MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
7.2.2007
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Bruno Gollnisch, Petre Popeangă u Carl Lang
f'isem il-Grupp ITS
dwar it-tħejjija tal-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007
B6‑0040/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tħejjija tal-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-objettivi definiti fis-Summit ta' Liżbona fl-2000,
– wara li kkunsidra l-objettivi tal-Presidenza Ġermaniża għall-ewwel semestru ta' l-2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi d-dokument imfassal mill-Kunsill ECOFIN jinsisti, b'mod partikulari, fuq il-punti li ġejjin: l-użu tal-perjodi ta' tkabbir biex jiġu implimentati r-riformi strutturali u tiġi insegwita l-konsolidazzjoni baġitarja, il-wasla għal ekwilibriju ġust bejn l-infiq pubbliku u l-fiskalità, l-impenn għal riflessjoni fuq it-tassazzjoni diretta, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq l-intrapriżi, it-twissija għal ċertu Stati Membri kontra n-nuqqas ta' produttività u innovazzjoni,
B. billi t-tnaqqis fil-qgħad fl-Ewropa (7.6% tal-popolazzjoni attiva ta' l-Unjoni Ewropea, imma għad fadal kważi 17-il miljun qiegħed) essenzjalment hu dovut għal fatturi temporanji: it-tkattir tal-kuntratti temporanji, ta' spiss prekarji, b'mod partikulari għaż-żgħażagħ u d-demografija favorevoli: dawk li telqu bil-pensjoni mill-ġenerazzjoni tal-baby boom u dawk li waslu fis-suq tax-xogħol f'inqas kwantità,
C. billi r-rata ta' tkabbir fl-Unjoni Ewropea fl-2006 kienet ta' 2.6% kontra t-3.6% fl-Istati Uniti, iktar minn 10% fiċ-Ċina u 9% fl-Indja u għalhekk hija l-iktar waħda dgħajfa mill-ekonomiji l-kbar kollha fid-dinja,
D. billi għad fadal ħafna biex jintlaħqu l-kriterji ta' Liżbona stabbiliti f'Marzu 2000 mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern għas-sena 2010, b'mod partikulari f'dak li għandu x'jaqsam mar-rata ta' l-impjiegi għall-persuni bejn 15-il sena u 64 (74%), għan-nisa (60%) u għall-ħaddiema anzjani (50%),
E. billi r-riċerka fl-Unjoni Ewropea qegħda wieqfa u r-rata ta' 3% tal-GDP żgur mhux se tintlaħaq fl-2010, minħabba l-patt ta' stabilità baġitarja li jeskludi l-investimenti li jikkontribwixxu għall-modernizzar u għall-kompetittività ta' l-ekonomiji tagħna;
F. waqt li jiddeplora l-fatt li l-euro b'saħħtu jippenalizza lill-intrapriżi li jesportaw barra mill-Unjoni Ewropea bl-istess mod li l-fatt li r-rati ta' interess jiġu stabbiliti mill-BĊE jippenalizza lill-intrapriżi u lill-individwi fl-Ewropa;
1. Iqis li l-objettivi tal-Presidenza Ġermaniża, bl-eċċezzjoni tat-tnaqqis tax-xkiel amministrattiv u burokratiku li hu mixtieq, huma orjentati lejn liberaliżmu ekonomiku u soċjali (liberalizzazzjoni totali tas-servizz postali, politika enerġetika diversifikata, ftuħ għall-kompetizzjoni fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, ...) li m'hux imħaddan mill-Istati Membri kollha;
2. Iqis li l-BĊE, minħabba l-politika tiegħu li hi orjentata biss lejn il-ġlieda kontra l-inflazzjoni, qed irażżan it-tkabbir ekonomiku ta' l-Ewropa u ma jippermettix politika ta' ħidmiet kbar li sserraħ fuq is-self jew id-defiċit baġitarju;
