Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B10-0060/2024Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B10-0060/2024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-għargħar devastanti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, it-telf ta’ ħajjiet u t-tħejjija tal-UE biex taġixxi fir-rigward ta’ diżastri bħal dawn li huma ppeġġorati mit-tibdil fil-klima

17.9.2024 - (2024/2817(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Waldemar Buda, Cristian Terheş, Daniel Obajtek, Marlena Maląg, Jadwiga Wiśniewska, Michał Dworczyk, Mariusz Kamiński, Maciej Wąsik, Adam Bielan, Arkadiusz Mularczyk, Piotr Müller, Jacek Ozdoba, Alexandr Vondra, Małgorzata Gosiewska, Veronika Vrecionová, Gheorghe Piperea, Georgiana Teodorescu, Adrian‑George Axinia, Claudiu‑Richard Târziu, Şerban‑Dimitrie Sturdza, Ondřej Krutílek, Joachim Stanisław Brudziński, Beata Szydło, Anna Zalewska, Patryk Jaki, Tobiasz Bocheński, Bogdan Rzońca, Kosma Złotowski, Ivaylo Valchev
f’isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B10-0057/2024

Proċedura : 2024/2817(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B10-0060/2024
Testi mressqa :
B10-0060/2024
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B10‑0060/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-għargħar devastanti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, it-telf ta’ ħajjiet u t-tħejjija tal-UE biex taġixxi fir-rigward ta’ diżastri bħal dawn li huma ppeġġorati mit-tibdil fil-klima

(2024/2817(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-Awstrija, iċ-Ċekja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja ġew milquta serjament minn traġedja fil-forma ta’ għargħar estrem; billi din it-traġedja wasslet mhux biss għal telf materjali konsiderevoli, iżda wkoll, sfortunatament, għat-telf ta’ ħajjiet umani;

B. billi parti sinifikanti mit-territorji tagħhom ġiet milquta, inklużi ħafna reġjuni li huma ekonomikament u soċjalment żvantaġġati;

C. billi l-“għargħar tal-millennju” tal-1997 u tal-2002 wassal għall-mewt ta’ aktar minn 100 persuna, li mill-anqas 45 minnhom kienu fl-Ewropa;

D. billi dan it-tip ta’ għargħar katastrofiku reġa’ laqat reġjuni li qabel kienu esperjenzaw l-għargħar tal-millennju; billi l-iskala tal-ħsara materjali u naturali f’xi reġjuni issa hija aktar sinifikanti milli fl-1997; billi f’dawn l-aħħar snin tali diżastri ambjentali seħħew b’mod aktar frekwenti u intensiv, filwaqt li wasslu għal traġedji f’diversi reġjuni Ewropej, inkluż fl-Italja, b’mod partikolari fir-reġjuni tal-Marche u ta’ Emilja-Romanja u l-gżira ta’ Ischia, kif ukoll fil-Ġermanja u fil-Belġju, b’konsegwenzi devastanti kemm għan-nies kif ukoll għall-infrastrutturi u għall-ekonomiji lokali;

E. billi l-għargħar fil-Polonja kkawża ħsara materjali u ambjentali li ma rajnihom qatt qabel, kif ukoll ikkawża l-qerda ta’ ħafna monumenti u oġġetti ta’ wirt kulturali u reliġjuż, għelejjel agrikoli, faċilitajiet ta’ trobbija tal-annimali, djar, l-għajxien ta’ eluf ta’ persuni, tipi oħra ta’ proprjetà u anke bliet sħaħ; billi dan id-diżastru se jkollu impatt fit-tul fuq l-ekonomija lokali, fuq is-settur tat-turiżmu u fuq l-infrastruttura;

F. billi, għalkemm id-diżastri naturali huma komuni fir-reġjuni kollha tad-dinja, ir-reġjuni anqas żviluppati, li spiss huma żoni rurali b’infrastruttura insuffiċjenti, huma ferm aktar vulnerabbli minn oħrajn;

G. billi l-infrastruttura mibnija għall-protezzjoni mill-għargħar, bħad-digi, għandha rwol kruċjali biex timminimizza l-ħsara u tnaqqas it-telf materjali kif ukoll l-għadd ta’ vittmi; billi dan jindika li t-tkomplija tal-kostruzzjoni ta’ digi oħra li huma ppjanati hija kruċjali biex jiġu evitati diżastri simili fil-futur;

H. billi d-diżastru tal-għargħar li għaddej bħalissa fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant ħalla taħt l-ilma eluf ta’ ettari ta’ raba’ li jinħadem; billi t-telf enormi li d-diżastri naturali kkawżaw fuq l-agrikoltura din is-sena se jagħmilha impossibbli li l-ħamrija titħejja għall-għelejjel tax-xitwa f’ħafna reġjuni li huma importanti biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel fil-livell nazzjonali u Ewropew;

