Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0148/2006Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0148/2006

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

21.2.2006

imressqa skond l-Artikolu 91 tar-Regoli ta' Proċedura
mill-Kumitat għall=Iżvilupp
dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċad

Proċedura : 2006/2542(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0148/2006
Testi mressqa :
B6-0148/2006
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0148/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċad

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 91 u 90(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Cotonou u partikularment l-Artikolu 8 dwar id-djalogu politiku,

–  wara li kkunsidra d-diskussjonijiet waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-Iżviluppi tal-Parlament Ewropew li saret fil-20 ta' Frar 2006,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan adottata f'Bamako, il-Mali, fil-21 ta' April 2005,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tas-16 ta' Settembru 2004 u tat-12 ta' Mejju 2005 dwar ir-reġjun tad-Darfur[1],

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew fis-Sudan u fiċ-Ċad tat-2 sas-7 ta' Settembru 2004,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Ġunju 2001[2] dwar l-elezzjonjiet presidenzjali fiċ-Ċad,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-20 ta' Jannar 2000 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem marbutin mal-proġett bejn iċ-Ċad u l-Kamerun għall-estrazzjoni taż-żejt u l-bini ta' pajp taż-żejt[3],

–  wara li kkunsidra d-dokument "Strateġija ta' koperazzjoni u programm indikattiv 2002-2007" irrattifikat mill-Gvern tar-Repubblika taċ-Ċad u mill-Kummissjoni fil-11 ta' Frar 2002,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-18 ta' Ġunju 1998 fuq il-pjan bejn iċ-Ċad u l-Kamerun u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħew bejn Ottubru 1997 u Marzu 1998,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1590 (2005) ta' l-24 ta' Marzu tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-twaqqif tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Sudan (MINUS)[4],

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni ta' l-20 ta' Ottubru 2005 tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà ta' l-Unjoni Afrikana li żżid in-numru ta' suldati tal-Missjoni Afrikana fis-Sudan (AMIS), hekk li l-preżenza tagħha żdiedet minn 300 ruħ fl-2004 għal 6964 ruħ illum,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-12 ta' Jannar tal-Kummissjoni tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà ta l-Unjoni Afrikana fuq is-sitwazzjoni fid-Darfur,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà ta' l-Unjoni Afrikana tat-12 ta' Jannar 2006 li ttawwal il-mandat ta' l-AMIS sal-31 ta' Marzu 2006,

–  wara li kkunsidra l-ftehima bejn iċ-Ċad u s-Sudan iffirmata t-8 ta' Frar 2006 fi Tripli wara li kienet ġiet osservata tensjoni bejn iż-żewġ pajjiżi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet kollha rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Maqgħuda, partikularment ir-riżoluizzjoni 1593(2005) tal-31 ta' Marzu 2005 dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan, u r-rapport tal-Kummissjoni internazzjonali ta' stħarriġ dwar id-Darfur lis-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda, li kkonferma r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1564(2004)[5],

–  wara li kkunsidra l-pjan ta' ħidma għad-Darfur bejn il-Ġnus Maqgħquda u l-Gvern tas-Sudan fil-5 ta' Awissu 2004,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-26 ta' April 2005 tal-Ġnus Maqgħquda dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ffirmata fl-1999 bejn iċ-Ċad u l-Bank Dinji dwar il-Programm ta' l-Immaniġġjar tad-Dħul Finanzjarju miż-Zejt,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-popli,

–  wara li kkunsidra l-Liġi 001/PR/99 tal-11ta' Jannar 1999 ta' l-Istat taċ-Ċad , dwar l-immaniġġjar tad-dħul finanzjarju miż-żejt,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar il-proġett ta' bini ta' pajp taż-żejt bejn iċ-Ċad u l-Kamerun tat-22 ta' Frar 2001 mill-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Koperazzjoni, flimkien ma' rendikont taż-żjara tad-delegazzjoni fiċ-Ċad u l-Kamerun bejn it-23 u t-30 ta' Marzu, 2000,

