MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Moldova kontra l-indħil Russu qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u r-referendum kostituzzjonali dwar l-integrazzjoni fl-UE li jmiss
4.10.2024 - (2024/2821(RSP))
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Siegfried Mureşan, Andrzej Halicki, Michael Gahler, Sebastião Bugalho, David McAllister, Željana Zovko, Nicolás Pascual De La Parte, Isabel Wiseler‑Lima, Antonio López‑Istúriz White, Wouter Beke, Krzysztof Brejza, Daniel Caspary, Rasa Juknevičienė, Sandra Kalniete, Ondřej Kolář, Andrey Kovatchev, Andrius Kubilius, Miriam Lexmann, Vangelis Meimarakis, Ana Miguel Pedro, Davor Ivo Stier, Michał Szczerba, Ingeborg Ter Laak, Matej Tonin, Milan Zver, Ioan‑Rareş Bogdan, Daniel Buda, Gheorghe Falcă, Mircea‑Gheorghe Hava, Dan‑Ştefan Motreanu, Virgil‑Daniel Popescu, Adina Vălean, Loránt Vincze, Iuliu Winkler
f’isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B10-0072/2024
B10‑0080/2024
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Moldova kontra l-indħil Russu qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u r-referendum kostituzzjonali dwar l-integrazzjoni fl-UE li jmiss
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar ir-Repubblika tal-Moldova,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra[1], li jinkludi Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva,
– wara li kkunsidra l-applikazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova tat-3 ta’ Marzu 2022 għall-adeżjoni mal-UE, u l-għoti sussegwenti ta’ status ta’ kandidat mill-Kunsill Ewropew fit-23 ta’ Ġunju 2022 abbażi ta’ valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni u f’konformità mal-fehmiet espressi mill-Parlament,
– wara li kkunsidra t-tlaqqigħ tal-ewwel konferenza intergovernattiva dwar l-adeżjoni tal-Moldova mal-UE, li saret f’Ġunju 2024,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi r-Repubblika tal-Moldova se torganizza elezzjonijiet presidenzjali u referendum kostituzzjonali dwar l-integrazzjoni fl-UE fl-20 ta’ Ottubru 2024;
B. billi l-Federazzjoni Russa ilha tuża l-provokazzjoni, id-diżinformazzjoni, il-finanzjament illegali tal-partiti politiċi, l-attakki ċibernetiċi u mezzi ibridi oħra biex timmina l-istabbiltà, is-sovranità, l-ordni kostituzzjonali u l-istituzzjonijiet demokratiċi tar-Repubblika tal-Moldova; billi l-attivitajiet sovversivi tar-Russja fil-Moldova jfittxu li jimminaw l-appoġġ popolari għall-perkors Ewropew magħżul mill-poplu tal-Moldova u jrawmu d-destabbilizzazzjoni;
C. billi fl-2023, l-UE imponiet sanzjonijiet fuq simpatizzanti pro-Russja u oligarki Moldovani ewlenin, bħal Ilan Șor, Vladimir Plahotniuc, Igor Ceaika, Gheorghe Cavaliuc u Marina Tauber, abbażi ta’ reġim ta’ sanzjonijiet stabbilit reċentement immirat lejn persuni responsabbli għal azzjonijiet immirati lejn id-destabbilizzazzjoni, l-imminar jew it-theddid tas-sovranità u l-indipendenza tar-Repubblika tal-Moldova;
D. billi f’Ġunju 2024, l-Istati Uniti, flimkien mar-Renju Unit u l-Kanada, esponew l-isforzi tar-Russja biex tinvolvi ruħha f’attivitajiet sovversivi u indħil elettorali mmirati lejn ir-Repubblika tal-Moldova;
E. billi f’Settembru 2024, l-Istati Uniti ddeżinjaw tliet entitajiet u żewġ individwi għall-involviment tagħhom fl-azzjonijiet destabbilizzanti tar-Russja barra mill-pajjiż, filwaqt li enfasizzaw il-kapaċitajiet moħbija ta’ RT li huwa ffinanzjat mill-Istat, u li qabel kien Russia Today; billi l-Istati Uniti żvelaw li RT mar lil hinn mill-operazzjonijiet tal-media u huwa involut b’mod attiv f’attivitajiet ċibernetiċi, influwenza moħbija, akkwist militari, gwerra tal-informazzjoni f’diversi reġjuni u sforzi biex jinterferixxi fil-proċessi elettorali tal-Moldova, kif ukoll jappoġġja direttament l-oligarka Moldovan maħrub Ilan Șor u jikkoordina mal-intelligence Russa biex jinfluwenza l-eżitu tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-Moldova ta’ Ottubru 2024 u r-referendum kostituzzjonali dwar l-adeżjoni mal-UE;
