MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-inizjattiva “Stop Killing Games”
2.10.2025
Piotr Müller
B10‑0444/2025
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-inizjattiva “Stop Killing Games”
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-kampanja soċjali “Stop Killing Games”, li qajmet kuxjenza dwar il-problema tal-eliminazzjoni tal-logħob vidjo,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 149 tar-Regoli ta’ Proċedura,
A. billi l-eliminazzjoni permanenti tal-logħob mill-produtturi wara t-tmiem tal-appoġġ tas-servers iċċaħħad lill-konsumaturi mill-aċċess għal prodotti mixtrija legalment;
B. billi tali attivitajiet jagħmlu ħsara lis-suq uniku diġitali u jfixklu l-arkivjar diġitali ta’ materjal kulturali;
C. billi hemm il-ħtieġa li jiġi ggarantit liċ-ċittadini d-dritt li jkomplu jużaw il-prodotti diġitali li jixtru b’mod proporzjonat u prattikabbli,
1. Ifaħħar il-kampanja “Stop Killing Games” għall-mobilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili;
2. Jissottolinja l-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet biex ikompli jiġi żgurat aċċess għal-logħob u għal prodotti diġitali oħra wara t-tmiem tal-appoġġ kummerċjali;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tibda djalogu mal-iżviluppaturi tal-logħob, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u s-soċjetà ċivili sabiex jiġu stabbiliti standards minimi għall-protezzjoni tax-xerrejja tal-logħob diġitali u ta’ oġġetti diġitali oħra.