Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B10-0102/2025Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B10-0102/2025

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo

10.2.2025 - (2025/2553(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Marc Botenga, Rudi Kennes
f’isem il-Grupp The Left

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B10-0102/2025

Proċedura : 2025/2553(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B10-0102/2025
Testi mressqa :
B10-0102/2025
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B10‑0102/2025

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo

(2025/2553(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati u l-istrumenti l-oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

 wara li kkunsidra l-Karta tan-NU, il-konvenzjonijiet ta’ The Hague u l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

 wara li kkunsidra r-Raba’ Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Pajżani fi żmien ta’ Gwerra tat-12 ta’ Awwissu 1949, u l-protokolli addizzjonali tagħha,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tat-18 ta’ Diċembru 1979,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta’ Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta’ Paċi, Sigurtà u Kooperazzjoni għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-reġjun, iffirmat f’Addis Ababa fl-24 ta’ Frar 2013,

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2738 (2024) tas-27 ta’ Ġunju 2024 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar it-tiġdid tal-miżuri dwar l-embargo tal-armi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo impost mir-Riżoluzzjoni 2293 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà u l-estensjoni tal-mandat tal-Grupp ta’ Esperti stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1533 (2004) sal-1 ta’ Awwissu 2025,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta’ nofs it-terminu tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-Grupp ta’ Esperti dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ippreżentat skont il-paragrafu 6 tar-Riżoluzzjoni 2738 (2024) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, tas-27 ta’ Diċembru 2024,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni għall-istampa tas-26 ta’ Jannar 2025 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-7 ta’ Frar 2025 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Volker Türk, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–   wara li kkunsidra l-Proċess ta’ Nairobi, imniedi f’April 2022, bl-għan li jiffaċilita soluzzjoni paċifika għall-kunflitt fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) permezz ta’ djalogu u negozjati inklużivi,

–   wara li kkunsidra l-Proċess ta’ Luanda, imniedi f’Lulju 2022, bl-għan li tinstab paċi bejn ir-RDK u r-Rwanda fl-ambitu tal-medjazzjoni Angolana,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Summit Konġunt tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) u tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) tat-8 ta’ Frar 2025,

–   wara li kkunsidra l-Patt Soċjali għall-Paċi u l-Għajxien Tajjeb Flimkien fir-RDK u fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, imniedi mill-knejjes kattoliċi u protestanti tar-RDK,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-avvanz, mill-2022, tal-grupp tar-ribelli Moviment 23 ta’ Marzu (M23), f’kooperazzjoni mal-Alleanza politiko-militari Fleuve Congo, wassal għall-okkupazzjoni ta’ partijiet kbar tal-provinċja ta’ Kivu ta’ Fuq, u bħalissa qed javvanzaw lejn Bukavu, il-belt kapitali ta’ Kivu t’Isfel;

B. billi, sat-30 ta’ Jannar 2025, ir-ribelli M23 ħatfu l-belt ta’ Goma, il-kapitali ta’ Kivu ta’ Fuq, u mill-anqas 3 000 persuna nqatlu fit-toroq tal-belt; billi s-sitwazzjoni attwali tikkawża kriżi umanitarja u l-grupp M23 fil-passat ġie akkużat b’diversi u bosta delitti tal-gwerra, inkluż l-użu ta’ stupru bħala arma tal-gwerra;

C. billi din hija l-ħames mewġa ta’ gwerra li ddestabbilizzat lir-RDK mill-waqgħa ta’ Mobutu Sese Seko fl-1997 – b’segwitu, b’mod speċifiku għal: 1) l-okkupazzjoni ta’ ħames snin (1998–2003) ta’ partijiet kbar tar-RDK mill-armati tar-Rwanda u l-Uganda, 2) l-okkupazzjoni ta’ Bukavu (Mejju-Ġunju 2004) mir-ribelli mmexxija minn Jules Mutebutsi u Laurent Nkunda, 3) l-attakk fuq Goma (Ottubru 2008) mill-Kungress Nazzjonali għad-Difiża tal-Poplu, 4) l-okkupazzjoni ta’ Goma mill-M23 f’Novembru 2012;

D. billi tliet deċennji ta’ ndħil sistematiku u destabbilizzazzjoni tar-reġjun swew il-ħajjiet ta’ miljuni ta’ nies, kif ukoll ikkawżaw l-ispostament furzat ta’ 7 miljun persuna fir-RDK;

E. billi fil-21 ta’ Jannar 2025, in-NU rrappurtaw 52 każ ta’ stupru minn mindu reġa’ beda l-kunflitt miftuħ;

F. billi diversi suldati mill-missjoni għaż-żamma tal-paċi tan-NU fir-RDK (MONUSCO), il-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) u l-Missjoni tal-SADC fir-RDK (SAMIDRC) tilfu ħajjithom fil-kunflitt kontra l-M23 appoġġjat mir-Rwanda;

