Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0081/2005Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0081/2005

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI LILL-KUNSILL

21/01/2005

Imressqa skond l-Artikolu 114 (1) tar-Regoli ta' Proċedura
Minn Alexander Alvaro
f'isem il-grupp ALDE
dwar mod integrali applikat mill-UE bil-għan li ma jkunx hemm aktar każi ta' atti terroristiċi ta' kull tip, li l-UE tkun preparata għall-atti terroristiċi, li tkun tista' tirrispondi għalihom u li tkun tista' tiffaċċja l-konsegwenzi tagħhom

B6-0081/2006

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar mod integrali applikat mill-UE bil-għan li ma jkunx hemm aktar każi ta' atti terroristiċi ta' kull tip, li l-UE tkun preparata għall-atti terroristiċi, li tkun tista' tirrispondi għalihom u li tkun tista' tiffaċċja l-konsegwenzi tagħhom

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, adottata fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' l-24 u l-25 ta' Marzu 2004,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni rivedut ta' l-Unjoni Ewropea kontra t-terroriżmu, adottat fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta' Ġunju 2004,

–  wara li kkunsidra l-miżuri għall-prevenzjoni u l-qerda tat-terroriżmu stipulati fil-Programm ta' l-Aja li ġew adottati fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' l-4 u l-5 ta' Novembru 2004, u li ġew kompletati permezz tal-konklużjonijiet tal-presidenza tal-Kunsill Ewropew tas-16 u s-17 ta' Diċembru 2004, b'mod partikulari dawk li jirrigwardaw it-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 114 (1), tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

A   billi l-miżuri stipulati fil-Programm ta' l-Aja li jirrigwardaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom jiddaħħlu fis-seħħ mill-aktar fis, sabiex tiġi raffurzata l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-UE,

B   billi sabiex l-attakki terroristiċi jiġu kkumbattuti b'mod effikaċi u ma jkunx hemm aktar każi ta' atti terroristiċi u fl-istess ħin jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw l-attivitajiet tagħhom għas-salvagwardja tas-sigurtà tagħhom, iżda għandhom jiffukaw l-attivitajiet tagħhom fuq is-sigurtà ta' l-UE kollha,

C  billi sabiex tiġi miġġielda t-theddida persistenti tat-terroriżmu jidher li wieħed mill-elementi essenzjali tal-politika ta' l-Unjoni Ewropea jikkonsisti fit-titjib tal-koperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea,

D  billi hu importanti li tiġi sfruttata l-okkażjoni sabiex jiġi mħeġġeġ ir-raffuzar u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' l-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni, mal-preparazzjoni u mar-reazzjoni f'każ ta' attakki terroristiċi,

1.  jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

  • a)li tiġi miġġielda t-theddida tat-terroriżmu billi tiġi raffurzata l-koperazzjoni kemm fuq livell intern kif ukoll fuq livell internazzjonali,
  • b)li mill-aktar fis, jiddaħħlu fis-seħħ il-miżuri stipulati fil-Programm ta' l-Aja, intitulati "Ir-raffurzar tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea" b'mod partikulari dawk li jirrigwardaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu, filwaqt li jiġu rispettati għal kollox id-drittijiet fundamentali,

  c) li l-Istati Membri jiġu mitluba li jaqsmu bejniethom l-informazzjoni tas-servizzi ta' intelliġenza u informazzjoni dwar sigurtà mhux biss sabiex ikunu ppreparati għat-theddid kontra s-sigurtà tagħhom iżda wkoll, jekk jagħti l-każ, sabiex tiġi mħarsa s-sigurtà interna ta' l-Istati Membri l-oħra,

  • d)li jiġu adottati fl-iqsar żmien il-miżuri leġiżlattivi kollha li huma meħtieġa sabiex jiġi stabbilit, fuq il-livell ta' l-UE, qafas koerenti u effikaċi: kemm għall-prevenzjoni ta' l-attentati terroristiċi ta' kull tip, kif ukoll sabiex l-UE tkun tista' tiffaċċja l-konsegwenzi tagħhom, inklużi miżuri li jiggarantixxu l-koperazzjoni sħiħa tal-forzi u l-korpi ta' sigurtà u l-koperazzjoni esterna, sabiex jiġi żgurat il-kontroll demokratiku u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali,
  • (e)li jiġi żgurat li l-vittmi tat-terroriżmu u l-familji tagħhom jingħataw protezzjoni u għajnuna xierqa billi jiġu allokati l-approprjazzjonijiet meħtieġa għall-baġits annwali ta' l-Unjoni Ewropea

2.  jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, biex ikunu infurmati, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.