Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0511/2006Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0511/2006

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

25.9.2006

imressqa wara il-mistoqsija li titlob tweġiba orali B6‑0430/06
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Etelka Barsi-Pataky, f’isem il-Grupp PPE-DE
Norbert Glante, f'isem il-Grupp PSE
Fiona Hall, f'isem il-Grupp ALDE,
Eva Lichtenberger, f’isem il-Grupp Verts/ALE,
Jaromír Kohlíček, Vladimír Remek, Umberto Guidoni, Esko Seppänen, f'isem il-Grupp GUE/NGL,
Umberto Pirilli u Eugenijus Maldeikis, f'isem il-Grupp UEN
dwar eżerċizzju biex tintiżen is-sitwazzjoni tal-programm Galileo

Proċedura : 2006/2629(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0511/2006
Testi mressqa :
B6-0511/2006
Testi adottati :

B6‑0511/06

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar eżerċizzju biex tintiżen is-sitwazzjoni tal-programm Galileo

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar eżerċizzju biex tintiżen is-sitwazzjoni tal-programm Galileo (COM(2006)272),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-fażi tal-bidu u ta' dik ta' l-operazzjonijiet kummerċjali tal-programm Ewropew tan-navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita (COM(2004)477),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Parlament Ewropew li għadda mill-ewwel qari(A6-0212/2005) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2004)477),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 li joħloq l-Impriża Konġunta Galileo,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda l-Istatuti ta' l-Impriża Konġunta Galileo, annessa mar-Regolament tal-Kunsill ((KE) Nru 876/2002),

–  wara li kkunsidra r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1321/2004 dwar il-ħolqien ta' strutturi għall-ġestjoni tal-programmi Ewropej għan-navigazzjoni bir-radju permezz tas-ssatellita,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar il-ħolqien ta' strutturi għall-ġestjoni tal-programmi Ewropej għan-navigazzjoni bir-radju permezz tas-satellita,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 108(5) u 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Galileo huwa l-ewwel infrastruttura Ewropea ġestita mill-Komunità, u għaldaqstant iġib miegħu sfidi ġodda, kemm regolatorji kif ukoll finanzjarji; billi l-isfond ġuridiku u proċedurali m'hux orjentat lejn il-proġetti,

B.  billi l-Parlament ta l-appoġġ kollu tiegħu lill-Programm Galileo, permezz tar-responsabilitajiet leġiżlattivi u baġitarji tiegħu[1], għax għaraf li Galileo huwa proġett strateġiku, wieħed mill-iktar pilastri importanti ta' l-istrateġija ta' Liżbona, u li joffri opportunitajiet kbar lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju,

C.  billi l-inġiniera u l-iżviluppaturi Ewropej li jaħdmu fl-Aġenzija Spazjali Ewropea u fl-industrija spazjali għamlu biċċa xogħol tajba; filwaqt li jinnota li l-ewwel satellita sperimentali GIOVE-A diġà wettqet il-missjoni ewlenija tagħha, li l-aspetti tekniċi jinsabu f'posthom, u li issa l-iktar element importanti biex il-proġett jitmexxa 'l quddiem hija t-tmexxija tajba tiegħu,

1.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tevalwa x'tibdil jista' jsir fir-regolamenti ġuridiċi u proċedurali sabiex jiġi żgurat il-progress ma jaqta' xejn tal-proġett; jindika li dan ma jimplikax li jitnaqqsu l-kompetenzi u r-responsabilitajiet ta' l-istituzzjonijiet, iżda jista' jfisser l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet aktar kreattivi u iktar xierqa għall-objettivi tal-programm;

2.  Jagħraf il-kalendarju aġġornat il-ġdid u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex timxi miegħu u biex tinforza l-konformità miegħu; flimkien ma' l-approvazzjoni tal-kuntratt ta' konċessjoni, jitlob li jkun mgħarraf dwar l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mid-dewmien; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tgħarraf lill-Parlament dwar kwalunkwe bidliet sinifikanti fil-ġejjieni, iżda mill-ewwel, mhux wara snin;

3.  Jilqa' bi pjaċir il-progress li sar fin-negozjati mal-konċessjonarji; jistieden lil dawk ikkonċernati fl-industrija spazjali Ewropea li qed jipparteċipaw fil-konsorzju biex iħabirku biex jaslu għal ftehim b'mod kostruttiv, sabiex dan il-proġett komuni Ewropew ikun jista' jagħti sehmu biex l-objettivi ta' Liżbona jintlaħqu mill-iktar fis possibbli;

4.  Jistieden lill-Awtorità ta' Sorveljanza fuq il-GNSS biex darbtejn fis-sena tippreżenta rapporti dwar il-progress lill-Parlament, b'referenza partikulari għall-progress f'biċċiet ta' xogħol li għandhom jiġu imposti fuq l-Awtorità ta' Sorveljanza fuq il-GNSS b'direttiva mill-1 ta' Jannar 2007;

5.  Jistieden lill-Awtorità ta' Sorveljanza fuq il-GNSS biex tistieden lill-espert innominat mill-Parlament biex jassumi l-istat ta' osservatur kontinwu, skond l-Artikolu 5 (5) tar-Regolament (KE) 1321/2004;

6.  Jagħraf ir-regolament li ġej tas-Servizz Pubbliku Regolamentat, li mistenni jirrappreżenta madwar 30% tad-dħul tal-proġett, l-istess bħall-Karta Ħadra dwar l-applikazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni biex tlesti r-regolamenti li fadal isiru u li huma meħtieġa biex ikunu jistgħu jitħaddmu applikazzjonijiet f'diversi oqsma, sabiex l-intrapriżi ta' daqs żgħir jew medju jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju għall-parteċipazzjoni tagħhom;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta jqis in-natura Komunitarja tal-proġett, biex tiżgura li l-Parlament Ewropew ikun mgħarraf qabel ma jiġi ffirmat xi kuntratt dwar sehem istituzzjonali min-naħa ta' pajjiżi terzi;

8.  Jistieden lill-Kunsill biex jiżgura li ma jkunx hemm aktar dewmien f'dan il-proġett;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.