G. billi l-paċi, l-istabbiltà u l-progress ekonomiku sostenibbli fl-Afrika huma impossibbli mingħajr paċi u stabbiltà fir-RDK;

H. billi t-80 miljun ettaru ta’ art agrikola disponibbli fir-RDK jistgħu jitimgħu madwar żewġ biljun persuna, iżda b’riżultat tal-gwerra li għaddejja, ħafna Kongoliżi bħalissa qed ibatu l-ġuħ;

I. billi rapport tal-Grupp ta’ Esperti tan-NU dwar ir-RDK bid-data tat-12 ta’ Ottubru 2012 diġà nnota li “l-Gvern tar-Rwanda qed ikompli jikser l-embargo fuq l-armi billi jipprovdi appoġġ militari dirett lir-ribelli M23, jiffaċilita r-reklutaġġ, jinkoraġġixxi u jiffaċilita d-diżerzzjonijiet mill-forzi armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u jipprovdi armi, munizzjon, intelligence u pariri politiċi” u li “l-katina ta’ kmand de facto tal-M23 tinkludi lill-Ġeneral Bosco Ntaganda u tilħaq sal-Ministru tad-Difiża tar-Rwanda, il-Ġeneral James Kabarebe”;

J. billi wara t-telfa militari tiegħu fl-2013, l-M23, fit-12 ta’ Diċembru 2013, iffirma wegħda li jirrinunzja għar-ribelljoni u jittrasforma ruħu f’partit politiku; billi fl-2017, madankollu, diversi mijiet ta’ membri armati tal-M23 marru lura bil-moħbi mir-Rwanda u mill-Uganda lejn it-territorju Kongoliż, u minn Ġunju 2022 nedew offensiva intensa f’Kivu ta’ Fuq wara li ħatfu l-belt tal-fruntiera ta’ Bunagana;

K. billi bejn l-2022 u l-2024 ġew ippubblikati mhux anqas minn sitt rapporti mill-Grupp ta’ Esperti tan-NU dwar ir-RDK b’informazzjoni dettaljata dwar l-appoġġ mir-Rwanda lill-M23: aktar minn 4 000 suldat, vetturi armati, droni, missili mill-wiċċ għall-ajru u tagħmir;

L. billi minkejja tliet deċennji ta’ destabbilizzazzjoni, ksur tad-dritt internazzjonali inkluż tas-sovranità u l-integrità territorjali tar-RDK, l-UE u l-Istati Uniti jkomplu jittrattaw lir-Rwanda bħala sieħba privileġġata, filwaqt li jrawmu l-kooperazzjoni militari u kummerċjali kif ukoll jiżguraw ammonti għoljin ta’ għajnuna barranija;

M. billi l-Gvern tar-Rwanda jsostni li l-kawża ewlenija tar-ribelljoni tal-M23 hija l-preżenza kontinwa fil-Lvant tar-RDK tal-fdalijiet tal-forzi ġenoċidali tal-1994, il-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda (FDLR), u d-diskriminazzjoni kontra t-Tutsi fir-RDK;

N. billi għalkemm l-esperti jenfasizzaw li d-diskors ta’ mibegħda u l-vjolenza kontra l-komunità Kongoliża Tutsi huma reali u jeħtieġ li jiġu ttrattati b’mod sod, ftit li xejn sabu evidenza ta’ żieda f’daqqa f’tali vjolenza jew ta’ theddida imminenti għar-Rwanda mill-FDLR eżatt qabel ma reġa’ feġġ l-M23 f’Novembru 2021;

O. billi r-RDK hija rikka fir-riżorsi naturali, u b’mod partikolari għandha sa 60 % tar-riżervi tal-kobalt tad-dinja u bejn 60 u 80 % tar-riżervi tal-koltan tad-dinja, u l-Bank Dinji ddeskriva r-RDK bħala potenzjalment waħda mill-aktar ekonomiji sinjuri fil-kontinent u mutur ta’ tkabbir ekonomiku fl-Afrika;

P. billi l-foresta pluvjali Kongoliża hija t-tieni l-akbar foresta pluvjali tropikali fid-dinja wara l-foresta pluvjali tal-Amażonja, u hija ta’ importanza kruċjali minħabba l-bijodiversità unika tagħha, ir-rwol tagħha fil-ħżin globali tal-karbonju u l-influwenza tagħha fuq il-klima;

Q. billi l-Kummissjoni enfasizzat ripetutament l-importanza li jiġi żgurat aċċess għall-materja prima kritika Afrikana sabiex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni ekoloġika tal-Ewropa, li tirrifletti strateġija tal-UE biex tiġi żgurata provvista sostenibbli u diversifikata ta’ minerali essenzjali, kruċjali għall-korporazzjonijiet multinazzjonali tal-UE;