I. billi dawn id-diżastri naturali kollha laqtu prinċipalment l-ifqar reġjuni tal-UE, u dawn jinsabu fil-partijiet tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħha, jiġifieri fl-Istati Membri li, pereżempju, jirċievu l-aktar pagamenti diretti baxxi għall-produzzjoni mill-baġit tal-politika agrikola komuni (PAK), bil-Polonja, is-Slovakkja u r-Rumanija li qegħdin ferm taħt il-medja tal-UE;

J. billi diżastri naturali bħal dawn għandhom riperkussjonijiet dejjem aktar serji u frekwenti fuq il-komunitajiet u l-ekonomiji lokali fl-Istati Membri, u b’hekk jeħtieġu rispons ikkoordinat u f’waqtu fil-livell Ewropew;

Punti ġenerali

1. Iwassal l-aktar simpatija u solidarjetà profonda tiegħu mal-vittmi, il-familji tagħhom u n-nies u l-komunitajiet milquta mill-avvenimenti estremi tat-temp li għaddejjin bħalissa u l-għargħar sever fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, inklużi l-Awstrija, iċ-Ċekja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja;

2. Ifaħħar u jikkumplimenta l-isforzi bla waqfien, is-solidarjetà u l-impenn kbir tad-dipartimenti tat-tifi tan-nar professjonali u volontarji, tal-organizzazzjonijiet tas-salvataġġ, ta’ voluntiera oħra u tas-servizzi militari, inklużi tas-suldati tal-Forza tad-Difiża Territorjali fil-Polonja, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u l-membri tal-pubbliku, li rriskjaw ħajjithom biex isalvaw lil ħaddieħor u jipproteġu d-djar u l-infrastruttura; jisħaq li s-servizzi ta’ emerġenza kellhom rwol kruċjali biex isalvaw in-nies, jevakwaw żoni vulnerabbli u jipproteġu proprjetà f’kundizzjonijiet li spiss kienu diffiċli, u li l-isforzi bla heda u r-rieda tagħhom li jaġixxu, anke fil-waqt li rriskjaw ħajjithom, kellhom rwol kruċjali biex irażżnu d-diżastru;

3. Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu u jippromwovu l-importanza tad-dipartimenti tat-tifi tan-nar volontarji u ta’ organizzazzjonijiet volontarji oħra fil-protezzjoni ċivili; jistieden lill-UE tappoġġja programmi biex ikun hemm aktar taħriġ u tagħmir tekniku għal dawn is-servizzi ta’ emerġenza u biex issaħħaħ in-network tagħhom madwar l-Ewropa, bil-għan li nkunu mħejjija aħjar għal avvenimenti estremi tat-temp fil-futur;

4. Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li l-avvenimenti estremi tat-temp fit-territorju tal-UE qed ikunu dejjem aktar intensivi u frekwenti, inklużi n-nixfa, il-preċipitazzjoni estrema u l-għargħar fuq skala kbira, kif ukoll il-mewġiet ta’ sħana u n-nirien fil-foresti, u li dawn qed iħallu impatti severi u diretti fuq is-saħħa tal-bniedem, fuq l-għajxien, l-akkomodazzjoni, l-infrastruttura u l-agrikoltura; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li r-rispons kollettiv tal-UE għall-effetti ta’ tali avvenimenti avversi tat-temp jissaħħaħ permezz ta’ adattament effettiv tal-protezzjoni ċivili u miżuri ta’ mitigazzjoni bil-għan li n-nies, l-għajxien tagħhom u l-ekonomija jiġu protetti;

Protezzjoni ċivili u finanzjament ta’ solliev f’każ ta’ diżastru

5. Jenfasizza bil-qawwa li l-għajnuna għall-vittmi tal-għargħar trid tieħu l-forma ta’ għotjiet li ma jitħallsux lura u li r-reġjuni milquta mill-għargħar iridu jingħataw ukoll l-akbar ammont possibbli ta’ għajnuna li ma titħallasx lura;

6. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza finanzjarja ad hoc ulterjuri fil-forma ta’ pagamenti addizzjonali mill-fond ta’ riżerva agrikola u żżid b’mod sinifikanti l-limiti għal appoġġ possibbli mill-fondi nazzjonali;

7. Jirrimarka li, fid-dawl tal-iskala u tal-frekwenza tad-diżastri naturali, ir-riżerva agrikola annwali stabbilita permezz tar-Regolament (UE) 2021/2116[1] qed issir inadegwata, peress li fis-settur agrikolu dawn il-kriżijiet qed isiru sitwazzjonijiet kroniċi aktar milli ta’ emerġenza; iqis, għalhekk, li l-Kummissjoni għandha wkoll tadotta minnufih miżuri ta’ rimedju fit-tul billi tistabbilixxi strument separat tal-UE li jiffinanzja l-kumpens għall-effetti tal-fenomeni tat-temp fl-agrikoltura, kif ukoll billi tiġbor fondi kollettivi minn barra l-baġit tal-PAK;

