MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
4.10.2006
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Joseph Daul
f'isem il-Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali
dwar is-sitwazzjoni rigward il-frott artab żgħir u ċ-ċirasa intenzjonati għall-ipproċessar
B6‑0525/2006
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni rigward il-frott artab żgħir u ċ-ċirasa intenzjonati għall-ipproċessar
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport tat-28 ta' Ġunju 2006 mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tas-settur tal-frott artab żgħir u ċ-ċirasa intenzjonati għall-ipproċessar (COM(2006)345),
– wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nri 2200/96[1], 2201/96[2], 2202/96[3] u 2699/2000[4], li jiffurmaw il-bażi għall-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħaxix,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2001 dwar ir-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħaxix (COM(2001)0036)[5],
– wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1432/2003[6] dwar l-għarfien ta' l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u (KE) Nru 1433/2003[7] dwar fondi operattivi u programmi operazzjonali f'dak is-settur,
– wara li kkunsidra r-regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2003[8], 2111/2003[9] u 103/2004[10] li jissimplifikaw id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti fis-seħħ fis-settur,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003[11] u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2237/2003[12] dwar miżuri speċifiċi ta' appoġġ għall-produtturi tal-ġewż,
– wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni bl-isem ΄It-tkabbir ta’ l-UE: implikazzjonijiet għas-settur tal-frott u l-ħaxix' (DG AGRI, C-4, April 2004),
– wara li kkunsidra r-rapport ta' l-10 ta' Awissu 2004 mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar is-simplifikazzjoni ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-frott u l-ħaxix (COM(2004)549),
– wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni tat-3 ta' Settembru 2004 li jipprovdi analiżi ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-frott u l-ħaxix (SEC(2004) 1120),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar l-iffaċilitar ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħaxix (P6_TA(2005)0174),
– wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2006 li jipprovdi analiżi tas-settur tal-frott artab żgħir u ċ-ċirasa intenzjonati għall-ipproċessar (SEC(2006)838),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-objettivi tal-politika agrikola komuni jinkludu ż-żieda fil-produttività agrikola, li tiżgura livell tajjeb ta' għajxien għall-komunità agrikola, l-istabilizzazzjoni tas-swieq u li tiżgura d-disponibilità tal-provisti u prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi,
B. billi t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea jissuġġerixxi li, fit-tfassil tal-CAP, għandha tiġi kkunsidrata n-natura partikulari ta’ l-attività agrikola, li tirriżulta mill-istruttura soċjali ta’ l-agrikoltura u mill-iżbilanċji strutturali u naturali bejn id-diversi reġjuni agrikoli, mill-ħtieġa li jsiru t-tibdiliet xierqa gradwalment u għall-fatt li l-agrikoltura tikkostitwixxi settur li hu marbut mill-qrib ma’ l-ekonomija kollha kemm hi,
C. billi t-tliet prinċipji fundamentali tal-CAP huma: l-unità tas-suq komuni, il-preferenza Komunitarja u s-solidarjetà finanzjarja,
D. billi mit-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea s-suq għall-frott artab u ċ-ċirasa qarsa għadda minn tibdiliet sinifikanti, biz-zona totali kkultivata għal dan il-frott tiżdied minn 69,000 ettaru għal 237,000 ettaru,
E. billi fit-Trattat ta’ Adeżjoni l-Polonja ġibdet l-attenzjoni għal diffikultajiet previsti fis-suq ta’ l-UE għall-frott u l-ħaxix wara t-tkabbir, u anke għall-ħtieġa ta’ miżuri protettivi li għandhom jiġu applikati fis-suq,
F. billi, wara t-tkabbir ta' l-Unjoni fl-2004, il-frott artab żgħir sar prodott li jirrapreżenta manna ekonomika għall-UE, prinċipalment meta wieħed iqis li ċertu Stati Membri ġodda jkomplu jżomma posthom bħala l-produtturi ewlenin ta' dan il-frott fil-livell dinji,
G. billi, wara t-tkabbir ta' l-2004, id-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja ma jqisux la l-frott artab żgħir, la ċ-ċirasa qarsa u lanqas iċ-ċirasa ħelwa bħala brodotti partikolarment sensittivi fuq is-suq, u bħala riżultat, ma ġiet provduta l-ebda soluzzjoni speċifika fil-qafas tal-politika Komunitarja xierqa (organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur tal-frottu l-ħaxix, politika tad-dwana) u billi wara t-tkabbir, id-dispożizzjonijiet Komunitarji ma ġewx adattati kif dovut għall-karatteristiċi ġodda tas-settur tal-frott artab żgħir fi ħdan il-Komunità.
