Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0024/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0024/2007

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

    12.1.2007

    biex jingħalaq id-dibattitu dwar dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
    skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
    minn Vittorio Agnoletto, André Brie u Willy Meyer Pleite
    f'isem il-Grupp GUE/NGL
    dwar il-priġunerija u l-proċess ġuridiku fil-Libja ta' ħames infermiera Bulgari u tabib Palestinjan fuq akkużi relatati mal-każ ta' l-HIV/AIDS fl-isptar tat-tfal f'Bengażi fl-1999

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0024/2007

    Proċedura : 2006/2676(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B6-0024/2007
    Testi mressqa :
    B6-0024/2007
    Dibattiti :
    Testi adottati :

    B6‑0247/2007

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar dwar il-priġunerija u l-proċess ġuridiku fil-Libja ta' ħames infermiera Bulgari u tabib Palestinjan fuq akkużi relatati mal-każ ta' l-HIV/AIDS fl-isptar tat-tfal f'Bengażi fl-1999

    Il-Parlament Ewropew,

    –  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni tal-11 ta' Ottubru 2004 li esprimew tħassib serju dwar il-qagħda mwiegħra ta' l-istaff mediku, kif ukoll dwar id-deċiżjoni tiegħu li jipprovdi għajnuna lis-servizzi tas-saħħa tal-Libja; l-Istqarrija tal-Presidenza ta' l-UE dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali tal-Libja li kkundannat għall-piena tal-mewt hames infermiera Bulgari u tabib Palestinjan, l-istqarrija tal-Kummissarju Ferrero-Waldner dwar il-verdett tal-Qorti Libjana tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-każ ta' Bengażi, u l-istqarrijiet tal-President tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Novembru u ta' l-20 ta' Diċembru 2006,

    –  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.  billi fid-9 ta' Frar 1999 l-awtoritajiet Libjani żammu numru ta' infermiera Bulgari li kienu qed jaħdmu fl-isptar "Al-Fatih" f'Bengażi u billi fis-7 ta' Frar 2000 beda proċess ġuridiku kontra sitt persuni ta' nazzjonalità Bulgara, waħda Palestinjana u disa' Libjani fil-Qorti Popolari Libjana bl-akkuża li kienu infettaw deliberatament 393 tifel u tifla bil-virus ta' l-HIV, bl-akkuża ta' konfoffa aktar tard titwaqqa',

    B.   billi fis-6 ta' Mejju 2004 il-qorti kkundannat għall-piena tal-mewt permezz ta' fuċilazzjoni ħames infermiera Bulgari u tabib Palestinjan; billi fil-25 ta' Diċembru 2005 il-Qorti Suprema Libjana qatgħet id-deċiżjoni tagħha dwar l-appell għall-piena tal-mewt u ordnat ritrattazzjoni; billi saret ritrattazzjoni mill-11 ta' Mejju 2006 li kkonfermat fid-19 ta' Diċembru 2006 s-sentenzi tal-piena tal-mewt,

    C.  billi fl-2003, wara talba mill-awtoritajiet Libjani, esperti ta' l-HIV/AIDS magħrufa fil-kamp internazzjonali ppreżentaw rapport li kkonkluda b'mod kategoriku li t-tixrid tal-virus ta' l-HIV sar minħabba infezzjoni li bdiet ġewwa l-isptar qabel il-wasla ta' l-akkużati fil-Libja; billi pubblikazzjonijiet riċenti jipprovdu evidenza xjentifika qawwija dwar l-oriġini u l-ħin meta deheret l-infezzjoni f'Bengażi; billi ma ġietx ikkunsidrati u mqisa din l-evidenza qawwija li turi li l-akkużati huma innoċenti,

    D.  billi f'Novembru 2004 l-UE nidiet "Pjan ta' Azzjoni għal Bengażi", li jinkludi għajnuna teknika u medika għat-tfal infettati u l-familji milquta, kif ukoll appoġġ lill-awtoritajiet Libjani biex jiġġieldu kontra l-marda ta' l-AIDS; billi ġew provduti 2 miljun Euro mill-baġit tal-Komunità biex ikun iffinanzjat il-pjan; billi l-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni waslet fi stadju avvanzat, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri ta' l-UE; billi ammont kbir tat-tfal infettati ġew trattati fi sptarijiet fl-Istati Membri,

    E.  billi f'Jannar 2006 ġie stabilit il-Fond Internazzjonali ta' Bengażi bħala korp mhux governattiv mingħajr qligħ, maħluq biex jgħin jiżviluppa l-infrastruttura medika lokali f'Bengażi, sabiex jittejjeb it-trattament tal-pazjenti u sabiex tkun provduta għajnuna lill-familji milquta;

    1.  Jikkundanna s-sentenza għall-piena tal-mewt ta' ħames infermiera Bulgari, Kristiana Vulcheva, Nasya Nenova, Valentina Siropulo, Valya Chervenyashka, Snezhana Dimitrova u tabib Palestinjan, Ashraf al-Haiui, li diġà skontaw tmien snin ħabs fil-Libja b'rabta mal-każ ta' l-HIV/AIDS fl-isptar ta' Bengażi fl-1999;

    2.  Jisħaq għal darb'oħra fuq l-oppożizzjoni qawwija u msjesa fuq prinċipju kontra l-piena kapitali madwar id-dinja, u kontra eżekuzzjonijiet; jistiden lill-Kunsill biex jippromwovi t-tneħħija tal-piena tal-mewt madwar id-dinja u moratorju fuq eżekuzzjonijiet;

    3.   Jinnota li l-UE ma tistax taċċetta dan il-verdett u jispera li din il-kwistjoni issa titressaq quddiem awtorità ogħla sabiex tinstab soluzzjoni ġusta u xierqa fi żmien xieraq;

    4.   Itenni t-tħassib serju tiegħu fir-rigward il-bażi fuq liema tħarrku l-persuni akkużati, it-trattament tagħhom waqt f'kustodja u d-dewmien twil fil-proċess;

    5.   Jistieden lill-awtoritajiet Libjani kkonċernati biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jirrevedu u jħassru l-kundanna għall-piena tal-mewt, u jiftħu t-triq għal riżoluzzjoni bikrija tal-każ fuq bażi umanitarja, u b'hekk joħolqu l-prerekwiżiti meħtieġa għat-tkomplija tal-politika komuni ta' impenn mal-Libja;

    6.   Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex ikompli jipprovdu għajnuna għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' l-HIV u biex jappoġġjaw il-Fond Internazzjonali ta' Bengażi, sabiex itaffu mit-tbatija tat-tfal infettati u tal-familji tagħhom u sabiex jgħinu lill-awtoritajiet Libjani biex jevitaw u jiġġieldu t-tixrid ta' l-HIV fil-pajjiż;

    7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tal-Libja, lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa u lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.