3. Jenfasizza li r-rata ta' 3% għad-defiċit baġitarju stabbilita mit-Trattat ta' Maastricht għall-patt ta' stabilità baġitarja mhux realistika u ma sserraħ fuq l-ebda kriterju makro-ekonomiku koerenti u fuq l-ebda ċiklu ekonomiku;
4. Iqis li l-unika ħaġa li tista' twaqqaf il-mewt ta' l-industriji u l-agrikultura tagħna, u, għada, id-rilokazzjoni ta' l-intrapriżi tagħna li joffru servizzi, hija politika ta' protezzjoniżmu raġonevoli;
5. Jinkwieta dwar il-problema ta' l-iffinanzjar tal-pensjonijiet u tal-ħarsien soċjali li se toħroġ b'mod akut fis-snin li ġejjin minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea;
6. Iqis li l-appell għal popolazzjoni immigrata mhux Ewropea m'hix is-soluzzjoni biex il-popolazzjoni tinżamm attiva fil-livell attwali tagħha, soluzzjoni aħjar tkun pjuttost iż-żieda ta' l-età għall-pensjoni, l-iżvilupp ta' karrieri jew ta' taħriġ għal xogħol bl-idejn, artiġjanali u agro-alimentari li llum ftit li xejn għandhom apprentisti, u ovvjament politika ambizzjuża li tappoġġja l-familja u rata ta' twelid dejjem tikber;
7. Jikkundanna ċ-ċifri fantasjużi u mnażżgħin minn kull bażi, kemm tan-Nazzjonijiet Uniti u kemm tal-Bank Dinji dwar il-kontribut meħtieġ ta' mastranza immigrata fl-Ewropa (79 miljun persuna għall-Bank Dinji minn issa sa l-2050);
8. Jikkundanna l-politiki Malthusjani tal-Kummissjoni Ewropea li jġagħluna niddependu dejjem aktar mill-estern biex niżguraw l-iżvilupp ekonomiku tagħna, is-sigurtà alimentari jew enerġetika tagħna;
9. Jafferma mill-ġdid il-prinċipju ta' preferenza Komunitarja bħala wieħed mill-prinċipju essenzjali tas-solidarjetà Ewropea u l-qawmien ta' kuxjenza meħtieġ mill-Ewropej li huma parti mill-istess unità ġeografika kostitwita minn Nazzjonijiet sovrani;
10. Iqis li s-servizzi pubbliċi huma parti mill-kultura ta' ċertu Stati Membri, u li f'dan ir-rigward, għandhom jiġu difiżi u modernizzati u ma tistax tinfetaħ il-kompetizzjoni f'dan il-qasam mill-Kummissjoni Ewropea, għassiesa ta' l-interess ġenerali;
11. Jikkunsidra li s-sigurtà alimentari u s-sigurtà sanitarja għandhom ikunu ewlenin fost il-prijoritajiet tal-Presidenza Ġermaniża, b'mod partikulari bir-ritorn tal-virus H5N1 ta' l-influenza avjarja;
12. Jistagħġeb li la l-Kummissjoni u lanqas il-Kunsill ma kkundannawx ir-rilokazzjonijiet ta' intrapriżi jew ta' sedi soċjali 'l barra mill-Unjoni Ewropea, li qed jipperikolaw eluf ta' impjegi f'reġjuni diġa milquta mill-qgħad jew jiċħdu lill-Istati minn dħul finanzjarju sostanzjali;
13. Iqis li l-qawmien mill-ġdid tad-WTO u taċ-Ċiklu ta' Doha ma jistax isir bi kwalunkwe kundizzjoni tkun liem tkun u li fl-ebda każ ma jista' l-CAP iservi bħala l-fattur varjabbli ta' aġġustament għal kwalunkwe ftehim ma' l-Istati Uniti u l-pajjiżi emerġenti;
14. Jikkundanna fermament kull tentattiv tal-Kunsill li jattakka l-fiskalità diretta, setgħa sovrana ta' l-Istati, taħt kwalunkwe sura jsiru, inklużi f'dak li għandu x'jaqsam mat-taxxi fuq id-ditti;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi r-riżoluzzjoni preżenti lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri.