Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0032/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0032/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

24.1.2007

biex jingħalaq id-dibattitu dwar dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
imressqa minn Francis Wurtz, Vittorio Agnoletto, André Brie, Luisa Morgantini, Willy Meyer Pleite, Miguel Portas u Mary Lou McDonald
f’isem il-Grupp GUE/NGL
dwar moratorju universali dwar il-piena tal-mewt

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0032/2007

Proċedura : 2007/2502(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0032/2007

B6‑0032/2007

riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar moratorju universali dwar il-piena tal-mewt

Il-Parlament Ewropew,

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar moratorju universali dwar il-piena tal-mewt, b'mod partikulari dik tat-23 ta' Ottubru 2003,

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet dwar il-moratorju dwar il-piena kapitali adottata minn korpi varji tan-NU, inkluża l-Kummissjoni tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;

-  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' l-UE li jappoġġjaw moratorju universali dwar il-piena kapitali;

-  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura,

A.  mħasseb ħafna dwar il-fatt li għadhom jeżistu liġijiet nazzjonali f'tużżani ta' pajjiżi madwar id-dinja li jipprovdu l-piena tal-mewt, u għalhekk, il-qtil ta' eluf ta' bnedmin kull sena, ħafna drabi mingħajr proċess ġust u ekwu jew garanziji ġudizzjarji minimi,

B.  billi l-Unjoni Ewropea ddeċidiet, fil-qafas tal-'Linjigwida ta' l-UE dwar il-piena tal-mewt' adottati fil-Lussemburgu fis-6 ta' Ġunju 1998 biex taħdem fi ħdan korpi internazzjonali lejn moratorju universali dwar il-piena tal-mewt u l-eventwali abolizzjoni tagħha,

C.  jenfasizza n-numru partikolarment għoli ta' eżekuzzjonijiet f'pajjiżi bħall-Istati Uniti ta' l-Amerika u ċ-Ċina, li huma membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u li sa issa waqqfu kull inizjattiva tan-Nazzjonijiet Uniti dwar moratorju internazzjonali,

D.  maħsud bil-kbir bl-użu inaċċettabbli fil-politika u fil-midja ta' l-eżekuzzjoni ta' Saddam Hussein mill-Gvernijiet Iraqin u Amerikan li - kif jidher mill-kontenut intollerabbli ta' l-istampi ċirkolati - juri li forma ta' ġustizzja sommarja, inkompatibbli ma' l-istat tad-dritt u suġġetta għall-aġenda politika ta' l-Istati Uniti, qed tiġi prattikata fl-Iraq,

1.  Jerġa' jafferma l-oppożizzjoni totali u bi prinċipju għall-piena tal-mewt madwar id-dinja, mingħajr distinzjoni dwar it-tip ta' reat u/jew il-persuna li hija intenzjonata li tikkastiga; jikkundanna għalhekk l-eżekuzzjonijiet kollha li jsiru kuljum f'ħafna pajjiżi madwar id-dinja;

2.  Huwa konvint li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fiha nnifisha hija avveniment importanti fl-istorja taċ-ċivilizazzjoni għall-pajjiżi li ddeċidew li jabbandunaw il-prattika inaċċettabbli li joqtlu ċittadini sħabhom u/jew persuni oħra;

3.  Jitlob sabiex jiġi stabbilit immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet moratorju internazzjonali dwar l-eżekuzzjonijiet permezz ta' dikjarazzjoni solenni relevanti ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, li l-implimentazzjoni attwali tagħha tkun tista' tiġi immonitorjata mis-Segretarju Ġenerali tan-NU;

4.  Jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva formali reċenti tal-Parlament Taljan, appoġġjata mill-Kunsill ta' l-Ewropa, li titlob lill-UE sabiex fl-Assemblea Ġenerali tan-NU li jmiss tippreżenta mozzjoni għal riżoluzzjoni għal moratorju universali dwar il-piena tal-mewt, bil-ħsieb li l-piena tal-mewt tiġi abolita kompletament madwar id-dinja kollha, mingħajr ma tkun soġġetta għall-approvazzjoni unanima ta' l-Istati Membri kollha ta' l-UE;

5.  Jitlob lill-Presidenza ta' l-UE sabiex tieħu azzjoni xierqa, bħala kwistjoni urġenti, sabiex tassigura li tali riżoluzzjoni li titlob moratorju universali dwar il-piena kapitali tiġi sottomessa immedjatament lill-Assemblea Ġenerali tan-NU; jitlob lill-Presidenza ta' l-UE u lill-Kummissjoni sabiex iżommu l-Parlament Ewropew infurmat dwar ir-riżultati milħuqa fl-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar moratorju universali dwar il-piena tal-mewt;

6.  Jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tuża d-diversi strumenti ta' koperazzjoni ma' pajjiżi differenti biex jipperswaduhom jibdew djalogu politiku li jista' jwassalhom biex jabolixxu definittivament il-piena kapitali;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, liċ-'Chairperson' ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-Istati Membri tan-NU kollha.