Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B10-0163/2025Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B10-0163/2025

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tkomplija tal-appoġġ sod tal-UE għall-Ukrajna, wara tliet snin ta’ gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja

7.3.2025 - (2025/2528(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Dan Barna, Helmut Brandstätter, Engin Eroglu, Michał Kobosko, Nathalie Loiseau, Jan‑Christoph Oetjen, Urmas Paet, Marie‑Agnes Strack‑Zimmermann, Eugen Tomac, Hilde Vautmans, Dainius Žalimas
f’isem il-Grupp Renew

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B10-0156/2025

Proċedura : 2025/2528(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B10-0163/2025
Testi mressqa :
B10-0163/2025
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B10‑0163/2025

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tkomplija tal-appoġġ sod tal-UE għall-Ukrajna, wara tliet snin ta’ gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja

(2025/2528(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u r-Russja,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna[1], u forom oħra ta’ appoġġ tal-UE għall-Ukrajna,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Frar 2025 dwar it-tielet anniversarju mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna,

 wara li kkunsidra l-Karta tan-NU, il-Konvenzjonijiet ta’ The Hague, il-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra u l-protokolli addizzjonali tagħhom, u l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni ES-11/7 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU adottata fl-24 ta’ Frar 2025 bit-titolu “Advancing a comprehensive, just and lasting peace in Ukraine” (Nimxu lejn paċi komprensiva, ġusta u dejjiema fl-Ukrajna),

 wara li kkunsidra l-Att Finali ta’ Helsinki tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) tal-1 ta’ Awwissu 1975, il-Karta ta’ Pariġi għal Ewropa Ġdida tal-OSKE tal-21 ta’ Novembru 1990 u l-Memorandum tan-NU dwar il-Garanziji ta’ Sigurtà b’Rabta mal-Adeżjoni tal-Ukrajna għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari tal-5 ta’ Diċembru 1994 (il-Memorandum ta’ Budapest dwar il-Garanziji ta’ Sigurtà),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi r-Russja ilha fi gwerra ta’ aggressjoni fuq skala kbira illegali, mhux provokata u inġustifikata kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022, filwaqt li kompliet l-annessjoni tagħha tal-Krimea fl-2014 u l-okkupazzjoni ta’ partijiet ta’ Donetsk u Luhansk; billi aktar minn għaxar snin wara l-invażjoni tal-2014, ir-Russja qed tkompli tikser b’mod miftuħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, u tikkawża konsegwenzi umanitarji, ekonomiċi u ekoloġiċi severi u instabbiltà reġjonali;

B. billi l-forzi Russi użaw b’mod sistematiku żoni residenzjali u infrastruttura ċivili bħala bersalli, u b’hekk qatlu eluf ta’ ċivili Ukreni, qerdu proprjetà pubblika u privata u wettqu ekoċidju; billi l-forzi Russi huma responsabbli għal detenzjonijiet illegali, għal tortura, għall-eżekuzzjoni ta’ ċivili u priġunieri tal-gwerra, għal għajbien u għal deportazzjonijiet furzati, inkluża d-deportazzjoni tat-tfal u l-adozzjoni furzata tagħhom minn Russi, u għal atti oħra ta’ terroriżmu, inkluża l-vjolenza sesswali; billi r-Russja qed tkompli tbiddel il-kompożizzjoni etnika tat-territorji Ukreni okkupati;

C. billi fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) beda investigazzjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, b’enfasi fuq id-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju mwettqa fit-territorju Ukren mill-21 ta’ Novembru 2013 ’l hawn;

D. billi l-gwerra tar-Russja qerdet il-ħajja tat-tfal Ukreni, b’aktar minn 1 800 tifel u tifla maqtula jew midruba u miljuni ta’ tfal spostati; billi aktar minn 65 % tat-tfal Ukreni qed jgħixu fil-faqar, u sa 100 000 tifel u tifla għadhom f’kura istituzzjonali; billi l-edukazzjoni tat-tfal ġiet imfixkla b’mod serju, b’ħafna tfal jiddependu fuq it-tagħlim mill-bogħod fost nuqqasijiet ta’ provvista ta’ dawl u Internet; billi aktar minn 1,5 miljun tifel u tifla Ukreni jinsabu f’riskju ta’ disturb minn stress postrawmatiku, u kważi nofshom qed jesperjenzaw tbatija u iżolament;