H. billi l-problema tal-frott artab żgħir u ċ-ċirasa tikkonċerna l-ewwel u qabel kollox lill-Istati Membri l-ġodda, b'mod partikulari lill-Polonja, li tammonta għal żewġ terzi tal-produzzjoni totali ta' frott artab żgħir u ċirasa għall-ipproċessar fl-UE; billi tolqot anke ċertu reġjuni ta' l-Istati Membri l-antiki li fihom il-produzzjoni hija attività agrikola ewlenija,
I. billi, minħabba ż-żieda fil-prezz tal-materja prima Komunitarja fis-settur taċ-ċirasa, l-industrijI ta' l-ipproċessar qegħdin jirrikorru dejjem iktar għas-sostituzzjoni ta' prodotti (ċirasa qarsa minflok ċirasa ħelwa); billi din it-tendenza qed taggrava t-theddida li l-pressjoni ta' l-importazzjoni minn barra l-Komunità qed timponi fuq is-sopravvivenza ta' produzzjoni tradizzjonali f'ċertu Stati Membri,
J. billi l-produzzjoni ta’ frott artab u ċirasa hija kkonċentrata fi ftit mill-ifqar reġjuni ta’ l-UE, li tagħmilha kwistjoni ta’ importanza soċjali, u mhux biss ekonomika,
K. billi ammont sinifikanti ta' frott artab zgħir u ta’ ċirasa huwa mkabbar fuq artijiet żgħar tal-familji, li jiddependu fuq it-tkabbir tal-frott artab għas-sopravvivenza tagħhom,
L. billi l-kriżi mtawla fis-suq tal-frott u l-ħaxix qed thedded il-futur tas-settur,
M. billi fl-2004 u l-2005, il-prezz tal-frawli friżat u tal-frawli għall-ipproċessar fl-UE waqa’ b’mod konsiderevoli, minħabba ż-żieda fil-kompetizzjoni minn pajjiżi terzi u minħabba ż-żieda temporanja fil-produzzjoni fl-UE,
N. billi l-importanza ta’ l-importazzjoni minn pajjiżi terzi fil-25 Stat Membru ta’ l-UE hija kbira fir-rigward tal-lampun u ċ-ċirasa ħelwa u żdiedet b'mod partikulari fil-frawli ffriżat f'dawn l-aħħar snin; billi, f'dan ir-rigward, il-kompetizzjoni mill-importazzjoni ta’ ċirasa ffriżata rħisa minn pajjiżi terzi - b’mod partikulari ċ-Ċina u l-Marokk - żdiedet fis-suq tal-frawli għall-ipproċessar,
O. billi r-ribes jitkabbar fl-Istati Membri tat-tramuntana ta' l-Ewropa u billi l-UE hija l-produttur dinji ewlieni ta’ dan il-frott,
P. billi, mit-tkabbir ta' l-Unjoni fl-2004, il-produzzjoni tal-lampun fl-UE żdiedet minn 28,000 tunnellata għall-87,000 tunnellata (il-medja mill-2002 sa l-2004), b'żewġ produtturi kbar ġodda, prinċipalment il-Polonja (bi 48,000 tunnellata) u l-Ungerija (b'10,000 tunnellata),
Q. billi mit-tkabbir ’l hawn, l-Istati Membri l-ġodda (il-Polonja, b’190,000 tunnellata mill-2002 sa l-2004, u l-Ungerija, b’51,000 tunnellata) huma responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-produzzjoni taċ-ċirasa qarsa,
R. billi huma l-benefiċjarji ewlenin mill-appoġġ għas-suq tal-frott u l-ħaxix huma l-gruppi u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u billi huma għandhom parti żgħira biss mis-suq fl-Istati Membri l-ġodda u l-Istati Membri l-ġodda huma l-produtturi ewlenin ta’ frott artab żgħir,
S. billi l-biċċa l-kbira ta’ l-infiq tal-baġit ta’ l-UE fis-suq tal-frott u l-ħaxix huwa mmirat għall-għajnuna fl-ipproċessar u billi l-frott artab u ċ-ċirasa m’humiex eleġibbli għal appoġġ bħal dan,
