MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
13.3.2006
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura, imressqa minn
John Bowis, Avril Doyle u Frederika Brepoels, f'isem il-Grupp PPE-DE
Guido Sacconi, Riitta Myller u María Sornosa Martínez, f'isem il-Grupp tal-PSE
Jolanta Dičkutė, f'isem il-Grupp ALDE
Caroline Lucas u Marie Anne Isler Béguin, f'isem il-Grupp Verts/ALE
Jonas Sjöstedt, Roberto Musacchio u Adamos Adamou, f'isem il-Grupp GUE/NGL
Liam Aylward, f'isem il-Grupp UEN
rigward il-preparamenti għal-laqgħat tas-COP-MOP dwar id-diversita bijoloġika u l-bijosikurezza f'Curitiba, fil-Brażil
B6‑0170/2006
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-preparamenti għal-laqgħat tas-COP-MOP dwar id-diversita bijoloġika u l-bijosikurezza f'Curitiba, fil-Brażil
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-8 Konferenza tal-Partijiet (COP8) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversita Bijoloġika (CBD) li se ssir mill-20 sal-31 ta' Marzu 2006 f'Curitiba, fil-Brażil,
– wara li kkunsidra it-3 Laqgħa tal-Partijiet (MOP3) għall-Protokoll ta' Kartaġena dwar il-Bijosikurezza (BSP) li se ssir mit-13 sas-17 ta' Marzu f'Curitiba, fil-Brazil,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Göteborg fil-15 u fis-16 ta' Ġunju, 2001,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Konvenzjoni dwar id-Diversita Bijoloġika hija l-akbar ftehima globali dwar il-protezzjoni tal-bijodiversita, li tindirizza l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-biodiversita kif ukoll il-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta' riżorsi ġenetiċi, u billi din il-ftehima ġiet ffirmata minn 188 parti, li jinkludu l-25 Stat Membr u l-Komunita Ewropea,
B. billi l-Protokoll ta' Kartaġena dwar il-Bijosikurezza jistipula l-istandards minimi u komuni għaċ-ċaqliq transkonfinali ta' organiżmi modifikati ġenetikament (LMOs) u billi ġie ratifikat minn 131 pajjiż,
C. billi d-diversita bijoloġika, li tinkludi diversita ġenetika, ta' l-ispeċi u ta' l-ekosistema, tikkostitwixxi l-bażi tal-ħajja u hija l-pedament bażiku tas-saħħa umana, tal-kwalita tal-ħajja u tal-prosperita,
D. billi hemm konnessjoni diretta bejn il-konservazzjoni tad-diversita bijoloġika u l-provvediment tas-servizzi ta' l-ekosistema, bħal produzzjoni ta' l-ikel, purifikazzjoni ta' l-ilma, ċirkolazzjoni tan-nutrijenti u regolazzjoni tal-klima; billi l-konsum uman tar-riżorsi naturali, id-distruzzjoni ta' l-ambjenti naturali, il-bdil fil-klima, l-isfruttament għoli ta' speċi salvaġġi kif ukoll il-kummerċ illegali u mhux sostenibbli tal-fawna u l-flora qed jiżdiedu b'mod intensiv u diġa poġġew pressjoni qawwija fuq is-servizzi ta' l-ekosistema.
E. billi l-Partijiet għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversita Bijoloġika (CBD VI/26) u, indipendentament, il-Partijiet fis-Samit Dinji f'Johannesburg dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (WSSD) fl-2002 ftiehmu li jnaqqsu r-rata ta' telf fil-bijodiversita sa l-2010,
F. billi l-Komunita Ewropea kkommettiet ruħha biex twaqqaf it-telf fil-bijodiversita sa l-2010,
G. billi r-Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU 59/25 ta' l-2004 titlob li tittieħed azzjoni urġenti biex 'tikkunsidra fuq bażi ta' każ-każ kif ukoll fuq bażi xjentifika, li tinkludi l-applikazzjoni ta' l-approċċ prekawzjonali, il-projbizzjoni interim ta' prattiki ta' sajd distruttiv, li jinkludu sajd bit-tartarun f'qiegħ il-baħar li għandu impatt ħażin fuq ekosistemi tal-baħar vulnerabbli, li jinkludu "seamounts", passaġġi ta' l-arja idrotermali u korall ta' l-ilma kiesaħ li jinsabu 'l hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali sa kemm jiġi ż-żmien li jiġu adottati miżuri xierqa ta' konservazzjoni u mmaniġġjar skond il-liġi internazzjonali,
H. billi l-Evalwazzjoni ta' Riżorsi Forestali (FRA) li saret m'ilux min-NU u l-FAO (l-Organizzazzjoni ta' l-Ikel u l-Agrikoltura) tenfasizza t-telfa drammatika ta' l-aħħar foresti antiki li fadal fid-dinja, u jikkalkula li t-telfa ta' l-ambjent forestali tammonta globalment għal aktar minn 13-il miljun ettaru fis-sena,
I. billi fit-8 Konferenza tal-Partiti (COP8) il-partiti huma mistennija jaraw l-impenji li saru fil-programm ta' ħidma dwar id-diversità bijoliġika tal-foresti, Deċiżjonijiet VI/22 u VII/28, rigward l-użu sostenibbli, il-konsum ta' u l-kummerċ ta' riżorsi bijoloġiċi, kif ukoll l-infurzar tal-liġi tal-foresti, l-immaniġġjar u l-azzjoni kontra l-qtugħ illegali ta' l-injam,
J. billi d-Deċiżjoni CBD V/5, sezzjoni III, meħuda fil-5 Konferenza tal-Partiti (COP5), tistabbilixxi 'moratorium' fl-esperimentazzjoni u l-promozzjoni tat-teknoloġija V-GURT (Teknoloġija għar-restrizzjoni ta' l-użu tal-varjetà ġenetika) maħsuba biex timpedixxi l-ġerminizzazzjoni ta' żrieragħ miġbura permezz ta' ġeni li jisterilizzawhom,