8. Jappella għal distribuzzjoni aktar ġusta tal-fondi ta’ appoġġ fil-kuntest tal-PAK bejn l-Istati Membri kollha; jirrimarka li l-Istati Membri bl-aktar livell baxx ta’ prosperità jesperjenzaw l-akbar diffikultà biex itaffu l-effetti tad-diżastri naturali u biex jibnu mill-ġdid l-ekonomija fiż-żoni rurali; jinsab imħasseb li ż-żieda fl-għadd ta’ diżastri naturali se tintensifika t-tendenza kontinwa li l-bdiewa jabbandunaw l-azjendi agrikoli minħabba n-nuqqas ta’ prevedibbiltà dejjem akbar tar-rendimenti u t-tnaqqis fil-profittabbiltà tal-produzzjoni;

9. Jappoġġja bil-qawwa li fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss jissaħħu l-investimenti tal-UE marbuta mar-reżiljenza; jinkoraġġixxi sinerġiji bejn proġetti konġunti u ftehimiet ta’ kollaborazzjoni bejn il-livelli differenti ta’ governanza sabiex jiġu sfruttati l-kapaċitajiet miġbura u l-ekonomiji ta’ skala fl-investimenti tal-UE fir-reżiljenza lokali għad-diżastri;

10. Jitlob li jiġu ggarantiti u msaħħa l-investimenti fil-prevenzjoni tad-diżastri u fit-tħejjija għalihom; jemmen li l-finanzjament bil-mira għandu jiffoka fuq it-tnaqqis tar-riskju u t-tħejjija għal firxa wiesgħa ta’ diżastri;

11. Jissottolinja l-kooperazzjoni effettiva u kkoordinata bejn id-dipartimenti tat-tifi tan-nar u l-organizzazzjonijiet tal-għajnuna matul l-għargħar reċenti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u jafferma mill-ġdid ir-rwol essenzjali tar-rescEU; jisħaq li l-iskambju transfruntier rapidu ta’ riżorsi, servizzi ta’ emerġenza u għarfien espert salvaw il-ħajjiet u evitaw ħsara kbira; jissottolinja l-importanza tal-koordinazzjoni fil-livell tal-UE rigward l-għajnuna f’każ ta’ diżastru u jemmen li din il-kooperazzjoni turi s-saħħa tas-solidarjetà Ewropea f’każ ta’ diżastru; jissottolinja l-importanza li tali kooperazzjoni tiġi promossa u approfondita aktar permezz ta’ taħriġ konġunt, programmi ta’ skambju u l-espansjoni tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili;

12. Jinsisti li l-politika ta’ koeżjoni għandu jkollha rwol ewlieni fil-prevenzjoni tad-diżastri, fl-irkupru minn xokkijiet simmetriċi u asimmetriċi, u fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi li l-politika ta’ koeżjoni futura tal-UE għandha tindirizza b’mod adegwat l-isfidi li jirriżultaw minn diżastri naturali u l-impatt tagħhom fuq ir-reġjuni tal-UE, b’mod partikolari r-reġjuni anqas żviluppati; jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni hija maħsuba biex tappoġġja reġjuni anqas żviluppati, jiġifieri dawk l-aktar esposti għall-effetti tad-diżastri naturali, u biex twassal għal konverġenza;

13. Iqis li l-investimenti reġjonali permezz tal-baġit tal-UE għandhom jibqgħu taħt ġestjoni kondiviża għall-programmazzjoni u għall-implimentazzjoni sabiex ikunu jistgħu jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri, tar-reġjuni u taż-żoni urbani, rurali u remoti, speċjalment fid-dawl tal-adattament taż-żoni urbani u rurali għal sfidi ġodda bħall-għargħar;

14. Jenfasizza l-importanza li jitfasslu u jinżammu programmi u miżuri tal-UE magħmula apposta għar-reġjuni li għandhom it-tendenza li jsofru minn diżastri naturali; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ flessibbiltà integrata għall-kriżijiet fil-kuntest tal-finanzjament reġjonali;

15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri milquta jitolbu l-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili u l-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra jwieġbu t-talbiet kollha għall-appoġġ mingħajr dewmien;