R. billi skont l-inizjattiva Global Gateway tal-UE, ir-Rwanda mistennija tirċievi aktar minn EUR 900 miljun f’investiment, li parti minnu se jiġi allokat għal inizjattivi dwar materja prima kritika;

S. billi sa minn April 2022, l-organizzazzjoni mhux governattiva Global Witness ikkwotat sorsi tal-industrija tal-estrazzjoni minerarja li jistmaw li l-minerali bil-kuntrabandu jirrappreżentaw sa 90 % ta’ ċerti minerali, bħat-tantalju, esportati mir-Rwanda;

T. billi mindu reġa’ feġġ l-M23, il-Grupp ta’ Esperti tan-NU dwar ir-RDK innota, fl-ittra tiegħu tal-31 ta’ Mejju 2024 lill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, żieda bla preċedent fl-esportazzjonijiet tal-koltan irreġistrati mir-Rwanda, inkluża żieda ta’ 50 % mill-2022 sal-2023;

U. billi konsegwentement, ir-Rwanda esportat aktar koltan mir-RDK fl-2023;

V. billi madankollu, fid-19 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni ħabbret li kienet ikkonkludiet Memorandum ta’ Qbil dwar Ktajjen tal-Valur Sostenibbli tal-Materja Prima mal-Gvern tar-Rwanda, bl-għan li tiżgura provvista sostenibbli ta’ materja prima għall-UE u timmobilizza “finanzjament għall-varar tal-infrastruttura meħtieġa għall-iżvilupp ta’ ktajjen tal-valur tal-materja prima”;

W. billi madwar xahrejn wara l-konklużjoni tal-Memorandum ta’ Qbil, ir-ribelli M23 okkupaw l-akbar minjiera tal-koltan fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar f’Rubaya;

X. billi l-Grupp ta’ Esperti tan-NU dwar ir-RDK osserva, fir-rapport ta’ nofs it-terminu tiegħu tas-27 ta’ Diċembru 2024, li l-M23 stabbilixxa “amministrazzjoni parallela li tikkontrolla l-attivitajiet tal-estrazzjoni minerarja, il-kummerċ, it-trasport u t-tassazzjoni tal-minerali prodotti” u li “mill-anqas 150 tunnellata ta’ koltan” ġew esportati b’mod frodulenti lejn ir-Rwanda kull xahar u mħallta mal-produzzjoni tar-Rwanda, u dan wassal għall-akbar kontaminazzjoni tal-ktajjen tal-provvista tal-minerali b’minerali “3T” ineliġibbli – il-landa, it-tantalju u t-tungstenu – irreġistrati fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar;

Y. billi bl-istess mod, fi Frar 2024, il-Gvern tal-Polonja kkonkluda ftehimiet kontroversjali dwar il-forniment ta’ teknoloġija militari avvanzata, inklużi droni militari u sistemi kontra d-droni, lir-Rwanda bi ksur ċar tal-kriterji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/CFSP tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari;

Z. billi l-Forza tad-Difiża tar-Rwanda s’issa rċeviet EUR 40 miljun mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’appoġġ għall-iskjerament tagħha fil-Mozambique bħala parti mill-flus biex jiffinanzjaw ix-xiri ta’ tagħmir, minkejja allegazzjonijiet ta’ involviment tal-Forza tad-Difiża tar-Rwanda fi ksur tad-dritt internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem, u minkejja tħassib li dawn il-flus jistgħu jintużaw għall-gwerra fir-RDK jew biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Forza tad-Difiża tar-Rwanda biex dan isir;

AA. billi l-iżviluppi reċenti u l-preżenza tas-suldati tar-Rwanda fit-territorju tar-RDK jidhru li jindikaw li l-appoġġ internazzjonali għall-forzi armati tar-Rwanda u l-gvern u l-kooperazzjoni magħhom ħeġġew l-involviment tar-Rwanda fis-sakkeġġ tal-materja prima kritika tar-RDK;

AB. billi mingħajr appoġġ barrani, ir-Rwanda ma jkollhiex is-setgħa militari u ekonomika biex tiddestabbilizza b’mod dejjiemi lir-RDK;

AC. billi l-kriżi attwali għandha għalhekk titqies bħala parti minn sensiela twila ta’ tentattivi minn setgħat barranin, inklużi l-Istati Uniti u l-pajjiżi Ewropej, biex jieħdu pussess tar-riżorsi strateġiċi tar-reġjun fuq talba tal-korporazzjonijiet multinazzjonali u l-interessi ġeostrateġiċi tagħhom;