A.  billi jfakkar li l-elezzjonijiet presidenzjali fiċ-Ċad huma mistennija f'Mejju jew f'Ġunju 2006,

B.  billi jinnota l-posponiment ta' l-elezzjonijiet legiżlattivi ta' April u Mejju 2006,

C.  billi jinnota l-adozzjoni mill-Assemblea Nazzjonali taċ-Ċad tar-reviżjoni tal-liġi 001/PR/99 li tolqot l-immaniġġjar tad-dħul finanzjarju miż-żejt,

D.  billi jinnota l-impenn tal-Bank Dinji fil-ġlieda kontra l-faqar fiċ-Ċad u biex iqiegħed is-sisien għal tkabbir fit-tul u joffri l-opportunità għal titjib tal-prospettivi ta' żvilupp,

E.  billi l-Gvern taċ-Ċad irid jieħu mill-fondi dedikati għall-ġenerazzjonjiet futuri biex iżid b'10% dawk għall-amministrazzjoni territorjali u għas-sigurtà, u li minħabba f'hekk il-Bank Dinji mblokka l-ħlas ta' krediti ta' 124 miljun dollaru Amerikan, mislufa liċ-Ċad mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Iżvilupp (IDA), biex jiffinanzja proġetti li qed jitwettqu u li jammontaw għal 297 dollaru,

F.  billi l-Gvern taċ-Ċad irreaġixxa għad-deċiżjoni tal-Bank Dinji billi ffirma maċ-Cina u mat-Tajwan ftehimiet għall-esplojtazzjoni ta' riservi oħra taż-żejt tiegħu,

G.  billi ċ-Ċad huwa wieħed mill-aktar pajjiżi fqar fid-dinja fejn 27% biss mill-popolazzjoni għandha aċċess għall-ilma potabbli,

H.  billi jfakkar li ċ-Ċad jippossedi rikkezzi kbar fis-setturi tal-biedja, tat-tkabbir ta' l-annimali u tas-sajd, u fuq kollox fir-riżorsi tal-minjieri u taż-żejt, li huma oġġett ta' rgħiba fost bosta nazzjonijiet u kumpaniji multinazzjonali,

I.  billi jenfasizza li l-kundizzjonijiet tal-ħajja huma estremament diffiċli minħabba l-effett konġunt tal-gwerra, in-nuqqas ta' xita u l-ġuħ, hekk li l-istituzzjonijiet u l-infrasturrura huma serjament degradati,

J.  billi l-analalfabeti fiċ-Ċad huma madwar 80%, u li dawn ibgħatu nuqqas serju ta' ikel minħabba l-klima u l-mard mill-ilma u l-epidemiji,

K.  billi r-restrizzjoni fuq il-libertà tal-kelma, kif jixhdu l-ħabsijiet, għandha żewġt uċuh, dak tal-Ministeru ta' l-Intern u dak tar-Radju FM Liberté,

L.  billi jħossu inkwetat bit-theddid li jsofru l-għaqdiet għad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċad,

M.  billi jinnota t-teħid mingħajr kumpens ta' l-artijiet tal-bdiewa fiz-zoni petroliferi,

N.  billi jħossu allarmat mill-għadd ta' inkursjonijiet armati fil-fruntiera tal-lvant taċ-Ċad, fejn is-Sudan huwa akkużat li qed jagħti l-armi u jiffinanzja lir-ribelli, u mill-episjodji ta' ġlied frekwenti bejn iċ-Ċad u s-Sudan,

O.  billi l-Gvern tas-Sudan, il-milizja tad-Jandjaweeds u l-movimenti tar-ribelli bdew jiġu investigati mis-6 ta' Ġunju 2005 mill-Qorti Penali Internazzjonali għal krimini kontra d-drittijiet internazzjonali tad-Darfur,