16. Jissottolinja li avvenimenti estremi tat-temp iwasslu għal impatti ekonomiċi usa’ fir-reġjuni milquta u għal sfidi fiskali kbar fil-livell nazzjonali u dawn qed iġebbdu l-limiti tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE (FSUE) eżistenti; jesprimi dispjaċir għad-dewmien sinifikanti fl-iżborż sħiħ tal-għajnuna mill-FSUE, l-aktar minħabba sfidi tekniċi; jisħaq li rispons rapidu għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza huwa kruċjali għall-funzjonament effettiv tal-FSUE u huwa speċjalment importanti f’reġjuni b’aċċess limitat għal sorsi alternattivi ta’ finanzjament; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora l-mezzi kollha possibbli biex taċċellera l-mobilizzazzjoni tal-FSUE; jitlob, barra minn hekk, linja ta’ finanzjament ta’ emerġenza biex tissimplifika l-irkupru rapidu tal-individwi u l-kumpaniji milquta kif ukoll ir-restawr rapidu tal-infrastruttura affettwata, jiġifieri r-rotot ta’ komunikazzjoni u x-xogħlijiet ta’ difiża idroteknika kontra l-għargħar, kif ukoll investimenti f’miżuri ta’ prevenzjoni li jistgħu jitwettqu fil-ħin biex jitnaqqsu l-impatti futuri tat-temp estrem;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ tekniku u finanzjarju lir-reġjuni anqas żviluppati, filwaqt li tiżgura li l-ebda Stat Membru jew reġjun ma jitħalla jibqa’ lura fl-isforzi biex tissaħħaħ it-tħejjija għad-diżastri; jirrimarka li huwa essenzjali li l-għajnuna u r-riżorsi finanzjarji jkunu disponibbli fiż-żoni milquta bl-aktar mod rapidu, faċli u flessibbli possibbli;

18. Jinsisti li s-sessjonijiet plenarji ta’ Strażburgu jiġu kkanċellati għal 12-il xahar konsekuttiv u li l-flus iffrankati b’dan il-mod jiġu allokati biex jgħinu lill-vittmi tal-għargħar;

Prevenzjoni

19. Jilqa’ l-fatt li l-miżuri ta’ protezzjoni mill-għargħar meħuda f’dawn l-aħħar snin, li ħafna minnhom ġew appoġġjati mill-finanzjament tal-UE, irnexxew f’ħafna reġjuni u evitaw diżastri kbar; jinnota li digi, polders u baċiri tal-għargħar ġodda naqqsu l-erja tas-superfiċje tal-pjanuri tal-għargħar u taffew l-impatt fuq iż-żoni urbani u rurali, filwaqt li ssottolinjaw l-importanza tal-investiment preventiv fil-protezzjoni mill-għargħar; jinnota li dawn l-investimenti spiss jiġu mxekkla minn gruppi attivisti estremisti u jitlob li tittieħed azzjoni kontrihom fil-futur;

20. Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar investiment fl-infrastruttura, speċjalment fl-infrastruttura kontra l-għargħar, inklużi l-bini ta’ digi u r-regolamentazzjoni tax-xmajjar; iqis li l-kisba tal-objettivi ambjentali m’għandhiex tostakola l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura kontra l-għargħar;

21. Jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa ta’ aktar investiment urġenti f’miżuri għall-ġestjoni tar-riskji mill-għargħar u għall-protezzjoni taċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta b’mod urġenti proposti għal azzjonijiet dwar il-prevenzjoni ta’ diżastri bħal dawn fil-futur u tirrevedi l-inizjattivi attwali sabiex tingħata prijorità lill-investimenti li verament jiggarantixxu s-sikurezza taċ-ċittadini tagħna, filwaqt li jitqiesu s-sorsi ta’ finanzjament;

22. Jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw l-espansjoni u t-tiswija ta’ miżuri ta’ protezzjoni mill-għargħar f’reġjuni partikolarment vulnerabbli, inklużi xogħlijiet idrotekniċi, bħall-ħolqien ta’ żoni għal żamma addizzjonali; jistieden, f’dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tnaqqas l-ostakli burokratiċi u tħaffef il-proċeduri ta’ approvazzjoni għall-kostruzzjoni u t-tiswija tal-infrastruttura għall-protezzjoni mill-għargħar sabiex il-miżuri ta’ protezzjoni meħtieġa b’mod urġenti jkunu jistgħu jiġu implimentati mingħajr dewmien bla bżonn; jenfasizza li dan jirrikjedi proċeduri aktar effiċjenti f’terminu ta’ ħin, responsabbiltajiet definiti sew u enfasi ċara fuq il-miżuri ta’ kostruzzjoni meħtieġa;

23. Jistieden lill-Kummissjoni testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE sabiex tkun tista’ tappoġġja wkoll il-kostruzzjoni l-ġdida ta’ infrastruttura pubblika u privata, bħal digi ġodda, jew it-tlestija ta’ dawk eżistenti, biex tipprevjeni u tillimita l-okkorrenza ta’ ħsara kbira kkawżata minn diżastri;

°

° °

24 Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Settembru 2024
Avviż legali - Politika tal-privatezza