B10-0076/2025
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B10-0074/2025
Dokument ta’ sessjoni
B10‑0076/2025
20.1.2025
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
dwar id-diżinformazzjoni u l-falsifikazzjoni tal-istorja min-naħa tar-Russja biex tiġġustifika l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna
Sergey Lagodinsky, Hannah Neumann, Markéta Gregorová, Mārtiņš Staķis, Maria Ohisalo, Virginijus Sinkevičius, Villy Søvndal, Nicolae Ştefănuță, Reinier Van Lanschot
f’isem il-Grupp Verts/ALE
B10‑0076/2025
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-diżinformazzjoni u l-falsifikazzjoni tal-istorja min-naħa tar-Russja biex tiġġustifika l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u l-Ukrajna,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta’ The Hague,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-1998,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali)[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fl-24 ta’ Frar 2022, il-Federazzjoni Russa varat attakk kontinwu u bla preċedent bħala parti mill-gwerra tagħha ta’ aggressjoni mhux provokata, mhux ġustifikata u illegali kontra l-Ukrajna; billi l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna bdiet fl-2014 bl-okkupazzjoni ta’ partijiet mir-reġjun ta’ Donbas u bl-okkupazzjoni u l-annessjoni tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea tal-Ukrajna;
B. billi l-forzi tar-Russja għadhom qed iwettqu attakki sistematiċi u indiskriminati fuq żoni residenzjali u infrastruttura ċivili fl-Ukrajna; billi matul l-2024 komplew għaddejjin il-bumbardamenti qawwija u intensi flimkien mal-ġlied fuq l-art; billi l-mewġiet ta’ attakki Russi fuq l-infrastruttura tal-enerġija, li jinterrompu l-provvista tal-enerġija u dik tal-ilma, illimitaw serjament l-aċċess tal-popolazzjoni ċivili għas-servizzi essenzjali, għall-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa u għall-iskejjel, kollha b’implikazzjonijiet fit-tul;
C. billi flimkien mal-gwerra fiżika fuq il-post fejn is-suldati Ukreni jirriskjaw ħajjithom kuljum għal-libertà u l-indipendenza ta’ pajjiżhom, ir-Russja qed twettaq ukoll gwerra globali ta’ diżinformazzjoni f’tentattiv biex tiġġustifika d-delitti faħxija tagħha kontra l-Ukrajna u tinfluwenza d-diskors dwar il-gwerra favur tagħha, inkluż bl-użu ta’ narrattivi tal-istorja foloz biex l-Ukrajna tiġi ddeleġittimizzata u billi lill-Ukreni tagħtihom it-tikketta falza ta’ Nażisti jew simpatizzanti Nażisti;
D. billi r-reġim ta’ Vladimir Putin żviluppa kampanja bbażata fuq univers parallel tal-istorja Ewropea u juża l-media soċjali biex ixerred id-diżinformazzjoni tiegħu; billi l-kampanja tar-Russja ta’ falsifikazzjoni tal-istorja turi xejra, b’mod partikolari rigward l-era ta’ qabel it-Tieni Gwerra Dinjija; billi wieħed mill-aktar eżempji prominenti ta’ din il-falsifikazzjoni tal-istorja huwa l-interpretazzjoni min-naħa tar-Russja tal-Patt ta’ Nonaggressjoni Ġermaniż-Sovjetiku tal-1939, komunement imsejjaħ il-Patt Molotov-Ribbentrop, li jiġġustifika l-affermazzjonijiet tagħha għal sferi ta’ influwenza fl-Ewropa u jippromwovi l-kunċett ta’ “Russkiy mir”, jew “dinja Russa”; billi fost l-Istati Membri tal-UE, ir-Russja thedded b’mod partikolari lill-Polonja u lill-Istati Baltiċi u s-sovranità tagħhom fuq bażi regolari permezz ta’ dan it-tip ta’ reviżjoniżmu tal-istorja;
E. billi parti kbira mid-diżinformazzjoni ġejja minn sorsi online aktar mistura, bħan-networks ta’ bots li jxerrdu d-diżinformazzjoni u narrattivi foloz jew influwenzaturi mħallsa li jirriproduċu d-diżinformazzjoni; billi f’Ġunju 2024 biss, kien hemm 1 400 kont falz favur ir-Russja fuq X, li laħqu 4.5 miljun utent;
