Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B10-0137/2024Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B10-0137/2024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-interpretazzjoni ħażina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tar-Riżoluzzjoni 2758 tan-NU u l-provokazzjonijiet militari kontinwi tagħha madwar it-Tajwan

22.10.2024 - (2024/2891(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Yannis Maniatis, Kathleen Van Brempt, Tonino Picula
f’isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B10-0134/2024

Proċedura : 2024/2891(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B10-0137/2024
Testi mressqa :
B10-0137/2024
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B10‑0137/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-interpretazzjoni ħażina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tar-Riżoluzzjoni 2758 tan-NU u l-provokazzjonijiet militari kontinwi tagħha madwar it-Tajwan

(2024/2891(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-21 ta’ Ottubru 2021 lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà rigward ir-relazzjonijiet politiċi u l-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Tajwan[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Settembru 2022 dwar is-sitwazzjoni fl-Istrett tat-Tajwan[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2023 dwar ir-relazzjonijiet UE-Tajwan fir-rigward tal-kummerċ u l-investiment[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ġunju 2022 dwar l-UE u l-isfidi tas-sigurtà fl-Indo-Paċifiku[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2021 dwar strateġija UE-Ċina ġdida[5],

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2758 (XXVI) tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-25 ta’ Ottubru 1971,

 wara li kkunsidra s-summit UE-Ċina tas-7 ta’ Diċembru 2023,

 wara li kkunsidra l-politika ta’ “Ċina Waħda” tal-UE,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar iċ-Ċina tat-30 ta’ Ġunju 2023,

 wara li kkunsidra l-Boxxla Strateġika tal-UE għas-Sigurtà u d-Difiża, approvata mill-Kunsill Ewropew fl-24 ta’ Marzu 2022,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tas-16 ta’ Settembru 2021 intitolata “L-Istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku” (JOIN(2021)0024),

 wara li kkunsidra ż-żjarat fit-Tajwan tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin mill-25 sas-27 ta’ Lulju 2023 u tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali mid-19 sal-21 ta’ Diċembru 2023,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet għall-istampa tal-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar l-eżerċizzji militari madwar it-Tajwan inkluża d-dikjarazzjoni l-aktar reċenti tal-14 ta’ Ottubru 2024,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni għall-istampa tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti tat-13 ta’ Ottubru 2024,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-G7 tat-18 ta’ April 2023 u tat-3 ta’ Awwissu 2022 dwar il-preservazzjoni tal-paċi u l-istabbiltà fl-Istrett tat-Tajwan,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS),

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni għall-istampa tal-1 ta’ Settembru 2024 mill-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli dwar l-aħħar azzjonijiet perikolużi mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar,

 wara li kkunsidra l-mozzjonijiet adottati mis-Senat Awstraljan fil 21 ta’ Awwissu 2024 u mill-Kamra tar-Rappreżentanti Netherlandiża fit-12 ta’ Settembru 2024,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE u t-Tajwan huma sħab tal-istess fehma u li jikkondividu l-valuri komuni tal-libertà, tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt; billi l-UE tkompli żżomm il-pożizzjoni ta’ prinċipju tagħha favur politika ta’ “Ċina Waħda”;

B. billi r-Riżoluzzjoni 2758 tan-NU, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1971, tirrikonoxxi lir-RPĊ bħala “l-uniku rappreżentant leġittimu” taċ-Ċina; billi r-Riżoluzzjoni 2758 tan-NU ma tiddikjarax li r-RPĊ għandha sovranità fuq it-Tajwan; billi r-RPĊ użat ir-Riżoluzzjoni 2758 tan-NU biex tirrappreżenta lit-Tajwan fis-sistema tan-NU bbażata fuq il-prinċipju ta’ “Ċina Waħda” u fuq l-affermazzjonijiet li t-Tajwan huwa parti mir-RPĊ; billi r-RPĊ tfittex li tistabbilixxi bażi legali biex timmina l-għan tat-Tajwan li jipparteċipa b’mod attiv fis-sistema tan-NU;

C. billi fl-okkażjoni tad-79 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, it-Tajwan fittex li jsaħħaħ il-fehim internazzjonali tar-Riżoluzzjoni 2758 tan-NU; billi t-Tajwan isostni li din ir-riżoluzzjoni ma ssemmix lit-Tajwan u għalhekk ma tikkonċernax lit-Tajwan; billi din ir-riżoluzzjoni la tiddikjara li t-Tajwan huwa parti miċ-Ċina, kif sostnut mir-RPĊ, u lanqas ma tagħti liċ-Ċina d-dritt li tirrappreżenta lit-Tajwan fin-NU;

D. billi t-Tajwan isostni li r-Riżoluzzjoni 2758 tan-NU ma tipprekludix il-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan fis-sistema tan-NU; billi t-Tajwan stieden lis-Segretarjat tan-NU jadotta pożizzjoni strettament newtrali u jieqaf jikkwota b’mod żbaljat ir-Riżoluzzjoni 2758 tan-NU; billi t-Tajwan stieden ukoll lis-Segretarjat tan-NU jagħti lin-nazzjonali u lill-ġurnalisti Tajwaniżi d-dritt li jaċċessaw il-bini tan-NU għal żjarat, laqgħat u attivitajiet ta’ ġbir ta’ aħbarijiet;

E. billi l-Parlament Netherlandiż għadda mozzjoni b’maġġoranza dwar ir-Riżoluzzjoni 2758 tan-NU, fejn ċaħad id-distorsjoni tar-riżoluzzjoni minn Beijing u talab lill-Gvern Netherlandiż ifittex appoġġ għal din il-pożizzjoni fi ħdan l-UE; billi s-Senat Awstraljan għadda b’mod unanimu mozzjoni ta’ urġenza dwar ir-Riżoluzzjoni 2758 tan-NU, fejn ikkontesta l-interpretazzjoni ta’ Beijing u appoġġja l-istatus internazzjonali tat-Tajwan;

F. billi f’dawn l-aħħar snin, ir-RPĊ bagħtet bastimenti tal-gwerra u ajruplani tal-gwerra lejn l-ilmijiet u fl-ispazju tal-ajru madwar it-Tajwan bħala dimostrazzjoni ta’ forza u intimidazzjoni; billi għadd rekord ta’ ajruplani tal-gwerra Ċiniżi ttajru qrib it-Tajwan matul eżerċizzji militari fl-14 ta’ Ottubru 2024, qasmu l-linja medjana u daħlu fiż-żona ta’ identifikazzjoni tad-difiża tal-ajru tat-Tajwan; billi dawn l-eżerċizzji militari kienu jinvolvu droni Ċiniżi, 14-il bastiment tal-gwerra u bastiment tal-gwardja tal-kosta li jissimulaw imblokk tat-Tajwan;

G. billi dawn l-attivitajiet ġew ikkundannati mit-Tajwan bħala “provokazzjoni mhux raġonevoli” u huma l-aħħar f’sensiela ta’ manuvri militari mwettqa mir-RPĊ kontra t-Tajwan; billi dawn l-eżerċizzji militari kienu maħsuba bħala “twissija qawwija” lejn il-forzi favur l-indipendenza fit-Tajwan u waslu ftit jiem wara li l-President il-ġdid tat-Tajwan, Lai Ching-te, għamel diskors biex jipproteġi s-sovranità tat-Tajwan quddiem l-isfidi mir-RPĊ;

H. billi l-Gvern Ċiniż wieġeb li, għalkemm huwa lest li jistinka għall-prospett ta’ riunifikazzjoni paċifika mat-Tajwan bħala parti mill-pjanijiet tiegħu għat-tiġdid tan-nazzjon Ċiniż, ir-RPĊ qatt mhi se tintrabat li tirrinunzja l-użu tal-forza fuq it-Tajwan; billi dawn l-avvenimenti juru għal darb’oħra li ċ-Ċina tinsab fil-proċess li żżomm lit-Tajwan taħt pressjoni u li tinnormalizza l-azzjonijiet tal-gwerra mmirati lejn iċ-ċaqliq tal-istatus quo fl-Istrett tat-Tajwan;

I. billi d-dikjarazzjonijiet tal-istampa tar-Rappreżentant Għoli u tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti jaffermaw mill-ġdid li l-paċi u l-istabbiltà fl-Istrett tat-Tajwan huma ta’ importanza strateġika għas-sigurtà u l-prosperità reġjonali u globali; billi d-dikjarazzjoni għall-istampa tar-Rappreżentant Għoli tfakkar fil-ħtieġa li jiġi ppreservat l-istatus quo fl-Istrett tat-Tajwan, li tiġi opposta kwalunkwe azzjoni unilaterali li tbiddel l-istatus quo bil-forza jew bil-koerċizzjoni u li l-partijiet kollha jintalbu jeżerċitaw trażżin u jevitaw kwalunkwe azzjoni li tista’ tkompli teskala t-tensjonijiet bejn iż-żewġ naħat tal-Istrett;