F. billi r-Repubblika tal-Moldova ħadet passi biex tiġġieled l-indħil Russu, inkluż billi tipprojbixxi l-partiti politiċi pro-Russja, tissanzjona oligarki, tissospendi l-mezzi tal-media li jxerrdu d-diżinformazzjoni, u żżid il-kontrolli doganali;
G. billi, minkejja dawn it-tentattivi kollha ta’ destabbilizzazzjoni, il-poplu Moldovan u t-tmexxija Moldovana baqgħu determinati li jsegwu l-perkors pro-Ewropew li għażlu;
H. billi fit-3 ta’ Marzu 2022, ir-Repubblika tal-Moldova applikat għall-adeżjoni mal-UE u, fis-17 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjonijiet tagħha dwar l-applikazzjonijiet ippreżentati mill-Ukrajna, il-Georgia u l-Moldova; billi l-Moldova ngħatat l-istatus ta’ pajjiż kandidat tal-UE fit-23 ta’ Ġunju 2022; billi l-Kummissjoni ddeskriviet disa’ passi biex il-Moldova tindirizza fir-rapport tagħha tal-2023 dwar il-pakkett tat-tkabbir, li ġie ppreżentat fit-8 ta’ Novembru 2023, u rrakkomandat il-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni, dment li r-riformi li fadal fil-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u d-deoligarkizzazzjoni jkunu twettqu; billi l-Kunsill Ewropew iddeċieda li jiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni fl-14 ta’ Diċembru 2023, u l-ewwel konferenza intergovernattiva li nediet formalment dawn in-negozjati saret fil-25 ta’ Ġunju 2024; billi l-adeżjoni mal-UE tibqa’ proċess ibbażat fuq il-mertu li jirrikjedi li jiġu ssodisfati l-kriterji ta’ adeżjoni mal-UE;
I. billi l-Gvern tal-Moldova qed isegwi proċess ambizzjuż ta’ riforma politika, ġudizzjarja u istituzzjonali; billi minkejja l-effetti drammatiċi tal-gwerra fuq l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova rnexxielha tikkonsolida b’mod sinifikanti d-demokrazija tagħha u żżomm it-trajettorja ta’ riformi; billi t-titjib fis-sistema demokratika tal-pajjiż ġie rifless fil-progress tiegħu f’diversi indiċijiet internazzjonali:
J. billi fl-24 ta’ April 2023, l-UE stabbiliet il-Missjoni ta’ Sħubija fil-Moldova fl-ambitu tal-politika ta’ sigurtà u difiża komuni, bl-objettiv li ttejjeb ir-reżiljenza tas-settur tas-sigurtà fl-oqsma tal-ġestjoni tal-kriżijiet, it-theddid ibridu u l-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin;
K. billi fl-21 ta’ Mejju 2024, il-Moldova saret l-ewwel pajjiż li ffirma Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża mal-UE, li se tgħin biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża bejn l-UE u l-Moldova;
1. Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu biex fil-futur ir-Repubblika tal-Moldova ssir membru tal-UE u jirrikonoxxi li postha huwa fl-UE; jemmen li l-adeżjoni tagħha mal-UE tikkostitwixxi investiment ġeostrateġiku f’Ewropa magħquda u b’saħħitha;
2. Jistieden lill-Kummissjoni taċċellera t-tlestija tal-proċess ta’ skrinjar bilaterali, li se jippermetti l-organizzazzjoni rapida ta’ konferenzi intergovernattivi futuri u l-ftuħ tan-negozjati fl-ambitu tar-Raggruppament I dwar il-Prinċipji Fundamentali mill-aktar fis possibbli;
3. Jikkundanna ż-żieda fl-attivitajiet malizzjużi, l-indħil u l-gwerra ibrida mwettqa mill-Federazzjoni Russa, l-istituzzjonijiet u l-proxies tagħha, bil-għan li jimminaw u jdgħajfu l-proċess elettorali demokratiku, l-istabbiltà u s-sovranità tar-Repubblika tal-Moldova qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u r-referendum kostituzzjonali dwar l-integrazzjoni fl-UE;
4. Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Russi biex jirrispettaw l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova, u biex iwaqqfu l-provokazzjonijiet u t-tentattivi tagħhom biex jiddestabbilizzaw il-pajjiż u jimminaw l-ordni kostituzzjonali u l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħha;
5. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li tingħata l-assistenza kollha meħtieġa lir-Repubblika tal-Moldova biex issaħħaħ il-mekkaniżmi istituzzjonali tagħha u l-kapaċità tagħha li tirrispondi għat-theddid ibridu u tiġġieled id-diżinformazzjoni u l-attakki ċibernetiċi; jissottolinja l-importanza tal-Missjoni ta’ Sħubija tal-UE fir-Repubblika tal-Moldova fit-tisħiħ tar-reżiljenza tas-settur tas-sigurtà tal-Moldova fl-oqsma tal-ġestjoni tal-kriżijiet u t-theddid ibridu, inklużi ċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin, u jitlob li l-mandat tagħha jiġi estiż;
6. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw b’mod attiv lill-Moldova fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, it-theddid ibridu, l-attakki ċibernetiċi u l-indħil multidimensjonali tar-Russja; jenfasizza l-importanza partikolari tal-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-istrumentalizzazzjoni tal-istorja mir-Russja, li tenfasizza l-indħil malizzjuż tagħha fir-Repubblika tal-Moldova u li jintużaw biex jiġġustifikaw il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u t-theddid tagħha ta’ aggressjoni ulterjuri kontra Stati oħra; iqis li dan għandu jinkludi t-tisħiħ tal-kapaċità tar-Repubblika tal-Moldova li tiġġieled id-diżinformazzjoni, issaħħaħ l-infrastruttura taċ-ċibersigurtà tagħha u ttejjeb ir-reżiljenza kontra l-influwenza malizzjuża barranija, filwaqt li tiżgura ambjent sigur u demokratiku; jappella għal aktar appoġġ għaċ-Ċentru tal-Moldova għall-Komunikazzjoni Strateġika u l-Ġlieda kontra d-Diżinformazzjoni;
7. Jistieden lill-UE u lill-Istati tal-istess fehma jimmonitorjaw mill-qrib l-indħil Russu fil-proċess elettorali tal-Moldova u jkunu lesti jużaw ir-reġimi ta’ sanzjonijiet eżistenti kontra individwi u entitajiet li jipparteċipaw b’mod attiv fis-sovversjoni u d-destabbilizzazzjoni tax-xenarju politiku, ixerrdu d-diżinformazzjoni u jiżirgħu l-kaos;
8. Jissottolinja l-importanza li jitkompla l-proċess ta’ riforma tal-pajjiż, mhux biss sabiex jintlaħaq l-objettiv politiku tal-adeżjoni mal-UE, iżda fuq kollox biex jittejjeb b’mod tanġibbli l-istandard tal-għajxien għas-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà fil-pajjiż; jilqa’ l-appoġġ mifrux fir-Repubblika tal-Moldova għall-integrazzjoni Ewropea tagħha;
9. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-assistenza finanzjarja u teknika għar-Repubblika tal-Moldova biex jiffaċilitaw il-proċess tal-integrazzjoni rapida u effettiva tal-pajjiż fl-UE; jirrakkomanda l-ħolqien ta’ għodod robusti u flessibbli mfassla għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-Moldova sabiex jiġu indirizzati b’mod effiċjenti l-isfidi ekonomiċi u strutturali tagħha, filwaqt li jiġi żgurat li l-pajjiż jibqa’ reżiljenti u kapaċi jimplimenta r-riformi meħtieġa fil-perkors tal-adeżjoni tiegħu mal-UE, u jiżgura li jkun iffinanzjat b’mod adegwat; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, tinkludi lir-Repubblika tal-Moldova fl-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni u tagħti prijorità lill-finanzjament għall-pajjiżi kandidati fil-proposta tagħha għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (2028-2034), filwaqt li tiżgura l-perkors lejn l-adeżjoni mal-UE;
10. Jitlob l-adozzjoni ta’ pjan ġdid ta’ tkabbir għar-Repubblika tal-Moldova sabiex il-Moldova tiġi ffinanzjata u appoġġjata b’mod adegwat fil-kisba ta’ konverġenza ekonomika mal-UE; jemmen li dan il-pjan għandu jiffinanzja investimenti fl-infrastruttura, fil-kapital uman u fit-tranżizzjoni diġitali u f’dik ekoloġika, filwaqt li jiffaċilita t-tkabbir ekonomiku sostenibbli;
