MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-rigress demokratiku u t-theddid għall-pluraliżmu politiku fil-Georgia
4.10.2024 - (2024/2822(RSP))
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Urmas Paet, Petras Auštrevičius, Dan Barna, Helmut Brandstätter, Benoit Cassart, Olivier Chastel, Veronika Cifrová Ostrihoňová, Bernard Guetta, Ľubica Karvašová, Ilhan Kyuchyuk, Marie‑Agnes Strack‑Zimmermann, Hilde Vautmans, Lucia Yar, Dainius Žalimas
f’isem il-Grupp Renew
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B10-0070/2024
B10‑0070/2024
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rigress demokratiku u t-theddid għall-pluraliżmu politiku fil-Georgia
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Georgia,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023 bit-titolu “Il-Komunikazzjoni 2023 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE” (COM(2023)0690), li jiddeskrivu l-passi għall-istatus ta’ kandidatura tal-Georgia, b’mod partikolari d-disa’ pass, rigward il-libertà tas-soċjetà ċivili,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-portavuċi tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tal-4 ta’ Settembru 2024 dwar il-pakkett leġiżlattiv fuq “il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni” fil-Georgia,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tat-18 ta’ Settembru 2024 dwar il-liġijiet, adottati mill-Parlament tal-Georgia, dwar “il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni”,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet adottati jew approvati mill-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezja) dwar diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni tal-Georgia fil-139 sessjoni tagħha (21-22 ta’ Ġunju 2024),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kostituzzjoni tal-Georgia tipproteġi l-eżerċizzju tal-libertajiet tal-opinjoni, tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika, u d-dritt għal elezzjonijiet universali, ugwali u ħielsa, bħala drittijiet fundamentali; billi l-Kostituzzjoni tal-Georgia tiggarantixxi wkoll l-ugwaljanza tal-persuni kollha u tipproteġihom mid-diskriminazzjoni; billi, skont l-Artikolu 78 tal-Kostituzzjoni tal-Georgia, “il-korpi kostituzzjonali għandhom jieħdu l-miżuri kollha fl-ambitu tal-kompetenzi tagħhom biex jiżguraw l-integrazzjoni sħiħa tal-Georgia fl-Unjoni Ewropea u fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana”;
B. billi, minkejja protesti pubbliċi mifruxa u appelli mill-UE u mis-sħab l-oħra tal-Punent tal-Georgia, il-partit fil-gvern Ħolma Georgjana adotta abbozz ta’ liġi ispirat mir-Russja dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija”, li jirrikjedi li s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-media li jaċċettaw fondi minn barra l-pajjiż jirreġistraw bħala “organizzazzjonijiet li jsegwu l-interessi ta’ potenza barranija” jew jiffaċċjaw multi;
C. billi din il-leġiżlazzjoni tillimita l-kapaċità tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet tal-media li joperaw liberament, trażżan il-libertà tal-espressjoni u tistigmatizza b’mod inġust l-organizzazzjonijiet li jwasslu benefiċċji ċari liċ-ċittadini tal-Georgia;
D. billi f’Marzu 2023, proposta għal leġiżlazzjoni simili qajmet protesti mifruxa fil-Georgia, li wasslu għall-irtirar tagħha; billi wara l-irtirar tal-proposta fl-2023, il-partit fil-gvern u l-media li taġevola lill-gvern komplew jeskalaw ir-retorika kontra s-soċjetà ċivili u l-ġurnalisti;
E. billi fl-20 ta’ Frar 2024, il-partit fil-gvern Ħolma Georgjana adotta emendi għal-leġiżlazzjoni elettorali, li jipperikolaw l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali u jdgħajfu l-fiduċja pubblika f’din l-istituzzjoni;
F. billi lejn l-aħħar ta’ Awwissu 2024, l-oligarka Bidzina Ivanishvili ħeġġeġ lill-votanti jgħinu lill-partit Ħolma Georgjana jżomm supermaġġoranza fil-Parlament Georgjan sabiex jibda l-proċess li diversi partiti tal-oppożizzjoni jiġu pprojbiti; billi dan kien appoġġjat mill-Prim Ministru tal-Georgia Irakli Kobakhidze, li ħabbar li l-gvern se jfittex li jipprojbixxi aktar minn nofs tużżana partiti wara l-elezzjonijiet parlamentari;