J. billi l-attivitajiet militari konġunti reċenti taċ-Ċina madwar it-Tajwan ikomplu jżidu t-tensjonijiet bejn iż-żewġ naħat tal-Istrett u jirrappreżentaw theddida serja għall-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun Indo-Paċifiku; billi dawn l-eżerċizzji jheddu lit-Tajwan u lill-passaġġi fuq l-ilma internazzjonali u jisfidaw l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli; billi l-komunikazzjoni konġunta dwar strateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku tindirizza l-isfidi tas-sigurtà fl-Istrett tat-Tajwan u l-impatt tagħhom fuq l-istabbiltà u l-paċi fir-reġjun; billi dawn l-iżviluppi l-ġodda saħħew il-ħtieġa urġenti li l-impenn attiv tal-UE jikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-tensjonijiet reġjonali;

K. billi l-ex Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, qal li dak li ġara fl-Ukrajna jista’ jseħħ fit-Tajwan; billi d-deterrenza tal-UE u tal-Istati Uniti hija ta’ importanza strateġika biex tiskoraġġixxi lir-RPĊ milli tieħu kwalunkwe azzjoni unilaterali kontra t-Tajwan; billi l-UE għandha tislet tagħlimiet mill-gwerra fl-Ukrajna u tibda tiżviluppa sensiela ta’ xenarji biex tirrispondi b’mod adegwat għall-invażjoni tat-Tajwan mir-RPĊ;

L. billi l-affermazzjoni tar-RPĊ ta’ sovranità u l-assertività tagħha fl-Ibħra taċ-Ċina tal-Lvant u tan-Nofsinhar żdiedu b’mod kostanti, u dan irriżulta f’tensjonijiet akbar mal-Istati tax-Xlokk tal-Asja; billi l-mexxejja Ċiniżi u tax-Xlokk tal-Asja naqsu milli jsolvu t-tilwim b’mod diplomatiku;

M. billi l-UE kkundannat l-azzjonijiet perikolużi mill-bastimenti tal-gwardja tal-kosta Ċiniżi kontra operazzjonijiet marittimi legali tal-Filippini fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar fil-31 ta’ Awwissu 2024; billi dan l-inċident huwa l-aħħar wieħed f’sensiela ta’ azzjonijiet li jipperikolaw is-sikurezza tal-ħajja fuq il-baħar u li jiksru d-dritt għal-libertà tan-navigazzjoni u tat-titjir li jgħaddi minn fuq territorju f’konformità mad-dritt internazzjonali; billi s-sigurtà marittima u l-libertà tan-navigazzjoni jridu jiġu żgurati f’konformità mad-dritt internazzjonali u, b’mod partikolari, l-UNCLOS;

N. billi t-Tajwan jinsab f’pożizzjoni strateġika f’termini ta’ kummerċ, b’mod partikolari fil-ktajjen tal-provvista ta’ teknoloġija avvanzata; billi l-Istrett tat-Tajwan huwa r-rotta primarja għall-vapuri li jivvjaġġaw miċ-Ċina, mill-Ġappun, mill-Korea t’Isfel u mit-Tajwan lejn l-Ewropa; billi t-Tajwan jiddomina s-swieq tal-manifattura tas-semikondutturi, peress li l-produtturi tiegħu jimmanifatturaw madwar 50 % tal-produzzjoni dinjija tas-semikondutturi; billi l-istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku hija favur żieda fil-kooperazzjoni kummerċjali u ta’ investiment mat-Tajwan;

O. billi t-Tajwan kien it-13-il sieħeb kummerċjali l-aktar importanti tal-UE fl-2023; billi l-kummerċ totali tal-merkanzija tagħha mal-UE laħaq EUR 77,7 biljun fl-2023; billi fl-2023, l-esportazzjonijiet tal-UE lejn it-Tajwan u l-importazzjonijiet minnu ammontaw għal EUR 30,5 biljun u EUR 47,8 biljun rispettivament; billi l-Kummissjoni stabbiliet Uffiċċju Ekonomiku u Kummerċjali Ewropew f’Taipei fl-2003;

1. Jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE u tal-komunità internazzjonali li jżommu l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u l-paċi u l-istabbiltà fl-Istrett tat-Tajwan u fir-reġjun Indo-Paċifiku; itenni l-impenn tiegħu għall-politika ta’ “Ċina Waħda” tal-UE bħala l-pedament politiku tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina;

2. Iqis it-Tajwan sieħeb ekonomiku ewlieni u alleat demokratiku fir-reġjun Indo-Paċifiku; ifaħħar lit-Tajwan bħala sieħeb eċċezzjonali fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-valuri demokratiċi fir-reġjun; itenni t-talbiet tiegħu lill-UE biex issaħħaħ is-sħubija eżistenti tagħha mat-Tajwan, biex tippromwovi valuri u prinċipji komuni;