P.  billi huwa allarmat bil-konklużjonijiet tal-11 ta' Diċembru 2005 ta' Juan Mendez -Kunsillier speċjali tal-Kummissjoni Għolja għad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti maħsuba biex tipprevjeni l-ġenoċidji - u li skond hu l-missjonijiet MINUS u AMIS ma jistgħu jagħmlu xejn, għax huwa fatt li l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mhux biss mhux qed jonqos, iżda qed jiżdied,

Q.  billi l-kriżi fid-Darfur hija prova determinanti għall-Kunsill għall-Paċi u s-Sigurtà ta' l-Unjoni Afrikana,

R.  billi l-imsieħba fl-Unjoni Afrikana la għandhom riżorsi umani, la materjal jew finanzi biżżejjed u lanqas il-mandat neċessarju biex jilqgħu għal sitwazzjoni bħal din u fuq art hekk vasta,

S.  billi l-ħtiġijiet għat-tisħiħ ta' l-AMIS għall-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2005 sat-30 ta' Ġunju 2006 jitilgħu għal 252.4 miljun dollaru Amerikan, jiġifieri 54% tal-baġit totali, waqt li l-ammont li rċevew sal-31 ta' Ottubru 2005 kien biss ta' 65.4 miljun dollaru Amerikan, jiġifieri kwart tat-total meħtieġ,

T.  billi l-fondi li rċevew sa llum fil-qafas ta' l-AMIS imsaħħa kważi spiċċaw għal kollox u l-eżigenżi finanzjarji huma tali li l-Unjoni Afrikana kellha tnaqqas il-ħlas għall-osservaturi militari,

U.  billi somma addizzjonali ta' 4.6 miljun dollaru hija meħtieġa biex tkopri skopijiet oħra bagitarji u biex tforni l-Missjoni sal-31 ta' Marzu 2006,

V.  billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti appella fit-3 ta' Frar 2006 biex jitħejjew pjanijiet biex forzi tal-Ġnus Maqgħquda jissostitwixxu dawk ta' l-Unjoni Afrikana fid-Darfur,

W.  billi l-bidla tal-forzi ta' l-Unjoni Afrikana ma' operazzjoni tal-Ġnus Maqgħquda fid-Darfur issa hija inevitabbli, bħalma hija d-dispożizzjoni ta' forzi ħafna akbar, hekk li jkunu jistgħu jipprevjenju l-attakki kontra n-nies ċivili u jiddiżarmaw lill-milizji tal-Janjaweeds,

X.  billi huwa mħasseb bin-numru dejjem jikber ta' attakki kontra ċ-Ċad u kontra l-kampijiet ta' ħaddiema umanitarji fid-Darfur tal-punent, li jagħmel dan ir-reġjun estremament perikuluż għall-għaqdiet umanitarji internazzjonali, hekk li ftit huma dawk li bħalissa joperaw fiz-zona tal-fruntiera,

Y.  billi l-konflitt li għadu sejjer fid-Darfur ġab miegħu eluf ta' mwiet, kważi 1.65 miljun persuna tturufnata u 200,000 refuġjat fiċ-Ċad, u li n-numru totali ta' dawk effettwati miinn dan il-ġlied ilaħħaq kważi żewġ miljuni u nofs,

Z.  billi l-biċċa l-kbira ta' dawk itturufnati fiċ-Ċad tilfu l-biċċa l-kbira tal-ħsad tagħhom minħabba l-attakki u qed jgħixu f'kennijiet ta' emergenza, u li wieħed jistenna li jirriżulta nuqqas kbir ta' ikel meta jintemmu r-riservi alimentari,

AA.  billi fil-pajjiż hemm deterjorazzjoni fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, kif jagħtu xhieda l-atti persistenti ta' vjolenza, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-kelma, il-qtil mhux sanzjonat mill-liġi mill-forzi tas-sigurtà, kif ukoll il-kundizzjoni ta' faqar u moħqrija li jsofru minnha speċjalment in-nisa u t-tfal,

