Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0335/2006Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0335/2006

MOZZJONI KONĠUNTA GĦAL RIŻOLUZZJONI

7. 6. 2006

bi tkomplija għall-Mistoqsijiet bi Tweġiba Orali B6-0209/06 sa B6-0220/06 u B6-0222/06 sa B6-0223/2006
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura, imressqa minn
dwar l-istrateġija riveduta għall-iżvilupp sostenibbli Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija riveduta għall-iżvilupp sostenibbli

Proċedura : 2006/2517(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0335/2006

Il-Parlament Ewropew,

–  Wara li kkunsidra l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli adottata mill-Kunsill Ewropew f'Gothenburg fl-2001, u l-Programm ta' Azzjoni ta' Johannesburg adottat mis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-2002,

–  Wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni ta' l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli: Pjattaforma għall-Azzjoni (COM (2005) 658 finali),

–  Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2005, u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu stess,

–  Wara li kkunsidra l-mistoqsijiet orali lill-Kummissjoni u lill-Kunsill

A.  Filwaqt li jqis il-persistenza ta' tendenzi mhux sostenibbli f'ħafna inħawi, bħall-użu ta' l-art u r-riżorsi ta' l-art, it-trasport, il-bidla fil-klima, is-sajd, l-użu ta' fjuwils fossili, u t-tnaqqis tal-bijodiversità,

B.  Filwaqt li jenfasizza l-importanza tat-tliet objettivi ċentrali u relatati tal-ħarsien ta' l-ambjent, l-ekwità soċjali u l-koeżjoni u l-prosperità ekonomika, u filwaqt li jikkunsidra l-bżonn li jkun żgurat li dawk it-tliet komponenti ta' l-iżvilupp sostenibbli jkunu integrati u implimentati kif xieraq fuq il-livell ta' UE u dak internazzjonali,

C.  Filwaqt li jqis il-prinċipji gwida tal-politika li fuqhom għandu jissejjes l-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikulari, dawk tal-kwalità tal-ħajja u tas-solidarjetà fost u bejn il-ġenerazzjonijiet,

D.  Filwaqt li jenfasizza l-bżonn għal bidla fil-kultura lejn soċjetà bbażata fuq prinċipji ta' żvilupp sostenibbli, li jeħtieġu politiki maħsuba għal perjodu twil ta' żmien u mmirati lejn is-separazzjoni tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi naturali,

E.  Filwaqt li jqis li parti sostanzjali mill-popolazzjoni Ewropea għadha ssofri minn problemi ekonomiċi u soċjali serji, bħall-faqar, il-qgħad u l-esklużjoni soċjali u li ħafna nies soċjalment imċaħħda sikwit jesperjenzaw l-agħar kundizzjonijiet soċjali u ambjentali, inklużi l-akkomodazzjoni fqira u s-saħħa batuta; iqis ukoll il-bidliet demografiċi drammatiċi fl-Unjoni Ewropea u t-tendenzi opposti fil-pajjiżi l-anqas żviluppati,

I. EVALWAZZJONI GLOBALI

Nuqqas ta' ambizzjoni

   Jesprimi d-diżappunt tiegħu għan-nuqqas ta' progress fl-iżvilupp u t-tkomplija ta' l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli adottata f'Gothenburg fl-2001;

2.  Jqis li l-pjattaforma tal-Kummissjoni għall-azzjoni dwar ir-reviżjoni ta' l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli hija wisq kawta u dgħajfa, u fil-forma preżenti tagħha mhix ser jirnexxielha timmobilizza l-opinjoni pubblika u lil dawk li jfasslu l-politiki biex jiffaċċjaw il-ħidma vitali li trid issir fil-futur;

3.  Jilqa', iżda, ix-xogħol siewi ħafna tal-Presidenza Awstrijaka fl-isforz li terġa' tniedi l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli, fit-tisħiħ tal-proposti tal-Kummissjoni, fit-tqegħid ta' miri u indikaturi eżistenti f'qafas wieħed iktar koerenti u wkoll fit-tentattiv li tippreżenta kunċetti ġodda;

Ir-rabta ma' l-Istrateġija ta' Liżbona

4.  Iqis li l-adozzjoni ta' strateġiji trasversali bħal dawk adottati f'Cardiff, Liżbona u Gothenburg ma tantx tiswa jekk dawn ma jkunux marbuta flimkien b'mod adegwat u ttrattati bħala aspetti differenti ta' proċess wieħed globali;

