MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
24.11.2006
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Jean-Marie Cavada
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
dwar il-progress li nkiseb mill-UE fil-ħolqien ta' spazju ta' liberta, ta' sikurezza u ta' ġustizzja (AFSJ) (Artikoli 2 u 39 tat-Trattat UE)
B6‑0625/2006
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-progress li nkiseb mill-UE fil-ħolqien ta' spazju ta' liberta, ta' sikurezza u ta' ġustizzja (AFSJ) (Artikoli 2 u 39 tat-Trattat UE)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-trattat UE li jistabbilixxi għall-Unjoni l-objettiv li tiżviluppa fi spazju ta' liberta', ta' sikurezza u ta' ġustizzja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 39 ta' l-istess trattat li jipprevedi li l-Parlament Ewropew jagħmel diskussjoni annwali dwar il-progress li nkiseb f'dan is-settur,
– wara li kkunsidra t-tweġibiet mogħtija mill-Kunsill waqt id-diskussjoni tas-27 ta' Settembru 2006 għall-mistoqsija orali (B6-0428/2006), kif ukoll il-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-komunikazzjonijiet tagħha dwar it-twettiq tal-programm ta' The Hague u dwar il-prospetti tiegħu għall-futur,
– wara li kkunsidra d-diskussjonijiet tal-laqgħa parlamentari konġunta organizzata mal-Parlament tal-Finlandja fit-2 u t-3 ta' Ottubru 2006,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi f'dinja li qed issir dejjem aktar globalizzata u suġġetta għal kriżijiet u tensjonijiet persistenti, għal inugwaljanzi ekonomiċi u għal flussi migratorji li dejjem qed jiżdiedu, għal konfrontazzjonijiet ideoloġiċi u kulturali li qed jolqtu lil numru dejjem akbar ta' nies, u għal theddidiet terroristiċi li mhux magħruf safejn jistgħu iwasslu, qatt ma tieqaf tikber it-talba taċ-ċittadini Ewropej biex ikunu jistgħu jgawdu aktar liberta, sikurezza u ġustizzja fi ħdan l-Unjoni Ewropea,
B billi seba' snin wara l-konklużjonijiet ta' Tampere, l-Unjoni Ewropea għad m'għandhiex politika koerenti dwar l-immigrazzjoni u, b'mod aktar partikulari, m'għandhiex politika għall-immigrazzjoni legali,
C. waqt li jinnota li dawn il-fatturi ta' pressjoni esterna
- -ma setgħux jiġu kkunsidrati mill-Kunsill Ewropew fl-1999 meta ġie adottat l-ewwel programm ta' Tampere, u ma ġewx meqjusa sew meta ġie difenit il-programm ta' The Hague f'Novembru 2004,
- -diġa huma inkontrollabbli fil-livell ta' kull Stat Membru u se jkunu diffiċilment kontrollabbli mill-Unjoni nnifisha jekk din mhijiex se tagħti malajr lilha nnfisha l-mezzi biex tilħaq l-għanijiet tagħha, u ma taffermax lilha nnifisha bħala interlokutur kredibbli għall-politiki marbutin ma' l-ispazju ta' liberta, ta' sikurezza u ta' ġustizzja ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bħalma huma n-Nazzjonijiet Uniti[1] jew, fil-livell reġjunali, ma' l-Unjoni Afrikana għall-politiki ta' migrazzjoni u ta' żvilupp jew mal-kontinent Ewropew, mingħajr koperazzjoni aktar strutturata mal-Kunsill ta' l-Ewropa u l-korpi tiegħu responsabbli għall-promozzjoni ta' l-Istat tad-Dritt u tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali[2],
D. billi fin-nuqqas ta' acquis koerenti u ta' pożizzjonijiet komuni fost l-Istati Membri, fis-settur ta' l-ispazju ta' liberta, ta' sikurezza ta' ġustizzja, l-UE ma tistax tinfluwenza serjament fil-qasam ta' l-AFSJ, inkluża il-pożizzjoni tal-pajjiżi terzi, kif ukoll ma' l-alleati tagħha bħalma huma l-Istati Uniti, u dan jista' jkompli jaffettwa l-kredibilta tagħha tant li jwassal biex iċċedi l-inizjattiva politika u strateġika tagħha lil dawn il-pajjiżi,
E. billi dgħjufija strateġika bħal din fil-livell ta' l-UE tiddependi mhux biss mill-fatt li dawn il-politiki ġew trasferiti fil-livell ta' l-UE riċentament[3], iżda aktar minn hekk, mill-fatt li t-trasferiment seħħ fl-okkażjoni tat-trattati ta' Maastricht u ta' Amsterdam, b'riżervi notevoli min-naħa ta' l-Istati Membri, u minħabba li l-passaġġ għal reġim leġiżlattiv ordinarju, diġa previst fl-1993, seħħ bi progressi limitati fl-1999, fl-2001 u dan l-aħħar fl-2005 bl-attivazzjoni (parzjali), permezz tal-pjan ta' The Hague, tal-"passerella" prevista mill-Artikolu 67 tat-Trattat KE,
F. waqt li jfakkar li anki fil-preżent, it-tkattir tal-bażijiet ġuridiċi għall-istess objettiv politiku, it-tkattitr tal-kunflitti u r-rikorsi ġuriżdizzjonali biex tiġi delimitata l-medda tal-kompetenzi ta' l-istituzzjonijiet, ir-regola ta' l-unanimita u, fuq kollox, in-nuqqas ta' kontroll demokratiku u ġuriżdizzjonali awtentiku jagħmlu fraġli ħafna s-sitwazzjoni attwali tal-politiki tat-tielet pilastru mil-lat tar-rispett ta' l-UE għall-prinċipji li fuqhom tiddikjara li hija bbażata (Artikolu 6, Trattat UE),
G. iwissi kontra r-riskji li jiġu żviluppati 'ilhinn mit-trattati Ewropej suġġetti li diġà kienu l-mira ta' proposti mressqa mill-Unjoni Ewropea; jixtieq li jitnieda dibattitu miftuħ dwar il-koperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u ma' parlamenti nazzjonali dwar l-inkorporazzjoni tat-Trattat ta' Prüm fil-qafas tat-Trattat Komunitarju sabiex il-PE ikun jista' jeżerċita kontroll demokratiku,
H. jagħraf li l-Istati Membri huma l-ewwel li jagħrfu din is-sitwazzjoni ta' defiċit mill-perspettiva demokratika, ġuriżdizzjonali u anki funzjonali, u li meta ffirmaw it-Trattat Kostituzzjonali, huma impenjaw ruħhom li jagħmlu obbligatorju mill-bidu ta' Novembru 2006 dak li fit-Trattat ta' Maastricht ma kienx għajr fakulta li kellu l-Kunsill biss,
I huwa konvint li l-attivazzjoni tal-passerelli previsti fl-Artikoli 67 TKE u 42 TUE, mhijiex konformi biss mas-sitwazzjoni kostituzzjonali attwali, iżda kompatibbli mas-sitwazzjoni kostituzzjonali futura u li, bħala konsegwenza, il-Kunsill għandu jattivahom anki skond it-titolu ta' l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna, li jimpenja lill-firmatarji li jikkoperaw b'mod leali biex joħolqu l-kundizzjonijiet l-aktar favorevoli għar-ratifikazzjoni futura,
J waqt li jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni biex matul l-2007 jiġu attivati l-passerelli previsti fl-Artikolu 67 tat-Trattat KE (li jirrevoka l-limiti għall-ġuriżdizzjoni tal-Qorti rigward oqsma li jaqgħu taħt tat-Titolu IV tat-Trattat KE) u fl-Artikolu 42 tat-Trattat UE, kif diġà rrakkomandat fl-14 ta' Ottubru 2004 mill-Parlament Ewropew lill-Kunsill Ewropew[4],
K waqt li jfakkar li l-attivazzjoni tal-"passarella" tħalli miftuħa l-possibilità għall-Kunsill li jiddeċiedi dwar ir-regoli ta’ votazzjoni tiegħu u li, f'dan il-kuntest, jistgħu jinstabu diversi soluzzjonijiet biex titħares l-unanimità f'ċerti każi u/jew għal perjodi speċifiċi, sakemm f’kull qasam li jolqot id-drittijiet taċ-ċittadin Ewropew, ikun hemm f’kull każ il-kodeċiżjoni tal-PE, li ma jistax jidher li dan qed jitqies bħala inqas determinanti minn l-iżgħar fost l-Istati Membri,
L billi l-passarelli attivati fuq il-bażi tat-Trattati eżistenti diġà huma konsistenti mal-qafas stipulat fit-Trattat Kostituzzjonali u ma imorrux ilhinn minn dak li jipprevedi l-istess Trattat Kostituzzjonali (pereżempju, fi kwistjonijiet ta’ kwota fil-politika għall-emigrazzjoni),
M billi huwa wkoll essenzjali li wieħed jagħti definizzjoni ta’ dak li għalih trid iwassal il-"passarella" u li, jekk ma jistgħux jiżdiedu objettivi ġodda mat-Trattati eżistenti, ikun aktar milli opportun li fis-sentejn li ġejjin tiġi prevista konsolidazzjoni/simplifikazzjoni ta' l-acquis ta’ l-Unjoni fil-qasam ta’ l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja (AFSJ), skond il-progress u l-koperazzjoni li sar sa issa bejn l-Istati Membri, b’mod partikulari mit-Trattat ta’ Maastricht ‘l hawn. Konsolidazzjoni u simplifikazzjoni bħal din għandha timmira lejn it-tneħħija ta’ għadd ta' inkonsistenzi, u safejn huwa possibbli, l-acquis tal-koperazzjonijiet imsaħħa (ara Schengen) għandu jinfirex kemm jista' jkun,
N. billi hemm talba kbira għal titjib ta' koperazzjoni prattika fit-trattati attwali min-naħa taċ-ċittadini u ta' prattikanti, kif ukoll mill-Kunsill li fi ħdanu llum m'hemmx ftehim li jippermetti li jkun hemm progress veru f'din il-koperazzjoni,
O. billi l-Istati Membri ġodda li jissodisfaw il-kriterji ta' Schengen u li huma f'qagħda li jaderixxu mas-sistema m'għandhomx jiġu kkastigati inġustament b'dewmien twil biex jimplimentaw is-SIS II (Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen - it-Tieni Ġenerazzjoni),
P. billi l-Parlament Ewropew ta prova ta' ħeffa notevoli u ta' spirtu ta' kompromess meta kiseb qbil fl-ewwel qari fit-tliet testi leġiżlattivi li jikkostitwixxu l-"pakkett" għall-bażi ġuridika ta' l-SIS II,
1. Jitlob lill-Kummissjoni biex fl-2007 tressaq quddiem il-Kunsill l-abbozz ta’ Deċiżjoni li jattiva l-Artikolu 42 tat-Trattat UE u li jittrasferixxi fil-qafas Komunitarju (it-Titolu IV, Trattat KE) id-dispożizzjonijiet għall-koperazzjoni bejn il-puliżija (inkluża l-EUROPOL) u l-koperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali (inkluża l-EUROJUST);
2. Jitlob lill-Kunsill:
- -biex jadotta b'urġenza, kif titlob l-opinjoni tal-Parlament, l-abbozz għal Deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 67 (2) tat-Trattat KE, f'dak li jirrigwarda t-tneħħija tal-limitazzjonijiet għall-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzzja skond it-Titolu IV tat-Trattat KE u biex jagħmel ħiltu kollha biex jiġi mħaffef it-trattament ta' deċiżjonijiet prelimiari fl-oqsma li jirrigwardaw l-spazju ta' liberta, ta' sikurezza u ta' ġustizzja,
- -biex jipprevedi l-estensjoni tal-kodeċiżjoni mal-Parlament u tal-maġġoranza kkwalifikata fil-Kunsill fil-każijiet kollha fejn dan huwa possibbli, b’konformità mat-Trattati fis-seħħ; bħalma huma dawk ta' l-immigrazzjoni legali jew ta' l-integrazzjoni ta' cittadini ta' pajjiżi terzi, kif previst fl-2004 mill-presidenza Olandiża tal-Kunsill;
3. Jitlob lill-Kunsill Ewropew biex jagħti linji gwida lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex:
a) jiffikukaw mill-ġdid il-leġiżlazzjoni Ewropea rigward il-ħtieġa fundamentali li jiġi żgurat f'livell għoli l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni u li, fi kwistjonijiet dwar drittijiet ta’ persuni, wieħed ma jillimitax ruħu biss għall-kwistjonijiet ta' natura transkonfinali. F’dan il-kuntest, il-Parlament Ewropew għandu jkun jista' jibbenefika mill-kompetenzi u l-appoġġ ta’ l-Aġenzija futura għad-drittijiet fundamentali;
b) issaħħu l-prinċipji fundamentali ta’ l-UE (l-Artikolu 6, Trattat UE) kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ twissija u ta’ sanzjonijiet previsti mill-Artikolu 7 tat-Trattat UE. Il-każistika tal-Qrati Ewropej, tal-Qrati Kostituzzjonali u ta' l-inkjesti li jinfetħu, kemm fil-livell tal-Kunsill ta’ l-Ewropa kif ukoll fil-livell tal-Parlament Ewropew, huma biżżejjed biex juru li r-rispett ta' dawn il-prinċipji għandu jkun preokkupazzjoni kostanti ta' l-Istati Membri kif ukoll ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE u li dawn jeħtieġ li jadottaw kriterji ta' riferenza pubbliċi biex tittejjeb il-kwalità tal-koperazzjoni bejn il ġustizzja u l-pulizija. F'dan il-kuntest, l-attivazzjoni tal-proċedura ta' twissija ta' allarm previsti fl-Artikolu 7, paragrafu 1 tat-Trattat UE, għandha tidħol mal-miżuri normali ta’ għajnuna reċiproka meħtieġa biex tiżgura livell għoli ta' ħarsien tal-prinċipji previsti fl-Artikolu 6 tat-Tratttat UE.
c) jingħata wieden għat-talba ta' titjib effettiv tal-koperazzjoni prattika permezz ta' tisħiħ u armonizzazzjoni tas-setgħat li għandha attwalment il-Eurojust u l-membri nazzjonali tagħha, b'mod partikulari permezz ta' l-għoti ta’ setgħa effettiva fil-koordinazzjoni ta' inkjesti u ta' prosekuzzjoni, setgħa biex tagħti bidu għal prosekuzzjonijiet u biex tikkontribwixxi fir-regolazzjoni ta' konflitti dwar kompetenzi, kif ukoll billi tagħti lill-Interpol is-setgħa li torganizza u tikkoordina inkjesti u attività operazzjonali konġunta ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri permezz ta' timijiet investigattivi konġunti; il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew għandhom kull sena jidħlu f'dibattitu dwar il-progress u l-problemi li jkunu nstabu f'din it-tip ta' attività u jivverifkaw jekk dawn l-impenji jkunux meħtieġa fil-livell leġiżlattiv nazzjonali u Ewropew;
d) jiġi żgurat li permezz tal-leġiżlazzjoni Ewropea ma jinħoloqx stat ta' sorveljanza u li l-indħil ta' l-awtorità pubblika fl-eżerċizzju tal-libertà individwali jkun strettament limitat u sottomess għal evalwazzjoni perjodika bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali;
e) jissewwa n-nuqqas attwali fil-livell leġiżlattiv Ewropew rigward it-trattament ta' dejta kunfidenzjali meta din tkun fil-pusses ta' l-istituzzjonijiet Ewropej; li tiġi għalhekk prevista reviżjoni ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament 1049/01 u li tinħoloq fi ħdan il-Parlament Ewropew kummissjoni għall-immoniterjar ta' attivitajiet kunfidenzjali;
f) tiġi mħeġġa permezz ta' l-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, l-implimentazzjoni fl-Istati Membri tal-PE tal-prinċipji/rakkomandazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tas-COE bl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 52 tas-ECDH rigward il-monteraġġ parlamentari tas-servizzi segrieti (b'mod partikulari r-rakkomandazzjonijiet fil-futur tal-kummissjoni parlamentari inkarigata mill-kaz tat-titjiriet tas-CIA).
4. Jitlob lill-Kunsill biex fl-iqsar żmien possibbli jipprezżenta lill-Parlament l-linji gwida li wasal biex isegwi dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' qafas għall-protezzjoni ta' dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-ġudikatura fil-qasam kriminali; iwissi dwar ir-riskju li titneħħa s-sustanza ta' din il-proposta u jfakkar fl-impenji li ħa l-Kunsill li jkun hemm l-involviment politiku tal-PE fl-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni ta' qafas;
5. Jistieden lill-parlamenti nazzjonali biex jivverifikaw fl-iqsar żmien possibbli l-impatt f'livell nazzjonali tad-dispożizzjonijiet ġodda tal-Kunsill rigward il-protezzjoni tad-dejta, u ta' l-applikazzjoni tal-prinċipji li databases ipproċessati għal skopijiet ta' sigurtà jeħtieg li jkunu aċċessibbli u interkonnessi. Jistqarr li hu diġà wasal biex jikkunsidra r-riżultati ta' din l-evalwazzjoni fl-opinjoni li se jippreżenta lill-Kunsill fuq dan is-suġġett;
6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippubblika kull sena rapport fuq l-attivitajiet tal-grupp ta' Kummissarji inkarigati mid-drittijiet fundamentali; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tipprovdi malli jkun possibbli sommarju ta' l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet ta' dan il-grupp ta' dawn l-aħħar sentejn u nofs;
7. Huwa tal-fehma li hu essenzjali li f'politiki tant sensittivi bħalma huma dawk marbuta mad-drittijiet fundamentali, ma' l-immigrazzjoni u mat-tisħiħ tas-sigurtà, l-Istituzzjonijiet ta' l-UE m'għandux ikollhom il-għan li jieħdu post l-Istati Membri, iżda li jintervjenu b'mod kumplementari. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-komunitarizzazzjoni tal-koperazzjoni tal-pulizija u tal-ġudikatura fil-qasam kriminali tiġi akkumpanjata minn ċertu dritt ta’ moniteraġġ:
a) kemm rigward id-dritt preżenti ta’ inizjattiva leġiżlattva ta’ l-Istati Membri (il-Kunsill jista’ jimpenja ruħu li jitlob lill-Kummissjoni tressaq skond l-Artikolu 208 tat-Trattat KE proposti leġiżlattivi fl-oqsma indikati minn kwart mill-Istati Membri),
b) kif ukoll biex il-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jieħdu pożizzjoni dwar il-proposti pendenti fil-qasam ta’ l-ispazju ta’ liberta’, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja. Fil-preżent dawn għandhom skadenza ta' sitt ġimgħat qabel ma l-Kunsill jiddeċiedi dwar proposta mogħtija. Il-Parlament Ewropew jista’ jimpenja ruħu li ma jasalx għal ftehima fl-ewwel qari mal-Kunsill, għal dan l-istess tul ta' żmien;
8. Ifakkar fil-ħtieġa li tinżamm ċerta koerenza bejn il-kompetenzi leġiżlattivi fil-livell tal-UE billi jiġi previst pereżempju, li l-leġiżlazzjoni rigward l-immigrazzjoni ma tkunx limitata biss għall-immigrazzjoni illegali imma li tkopri wkoll l-immigrazzjoni legali;
9. Rigward il-fethima proviżorja PNR milħuqa ma' l-Istati Uniti, jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-ittra ta' l-Istati Uniti rigward l-interpratazzjoni ta' din il-ftehima li turi l-interpretazzjoni li l-awtoritajiet Amerikani qed jagħtu tmur ilhinn mill-kontenut tal-ftehima b'mod partikulari f'dak li jirrigwarda l-iskop tal-ftehima, l-aċċess ta' korpi u organi Amerikani għad-dejta tal-PNR u n-numru ta' partijiet tad-dejta (data fields) li jkunu jistgħu jiġu kkonsultati;
10. Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jadotta mingħajr dewmien l-abbozz ta' deċiżjoni ta' qafas dwar ċerti drittijiet proċedurali rigward proċeduri kriminali fl-Unjoni Ewropea (COM(2004)(0328), filwaqt li jikkunsidra l-pożizzjoni adottata mill-Parlament Ewropew fit-12 ta' April 2005 (T6-0091/2005);
11. Jisħaq fuq il-ħtieġa, kif previst f'Tampere fl-1999:
- -li jiġi applikat b'mod ġenerali l-prinċipju ta' għarfien reċiproku sabiex dan issir il-pern tal-leġiżlazzjoni fl-UE;
- -li jissaħħaħ aktar l-aċċess għall-ġustizzja kif inhu previst fil-proposti dwar medjazzjoni ċivili,"small claims" u taħrikiet għall-ħlas;
- -li l-previzzjoni ta’ miżuri għall-armonizzazzjoni leġliżlattiva isir biss wara li tkun saret evalwazzjoni ta' l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali u bl-involviment fiha tal-parlamenti nazzjonali;
12. Jafferma l-ħtieġa li jiġi mħares, anke fil-każ tal-komunitarizzazzjoni tat-tielet pilastru, u mingħajr ħsara għall-prerogattivi tal-Kummissjoni, id-dritt ta’ l-Istati Membri li jgħinu lil xulxin f'monireraġġ reċiproku, kif diġà hu l-każ fil-koperazzjoni ta’ Schengen u fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;
13. Jappoġġja l-komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni biex tiġi stabbilita sistema ta’ evalwazzjoni tal-politiki ta’ l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja (AFSJ) u jfakkar li l-evalwazzjoni għandha:
a) tkun l-oġġett ta’ komunikazzjoni annwali lill-Parlament Ewropew sabiex ikun jista’ jiddiskutiha, kif jitolbu t-Trattati, bl-involviment tal-parlamenti nazzjonali,
b) tinvolvi aktar ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tad-dinja akkademika fl-evalwazzjoni ta’ l-impatt tal-politiki u tal-miżuri marbutin ma’ l-AFSJ;
14. Fl-aħħarnett, hu tal-fehma li l-isbaħ objettivi jibqgħu biss fil-livell ta' l-intenzjoni jekk ma jiġux appoġġjati minn riżorsi umani u finanzjarji adegwati;
a) li fil-livell ta’ l-UE jħaddmu l-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ koperazzjoni leali, inkluża dik finanzjarja, bejn l-Istati Membri,
b) li jadattaw il-kompetenzi ta’ l-aġenziji Ewropej (Europol, Eurojust, Frontex, Olaf, CEPOL, ....) sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu l-prijoritajiet strateġiċi definiti mill-Istati Membri fil-livell ta’ l-UE,
c) li jkunu kapaċi jagħtu twissijiet u jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ kriżijiet ċivili b'konsegwenzi internazzjonali. Hawnhekk fil-livell tal-Kummissjoni u tas-Segretarjat tal-Kunsill diġà teżisti ċerta kompetenza għall-“pooling” ta' malajr ta’ riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji,
15. Jitlob lill-Kummissjoni biex timpenja ruħha biex tħaffef l-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen - it-Tieni Ġenerazzjoni u biex taġġorna lill-Parlament Ewropew dwar il-progress tax-xogħolijiet, kif ukoll li tispjega r-raġuni tad-dewmien li kien hemm sa issa, jew li jista' jkun hemm fil-futur;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta’ l-Istati Membri.
- [1] B'mod partikulari, il-Kunsill tas-Sikurezza u l-kumitati tiegħu responsabbli għal ġlieda kontra t-terroriżmu, il-Kunsill għad-Drittijiet Fundamentali u l-aġenziji speċjalizzati tieġħu li f'diversi rwoli jistgħu jinfluwenzaw il-miżuri ta' l-UE fil-qasam ta' l-ispazju ta' liberta', ta' sikurezza u ta' ġustizzja.
- [2] Il-Qorti Ewropea għad-drittijiet tal-bniedem, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Ewropa għad-drittijiet tal-bniedem.
- [3] Anki jekk l-ewwel tentattivi biex jinħoloq spazju ġudizzjarju Ewropew imorru lura għall-1975, fl-okkażjoni ta' l-ewwel mewġa ta' attentati terroristiċi fil-kontinent.
- [4] Jirrakkomanda lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill li fid-definizzjoni ta' l-ispazju ta' liberta, ta' sikurezza u ta' ġustizzja (AFSJ) jiġu ispirati minn 3 eżiġenzi ta' firxa ġenerali: a) tiġi rinfurzata l-leġittimita ta' l-AFSJ - li jiddeciedu, konformi ma' l-ispirtu tal-Kostituzzjoni u tal-ftehimiet li diġa intervenew, għall-attwazzjoni tat-Trattat ta' Nizza, jgħaddu għall-proċedura ta' kodeċiżjoni mal-Parlament, għar-rikors għall-maġġoranza kwalifikata fi ħdan il-Kunsill u għall-estensjoni tal-kontroll tal-Qorti fis-setturi ta' l-AFSJ, l-ewwelnett għall-miżuri fil-qasam ta' l-immigrazzjoni - (Artikolu 67 TKE) - u t-tieninett, għall-miżuri marbutin mal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalita internazzjonali - (Artikolu 42 TUE).