MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
07.06.2006
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Jo Leinen
f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
dwar il-passi li jmiss għall-perjodu ta' riflessjoni u analiżi dwar il-Ġejjieni ta' l-Ewropa
B6‑0327/2006
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-passi li jmiss għall-perjodu ta' riflessjoni u analiżi dwar il-Ġejjieni ta' l-Ewropa
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Jannar 2005 dwar it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa[1],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-18 ta' Ġunju 2005 mill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern dwar ir-ratifika tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, fil-konklużjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 u s-17 ta' Ġunju 2005,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Diċembru 2005,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2006 dwar il-perjodu ta' riflessjoni: l-istruttura, it-temi u l-kuntest għal evalwazzjoni tad-dibattitu dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
Billi:
A. f'uħud mill-Istati Membri tnieda dibattitu effettiv dwar il-ġejjieni ta' l-Unjoni Ewropea, li jinvolvi kemm parteċipanti politiċi kif ukoll ċittadini; iżda għadu ma tnediex dibattitu sħiħ f'kull parti ta' l-Unjoni, b'mod partikulari mhux fl-Istati Membri kollha li għadhom ma rratifikawx it-Trattat Kostituzzjonali,
B. l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea qed jikkontribwixxu għal dan id-dibattitu billi qed jorganizzaw fora pubbliċi ta' diskussjoni, inklużi fora on-line, fil-postijiet tax-xogħol tagħhom stess, kif ukoll f'postijiet magħżula fl-Istati Membri, iżda l-Pjan D attwali għadu ma laħaqx firxa usa' tal-pubbliku fl-Unjoni,
C. fit-8 u d-9 ta' Mejju, laqgħa konġunta bejn Membri tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni tat bidu għad-dimensjoni interparlamentari ta' dan id-dibattitu,
D. hemm ħtieġa kbira li dan id-dibattitu jilħaq liċ-ċittadini fl-Istati Membri kollha u notevolment f'dawk li għadhom ma rratifikawx it-Trattat Kostituzzjonali u li għandhom il-ħsieb li jagħmlu referendum qabel jgħaddu għal dan,
E. fid-9 ta' Mejju, inkisbet l-approvazzjoni parlamentari tat-Trattat Kostituzzjonali fl-Estonja u jista' jkun li dalwaqt tinkiseb ukoll fil-Finlandja,
F. dan itella' għal 16 l-għadd ta' pajjiżi li rratifikaw it-Trattat Kostituzzjonali, filwaqt li 2 m'humiex f'qagħda li jagħmlu dan minħabba r-riżultat negattiv ta' referendum, u oħrajn qed joqogħdu lura milli jibdew jew jissuktaw bil-proċedura tar-ratifika, bir-riżultat li dan il-proċess minn dak iż-żmien 'l hawn iddgħajjef fil-biċċa l-kbira tal-bqija ta' l-Istati Membri,
1. Jikkonferma l-impenn tiegħu li mingħajr dewmien aktar milli hu meħtieġ tinkiseb soluzzjoni kostituzzjonali għall-Unjoni Ewropea kif ukoll l-approvazzjoni min-naħa tagħha tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa;
2. Iwissi kontra kull tentattiv biex jisfaxxa l-kompromess globali li nkiseb fit-Trattat minħabba li dan iqajjem dubji serji dwar il-proġett politiku Ewropew u joħloq ir-riskju ta' Unjoni mdgħajfa u maqsuma;
3. Jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jgħaddi mill-perjodu ta' riflessjoni għal perjodu ta' analiżi li jestendi sa nofs l-2007 bil-ħsieb li jasal għal proposta ċara dwar kif se jkomplu mexjin l-affarijiet rigward it-Trattat Kostituzzjonali sa mhux aktar tard mit-tieni nofs ta' l-2007;
4. Jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jitlob li jkun hemm impenji ċari mingħand kull Stat Membru rigward il-modi li se jipproponi dwar kif għandhom jimxu l-affarijiet fil-bqija tal-perjodu ta' riflessjoni u kif għandu l-ħsieb li jintensifika d-dibattitu pubbliku dwar il-ġejjieni ta' l-Ewropa;
5. Jitlob lill-Kummissjoni biex taġġusta l-Pjan D tagħha għat-tieni fażi tal-perjodu ta' riflessjoni u biex tipprovdi biżżejjed finanzjament għall-attivitajiet li huma mistennija;
6. Jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma ffinalizzawx il-proċeduri tar-ratifika biex sa tmiem il-perjodu ta' riflessjoni jelaboraw xenarji kredibbli dwar kif għandhom il-ħsieb li jmexxu l-affarijiet 'il quddiem;
7. Jissuġġerixxi li l-Kunsill Ewropew jiżviluppa qafas adegwat biex jagħmilha possibbli li malli jkun jippermetti l-kalendarju politiku jseħħ djalogu speċifiku mar-rappreżentanti ta' dawk il-pajjiżi fejn ir-referendum dwar it-Trattat Kostituzzjonali kellu riżultat negattiv bil-għan li jiġi esplorat jekk u taħt liema kundizzjonijiet ikun jidher possibbli għalihom li jissuktaw bil-proċedura tar-ratifika;
8. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tapprova dan il-metodu u biex tippreżenta lill-Kunsill Ewropew b''road map' għall-implimentazzjoni tiegħu bl-aħjar mod possibbli;
9. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-fatt li huwa essenzjali li ssir ordni kostituzzjonali bil-għan li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ssir torbot legalment, tinbena demokrazija Ewropea u l-Unjoni ssir aktar kapaċi taġixxi u aktar soċjali;
10. Jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji studju dwar l-ispejjeż li jirriżultaw mill-fatt li t-Trattat Kostituzzjonali m'hux se jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2006, kif kien ittamat oriġinarjament;
11. Mid-diskussjonijiet mal-membri tal-parlamenti nazzjonali ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni li saru fit-8/9 ta' Mejju fi Brussell jasal għall-konklużjonijiet li ġejjin:
- a)kienet ikkonfermata l-ħtieġa li jissokta l-proċess kostituzzjonali ta' l-Unjoni Ewropea li jkun imsejjes fuq il-kunċetti tal-paċi u s-solidarjetà u valuri komuni oħra;
- b)m'hemm l-ebda dubju li l-Istati Membri ta' l-Unjoni mhux se jkunu kapaċi jlaħħqu waħedhom ma' l-isfidi politiċi ewlenin ta' l-Ewropa;
- c)b'mod ġenerali huwa rrikonoxxut li t-Trattat Kostituzzjonali jipprovdi lill-Unjoni Ewropea b'qafas xieraq biex tindirizza dawn l-isfidi;
- d)se jkun hemm il-ħtieġa ta' analiżi iktar fil-fond sabiex ikun possibbli li fis-sena 2007 jiġu żviluppati proposti li għandhom iwasslu għal soluzzjoni qabel l-elezzjoni Ewropea li jmiss;
- e)id-djalogu interparlamentari dwar il-proċess kostituzzjonali li fih huma sħab il-Parlament Ewropew u l-parlamenti ta' l-Istati Membri huwa essenzjali u jeħtieġ li jissokta; jilqa' t-tħabbira mill-President tal-Parlament Finlandiż li għandu jsir it-tieni forum parlamentari f'Diċembru 2006;
- (f)jirreferi f'dan ir-rigward għall-proposti mill-Parlament Ewropew li d-dibattiti fil-fora parlamentari jkunu organizzati sabiex jippermettu li jseħħ tpartit ta' fehmiet intensiv u vivaċi;
12. Jafferma mill-ġdid l-objettiv tiegħu li s-soluzzjoni kostituzzjonali meħtieġa għandha tkun lesta meta ċ-ċittadini ta' l-Unjoni jissejħu għall-elezzjonijiet Ewropej fis-sena 2009;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.
- [1] ĠU C 247 E, 6.10.2005, p. 88 .