E. billi l-Ukrajna u l-korpi internazzjonali ddokumentaw mijiet ta’ eżekuzzjonijiet ta’ priġunieri tal-gwerra Ukreni mill-forzi Russi minn Frar 2022; billi tali eżekuzzjonijiet jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem u huma rikonoxxuti b’mod espliċitu bħala delitti tal-gwerra skont il-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra u l-Istatut ta’ Ruma tal-QKI;

F. billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU, fir-riżoluzzjoni tagħha adottata fit-2 ta’ Marzu 2022, iddeplorat bl-aktar mod qawwi l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna bħala att ta’ aggressjoni bi ksur tal-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-NU, u, fir-riżoluzzjoni tagħha adottata fl-14 ta’ Novembru 2022, irrikonoxxiet il-ħtieġa li r-Russja tinżamm responsabbli għar-riparazzjonijiet għall-atti internazzjonalment illegali tagħha;

G. billi għadd ta’ pajjiżi mhux tal-UE, b’mod partikolari l-Iran, il-Korea ta’ Fuq, iċ-Ċina u l-Belarussja, ipprovdew appoġġ militari sinifikanti lir-Russja; billi l-Korea ta’ Fuq qed tipprovdi lir-Russja b’armi u truppi tal-ġlied, u l-Belarussja ppermettiet lir-Russja tuża t-territorju tagħha sabiex tattakka lill-Ukrajna, u dawn jitqiesu bħala atti ta’ aggressjoni skont id-dritt internazzjonali; billi r-Russja u ċ-Ċina ffirmaw “sħubija mingħajr limiti” fl-4 ta’ Frar 2022, u sussegwentement, iċ-Ċina saret faċilitatur ewlieni tal-isforz tal-gwerra Russu permezz tal-appoġġ enormi tagħha għall-ekonomija tar-Russja, il-bażi industrijali tad-difiża tagħha u l-provvista tagħha ta’ tagħmir b’użu doppju;

H. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jinsabu f’solidarjetà mal-Ukrajna, u qed jipprovdu appoġġ umanitarju, finanzjarju, politiku u militari sinifikanti; billi l-UE hija l-akbar donatur għall-Ukrajna, b’assistenza li tammonta għal EUR 135 biljun;

I. billi l-UE reċentement adottat is-16-il pakkett ta’ sanzjonijiet tagħha kontra r-Russja bl-għan li ddgħajjef il-bażi ekonomika tar-Russja, iċċaħħadha minn teknoloġiji kritiċi u tillimita l-kapaċità tagħha li tiġġieled gwerra; billi s-sanzjonijiet il-ġodda għandhom bħala mira individwi u entitajiet addizzjonali, inklużi ditti militari, evażuri tas-sanzjonijiet, pajjiżi mhux tal-UE sostenituri, propagandisti tal-Kremlin, networks tal-flotta mistura, u individwi involuti fid-deportazzjoni ta’ tfal Ukreni; billi s-sanzjonijiet tal-UE issa japplikaw għal aktar minn 2 400 individwu u entità, u jissoġġettawhom għal iffriżar tal-assi, projbizzjonijiet fuq il-finanzjament u restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar;

J. billi, taħt l-amministrazzjoni tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump, il-pajjiż biddel b’mod sinifikanti l-pożizzjoni tiegħu dwar il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna; billi s-Segretarju għad-Difiża tal-Istati Uniti wera biċ-ċar din il-bidla fil-pożizzjoni billi ddikjara li s-sħubija man-NATO għall-Ukrajna u r-ritorn tal-fruntieri għal kif kienu qabel l-2014 mhumiex realistiċi, qabel ma saħansitra bdew in-negozjati mar-Russja; billi l-avvenimenti u d-dikjarazzjonijiet reċenti mill-amministrazzjoni ta’ Trump f’Washington D.C. matul iż-żjara tal-President Ukren Volodymyr Zelenskyy fit-28 ta’ Frar 2025 mhumiex xierqa u huma b’mod sfaċċat foloz, u ma jwasslux għall-istabbiltà fir-relazzjonijiet bilaterali jew għall-għoti tal-appoġġ tant meħtieġ mill-Ukrajna; billi, skont prinċipji demokratiċi rikonoxxuti b’mod wiesa’, l-elezzjonijiet ma jistgħux iseħħu matul żmien ta’ gwerra u taħt liġi marzjali, speċjalment meta miljuni ta’ Ukreni ġew spostati;