5.  Jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li l-Istrateġija ta' Liżbona b'mod żbaljat titqies bħala strateġija li hija fuq kollox dwar il-kompetittività ekonomika u l-ħolqien ta' l-impjiegi, bl-objettivi ambjentali meqjusa ta' importanza sekondarja, filwaqt li l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tant ieħor b'mod żbaljat titqies bħala waħda iktar dwar għanijiet ambjentali milli dwar it-tnaqqis tal-faqar u s-sostenibbiltà ekonomika;

6.  Jinnota, f'dan il-kuntest, in-numru kbir ta' karatteristiċi kumplimentari ta' l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli l-ġdida u ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, bħal għanijiet komuni ta' kompetittività mtejba, ta' ħolqien ta' iktar impjiegi li jkunu wkoll ta' kwalità aħjar, ta' inklużjoni soċjali akbar, ta' ħarsien ambjentali u ta' prevenzjoni tar-riskji;

7.  Jissuġġerixxi, għalhekk, li jsiru sforzi biex iż-żewġ strateġiji jew jingħaqdu f'waħda jew biex ikun żgurat li x-xogħol relatat magħhom ikun koordinat kif xieraq; l-aktar permezz ta' proċeduri uniformi jew kumpatibbli ta' monitoraġġ u reviżjoni;

8.  Jissuġġerixxi, barra minn hekk, bħala miżura konkreta għall-integrazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Liżbona u l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli li t-trasformazzjoni neċessarja tas-sistemi ta' enerġija u trasport, li trid tkun ibbażata fuq is-separazzjoni tat-talba għat-trasport mit-tkabbir ekonomiku u fuq bidla modali għal mezzi ta' trasport li jirrispettaw l-ambjent - objettiv ewlieni ta' l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli - għandha tkun użata bħala lieva għall-promozzjoni tat-tkabbir, ta' l-impjiegi u ta' l-esportazzjoni fil-qafas ta' l-Istrateġija ta' Liżbona;

9.  Jinnota, barra min hekk, id-deċiżjoni tal-Kunsill tar-Rebbiegħa 2006 li jagħmel reviżjoni tal-politika dwar l-enerġija kull sena waqt il-Kunsill tar-Rebbiegħa, u li x-xogħol li jsir f'dan ir-rigward għandu jkun wkoll integrat fil-qafas usa' ta' l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli u tal-proċess ta' Liżbona;

II.  IT-TISĦIĦ TA' L-ISTRATEĠIJA

It-Tisħiħ ta' l-objettivi: l-istabbiliment ta' objettivi u miri ċari intermedji u għal perjodu ta' żmien twil

10.  Jinnota li l-espressjoni "żvilupp sostenibbli" għandha l-vantaġġ li hija mira ekonomika, soċjali u ambjentali verament trasversali, imma l-iżvantaġġ li hija suxxettibbli għal ħafna interpretazzjonijiet differenti; jikkunsidra, għalhekk, li din għandha tingħata tifsira preċiża kemm jista' jkun;

11.  Jaqbel, f'dan il-kuntest, mas-seba' punti ewlenin li ġew ippreżentati għall-inklużjoni fl-istrateġija riveduta għall-iżvilupp sostenibbli (il-bidla fil-klima u enerġija aktar nadifa, is-saħħa pubblika, l-esklużjoni soċjali, d-demografija u l-migrazzjoni, l-immaniġġjar ta' riżorsi naturali, it-trasport sostenibbli, il-faqar dinji u l-isfidi għall-iżvilupp);

12.  Jiddispjaċih, iżda, li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma fiha l-ebda objettiv jew mira ġodda, minbarra l-impenji li l-istituzzjonijiet Ewropej diġà ħadu; jiddispjaċih ukoll, barra minn hekk, li l-objettivi ppreżentati mill-Kummissjoni huma ta' natura ġenerali ħafna, u għalhekk huwa diffiċli li ssir reviżjoni jew evalwazzjoni tagħhom;

13  Jenfasizza l-importanza tal-ħarsien tal-bijodiversità, u jissuġġerixxi li din tkun jew miżjuda bħala kwistjoni ewlenija ġdida fl-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli, jew, għall-inqas, tingħata enfasi speċjali fil-parti dwar l-immaniġġjar ta' riżorsi naturali;