AB.  billi fil-24 ta' Jannar 2005 l-Unjoni Afrikana ddeċidiet li twaqqaf grupp ta' esperti legali bil-mandat li jeżaminaw "l-għażliet disponibbli" biex jinġieb quddiem il-ġustizzja Hissène Habré, ex-dittatur taċ-Ċad li ilu jgħix maħrub fis-Senegal mill-1990,

1.  Jistqarr li jinsab imħasseb serjament mis-sitwazzjoni ġenerali fiċ-Ċad u partikularment fejn għandhom x'jaqsmu d-drittijiet tal-bniedem.

2.  Ifakkar bi tħassib li l-popolazzjoni ċivili, li diġà qed issofri minn nuqqas ta' ilma u mill-ġuħ, ma' qed tieħu ebda benefiċċju minn din il-liġi u mill-miljuni ta' dollari tal-bejgħ taż-żejt u jemfasizza li r-rikkezzi miż-żejt għandhom l-ewwel jibbenefikaw lill-popolazzjoni taċ-Ċad.

3.  Jikkundanna l-fatt li 10% tal-fondi mid-dħul taż-żejt tnaqqsu mill-fondi għall-ġenerazzjonijiet futuri u minħabba f'hekk ġew mgħoddija lil-lista ta' "setturi prioritarji" li minn dawn minn issa 'l quddiem tagħmel parti l-ispiża militari.

4.  Jitlob lill-Gvern taċ-Ċad biex jistqarr b'mod ċar u trasparenti kif qed jintuża d-dħul finanzjarju miż-żejt.

5.  Jitlob lill-Gvern taċ-Ċad biex jalloka l-fondi mid-dħul taż-żejt għall-iżvilupp, u partikularment għall-ħażna ta' l-ilma potabbli, għas-saħħa u għall-edukazzjoni, kif ukoll għall-organizzazzjoni ta' l-elezzjonijiet.

6.  Jitlob lill-Gvern taċ-Ċad biex jistabbilixxi pjan annwali għall-iżvilupp tal-pajjiż u biex jippubblikah.

7.  Jagħraf li l-Gvern taċ-Ċad huwa lest fil-prinċipju li jikkunsidra l-opinjoni tal-komunità internazzjonali, imma jinsisti fuq in-neċessità li jkun hemm djalogu aktar fil-fond u approċċ aktar miftuħ.

8.  Jifraħ jara t-twaqqif ta' Ministeru għad-Drittijiet tal-Bniedem fiċ-Ċad u jitlob lil min hu risponsabbli biex jikkollabora mas-soċjetà ċivili u biex jikkonkretizza l-programm b'azzjoni nazzjonali għall-politika tad-drittijiet tal-bniedem, u jitlob lill-Kummissjoni biex issegwi mill-qrib dan il-proċess.

9.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern taċ-Ċad biex isaħħaħ l-ordni fil-pajjiż u jwaqqaf il-klima ta' impunità u ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-aktar kontra dawk li jopponu l-abbozz tal-liġi.

10.  Jitlob lill-Gvern taċ-Ċad biex iwaqqaf ir-rekrutaġġ bil-forza ta' suldati zgħażagħ fl-armata tal-Gvern taċ-Ċad.

11.  Huwa inkwetat bl-atti ta' ritaljazzjoni mill-forzi ta' l-ordni u minn gruppi armati fuq il-popolazzjoni u fuq il-militanti ta' l-oppożizzjoni; iħeġġeġ lill-forzi ta' l-ordni u lill-armata biex ma' jiħdux passi kontra l-popolazzjoni ċivili u biex tintemm il-ħidma tal-gruppi armati.

12.  Jitlob lill-AMIS biex tagħmel bidliet immedjati biex titjieb il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u biex turi li hi kapaċi tipproteġi l-popolazzjoni ċivili fid-Darfur.