G. billi fis-17 ta’ Settembru 2024, il-partit fil-gvern Ħolma Georgjana għadda liġi dwar “il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni”, li tneħħi d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+;
H. billi jumejn wara l-introduzzjoni tal-liġi dwar “il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni”, Kesaria Abramidze, mudella trans u figura pubblika prominenti, inqatlet fl-appartament tagħha;
I. billi qabel, fl-4 ta’ April 2024, il-partit fil-gvern Ħolma Georgjana abolixxa l-kwoti obbligatorji tal-ġeneru għal-listi elettorali tal-partiti politiċi li jinsabu fil-kodiċi elettorali tal-Georgia u annulla r-regola ta’ finanzjament relatata mal-ġeneru stabbilita fil-liġi dwar l-assoċjazzjonijiet politiċi taċ-ċittadini, u b’hekk ħassar il-progress miksub fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza politika tan-nisa;
J. billi l-awtoritajiet Georgjani ma aġixxewx fuq rakkomandazzjoni waħda tal-Kummissjoni ta’ Venezja rigward l-annullament jew il-modifika tal-leġiżlazzjoni msemmija hawn fuq dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija” u dwar “il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni”, l-abolizzjoni tal-kwoti tal-ġeneru fl-elezzjonijiet lokali u parlamentari, u l-formazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali;
K. billi l-partit fil-gvern Ħolma Georgjana u l-media favur il-gvern qed ixerrdu propaganda kontra l-UE u antidemokratika, kif ukoll teoriji ta’ komplott;
L. billi l-partit fil-gvern Ħolma Georgjana u t-tmexxija tiegħu qed ikomplu jeskalaw retorika diviżiva, qarrieqa u vjolenti kontra avversarji politiċi u sħab internazzjonali, inkluża l-Ukrajna; billi l-partit fil-gvern juża strixxuni politiċi ta’ stmellija li juru bliet Ukreni meqruda mir-Russja, u b’hekk jikkapitalizza mit-tbatija tal-Ukreni kuraġġużi;
M. billi d-dikjarazzjoni tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu Sergei Lavrov li tesprimi r-rieda tiegħu li jgħin lill-Georgia tinnormalizza r-relazzjonijiet tagħha mal-“istati ġirien tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar” ġiet imfaħħra mill-mexxejja tal-partit fil-gvern, li juri t-tluq tal-Gvern tal-Georgia mill-politika tiegħu ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent tar-reġjuni okkupati tal-Georgia;
N. billi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-Komunikazzjoni 2023 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE”, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Georgia tingħata status ta’ kandidat bil-fehim li l-Georgia tieħu disa’ passi, li jinkludu l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-indħil kontra l-UE u l-valuri tagħha, l-involviment tal-partiti tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili fil-governanza, u l-iżgurar tal-libertà ta’ għaqda u ta’ espressjoni, kif ukoll il-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-involviment sinifikanti tagħha fil-proċessi leġiżlattivi u tat-tfassil tal-politika u l-iżgurar li s-soċjetà ċivili tkun tista’ topera liberament;
O. billi fl-14 ta’ Diċembru 2023, il-Georgia ngħatat l-istatus ta’ kandidat tal-UE mill-Kunsill Ewropew bil-fehim li jittieħdu d-disa’ passi stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni;
P. billi l-Prim Ministru tal-Georgia Irakli Kobakhidze ddikjara li l-Georgia mhux se timponi sanzjonijiet fuq ir-Russja, iżda se tipprevjeni biss milli sseħħ iċ-ċirkomvenzjoni tagħhom fit-territorju tagħha;
Q. billi l-kooperazzjoni kummerċjali u tan-negozji bejn il-Georgia u r-Russja żdiedet matul dawn l-aħħar sentejn, b’aktar minn 100 000 Russu li ċċaqalqu lejn il-Georgia, fetħu aktar minn 26 000 negozju, xtraw proprjetà immobbli u kienu involuti f’attivitajiet li joħolqu riskji ta’ ħasil tal-flus; billi din is-sitwazzjoni tipperikola s-sigurtà nazzjonali tal-Georgia u żżid id-dipendenza tagħha fuq ir-Russja;