K. billi l-użu ta' l-inġinerija ġenetika biex tipproduċi żrieragħ sterili se tisforza l-bdiewa biex jixtru żerriegħa ġdida kull staġun u li għalhekk dan jista' jhedded is-sikurezza ta' l-ikel, b'mod partikolari fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, u billi ġeni bħal dawn jistgħu jikkontaminaw l-uċuħ tar-raba' li mhumiex GM bħala riżultat ta' l-imbridazzjoni u l-kuntatt aċċidentali,
1. Huwa mħasseb serjament dwar il-telf kontinwu tal-bijodiversità u dwar l-impatt ekoloġiku dejjem jiżdied tal-Komunità Ewropea, li testendi l-impatt fuq il-bijodiversità 'l bogħod ħafna mill-fruntieri tal-Komunità Ewropea;
2. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jagħtu eżempju konvinċenti billi jaqblu dwar u jiffaċilitaw miżuri konkreti dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità, kemm fuq livell intern u kemm fuq livell internazzjonali;
3. Jikkonsidra li l-ħtiġijiet tal-'moratorium' globali ta' l-esperimentazzjoni fil-post u l-promozzjoni tat-teknoloġija V-GURT fir-rigward ta', inter alia, l-impatt ekoloġiku u soċjo-ekonomiku u l-impatt negattiv fuq id-diversità bijoloġika, is-sikurezza ta' l-ikel u s-saħħa tal-bniedem, għadhom ma ntlaħqux;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex:
- -jistabbilixxu objettivi speċifiċi, meqjusa, li jistgħu jintlaħqu, realistiċi, u ta' dimensjoni temporali preċisa għar-reviżjoni ta' l-objettiv dwar il-bijodiversità tal-2010;
- -jibni fuq u jħaffef l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet CBD li ttieħdu riċentiment dwar id-diversità bijoloġika tal-foresti u l-inħawi protetti;
- -jalloka riżorsi addizzjonali u jiżviluppa sistemi ta' finanzjament internazzjonali ġodda biex sa l-2010 jistabbilixxi netwerk ta' nħawi protetti fuq l-art, u sa l-2012 fil-baħar, b'enfasi speċjali fuq ekosistemi kbar li għadhom mhumiex mittiefsa, li huma vitali għall-protezzjoni tal-bijodiversità dinjija;
- -jiżviluppa miżuri qawwija biex jassigura l-użu sostenibbli, il-konsum ta' u l-kummerċ fir-riżorsi tal-bijodiversità, itejjeb l-infurzar tal-liġi tal-foresta, l-immaniġġjar u l-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ relatat, meta wieħed iqis ir-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-riżoluzzjoni tal-Parlament B6-0412/2005;
- -jutilizza l-inizzjattiva ta' l-Unjoni Ewropea għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-foresti, l-Immaniġġjar u l-Kummerċ (FLEGT) u proċessi oħra simili li jsaħħu l-implimentazzjoni ta' l-objettivi CBD u jikkontribwixxi għall-objettivi ta' l-Iżvilupp tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti (MDGs);
- -jipproteġi l-bijodiversità tal-baħar minn prattiki distruttivi, speċjalment billi jirrakkomanda r-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi 'mortatorium' fuq is-sajd bit-'trawlers' f'qiegħ il-baħar f'zoni f'ibħra barra mil-limiti ġuridiċi nazzjonali sakemm ma jkunux approvati miżuri effikaċi ta' mmaniġġjar konformi mal-liġi internazzjonali u billi jaqblu li jibdew negozjati għall-iżvilupp ta' ftehima ta' implimentazzjoni skond il-liġi tal-Konvenzjoni tal-Baħar dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar;
- -jiżviluppa strument li jorbot legalment biex jassigura aċċess ġust u ekwitabbli u li jinqasmu l-benefiċċji (ABS) rigward ir-riżorsi ġenetiċi fi żmien miftiehem;
- -jassigura l-partiċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-komunitajiet lokali u tal-popli indiġeni fl-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma CBD;
- -jassigura li l-indikaturi tal-bijodiversità huma żviluppati, minħabba li l-implimentazzjoni effettiva hija mxekkla minn nuqqas ta' informazzjoni koerenti dwar il-miżuri effettivi li diġà ttieħdu, u mid-diffikulta li tkun preżentata informazzjoni dwar l-istat tal-bijodiversità; u
- -jinsisti li jintlaħaq ftehim dwar lista ta' ħtiġijiet għad-dokumentazzjoni li għandha takkumpanja l-ġarr tal-LMOs, sabiex il-legalità ta' l-LMOs impurtati tkun tista' tkun iddeterminata fil-pajjiż destinatarju u l-importatur ikun jista' jkollu mod adegwat ta' kif iżomm traċċa u jimmonitorja rilaxxi mhux maħsuba fl-ambjent u l-użu u l-konsum ta' l-LMOs f'ikel u għalf ipproċessati;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex iħaffu l-proċess biex jilħqu l-objettiv Komunitarju li jwaqqaf it-telf tal-bijodiversità filwaqt li jintegra wkoll l-objettivi CBD fil-politika ta' żvilupp u ta' għajnuna ta' l-UE, b'mod partikolari fid-dokumenti Strateġiċi Reġjonali li jmiss u filwaqt li b'mod drastiku jtejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva ta' L-UE dwar l-Għasafar u l-Ambjent u dwar in-netwerk ta' Natura 2000;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu li jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-partijiet tas-CBD u tal-BSP.