K. billi taħditiet riċenti bejn l-Istati Uniti u r-Russja f’Riyadh eskludew lill-Ukrajna u lill-UE, u l-Istati Uniti ma kkonsultawx lill-alleati Ewropej tagħhom qabel ma ddeċidew li jtemmu is-sehem tagħhom fl-isforzi biex ir-Russja tiġi iżolata; billi l-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti ttrivalizzat ir-responsabbiltà tar-Russja għat-tifqigħa tal-gwerra u, flimkien mar-Russja u l-alleati tagħha, ivvotat kontra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU (ES-11/7) adottata fl-24 ta’ Frar 2025 li tiddeplora l-aggressjoni tar-Russja; billi fit-3 ta’ Marzu 2025, il-President Trump issospenda b’mod temporanju t-twassil tal-għajnuna militari kollha tal-Istati Uniti lill-Ukrajna, inkluża l-għajnuna li kienet ġiet approvata mill-amministrazzjoni preċedenti tal-Istati Uniti; billi din il-pożizzjoni bla preċedent thedded il-kapaċità tal-Ukrajna li tirreżisti l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, u tagħmilha ċara li l-impenn tal-amministrazzjoni f’Washington li żżomm lir-Russja responsabbli ma għadux ta’ min joqgħod fuqu u jimmina l-isforzi internazzjonali biex tiġi indirizzata l-kriżi;

L. billi l-President Trump ordna l-iffriżar totali tal-Aġenzija tal-Istati Uniti għall-Iżvilupp Internazzjonali (USAID), u b’hekk waqqaf mijiet ta’ proġetti kritiċi fl-Ukrajna, inklużi attivitajiet ta’ tneħħija tal-mini, ta’ riabilitazzjoni tal-veterani militari, ta’ media indipendenti u ta’ inizjattivi kontra l-korruzzjoni;

M. billi jekk l-Ukrajna titlef il-gwerra, dan jitqies b’mod wiesa’ bħala telfa strateġika għall-Ewropa, l-Istati Uniti u l-alleanza kollha tan-NATO u bħala premju għall-aggressur, il-Federazzjoni Russa mmexxija minn Vladimir Putin, b’konsegwenzi ta’ sigurtà estensivi, li l-firxa tagħhom ma tistax tiġi enfasizzata biżżejjed; billi skont l-eżitu tal-gwerra fl-Ukrajna, dan x’aktarx jkollu effetti kollaterali f’partijiet oħra tad-dinja, b’mod partikolari fl-Indo-Paċifiku, u jaf iħeġġeġ setgħat reviżjonisti oħra biex isegwu l-ambizzjonijiet eġemoniċi tagħhom stess;

N. billi mindu faqqgħet il-gwerra, il-kejbils sottomarini fil-Baħar Baltiku u l-infrastruttura ewlenija sfaw użati bħala bersalli, x’aktarx minn atturi marbuta mar-Russja u maċ-Ċina;

1. Itenni l-kundanna tiegħu, bl-aktar mod qawwi possibbli, tal-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata, illegali u inġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna; jitlob li r-Russja ttemm minnufih l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna, tirtira kompletament mit-territorju rikonoxxut internazzjonalment tal-Ukrajna, ittemm id-deportazzjonijiet furzati, teħles lill-Ukreni kollha detenuti u deportati, speċjalment lit-tfal u inklużi dawk adottati b’mod furzat minn Russi, u tikkumpensa lill-Ukrajna għall-ħsara kkawżata; jissottolinja li r-Russja, il-mexxejja tagħha u l-alleati tagħha għandhom jinżammu totalment responsabbli għall-gwerra u għall-atroċitajiet imwettqa kontra l-Ukreni, inklużi delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità, ekoċidju, u possibbilment ġenoċidju, u jappella għal obbligu ta’ rendikont sħiħ f’dan ir-rigward; jilqa’ l-progress lejn l-istabbiliment ta’ Tribunal Speċjali għad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna u jissottolinja l-ħtieġa li l-ġuriżdizzjoni ta’ dan it-tribunal tkopri l-mexxejja kollha tar-Russja u tal-Belarussja responsabbli għall-aggressjoni kontra l-Ukrajna; jonora l-qlubija u r-reżiljenza tal-poplu Ukren fid-difiża ta’ pajjiżu, tad-demokrazija u tad-dritt internazzjonali; jagħti ġieħ lil dawk kollha li ssagrifikaw ħajjithom għal-libertà u jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna;

2. Jenfasizza li paċi sostenibbli u ġusta tista’ tinkiseb biss abbażi tad-dritt internazzjonali, u li dan jirrikjedi r-restawr sħiħ tal-integrità territorjali tal-Ukrajna, ir-riparazzjoni totali lill-Ukrajna għall-aggressjoni, u l-obbligu ta’ rendikont sħiħ ta’ dawk responsabbli; jissottolinja li garanziji ta’ sigurtà effettivi u dejjiema għall-Ukrajna jridu jinkludu obbligi ta’ difiża kollettiva, bħal dawk skont it-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana; jinnota li kwalunkwe garanzija oħra ta’ sigurtà, inkluż il-Memorandum ta’ Budapest tal-1994, uriet li ma kellha l-ebda sinifikat;

3. Jesprimi tħassib serju dwar il-bidla apparenti fil-pożizzjoni tal-Istati Uniti dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, li inkludiet it-tort mogħti b’mod sfaċċat lill-Ukrajna għall-gwerra li għaddejja, is-sospensjoni tal-għajnuna militari tal-Istati Uniti, u t-tentattiv li l-Ukrajna tiġi mġiegħla ċċedi d-dritt leġittimu tagħha ta’ awtodifiża u li tagħmel konċessjonijiet territorjali; jisħaq li, fid-dawl ta’ din il-bidla fil-pożizzjoni, l-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien issa huma l-alleati strateġiċi primarji tal-Ukrajna u jeħtiġilhom, l-ewwel u qabel kollox, iżommu r-rwol tagħhom bħala l-akbar donaturi għall-Ukrajna, u jżidu b’mod sinifikanti l-assistenza u l-appoġġ tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tat-tagħmir tad-difiża, it-taħriġ u l-assistenza strateġika, meħtieġa biex jiġi rispettat id-dritt tal-Ukrajna ta’ awtodifiża u jikkontribwixxu, sa fejn ikun possibbli, biex jissostitwixxu l-finanzjament sospiż tal-USAID għal programmi u proġetti kritiċi, filwaqt li jiżguraw għajnuna fit-tul għar-rikostruzzjoni u l-irkupru;

4. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqisu l-aħħar żviluppi fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-Ukrajna bħala l-aħħar sinjal ta’ twissija biex jieħdu r-rwol ta’ sħab ewlenin tal-Ukrajna, u jaħdmu b’mod attiv biex jinżamm l-aktar appoġġ internazzjonali wiesa’ possibbli għall-Ukrajna, inkluż permezz tal-ħolqien ta’ “koalizzjoni ta’ dawk li jistgħu u li jridu” ma’ sħab mhux tal-UE tal-istess fehma;

5. itenni l-impenn tal-UE għal paċi ġusta u dejjiema fl-Ukrajna, ibbażata fuq is-sovranità u l-integrità territorjali tagħha, u jappoġġja l-Formula ta’ Paċi tal-Ukrajna bħala qafas għall-impenn internazzjonali; jinsisti li ma jistgħu jsiru l-ebda negozjati dwar l-Ukrajna jew is-sigurtà Ewropea mingħajr il-preżenza tal-Ukrajna u tal-UE; jisħaq li kwalunkwe ftehim ta’ paċi jrid jirrispetta s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u jipprevjeni armament mill-ġdid tar-Russja għal aggressjoni futura; jemmen li l-UE jeħtiġilha tikkontribwixxi għal garanziji ta’ sigurtà robusti għall-Ukrajna sabiex tiskoraġġixxi aktar ostilitajiet Russi; ikompli jirrikonoxxi lill-President Zelenskyy bħala l-mexxej leġittimu tal-Ukrajna sakemm ikunu jistgħu jseħħu elezzjonijiet demokratiċi;

