Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0548/2006Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0548/2006

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

23.10.2006

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-President tal-Parlament Ewropew u miċ-Chairmen tal-Gruppi Politiċi
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura minn
dwar il-50 anniversarju tar-Rivoluzzjoni Ungeriża ta’ l-1956 u s-sinifikat storiku tagħha għall-Ewropa

Proċedura : 2006/2644(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0548/2006
Testi mressqa :
B6-0548/2006
Dibattiti :
Testi adottati :

B6‑0548/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-50 anniversarju tar-Rivoluzzjoni Ungeriża ta’ l-1956 u s-sinifikat storiku tagħha għall-Ewropa

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-prinċipji tal-liberà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali - prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri kollha,

B.  billi l-pajjiżi ta’ l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant kienu mċaħħda mis-sovranità u l-libertà tagħhom mid-diviżjoni ta’ Yalta, ta’ l-Ewropa ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, għal iktar minn erbgħin sena,

C.  billi r-reġimi Komunisti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant ma kinux ibbazati fuq il-kunsens jew ir-rieda tal-poplu, u kienu miżmuma mill-okkupazzjoni militari Sovjetika u permezz tal-kollaborazzjoni ta’ partiti Komunisti,

D.  filwaqt li jfakkar il-kuraġġ u d-determinazzjoni ta’ l-Ungeriżi li niżlu fit-toroq biex jipprotestaw kontra l-ħakma dittatorjali tal-Partit Komunista fit-23 ta’ Ottubru 1956,

E.  filwaqt li jesprimi l-istima tiegħu għall-perseveranza ta’ l-Ungeriżi li komplew il-ġlieda tagħhom għall-indipendenza nazzjonali u d-drittijiet ċivili tagħhom minkejja n-nuqqas ta’ għajnuna militari mill-Punent u l-intervent u l-prevalenza militari kbira ta’ l-Unjoni Sovjetika,

F.  filwaqt li jonora l-kuraġġ uman u politiku ta’ Imre Nagy, il-prim ministru komunist-riformat ta’ l-Ungerija, li fehem b’mod ġust l-espressjoni elementari tar-rieda tal-poplu u qabel li jkun il-mexxej politiku tar-rivoluzzjoni popolari għal-libertà u d-demokrazija, li eventwalment issagrifika ħajtu u sar martri għal-libertà billi kien iġġustizzjat fl-1958 minħabba li ma ċediex għal pressjoni li jirrinunzja r-Rivoluzzjoni pubblikament,

G.  filwaqt li jonora l-vittmi tar-Rivoluzzjoni – 2,170 maqtula fil-ġlied – u dawk tar-ritaljazzjoni krudili – 228 iġġustizzjati bejn l-1956 u l-1961, 20,000 meħuda f’kustodja u mibgħuta l-ħabs bejn l-1956-1958, u eluf li saret diskriminazzjoni kontrihom għal għexiren ta’ snin wara r-Rivoluzzjoni bir-ritorn tat-tmexxija Komunista,

H.  filwaqt li jesprimi l-gratitudni tiegħu għas-solidarjetà murija mill-poplu f’ħafna pajjiżi tal-Punent hekk kif laqgħu 194,000 refuġjat Ungeriż fl-1956 u l-1957,

I.  jirrikonoxxi l-valur essenzjali tas-solidarjetà bejn in-nazzjonijiet b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, bejn diversi nazzjonijiet ta’ l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li ġġieldu għal-libertà tagħhom – l-Ungeriżi, iċ-Ċeki, is-Slovakki, il-Pollakki, il-Ġermaniżi, l-Estonjani, il-Latvjani u l-Litwani,

J.  filwaqt li jirrikonoxxi r-rabta storika u politika bejn ir-Rivoluzzjoni Ungeriża f’Ottubru 1956 u diversi forom oħra ta’ reżistenza u movimenti ta’ reżistenza, bħad-dimostrazzjonijiet ta’ Poznan fil-Polonja f’Ġunju 1956, ir-Rebbiegħa ta’ Praga ta’ l-1968, it-twelid tal-Moviment ta’ Solidarjetà fil-Polonja fl-1980 u movimenti ta’ demokrazija fl-ex-Unjoni Sovjetika, partikolarment dawk tal-popli Baltiċi,

K.  filwaqt li jirrikonoxxi li r-Rivoluzzjoni Ungeriża kienet attentat storiku għall-għaqda mill-ġdid ta’ Ewropa diviża, u bħala tali tibqa’ pedament tal-wirt storiku Ewropew komuni tagħna,

L.  filwaqt li jirrikonoxxi kif ir-Rivoluzzjoni Ungeriża kkontribwiet għat-tisħiħ tal-koeżjoni fid-dinja demokratika u għall-ħolqien eventwali tal-Komunitajiet Ewropej fl-1957, u kienet l-anteċedenti għall-bidliet politiċi demokratiċi li seħħew fl-1989-1990 fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, li ppermettiet l-għaqda mill-ġdid paċifika ta’ l-Ewropa permezz tal-proċess ta’ integrazzjoni ta’ l-Ewropa,

1.  Jirrikonoxxi r-Rivoluzzjoni Ungeriża ta’ l-1956 bħala waħda mill-manifestazzjonijiet emblematiċi fis-seklu 20 tat-tfittxija tal-libertà u d-demokrazija li sfidat il-Komuniżmu fil-blokk Sovjetiku;

2.  Isellem lill-irġiel u lin-nisa kuraġġużi ta’ l-Ungerija li, permezz tas-sagrifiċċju tagħhom infushom, taw raġġ ta’ tama lil nazzjonijiet oħra taħt il-qawwa tal-ħakma Komunista;

3.  Jenfasizza li l-komunità demokratika trid twarrab b’mod ċar l-ideoloġija Komunista ripressiva u mhux demokratika u żżomm l-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u tieħu pożizzjoni ċara kull meta huma jiġu miksura;

4.  Jistieden lill-pajjiżi demokratiċi kollha biex jikkundannaw b’mod ċar ir-reati mwettqa mir-reġimi totalitarji kollha;

5.  Jitlob għall-ħolqien ta’ programm Ewropew biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn ċentri ta’ riċerka u ta’ dokumentazzjoni fl-Istati Membri li jkunu qed jeżaminaw ir-reati ta’ reġimi totalitarji;

6.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta’ l-Istati Membri.