3. Jikkundanna l-azzjonijiet militari kontinwi tar-RPĊ u kwalunkwe forma oħra ta’ provokazzjoni li thedded lit-Tajwan, l-istatus quo bejn it-Tajwan u r-RPĊ u b’mod aktar ġenerali l-istabbiltà u l-paċi fir-reġjun; jafferma mill-ġdid l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għal kwalunkwe tentattiv unilaterali biex jinbidel l-istatus quo bil-forza jew bil-koerċizzjoni; jistieden lill-partijiet kollha jeżerċitaw trażżin u jevitaw kwalunkwe azzjoni li tista’ tkompli teskala t-tensjonijiet bejn iż-żewġ naħat tal-Istrett u jsolvu d-differenzi permezz ta’ djalogu ġenwin u mezzi paċifiċi;

4. Jikkundanna wkoll ir-reazzjoni sproporzjonata tar-RPĊ fl-14 ta’ Ottubru 2024 wara d-diskors tal-President Tajwaniż Lai Ching-te li wiegħed li jipproteġi s-sovranità tat-Tajwan; jinsab imħasseb ħafna, b’mod partikolari, dwar l-iskala tad-dimostrazzjonijiet militari tal-Armata Popolari għal-Liberazzjoni, li jinvolvu 14-il bastiment tal-gwerra u aktar minn 153 ajruplan tal-gwerra; jesprimi tħassib serju dwar il-ksur frekwenti mir-RPĊ taż-żona ta’ identifikazzjoni tad-difiża tal-ajru tat-Tajwan u jistieden lir-RPĊ ittemm minnufih dawn l-intrużjonijiet; jiddeplora l-użu mir-RPĊ tad-diskors tal-President Tajwaniż bħala skuża għal attivitajiet militari aktar aggressivi fl-Istrett tat-Tajwan;

5. Jikkundanna d-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Ċiniżi li tissottolinja li r-RPĊ qatt mhi se tintrabat li tirrinunzja l-użu tal-forza fuq it-Tajwan minħabba l-interferenza ta’ “forzi esterni” u l-għadd żgħir ħafna ta’ separatisti Tajwaniżi, filwaqt li l-azzjonijiet għad-difiża tas-sovranità nazzjonali u l-integrità territorjali mhux se jieqfu għal mument;

6. Jistieden lill-awtoritajiet tar-RPĊ itemmu minnufih ir-retorika aggressiva u t-theddid u l-azzjonijiet militari diretti lejn it-Tajwan; jikkundanna d-diplomazija taċ-Ċina li tirrikorri għall-intimidazzjoni u kampanji manipulattivi ta’ diżinformazzjoni; ifaħħar il-kuraġġ tal-poplu Tajwaniż u r-reazzjonijiet proporzjonati u dinjitużi tal-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet Tajwaniżi quddiem l-intensifikazzjoni tat-theddid u l-attivitajiet Ċiniżi;

7. Jesprimi tħassib serju dwar il-kapaċità taċ-Ċina li tħejji invażjoni militari fuq skala kbira tat-Tajwan; jistieden lill-UE, lill-komunità internazzjonali u lis-sħab tal-istess fehma jinvolvu ruħhom b’mod attiv u jżidu l-pressjoni fuq iċ-Ċina biex tiġi evitata invażjoni; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jħejju pjanijiet ta’ rispons f’każ ta’ eskalazzjoni serja jew invażjoni; jesprimi l-fehma li l-azzjonijiet u l-provokazzjonijiet militari reċenti min-naħa taċ-Ċina qiegħdu f’dubju l-intenzjonijiet fit-tul tagħha li tfittex soluzzjoni paċifika;

8. Jinsab imħasseb serjament dwar is-sitwazzjoni fl-Ibħra taċ-Ċina tal-Lvant u tan-Nofsinhar; ifakkar fl-importanza li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, inkluża l-UNCLOS u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-obbligu li t-tilwim jissolva b’mezzi paċifiċi, u dwar iż-żamma tal-libertà tan-navigazzjoni u tat-titjir li jgħaddi minn fuq territorju; jistieden lill-pajjiżi kollha li għadhom ma għamlux dan biex jirratifikaw malajr l-UNCLOS; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-kapaċitajiet marittimi tagħhom fir-reġjun;