R. billi f’dawn l-aħħar xhur, l-Istati Uniti imponew sanzjonijiet finanzjarji fuq l-uffiċjali tas-sigurtà Georgjani u l-mexxejja ta’ partit tal-lemin estrem talli dgħajfu u rażżnu l-libertà ta’ għaqda paċifika fil-Georgia, u imponew sanzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fuq 60 individwu ieħor, inklużi uffiċjali għolja tal-gvern; billi l-Bank Nazzjonali tal-Georgia rrifjuta li jikkonforma ma’ dawn is-sanzjonijiet;
S. billi l-elezzjonijiet parlamentari huma skedati li jsiru fil-Georgia fis-26 ta’ Ottubru 2024;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-adozzjoni tal-hekk imsejħa leġiżlazzjoni dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija” u “l-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni”, kif ukoll l-abolizzjoni tal-kwoti tal-ġeneru fl-elezzjonijiet lokali u parlamentari u l-bidliet fil-formazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali mill-maġġoranza tal-Ħolma Georgjana; jissottolinja li din il-leġiżlazzjoni hija inkompatibbli man-normi u l-valuri tal-UE, tagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-Georgia u tipperikola l-isforzi tagħha lejn l-adeżjoni mal-UE;
2. Iħeġġeġ lill-maġġoranza tal-Ħolma Georgjana tirtira minnufih il-leġiżlazzjoni dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija” u “l-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni”, tintroduċi mill-ġdid il-kwoti tal-ġeneru fl-elezzjonijiet lokali u parlamentari, u tiżgura proċess politiku bbażat fuq il-kunsens, li huwa kruċjali għall-indipendenza u l-imparzjalità tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali u għall-fiduċja tal-pubbliku f’dik l-istituzzjoni; iħeġġeġ lill-maġġoranza tal-Ħolma Georgjana timplimenta r-rakkomandazzjonijiet l-oħra tal-Kummissjoni ta’ Venezja; itenni l-appell tiegħu biex jieqfu l-attakki kollha fuq is-soċjetà ċivili, il-media indipendenti, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-komunità LGBTIQ+, u biex jiġi żgurat ambjent ġenwinament abilitanti għas-soċjetà ċivili u l-media fil-pajjiż;
3. Jisħaq li l-irtirar tal-leġiżlazzjoni dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija” u “l-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni” se jkun pass meħtieġ biex tittejjeb ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Georgia;
4. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu kuraġġuż tal-Georgia li qed jiġġieled għad-drittijiet demokratiċi tiegħu u għall-futur Ewropew ta’ pajjiżu; itenni l-appoġġ sod tiegħu għal dawk kollha li jippromwovu u jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u jaħdmu għal pajjiż u soċjetà paċifiċi impenjati favur l-ugwaljanza u d-dinjità tal-bniedem għal kulħadd;
5. Jappella li jiġi ffriżat il-finanzjament tal-UE pprovdut lill-Gvern tal-Georgia sakemm jitħassru dawn il-biċċiet ta’ leġiżlazzjoni illiberali, u li jitqiegħdu kundizzjonijiet stretti fuq l-iżborż ta’ kwalunkwe finanzjament futur lill-Gvern tal-Georgia;
6. Itenni l-appelli tiegħu lill-Kummissjoni biex tivvaluta minnufih kif il-leġiżlazzjoni tal-Georgia dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija” u “l-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni”, kif ukoll l-abolizzjoni tal-kwoti tal-ġeneru u bidliet oħra fil-leġiżlazzjoni elettorali tagħha, u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja b’mod ġenerali, jaffettwaw it-twettiq kontinwu tal-Georgia tal-parametri referenzjarji għal-liberalizzazzjoni tal-viża, b’mod partikolari l-parametru referenzjarju tad-drittijiet fundamentali, li huwa komponent kruċjali tal-politika tal-UE dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża;
7. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimponu sanzjonijiet fuq l-uffiċjali Georgjani li huma involuti fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra ċittadini Georgjani jew fir-rigress demokratiku tal-pajjiż; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex dan jikkunsidra li jimponi sanzjonijiet personali fuq Bidzina Ivanishvili għar-rwol tiegħu fid-deterjorament tal-proċess politiku u tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Georgia; iħeġġeġ lill-banek kummerċjali Georgjani jimplimentaw sanzjonijiet internazzjonali;