14.  Jikkunsidra, għalhekk, li numru limitat ta' miri intermedji u għal perjodu ta' żmien twil għandhom ikunu jew ikkonfermati mill-ġdid jew stabbiliti, għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni, u jkunu ta' natura ambizzjuża, u għandhom imbagħad jiġu applikati u mmonitorjati b'mod adegwat u sistematiku. Jemmen li dawn għandhom jindirizzaw, b'mod partikulari, it-tendenzi negattivi ta' bħalissa fil-qasam ta' l-użu ta' l-art u r-riżorsi ta' l-art, fit-trasport, fil-bidla fil-klima, fis-sajd, fl-użu ta' fjuwils fossili, u fit-tnaqqis tal-bijodiversità u għandhom ukoll ifittxu li jinkoraġġixxu bidla modali, is-separazzjoni tat-tkabbir ekonomiku mit-trasport, u t-tnaqqis fl-emissjoniji ta' gassijiet serra (GHG) f'konformità ma' tisħin ta' mhux aktar minn +2°C meta mqabbel mal-livelli preindustrijali;

15.  Jappoġġja l-proposta li ssir enfasi ġdida fuq sforzi għat-tkejjil ta' l-effiċjenza tar-riżorsi permezz ta' l-applikazzjoni tal-kontabilità tar-riżorsi ambjentali; Jissuġġerixxi li għandhom isiru sforzi speċjali għall-immonitorjar mill-qrib ta' l-impatt ekoloġiku ta' l-UE fid-dinja, bl-analiżi ta' l-impatt ambjentali kemm min-naħa tal-konsum kif ukoll min-naħa tal-produzzjoni, u bl-istabbiliment ta' l-objettiv li l-impatt ta' l-UE jitnaqqas b'mod sistematiku;

16.  Jilqa', barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni għal Sena Ewropeja kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta inizjattivi aktar speċifiċi u miżuri ta' implimentazzjoni effiċjenti li jgħinu biex isir progress reali; jindika f'dan ir-rigward, bħala eżempju, l-inizjattiva tal-Kummissjoni maħsuba biex tanalizza l-impatt ta' soċjetà li qed tixjieħ, li timmira għal soluzzjonijiet konkreti bbażati fuq il-parteċipazzjoni kemm tal-livelli varji ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi fl-UE u kemm tas-soċjetà ċivili;

It-titjib tal-kwalità tat-tkabbir bħala prerekwiżit ta' l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli

17.  Jikkunsidra li l-enfasi li tqiegħed fuq il-Prodott Gross Domestiku fit-tkejjil tal-progress fis-soċjetà għandu jkun ibbilanċjat minn preokkupazzjoni ugwali dwar l-aspetti kwalitattivi tat-tkabbir, minħabba li dan huwa prerekwiżit għall-iżvilupp sostenibbli. Jemmen, għalhekk, li għandu jintlaħaq ftehim dwar sett limitat ta' indikaturi priċipali tas-sostenibbiltà li għandhom jiġu ppreżentati u diskussi bis-sħiħ fir-reviżjoni ta' kull sena ta' l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli. Dawn l-indikaturi għandu jkollhom x'jaqsmu ma' aspetti fundamentali tal-kwalità tal-ħajja u għandhom jippermettu evalwazzjonijiet kwantitattivi u fil-pront tas-saħħa (il-kwalità u l-estensjoni tal-kura tas-saħħa, it-tul mistenni tal-ħajja, il-mortalità tat-tfal, eċċ.), ta' l-għarfien (l-edukazzjoni u l-kultura, l-aċċess għall-ICT, eċċ) ta' l-inklużjoni (il-parteċipazzjoni fid-deċiżjonijiet tas-soċjetà u fil-kapital soċjali, eċċ) il-kwalità ta' l-ambjent (it-tniġġis fl-arja u fl-ilma,eċċ.);

