Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0459/2006Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0459/2006

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

30.8.2006

bi tkomplija għall-Mistoqsijiet bi Tweġibiet Orali B6‑0323/2006 u B6‑0324/2006
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
imressqa minn Giuseppe Gargani
f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali
dwar l-involviment tal-Parlament Ewropew fix-xogħol tal-Konferenza ta' The Hague wara l-adeżjoni tal-Komunità

Proċedura : 2006/2602(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0459/2006
Testi mressqa :
B6-0459/2006
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0459/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-involviment tal-Parlament Ewropew fix-xogħol tal-Konferenza ta' The Hague wara l-adeżjoni tal-Komunità

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea fil-Konferenza ta' The Hague dwar id-Dritt Privat Internazzjonali (07591/2006),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0000/2006),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-adeżjoni tal-Komunità għall-Konferenza ta' The Hague dwar id-Dritt Privat Internazzjonali (CODIP) għandha ttejjeb il-konsistenza fl-oqsma tad-dritt internazzjonali ċivili u kummercjali u tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità u għandha żżid b'mod konsiderevoli l-influwenza tal-Komunità f'dan il-forum,

B.  billi l-konvenzjonijiet CODIP huma punt ta' riferenza indispensabbli fid-dritt ċivili u kummerċjali,

C.  billi, sa mit-Trattat ta' Amsterdam, il-Komunità kellha l-ħila tadotta miżuri relatati ma' koperazzjoni ġudizzjali fi kwistjonijiet ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali kemm kien meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern,

D.  billi l-Parlament huwa involut bħala ko-leġiżlatur għall-adozzjoni ta' dawn il-miżuri, fejn huwa mhux sempliċement ikkonsultat,

E.  billi numru ta' strumenti adottati jew kontemplati mill-Komunità jidħlu f'xulxin bi kwistjonijiet li ġew ittrattati jew jistgħu jiġu ttrattati fil-futur mill-Konferenza ta' The Hague,

F.  billi barra minn dan il-Komunità sejra tintalab tipparteċipa b'mod attiv biex jiġu ffissati l-prijoritajiet tal-CODIP u biex tiżgura li dawn jgħaqqdu mal-programm ta' The Hague dwar koperazzjoni ġudizzjali, mal-pjan ta' azzjoni dwar servizzi finanzjarji u l-istrateġija tas-suq intern u, b'mod aktar ġenerali, mal-programm tax-xogħol tal-Kummissjoni,

G.  billi jeħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar abbozz ta' mandati għan-negozjazzjoni u dwar il-bżonn ta' klawsoli ta' dissoċjazzjoni,

H.  billi hemm għalhekk il-bżonn li l-Parlament ikun involut mill-viċin fil-proċeduri tal-Konferenza ta' The Hague u li jkun ikkonsultat dwar il-riżultat tad-deliberazzjonijiet tagħha biex jiżgura wkoll skrutinju aktar demokratiku tal-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-Konferenza bħala l-uniku rappreżentant tal-Komunità Ewropea nnifisha, u miżura akbar ta' trasparenza u ftuħ għall-proċeduri tagħha, li huma ta' interess konsiderevoli għaċ-cittadini komuni u għall-esperti legali,

1.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jistaqsu lill-Parlament biex jagħti l-fehmiet tiegħu każ b'każ dwar il-bżonn li l-Komunità tidħol fil-konvenzjonijiet eżistenti li ġew ratifikati minn numru sinifikanti ta' l-Istati Membri;

2.  Jiddeċiedi li jinvestiga sewwa mal-Konferenza modi oħra ta' koperazzjoni u li jkun ta' l-ewwel biex iwaqqaf 'forum parlamentari' b'membri parlamentari nazzjonali li jsegwu x-xogħol tal-Konferenza u wkoll jagħtu informazzjoni dwaru;

3.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li jipproponu proċeduri xierqa biex il-Parlament ikun jista' jagħmel l-irwol tiegħu proprju fil-kuntest tal-Konferenza ta' The Hague dwar id-Dritt Privat Internazzjonali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.