Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0507/2006Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0507/2006

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

25.9.2006

biex jingħalaq id-dibattitu dwar dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
imressqa minn Ewa Klamt u Patrick Gaubert
f'isem il-Grupp PPE-DE
dwar il-Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0507/2006
Testi mressqa :
B6-0507/2006
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0507/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tat-Trattat UE u l-Artikolu 63 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-programm ta' Tampere ta' l-1999, u dak ta' l-Aja ta' l-2004 dwar il-Qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja,

–   wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Kunsill tal-JHA f'Tampere bejn il-20 u 22 ta' Settembru 2006,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni rigward il-kampijiet tar-refuġjati f'Malta tas-6 ta' April 2006 (P6_TA(2006)0136),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Programm ta' l-Aja għandha tiġi ffinalizzata sa tmiem din is-sena;

B.   billi numru ta' immigranti li qed ifittxu li jidħlu fl-UE b'mod irregolari żdied b'mod esponenzjali tul l-aħħar sentejn, għad-detriment tas-sikurezza u tas-saħħa ta' l-immigranti irregolari u tal-politika pubblika fl-Istati Membri ta' l-UE,

1.  Jemmen bis-sħiħ li l-Istati Membri ta' l-UE jridu jirrispettaw l-obbligazzjonijiet li għandhom skond il-liġi internazzjonali fir-rigward ta' dawk li jfittxu l-ażil u ta' l-immigranti illegali;

2.  Jirrikonoxxi d-diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom numru ta' Stati Membri ta' l-UE, notevolment Malta, l-Italja u Spanja, fl-immaniġġjar tal-flussi kbar ħafna ta' migrazzjoni ta' l-aħħar snin; jinnota b'mod partikulari l-problemi kkawżati mill-għadd tant kbir li jqanqal tħassib ta' minorenni fost il-migranti li waslu reċentement;

3.   Jemmen madankollu, li r-regolazzjoni massiva ta' immigranti illegali mhux biss mhix soluzzjoni, iżda fil-fatt taggrava l-problema ta' l-immigrazzjoni illegali minħabba li kien ippruvat li tali miżuri huma 'fattur li jattira',    

4.  Itenni mill-ġdid li kwalunkwe deċiżjoni li minħabba fiha jsiru inqas stretti r-regoli dwar l-immigrazzjoni fi Stat Membru wieħed ikollha riperkussjonijiet fuq is-sitwazzjoni li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri l-oħra, u li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li, fi spirtu ta' koperazzjoni leali, jikkonsultaw u jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra dwar miżuri li huwa probabbli li jkollhom impatt fuq is-sitwazzjoni ta' l-immigrazzjoni, kif iddikjarat fir-rapport adottat mill-PE dwar id-deċiżjoni fuq l-istabbiliment ta' proċedura ta' informazzjoni reċiproka li tirrigwarda l-miżuri ta' l-Istati Membri fl-oqsma ta' l-ażil u l-immigrazzjoni;

5.  Jemmen li kwalunkwe strateġija Ewropea li tindirizza l-immigrazzjoni għandha tinkludi l-erba' aspetti li ġejjin: l-iżvilupp ta' kollaborazzjoni fil-pajjiżi ta' l-oriġini u mal-pajjiżi ta' l-oriġini, b'enfasi speċjali fuq l-irwol tad-delegazzjonijiet u ta' l-ambaxxati Ewropej fil-pajjiżi ta' l-oriġini; is-sikurezza tal-konfini esterni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; politika ta' ritorn b'saħħitha; l-integrazzjoni tal-migranti fis-soċjetà li tospita;

6.  Jenfasizza l-bżonn li jitħaffef il-proċess ta' l-iżvilupp ta' strumenti adegwati, bħas-Sistema ta’ Informazzjoni VISA (VIS);

7.  Jemmen li l-qsim tar-responsabilitajiet u tal-piż finanzjarju bejn l-Istati Membri jrid ikun parti integrali minn kwalunkwe approċċ Ewropew;

8.  Jemmen, għalhekk li l-pajjiżi għandu jingħatalhom aċċess għall-għajnuna teknika u għall-finanzjamenti pprovduti permezz tal-programm ARGO, tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati, tal-Fond għall-Fruntieri Esterni, tal-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni u tal-Fond Ewropew għar-Ritorn għall-perjodu 2007-2013;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jistabbilixxu aċċess għall-proċedura ta' applikazzjoni għall-ażil, japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għall-istandards minimi biex jingħata u jitneħħa l-istatus ta' refuġjat b'mod konsistenti u rigoruż, u biex jiżgura li talbiet għall-ażil jiġu pproċessati malajr u b'mod effiċjenti; jemmen li huwa importanti li tkun adottata lista komuni minima ta' pajjiżi ta' l-oriġini sikuri;

10.  Jagħraf il-ħtieġa urġenti li tkun adottata direttiva ta' l-UE dwar ir-ritorn u jistieden lill-Kunsill biex iżid l-isforzi tiegħu biex jiżgura li tiġi adottata malajr;

11.  Jistieden lill-Istati Membri biex iqiegħdu aktar riżorsi għad-dispożizzjoni ta' FRONTEX, sabiex jippermettulha li tkabbar il-firxa u l-effettività tal-missjonijiet li twettaq;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.