18.  Jitlob li jibqa' jkun żviluppat il-mudell soċjali Ewropew u għal rakkomandazzjonijiet, fuq il-bażi ta' dak il-mudell, biex l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jikkontrobattu t-tendenzi 'mhux sostenibbli' tal-faqar, ta' l-esklużjoni soċjali, u l-konsegwenzi tat-tixjiħ tas-soċjetà; jikkunsidra li, għal dan l-għan, għandhom ikunu żviluppati indikaturi tas-sitwazzjoni soċjali u li dawn għandhom imbagħad ikunu inklużi l-evalwazzjoni ta' l-impatt tas-sostenibbiltà; jenfasizza li l-Ewropa għandha bżonn qafas makroekonomiku biex issostni l-iżvilupp sostenibbli, it-tisħiħ tad-domanda interna li tirrispetta lill-ambjent, l-impjegar u l-koeżjoni soċjali;

19.  Jikkunsidra li l-iżvilupp sostenibbli għandu jkun meqjus bħala opportunità ekonomika aktar milli restrizzjoni, u bħala stimulu għall-innovazzjoni teknoloġika u għall-investiment. Jitlob, għalhekk lill-Kummissjoni biex twaħħad l-istrateġiji tat-tkabbir frammentati li għandha l-Unjoni fi strateġija waħda koerenti, li tintegra t-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u t-teknoloġiji li jagħmlu użu effiċjenti mir-riżorsi għall-iżvilupp sostenibbli u "tkabbir għaqli" kemm internament u kemm esternament;

20.  Jemmen li soċjeta mibnija fuq il-konoxxenza, l-għarfien, u l-parteċipazzjoni kif ukoll fuq l-inklużjoni u r-relazzjonijiet interpersonali, għandha tkun promossa lilhinn mill-Aġenda ta' Liżbona. Jikkunsidra li dan ser jirrapreżenta soċjetà ta' kwalità ogħla, u waħda li, permezz ta' l-appoġġ estiż ta' l-ICT, tista' twassal għal tnaqqis fid-domanda għall-enerġija u riżorsi naturali oħrajn;

It-tisħiħ tal-governanza tas-sostenibbiltà fil-livelli nazzjonali, ta' l-UE u internazzjonali

21.  Jemmen li l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tirrikjedi immonitorjar sistematiku jekk trid tiġi implimentata kif suppost;

22.  Jiddetermina li jagħmel dibattitu regolari tal-Parlament Ewropew dwar l-objettivi u l-għanijiet imniżżla fl-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli, ibbażati fuq kontribuzzjonijiet mill-kumitati ikkonċernati kollha tagħha, sabiex il-Parlament ikun jista' jagħti l-opinjonijiet tiegħu dwar il-progress u l-prijoritajiet għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli fi żmien xieraq biex dawn jitqiesu kif suppost fir-reviżjonijiet ta' l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli mill-Kunsill Ewropew. Barra minn hekk, jikkunsidra li għandu jkollu djalogi regolari mal-parlamenti nazzjonali ta' l-UE, fuq bażi ġenerali jew bilaterali, sabiex tiġi eżaminata l-aħjar prattika dwar l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll biex ikun hemm skambju ta' esperjenzi fl-implimentazzjoni kemm madwar l-Ewropa kif ukoll nazzjonali ta' l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli;

23.  Jenfasizza l-importanza ta' l-istrateġiji għall-iżvilupp sostenibbli nazzjonali f'kull wieħed mill-Istati Membri ta' l-UE, u l-bżonn għall-iskambju ta' l-aħjar prattika bejniethom. Jenfasizza wkoll il-bżonn għal azzjoni fuq l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli f'livell reġjonali u lokali, kif ukoll fil-livell taċ-ċittadini individwali, bit-tisħiħ ta' l-edukazzjoni, proċessi parteċipatorji u ta' l-għarfien pubbliku tal-prinċipji għall-iżvilupp sostenibbli;

24.  Jikkunsidra li reviżjoni tas-sostenibbiltà għandu jkun fattur ċentrali għall-evalwazzjonijiet kollha ta' l-impatt fuq miżuri ġodda tal-politika ta' l-UE, u għall-immonitorjar 'ex-post' ta' l-implimentazzjoni tal-politika;

25.  Jemmen li azzjoni fil-livell ta' l-UE għandha bżonn tiġi kkumplimentata b'azzjoni fil-livell internazzjonali, bil-għan li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' prinċipji għall-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja, mhux inqas fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'mod rapidu, bil-għan li jitħeġġeġ it-tkabbir ekonomiku u jitnaqqas il-faqar filwaqt li jiġu mħarsa riżorsi skarsi u l-ambjent globali;