13.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-Unjoni Afrikana biex jeżerċitaw il-pressjoni kollha possibbli fuq il-Gvern tas-Sudan biex ma jkomplix jikkomprometti l-ħidma ta' l-AMIS.

14.  Jitlob b'insistenza lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-Unjoni Afrikana, biex jagħtu lill-Missjoni ta' l-Unjoni Afrikana fis-Sudan (AMIS), imdgħajfa minn nuqqas serju ta' finanzi, loġistika u nuqqasijiet oħra, riżorsi finanzjarja, u materjal u forzi militari ħafna aqwa.

15.  Jikkundanna l-attakki sa' minn nofs Diċembru 'l hawn mill-milizji tal-Janjaweeds, li kultant joperaw bl-appoġġ tal-Gvern tas-Sudan, partikularment bir-rinforz ta' elikotteri armati, kontra erbgħin mill-ħamsa u tmenin villaġġ tar-reġjun ta' Berota fiċ-Ċad fin-nofsinhar ta' Adré, li minħabba f'hekk ġew ilkoll abbandunati u li l-abbitanti tagħhom illum ilkoll sfaw bla saqaf.

16.  Jifraħ bil-ftehim tat-8 ta' Frar 2006 fi Tripli bejn iċ-Ċad u s-Sudan u jistieden liż-żewġ pajjiżi biex jirrispettaw l-obbligi li ntrabtu bihom,

17.  Jistieden lill-Gvernijiet taċ-Ċad u tas-Sudan biex jikkontrollaw aktar strettament in-negożju ta' l-armi ħfief u ta' kalibru zgħir fir-reġjun.

   Jenfasizza kemm hija gravi l-problema fis-Sudan tal-mini ta' l-art u tal-bombi sparati iżda mhux sploduti (UXOs), u jistieden lill-Kunsill, lill-Kummssjoni, lill-gvernijiet taċ-Ċad u tas-Sudan u lill-Ġnus Maqgħquda, kif ukoll lill-protagonisti l-oħra, biex jipproċedu bla telf ta' żmien biex inaddfu z-zoni mminati u jagħtu l-għajnuna lill-vittmi u biex jedukaw lill-popolazzjoni dwar il-perikli, biex iwarrbu mit-toroq u jkun possibbli li r-refuġjati u nies itturufnati jmorru lura darhom.

19.  Jistieden b'insistenza lill-Gvern taċ-Ċad biex jirrispetta d-dibattitu demokratiku fuq is-sitwazzjoni fil-pajjiż, kif ukoll fuq il-pjan ta' l-estrazzjoni taż-żejt fir-reġjun ta' Doba.

20.  Jitlob lill-Gvern taċ-Ċad biex jiffissa d-dati uffiċjali ta' l-elezzjonijiet li jmiss, mhux biss dawk presidenzjali, imma wkoll dawk leġiżlattivi, kif jitolbu l-obbligi kostituzzjonali, u biex jiggarantixxi l-imparzjalità tal-kummissjoni nazzjonali elettorali indipendenti.

21.  Hu konvint li l-proċess elettorali ma jistax isir b'effiċjenza u trasparenza f'sitwazzjoni kritika li fiha d-drittijiet l-aktar elementari ta' l-espressjoni ħielsa jinsabu mhedda.

22.  Jitlob, b'riserva sakemm ikunu osservati l-kundizzjonijiet mitluba, li l-UE tibgħat missjoni ta' osservaturi fiċ-Ċad bl-iskop li tgħin fl-iżvolġiment tajjeb tal-proċess elettorali.

23.  Ifakkar ir-rapport ta' "Transparency International" tat-18 ta' Ottubru 2005, li jgħid li ċ-Ċad huwa l-pajjiż l-anqas trasparenti finanzjarjament u jitlob b'insistenza lill-Gvern taċ-Ċad biex jiġġieled kontra, u jtemm il-korruzzjoni u jagħti xhieda ta' trasparenza fl-infiq ta' l-Istat.

