MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-diżinformazzjoni u l-falsifikazzjoni tal-istorja min-naħa tar-Russja biex tiġġustifika l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna
20.1.2025 - (2024/2988(RSP))
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Yannis Maniatis, Nacho Sánchez Amor, Thijs Reuten, Raphaël Glucksmann
f’isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B10-0074/2025
B10‑0074/2025
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-diżinformazzjoni u l-falsifikazzjoni tal-istorja min-naħa tar-Russja biex tiġġustifika l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fl-24 ta’ Frar 2022 ir-reġim Russu ddikjara l-bidu ta’ “operazzjoni militari speċjali” fl-Ukrajna bbażata fuq dikjarazzjonijiet foloz li kellu bżonn jipproteġi lill-popolazzjoni ċivili;
B. billi, fil-fatt, il-Federazzjoni Russa ilha twettaq gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata, mhux ġustifikata u illegali kontra l-Ukrajna sa mill-24 ta’ Frar 2022, b’kontinwazzjoni ta’ aggressjonijiet preċedenti sa mill-2014, u qed tkompli tikser b’mod persistenti l-prinċipji tal-Karta tan-NU permezz tal-azzjonijiet aggressivi tagħha kontra s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u tikser b’mod sfaċċat u serju d-dritt umanitarju internazzjonali, kif stabbilit mill-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra tal-1949, b’mod partikolari bl-użu massiv ta’ attakki mmirati kontra l-popolazzjoni u l-infrastruttura ċivili;
C. billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU, fir-riżoluzzjoni tagħha tat-2 ta’ Marzu 2022, ikkwalifikat il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna immedjatament bħala att ta’ aggressjoni bi ksur tal-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-NU, u, fir-riżoluzzjoni tagħha tal-14 ta’ Novembru 2022, irrikonoxxiet il-ħtieġa li l-Federazzjoni Russa tinżamm responsabbli għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha, kif ukoll legalment u finanzjarjament responsabbli għall-atti illegali tagħha fuq livell internazzjonali, u li għandha tħallas ir-reparazzjonijiet għall-korrimenti u l-ħsarat ikkawżati;
D. billi l-QKI ilha mit-2 ta’ Marzu 2022 twettaq investigazzjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u fis-17 ta’ Marzu 2023 ħarġet mandati ta’ arrest għal Vladimir Putin, il-President tal-Federazzjoni Russa, u Maria Lvova-Belova, l-hekk imsejħa Kummissarju għad-Drittijiet tat-Tfal fl-Uffiċċju tal-President tal-Federazzjoni Russa, għad-delitt tal-gwerra tad-deportazzjoni illegali ta’ tfal Ukreni; billi l-QKI sussegwentement ħarġet diversi mandati ta’ arrest oħra kontra uffiċjali militari Russi;
E. billi l-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni fuq skala kbira tar-Russja kontra l-Ukrajna kien ippreċedut minn għadd ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-President tal-Federazzjoni Russa fejn ipprova jiġġustifikaw l-użu tal-forza kontra l-pajjiż ġar tal-Ukrajna permezz ta’ argumenti storiċi mgħawġa;
F. billi r-reġim Russu beda jagħmel użu mifrux mid-diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin biex jinstiga lill-popolazzjoni Russa sabiex tappoġġja r-reġim illegali tiegħu u l-gwerra ta’ aggressjoni illegali tiegħu kontra l-pajjiż ġar, l-Ukrajna, u biex inaqqas l-appoġġ fost il-popolazzjonijiet ta’ pajjiżi barranin favur assistenza u appoġġ internazzjonali kontinwi għall-Ukrajna fil-konfront tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja;
1. Itenni l-kundanna tiegħu, bl-aktar mod qawwi, għall-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata, illegali u inġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna; jistieden lir-Russja ttemm immedjatament l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna u tirtira kompletament u mingħajr kundizzjonijiet il-forzi kollha, il-forzi bi prokura kollha u t-tagħmir militari kollu mit-territorju kollu rikonoxxut fuq livell internazzjonali tal-Ukrajna, ittemm id-deportazzjonijiet furzati tal-popolazzjoni ċivili Ukrena u teħles lill-Ukreni kollha detenuti u deportati, u t-tfal b’mod partikolari;