6. Jenfasizza r-rwol deċiżiv tal-UE fid-definizzjoni tal-parametri li jsawru l-arkitettura tas-sigurtà futura tal-Ewropa; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jassumu r-responsabbiltà għas-sigurtà tal-kontinent, meta jitqies ix-xenarju ġeopolitiku li qed jinbidel u ż-żieda fit-theddid għas-sigurtà; jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jżidu b’mod sinifikanti l-infiq fid-difiża lil hinn mill-mira tan-NATO ta’ 2 %; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ l-industrija tad-difiża Ewropea, kif ukoll dik tal-Ukrajna, u li tiżdied l-għajnuna militari lill-Ukrajna, filwaqt li jissaħħu l-istat ta’ tħejjija u s-sovranità tad-difiża tal-UE stess; jappella għal appoġġ militari estiż tal-UE lill-Ukrajna, inkluż permezz ta’ inġenji tal-ajru, missili ta’ medda twila, sistemi moderni ta’ difiża tal-ajru, munizzjon u taħriġ, kif ukoll konsenji aċċellerati ta’ tagħmir; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-Istati Membri kollha tal-UE jallokaw mill-inqas 0,25 % tal-PDG tagħhom kull sena biex jipprovdu appoġġ militari lill-Ukrajna;

7. Jappella lill-UE tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni strateġiċi tagħha ma’ sħab tal-istess fehma madwar id-dinja, bħall-G7, ir-Renju Unit, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel, l-Awstralja u New Zealand, kif ukoll l-involviment kostruttiv tagħha mas-sħab fin-Nofsinhar Globali sabiex tiddefendi s-sistema multilaterali bbażata fuq il-Karta tan-NU;

8. Jilqa’ l-adozzjoni riċenti tas-16-il pakkett ta’ sanzjonijiet tal-UE fil-konfront tar-Russja; jappella għal aktar sanzjonijiet fuq setturi industrijali Russi ewlenin (bħas-setturi metallurġiċi, nukleari, kimiċi, agrikoli u bankarji) u fuq il-materja prima (l-azzar, l-uranju, it-titanju u n-nikil); jappella għal embargo sħiħ fuq il-fjuwils fossili Russi, inkluż fuq il-gass naturali likwifikat (LNG), u għal aktar tnaqqis fil-limitu massimu tal-prezz fuq il-prodotti petroliferi Russi, f’koordinazzjoni mas-sħab tal-G7; jappella għal aktar sanzjonijiet kontra l-flotta mistura tar-Russja u t-tmiem tal-kooperazzjoni mas-settur tal-enerġija nukleari Russu; iħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw b’mod sistematiku l-kwistjoni taċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet; jappella għal wegħda ċara li l-UE se tirrispetta s-sanzjonijiet tagħha kontra r-Russja sakemm ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata rebħa ġusta għall-Ukrajna; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqisu miżuri għall-konfiska tal-assi Russi ffriżati;

9. Jilqa’ l-Faċilità tal-UE għall-Ukrajna, li għandha baġit ta’ kważi EUR 50 biljun, u l-Mekkaniżmu tal-UE ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna, li, f’kooperazzjoni mal-G7, joffri self lill-Ukrajna sa EUR 45 biljun; madankollu, iħeġġeġ it-tħejjija għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna billi jiġu ddedikati u żgurati riżorsi ġodda; itenni l-ħtieġa u l-urġenza li l-mekkaniżmi legali u finanzjarji jikkonfiskaw, malajr kemm jista’ jkun, l-assi ffriżati tal-istat Russu u jużawhom biex jappoġġjaw id-difiża u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, jagħtu kumpens lill-vittmi tal-aggressjoni tar-Russja, u jikkontribwixxu għall-finanzjament tar-riparazzjonijiet leġittimi tal-gwerra dovuti mir-Russja lill-Ukrajna;