24.  Jinkorraġġixxi lill-Gvern biex iwettaq kampanja ta' informazzjoni dwar l-iżvolġiment ta' l-elezzjonijiet u biex jiffavorixxi l-iżvolġiment tajjeb ta' kampanja elettorali fis-sliem u d-demokrazzija.

25.  Jitlob b'insistenza li jinkoraġġixxi b'qawwa u b'urġenza l-progress ekonomiku u soċjali, partikularment fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ, tas-saħħa u tas-sigurtà soċjali.

26.  Jesprimi x-xewqa li dan il-progress ikun imsieħeb ma' progress fl-oqsma tat-tisħiħ tad-demokrazija, ta' l-ordni pubblika u tad-drittijiet tal-bniedem, partikularment fil-libertà ta' l-espressjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà ta' l-istampa.

27.  Jitlob lill-Gvern taċ-Ċad biex joħloq il-kundizzjonijiet favorevoli biex jintlaħqu l-għanijiet tal-millennju għall-iżvilupp adottati min-Nazzjonijiet Uniti.

28.  Jitlob lill-Gvern taċ-Ċad li jwaqqaf atti ta' sottomissjoni u segregazzjoni tal-mara u l-espljotazzjoni tax-xogħol mit-tfal, u partikularment il-pjaga ta' suldati tfal.

29.  Iqis li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-pluraliżmu politiku huma kundizzjonijiet indispensabbli biex jippermettu lill-popolazzjoni tiddefendi l-interessi leġittimi tagħha u biex tipparteċipa fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u fl-aħħar nett, biex tiġġieled il-faqar.

30.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-komunità internazzjonali biex ikomplu bl-għajnuna umanitarja u bl-għajnuna għall-iżvilupp tar-refuġjati fis-Sudan u għall-popolazzjoni li tilqagħhom fiċ-Ċad, u biex ikomplu jqisu lis-soċjetà ċivili tas-Sudan u taċ-Ċad bħala msieħba għall-paċi.

31.  Jistieden lill-kumpaniji kollha taż-żejt biex jikkonformaw ruħhom totalment ma' l-inizjattiva għat-trasparenza ta' l-industriji ta' l-estrazzjoni taż-żejt u mal-prinċipji internazzjonali ta' sigurtà volontarja; jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja dan il-proċess fi ħdan il-qafas tal-pulitika tagħha dwar ir-responsabbiltà soċjali ta' l-intrapriżi.

32.  Jitlob li Hissène Habré, ex-dittatur taċ-Ċad li ilu jgħix maħrub fis-Senegal mill-1990, saflaħħar jinġab quddiem il-ġustizzja fl-Afrika, jew inkella jiġi estradit u ġġudikat fil-Belġju bi proċess ġust u skond il-Konvenzjoni internazzjonali tal-Ġnus Maqħquda kontra t-tortura jew pieni oħra, u trattament krudili, inuman jew degradanti[6].

33.  Jitlob li Unjoni Afrikana tassumi l-obbligi tagħha fil-każ tal-proċess ta' Hissène Habré, biex tiġi evitata l-kritika tal-komunità internazzjonali.

34.  Jitlob lill-Kummissjoni li tibda djalogu politiku strutturat skond l-Artikolu 8 tal-Ftehima ta' Cotonou u biex jinforma lill-Kummissjoni dwar l-iżviluppi tal-progress u r-riżultati tad-djalogu.

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ministri ta' l-ACP-UE, lill-Presidenti u l-gvernijiet u l-parlamenti taċ-Ċad u s-Sudan, lill-Bank Dinji, kif ukoll lill-organizzazzjoni mhux governattiva "Assoċjazzjoni taċ-Ċad għall-Promozzjoni u l-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem" (ATPDH).