8. Ifakkar lill-Gvern tal-Georgia li l-UE tat lill-Georgia l-istatus ta’ kandidat bil-fehim li jittieħdu l-passi stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023; jissottolinja li l-biċċiet ta’ leġiżlazzjoni adottati reċentement imorru b’mod ċar kontra dan l-għan u jissospendu l-integrazzjoni tal-Georgia fl-UE;
9. Itenni l-appell tiegħu lill-Gvern tal-Georgia sabiex jirrispetta l-impenn tiegħu favur il-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u jinkoraġġih jadotta u jimplimenta riformi li huma konformi mal-objettiv iddikjarat tiegħu li jissieħeb fl-UE, kif mitlub mill-maġġoranza l-kbira taċ-ċittadini tal-Georgia;
10. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Georgia, bħala pajjiż kandidat tal-UE, timponi sanzjonijiet fuq ir-Russja b’reazzjoni għall-invażjoni tal-Ukrajna fuq skala sħiħa mir-Russja u tinforza b’mod effettiv miżuri biex tipprevjeni ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE, kif impenjat ruħha li tagħmel; jinsab imħasseb ħafna dwar l-allinjament tal-Gvern tal-Georgia mal-politiki Russi u d-dipendenza dejjem akbar tal-Georgia fuq ir-Russja, u dwar l-użu ta’ stampi vjolenti tal-gwerra fl-Ukrajna mill-partit Ħolma Georgjana bħala mezz ta’ manipulazzjoni tal-opinjoni pubblika u tixrid ta’ diżinformazzjoni fil-kampanja tiegħu qabel l-elezzjonijiet ta’ Ottubru 2024; jistieden lill-Georgia tallinja ruħha bis-sħiħ mal-politika barranija tal-UE u mal-istrateġija tal-UE fir-rigward tar-Russja;
11. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiggarantixxu l-appoġġ sħiħ tagħhom lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Georgjani f’dan il-perjodu diffiċli, inkluż dwar kwistjonijiet marbuta ma’ multi u piżijiet oħra imposti fuqhom mil-leġiżlazzjoni l-ġdida;
12. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Georgjani jiżguraw li l-elezzjonijiet parlamentari ta’ Ottubru 2024 jaderixxu mal-ogħla standards internazzjonali, filwaqt li jiggarantixxu proċess trasparenti, liberu u ġust li jirrifletti r-rieda demokratika tal-poplu; iħeġġeġ l-abolizzjoni tal-prattika stabbilita tal-użu ħażin tar-riżorsi pubbliċi u l-kapaċità amministrattiva għall-benefiċċju tal-partit fil-gvern; jinsisti li l-preżenza ta’ osservaturi kemm domestiċi, kif ukoll internazzjonali, għandha tiġi żgurata sabiex tiġi ssalvagwardjata l-integrità tal-elezzjonijiet u jappella għal missjoni ta’ osservazzjoni elettorali estiża tal-UE;
13. Jinsab imħasseb ħafna dwar ir-rapporti li l-Gvern tal-Georgia qed joħloq ostakli għall-koalizzjoni ta’ 30 NGO u Transparency International Georgia fl-isforzi tagħhom favur kampanja biex in-nies joħorġu jivvutaw; iqis dawn l-ostakli bħala tentattiv biex tiddgħajjef id-demokrazija fil-pajjiż;
14. Jinsab estremament imħasseb dwar il-brutalità tal-pulizija li seħħet matul il-protesti ta’ Marzu-Ġunju 2024 fi Tbilisi, u jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jwettqu investigazzjonijiet f’waqthom u bir-reqqa dwar dik il-brutalità tal-pulizija;
15. Itenni l-appell tiegħu għal missjoni internazzjonali ta’ osservazzjoni elettorali fit-tul imparzjali u indipendenti mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem fl-Ewropa, sabiex timmonitorja l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss tal-Georgia;
16. Itenni l-appell tiegħu mal-awtoritajiet Georgjani biex jeħilsu immedjatament lill-Eks President Mikheil Saakashvili u jippermettulu jingħata trattament mediku xieraq barra mill-pajjiż;
17. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jagħtu attenzjoni mill-qrib lil dawn il-kwistjonijiet u jimmonitorjaw mill-qrib l-iżviluppi fil-Georgia qabel l-elezzjonijiet parlamentari tal-pajjiż ta’ Ottubru 2024 u wara;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Georgia.
- [1] ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/agree_internation/2014/494/oj?eliuri=eli%3Aagree_internation%3A2014%3A494%3Aoj&locale=mt#.