Proċedura : 2006/2611(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0528/2006

Testi mressqa :

B6-0528/2006

Dibattiti :

PV 24/10/2006 - 5
CRE 24/10/2006 - 5

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2006 - 6.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0449

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 122kWORD 71k
18.10.2006
PE 379.690v01-00
 
B6‑0528/06
imressqa wara il-mistoqsijiet li jitolbu tweġiba orali B6‑0433/2006, B6‑0434/2006 u B6‑0436/2006
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Karin Jöns u Martin Schulz, f'isem il-Grupp PSE Hans-Gert Pöttering, John Bowis, Ria Oomen-Ruijten, Anna Záborská u Marie Panayotopoulos-Cassiotou, f'isem il-Grupp PPE-DE Elizabeth Lynne u Marios Matsakis, f'isem il-Grupp ALDE Hiltrud Breyer u Raül Romeva i Rueda, f'isem il-Grupp Verts/ALE Adamos Adamou, Ilda Figueiredo u Eva-Britt Svensson, f'isem il-Grupp GUE/NGL Adriana Poli Bortone, Liam Aylward, Konrad Szymański u Alessandro Foglietta, f'isem il-Grupp UEN Kathy Sinnott, f'isem il-Grupp IND/DEM
dwar il-kanser tas-sider fl-Unjoni Ewropea mkabbra

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kanser tas-sider fl-Unjoni Ewropea mkabbra 
B6‑0528/06

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 152 tat-Trattat KE skond kif emendat permezz tat-Trattat ta' Nizza,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2003 dwar il-kanser tas-sider fl-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2003 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Dwar miżuri tal-Komunità u ta' l-Istati Membri marbuta ma' implants fis-sider"(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-4 ta' Ottubru 2001 dwar il-brevettar tal-ġene BRCA1 u BRCA2 (il-ġene tal-kanser tas-sider)(4),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2003 dwar "L-għarfien tal-kanser fi stadju bikri"(5),

–  wara li kkunsidra r-raba' edizzjoni tal-"Linji Gwida biex tiġi assigurata l-kwalità fl-għarfien u fid-dijanjosi tal-kanser tas-sider" tal-Kummissjoni Ewropea ta' April 2006(6),

–  wara li kkunsidra l-laqgħa ta' l-"IARC Cancer Control Forum", li kienet tinkludi d-diretturi ta' l-istituti nazzjonali tar-riċerka dwar il-kanser, li saret bejn is-17 u d-19 ta' Lulju 2006 fl-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanser (IARC) f'Lyon,

–  wara li kkunsidra l-workshop "Il-ħtieġa għal linji gwida Ewropej dwar il-kura tal-kanser tas-sider" tas-17 ta' Ottubru 2006 fil-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kanser tas-sider huwa l-aktar tip ta' kanser komuni fin-nisa u kull sena 275,000 mara jaqbadha kanser tas-sider fl-Unjoni Ewropea(7),

B.  billi numru dejjem akbar ta' nisa ta' età żagħżugħa qed jaqbadhom il-kanser tas-sider, u billi 35% tan-nisa affettwati mill-kanser tas-sider għandhom inqas minn 55 sena; 12% tal-każijiet tal-kanser tas-sider jaffettwaw saħansitra nisa taħt il-45 sena(8),

C.  billi l-kanser tas-sider huwa l-kawża ewlenija tal-mewt fost in-nisa bejn 35 u 59 sena(9), u kull sena fl-Unjoni Ewropea jmutu 88,000 mara minħabba dan il-kanser(10),

D.  billi l-kanser tas-sider huwa t-tieni l-aktar kanser komuni, u billi l-irġiel ukoll jaqbadhom dan il-kanser, u fl-Unjoni Ewropea jmutu madwar 1,000 raġel bil-kanser tas-sider,

E.  billi nisa żgħażagħ morda bil-kanser tas-sider huma affettwati, b'mod partikulari, minn problemi bħall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol u protezzjoni finanzjarja inadegwata, u jridu jiffaċċjaw ukoll problemi speċifiċi dwar l-ippjanar tal-ħajja bħall-infertilità kkawżata mill-kura bl-ormoni jew dijanjożi waqt li huma tqal,

F.  billi, skond il-WHO, ir-rati ta' mortalità fil-każ tal-kanser tas-sider ivarjaw fost l-UE-25 b'aktar minn 50%, u r-rata ta' mastektomija anke fil-każ ta' kanser tas-sider fi stadju bikri tvarja sa 60% bejn l-Istati Membri(11),

G.  billi hemm bżonn li l-kawżi tal-kanser tas-sider jiġu investigati b'mod aktar komprensiv, b'mod partikulari l-irwol tal-kimiki li jikkawżaw ħsara u sustanzi li jniġġsu l-ambjent, l-irwol tad-dieta, l-istil tal-ħajja u fatturi ġenetiċi kif ukoll l-interazzjoni ta' dawn kollha,

H.  billi, skond il-WHO, l-eżaminar mammografiku jista' jnaqqas l-imwiet mill-kanser tas-sider b'massimu ta' 35% fin-nisa bejn 50 u 69 sena, u studji bikrin juru li l-mammografija tista' tgħin ukoll biex tnaqqas il-mortalità fin-nisa bejn l-40 u d-49 sena(12),

I.  billi, għalkemm il-linji gwida ta' l-UE dwar l-eżaminar mammografiku tal-kanser tas-sider ġew imfassla għall-ewwel darba fl-1992, dan l-eżaminar bħalissa huwa offrut fil-pajjiż kollu fi 11-il Stat Membru biss (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, l-Ungerija, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Iżvezja, Spanja u r-Renju Unit),

J.  billi anke fl-Istati Membri msemmija hawn fuq li għandhom sistema ta' eżaminar mammografiku fil-pajjiż kollu, dan ta' spiss ma jiġix imwettaq skond il-linji gwida ta' l-UE mill-perspettiva tal-popolazzjoni, u ma jissodisfax ħafna kriterji oħra tal-kwalità, u billi dawn il-linji gwida ta' l-UE għadhom bilkemm huma magħrufa fl-Istati Membri l-ġodda,

K.  billi l-kura għall-kanser tas-sider fil-pajjiż kollu, b'ċentri interdixxiplinarji li huma konformi ma' l-istandards għoljin rakkomandati fil-linji gwida ta' l-UE, hija mogħtija biss fi Stat Membru wieħed (ir-Renju Unit), u hemmhekk lanqas ma tiġi implimentata b'mod sħiħ,

L.  billi l-kura għall-kanser tas-sider ta' kwalità garantita twassal għall-iffrankar tal-flus fuq tul ta' żmien medju u twil għas-sistema tal-kura tas-saħħa, billi testijiet u kura mhux neċessarji jiġu evitati, u l-kanser tas-sider jinstab fi stadju aktar bikri, u għalhekk ikun hemm bżonn inqas operazzjonijiet li jiswew ħafna flus u trattamenti ta' segwitu,

M.  billi r-raba' edizzjoni tal-Linji Gwida biex tiġi assigurata l-kwalità fl-għarfien u fid-dijanjosi tal-kanser tas-sider (2006) tirrakkomanda li kull ċentru tal-kanser tas-sider ikollu żewġ infermiera speċjalizzati(13), iżda billi sa issa għad m'hemmx pjan ta' taħriġ għal din il-professjoni li huwa rikonoxxut b'mod ġenerali,

N.  billi t-taħriġ speċjalizzat ta' l-istaff mediku kollu mitlub fil-linji gwida ta' l-UE huwa meħtieġ biex ikun hemm kwalità fl-għarfien bikri u fil-kura, u billi l-għoti ta' aktar taħriġ jista' jiġi ffinanzjat fl-Istati Membri ta' l-UE mill-Fond Soċjali Ewropew u, fil-pajjiżi ta' adeżjoni, mill-fondi ta' qabel l-adeżjoni,

O.  billi, fl-Istati Membri l-ġodda, l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jista' jintuża għall-iżvilupp ta' strutturi tal-kura tas-saħħa u, konsegwentament, għall-implimentazzjoni ta' eżaminar mammografiku u ċentri speċjalizzati fil-kanser tas-sider, u billi dan huwa wkoll possibbli fil-pajjiżi ta' adeżjoni permezz ta' fondi ta' qabel l-adeżjoni,

P.  billi l-Istrateġija ta' Liżbona timmira lejn kwota ta' 60% tan-nisa li jkunu qed jaħdmu sa l-2010 u billi l-aktar studji reċenti juru li għoxrin fil-mija tal-pazjenti li jkunu sofrew mill-kanser tas-sider ma jmorrux lura għax-xogħol, għalkemm jiġu ċertifikati li huma b'saħħithom biżżejjed biex jaħdmu(14), u li nisa li jerġgħu lura għax-xogħol spiss jiġu ffaċċjati bi tnaqqis fis-salarju tagħhom(15),

1.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta bla dewmien ir-rapport dwar il-progress mitlub mill-Parlament Ewropew sa l-2006 fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2003, dwar il-miżuri meħuda mill-Istati Membri bil-għan li jbaxxu r-rata ta' mortalità tal-kanser tas-sider;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex matul l-2007 tippreżenta r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-programmi ta' għarfien bikri tal-kanser, b'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2003;

3.  Itenni għal darb'oħra s-sejħa tiegħu biex l-Istati Membri jintroduċu eżaminar tas-sider mal-pajjiż kollu, billi l-mammografija tiġi offruta lin-nisa kollha bejn il-50 u d-69 sena kull sentejn, skond il-linji gwida ta' l-UE, sabiex l-imwiet mill-kanser tas-sider jonqsu b'mod sinifikanti;

4.  Jistenna li l-Istati Membri jadottaw politiki ta' informazzjoni aħjar dwar l-importanza ta' l-eżaminar tas-sider bil-għan li dan jiġi aċċettat aktar min-nisa u għalhekk tiżdied il-parteċipazzjoni;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja studji tal-kundizzjonijiet li fihom l-eżaminar mammografiku jista' jkun utli wkoll għal nisa ta' età 'il fuq minn 69 sena;

6.  Jitlob lill-Istati Membri biex jassiguraw li jkun hemm ċentri speċjalizzati interdixxiplinarji dwar is-saħħa tas-sider mal-pajjiż kollu, b'konformità mal-linji gwida ta' l-UE sa l-2016, billi jeżistu provi li l-kura f'ċentri interdixxiplinarji tas-sider iżżid iċ-ċans li l-pazjenti jibqgħu jgħixu u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja, u jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport dwar il-progress f'dan il-qasam kull sentejn;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta dejta aġġornata u ta' min jorbot fuqha dwar il-qagħda tan-nisa bil-kanser tas-sider u biex tindika f'dan il-kuntest il-ħtieġa għal reġistri nazzjonali tal-kanser fl-Istati Membri kollha;

8.  Jinsisti sabiex l-iffinanzjar futur tan-netwerk Ewropew dwar il-kanser ikun garantit, bil-għan li l-ħidma fuq linji gwida ta' l-UE għall-professjoni ta' infermiera speċjalizzati fil-kura tas-sider u għal protokoll ta' ċertifikazzjoni għaċ-ċentri tal-kura tas-sider b'konformità mal-prinċipji u l-proċeduri biex jivverifikaw il-konformità diġà stabbiliti mill-Kummissjoni jistgħu jitlestew;

9.  Jitlob biex jiżdied l-appoġġ għar-riċerka dwar il-prevenzjoni tal-kanser tas-sider, inkluża riċerka dwar l-effetti tal-kimiki li jikkawżaw ħsara u sustanzi li jniġġsu l-ambjent, id-dieta, l-istil tal-ħajja u fatturi ġenetiċi kif ukoll l-interazzjoni ta' dawn kollha, u jitlob sabiex ikomplu jiġu investigati r-rabtiet bejn il-kanser tas-sider u fatturi potenzjali ta' riskju bħat-tabakk, l-alkoħol u l-ormoni;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi fondi biex ikomplu jiġu żviluppati testijiet ibbażati fuq id-demm (biomarker tests) fi ħdan is-seba' programm ta' qafas għar-riċerka;

11.  Jistenna li l-Kummissjoni, fil-kuntest tas-seba' programm ta' qafas għar-riċerka, tippromwovi l-iżvilupp ta' terapiji li jikkawżaw effetti sekondarji minimi, kif ukoll investigazzjonijiet komprensivi tal-kawżi tal-kanser tas-sider, u tikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' riċerka xjentifika indipendenti fil-qasam tal-kanser tas-sider;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli r-riċerka, fi ħdan is-seba' programm ta' qafas għar-riċerka, dwar kwistjonijiet tekniċi u fiżiċi u alternattivi għal forom konvenzjonali ta' mammografija, bħal ma hija l-mammografija diġitali;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal Karta għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-pazjenti li jsofru mill-kanser tas-sider kif ukoll ta' dawk li huma morda b'mod kroniku fuq il-post tax-xogħol, bil-għan li l-kumpaniji jiġu rikjesti li jagħmluha possibbli għall-pazjenti li jibqgħu jaħdmu waqt il-kura tagħhom u li jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol meta l-kura titlesta;

14.  Jitlob lill-Istati Membri biex iwaqqfu ċentri ta' informazzjoni u ta' konsulenza dwar il-kanser tas-sider ereditarju, u jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport ta' progress dwar dan kull sentejn;

15.  Jitlob lill-Istati Membri sabiex jagħtu attenzjoni partikulari lill-problemi li jiffaċċjaw nisa żgħażagħ li jsofru mill-kanser tas-sider billi jipprovdu informazzjoni immirata għall-ħtiġijiet tagħhom;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tindika lill-Istati Membri l-ġodda u l-pajjiżi ta' l-adeżjoni li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-fondi ta' qabel l-adeżjoni jistgħu jintużaw biex joħolqu infrastruttura fil-qasam tal-kura tas-saħħa;

17.  Jitlob lill-Istati Membri biex jużaw il-possibiltà li jipprovdu aktar taħriġ għall-istaff mediku, b'konformità mal-linji gwida ta' l-UE, permezz tal-Fond Soċjali Ewropew;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu rwol ewlieni fil-koperazzjoni dinjija fil-ġlieda kontra l-kanser tas-sider b'sinerġija ma' partijiet konċernati oħra (WHO, IARC, IAEO, eċċ.) u biex ixxerred il-"Linji Gwida biex tiġi assigurata l-kwalità fl-għarfien u fid-dijanjosi tal-kanser tas-sider" anke lil hinn mill-fruntieri Ewropej;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex mhux biss tagħmel il-"Linji Gwida biex tiġi assigurata l-kwalità fl-għarfien u fid-dijanjosi tal-kanser tas-sider" disponibbli bħala dokument stampat, iżda wkoll li toffrihom b'mod li jistgħu jinqraw u jitniżżlu mill-Internet;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill- Kummissjoni u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) AB1. C 364 tat-18.12.2000, p.1.
(2) P5-TA(2003)0270.
(3) P5-TA(2003)0063.
(4) AB1. C 87 E, 11.4.2002, p. 263.
(5) AB1. L 327, 16.12.2003, p.34.
(6) ISBN 92-79-01258-4
(7)P. Boyle et al. (2005): Cancer and Incidence in Europe, 2004. Annals of Oncology 16: 481-488.
(8)J. Ferlay et al. (2004): Cancer Incidence, Mortality and Prevalence Worldwide, IARC CancerBase No. 5. version 2.0, IARCPress, Lyon, (GLOBOCAN 2002).
(9)EUROSTAT: Il-kawżi tal-mewt skond ir-reġjun (għal kull 100,000 abitant, medja ta' 3 snin, nisa).
(10)P. Boyle et al. (2005): Cancer and Incidence in Europe, 2004. Annals of Oncology 16: 481-488.
(11)J. Jassem et al. (Marzu 2004): "Surgical Approaches to Early Breast Cancer", International Collaborative Cancer Group (ICCG), Imperial College, London.
(12) IARC Handbook of Cancer Prevention Vol. 7, Breast Cancer Screening (2002).
(13)ISBN 92-79-01258-4, p. 349.
(14)Laetita Malavolti et al. (Mejju 2006):professionnelle et difficultés économiques des patients atteints d’un cancer deux ans après le diagnostic »,Direction de la recherche des études de l’évaluation et des statistiques, Etudes et Résultats, n° 487.
(15)Umberto V. (1999): Caring about women and cancer, European journal of Cancer.

Avviż legali - Politika tal-privatezza