10. Jafferma mill-ġdid li l-futur tal-Ukrajna jinsab fl-UE; jilqa’ l-progress fir-riformi relatati mal-adeżjoni minkejja l-kundizzjonijiet ta’ żmien il-gwerra; jappella biex jitħaffu t-taħditiet dwar l-adeżjoni, filwaqt li l-integrazzjoni tal-Ukrajna mal-UE tiġi rikonoxxuta bħala prijorità strateġika; jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE għas-sħubija futura tal-Ukrajna man-NATO, filwaqt li jenfasizza l-importanza tagħha għas-sigurtà reġjonali u globali; ifakkar fl-impenji tan-NATO li l-Ukrajna tiġi ammessa fl-Alleanza; jinnota f’dan ir-rigward il-politika konsistenti ta’ bibien miftuħa tan-NATO, li skontha n-NATO tibqa’ miftuħa għad-demokraziji Ewropej kollha li jikkondividu l-valuri tal-Alleanza, u li f’konformità magħha d-deċiżjonijiet dwar is-sħubija għandhom jittieħdu biss mill-alleati tan-NATO, mingħajr ebda parti terza ma ssemma’ leħinha f’dan il-proċess;

11. Jikkundanna bil-qawwa l-eżekuzzjoni ta’ priġunieri tal-gwerra Ukreni mill-forzi Russi; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-sħab internazzjonali jżidu l-pressjoni fuq ir-Russja biex tikkonforma mal-obbligi internazzjonali tagħha, b’mod partikolari mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, u tippermetti l-aċċess tal-organizzazzjonijiet internazzjonali għall-priġunieri;

12. Jikkundanna l-impatt devastanti tal-gwerra tar-Russja fuq it-tfal; jappella għal aktar appoġġ tal-UE għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u s-servizzi tas-saħħa mentali għat-tfal, u għall-protezzjoni tagħhom, inkluż billi tipprovdilhom irkupru mit-trawma u ambjenti ta’ tagħlim siguri; iħeġġeġ lill-UE u lill-Ukrajna jagħtu prijorità lill-ħtiġijiet tat-tfal fl-isforzi ta’ għajnuna u ta’ rikostruzzjoni, fit-tneħħija tal-mini tal-art, u fl-integrazzjoni tal-benesseri tat-tfal fil-proċess ta’ adeżjoni mal-UE;

13. Ifaħħar lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ukreni u internazzjonali talli appoġġjaw lill-familji ta’ tfal Ukreni maħtufa, priġunieri tal-gwerra u ċivili detenuti illegalment; jappella lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jassistu l-isforzi ta’ dawn l-organizzazzjonijiet u jintensifikaw il-pressjoni fuq ir-Russja biex tirritorna l-Ukreni kollha maħtufa u detenuti;

14. Itenni l-kundanna tiegħu tal-appoġġ militari għar-Russja minn pajjiżi mhux tal-UE, inklużi l-Korea ta’ Fuq, l-Iran u l-Belarussja, u tal-provvista ta’ oġġetti u ta’ oġġetti militari b’użu doppju lir-Russja miċ-Ċina; itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri biex ikomplu jespandu s-sanzjonijiet kontra l-Korea ta’ Fuq, il-Belarussja u l-Iran fid-dawl tal-appoġġ militari ta’ dawn il-pajjiżi għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, u biex jissanzjonaw l-entitajiet u l-individwi Ċiniżi ewlenin li qed jappoġġjaw direttament l-isforz tal-gwerra u s-settur tad-difiża tar-Russja u jippermettu lir-Russja taħrab is-sanzjonijiet, inklużi entitajiet ibbażati f’Hong Kong;

15. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu l-komunikazzjoni strateġika tal-UE, b’mod partikolari sabiex tiċċara pubblikament l-appoġġ ewlieni tal-UE lill-Ukrajna, speċjalment fid-dawl ta’ dikjarazzjonijiet li jfittxu li jnaqqsu s-sinifikat tal-kontribut tagħha, tiġġieled it-theddid ibridu u l-attivitajiet f’żona griża, u tipprevjeni l-indħil Russu fil-proċessi politiċi, elettorali u oħrajn demokratiċi fl-Ukrajna u fl-Ewropa; iħeġġeġ komunikazzjoni proattiva dwar il-benefiċċji tat-tkabbir tal-UE sabiex jissaħħu l-fehim u l-appoġġ tal-pubbliku għall-adeżjoni tal-Ukrajna kemm fl-Ukrajna kif ukoll fl-Istati Membri; jissottolinja li l-integrazzjoni tal-Ukrajna fl-UE hija opportunità għall-iżvilupp kemm tar-reġjuni tal-fruntiera kif ukoll tal-Istati Membri;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna, lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-awtoritajiet Russi.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Marzu 2025
Avviż legali - Politika tal-privatezza