Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B10-0062/2024Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B10-0062/2024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-għargħar devastanti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, it-telf ta’ ħajjiet u t-tħejjija tal-UE biex taġixxi fir-rigward ta’ diżastri bħal dawn li huma aggravati mit-tibdil fil-klima

17.9.2024 - (2024/2817(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Tamás Deutsch, Viktória Ferenc, Ondřej Knotek, Klara Dostalova, Filip Turek, Nikola Bartůšek, Elisabeth Dieringer, Mathilde Androuët
f’isem il-Grupp PfE

B10‑0062/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-għargħar devastanti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, it-telf ta’ ħajjiet u t-tħejjija tal-UE biex taġixxi fir-rigward ta’ diżastri bħal dawn li huma aggravati mit-tibdil fil-klima

(2024/2817(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 191 u l-Artikolu 196(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea[1],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 dwar il-Futur tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea COM(2011)0613),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Solidarjetà, implimentazzjoni u applikazzjoni[2], u tat-18 ta’ Mejju 2021 dwar ir-rieżami tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Settembru 2002 dwar l-għargħar fl-Ewropa[4], tat-8 ta’ Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (in-nirien u l-għargħar) fl-Ewropa das-sajf[5], tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali (in-nirien tal-foresti, in-nixfa u l-għargħar) – l-aspetti agrikoli[6], l-aspetti tal-iżvilupp reġjonali[7] u l-aspetti ambjentali[8], tas-7 ta’ Settembru 2006 dwar in-nirien tal-foresti u l-għargħar[9], kif ukoll tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar l-għargħar fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, b’mod partikolari fil-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija u r-Rumanija, u fi Franza[10], u tal-1 ta’ Lulju 2013 dwar l-għarar fl-Ewropa[11],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi diżastru naturali kbir, ikkaratterizzat minn għargħar mifrux, dan l-aħħar laqat lil ħafna pajjiżi Ewropej, fosthom l-Awstrija, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja;

B. billi f’dawn l-aħħar snin kien hemm żieda fil-frekwenza, is-severità, il-kumplessità u l-impatt tad-diżastri naturali madwar l-Ewropa;

C. billi l-għargħar ikkawża ħsara kbira lill-bliet, l-irħula u l-muniċipalitajiet, kif ukoll lill-infrastruttura, in-negozji, l-agrikoltura u ż-żoni rurali; billi dan wassal għall-qerda ta’ elementi ta’ wirt naturali u kulturali, ikkawża telf ta’ ħajja u korriment, u sposta eluf ta’ individwi minn djarhom;

D. billi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) ġie stabbilit sabiex jindirizza diżastri naturali kbar u sabiex jipprovdi assistenza finanzjarja lil Stati Membri milquta minn diżastri bħal dawn;

E. billi huwa essenzjali li ssir ir-rikostruzzjoni taż-żoni milquta mid-diżastri biex jiġi indirizzat u rimedjat it-telf ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħhom;

F. billi hemm bżonn li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha li jipprevjenu kull tip ta’ diżastru naturali, u billi huwa meħtieġ titjib fl-operabbiltà u l-koordinazzjoni ta’ diversi strumenti biex tiġi żgurata l-prevenzjoni effettiva tad-diżastri;

1. Jesprimi s-simpatija u s-solidarjetà tiegħu mal-abitanti tal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet milquta mid-diżastru; jirrikonoxxi r-riperkussjonijiet ekonomiċi severi tad-diżastru u jwassal il-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi;

2. Jirrikonoxxi u japprezza l-isforzi bla waqfien tal-unitajiet tas-sikurezza u tal-protezzjoni ċivili, tat-timijiet ta’ salvataġġ u tal-voluntiera fl-isforzi tagħhom biex isalvaw il-ħajjiet u jtaffu l-ħsara fiż-żoni milquta;

3. Ifaħħar l-isforzi tal-Istati Membri li estendew l-għajnuna lir-reġjuni milquta, peress li dawn l-azzjonijiet jirrappreżentaw l-ispirtu tas-solidarjetà Ewropea permezz tal-assistenza reċiproka fi żminijiet ta’ avversità;

4. Jenfasizza li l-prevenzjoni effettiva tal-għargħar trid tiffoka wkoll fuq strateġiji interreġjonali u transfruntiera għall-ġestjoni tar-riskju, li joffru potenzjal sinifikanti għall-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ rispons ta’ emerġenza konġunt imsaħħaħ, kif ukoll fuq investimenti ulterjuri f’miżuri preventivi, bl-użu ta’ diversi strumenti finanzjarji;

5. Jirrikonoxxi li l-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili ħaffef il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri, u kkontribwixxa biex jittaffa l-impatt tal-emerġenza; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissimplifikaw il-proċeduri għall-attivazzjoni rapida tal-Mekkaniżmu;

6. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw l-iżborż adegwat u fil-pront tal-assistenza finanzjarja mill-FSUE, mingħajr l-impożizzjoni ta’ kwalunkwe kundizzjoni burokratika jew kundizzjonijiet oħra; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li din l-assistenza finanzjarja tiġi rilaxxata lill-Istati Membri milquta minn diżastri naturali, sabiex jiġu appoġġjati l-isforzi tagħhom ta’ ġestjoni tad-diżastri, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni tal-għargħar, il-kontroll tan-nirien fil-foresti u miżuri protettivi relatati oħra;

7. Jistieden lill-Kummissjoni tippermetti pagamenti parzjali rapidi malli l-Istat Membru milqut ikun applika għall-assistenza;

8. Jilqa’ l-fatt li l-Ungerija, li għandha l-presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, attivat il-Mekkaniżmu Integrat tal-UE għal Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi, u jenfasizza li dan il-pass jipprovdi opportunità lill-Istati Membri partikolarment milquta fir-reġjun biex jikkoordinaw il-kompiti ta’ difiża tagħhom, filwaqt li jgħin ukoll biex jiġu identifikati modi li bihom l-UE tista’ tgħinhom bl-aktar mod effettiv f’din is-sitwazzjoni kritika;

9. Jenfasizza li l-investiment fil-prevenzjoni tal-għargħar fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-programmi rilevanti jirrikjedi riżorsi finanzjarji suffiċjenti mingħajr ebda kundizzjoni mhux meħtieġa, peress li huwa vitali biex l-Istati Membri jingħataw is-setgħa li jfasslu attivitajiet effettivi għall-prevenzjoni tal-għargħar;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fiż-żoni milquta.

 

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Settembru 2024
Avviż legali - Politika tal-privatezza