11. Itenni l-appell tiegħu għal interazzjoni innovattiva, komplementari u flessibbli bejn l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-proċess ta’ negozjati għall-adeżjoni, li tippermetti l-integrazzjoni gradwali tar-Repubblika tal-Moldova fis-suq uniku tal-UE, ibbażata fuq pjan ta’ azzjoni prijoritarju u programmi settorjali rilevanti u li tipprovdi aċċess għall-fondi rilevanti tal-UE, b’mod li ċ-ċittadini Moldovani jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji tal-adeżjoni matul il-proċess u mhux biss meta dan ikun tlesta;
12. Huwa favur aktar assistenza finanzjarja mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jissaħħu aktar il-kapaċitajiet ta’ difiża tal-Moldova, b’enfasi partikolari fuq is-sistemi ta’ difiża tal-ajru, il-mobbiltà u t-trasport, il-kmand u l-kontroll, il-gwerra elettronika u l-loġistika;
13. Jilqa’ l-isforzi konsiderevoli li qed jagħmlu l-awtoritajiet tal-Moldova biex javvanzaw l-aġenda għar-riformi sabiex il-pajjiż jimxi ’l quddiem biex isir membru tal-UE; ifaħħar il-progress li għamlet ir-Repubblika tal-Moldova fir-riforma tas-settur tal-ġustizzja, speċjalment fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni għall-adeżjoni tal-Moldova; iħeġġeġ lill-gvern tal-Moldova jkompli jaħdem mal-partijiet ikkonċernati kollha favur riforma sostenibbli u komprensiva fil-qasam tal-ġustizzja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-UE u tal-Kummissjoni ta’ Venezja; jenfasizza l-prijorità assoluta li jissaħħaħ l-istat tad-dritt, li kiseb importanza sostanzjali fil-proċess ta’ adeżjoni mal-UE u jibqa’ waħda mill-aktar kundizzjonijiet importanti għall-adeżjoni mal-UE, biex jiġi żgurat li t-tkabbir tal-UE jsaħħaħ pjuttost milli jdgħajjef l-UE u s-suq uniku tagħha;
14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħin lir-Repubblika tal-Moldova fit-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija tagħha billi tappoġġja l-bini ta’ interkonnessjonijiet ġodda tal-elettriku mal-pajjiżi ġirien; jistieden lill-Kummissjoni tkun lesta toffri assistenza ta’ emerġenza f’każ ta’ kriżi tal-enerġija qabel u matul l-istaġun tat-tisħin; jistieden lill-UE tappoġġja proġetti tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli bħala mod nadif u sostenibbli ta’ diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Moldova;
15. Ifaħħar l-adeżjoni tal-Moldova mal-programmi tal-UE bħal EU4Health, Dwana, Orizzont Ewropa, LIFE, FISCALIS, Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Programm tas-Suq Uniku, Ewropa Diġitali, Ewropa Kreattiva, il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, il-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt għall-akkwist ta’ kontromiżuri mediċi, Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali, Programm Interreg NEXT tal-Baċir tal-Baħar l-Iswed 2021-2027, Programm Interreg għar-Reġjun tad-Danubju 2021–2027, Programm Interreg NEXT Rumanija-Repubblika tal-Moldova 2021-2027 u Erasmus+; jappoġġja l-inklużjoni tal-Moldova fl-inizjattiva “roaming daqslikieku f’pajjiżek”;
16. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jtejbu l-komunikazzjoni strateġika dwar l-UE fir-Repubblika tal-Moldova; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw il-litteriżmu fil-media u l-indipendenza tal-media fir-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll jappoġġjaw it-tisħiħ diġitali tal-infrastruttura kritika tagħha u s-sostituzzjoni tas-sistemi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ta’ oriġini Russa;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova, lill-Federazzjoni Russa, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-Kunsill tal-Ewropa.
- [1] ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.