F. billi l-kampanja ta’ diżinformazzjoni tar-Russja tmur lil hinn mill-Ukrajna u għandha l-għan li tiddestabbilizza d-demokraziji fl-UE u taqsam l-Ewropa, kemm permezz tal-midja soċjali kif ukoll permezz ta’ atturi politiċi korrotti;
G. billi kampanja orkestrata f’Moska użat lil TikTok biex tinfluwenza l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari tar-Rumanija tal-2024 billi ppromwoviet kandidat tal-lemin estrem permezz ta’ diversi metodi, inklużi kontijiet ikkoordinati, algoritmi biex tingħata spinta lill-preżenza tiegħu fuq il-pjattaforma u l-promozzjoni mħallsa; billi fil-5 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni ħarġet “ordni ta’ żamma” lil TikTok skont l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) tagħha biex tippreserva l-evidenza “relatata ma’ riskji sistemiċi reali jew prevedibbli li s-servizz tiegħu jista’ joħloq fil-proċessi elettorali u d-diskors ċiviku fl-UE”;
H. billi l-algoritmi personalizzati ta’ rakkomandazzjoni tal-pjattaformi tal-media soċjali jippromwovu u jxerrdu b’mod attiv kontenut li jikkawża r-rabja, bħad-diżinformazzjoni, il-clickbait u il-kontenut ta’ mibegħda, inkluża d-diżinformazzjoni Russa;
I. billi s-CEO ta’ Meta, Mark Zuckerberg, ħabbar bidla fil-politiki tar-rieżami tal-kontenut ta’ Meta dwar Facebook u Instagram, filwaqt li neħħa l-verifikaturi tal-fatti u ssostitwihom b’ “noti tal-komunità” ġġenerati mill-utenti, ħaġa li se twitti t-triq għal diżinformazzjoni Russa akbar u aktar ta’ suċċess; billi Elon Musk qabel kien għamel bidliet simili fil-pjattaforma tal-media soċjali tiegħu, X;
J. billi f’Diċembru 2024, il-Kunsill adotta l-15-il pakkett ta’ sanzjonijiet tal-UE ta’ miżuri ekonomiċi u individwali restrittivi kontra r-Russja, inklużi miżuri speċifiċi mmirati lejn 16-il individwu u tliet entitajiet responsabbli għall-azzjonijiet destabbilizzanti tar-Russja barra mill-pajjiż li huma parti mill-kampanja internazzjonali usa’ tagħha ta’ diżinformazzjoni;
1. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-gwerra ta’ aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll l-involviment tal-Belarussja f’din il-gwerra, u jeżiġi li r-Russja ttemm minnufih kull attività militari fl-Ukrajna, tirtira mingħajr kundizzjonijiet il-forzi u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu rikonoxxut internazzjonalment tal-Ukrajna u tikkumpensa lill-Ukrajna tal-ħsara kkawżata lill-poplu, l-art u l-infrastruttura tagħha;
2. Jesprimi s-solidarjetà assoluta tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna, jappoġġja bis-sħiħ l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u jissottolinja li din il-gwerra tikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali; jisħaq li l-għan aħħari jibqa’ li tinkiseb paċi ġusta u dejjiema fl-Ukrajna skont it-termini tal-Ukrajna, filwaqt li jiġu żgurati s-sikurezza u d-dinjità tal-poplu Ukren f’Ewropa paċifika u stabbli;
3. Jikkundanna l-isforzi tar-Russja biex tipproduċi u tippromwovi narrattivi tal-istorja foloz li jaqdu l-għanijiet strateġiċi ġeopolitiċi u neokolonjali tagħha li ddgħajjef l-appoġġ għall-Ukrajna, jiġġustifikaw il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha, jheddu l-istat tal-Istati Membri tal-UE u jikkawżaw id-diviżjoni fl-Ewropa; jesprimi tħassib dwar ir-rispons inċert għal dawn in-narrattivi kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak tal-Istati Membri;
