MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
20.12.2006
mill-Kumitat għall-Iżvilupp
dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni Dalit fl-Indja
B6‑0021/07
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni Dalit fl-Indja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra s-seduta li saret mill-Kumitat tiegħu għall-Iżvilupp fit-18 ta' Diċembru 2006,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat tiegħu għall-Kummerċ Internazzjonali dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali ta' l-UE ma' l-Indja (A6-0256/2006), l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp dwar dan ir-rapport (2006/2034(INI)) u r-Rapporti tal-Parlament dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-2000, l-2002, l-2003 u l-2005,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Ġenerali XXIX (diskriminazzjoni bbażata fuq id-dixxendenza) adottata mill-Kumitat tan-NU għall-Qirda tad-Diskriminazzjoni Razzjali fit-22 ta' Awissu 2002 u t-48 miżura li għandhom jittieħdu mill-Istati Kontraenti,
– wara li kkunsidra l-istudju li qed isir mis-Sotto-Kummissjoni tan-NU dwar il-Promozzjoni u l-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem, li fih qed jiġu żviluppati abbozzi ta' Prinċipji u Linji Gwida għall-qirda tad-'diskriminazzjoni bbażata fuq ix-xogħol u fuq id-dixxendenza', u wara li jqis ir-rapport preliminari maħruġ mir-Rapporteurs Speċjali dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq ix-xogħol u fuq id-dixxendenza,
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet varji fil-Kostituzzjoni ta' l-Indja għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni Dalit, li jaffettwaw mill-inqas 167 miljun persuna, inklużi dawk dwar it-tneħħija tal-prattika li ċertu persuni ma jistgħux jintmessu (untouchability), il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-kasta, l-ugwaljanza ta' l-opportunitajiet fi kwistjonijiet ta' impjieg pubbliku u azzjoni affermattiva fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, tal-politika u ta' l-impjieg permezz ta' kwoti f'istituzzjonijiet immexxija mill-Istat u korpi politiċi rappreżentattivi; wara li kkunsidra wkoll il-bosta miżuri leġiżlattivi li jordnaw it-tneħħija ta' wħud mill-agħar prattiki marbuta ma' l-idea li ċertu persuni ma jistgħux jintmessu u mad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta, fosthom ix-xogħol sfurzat biex jitħallas id-dejn, it-tindif tal-latrini bl-idejn u l-atroċitajiet kontra l-persuni Dalit,
– wara li kkunsidra l-Kummissjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissjonijiet Nazzjonali u Statali għall-Kasti Skedati u l-Kummissjoni Nazzjonali Safai Karamchari (li tittratta l-problema tat-tindif tal-latrini bl-idejn),
– billi l-Indja hija l-akbar demokrazija li tiffunzjona fid-dinja, fejn kull ċittadin huwa ndaqs quddiem il-kaxxa tal-vot, l-aħħar President u Kap ta' l-Istat ta' l-Indja kien Dalit, u persuni Dalit servew bħala ministri; billi jeżistu ideoloġiji Indù li jirrifjutaw id-diskriminazzjoni skond il-kasta u jqisu l-esklużjoni bħala aberrazzjoni tal-fidi tagħhom,
– billi l-persuni Dalit u gruppi simili jinsabu wkoll fin-Nepal, fil-Pakistan u fil-Bangladesh,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 91 u 90(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kummissjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-Indja rrappurtat li l-implimentazzjoni ta' l-Att dwar il-Kasti Skedati u t-Tribujiet Skedati (Prevenzjoni ta' l-Atroċitajiet) għadha mhix sodisfaċenti, u billi hija ppubblikat għadd ta' rakkomandazzjonijiet biex tindirizza din il-problema,
B. billi, minkejja 27 atroċità reġistrata offiċjalment kontra l-persuni Dalit kuljum, il-pulizija spiss ma jħallux lill-persuni Dalit jidħlu fl-għases tal-pulizija, jirrifjutaw li jirreġistraw każijiet min-naħa tad-Dalit u spiss jirrikorru għall-prattika tat-tortura bl-impunità kontra d-Dalit,
C. billi, minkejja l-fatt li ħafna persuni Dalit ma jirrappurtawx ir-reati minħabba li jibżgħu mit-tpattija min-naħa tal-kasti dominanti, l-istatistika uffiċjali tal-pulizija fuq l-aħħar 5 snin turi medja ta' 13-il persuna Dalit maqtula kull ġimgħa, 5 djar jew possessjonijiet tad-Dalit maħruqa kull ġimgħa, 6 persuni Dalit maħtufa kull ġimgħa, 3 nisa Dalit stuprati kuljum, 11-il persuna Dalit imsawta kuljum u delitt kontra d-Dalit kull 18-il minuta[1],
D. billi studju riċenti li sar fiz-zoni rurali ta' l-Indja dwar l-idea li ċertu persuni ma jistgħux jintmessu[2], u li kien ikopri 565 raħal fi 11-il Stat, sab li ħaddiema fil-qasam tas-saħħa pubblika rrifjutaw li jżuru d-djar tal-persuni Dalit fi 33% ta' l-irħula, li d-Dalit ma tħallewx jidħlu fl-għases tal-pulizija f'27.6% ta' l-irħula, li t-tfal Dalit kellhom ipoġġu bilqiegħda f'post separat waqt l-ikel f'37.8% ta' l-iskejjel tal-gvern, li l-persuni Dalit ma tqassmitilhomx il-posta fi djarhom f'23.5% ta' l-irħula, u li d-Dalit ġew miċħuda l-aċċess għas-sorsi ta' l-ilma fi 48.4% ta' l-irħula minħabba s-segregazzjoni u l-prattika li ċertu persuni ma jistgħux jintmessu,
E. billi nofs it-tfal Dalit ta' l-Indja mhumiex mitmugħa biżżejjed, 21% jsofru minn 'nuqqas ta' piż gravi', u 12% jmutu qabel ma jagħlqu ħames snin[3],
F. billi l-idea li ċerti persuni ma jistgħux jintmessu għolliet l-għadd ta' tfal li ma jkomplux l-iskola u l-illitteriżmu fost it-tfal Dalit ħafna aktar mir-rati fost il-popolazzjoni ġenerali, bid-differenza fir-rata tal-litteriżmu bejn id-Dalit u l-persuni mhux Dalit li bilkemm inbidlet mill-indipendenza ta' l-Indja 'l hawn, u bir-rati tal-litteriżmu fost in-nisa Dalit li baqgħu baxxi ferm, sa 37.8% fl-Indja rurali[4],
G. billi n-nisa Dalit, li flimkien man-nisa 'Tribali' huma l-ifqar fost il-fqar fl-Indja, jiffaċċjaw diskriminazzjoni doppja fuq il-bażi tal-kasta u tal-ġeneru fl-oqsma kollha tal-ħajja, huma suġġetti għal ksur gravi ta' l-integrità fiżika tagħhom, fosthom l-abbuż sesswali bl-impunità mill-kasti dominanti u huma esklużi soċjalment u sfruttati ekonomikament,
H. billi l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Kasti Skedati osservat nuqqas sostanzjali ta' allokazzjonijiet u nuqqas ta' nfiq ta' l-allokazzjonijiet għall-benessri u l-iżvilupp tad-Dalit fi ħdan il-Pjan Speċjali tal-gvern għall-Kasti Skedati,
I. billi d-Dalit huma suġġetti għal xogħol sfurzat u xogħol biex jitħallas id-dejn u jsofru diskriminazzjoni f'għadd ta' swieq, fosthom is-swieq tax-xogħol, tad-djar, tal-konsumatur, tal-kapital u tal-kreditu; jitħallsu pagi aktar baxxi u huma suġġetti għal ħinijiet itwal tax-xogħol, pagi li jitħallsu tard u abbuż verbali jew fiżiku,
1. Jilqa' d-dispożizzjonijiet varji fil-Kostituzzjoni ta' l-Indja għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni Dalit; jinnota, madankollu, li minkejja dawn id-dispożizzjonijiet, l-implimentazzjoni tal-liġijiet li jħarsu d-drittijiet tad-Dalit tibqa' ferm inadegwata, u li l-atroċitajiet, l-idea li ċerti persuni ma jistgħux jintmessu, l-illitteriżmu, l-inugwaljanza ta' l-opportunità, it-tindif tal-latrini bl-idejn, ħlas baxx tal-pagi, xogħol sfurzat biex jitħallas id-dejn, xogħol mit-tfal u nuqqas ta' art jibqgħu jippersigwitaw lill-persuni Dalit fl-Indja;
2. Juri t-tħassib tiegħu dwar ir-rata baxxa ta' persuni li jinstabu ħatja ta' reati ta' dan it-tip u jitlob lill-Gvern ta' l-Indja sabiex itejjeb is-sistema tiegħu tal-ġustizzja kriminali biex jiffaċilita li jiġu reġistrati akkużi kontra dawk ħatja ta' reati kontra l-persuni Dalit, biex tiżdied ir-rata ta' dawn l-awturi li jinstabu ħatja, sabiex jitnaqqas b'mod sinifikanti d-dewmien tal-proċeduri tal-Qorti; u biex jieħu miżuri speċjali favur il-ħarsien tan-nisa Dalit;
3. Jilqa' l-projbizzjoni riċenti ta' l-impjieg tat-tfal bħala sefturi domestiċi u ħaddiema f'postijiet ta' l-ikel maġenb it-triq, ristoranti, ħwienet tat-te' eċċ., u jħeġġeġ lill-Gvern Indjan biex jieħu aktar passi favur it-tneħħija totali ta' kull forma ta' xogħol magħmul mit-tfal;
4. Jitlob lill-Gvern ta' l-Indja biex jieħu passi urġenti biex jiggarantixxi aċċess indaqs għall-persuni Dalit għall-għases tal-pulizija u għall-istituzzjonijiet u l-faċilitajiet pubbliċi kollha, inklużi dawk marbuta ma' l-istruttura demokratika tiegħu bħall-bini panchayat u postijiet tal-votazzjoni;
5. Jilqa' bil-ferħ il-politika fiskali segwita mill-Kummissjoni ta' l-Ippjanar ta' l-Indja u mill-Ministeri varji fil-provvista ta' l-allokazzjonijiet baġitarji favur il-benessri u l-iżvilupp tal-persuni Dalit, u jitlob lill-Gvern ta' l-Indja biex jiggarantixxi implimentazzjoni sħiħa u marbuta biż-żmien tal-miżuri politiċi u baġitarji kollha favur il-benessri u l-iżvilupp tal-persuni Dalit, fosthom l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan Speċjali għall-Kasti Skedat;
6. Iħeġġeġ lill-Gvern ta' l-Indja biex ikompli jaħdem mal-korpi rilevanti tan-NU marbuta mad-drittijiet tal-bniedem dwar it-tneħħija effettiva tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta, fosthom il-Kumitat għall-Qirda tad-Diskriminazzjoni Razzjali u r-Rapporteurs Speċjali tan-NU assenjati biex jiżviluppaw Prinċipji u Linji Gwida dwar it-tneħħija tad-diskriminazzjoni bbażata fuq ix-xogħol u fuq id-dixxendenza;
Jitlob lill-Gvern ta' l-Indja biex jirratifika l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u trattamenti jew kastigi oħra kiefra, inumani u degradanti u biex jieħu miżuri preventivi biex inaqqas ir-riskju li persuni Dalit jiffaċċjaw it-tortura, biex jieħu miżuri legali biex jikkriminalizza t-tortura fl-Indja, biex jieħu miżuri li jikkastigaw fil-prosekuzzjoni ta' pulizija li jwettqu t-tortura, biex jipprovdi r-rijabilitazzjoni u l-kumpens, b'mod konsistenti, għall-vittmi tat-tortura u biex iwaqqaf mekkaniżmu indipendenti li jkun aċċessibbli għall-persuni Dalit biex jilqa' l-ilmenti tal-vittmi tat-tortura;
8. Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' impenn sostanzjali ta' l-UE mal-Gvern Indjan, b'mod partikulari fis-Samits UE-Indja, dwar il-problema vasta tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta;
9. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqajmu l-kwistjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta waqt is-Samits UE-Indja u laqgħat oħra bħala parti mid-djalogi kollha politiċi, dwar id-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetà ċivili, l-iżvilupp u l-kummerċ u biex jinfurmaw lill-kumitati konċernati dwar il-progress u r-riżultat ta' djalogi ta' dan it-tip;
10. Iħeġġeġ lill-membri Ewropej tal-Kumitat ta' Azzjoni Konġunta biex jiżviluppaw djalogu dwar il-problema tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta fil-qafas tad-diskussjonijiet tiegħu dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, il-politika soċjali u ta' l-impjieg u l-koperazzjoni għall-iżvilupp;
11. Itenni li jistenna li l-programmi ta' l-UE dwar l-iżvilupp fl-Indja jinkludu miżuri speċifiċi biex jassiguraw li minoritajiet bħad-Dalit u l-Adivasi u komunitajiet, tribujiet u kasti marġinalizzati oħra jkunu jistgħu inaqqsu d-differnza kbira meta mqabbla mal-bqija tal-popolazzjoni biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp;
12. Ifakkar it-talba tiegħu sabiex il-Kusill u l-Kummissjoni jagħtu prijorità lill-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs fl-impjieg f'kumpaniji privati bbażati fl-UE u sabiex jinkoraġġixxu kumpaniji bbażati fl-UE biex jimplimentaw il-'Prinċipji Ambedkar' (l-impjieg u prinċipji addizzjonali dwar l-esklużjoni ekonomika u soċjali fformulati biex jgħnu lill-investituri kollha barranin fl-Asja ta' Isfel biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta);
13. Jilqa' l-impenn ta' l-UE favur l-iżvilupp ta' Prinċipji u Linji Gwida dwar it-tneħħija tad-diskriminazzjoni bbażata fuq ix-xogħol u fuq id-dixxendenza mis-Sotto-Kummissjoni tan-NU għall-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ikomplu jagħtu dan l-appoġġ;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament ta' l-Indja, lis-Segretarju-Ġenerali tan-NU, u lill-kapijiet tas-Sotto-Kummissjoni tan-NU għall-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, lill-ILO, lill-UNICEF, lill-Bank Dinji u lill-IMF.
- [1] Skond figuri pprovduti minn Crime in India 2005, http://ncrb.nic.in/crime2005/home.htmhttp://ncrb.nic.in/crime2005/home.htm u http://ncrb.nic.in/crime2005/cii-2005/CHAP7.pdfhttp://ncrb.nic.in/crime2005/cii-2005/CHAP7.pdf
- [2] Ippubblika bħala Untouchability in Rural India minn Shah, Mander, Thorat, Deshpande u Baviskar, Sage Publications, l-Indja, 2006
- [3] National Family Health Survey, ikkummissjonat mill-Ministeru Indjan tas-Saħħa u tal-Benessri tal-Familja, 1998-99 (l-aħħar stħarriġ disponibbli), p11, http://www.nfhsindia.org/data/india/indch6.pdf
- [4] Miċ-Ċensiment ta' l-Indja ta' l-2001