9. Jafferma mill-ġdid it-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda fl-investimenti u l-kapaċitajiet militari taċ-Ċina; jesprimi tħassib serju dwar l-impenn imġedded Ċiniż u Russu biex ikomplu jsaħħu r-rabtiet militari tagħhom u jikkundanna l-provvista Ċiniża ta’ komponenti u tagħmir lill-industrija militari ta’ Moska; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill li jimponi sanzjonijiet fuq il-kumpaniji Ċiniżi għall-appoġġ tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna; jiddeplora s-sħubija “bla limiti” bejn ir-Russja u ċ-Ċina; jinnota, b’mod pożittiv, iż-żieda fl-impenn u fil-preżenza militari tal-Istati Uniti fir-reġjun Indo-Paċifiku; itenni t-talbiet tiegħu għal approċċ koordinat biex tiġi approfondita l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà, inkluż permezz ta’ djalogu parlamentari trans-Atlantiku;

10. Jilqa’ d-deċiżjoni fl-2023 li jerġa’ jibda d-djalogu bejn il-forzi militari tal-Istati Uniti u ċ-Ċina; jappoġġja l-involviment tal-Istati Uniti ma’ alleati reġjonali u sħab ewlenin biex tiġi żviluppata viżjoni kondiviża għar-reġjun;

11. Jilqa’ bil-qawwa il-kooperazzjoni mill-qrib u l-allinjament tat-Tajwan mal-UE u mal-Istati Uniti fir-rispons għall-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-ħruġ ta’ sanzjonijiet b’reazzjoni għal dan il-ksur sfaċċat tad-dritt internazzjonali;

12. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jintensifikaw ir-relazzjonijiet UE-Tajwan u jsegwu sħubija komprensiva u msaħħa taħt il-gwida tal-politika ta’ “Ċina Waħda” tal-UE;

13. Jistieden lir-RPĊ tirrieżamina l-interpretazzjoni tagħha tar-Riżoluzzjoni 2758 tan-NU u tad-dritt internazzjonali rigward l-istatus u l-parteċipazzjoni tat-Tajwan f’organizzazzjonijiet internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna li jirrieżaminaw ukoll il-pożizzjoni tal-UE dwar l-istatus tat-Tajwan f’organizzazzjonijiet internazzjonali;

14. Jirrikonoxxi l-interpretazzjoni abbużiva tar-RPĊ tar-Riżoluzzjoni 2758 tan-NU, bl-għan li timmina kwalunkwe soluzzjoni paċifika bejn iż-żewġ partijiet, u jirrikonoxxi l-effetti negattivi tagħha fuq it-Tajwan; huwa tal-fehma li t-Tajwan jista’ jipparteċipa wkoll fil-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u jħeġġeġ lir-RPĊ tieħu approċċ kostruttiv f’dan ir-rigward; jistieden ukoll lis-Segretarjat tan-NU jagħti lin-nazzjonali u lill-ġurnalisti Tajwaniżi d-dritt li jaċċessaw il-bini tan-NU għal żjarat, laqgħat u attivitajiet ta’ ġbir ta’ aħbarijiet;

15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri l-istituzzjonijiet tal-UE jappoġġjaw l-inizjattivi internazzjonali li jappellaw għall-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan fil-laqgħat, fil-mekkaniżmi u fl-attivitajiet tal-korpi multilaterali, inklużi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (Interpol) u l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima;

16. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha japprofondixxu l-kooperazzjoni mat-Tajwan dwar iċ-ċibersigurtà u t-theddid ċibernetiku biex jiġu miġġielda l-operazzjonijiet ta’ interferenza, tiġi kkonfrontata d-diżinformazzjoni miċ-Ċina, kemm fit-Tajwan kif ukoll fl-UE, u tiġi miġġielda r-repressjoni tranżnazzjonali;

17. Jitlob kooperazzjoni parlamentari msaħħa bejn il-Parlament Tajwaniż u l-Parlament Ewropew, u mal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri;

18. Iħeġġeġ lir-RPĊ ma tużax il-koerċizzjoni ekonomika biex tbiddel l-istatus quo fl-Istrett tat-Tajwan; iwissi li tali tattiki jistgħu jikkawżaw spejjeż sostantivi għal Beijing f’termini tar-relazzjoni politika u ekonomika tagħha mal-UE;

19. Iqis lit-Tajwan bħala ekonomija teknoloġikament avvanzata; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex b’mod urġenti tibda valutazzjoni tal-impatt, konsultazzjoni pubblika u eżerċizzju ta’ identifikazzjoni bikrija dwar ftehim bilaterali ta’ investiment mat-Tajwan; jinnota li t-Tajwan huwa membru sħiħ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ; ifakkar fir-rwol ċentrali u essenzjali tat-Tajwan fil-provvista ta’ semikondutturi u mikroċipep;

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà kif ukoll lill-awtoritajiet tat-Tajwan u tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

 

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Ottubru 2024
Avviż legali - Politika tal-privatezza