Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0076/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0076/2007

PROPOSTA TA' RAKKOMANDAZZJONI LILL-KUNSILL

2.3.2007

imressqa skond l-Artikolu 114, paragrafu 1, tar-Regoli ta' Proċedura
minn Martine Roure
f'isem il-grupp PSE
dwar l-iżvilupp tan-negozjati dwar id-deċiżjoni ta' qafas rigward il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija

B6‑0076/2007

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tan-negozjati dwar id-deċiżjoni ta' qafas rigward il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tiegħu ta' l-4 ta' Lulju 2002[1],

–  wara li kkunsidra l-azzjoni komuni 96/443/JHA relatata mal-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija,

–  wara li kkunsidra l-proposta ta' deċiżjoni ta' qafas tal-Kunsill rigward il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija tal-Kummissjoni COM(2001)664[2],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 114, paragrafu 1, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-rapporti annwali ta' l-EUMC (iċ-Ċentru Ewropew ta' Moniteraġġ dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija), ir-rapporti kumparattivi tiegħu dwar il-krimini fuq bażi ta' razziżmu u ż-żewġ rapporti reċenti dwar l-anti-Semitiżmu u l-Islamofobija wrew li l-krimini fuq bażi ta' razziżmu hija problema persistenti u kostanti fl-Istati Membri kollha u li madwar 9 miljun persuna kienu vittmi ta' krimini fuq bażi ta' razziżmu fl-2004,

B.  billi għalkemm l-Istati Membri kollha għandhom liġijiet sabiex jikkumbattu r-razziżmu u l-ksenofobija, għad hemm diskrepanzi sostanzjali bejniethom; billi dawn id-differenzi jenfasizzaw il-ħtieġa għal armonizzazzjoni Ewropea sabiex tkun żgurata azzjoni effettiva li tikkumbatti razziżmu u ksenofobija bejn il-fruntieri u fl-Ewropa inġenerali;

C.  billi minkejja n-numru ta' snin ta' negozjati fil-Kunsill għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar il-proposta għal deċiżjoni ta' qafas,

D.  billi l-Presidenza Ġermaniża wriet l-intenzjoni tagħha li terġa' tibda negozjati fuq id-deċiżjoni ta' qafas, u billi l-adozzjoni tal-proposta hija waħda mill-prijoritajiet tal-Preseidenza;

E.  billi t-test li attwalment qed jiġi diskuss huwa r-riżultat ta' snin ta' negozjati u għandu jkun il-punt tat-tluq għal-leġiżlazzjoni Ewropea f'dan il-qasam,

F.  billi l-Parlament Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu fl-4 ta' Lulju 2002, iżda din kienet ibbażata fuq il-proposta inizzjali ta' l-2001 tal-Kummissjoni, u għalhekk il-Parlament għandu jerġa' jiġi kkonsultat dwar il-bażi tat-test attwali li qed jiġi diskuss fil-Kunsill,

G.  ifakkar li l-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni ta' qafas se twassal għall-annullament ta' l-Azzjoni Konġunta 96/443/JHA u għalhekk ma tistax tkun anqas stretta minnha,

1.  Jindirizza lill-Kunsill dawn ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

  • a)li jintbagħat messaġġ politiku qawwi favur Ewropa taċ-ċittadini u li tkun żgurata protezzjoni aktar qawwija għad-drittijiet fundamentali permezz ta' din id-deċiżjoni ta' qafas,
  • b)li jkun żgurat li din id-deċiżjoni ta' qafas tikkostitwixxi valur miżjud għall-Ewropa meta kkumparata ma' l-Azzjoni Konġunta ta' l-1996,
  • c)li jiġu kjarifikati aħjar id-derogi u l-possibiltajiet li jiġu esklużi ċerti tipi ta' komportament ta' l-awtorita penali,
  • d)li tinżamm il-possibilta ta' deroga mill-prinċipju ta' inkriminazzjoni doppja sabiex tkun faċilitata assistenza ġudizzjarja reċiproka bejn l-Istati Membri fil-prosekuzzjoni ta' komportament razzist u ksenofobiku,
  • e)li tiġi inkorporata klawżola ta' non-rigressjoni sabiex ikun żgurat li l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta' qafas ma twassalx għad-dgħajfien tal-forom ta' protezzjoni eżistenti,
  • f)li jitwaqqaf qafas legali komplet li jippromwovi l-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, li jippermetti l-adozzjoni rapida ta' direttiva orizzontali dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet skond l-Artikolu 13 tat-TKE u l-ħsieb ta' sanzjonijiet penali effettivi li huma proporzjonati u dissważivi;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, u biex ikunu infurmati, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.