4. Jirrikonoxxi li s-soppressjoni tal-aċċess għall-arkivji storiċi, l-attakki fuq l-istituzzjonijiet tar-riċerka indipendenti u l-approvazzjonijiet uffiċjali ta’ akkademiċi estremisti kkontribwew għan-narrattivi statali imperjali, kolonjalisti u faxxisti fir-Russja, li għandhom l-għan ukoll li jżarmaw l-UE bħala proġett politiku volontarju, miftuħ u ċiviku; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex mhux biss jiġġieldu kontra dawn in-narrattivi foloz, iżda jiddedikaw finanzjament għall-proġetti lir-riċerkaturi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-istituzzjonijiet rilevanti fil-kuntest tal-memorja storika, multidimensjonali u awtoriflettiva tal-Ewropa;
5. Jilqa’ l-15-il pakkett ta’ sanzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ miżuri ekonomiċi u individwali restrittivi kontra r-Russja u, b’mod partikolari, il-miżuri restrittivi fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kampanja ta’ diżinformazzjoni tar-Russja; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimplimentaw malajr u bir-reqqa dawn is-sanzjonijiet, u lis-sħab tal-istess fehma jadottaw sanzjonijiet simili; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tespandi u taġġorna sanzjonijiet simili fil-pakketti ta’ sanzjonijiet futuri;
6. Jesprimi tħassib serju dwar l-avviżi reċenti mit-tmexxija tal-kumpaniji tal-media soċjali rigward l-illaxkar tar-regoli tagħhom dwar il-verifika tal-fatti u l-moderazzjoni u kif dan se jkompli jippermetti l-kampanja ta’ diżinformazzjoni tar-Russja madwar id-dinja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurzaw b’mod strett l-Att dwar is-Servizzi Diġitali b’reazzjoni għal dawn l-avviżi minn Meta u aktar kmieni minn X, inkluż bħala parti importanti mill-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni Russa;
7. Jappella għal trasparenza aktar stretta għar-reklamar politiku permezz tal-infurzar tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali u r-Regolament (UE) 2024/900 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku[2], kif ukoll għal azzjoni kontra l-algoritmi mmexxija mill-profitt ibbażati fuq il-personalizzazzjoni, il-klikks u l-interazzjoni, li jamplifikaw il-mibegħda u l-gideb fuq il-verità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri kontra s-sistemi ta’ rakkomandazzjoni bbażati fuq il-personalizzazzjoni, il-klikks u l-interazzjoni, peress li huma magħrufa fil-prattika li jippromwovu d-diżinformazzjoni u l-polarizzazzjoni u l-kontenut xokkanti, huma faċli wisq biex jiġu mmanipulati, pereżempju permezz ta’ networks tal-bots, u jagħmlu d-demokraziji u l-popli Ewropej direttament vulnerabbli għall-interferenza u l-manipulazzjoni minn barranin, kif wera l-każ reċenti tal-interferenza Russa permezz ta’ TikTok fl-elezzjonijiet tar-Rumanija;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora alternattivi bħal rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq kontijiet segwiti f’ordni kronoloġika, sistemi alternattivi ta’ rakkomandazzjoni li jagħtu aktar kontroll lill-utenti u l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ rakkomandazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tirriċerka b’mod proattiv l-indħil u l-manipulazzjoni barranin u tissanzjona fil-pront is-sorsi li huma magħrufa li huma appoġġjati mill-Istat Russu;
9. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom għall-media indipendenti Russi li jinsabu fl-eżilju sabiex jippermettu vuċijiet diversi fil-media bil-lingwa Russa;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna u lill-awtoritajiet Russi.