26.  Jitlob għalhekk għal immonitorjar annwali iżjed sistematiku tal-progress biex jintlaħqu l-għanijiet fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Johannesburg u fl-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp;

27.  Jirrikonoxxi li pajjiżi li qed jiżviluppaw m'għandhomx jirrepetu l-iżbalji ta' tniġġis tal-pajjiżi industrijalizzati għall-modernizzazzjoni ta' l-ekonomiji tagħhom; jitlob, apparti minn hekk, l-inklużjoni tal-prinċipji tas-sostenibbiltà fl-attivitajiet ta' koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-UE u biex jiġi żgurat l-iffinanzjar xieraq sabiex jiġu indirizzati l-isfidi u l-bżonnijiet ambjentali globali;

Miżuri kumplimentari

28.  Jenfasizza l-bżonn għal miżuri kumplimentari, bħal ma huma l-miżuri fiskali sostenibbli u l-akkwist pubbliku, u l-eliminazzjoni tas-sussidji pubbliċi mhux sostenibbli f'numru ta' oqsma tal-politika;

29.  Jenfasizza l-importanza ta' programmi għall-iżvilupp rurali u l-agrikultura (kemm konvenzjonali kif ukoll organika) għall-iżvilupp sostenibbli, ladarba huma biss l-inħawi rurali vijabbli b'mod ekonomiku u ekoloġiku li jistgħu jreġġgħu lura t-tendenza ta' depopolazzjoni rurali u b'hekk jipproteġu l-infrastrutturi essenzjali;

30.  Jenfasizza l-irwol importanti tax-xjenza u l-innovazzjoni biex jiġu indirizzati l-ħafna sfidi msemmija fl-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli; jisgħobbih li dan l-aħħar l-appoġġ tas-settur pubbliku għar-riċerka ta' l-enerġija fi ħdan l-UE u l-Istati Membri tagħha tnaqqas drastikament u jitlob għal żieda sinifikanti, b'mod partikolari bħala għajnuna għall-affarijiet li jiġġeddu u għall-effiċjenza ta' l-enerġija;

31. Jirrikonoxxi li s-sigurtà klimatika u l-bżonn li titneħħa d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili qed isiru prijoritajiet għolja fi ħdan it-tfassil tal-politika ta' l-UE, li jirrikjedu mhux biss azzjoni domestika ambizzjuża biex jitrażżnu l-GHG imma wkoll appoġġ finanzjarju sinifikanti għall-kooperazzjoni teknoloġika ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jitħeġġu investimenti fl-effiċjenza ta' l-enerġija u f'teknoloġiji bi ftit karbonju;32. Jenfasizza l-importanza ta' kwistjonijiet ta' saħħa pubblika, u l-bżonn li dawn jiġu integrati f'oqsma oħra tal-politika, u bħala komponent ċentrali ta' l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli;

33.  Jemmen li l-objettivi ta' l-SDS iridu jiġu riflessi fl-użu tal-baġit ta' l-UE - matul il-perjodu mill-2007-2013 u jgħinu fit-tfassil ta' aġenda għar-reviżjoni sħiħa tal-baġit ta' l-UE fl-2008/2009; Jilqa', f'dan il-kuntest, li l-proposta għal Regolament tal-Kunsill li tistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni tisħaq b'mod espliċitu li l-objettivi tal-Fondi qed jippruvaw jintlaħqu fi ħdan il-qafas għal żvilupp sostenibbli, imma jisgħobbih li l-assenjar ta' l-għajnuna kofinanzjata mill-Fondi ma jikkorrispondix ma' l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli u jqis li dan għandu jiġi rivedut;

34.  Fl-aħħar jinsisti li l-miżuri biex jappoġġjaw l-objettivi ta' l-iżvilupp sostenibbli m'għandhomx sempliċiment jiġu ġġudikati skond l-ispejjeż tagħhom fuq perjodu ta' żmien qasir, imma wkoll skond il-benefiċċji tagħhom fuq perjodu ta' żmien twil, u li l-ispejjeż għan-nuqqas ta' azzjoni għandhom ukoll jitqiesu fit-totalità tagħhom.