T. billi, f'ċertu Stati Membri, il-produzzjoni ta' frott artab żgħir u ta' ċirasa intenzjonata speċifikament għall-ipproċessar tikkostitwixxi settur fiha nnifisha, li tikkontribwixxi għall-preservazzjoni neċessarja tal-binja ekonomika u soċjali,
1. Jistieden lill-Kummissjoni biex immedjatament timplimenta proġetti ta' koperazzjoni u miżuri ta' taħriġ għall-bdiewa konċernati, kif ukoll appoġġ għat-titjib ta' l-infrastruttura ta' kummerċjalizzazzjoni sabiex jiżdiedu l-possibiltajiet ta' dħul għal min ikabbar frott żgħir artab u ċirasa fl-Unjoni Ewropea;
2. Jitlob li s-settur ta' frott artab żgħir, bħal mhuma l-frawli, l-passolina, il-lampun, ir-rużberri, iċ-ċirasa qarsa u ċ-ċirasa ħelwa jkunu inklużi fis-sistemi ta' għajnuna għall-ipproċessar simili għal dawk attwalment applikati għat-tadam, il-lanġas, il-ħawħ u għall-agrumi, bil-ħsieb li s-swieq ta' dawn il-prodotti jiġu stabilizzati b'mod aktar effikaċi; jenfasizza li dawn il-prodotti huma ta' importanza strateġika f'ċertu reġjuni ta' l-Istati Membri l-antiki u kif ukoll fl-Istati Membri l-ġodda fejn għandhom mhux biss valur ekonomiku, imma anke valur soċjali u fit-tisbiħ tal-paysaġġ;
3. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex immedjatament tfassal u timplimenta miżuri li jillimitaw l-importazzjoni eċċessiva ta' frott artab żgħir minn pajjiżi terzi, partikolarment minn dawk li jipprattikaw id-"dumping";
4. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fuq perjodu ta' żmien twil, tistudja l-adozzjoni ta' mekkaniżmu ta' aċċess kundizzjonali għas-suq, li jagħmel l-importazzjoni ta' produtti li joriġinaw minn pajjiżi terzi suġġett, waqt il-produzzjoni tagħhom, għal normi ambjentali u soċjali li jikkorrispondu għal dawk fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea; iqis li, jekk dawn in-normi ma jiġux rispettati, għandha tiġi imposta taxxa fuq l-importazzjonijiet bil-għan li l-produtturi Ewropej jitħarsu mid-"dumping" u li d-dħul minn din it-taxxa għandu jservi biex jiġu finanzjati proġetti ta' żvilupp rurali fil-pajjiżi esportaturi konċernati;
5. Iqis li għandhom jiddaħħlu mekkaniżmi ta' għajnunna għall-gruppi ta' produtturi biex il-produtturi jitħeġġu biex joħolqu gruppi (u, 'il quddiem, assoċjazzjonijiet ta' produtturi) fl-Istati Membri ta' l-Unjoni fejn l-organizzazzjoni tas-settur tal-frott u l-ħaxix jinsab ferm agħar mill-medja Komunitarja, pereżempju billi jiġu rduppjati r-rati ta' għajnuna għall-gruppi ta' produtturi rikonoxxuti fuq bażi provviżorja;
6. Huwa tal-fehma li, waqt il-perjodu ta' tranżizzjoni, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jingħataw aktar għajnuna rigward il-formazzjoni u l-amministrazzjoni tal-gruppi tal-produtturi li rċevew rikonoxximent preliminari (ir-rati ta' l-għajnuna mill-bidu sal-ħames sena ta' ħidma ta' 10%, 10%, 8%, 6%, u 4% rispettivament, minflok il-5%, 5%, 4%, 3% u 2% bil-limitu massimu ta' għajnuna eżistenti ta' EUR 100,000, 100,000, 80,000, 60,000 u 50000 rispettivament tinżamm);
7. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni qawwija bil-ħsieb li l-prodotti li huma suġġetti għal tariffi doganali baxxi (kif huwa l-każ tal-frott artab żgħir) jiġu inklużi fil-lista ta' merkanzija sensittiva u li jiġu applikati klawsoli ta' salvagwardja speċjali (SSGs) u ftehim fuq il-prezz tad-dħul għall-frott artab żgħir;
8. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ diskussjonijiet ma' l-Istati Membri bil-ħsieb li tintroduċi għajnuna finanzjarja għall-proġetti sabiex titwaqqaf il-produzzjoni fil-pjantaġġuni qodma tal-frott artab żgħir u ċ-ċirasa fl-eventwalità ta' provvista żejda għal żmien twil;
9. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tissimplifika d-dispożizzjonijiet relevanti u tiffaċilita l-miżuri ta' appoġġ f'każ ta' kriżi għall-produtturi tal-frott artab żgħir u ċ-ċirasa li jsofru telf bħala riżultat ta' kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħżiena; iqis li, fil-kuntest ta' din is-simplifikazzjoni, wieħed għandu b'mod partikulari joqgħod attent li l-kumpens għall-impatt tal-kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħżiena ikun eżentat minn approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni, li jwassal li l-ħlas lill-bdiewa jsir ħafna aktar malajr;
10. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, bħala parti mir-riforma ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-frott u l-ħaxix, tintroduċi arranġamenti ta’ kumpens għall-produtturi li jaċċettaw li jirrinunzjaw għall-kummerjalizzazzjoni tal-ħasda tal-frott artab u ċ-ċirasa minħabba diffikultajiet temporanji li ma jistgħux jitbassru li jirriżultaw minn eċċess kosiderevoli fil-provista fuq is-suq;
11. Jiddikjara li hu favur l-introduzzjoni ta' sistema ta' tikkettar li tindika l-pajjiż ta' oriġini tal-prodotti agrikoli li jintużaw fil-kompożizzjoni ta' prodotti proċessati, u li tikketti ta' dan it-tip għandhom jidhru wkoll fuq il-prodott finali wkoll, sabiex il-konsumatur ikun jista' jagħżel li jixtri prodotti reġjonali;
12. Jitlob li, b'rabta mar-regolamenti intenzjonati li jippromwovu l-prodotti agrikoli, jiġu allokati l-mezzi finazjarji xierqa għall-kampanja ta' promozzjoni tal-konsum ta' frott artab żgħir u ta' prodotti bil-bażi ta' dan it-tip ta' frott, ta' kwalità superjuri u b'oriġini Ewropea;
13. Jistieden lill-Gvern Pollakk biex jelimina l-żvantaġġi fiskali li jbatu l-gruppi ta' produtturi sabiex il-produtturi jitħeġġew biex jiffurmaw assoċjazzjonijiet għall-bejgħ tal-prodotti tagħhom u sabiex ikunu jistgħu jagħmlu użu ottimali mill-baġit għall-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-frott ul-ħaxix ta' l-Unjoni Ewropea;
14. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 297, 21.11.1996, p. 1.
- [2] ĠU L 297, 21.11.1996, p. 29.
- [3] ĠU L 297, 21.11.1996, p. 49.
- [4] ĠU L 311, 12.12.2000, p. 9.
- [5] ĠU C 65 E, 14.3.2002, p. 334.
- [6] ĠU L 203, 12.8.2003, p. 18.
- [7] ĠU L 203, 12.8.2003, p. 25.
- [8] ĠU L 218, 30.8.2003, p. 14.
- [9] ĠU L 317, 2.12.2003, p. 5.
- [10] ĠU L 16, 23.1.2004, p. 3.
- [11] ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1.
- [12] ĠU L 339, 24.12.2003, p. 52.