MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI għal talba għal opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati tal-Ftehim ta’ Sħubija previst bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra, u l-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ previst bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra
14.1.2026 - (2026/2560(RSP))
Krzysztof Hetman, Pascal Canfin, Raphaël Glucksmann, Majdouline Sbai, Manon Aubry, Marta Wcisło, Benoit Cassart, Maria Noichl, Saskia Bricmont, Lynn Boylan, Céline Imart, Yvan Verougstraete, François Kalfon, Vicent Marzà Ibáñez, Danilo Della Valle, Hanna Gronkiewicz‑Waltz, Hristo Petrov, Jean‑Marc Germain, Thomas Waitz, Anja Hazekamp, François‑Xavier Bellamy, Ciaran Mullooly, Chloé Ridel, Ana Miranda Paz, Luke Ming Flanagan, Ewa Kopacz, Eric Sargiacomo, Cristina Guarda, Rudi Kennes, Christophe Gomart, Michael McNamara, Estelle Ceulemans, David Cormand, Kathleen Funchion, Kamila Gasiuk‑Pihowicz, Grégory Allione, Marko Vešligaj, Marie Toussaint, Martin Schirdewan, Jacek Protas, Valérie Devaux, Elio Di Rupo, Diana Riba i Giner, Marina Mesure, Andrzej Buła, Michał Kobosko, Aurore Lalucq, Tilly Metz, Leila Chaibi, Bartłomiej Sienkiewicz, Laurence Farreng, Claire Fita, Lena Schilling, Sebastian Everding, Adam Jarubas, Christine Singer, Nora Mebarek, Jaume Asens Llodrà, Arash Saeidi, Li Andersson, Rasmus Andresen, Giuseppe Antoci, Pascal Arimont, Bartosz Arłukowicz, Konstantinos Arvanitis, Pernando Barrena Arza, Michael Bloss, Gordan Bosanac, Marc Botenga, Gilles Boyer, Borys Budka, Mélissa Camara, Damien Carême, Laurent Castillo, Anna Cavazzini, Per Clausen, Christophe Clergeau, Jérémy Decerle, Özlem Demirel, Bas Eickhout, Nikolas Farantouris, Emma Fourreau, Daniel Freund, Mario Furore, Estrella Galán, Hanna Gedin, Giorgos Georgiou, Charles Goerens, Markéta Gregorová, Martin Günther, Rima Hassan, Mircea‑Gheorghe Hava, Pär Holmgren, Dariusz Joński, Pierre Jouvet, Fabienne Keller, Elena Kountoura, Alice Kuhnke, Merja Kyllönen, Sergey Lagodinsky, Katrin Langensiepen, Murielle Laurent, Isabelle Le Callennec, Nathalie Loiseau, Isabella Lövin, Mimmo Lucano, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Jagna Marczułajtis‑Walczak, Ignazio Roberto Marino, Erik Marquardt, Catarina Martins, Sara Matthieu, Irene Montero, Carolina Morace, Nadine Morano, Ville Niinistö, Maria Ohisalo, João Oliveira, Younous Omarjee, Leoluca Orlando, Valentina Palmisano, Nikos Pappas, Gaetano Pedulla’, Thomas Pellerin‑Carlin, Emma Rafowicz, Terry Reintke, Manuela Ripa, Ilaria Salis, Jussi Saramo, Mounir Satouri, Benedetta Scuderi, Isabel Serra Sánchez, Virginijus Sinkevičius, Jonas Sjöstedt, Anthony Smith, Nicolae Ștefănuță, Joachim Streit, Tineke Strik, Michał Szczerba, Dario Tamburrano, Pasquale Tridico, Catarina Vieira, Michał Wawrykiewicz, Stéphanie Yon‑CourtinB10‑0060/2026
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew għal talba għal opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati tal-Ftehim ta’ Sħubija previst bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra, u l-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ previst bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija previst bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ previst bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra (COM(2025)0357),
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra (COM(2025)0339),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar, ir-Repubblika Arġentina, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, min-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3(5), l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari l-paragrafi 2, 4, 5, 6, 8, 10 u 11 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 168, 169, 171 u 191 tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 35, 37 u 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta),
– wara li kkunsidra d-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill tal-1999 għall-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-erba’ membri fundaturi tal-Mercosur – l-Arġentina, il-Brażil, il-Paragwaj u l-Urugwaj (minn hawn ’il quddiem id-direttivi ta’ negozjati tal-1999),
– wara li kkunsidra l-ftehim fil-prinċipju bejn l-Unjoni Ewropea u l-erba’ membri fundaturi tal-Mercosur – l-Arġentina, il-Brażil, il-Paragwaj u l-Urugwaj – kif innegozjat fl-2019 u l-kapitoli ġodda u riveduti tiegħu u l-protokolli u l-annessi tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Opinjoni 1/17 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) tat-30 ta’ April 2019 dwar il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (CETA), u l-Opinjoni 2/15 tal-QĠUE tas-16 ta’ Mejju 2017 dwar il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea[1], b’mod partikolari l-paragrafi 23-29 tiegħu dwar il-ftehimiet internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar in-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet kummerċjali tal-UE (minn hawn ’il quddiem il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2018), b’mod partikolari l-paragrafu 3 tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 117(6) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fl-2019, il-Kummissjoni ppubblikat il-ftehim fil-prinċipju li jiġbor fil-qosor “ir-riżultati tan-negozjati tal-parti kummerċjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Mercosur”; billi f’Diċembru 2024, il-Kummissjoni ħabbret li kienet iffinalizzat in-negozjati tal-ftehim UE-Mercosur; billi fit-3 ta’ Settembru 2025, il-Kummissjoni ppreżentat il-ftehim UE-Mercosur bħala żewġ testi legali paralleli, jiġifieri l-Ftehim ta’ Sħubija UE-Mercosur (EMPA) u Ftehim Kummerċjali Interim (ITA), u ressqet il-proposti tagħha lill-Kunsill għall-iffirmar u l-konklużjoni tal-EMPA; billi l-EMPA huwa ftehim qafas imħallat, li jirrikjedi approvazzjoni unanima fil-Kunsill, l-approvazzjoni tal-Parlament u r-ratifika mis-27 Stat Membru kollha qabel ma jkun jista’ jidħol fis-seħħ bis-sħiħ; billi l-ITA jkopri biss dawk id-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE u jirrikjedi biss maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill u l-approvazzjoni tal-Parlament biex jidħol fis-seħħ;
B. billi l-Ftehim Qafas ta’ Kooperazzjoni Interreġjonali tal-1995, li jifforma l-bażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-1999, ġie ppreżentat, fil-preambolu tiegħu, bħala “preludju għan-negozjar ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Interreġjonali” u bħala li għandu l-għan li “jħejji l-kundizzjonijiet li jippermettu l-ħolqien ta’ assoċjazzjoni interreġjonali”;
C. billi d-direttivi ta’ negozjati tal-1999 awtorizzaw in-negozjar ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-pajjiżi tal-Mercosur, u b’hekk irrikjedew l-unanimità tal-Kunsill u r-ratifika mill-parlamenti nazzjonali; billi la l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ITA u lanqas il-konsegwenzi tiegħu fuq is-setgħa ta’ veto tal-Istati Membri ma setgħu jiġu antiċipati fiż-żmien meta dan il-mandat inħareġ u ntlaħaq qbil dwaru; billi l-Kunsill ikkonferma l-pożizzjoni tiegħu fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2018 u ddikjara li “huwa l-Kunsill li jiddeċiedi jekk jiftaħx in-negozjati fuq din il-bażi. Bl-istess mod huwa l-Kunsill li għandu jiddeċiedi, abbażi ta’ każ b’każ, dwar it-taqsim ta’ ftehimiet kummerċjali. Skont il-kontenut tagħhom, ftehimiet ta’ assoċjazzjoni għandhom ikunu mħallta. Dawk li qed jiġu nnegozjati attwalment, bħal pereżempju mal-Messiku, il-Mercosur u ċ-Ċilì, ser jibqgħu ftehimiet imħallta”; billi l-Ftehim Kummerċjali UE-Mercosur, miftiehem fil-prinċipju f’Lulju 2019, jirreferi wkoll għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Mercosur; billi devjazzjoni mid-direttivi ta’ negozjati tal-1999 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2018 tista’ titqies inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni;
D. billi l-parlamenti nazzjonali f’diversi Stati Membri diġà wrew l-oppożizzjoni tagħhom għar-ratifika tal-ftehim UE-Mercosur billi adottaw riżoluzzjonijiet f’dak ir-rigward; billi l-fatt li l-ftehim UE-Mercosur inqasam f’żewġ testi legali separati, jiġifieri l-EMPA u l-ITA, jevita d-dritt tal-parlamenti nazzjonali li jirratifikaw l-ITA; billi huwa importanti li tiġi żgurata konsultazzjoni effettiva taċ-ċittadini, tal-Parlament Ewropew, tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali, tas-soċjetà ċivili u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra f’kull stadju tal-proċess biex tiġi ggarantita r-responsabbiltà demokratika;
E. billi l-Kapitolu 21, l-Artikolu 21.4(b) u l-Kapitolu 1, l-Artikolu 1.3(k) tal-ITA jintroduċu “mekkaniżmu jew klawżola ta’ riekwilibriju” mfassla ġodda li jippermettu lil parti tfittex kumpens jekk “miżura applikata mill-parti l-oħra tannulla jew tfixkel sostanzjalment kwalunkwe benefiċċju li jakkumula taħt id-dispożizzjonijiet koperti b’mod li jaffettwa ħażin il-kummerċ bejn il-partijiet, kemm jekk miżura bħal din tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim kif ukoll jekk le, ħlief kif provdut espliċitament mod ieħor”; billi dan il-mekkaniżmu għandu l-għan li jikkumpensa għall-impatt ekonomiku tal-leġiżlazzjoni jew il-prattika ta’ sieħeb kummerċjali, anke meta dawn ma jiksrux id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim; billi, pereżempju, fil-Kapitolu 21 tal-ITA, l-Artikolu 21.20 u l-Artikolu 21.21 tiegħu jipprevedu li kontromiżura tiġi sospiża biss ladarba l-miżura inkwistjoni tkun ġiet “irtirata jew emendata sabiex telimina dik in-nullifikazzjoni jew indeboliment sostanzjali”; billi dan il-mekkaniżmu jista’ jintuża mill-pajjiżi tal-Mercosur biex jagħmlu pressjoni fuq l-UE biex toqgħod lura milli tippromulga jew tinforza leġiżlazzjoni u miżuri oħra relatati mal-protezzjoni tal-klima u tal-ambjent, is-sikurezza tal-ikel jew il-projbizzjonijiet fuq ċerti pestiċidi;
F. billi l-interpretazzjoni tal-Gvern Brażiljan tal-kamp ta’ applikazzjoni temporali tal-klawżola ta’ riekwilibriju hija differenti mill-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, billi l-Brażil iqis li din tmur lura sal-2019;
G. billi din il-klawżola hija aktar estensiva minn dawk eżistenti fi ftehimiet ta’ kummerċ ħieles preċedenti konklużi mill-UE u tvarja fil-kamp ta’ applikazzjoni u fil-kontenut mill-klawżola stabbilita fil-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) u fl-Artikolu 26(1) tal-Qbil tad-WTO dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim; billi l-klawżola ta’ riekwilibriju li tinsab fil-GATT qatt ma ġiet invokata kontra leġiżlazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli, preżumibbilment minħabba li tali leġiżlazzjoni tkun koperta mill-klawżola ta’ eċċezzjonijiet ġenerali tal-Artikolu XX tal-GATT;
