iddikjarat b’mod miftuħ minn Putin fil-ġimgħat ta’ qabel l-aggressjoni fuq skala kbira; itenni l-fehma tiegħu li l-Ukrajna tinsab fi triq irriversibbli lejn is-sħubija man-NATO; jissottolinja li nuqqas ta’ għajnuna militari aktar deċiżiva u sostanzjali mill-Punent ma jagħmel xejn ħlief iħeġġeġ lir-Russja tkompli l-aggressjoni tagħha; jinnota li l-aggressjoni Russa wriet b’mod ċar li n-NATO għandha r-rwol ta’ garanti primarju tas-sigurtà Ewropea; jissottolinja li, wara l-adeżjoni tal-Iżvezja u tal-Finlandja, erba’ Membri tal-UE biss mhumiex alleati tan-NATO, jiġifieri l-Awstrija, Ċipru, l-Irlanda u Malta;
10. Jappella lill-Istati Membri tal-UE jżidu l-infiq tagħhom biex jilħqu tal-anqas il-livell limitu ta’ 2 % u għal aktar komplementarjetà u anqas duplikazzjoni bejn l-UE u n-NATO; itenni l-pożizzjoni preċedenti tiegħu li l-Istati Membri kollha tal-UE u l-alleati tan-NATO għandhom jimpenjaw ruħhom b’mod kollettiv u individwali li jappoġġjaw lill-Ukrajna b’mod militari b’mhux anqas minn 0,25 % tal-prodott domestiku gross tagħhom kull sena; jissottolinja li konsenji insuffiċjenti jew li jdumu biex jaslu ta’ armi u munizzjon jirriskjaw li jikkompromettu l-isforzi li saru s’issa; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, iżidu b’mod sostanzjali u jaċċeleraw b’mod sinifikanti l-appoġġ militari tagħhom u jagħtu spinta lill-kapaċità tal-industriji militari tagħhom; jilqa’ d-deċiżjoni tan-NATO li tiggarantixxi provvisti militari b’valur ta’ mill-inqas EUR 40 biljun fil-futur qrib; huwa tal-fehma li deterrenza u difiża kredibbli jeħtieġu nfiq saħansitra akbar mil-linja gwida tan-NATO ta’ 2 %;
11. Itenni l-konvinzjoni soda tiegħu li r-Russja trid tipprovdi kumpens finanzjarju għall-ħsara enormi li kkawżat fl-Ukrajna; jilqa’, għalhekk, id-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill li juża d-dħul straordinarju li jirriżulta minn assi Russi immobilizzati biex jappoġġja l-isforz tal-gwerra tal-Ukrajna; jilqa’, barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-G7 li joffri lill-Ukrajna self ta’ USD 50 biljun garantit permezz ta’ assi immobilizzati tal-Istat Russu; jappella lill-UE, flimkien ma’ sħab tal-istess fehma, biex tistabbilixxi reġim legali sod għall-konfiska tal-assi proprjetà tal-Istat Russu ffriżati mill-UE; jappella, bl-istess mod, li jiġi previst mekkaniżmu biex ir-Russja jkollha tħallas reparazzjonijiet fit-tul lill-Ukrajna;
12. Jissottolinja r-responsabbiltà tas-sħab tal-Punent tal-Ukrajna li jimpenjaw ruħhom għal appoġġ militari u finanzjarju fit-tul u sostnut għall-Ukrajna; ifakkar f’analiżi li tissuġġerixxi li l-ħtiġijiet militari tal-Ukrajna huma fil-livell ta’ madwar EUR 100 biljun fis-sena; jistieden ulterjorment lill-Kummissjoni tipproponi assistenza finanzjarja fit-tul għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, filwaqt li tibni fuq l-esperjenza tal-Faċilità tal-Ukrajna li ġiet stabbilita reċentement;
13. Jistieden lill-Kunsill iżomm u jestendi l-politika ta’ sanzjonijiet tiegħu kontra r-Russja u l-Belarussja, filwaqt li jimmonitorja, jirrieżamina u jsaħħaħ l-effettività u l-impatt tagħha; jistieden lill-Kunsill jindirizza b’mod sistematiku l-kwistjoni ta’ ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet minn kumpaniji bbażati fl-UE, partijiet terzi u pajjiżi mhux tal-UE u jadotta u jimplimenta b’mod strett miżuri restrittivi kontra l-entitajiet kollha li jiffaċilitaw iċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet u li jipprovdu lill-kumpless militari Russu b’teknoloġiji u tagħmir militari u ta’ użu doppju; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi evitat li komponenti kritiċi prodotti fil-pajjiżi tal-UE jilħqu l-industrija militari Russa; iqis li huwa essenzjali li jissaħħu l-kontrolli fuq l-esportazzjoni u l-manutenzjoni ta’ tagħmir ta’ teknoloġija avvanzata prodott fl-UE, kif ukoll li jiżdiedu l-miżuri tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni biex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jindirizzaw, b’mod partikolari, il-kwistjoni ta’ komponenti ddisinjati mill-Punent li qed jintużaw f’armi Russi; jappella għal aktar limitazzjonijiet fuq l-aċċess għall-UE miċ-ċittadini Russi, speċjalment permezz ta’ skrinjar tas-sigurtà aktar strett, inkluża l-preżentazzjoni ta’ rekords tas-servizz militari matul il-proċess tal-applikazzjoni għall-viża ta’ Schengen;
14. Jissottolinja li ma jista’ jkun hemm ebda impunità għad-delitt ta’ aggressjoni u għall-instigaturi u l-awturi tal-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna – il-President tal-Federazzjoni Russa, Vladimir Putin, il-President tal-Belarussja, Aliaksandr Lukashenka, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Federazzjoni Russa, Sergey Lavrov, l-eks Ministru għad-Difiża tal-Federazzjoni Russa, Sergei Shoigu, u l-Ministru attwali għad-Difiża tal-Federazzjoni Russa, Andrey Belousov – kif ukoll dawk kollha involuti fl-ippjanar, fit-tħejjija, fil-bidu jew fit-twettiq tal-gwerra kontra l-Ukrajna, għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja internazzjonali u mhumiex intitolati għall-immunità personali; jappella biex is-sanzjonijiet jiġu applikati wkoll għal dawk il-pajjiżi li volontarjament jalimentaw il-magna tal-gwerra Russa, ifornu tagħmir u munizzjon lill-aggressur jew jiffaċilitaw iċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet;
15. Jikkundanna l-prattika tar-Russja li timblokka kwalunkwe azzjoni fil-livell tan-NU li jkollha l-għan li żżommha responsabbli għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna; jistieden lill-Istati Membri kollha tan-NU jieħdu azzjoni, filwaqt li jqisu l-fatt li l-Federazzjoni Russa, bil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, kisret b’mod sever il-pedamenti stess tal-Karta tan-NU, biex jirrevokaw is-setgħat ta’ veto tar-Russja fil-Kunsill tas-Sigurtà u jkeċċu lir-Russja min-NU, bl-istess mod li l-USSR kienet tkeċċiet mil-Lega tan-Nazzjonijiet fl-1939 wara l-aggressjoni tagħha kontra l-Polonja u l-Finlandja;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-Gvern u lill-Kungress tal-Istati Uniti u lin-NATO.