AD. billi l-paċi u l-istabbiltà sostenibbli fir-reġjun se jintlaħqu mill-pajjiżi u l-popli Afrikani nfushom, inkluż l-involviment tal-organizzazzjonijiet reġjonali; billi l-knejjes kattoliċi u protestanti tar-RDK nedew inizjattiva msejħa l-“Patt Soċjali għall-Paċi u l-Għajxien Tajjeb Flimkien fir-RDK u fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar”, li għandha l-għan li ġġib il-paċi fir-reġjun; billi l-organizzazzjonijiet reġjonali qed jistabbilixxu proċessi bħall-Proċess ta’ Luanda, il-Proċess ta’ Nairobi u l-pjan direzzjonali propost fis-Summit reċenti bejn l-SADC u l-EAC;

1. Jikkundanna bil-qawwa l-ksur kontinwu tad-dritt internazzjonali, tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem mill-M23 u mill-Forza tad-Difiża tar-Rwanda fil-provinċji tal-Lvant tar-RDK;

2. Jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-poplu fir-RDK, speċjalment fil-provinċji ta’ Kivu ta’ Fuq u ta’ Kivu t’Isfel, li qed ibati mill-ksur kontinwu;

3. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-prinċipji tal-Karta tan-NU inkluż ir-rispett għas-sovranità u l-integrità territorjali, li huma prinċipji tad-dritt internazzjonali applikabbli kullimkien u li jridu jiġu rrispettati minn kulħadd;

4. Iħeġġeġ lir-Rwanda tirtira minnufih il-forzi kollha tagħha mir-RDK u tieqaf tappoġġja r-ribelli M23; jitlob li jitwaqqfu l-importazzjonijiet tal-UE ta’ minerali ttikkettati li joriġinaw mir-Rwanda, sakemm il-Forza tad-Difiża tar-Rwanda u l-M23 jirtiraw mit-territorju tar-RDK;

5. Itenni li l-paċi, l-istabbiltà u l-progress ekonomiku fir-RDK mhumiex biss ta’ importanza kruċjali għall-poplu Kongoliż, iżda għall-popli kollha fl-Afrika u fid-dinja; ifakkar li l-ewwel vittmi tal-kunflitt huma n-nisa u l-bniet, vittmi ta’ stupru u vjolenza sesswali bħala armi tal-gwerra;

6. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu l-impenji fir-rigward tas-sigurtà u s-sikurezza tal-persuni spostati internament fir-RDK, inkluż l-aċċess tagħhom għall-kura tas-saħħa u għas-servizzi bażiċi f’sitwazzjoni li qed tiddeterjora malajr;

7. Jappella li l-Memorandum ta’ Qbil bejn l-UE u r-Rwanda dwar Ktajjen tal-Valur Sostenibbli tal-Materja Prima jiġi revokat minnufih, kif ukoll li tieqaf kull kooperazzjoni militari mar-Rwanda, inkluż permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, sakemm ir-Rwanda ttemm l-appoġġ illegali tagħha għall-gruppi armati u tirrispetta bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tar-RDK;

8. Jappella għal valutazzjoni mill-ġdid tal-investimenti ppjanati f’materja prima kritika fl-ambitu tal-Global Gateway tal-UE biex jiġi żgurat li dawn ma jikkontribwixxux jew ma jiffaċilitawx is-sakkeġġ ta’ riżorsi naturali tar-RDK;

9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw bis-sħiħ l-inizjattivi nazzjonali u reġjonali, bħall-inizjattiva tal-knejjes kattoliċi u protestanti Kongoliżi u l-Proċess ta’ Luanda;

10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu fuq strateġiji ta’ investiment mar-RDK li jagħtu s-setgħa kemm lill-pajjiż kif ukoll lill-poplu tiegħu biex jindirizzaw l-isfidi attwali u jrawmu l-paċi, l-infrastruttura, l-edukazzjoni u l-awtodeterminazzjoni;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid l-inizjattivi ta’ investiment tagħha fin-Nofsinhar Globali, filwaqt li tiżviluppa approċċ li jkun responsabbli, trasparenti u ffokat fuq l-indirizzar tal-isfidi tar-reġjun aktar milli jiffoka fuq l-interessi tal-korporazzjonijiet multinazzjonali tal-UE;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirinfurzaw l-appoġġ tagħhom għal inizjattivi mmexxija min-NU jew appoġġjati min-NU li jippromwovu t-trasparenza tal-ktajjen tal-provvista globali, kif ukoll jappoġġjaw lill-pajjiżi biex jisfruttaw l-industriji estrattivi tagħhom għal proċess ta’ żvilupp sostenibbli u ċċentrat fuq in-nies;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Unjoni Afrikana, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Rwanda.

 

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Frar 2025
Avviż legali - Politika tal-privatezza