H. billi l-possibbiltà li l-pajjiżi tal-Mercosur jiksbu kumpens għall-effetti kummerċjali tal-miżuri ta’ sostenibbiltà tal-UE tista’ twassal biex il-koleġiżlaturi tal-UE jżommu lura milli jadottaw tali miżuri u jagħmlu pressjoni fuq il-Kummissjoni biex tirtira, temenda jew twaqqaf l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali; billi l-mekkaniżmu jista’ jkollu impatt, b’mod partikolari, fuq leġiżlazzjoni li għandha l-għan li tħares id-drittijiet protetti mill-Karta u l-prinċipji tat-Trattati li fuqhom huwa bbażat l-ordni ġuridiku tal-UE;
I. billi hemm differenzi regolatorji sinifikanti bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Mercosur fir-rigward tal-produzzjoni tal-ikel u l-istandards sanitarji u veterinarji; billi l-ftehim UE-Mercosur inaqqas il-miżuri ta’ awditjar u kontroll għall-importazzjonijiet agrikoli mill-Mercosur; billi l-Kapitolu 6 tal-ITA, dwar miżuri sanitarji u fitosanitarji, jinkludi diversi miżuri li jdgħajfu l-mekkaniżmi ta’ kontroll eżistenti; billi f’konformità mal-Artikolu 6.12(2) tiegħu, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji huma aċċettabbli biss jekk ikunu proviżorji u rieżaminati “f’perjodu ta’ żmien raġonevoli”; billi skont id-dritt tal-Unjoni, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni mhijiex kundizzjonali fuq tali rekwiżit;
J. billi l-Kapitolu 18 tal-ITA, dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, jirrestrinġi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, b’mod partikolari għal sitwazzjonijiet ta’ “riskju ta’ degradazzjoni ambjentali serja jew għas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali”; billi dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jirriżultaw fit-tnaqqis tal-livelli ta’ protezzjoni tas-saħħa, tal-konsumatur u tal-ambjent fl-UE; billi l-miżuri attwali tal-UE permessi skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni tal-UE jistgħu jiġu kkontestati quddiem bord ta’ arbitraġġ u jistgħu jiġġustifikaw kumpensi;
1. Huwa mħasseb li l-qsim tal-ftehim UE-Mercosur fl-EMPA u l-ITA jista’ jkun inkompatibbli mal-Artikolu 218(2) u (4) tat-TFUE, kif ukoll mal-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi, il-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali u l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali minqux fl-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 13(2) tat-TUE; huwa mħasseb li l-linji gwida għan-negozjati maħruġa mill-Kunsill jistgħu ma jiġux rispettati u li dan jista’ jaffettwa r-regoli tal-votazzjoni fil-Kunsill u jipprevjeni lill-parlamenti nazzjonali milli jkollhom leħen leġittimu dwar il-ftehim;
2. Huwa mħasseb li l-mekkaniżmu ta’ riekwilibriju previst fil-ftehim UE-Mercosur jista’, mill-anqas, ikun inkompatibbli mal-Artikoli 11, 168, 169 u 191 tat-TFUE u l-Artikoli 35, 37 u 38 tal-Karta u jista’ jhedded il-kapaċità tal-UE li żżomm l-awtonomija tal-ordni ġuridiku tal-UE;
3. Huwa mħasseb li l-EMPA u l-ITA jistgħu jikkompromettu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li jista’ jirriżulta f’inkompatibbiltà, mill-anqas, mal-Artikoli 168, 169 u 191 tat-TFUE kif ukoll mal-Artikoli 35, 37 u 38 tal-Karta; huwa mħasseb ukoll li l-prinċipju ta’ prekawzjoni jista’ jiġi affettwat b’mod negattiv mill-awtorità mogħtija lil bord ta’ arbitraġġ biex jivvaluta l-applikazzjoni mill-UE tal-prinċipju ta’ prekawzjoni;
4. Jiddeċiedi li jitlob opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’konformità mal-Artikolu 218(11) tat-TFUE, dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati tal-ftehim previst u l-konklużjoni prevista tal-UE tal-EMPA u tal-ITA, u l-proċedura segwita biex tinkiseb dik il-konklużjoni;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tieħu malajr il-miżuri meħtieġa bil-għan li tikseb l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni, għal skopijiet ta’ informazzjoni, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2010/1120/oj.