2. Jirrifjuta d-diversi allegazzjonijiet li saru mir-reġim Russu bħala tentattivi fjakki biex jiġġustifika gwerra ta’ aggressjoni illegali li tikkostitwixxi ksur sfaċċat tal-Karta tan-NU u tar-responsabbiltà tal-Federazzjoni Russa bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li żżomm il-paċi u l-istabbiltà u li ġiet rikonoxxuta immedjatament bħala tali mill-membri permanenti l-oħra tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU flimkien ma’ maġġoranza kbira ħafna fl-Assemblea Ġenerali tan-NU;
3. Jikkundanna l-użu ta’ argumenti storiċi mgħawġa mir-reġim Russu bħala tentattiv biex jimmanipula l-opinjoni pubblika Russa sabiex din tal-aħħar tappoġġja azzjonijiet kriminali bħall-gwerra ta’ aggressjoni illegali kontra l-pajjiż ġar tal-Ukrajna;
4. Jilqa’ r-rikors immedjat tal-Ukrajna kontra r-Russja quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Frar 2022 biex jiġi stabbilit li r-Russja ma kellha l-ebda bażi leġittima biex tieħu azzjoni militari fl-Ukrajna u li l-allegazzjonijiet ta’ ġenoċidju tar-Russja ma kinux sostanzjati;
5. Ifakkar li l-attakki intenzjonati tal-Federazzjoni Russa fuq il-popolazzjoni ċivili tal-Ukrajna, il-qerda tal-infrastruttura ċivili, l-użu tat-tortura, tal-vjolenza sesswali u tal-istupru bħala armi tal-gwerra, id-deportazzjoni ta’ eluf ta’ ċittadini Ukreni lejn it-territorju tal-Federazzjoni Russa, it-trasferiment u l-adozzjoni b’mod furzat ta’ tfal Ukreni, u ksur serju ieħor tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxu delitti tal-gwerra li għalihom l-awturi kollha jeħtieġ li jinżammu responsabbli;
6. Itenni, għaldaqstant, l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-investigazzjoni li għaddejja mill-Prosekutur tal-QKI dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, abbażi tal-allegati delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju; jilqa’ s-sħubija formali tal-Ukrajna fil-QKI mill-1 ta’ Jannar 2025 bħala kontribut importanti għall-isforzi internazzjonali biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà għad-delitti internazzjonali serji; jitlob lill-UE tagħmel aktar sforzi diplomatiċi biex tħeġġeġ ir-ratifika tal-Istatut ta’ Ruma u l-emendi kollha tiegħu b’mod globali;
7. Barra minn hekk itenni l-appell tiegħu biex jitwaqqaf tribunal speċjali sabiex jinvestiga u jipprosegwixxi d-delitt ta’ aggressjoni mwettaq mit-tmexxija tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna sabiex jipprovdu l-appoġġ politiku, finanzjarju u prattiku kollu meħtieġ biex jiġi stabbilit tribunal speċjali; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għaċ-Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna, ibbażat f’The Hague u li jappoġġja l-isforzi attwali tal-Iskwadra ta’ Investigazzjoni Konġunta, bħala l-ewwel pass konkret biex jiġi stabbilit it-tribunal speċjali;
8. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni Russa u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin sabiex jipproteġu l-integrità tal-proċessi demokratiċi tagħhom u jsaħħu r-reżiljenza tas-soċjetajiet Ewropej, fost l-oħrajn billi jippromwovu b’mod attiv il-litteriżmu medjatiku u billi jappoġġjaw il-media u l-ġurnaliżmu professjonali ta’ kwalità, b’mod partikolari l-ġurnaliżmu investigattiv li jikxef il-propaganda Russa, kif ukoll il-metodi u n-networks tagħha;
9. Jappella lill-UE sabiex tespandi s-sanzjonijiet tagħha kontra l-mezzi tal-media Russi li jippromwovu d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni li jappoġġjaw u jiġġustifikaw il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u jistieden lill-Istati Membri jallokaw biżżejjed riżorsi biex jindirizzaw b’mod effettiv din il-gwerra ibrida;
10. Jistieden liċ-ċittadini tal-UE jevalwaw b’mod kritiku l-informazzjoni billi joqogħdu attenti għall-oriġini u l-intenzjonijiet tagħha, b’mod partikolari meta din tirrigwarda narrattivi marbuta mar-Russja, u jagħmlu kontroverifika tal-fatti billi jagħmlu użu minn sorsi varjati u affidabbli sabiex jirreżistu għat-tentattivi ta’ manipulazzjoni minn atturi malinni barranin;
11. Jemmen li t-tentattivi tar-Russja li tirrappreżenta b’mod qarrieq u mgħawweġ l-istorja tal-Ukrajna jistgħu jiġu interpretati wkoll bħala tentattivi biex timmina l-memorja u l-identità kollettiva tal-Ewropa kollha kemm hi; għalhekk jappella lill-Istati Membri sabiex jinvestu aktar fl-edukazzjoni u fir-riċerka dwar l-istorja komuni tal-Ewropa u sabiex jappoġġjaw proġetti li jippromwovu fehim aħjar tal-impatt tad-diviżjoni tal-Ewropa matul il-Gwerra Bierda;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna.