Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0025/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0025/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

15.1.2007

biex jingħalaq id-dibattitu fuq dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kommissjoni
skond l-Artikolu 103 (2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Kristian Vigenin, Georgi Bliznashki, Evgeni Kirilov, Marusya Lyubcheva, Mladen Chervenyakov, Atanas Paparizov, Jan Marinus Wiersma, Pasqualina Napoletano, Catherine Guy-Quint, Alexandra Dobolyi, Hannes Swoboda, Elena Valenciano and Pierre Schapira
f'isem il-Grupp PSE
dwar is-sentenza ta' kundanna għall-mewt mogħtija lill-istaff mediku fil-Libja

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0024/2007

Proċedura : 2006/2676(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0025/2007
Testi mressqa :
B6-0025/2007
Dibattiti :
Testi adottati :

B6‑0025/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sentenza ta' kundanna għall-mewt mogħtija lill-istaff mediku fil-Libja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapporti Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari dawk għas-snin 2005 u 2006,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-Adeżjoni tal-Bulgarija fl-UE u b'mod partikulari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-30 ta' Novembru 2006 (paragrafu 25), tal-15 ta' Diċembru 2005 (paragrafu 32) u tat-13 ta' April 2005 (paragrafu 39),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet relevanti tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Presidenza tal-Kunsill ta' l-UE lill-Kunsill Ewropew dwar l-implimentazzjoni tas-sħubijiet strateġiċi ta' l-UE ma' l-Istati Mediterranji ta' Diċembru 2005 u ta' Diċembru 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103 (2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

A.  billi fid-9 ta' Frar 1999 l-awtoritajiet Libjani arrestaw numru ta' infermiera Bulgari li kienu qed jaħdmu għall-isptar "Al-Fatih" f'Bengażi u billi fis-7 ta' Frar 2000 inbeda proċess kriminali kontra sitt cittadini Bulgari, ieħor Palestinjan u disa' Libjani fil-Qorti Popolari Libjana bl-akkuża li kienu infettaw deliberatament 393 tfal bil-virus ta' l-HIV, u bl-akkuża ta' konfoffa li aktar tard tneħħiet,

B  billi fis-6 ta' Mejju 2004 il-Qorti kkundannat ħames infermiera Bulgari u tabib Palestinjan għall-mewt b'fuċilazzjoni; billi fil-25 ta' Diċembru 2005 il-Qorti Suprema tal-Libja tat id-deċiżjoni tagħha dwar l-appell kontra l-piena kapitali u ordnat proċess ġdid; billi proċess ġdid li nbeda fil-11 ta' Mejju 2006 kkonferma l-kundanni għall-mewt fid-19 ta' Diċembru 2006,

C.  billi hemm evidenza soda li turi li fil-ħabs intużat it-tortura kontra l-akkużati biex jiġu akkwistati konfessjonijiet foloz ta' ħtija; billi kien hemm ksur numeruż u flagranti ieħor tad-drittijiet ta' l-akkużati,;

D  billi fl-2003, wara talba mill-awtoritajiet Libjani esperti internazzjonali ta' l-HIV/AIDS pprovdew rapport li kkonkluda kategorikament li t-tixrid tal-virus tal-HIV kien ikkawżat minn infezzjoni fl-isptar li kienet bdiet qabel il-wasla ta' l-akkużati fil-Libja; billi pubblikazzjonijiet reċenti jipprovdu evidenza xjentifika qawwija dwar l-oriġini u ż-żmien meta seħħet l-infezzjoni f'Bengażi; filwaqt li din l-evidenza soda ta' l-innoċenza ta' l-akkużati ġiet injorata u ma ġietx ikkunsidrata,

E  billi f-Novembru 2004 l-UE nidiet "Il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-HIV għall-Bengażi" li jinkludi għajnuna teknika u medika għat-tfal u għall-familji infettati, kif ukoll appoġġ għall-awtoritajiet Libjani fil-ġlieda kontra l-marda ta' l-AIDS; billi żewġ miljuri Euro mill-Baġit tal-Komunità ġew ipprovduti biex jiffinanzjaw il-pjan; billi l-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni diġà tinsab għaddejja tajjeb, bl-għajnuna tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri; billi għadd minn dawn it-tfal infettati ġew ikkurati fl-isptarijiet ta' l-Istati Membri,

F  billi f'Jannar 2006 ġie mwaqqaf Fond Internazzjonali għal Bengażi bħala korp mhux statali u li ma jagħmilx qligħ sabiex jgħin fl-iżvilupp ta' infrastruttura medika f'Bengażi u biex jgħin itejjeb il-kura tal-pazjenti u jagħti għajnuna lill-familji involuti;

1.   Jikkundanna l-verdett tad-19 ta' Diċembru 2006 tal-Qorti Kriminali tal-Libja, li sab ħatja fi proċess ġdid u kkundanna għall-mewt lill-ħames infermiera, Kristiana Vulcheva, Nasya Nenova, Valentina Siropulo, Valya Chervenyashka, Snezhana Dimitrova u lit-tabib Palestinjan, Ashraf al-Haiui, li diġà ilhom tmien snin fil-ħabs b'konnessjoni mal-każ ta' l-HIV/AIDS fl-isptar ta' Bengażi fl-1999;

2.   Jinnota li l-UE ma tistax taċċetta dan il-verdett u jittama li l-kwistjoni issa tiġi riferita lil awtorità ogħla bl-iskop li tinsab soluzzjoni ġusta u imparzjali f'terminu ta' żmien xieraq;

3.   Jerġa' jtenni t-tħassib serju tiegħu dwar il-bażi li fuqhom ġew ipproċessati l-akkużati u kif ġew ittrattati fil-ħabs u dwar it-tul u d-dewmien tal-proċess;

4.  Jenfasizza li mill-bidu ta' l-2007 'il hawn il-proċess ta' Bengażi jikkonċerna direttament ħames ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea;

5.   Jitlob lill-awtoritajiet Libjani konċernati li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirrevedu u jannullaw is-sentenza għall-mewt u li jiftaħ it-triq sabiex tinsab soluzzjoni malajr tal-każ fuq bażi umanitarja u b'hekk jintlaħqu l-prirekwiżiti għat-tkomplija ta' pulitika komuni ta' impenji mal-Libja;

6.   Jenfasizza l-impenn tal-Parlament li jkompli jsegwi mill-qrib il-każ u jenfasizza l-intenzjoni tiegħu li jaħtar rapporteur speċjali għal dan il-għan;

7.   Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex ikomplu jipprovdu għajnuna għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għall-HIV u li jappoġġjaw il-Fond Internazzjonali ta' Bengażi sabiex itaffu t-tbatija tat-tfal infettati u tal-familji tagħhom u sabiex jgħinu lill-awtoritajiet Libjani biex jipprevjenu u jiġġieldu t-tixrid ta' l-infezzjoni ta' l-HIV fil-pajjiż;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsil biex, fil-każ ta' aktar żviluppi negattivi, jikkunsidraw reviżjoni tal-politika komuni ta' l-impenji mal-Libja fl-oqsma kollha relevanti li l-Unjoni tqis xierqa;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Gvern tal-Libja, lill-Assemblea tal-Kunsill ta' l-Ewropa u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.